7.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 199/106


L-Erbgħa 9 ta’ Marzu 2011
Il-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea tal-Montenegro

P7_TA(2011)0091

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar il-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea tal-Montenegro

2012/C 199 E/14

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew, tas-17 ta’ Diċembru 2010, biex il-Montenegro jingħata l-istatus ta’ pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Montenegro biex jissieħeb fl-Unjoni Ewropea (COM(2010)0670),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Istrateġija ta’ Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2010-2011 (COM(2010)0660),

wara li kkunsidra l-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, min-naħa l-oħra, tad-29 ta’ Marzu 2010 (1),

wara li kkunsidra l-ftehim ta’ riammissjoni KE-Montenegro tat-8 ta’ Novembru 2007 (2) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1244/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009, adottat fl-1 ta’ Diċembru 2009, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (3),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Parlamentari ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Montenegro tas-27-28 ta’ Settembru 2010,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Kunsill Ewropew ta’ Salonka tad-19-20 ta’ Ġunju 2003 reġa' afferma li l-futur tal-Balkani tal-Punent jinsab fl-Unjoni Ewropea; billi t-tali dikjarazzjoni ġiet imtennija mill-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tal-15-16 ta’ Ġunju 2006 u waqt is-samits sussegwenti,

1.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-kunsens ġenerali u l-prijorità għolja mogħtija lill-integrazzjoni Ewropea mill-partiti fil-gvern u tal-oppożizzjoni fil-Montenegro, li rriżulta fi progress tajjeb fil-proċess ta’ riforma minn mindu l-pajjiż kiseb l-indipendenza; jagħti merħba lit-tmexxija politika l-ġdida ta’ Podgorica u jħeġġeġ lill-gvern il-ġdid ikompli l-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea tal-Montenegro u jaċċelera r-riformi li jwasslu fis-sodisfazzjon tal-kriterji tal-Kopenħagen;

2.

Jilqa' favorevolment id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2010 biex il-Montenegro jingħata l-istatus ta’ pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea; jiddispjaċih, iżda, bil-fatt li l-istatus ta’ kandidat inħall mid-dritt għall-bidu tan-negozjati u jenfasizza li d-deċiżjoni biex dawn jinbdew ma għandhiex tkun posposta bla bżonn jew bla raġuni; jistenna li n-negozjati jibdew tal-anqas wara l-pubblikazzjoni tar-Rapport ta’ Progress tal-2011 imħejji mill-Kummissjoni, kemm-il darba l-Montenegro jagħmel progress fir-rispett tal-parametri ta’ riferiment stabbiliti mill-Kummissjoni;

3.

Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill li jikkonċedi liċ-ċittadini Montenegrini l-possibilità li jivvjaġġaw mingħajr viża (liberalizzazzjoni totali tal-viżi) lejn iż-żona Schengen tal-UE mid-19 ta’ Diċembru 2009; jenfasizza l-importanza ta’ dan il-pass għall-iżvilupp tal-kuntatti interpersonali, partikolarment fil-qasam tal-edukazzjoni, ir-riċerka, it-turiżmu, għall-kuntatti kummerċjali u l-kooperazzjoni tat-trade unions fuq livell internazzjonali; jistieden lill-pajjiżi tal-UE li mhumiex membri ta’ Schengen jikkunsidraw il-possibilità li jadottaw ukoll reġim liberalizzat analogu tal-viżi għaċ-ċittadini Montenegrini b'mod speċjali fid-dawl tal-implimentazzjoni mingħajr xkiel tar-reġim tal-liberalizzazzjoni tal-viża mal-pajjiżi tal-UE membri ta’ Schengen;

4.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-proċess ta’ stabbiliment ta’ qafas ġuridiku u kostituzzjonali tal-pajjiż tlesta kważi għalkollox; jiġbed, madankollu, l-attenzjoni għall-fatt li t-terminu ta’ żmien għall-armonizzazzjoni tal-ordinament ġuridiku attwali mal-kostituzzjoni l-ġdida ġiet prorogata għar-raba' darba u jistieden lill-awtoritajiet jadottaw malajr il-leġiżlazzjoni pendenti, partikolarment l-emendi għall-qafas ġuridiku dwar l-elezzjonijiet; jistieden lill-partiti politiċi kollha jilħqu kunsens dwar l-abbozz ta’ liġi mingħajr dewmien ulterjuri f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE-ODIHR u l-Kummissjoni ta’ Venezja, u għat-titjib tal-mekkaniżmu ta’ verifika tal-ilmenti fil-materja elettorali quddiem il-Kummissjoni Elettorali jew fil-qrati; jistieden lill-Parlament Montenegrin isaħħaħ b'mod urġenti u sinifikanti l-kapaċitajiet tiegħu fir-rigward tal-kompitu li jivvaluta jekk liġijiet proposti mill-gvern humiex konformi mal-acquis u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi f'dan ir-rigward l-assistenza teknika meħtieġa, fil-qafas tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA); iħeġġeġ lill-gvern jagħmel il-proċess ta’ tfassil ta’ liġijiet aktar trasparenti u aktar aċċessibbli għall-pubbliku;

5.

Jinnota b'sodisfazzjon li l-assistenza mill-IPA taħdem tajjeb fil-Montenegro; jinkoraġġixxi kemm lill-Gvern Montenegrin kif ukoll lill-Kummissjoni jissemplifikaw il-proċedura amministrattiva għall-finanzjamenti IPA, bil-għan li din issir aktar aċċessibbli għal organizzazzjonijiet ċivili iżgħar u mhux ċentralizzati, għat-trade unions u għal benefiċjarji oħrajn;

6.

Itenni l-importanza massima tal-istat tad-dritt għall-iżvilupp tal-pajjiż u għall-kredibilità tal-istituzzjonijiet tal-Istat f'għajnejn iċ-ċittadini; jilqa' b'sodisfazzjon, fid-dawl ta’ dan, iż-żieda tal-attività li saret mill-gvern u mill-parlament fit-tħejjija u l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni meħtieġa; jenfasizza madankollu l-importanza ta’ parteċipazzjoni pubblika fl-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni ġdida u tal-implimentazzjoni effikaċi tagħha biex il-progress ikun viżibbli għaċ-ċittadini;

7.

Jilqa' l-inizjattiva tal-Parlament Montenegrin biex ibiddel fi professjoni l-funzjoni tal-President tal-Kummissjoni Elettorali Statali, jitlob madankollu professjonalizzazzjoni tal-bqija tal-membri ta’ dan il-korp u aġġornament tal-kapaċitajiet tiegħu sabiex jiżgura amministrazzjoni trasparenti, demokratika u effikaċi tal-proċessi elettorali;

8.

Josserva r-riżultati tajbin fl-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni importanti fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jilqa' favorevolment l-adozzjoni ta’ strateġija ġdida u ta’ pjan ta’ azzjoni kif ukoll il-ħolqien ta’ Kummissjoni Nazzjonali għall-implimentazzjoni tagħhom; jenfasizza, madankollu, li l-korruzzjoni għadha prevalenti f'bosta setturi, speċjalment fis-settur tal-kostruzzjoni, tal-privatizzazzjonijiet u tal-akkwist pubbliku, u din tikkostitwixxi problema gravi; josserva wkoll li r-riżultati ta’ investigazzjonijiet, azzjonijiet penali u kundanni definittivi fil-każijiet ta’ korruzzjoni għadhom skarsi; jenfasizza l-importanza li jiġi stabbilit qafas komprensiv u definit biċ-ċar għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inkluż titjib fl-implimentazzjoni tal-liġi dwar l-aċċess ħieles għal informazzjoni u fil-koordinament bejn l-aġenziji inkarigati mill-infurzar tal-liġi kif ukoll awtorità unika responsabbli mill-monitoraġġ tal-obbligi u l-ottemperanza magħhom min-naħa tal-entitajiet governattivi u li tieħu ħsieb is-segwitu tal-ilmenti mill-pubbliku (Ombudsman); jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn ta’ implimentazzjoni effikaċi tal-leġiżlazzjoni adottata f'dan il-qasam, biex lill-aġenziji inkarigati mill-infurzar tal-liġi jingħatawlhom strumenti ġodda biex jiġġieldu l-korruzzjoni; iħeġġeġ tibdil fil-qafas leġiżlattiv fir-rigward tal-finanzjament tal-partiti politiċi u tal-kampanji elettorali sabiex jiġu żgurati kontroll indipendenti u trasparenza tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament;

9.

Jappella biex jittieħdu provvedimenti enerġiċi intiżi biex jeliminaw il-każijiet ta’ kunflitt ta’ interessi fl-amministrazzjoni pubblika billi tissaħħaħ il-Kummissjoni għall-Kunflitt ta’ Interessi u tingħata s-setgħa ta’ verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-beni ta’ uffiċjali pubbliċi u biex tissanzjona l-irregolaritajiet; jappella, bl-istess mod, għall-emenda tal-liġi dwar il-prevenzjoni tal-kunflitt ta’ interessi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet pubbliċi, li tippermetti lid-deputati u lil rappreżentanti eletti oħrajn jassumu karigi bħala membri ta’ korpi ta’ tmexxija jew ta’ superviżjoni; iqis li, f'ċerti każijiet, it-trasparenza totali u d-dikjarazzjoni tal-interessi min-naħa tar-rappreżentanti eletti jistgħu jsolvu t-tali kunflitt;

10.

Isemmi li l-liġi dwar il-libertà ta’ informazzjoni qed tiġi implimentata b'diffikultà speċjalment fejn jidħol l-għoti ta’ dokumenti li jistgħu jiżvelaw każijiet ta’ korruzzjoni fil-qasam tal-privatizzazzjonijiet u tal-akkwist pubbliku; iħeġġeġ lill-gvern jaġevola l-aċċess għal data rilevanti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet statali jastjenu milli jeżerċitaw pressjoni fuq dawk l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u dawk mingħajr skop ta’ lukru u, ġeneralment, fuq l-atturi tas-soċjetà ċivili li jinvestigaw każijiet ta’ korruzzjoni u ta’ kriminalità organizzata u jaqdu rwol ta’ sorveljanza;

11.

Josserva l-progress li sar fir-riforma tal-ġudikatura, kif turi l-adozzjoni ta’ emendi importanti tal-proċedimenti penali u ta’ leġiżlazzjoni sostanzjali oħra, li żżid ir-riżorsi umani disponibbli u tnaqqas l-għadd ta’ kawżi pendenti quddiem il-qrati; jisħaq madankollu fuq il-bżonn ta’ garanzija tar-responsabilità u tal-effiċjenza tal-ġudikatura u tal-prosekuturi kif ukoll l-indipendenza tagħhom mill-indħil politiku; jenfasizza l-bżonn li tiġi żgurata implimentazzjoni sħiħa tal-Kodiċi Deontoloġiku; jappella b'urġenza biex isiru bidliet fis-sistema ta’ ħatra tal-imħallfin u tal-prosekuturi, u għat-tmiem tal-prattika ta’ nomina tal-prosekuturi u tal-membri tal-Kunsill Ġudizzjarju u tal-Kunsill tal-Prosekuturi esklussivament mill-parlament permezz ta’ maġġoranza sempliċi u mill-gvern; jesprimi wkoll it-tħassib tiegħu rigward il-potenzjal ta’ akkumulu eċċessiv ta’ poter fil-persuni tal-President tal-Qorti Suprema u tal-Prosekutur Pubbliku Suprem; jappella għall-adozzjoni tal-liġi dwar ir-regolamentazzjoni tal-aċċess għall-assistenza legali bla ħlas; jitlob l-armonizzazzjoni tal-ġurisprudenza, biex tiġi żgurata sistema ġudizzjarja trasparenti u l-fiduċja taċ-ċittadini; jenfasizza l-importanza ta’ titjib tal-kooperazzjoni internazzjonali, b'mod speċjali mal-pajjiżi ġirien;

12.

Jistieden lill-Montenegro jkompli jtejjeb kriterji komuni għal taħriġ ġudizzjarju, li għandhom jiġu applikati miċ-Ċentru għat-Taħriġ Ġudizzjarju, u biex jalloka r-riżorsi finanzjarji meħtieġa għal dan l-objettiv;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi, fir-rapport ta’ progress tagħha li jmiss, valutazzjoni tal-impatt u r-riżultati miksuba permezz tal-allokazzjoni ta’ fondi tal-UE fir-riforma tal-ġudikatura u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

14.

Jenfasizza l-fatt li l-kriminalità organizzata, u fuq kollox il-ħasil ta’ flus u l-kuntrabandu, għadhom problema għad li sar titjib fil-qafas ġuridiku u fl-implimentazzjoni tiegħu; jistieden lill-awtoritajiet jieħdu passi biex jagħtu spinta lill-kapaċitajiet ta’ infurzar tal-liġi, partikolarment il-kapaċitajiet investigattivi proattivi, u jtejbu l-koordinament bejn id-diversi entitajiet u aġenziji, kif ukoll il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet internazzjonali u ġirien rispettivi sabiex jiġu stabbiliti riżultati tajbin fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali u jappella għall-implimentazzjoni rapida u korretta tiegħu;

15.

Jilqa' b'sodisfazzjon it-titjib fl-attivitajiet tal-parlament iżda jirrakkomanda li jsiru aktar sforzi biex tiġi garantita l-kwalità għolja tal-leġiżlazzjoni adottata u l-konformità tagħha mal-acquis; jappella għal allokazzjoni interna ikbar f'termini ta’ riżorsi baġitarji u umani kif ukoll aktar assistenza mill-UE lill-Parlament Montenegrin, bħal ġemellaġġi mal-parlamenti tal-Istati Membri jew mal-Parlament Ewropew, bil-għan li jiżdiedu l-kapaċitajiet tad-deputati u tas-segretarjat parlamentari biex jitħallew is-sorveljanza u l-kontroll fuq il-gvern kif affermat fl-opinjoni tal-Kummissjoni;

16.

Jappella għal riformi ulterjuri tal-amministrazzjoni pubblika, li għad ma għandhiex riżorsi biżżejjed għad-dispożizzjoni tagħha u hija apertament politiċizzata, u partikolarment għal rieżami tal-liġi dwar l-impjegati ċivili u statali bil-għan li tiġi stabbilita sistema ta’ impjegar komprensiva u meritokratika, li tinkludi regoli trasparenti għall-ingaġġ u li tistabbilixxi proċeduri għall-avvanzament fil-karriera; jenfasizza wkoll il-bżonn li jissaħħew ir-riżorsi umani fil-livell lokali tal-amministrazzjoni u li jingħata finanzjament suffiċjenti għat-tħaddim tagħha bil-għan li tiġi garantita l-effiċjenza u t-trasparenza tagħha, partikolarment importanti fid-dawl tal-proċess ta’ deċentrament li għaddej bħalissa; jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jiġu rispettati d-deċiżjonijiet ġuridikament vinkolanti tal-Awtorità ta’ Tmexxija tar-Riżorsi Umani; jissottolinja l-bżonn li jitjieb il-qafas ġuridiku u istituzzjonali, sabiex jissaħħew ir-responsabbiltà tal-Istat tad-dritt u r-rispett lejh fl-amministrazzjoni pubblika, b'mod partikolari f'oqsma bħall-amministrazzjoni fiskali, l-akkwist pubbliku, l-ippjanar urbanistiku u l-ħruġ ta’ liċenzji fl-amministrazzjoni lokali u d-dwana; jilqa' l-ftuħ ta’ Skola Reġjonali ta’ Amministrazzjoni Pubblika (ReSPA) f'Danilovgrad;

17.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-leġiżlazzjoni ordinarja dwar il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fl-impjiegi jew fl-għoti ta’ servizzi pubbliċi, li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq kwalunkwe raġuni barra mill-mertu, bħala pass importanti biex jiġi stabbilit qafas ġuridiku favorevoli għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni; josserva iżda li għad fadal nuqqasijiet possibbli fil-liġi u jappella biex dawn jiġu rranġati; jenfasizza li gruppi vulnerabbli bħar-Rom, l-Ashkali u l-Eġizzjani u l-persuni b'diżabilitajiet għadhom allegatament iġarrbu diskriminazzjoni u li d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru għadha tippersisti ħafna, inkluż min-naħa tal-awtoritajiet tal-istat; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Montenegrini jsaħħu l-mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni għall-prevenzjoni, il-monitoraġġ, is-sanzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ każijiet ta’ diskriminazzjoni; huwa mħasseb li d-drittijiet tax-xogħol ta’ persuni b'diżabbiltà mhumiex jiġu rispettati għalkollox u jilqa' f'dan ir-rigward il-Memorandum li jittratta s-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ persuni b'diżabbiltà ffirmat mill-Konfederazzjoni tat-Trade Unions tal-Montenegro (CTUM) u l-NGOs;

18.

Jinsab imħasseb li n-nisa għadhom mhux rappreżentati biżżejjed fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u f'pożizzjonijiet prinċipali kemm fl-amministazzjoni pubblika, bħall-parlament, ministeri u karigi governattivi għoljin kif ukoll fit-tmexxija ta’ kumpaniji pubbliċi; jappella għal azzjonijiet għall-integrazzjoni rapida tal-politika dwar l-ugwaljanza tal-ġeneru, permezz tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni u għall-introduzzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali;

19.

Jilqa' favorevolment l-adozzjoni tal-liġi dwar il-protezzjoni mill-vjolenza domestika u jistieden lill-gvern jimplimentaha malajr, kif ukoll jagħti sostenn finanzjarju lill-organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi lill-vittmi; jistieden lill-awtoritajiet jippromwovu kampanja ta’ sensibilizzazzjoni biex jinfurmaw lin-nisa bi drittijiethom u b'politika ta’ “tolleranza żero” fir-rigward tal-vjolenza domestika;

20.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Montenegrini jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ġuridiċi rilevanti inkluża l-liġi dwar id-drittijiet u l-libertajiet tal-minoranzi jiġu implimentati b'mod komprensiv; ifakkar li l-minoranzi kollha għandhom jiġu protetti minn implimentazzjoni rigoruża ta’ liġi kontra d-diskriminazzjoni; iħeġġeġ lill-Montenegro jagħmel aktar sforzi ta’ sensibilizzazzjoni fir-rigward ta’ kull tip ta’ diskriminazzjoni; jinkoraġġixxi l-awtoritajiet Montenegrini jkomplu jappoġġaw bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tiegħu għar-riżoluzzjoni tal-istat ta’ persuni spostati;

21.

Jilqa' b'sodisfazzjon ir-relazzjonijiet interetniċi ġeneralment tajbin u l-ħarsien ġenerali tajjeb tad-drittijiet tal-minoranzi preżenti fil-pajjiż, u jtenni li din hija bażi pożittiva li minnha għandu jibda l-proċess ta’ paċi f'reġjun li f'dak iż-żmien kien ikkaratterizzat minn vjolenza interetnika u bi spostament ta’ massa tal-popolazzjoni, iżda jappella għal aktar konsultazzjoni tal-opinjonijiet tal-gruppi minoritarji min-naħa tal-awtoritajiet u fl-istrutturi amministrattivi sabiex tiġi ffaċilitata r-rikonċiljazzjoni fir-reġjun; jiġbed, għal dan il-għan, l-attenzjoni għall-bżonn ta’ kjarifika tad-dispożizzjoni kostituzzjonali dwar ir-rappreżentanza preċiża tal-minoranzi u jilqa' b'sodisfazzjon il-passi meħuda għall-produzzjoni ta’ statistika preċiża f'dan l-ambitu; jappella għall-allinjament tal-leġiżlazzjoni dwar iċ-ċittadinanza u dik dwar il-barranin mal-istandards Ewropej; iħeġġeġ lill-mexxejja kemm politiċi kif ukoll reliġjużi fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera bejn is-Serbja u l-Montenegro jikkontribwixxu għal klima interetniku u interreliġjuż pożittiva billi jsibu soluzzjonijiet ta’ kompromess dwar kwistjonijiet kontroversjali inklużi siti reliġjużi kkontestati;

22.

Josserva li l-komunitajiet Rom, Ashkali u Eġizzjani għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ problemi relatati ma’ diskriminazzjoni frekwenti; jistieden lill-awtoritajiet itejbu l-kundizzjonijiet ta’ ħajja, l-aċċess għas-sigurtà soċjali, is-servizzi tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tal-impjiegi għal dawn il-komunitajiet, kif ukoll jagħtuhom dokumenti ta’ identità li hija prekundizzjoni għall-aċċess għal kwalunkwe servizz pubbliku; jisħaq fuq l-urġenza li jitjiebu l-kundizzjonijiet ta’ ħajja fil-kamp ta’ Konik u l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ strateġija sostenibbli għat-titjib tal-kundizzjonijiet fi ħdan il-kamp u l-għeluq eventwali tiegħu;

23.

Itenni l-importanza ta’ organizzazzjonijiet attivi u indipendenti tas-soċjetà ċivili għad-demokrazija; jilqa' b'sodisfazzjon it-titjib fil-kooperazzjoni bejn il-gvern u l-NGOs, partikolarment fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jappella għal aktar tisħiħ ta’ dawn ir-relazzjonijiet u għal konsultazzjoni usa' mal-NGOs fit-tfassil tal-politiki, inkluża l-formulazzjoni ta’ politiki u liġijiet, kif ukoll fil-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-awtoritajiet; jenfasizza r-rwol kruċjali tal-atturi tas-soċjetà ċivili sabiex jikkontribwixxu għal kooperazzjoni reġjonali mtejba dwar l-aspetti soċjali u politiċi; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tal-Kunsill Nazzjonali għall-Integrazzjoni Ewropea, inklużi s-soċjetà ċivili, il-gvern, il-ġudikatura u l-oppożizzjoni, iżda jappella għat-tisħiħ tar-rwol tiegħu fil-progress ta’ integrazzjoni mal-UE;

24.

Jinkoraġġixxi lill-Gvern Montenegrin jidħol f'kollaborazzjoni mill-qrib u fi djalogu regolari mal-NGOs, it-trade unions u ogranizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili; jilqa' f'dan ir-rigward il-ħatra ta’ Kunsill għal Kooperazzjoni bejn il-Gvern Montenegrin u l-NGOs; jissottolinja l-importanza tat-tisħiħ tal-qafas istituzzjonali għall-kooperazzjoni bejn il-gvern, l-NGOs, it-trade unions u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili;

25.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress fl-implimentazzjoni tal-proċess ta’ riforma ta’ Bolonja u jappella għal aktar sforzi biex titjieb il-kwalità tal-edukazzjoni, kemm ġenerali kif ukoll dik professjonali, biex iż-żgħażagħ jingħataw il-kapaċitajiet meħtieġa ħalli jikkompetu b'suċċess fis-suq tax-xogħol; iħeġġeġ aktar implimentazzjoni effikaċi tal-istrateġija għal edukazzjoni inklużiva, inklużi t-tfal minn gruppi vulnerabbli;

26.

Jirrikonoxxi l-passi li ttieħdu mill-Gvern Montenegrin biex tiġi żgurata l-libertà tal-espressjoni fl-ambitu tal-mezzi tal-informazzjoni permezz tal-adozzjoni tal-liġi dwar il-mezzi tal-komunikazzjoni elettroniċi u l-emendi magħmlua lill-Kodiċi Kriminali, jitlob, iżda, għal aktar miżuri biex jiġu garantiti l-indipendenza u l-professjonalità tal-mezzi ta’ tixrid tal-mezzi tal-informazzjoni, fosthom it-tisħiħ tal-kapaċità u tal-indipendenza tax-xandir pubbliku; jistieden lill-awtoritajiet Montenegrini juru l-impenn tagħhom bil-għan li jiġi żgurat li s-settur tal-mexxi tal-informazzjoni jopera mingħajr indħil politika u li l-indipendenza ta’ korpi ta’ regolamentazzjoni tiġi garantita; jiġbed l-attenzjoni għall-multi sproporzjonati għall-malafama, li għadhom ixekklu l-libertà u l-indipendenza tax-xogħol tal-ġurnalisti, u jappella biex il-leġiżlazzjoni u l-prattika dwar il-malafama jkunu totalment allinjati mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; jisħaq fuq il-fatt li l-każijiet irrapportati ta’ intimidazzjoni u vjolenza fiżika kontra l-ġurnalisti kif ukoll attivisti tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu totalment indagati u pproċessati kif xieraq; jenfasizza l-importanza tal-applikazzjoni, min-naħa tal-ġurnalisti, ta’ standards professjonali għoljin u ta’ kodiċi deontoloġiku;

27.

Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riżultati tajbin tal-pajjiż fl-implimentazzjoni tar-riformi ekonomiċi iżda jenfasizza l-fatt li l-kriżi finanzjarja żvelat dgħufijiet potenzjali fil-mudell ekonomiku tiegħu u jenfasizza l-urġenza ta’ bidliet strutturali ulterjuri; jappella, partikolarment, għal aktar azzjonijiet għat-titjib fil-monitoraġġ u l-infurzar ta’ kuntratti ta’ privatizzazzjoni, li tiġi żgurata trasparenza fl-għoti ta’ għajnuna mill-Istat u li tiġi adottata regolamentazzjoni aħjar u aktar sempliċi tal-kuntest kummerċjali u speċjalment għall-aġevolazzjoni tat-tħaddim tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju;

28.

Josserva t-titjib fil-funzjonament tas-suq tax-xogħol iżda jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-livell konsiderevoli ta’ impjiegi informali; iqis l-ekonomija informali bħala problema b'għeruq fondi, li s-soluzzjoni tagħha titlob strateġiji profondi li għandhom jinkludu l-aspetti kollha tas-soċjetà; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-suq tax-xogħol għadu kkaratterizzat minn qgħad strutturali u fl-istess ħin il-postijiet vakanti għal impjiegi kkwalifikati ħafna għadhom ma mtlewx, u dan juri korrispondenza ħażina bejn il-kapaċitajiet mitluba u fornuti; jilqa' pożittivament l-adozzjoni tal-Qafas ta’ Kwalifiki Nazzjonali li jkopri l-prekundizzjonijiet legali biex tiġi rimedjata din il-korrispondenza ħażina, jinkoraġġixxi lill-Gvern Montenegrin biex jimplimenta dan malajr;

29.

Jenfasizza l-importanza li titjieb l-infrastruttura tat-trasport u li tiġi żgurata l-konnettività tas-sistema ta’ trasport ma’ dawk tal-pajjiżi ġirien, għall-iżvilupp tal-Montenegro; jappella għal aktar żvilupp tas-sistemi ferrovjarji u l-modernizzazzjoni ta’ dawk eżistenti, li jirrappreżentaw alternattiva vijabbli u ekoloġika għat-toroq u jistgħu jieħdu parti sostanzjali tat-trasport ta’ merkanzija u ta’ passiġġieri;

30.

Jissottolinja li l-Montenegro rratifika it-tmien konvenzjonijiet fundamentali dwar id-drittijiet tax-xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-Karta Soċjali Ewropea; jenfasizza li għalkemm id-drittijiet bażiċi tax-xogħol u t-trade unions huma previsti fil-Kodiċi tax-Xogħol, xorta għad hemm xi restrizzjonijiet; iħeġġeġ lill-Montenegro jkompli jsaħħaħ id-drittijiet tax-xogħol u tat-trade unions; josserva r-rwol importanti tad-djalogu soċjali u jinkoraġġixxi lill-Gvern Montenegrin iżid l-ambizzjoni tiegħu biex ikompli jsaħħaħ il-Kunsill Soċjali; jenfasizza l-importanza li jitjiebu t-trasparenza u l-effikaċja tal-Kunsill Soċjali;

31.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kostituzzjoni tiddefinixxi lill-Montenegro bħala stat ekoloġiku; josserva r-rwol sinifikanti li t-turiżmu żvolġa fl-ekonomija u l-potenzjal tiegħu biex jikkontribrixxi għall-iżvilupp tal-pajjiż; josserva, iżda, ir-riskji għall-ambjent li jirriżultaw mit-turiżmu u jistieden lill-gvern jieħu passi ulterjuri biex iħares in-natura, bħall-implimentazzjoni rapida tal-leġiżlazzjoni dwar l-ambjenti u leġiżlazzjoni sussidjarja pendenti u aktar sforzi meħtieġa għall-prevenzjoni mill-qerda possibbli tal-kosta tal-Baħar Adrijatiku; jiġbed attenzjoni partikolari għall-bżonn ta’ ġestjoni effikaċi tal-iskart, partikolarment fuq livell lokali, biex jiġi garantit ir-rimi mingħajr periklu; jilqa' pożittivament il-miżuri għall-iżvilupp ta’ ekonomija b'konsum baxx ta’ karbonju permezz tal-iżvilupp tal-potenzjal idroelettriku enormi u enerġija rinnovabbli oħra, li se jikkontribwixxu biex ikopru l-ħtiġijiet domestiċi u saħansitra jkunu riżorsa għall-esportazzjoni u fattur li se jattira fil-pajjiż valuti barranin; iwissi, madankollu, li digi fuq skala kbira ta’ spiss ikollhom impatti negattivi kbar fuq l-ambjent u jitlob stima ambjentali adatta u trasparenti, inkluż “għażliet aħjar għall-ambjent”, parteċipazzjoni pubblika u involviment tas-soċjetà ċivili, qabel l-approvazzjoni tagħhom, f'konformità mal-acquis tal-UE;

32.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Montenegrini, l-aktar il-Ministeru tal-Ekonomija, jippubblikaw fuq is-sit elettroniku l-annessi u d-dokumenti kollha relatati mal-ftehim reċenti għall-istallazzjoni ta’ kejbil taħt l-baħar għat-trasport tal-enerġija bejn il-Montenegro u l-Italja; jitlob biex il-konsegwenzi kollha tal-ftehim, inkluż l-impatt ambjentali, isiru pubbliċi;

33.

Jinnota b'sodisfazzjon li l-Montenegro huwa impenjat bis-sħiħ favur il-kooperazzjoni reġjonali u huwa sieħeb reġjonali kostruttiv; ifaħħar lill-Montenegro għar-relazzjonijiet tajbin li għandu mal-pajjiżi ġirien u għar-rwol stabbilizzanti globali tiegħu fir-reġjun; josserva li l-pajjiż huwa membru attiv tal-maġġoranza tal-organizzazzjonijiet reġjonali u kkonkluda sensiela ta’ ftehimiet fl-ambitu ġudizzjarju u tal-pulizija mal-pajjiżi ġirien tiegħu; jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehimiet ta’ riammissjoni ratifikati reċentement mal-Kroazja u mas-Serbja kif ukoll il-ftehim dwar l-estradizzjoni konkluż reċentement mas-Serbja u l-Kroazja; jistieden lill-pajjiż isolvi malajr il-kwistjoni dwar il-fruntiera mal-Kroazja permezz tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja;

34.

Jisħaq fuq il-fatt li l-Parlament Montenegrin kien l-ewwel wieħed fir-reġjun li adotta r-riżoluzzjoni dwar il-ġenoċidju ta’ Srebrenica u jilqa' b'sodisfazzjon dan il-pass bħala kontribut importanti għar-rikonċiljazzjoni reġjonali;

35.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tal-Montenegro.


(1)  ĠU L 108, 29.4.2010, p. 1.

(2)  ĠU L 334, 19.12.2007, p. 25.

(3)  ĠU L 336, 18.12.2009, p. 1.