7.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 199/77


It-Tlieta 8 ta’ Marzu 2011
Il-faqar tan-nisa

P7_TA(2011)0086

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Marzu 2011 dwar l-aspett tal-faqar tan-nisa fl-Unjoni Ewropea (2010/2162(INI))

2012/C 199 E/09

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 8, 151, 153 u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsira l-Karta tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħha dwar id-drittijiet soċjali u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1966 dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Pekin u l-Pjattaforma għall-Azzjoni adottati waqt ir-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta’ Settembru 1995,

wara li kkunsidra l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju definiti min-Nazzjonijiet Uniti fl-2000, b’mod partikolari l-Mira 1 (li jinqerdu l-faqar estrem u l-ġuħ) u l-Mira 3 (li tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1558(2007) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-femminizzazzjoni tal-faqar,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (1),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1098/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010) (2),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Marzu 2010 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament Progress għall-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali (3),

wara li kkunsidra l-abbozz ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta’ Ottubru 2007 dwar ir-Reviżjoni tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE tal-Pjattaforma għal Azzjoni ta’ Beijing - Indikaturi fir-rigward tan-Nisa u l-Faqar (13947/07),

wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2008 dwar l-Implimentazzjoni tal-għanijiet ta’ Barċellona rigward il-faċilitajiet ta’ kura għat-tfal f’età ta’ qabel l-iskola (COM(2008)0638),

wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel - 2010 (COM(2009)0694),

wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja r-rapport mill-Kummissjoni dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel - 2010 (SEC(2009)1706),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel - 2010-2015 (COM(2010)0491),

wara li kkunsidra d-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaw il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel - 2010-2015 (SEC(2010)1079) u (SEC(2010)1080),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (COM(2010)2020),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-24 ta’ Marzu 2010“it-Tieni Sondaġġ dwar il-Kwalità tal-Ħajja Ewropea: il-ħajja tal-familja u x-xogħol”,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Ottubru 2005 dwar in-nisa u l-faqar fl-Unjoni Ewropea (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Novembru 2008 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ pagi indaqs għall-irġiel u n-nisa (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Frar 2010 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2009 (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Ġunju 2010 dwar aspetti rigward il-ġeneru fil-kuntest tar-reċessjoni ekonomika u l-kriżi finanzjarja (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Ġunju 2010 dwar l-evalwazzjoni tar-riżultati ta’ pjan ta’ rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010 u rakkomandazzjonijiet għall-ġejjieni (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Settembru 2010 dwar ir-rwol tan-nisa f’soċjetà li qed tixjieħ (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Ottubru 2010 dwar ħaddiema nisa prekarji (11),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0031/2011),

A.

billi, skont d-Deċiżjoni 1098/2008/KE msemmija hawn fuq, l-attivitajiet fil-qafas tas-Sena Ewropea għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali kellhom iqisu r-riskji u d-dimensjonijiet differenti tal-faqar u l-esklużjoni soċjali esperjenzati min-nisa u mill-irġiel; billi 85 miljun Ewropew jgħixu taħt il-linja tal-faqar u 17 % min-nisa kollha fis-27 pajjiż tal-UE huma klassifikati li jgħixu fil-faqar, billi, barra minn hekk, fl-aħħar 10 snin l-ammont ta’ nisa li jgħixu fil-faqar żdied b’mod sproporzjonat meta mqabbel mal-ammont ta’ rġiel, billi l-faqar tal-ġenituri spiss iwassal għall-faqar tat-tfal u lit-tfal jaffettwahom serjament aktar tard fil-ħajja,

B.

billi l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċa kriżi ekonomika, finanzjarja u soċjali maġġuri li partikolarment tpoġġi fi żvantaġġ lin-nisa fis-suq tax-xogħol u fil-ħajja personali tagħhom, peress li għandhom ċans akbar li jkunu f’impjieg inċert, huma aktar esposti għar-riskju ta’ sensja u li anqas għandhom ċans li jkollhom kopertura tas-sigurtà soċjali; billi, barra minn hekk, fi żminijiet ta’ reċessjoni ekonomika, il-persuni li diġà huma fir-riskju li jiftaqru, li l-maġġoranza tagħhom huma nisa, isiru aktar vulnerabbli, speċjalment gruppi li diġà jiffaċċaw żvantaġġi numerużi,

C.

billi l-miżuri ta’ awsterità li qed jiġu implimentati fl-UE kollha se jkollhom impatt partikolarment ta’ ħsara fuq in-nisa, li jiddominaw is-settur pubbliku kemm bħala impjegati u bħala benefiċjarji tas-servizzi,

D.

billi l-ġlieda kontra l-faqar hija waħda mill-ħames miri li jistgħu jitkejlu tal-Kummissjoni proposti għall-UE 2020; billi l-Linja Gwida Integrata 10 tal-Istrateġija Ewropa 2020 (il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar) se tinkoraġġixxi l-adozzjoni ta’ politiki nazzjonali biex jipproteġu n-nisa, b’mod partikolari, mir-riskju tal-faqar, filwaqt li jiżguraw is-sigurtà tad-dħul għall-familji b’ġenitur wieħed jew għan-nisa anzjani,

E.

billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija arma għall-ġlieda kontra l-faqar fost in-nisa, peress li għandha impatt pożittiv fuq il-produttività u t-tkabbir ekonomiku u twassal għal parteċipazzjoni akbar fis-suq tax-xogħol, li min-naħa tiegħu għandu bosta benefiċċji soċjali u ekonomiċi,

F.

billi r-rata tal-impjieg tan-nisa hija f’medja ta’ 59,1 %; billi mill-2000 ’il quddiem, il-qabża medja fil-pagi bejn il-ġeneri baqgħet sinifikanti (18 % fl-UE in ġenerali u sa aktar minn 30 % f’xi Stati Membri fl-2010) u l-prinċipju tal-prinċipju ta’ pagi ugwali għall-irġiel u n-nisa jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji fundamentali stabbiliti fit-trattati Ewropej, billi s-suq tax-xogħol segregat skont il-ġeneru għandu konsegwenzi diretti fuq in-nisa,

G.

billi f’16-il Stat Membru r-riskju ta’ faqar estrem fost in-nisa jaqbeż sew ir-riskju ta’ faqar estrem fost l-irġiel,

H.

billi l-impjieg innifsu ma jikkostitwixxix protezzjoni adegwata kontra l-faqar estrem; billi, prinċipalment bħala konsegwenza tas-segregazzjoni fil-post tax-xogħol, aktar nisa milli rġiel jaħdmu f’impjiegi bi ħlas aktar baxx, filwaqt li spiss jagħti l-każ li l-ħlasijiet tas-sigurtà soċjali waħedhom lanqas ma joffru l-ebda protezzjoni kontra l-faqar estrem,

I.

billi aktar ma jkun twil il-perjodu ta’ ħajja fil-faqar bi dħul partikolarment baxx, aktar ikun kbir ir-riskju li wieħed jaqa’ fi stat ta’ privazzjoni ekonomika u l-esklużjoni soċjali permanenti; billi, għalhekk, il-miżuri biex jikkumbattu l-faqar ma għandhomx jimmiraw sempliċement biex jgħinu lil dawk li diġà jgħixu fi privazzjoni ekonomika estrema, iżda għandhom ukoll jippruvaw jipprevjenu u jindirizzaw fil-pront fatturi li jwasslu liċ-ċittadini u partikolarment lin-nisa għal privazzjoni ekonomika u soċjali estrema,

J.

billi hemm disparitajiet konsiderevoli bejn l-età u l-ġeneru fl-ammont ta’ ħin li wieħed jiddedika għax-xogħol mhux imħallas u għall-involviment kwotidjan fl-attivitajiet ta’ kura; billi n-nisa b’mod partikolari jġorru l-ikbar piż ta’ xogħol mhux imħallas,

K.

billi l-aċċess universali għas-servizzi ta’ appoġġ bi prezzijiet aċċessibbli u ta’ kwalità, bħall-faċilitajiet tal-indukrar tat-tfal u faċilitajiet għall-anzjani u persuni dipendenti oħra, huwa importanti għall-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u tal-irġiel fis-suq tax-xogħol u bħala mezz biex ikun evitat u jitnaqqas il-faqar,

L.

billi l-anzjani jiffaċċaw riskju ogħla ta’ faqar mill-popolazzjoni ġenerali, u jilħqu rata ta’ madwar 19 % tal-persuni ta’ 65 sena u aktar fl-2008 fis-27 Stat tal-UE; billi n-nisa aktar anzjani jinsabu f’pożizzjoni partikolarment prekarja, peress id-dritt tagħhom għal dħul minn pensjoni spiss huwa derivat mill-istat ċivili tagħhom (benefiċċji favur il-konjuġi jew pensjoni ta’ superstitu) u peress li rarament għandhom dritt għal pensjoni adegwata tagħhom stess, minħabba waqfiet fil-karriera, inugwaljanza fil-paga u fatturi oħrajn, u li, b’konsegwenza, in-nisa jinsabu aktar spiss mill-irġiel f’sitwazzjonijiet ta’ faqar estrem u persistenti (22 % tan-nisa ta’ età ta’ 65 sena u aktar huma f’riskju ta’ faqar, meta mqabbel mas-16 % tal-irġiel),

M.

billi n-nisa, b’mod partikolari fiż-żoni rurali, huma aktar spiss parti mill-ekonomija informali mill-irġiel, peress li ma jkunux irreġistrati fis-suq uffiċjali tax-xogħol jew ikollhom kuntratti ta’ xogħol għal żmien qasir, ħaġa li tiġġenera problemi partikolari fir-rigward tad-drittijiet soċjali tan-nisa, inklużi d-drittijiet matul it-tqala, il-lif tal-maternità u għat-treddigħ, il-ksib ta’ drittijiet għall-pensjoni u l-aċċess għas-sigurtà soċjali,

N.

billi l-faqar huwa fattur assoċjat mar-riskju akbar ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, li huwa ostaklu maġġuri għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi, peress li l-vjolenza domestika spiss twassal għat-telf tal-impjiegi, problemi tas-saħħa u telf tad-dar, tista’ wkoll tikkostrinġi lin-nisa f’ċiklu ta’ faqar; billi, barra minn hekk, it-traffikar tal-bnedmin huwa forma moderna ta’ skjavitù li taffettwa lin-nisa u lit-tfajliet fi skala kbira u tikkostitwixxi fattur sinifikanti li huwa kemm konsegwenza tal-faqar u li wkoll jikkontribwixxi għalih,

O.

billi l-vjolenza kontra n-nisa, fil-forom kollha tagħha, hija waħda mill-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem l-aktar mifruxa, li ma tafx limiti ġeografiċi, ekonomiċi jew soċjali; billi hija problema akuta fl-Unjoni, fejn madwar 20-25 % tan-nisa jġarrbu vjolenza fiżika, u iktar minn 10 % vjolenza sesswali matul il-ħajja adulta tagħhom,

P.

billi n-nisa b’diżabilità jsofru diskriminazzjoni fi ħdan l-ambjent familjari u f’dak edukattiv, l-opportunitajiet ta’ impjieg tagħhom huma limitati u l-benefiċċji soċjali li jirċievu fil-maġġoranza tal-każi ma joħorġuhomx mill-faqar billi jeħtieġ li l-Istati Membri għalhekk jipprovdu lin-nisa b’diżabilità l-assistenza speċjalizzata li għandhom bżonn sabiex igawdu drittijiethom u jipproponu miżuri biex jintegraw lil dawn in-nisa permezz ta’ programm addizzjonali ta’ appoġġ;

Q.

billi n-nisa kulma jmur aktar qed jerfgħu l-piż tal-faqar, in-nisa huma aktar esposti għar-riskju ta’ faqar, speċjaliment fil-każ ta’ kategoriji ta’ nisa bi bżonnijiet speċjali, bħan-nisa b’diżabilità, in-nisa anzjani u l-ġenituri li jrabbu wild waħedhom (partikolarment l-ommijiet mingħajr sieħeb u n-nisa romol b’ulied dipendenti) u l-kategoriji l-aktar f’riskju ta’ esklużjoni, bħan-nisa Rom, li skont it-tradizzjonijiet tagħhom ix-xogħol tad-dar u ta’ kura huwa assenjat lilhom b’mod esklużiv u għalhekk jinqatgħu qabel iż-żmien mill-edukazzjoni u mill-impjiegi u n-nisa immigrati; billi hemm il-ħtieġa ta’ kundizzjonijiet xierqa tax-xogħol, inkluż il-ħarsien tad-drittijiet bħalma hi paga deċenti, lif tal-maternità u ambjent tax-xogħol li jkun ħieles mid-diskriminazzjoni, li huma essenzjali għal dawn in-nisa,

R.

billi l-programm Progress huwa maħsub biex jappoġġa l-implimentazzjoni effikaċi tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u biex jippromwovi l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki tal-UE; billi dan il-programm huwa għodda tal-akbar importanza fil-ġlieda kontra l-femminilizzazzjoni tal-faqar,

S.

billi t-tul ta’ ħajja mistenni għan-nisa huwa sitt snin iktar mill-irġiel, skont l-istatistika għall-UE-27 fl-2007 li turi li l-irġiel jgħixu sa 76 sena u n-nisa sa 82; billi dan għandu implikazzjonijiet importanti għall-faqar femminili, partikolarment peress li n-nisa għandhom diffikultà akbar biex ikollhom aċċess għas-sigurtà soċjali u s-sistemi tal-pensjoni,

Femminilizzazzjoni tal-faqar

1.

Iqis li l-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-faqar tan-nisa huma element importanti tal-prinċipju fundamentali tas-solidarjetà soċjali li l-Unjoni Ewropea hija marbuta miegħu, kif dispost mill-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jimplika l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, il-ġustizzja soċjali kif ukoll il-protezzjoni u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni;

2.

Jirrikonoxxi li l-“femminilizzazzjoni tal-faqar” tfisser li n-nisa għandhom inċidenza ogħla ta’ faqar mill-irġiel, li l-faqar tagħhom huwa aktar akut minn dak tal-irġiel u li l-faqar fost in-nisa qiegħed jiżdied;

3.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li skont l-indikatur “riskju ta’ faqar” tal-Eurostat, kważi 85 miljun ruħ fl-Unjoni Ewropea kienu jinsabu fir-riskju tal-faqar fl-2008, u li skont l-indikatur “privazzjoni materjali” huwa stmat li ċ-ċifra titla’ għal 120 miljun; iqis li d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-indikaturi tal-faqar tista’ twassal għal ambigwitajiet rigward il-mira tat-tnaqqis ġenerali li sal-2020 ikunu ħarġu mill-faqar u l-esklużjoni 20 miljun ruħ (tnaqqis ta’ 23,5 % skont l-indikatur “riskju ta’ faqar” tal-Eurostat, imma biss 16,7 % sont l-indikatur “privazzjoni materjali”); Jenfasizza li dawk li jgħixu fil-faqar huma fil-parti l-kbira nisa, sitwazzjoni li ġiet ikkawżata mill-qgħad, ix-xogħol każwali, salarji baxxi, pensjonijiet taħt il-livell minimu ta’ sussistenza, u d-diffikultà mifruxa li jinkiseb aċċess għas-servizzi pubbliċi;

4.

Jenfasizza li l-inugwaljanza bejn il-ġeneri tostakola t-tnaqqis tal-faqar u tipperikola l-prospetti ta’ żvilupp ekonomiku u uman;

5.

Jistieden lill-Istati Membri jintegraw il-kunċett tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki u l-miżuri speċjali kollha li għandhom x’jaqsmu mal-impjiegi ħalli jtejbu l-aċċess għall-impjiegi, jevitaw li jkun hemm rappreżentanza żejda ta’ nisa f’impjiegi prekarji, iżidu l-parteċipazzjoni sostenibbli u jippromwovu l-progress tan-nisa fis-settur tal-impjiegi, kif ukoll ħalli jnaqqsu s-segregazzjoni tas-sessi fis-suq tax-xogħol billi jsibu tarf tal-kawżi diretti u indiretti;

6.

Jindika li l-faqar fost in-nisa mhuwiex biss ir-riżultat tal-kriżi ekonomika li seħħet dan l-aħħar, imma l-konsegwenza ta’ diversi fatturi, inklużi l-istereotipi, l-inugwaljanzi bejn il-pagi għaż-żewġ sessi, l-ostakli li hemm minħabba n-nuqqas ta’ rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tal-familja u dik tax-xogħol, il-medja itwal tat-tul tal-ħajja mistennija tan-nisa u, b’mod ġenerali, id-diversi tipi ta’ diskriminazzjoni sesswali, li tagħha huma vittmi l-aktar lin-nisa;

7.

Ifakkar li l-Kummissjoni għażlet is-sena 2010 bħala s-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, bil-għan li tafferma mill-ġdid u ssaħħaħ l-impenn politiku tal-Unjoni għat-temma ta’ avvanz deċiżiv fil-ġlieda kontra l-faqar u tagħraf id-dritt fundamentali ta’ dawk li qed jgħixu fil-faqar u l-esklużjoni soċjali li jgħixu ħajja deċenti u jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà;

8.

Ifakkar li s-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali 2010 kellha tkun mhux biss kampanja medjatika, iżda inizjattiva li tistimola iktar politiki multidimensjonali kontra l-faqar u indikaturi tal-faqar aktar avvanzati; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tagħti deskrizzjoni ġenerali kritika tal-miżuri l-ġodda li ttieħdu mill-Istati Membri biex jegħlbu l-faqar u l-esklużjoni soċjali f’dan il-kuntest;

9.

Jissuġġerixxi li hu meħtieġ li jiġi sostnut, kemm fil-livell Ewropew u kemm fil-livell nazzjonali, impenn sod li jkompli jsir aktar progress lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi, permezz ta’ strateġiji li jkomplu jmexxu ’l quddiem il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-parità bejn in-nisa u l-irġiel, il-Patt għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi adottat mill-Kunsill tal-Ewropa, u l-qafas ta’ azzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi konkluż mill-imsieħba soċjali Ewropej;

10.

Jenfasizza li l-ugwaljanza bejn is-sessi hija waħda mill-prerekwiżiti għat-tkabbir sostenibbli, l-impjiegi, il-kompetittività u l-koeżjoni soċjali;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iqisu kif dovut it-talbiet tal-Parlament li saru fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2007 dwar inventarju tar-realtà soċjali (12), tad-9 ta’ Ottubru 2008 dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, inkluż il-faqar fost it-tfal, fl-UE (13), tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol u tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar ir-rwol tad-dħul minimu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni ta’ soċjetà inklużiva fl-Ewropa (14) meta jkunu qed jiġu mfassla l-politiki u l-miżuri għall-istadju li jmiss tal-OMC dwar l-Inklużjoni Soċjali u l-Ħarsien Soċjali, l-Istrateġija tal-Inklużjoni Soċjali u l-inizjattiva ewlenija tal-“Ewropa 2020” għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, li tinvolvi lill-partijiet interessati kollha fi proċess parteċipattiv;

12.

Jieħu nota tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jadottaw prospettiva speċifika għall-ġeneru bħala element prinċipali tal-politiki komuni u tal-programmi nazzjonali kollha biex jinqered il-faqar u tiġi miġġielda l-esklużjoni soċjali;

13.

Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummisjoni dwar “Pjattaforma Ewropea Kontra l-Faqar”; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu d-dimensjoni tal-ġeneru f’din il-pjattaforma;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-istrateġija Ewropea dwar l-inklużjoni u l-ħarsien soċjali, skont l-inizjattiva “Pjattaforma Ewropea Kontra l-Faqar” imsemmija hawn fuq, u żżid l-isforzi tagħha b’mod partikolari għat-titjib tas-sitwazzjoni tal-ġenituri waħedhom sabiex ikunu jistgħu jgħixu b’dinjità;

15.

Jirrimarka li, bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika, il-qgħad u t-tbatija soċjali għadhom jiżdiedu f’numru ta’ Stati Membri u jaffettwaw liż-żgħażagħ u lill-anzjani, lill-irġiel u lin-nisa u l-familji tagħhom b’mod differenti, u għalhekk jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jsaħħu l-impenn tagħhom u jieħdu miżuri speċifiċi għall-qerda tal-faqar u biex jikkumbattu l-esklużjoni soċjali, partikolarment il-faqar fost in-nisa u l-impatt dirett tiegħu fuq il-ħajja tal-familja, għaliex il-faqar u l-esklużjoni soċjali jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jaffettwaw mill-inqas wieħed minn kull sitt ċittadini Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu enfasi speċifika fuq l-aktar gruppi vulnerabbli (familji b’ġenitur wieħed, familji bi tlett itfal jew aktar, persuni b’diżabilità, minoranzi etniċi, speċjalment ir-Rom, nies li jgħixu fil-mikroreġjuni l-aktar żvantaġġati, persuni b’kapaċità għax-xogħol imnaqqsa u żgħażagħ mingħajr esperjenza ta’ xogħol); jemmen li l-aċċess għall-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol u l-parteċipazzjoni fis-soċjetà huma meħtieġa għal ħajja deċenti; jistieden lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jiżguraw li jittieħdu miżuri sabiex jinqered il-faqar tat-tfal u li t-tfal kollha jkollhom opportunitajiet indaqs fil-ħajja;

16.

Jinnota li l-integrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol fid-deċennji reċenti tindika mhux biss impatt dirett akbar tar-reċessjoni fuq in-nisa innifishom iżda wkoll fuq in-nuklei familjari, li fihom id-dħul finanzjarju se jkun affettwat b’mod sinifikattiv mit-telf ta’ impjieg tal-mara; jenfasizza li l-qgħad fost in-nisa jista’ jkun mistenni jogħla b’mod sproporzjonat hekk jif jitħabbar tnaqqis fil-baġit tas-settur pubbliku, peress li n-nisa huma impjegati fis-setturi tal-edukazzjoni, is-saħħa u s-servizzi soċjali b’mod sproporzjonat;

17.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw l-indikaturi fir-rigward tan-nisa u l-faqar żviluppati b’rabta mal-Pjattaforma għall-Azzjoni ta’ Pekin bħala għodda għas-sorveljanza tal-impatt ta’ politiki soċjali, ekonomiċi u tal-impjieg usa’ dwar it-tnaqqis tal-faqar; jistieden lill-Istati Membri jidentifikaw mezzi aktar xierqa għall-kejl tal-faqar fost in-nisa;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu data u informazzjoni sistematiċi tal-ġeneri mhux aggregati fit-tfassil ta’ rapporti nazzjonali u fir-Rapport Konġunt annwali dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali;

19.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu indikaturi individwali ġodda fir-rigward tan-nisa u l-faqar bħala għodda biex jiġi sorveljat l-impatt li jkollhom fuq in-nisa u l-faqar politiki usa’ soċjali, ekonomiċi u tal-impjiegi;

20.

Jenfasizza n-neċessità biex jiġi miftiehem segwitu għall-Karta tan-Nisa, b’konsultazzjoni wiesgħa mal-Parlament Ewropew, u b’kunsiderazzjoni tal-fehmiet tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili, biex ikunu promossi mekkaniżmi li jiksbu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-aspetti kollha tal-ħajja soċjali, ekonomika u politika;

21.

Jiġbed attenzjoni partikolari għall-ħtieġa li jitkomplu ulterjorment ir-riċerki u l-analiżijiet rigward il-fenomenu tal-“femminilizzazzjoni tal-faqar”; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Eurofound jikkooperaw mal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u biex jagħtu bidu għal riċerka mmirata sabiex jivvalutaw, fost ħwejjeġ oħra, l-effetti tal-kriżi dinjija fuq in-nisa;

22.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-individwi kollha, speċjalment it-tfal u l-anzjani, jkollhom aċċess għall-kura bażika;

23.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw l-aċċess għall-mediċina preventiva u dijanjostika għal mard tipiku ta’ nisa anzjani bħala strument għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

24.

Jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess għall-kura medika ta’ nisa immigrati minħabba mard kaġun ta’ drawwiet alimentari u prattiċi ritwali; jistieden rispettivament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindikaw politiki tas-saħħa bil-għan li jiġġieldu u jipprevjenu prattiki ta’ periklu għas-saħħa tan-nisa u li huma wkoll kawża ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali;

25.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-politiki tal-ġeneri u l-prinċipji tal-UE jiġu applikati fil-livelli kollha, lokali u nazzjonali;

26.

Ifakkar li l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali għandha ssir kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea u kemm esternament, sabiex isir adempiment tal-impenn tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri li jilħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju tan-NU sal-2015;

Ġlieda kontra l-faqar tan-nisa permezz tal-politiki tal-impjieg u l-protezzjoni soċjali

27.

Jistieden lill-Istati Membri jadottaw programmi speċifiċi li jippromwovu l-inklużjoni attiva jew ir-reintegrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u għal opportunitajiet speċifiċi għat-taħriġ tul il-ħajja bil-għan li jiġu provduti l-ħiliet u l-kwalifiki, bħal l-għoti ta’ setgħa, trawwim ta’ fiducja u tisħiħ tal-kapaċitajiet, neċessarji fid-dawl tal-Istrateġija UE 2020 li tenfasizza l-proġetti u l-programmi dwar trasformazzjoni ekoloġika, jiġifieri, is-settur rinnovabbli, l-impjiegi ħodor b’element xjentifiku u tekonoloġiku qawwi għal ekonomija sostenibbli ġdida; jitlob li, fl-interess li ma jiżdiedx in-nuqqas ta’ sigurtà esperjenzat min-nisa fis-suq tax-xogħol, jitqiesu r-responsabilitajiet tal-familja meta jkunu qed jintgħażlu l-ħaddiema għas-sensja, filwaqt li dak li jkun iżomm quddiem għajnejh li f’ħafna sitwazzjonijiet in-nisa huma inkarigati mit-tfal;

28.

Jiġbed l-attenzjoni għad-differenzi konsiderevoli li hemm bejn in-nisa f’żoni rurali u urbani fir-rigward tal-aċċess għat-taħriġ, l-impjiegi u l-kwalità tax-xogħol; jagħti importanza konsiderevoli lid-dritt li għandhom dawn ir-residenti kollha, partikolarment dawk l-aktar żgħar fl-età u l-aktar vulnerabbli, li jirċievu edukazzjoni kif għandha tkun, bit-taħriġ professjonali u l-istudji universitarji, u għalhekk jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġaw lil dawn il-gruppi permezz ta’ sistema effikaċi ta’ politiki attivi u miżuri ta’ taħriġ xierqa sabiex ikunu jistgħu jadegwaw ruħhom malajr għar-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol;

29.

Jirrimarka li l-protezzjoni soċjali, il-politiki tas-suq u l-politika soċjali jagħtu kontribut importanti għat-tnaqqis tal-intensità u t-tul tar-reċessjoni billi jistabbilizzaw is-swieq tax-xogħol u l-konsum, u li s-sistema tal-protezzjoni soċjali hija stabbilizzant kemm rigward id-dħul u kemm rigward l-infiq;

30.

Iqis lill-politika tal-impjiegi attiva (eżempju t-taħriġ waqt ix-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali) importanti ħafna fil-prevenzjoni tal-faqar u proċess li fih l-imsieħba soċjali jiżvolġu rwol essenzjali; iqis barra minn hekk lil-politika tal-impjiegi proattiva (eżempju l-prattika professjonali għaż-żgħażagħ, workshops u postijiet tax-xogħol imħarsa) kruċjali fl-iżgurar tal-bilanċ tas-suq tax-xogħol u żżid l-aċċessibilità għalih, u ssostni l-impjiegi għall-gruppi żvantaġġati;

31.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas regolatorju trasparenti għal forom atipiċi ta’ impjieg sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol kif suppost u paga deċenti, ladarba s-sejbien ta’ impjieg huwa mutur għall-ġlieda kontra l-faqar;

32.

Jikkunsidra li l-integrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol hija element prinċipali fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali; jenfasizza l-importanza li jiġi appoġġat il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, ikunu ffaċilitati t-taħriġ u l-edukazzjoni għan-nisa li jgħixu fir-riskju tal-faqar u jissaħħaħ is-sejbien tax-xogħol;

33.

Jirrikonoxxi l-konnessjoni diretta bejn l-inugwaljanza ekonomika u d-dipendenza femminili, kif ukoll l-inugwaljanzi li għadhom jeżistu bejn l-irġiel u n-nisa f’termini ta’ aċċess għall-edukazzjoni, ir-responsabilitajiet tal-familja u l-kura ġenerali tal-familja, u jesprimi d-dispjaċir tiegħu li l-inugwaljanza fil-paga bejn iż-żewġ ġeneri għadha preżenti u tipproduċi effetti negattivi;

34.

Jenfasizza li f’każ ta’ qgħad ir-riskju li ma jerġgħux jiġu impjegati huwa ogħla għan-nisa, u li wkoll aktar hu probabbli li jkunu aktar żvantaġġati meta jiġu għal xi reklutaġġ, peress li aktar nisa jiġu impjegati fuq kuntratti insikuri jew part-time mingħajr ma jkunu għażlu hekk huma jew minħabba li l-paga inugwali qed tkompli taffettwa lin-nisa;

35.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li skont l-Istħarriġ Speċjali tal-Ewrobarometru “L-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE fl-2009” l-ħtieġa li jitnaqqas l-inugwaljanza fil-paga tan-nisa u tal-irġiel hija rikonoxxuta kullimkien fl-Ewropa;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji biex jeliminaw l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri fl-impjiegi bħala parti mill-Istrateġija UE 2020; inkoraġġixxi bil-qawwa li t-tnaqqis ta’ 1 % fis-sena tal-inugwaljanza fil-paga bejn il-ġeneri jiġi stabbilit bħala objettiv, sabiex jinkiseb l-objettiv ta’ tnaqqis ta’ 10 % sal-2020 u jiġi żgurat paga sħiħa lin-nisa tul il-lif statutorju tal-maternità kif rakkomandat mill-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Ottubru 2010 (15) dwar dan is-suġġett, peress li dan se jikkontribwixxi biex jelimina l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri fl-impjiegi; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa għal azzjoni pożittiva biex tiżdied il-preżenza tan-nisa fl-entitajiet eżekuttivi politiċi, ekonomiċi u imprenditorjali;

37.

Jinnota li l-aċċess tal-imprendituri nisa għall-kreditu huwa limitat, fatt li hu ostaklu maġġuri għall-iżvilupp professjonali u l-indipendenza ekonomika tagħhom, u li huwa f’kunflitt mal-prinċipju tat-trattament ugwali;

38.

Jistieden lil dawk li jfasslu l-politika, kemm fil-livell tal-UE u nazzjonali, biex jibnu r-reazzjoni tal-politika tagħhom, li jimmiraw lejn limitazzjoni tar-riperkussjonijiet negattivi tal-kriżi ekonomika, fuq analiżi tas-suq tax-xogħol li tikkunsidra l-ġeneri u kif ukoll valutazzjonijiet u evalwazzjonijiet sistemati tal-impatt fuq il-ġeneri;

39.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-inizjattivi mmirati lejn rikonoxximent tal-ekonomija informali u l-kwantifikazzjoni tal-“ekonomija tal-ħajja”, bl-użu ta’ approċċi speċifiċi għall-ġeneri bi qbil mal-proġett “Beyond GDP” mniedi mill-Kummissjoni; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu benefiċċji soċjali xierqa għan-nisa u l-irġiel li jieħdu ħsieb l-anzjani, il-morda jew il-qraba b’diżabilità, u għan-nisa anzjani li jirċievu pensjonijiet partikolarment baxxi;

40.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-leġiżlazzjoni eżistenti rigward l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għall-irġiel u n-nisa kif rikjest mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Novembru 2008 (16) (inizjattiva leġiżlattiva li titlob lill-Kummissjoni tressaq proposta xierqa sa tmiem l-2009);

41.

Jenfasizza l-importanza kruċjali tar-riforma tal-politiki makroekonomiċi, soċjali u tas-suq tax-xogħol, sabiex tkun iggarantita ġustizzja ekonomika u soċjali għan-nisa, biex jergħu jiġu kkunsidrati l-metodi użati biex jiddeterminaw ir-rata tal-faqar u biex jiġu żiluppati strateġiji għall-promozzjoni ta’ distribuzzjoni ġusta tal-ġid, biex ikunu ggarantiti dħul minimu u pagi u pensjonijiet deċenti, biex jinħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità għolja għan-nisa, flimkien ma’ drittijiet, sabiex in-nisa u t-tfajliet ikunu jistgħu jibbenefikaw minn servizzi pubbliċi ta’ standard għoli, u biex jitjieb il-forniment ta’ servizzi tal-welfare u l-viċinat, inklużi crèches, kindergartens u forom oħra ta’ edukazzjoni preskolastika, day centres, ċentri ta’ divertiment tal-komunità u ċentri ta’ appoġġ għall-familja u ċentri interġenerazzjonali, li għandhom ikunu bi ħlas raġonevoli u aċċessibbli għan-nisa u l-irġiel u fl-istess ħin għaż-żgħażagħ u l-anzjani u li jkunu kompatibbli mal-ħinijiet tax-xogħol full-time;

42.

Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu ċentri ta’ konsulenza biex jiġi identifikat u kumbattut l-isfruttament tan-nisa li jaħdmu, li huwa waħda mill-kawżi prinċipali tal-faqar u l-eżklużjoni soċjali;

43.

Jistieden lill-Istati Membri jqisu r-rieżami tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali bil-ħsieb li jiġu individwalizzati d-drittijiet għall-iskemi pensjonistiċi u tas-sigurtà soċjali biex jiġi eliminat il-“vantaġġ ta’ min jaqla’ l-għajxien tal-familja”, jiggarantixxu drittijiet tal-pensjoni ugwali;

44.

Jenfasizza l-effett pożittiv li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għandha fuq it-tkabbir ekonomiku; jinnota li bosta studji jikkalkolaw li kieku r-rati ta’ impjieg, impjieg part-time u ta’ produttività tan-nisa kienu l-istess bħal dawk tal-irġiel, il-PDG kien jiżdied bi 30 %, li mhux biss ikun ta’ benefiċċju għall-ekonomija kollha kemm hi iżda jnaqqas ukoll ir-riskju li jgħaddu minnu ħafna nisa li jiftaqru;

45.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżviluppaw u jimplimentaw bħala kwistjoni ta’ urġenza strateġija li tnaqqas bin-nofs il-faqar tat-tfal sal-2012 u tkisser l-ispirali tal-faqar b’mod ġenerali, minħabba r-riskju għoli li l-faqar persistenti jingħadda mill-ġenituri lit-tfal tagħhom, li jista’ jfixkel konsiderevolment iċ-ċansijiet tat-tfal għal ħajja aħjar; għalhekk jenfasizza l-ħtieġa li d-drittijiet tat-tfal individwali jkunu integrati fil-politiki u l-miżuri kollha tal-UE għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-passi meħuda biex jintemm il-faqar tat-tfal, għall-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta’ azzjonijiet prijoritarji, għat-tisħiħ tal-ġbir ta’ data u għall-iżvilupp ulterjuri ta’ indikaturi komuni fil-livell ta’ UE; jemmen li f’dan il-kuntest huwa essenzjali jiġu ffaċilitati kemm id-dħul u kemm ir-ritorn tal-ġenituri waħedhom fis-suq tax-xogħol, kif ukoll arranġamenti ta’ assistenza soċjali għall-familji b’ġenitur wieħed fid-dawl tal-problemi li jiffaċċjaw, filwaqt li jiġi żgurat ukoll appoġġ konkret għall-familji kbar; iqis li t-tfal li ġejjin minn familji foqra li fihom ma jkun hemm ħadd li jaħdem għandhom jirċievu attenzjoni u appoġġ speċjali, sabiex ikun evitat il-faqar fil-ġejjieni;

46.

Jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti jeżaminaw mill-ġdid il-politiki tagħhom tal-immigrazzjoni bil-għan li jneħħu l-ostakli strutturali għall-parteċipazzjoni sħiħa tal-migranti fis-suq tax-xogħol, jiġbru data dwar il-progress rigward id-diskriminazzjoni kontra gruppi vulnerabbli u biex jivvalutaw l-impatt tat-tnaqqis fl-infiq rigward l-aċċess għal servizzi tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali;

47.

Jinnota d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2010 li jħalli f’idejn l-Istati Membri biex jistabbilixxu, f’kooperazzjoni mar-reġjuni, l-objettivi nazzjonali tagħhom għat-tnaqqis tan-numru ta’ nies fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fuq il-bażi ta’ wieħed jew iktar mit-tliet indikaturi maqbula mill-Kunsill; iqis li l-Istati Membri li qed jużaw biss l-indikatur ta’ familja fejn ħadd m’għandu impjieg jistgħu sistematikament jittraskuraw problemi bħal faqar għalkemm wieħed ikollu xogħol, faqar f’termini ta’ enerġija, il-faqar tal-ġenituri waħedhom, il-faqar tat-tfal u l-esklużjoni soċjali; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ma jabbużawx mil-libertà li jagħżlu l-indikatur tagħhom bil-ħsieb li jilħqu objettivi kontra l-faqar li jkunu anqas ambizzjużi; jiġbed l-attenzjoni għall-problemi li qed jiffaċċjaw miljuni ta’ pensjonanti Ewropej li l-pensjonijiet tagħhom mhumiex biżżejjed biex ilaħħqu mal-ħajja u jkopru l-ħtiġijiet partikolari marbuta mal-età, speċjalment kaġun ukoll tal-prezz għoli tal-mediċini u tat-trattament mediku; jenfasizza li l-edukazzjoni skolastika u universitarja għall-gruppi l-iktar vulnerabbli għandha tkun objettiv prijoritarju li f’konnessjoni magħha kull Stat Membru jrid jistabbilixxi objettivi;

48.

Jirrimarka li, peress li parteċipazzjoni ndaqs u sħiħa fil-ħajja ekonomika, politika u soċjali għandha tkun meqjusa bħala dritt individwali, il-politiki attivi tal-inklużjoni soċjali għandhom jużaw approċċ olistiku biex jeqirdu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, speċjalment billi jiżguraw aċċess sħiħ għal servizzi soċjali u servizzi ta’ interess ġenerali (ekonomiku) ta’ kwalità għal kulħadd;

49.

Jenfasizza l-ħtieġa tal-iżvilupp ta’ politiki xierqa ta’ integrazzjoni tax-xogħol u ta’ taħriġ fil-livell nazzjonali, flimkien ma’ arranġamenti fiskali speċjali għall-familji b’ġenitur wieħed bħala parti mill-ġlieda kontra l-faqar, il-faqar tat-tfal u l-esklużjoni soċjali;

50.

Jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu miżuri fuq livell nazzjonali u Ewropew biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fir-rigward tal-opportunitajiet tas-suq tal-impjiegi u l-politiki tal-pagi;

51.

Jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-qrib l-ostakli li hemm għall-parteċipazzjoni soċjali bħalma huma l-faqar fl-enerġija, l-esklużjoni finanzjarja u ostakli fl-aċċess għat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT);

52.

Jenfasizza l-importanza ta’ politiki ta’ koordinament biex jiġu miġġielda l-qgħad u l-esklużjoni soċjali fil-livelli kollha ta’ gvern sabiex il-faqar ikun miġġieled b’mod effikaċi;

53.

Jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess għall-programmi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ għall-immigrati u għal minoranzi etniċi, li jaġevola l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

Rikonċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja u tax-xogħol min-nisa li jgħixu fil-faqar jew li huma esposti għar-riskju tal-faqar

54.

Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji biex jippromwovu r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u dik privata, sabiex jagħmluha possibbli għan-nisa esposti għar-riskju tal-faqar li jkomplu l-karrieri tagħhom f’xogħol full-time, jew biex joffrulhom l-aċċess għal xogħol part-time jew arranġamenti flessibbli ta’ xogħol, anki billi jużaw arranġamenti ta’ xogħol part-time reversibbli waqt il-perjodi li tulhom jieħdu ħsieb persuni oħra;

55.

Jenfasizza li terz tal-familji b’ġenitur wieħed fl-Ewropa qed jgħixu fil-faqar;

56.

Jistieden lill-Istati Membri, fil-kuntest tal-proċedura msemmija hawn fuq li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu s-sensja ta’ ħaddiema matul it-tqala jew il-maternità; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri attivi biex jipprevjenu d-diskriminazzjoni kontra n-nisa tqal fis-suq tax-xogħol, kif ukoll miżuri biex ikun żgurat li l-maternità ma taffettwax id-dritt tal-ħaddiema nisa għall-pensjonijiet u li l-iskala ta’ dawk il-pensjonijiet ma tiġix affettwata mill-fatt li jkunu ħadu l-lif tal-maternità;

57.

Ifakkar lill-Istati Membri li l-provvediment għall-indukrar tat-tfal adegwat huwa parti fundamentali mill-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol; jiddispjaċih li l-objettivi tal-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona tal-2002 dwar l-għoti ta’ assistenza preskolastika tat-tfal għal tal-anqas 90 % tat-tfal f’età bejn it-3 snin u l-età skolastika obbligatorja u tal-anqas 33 % tat-tfal taħt l-età ta’ 3 snin, li stabbilixxa objettivi sal-2010, altru mhumiex qed ikunu sodisfatti; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jġeddu u jonoraw l-impenji tagħhom għall-objettivi ta’ Barċellona għall-għoti ta’ assistenza tat-tfal aċċessibbli, li ma tqumx wisq flus u ta’ kwalità għolja u għall-iżvilupp ta’ objettivi ġodda għall-kura ta’ persuni dipendenti; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jtejbu l-aċċessibilità, partikolarment permezz ta’ sostenn finanzjarju għall-indukrar tat-tfal, u jtejbu l-faċilitajiet pubbliċi għall-indukrar tat-tfal u jipprovdu inċentivi lill-impriżi biex jistabbilixxu faċilitajiet fuq il-post tax-xogħol;

58.

Jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni mmirata biex jiżguraw li n-nisa li jinsabu f’ambjent żvantaġġat ikollhom aċċess ġust għas-sistemi ta’ saħħa pubblika – b’mod partikolari għall-kura tas-saħħa primarja (inkluż il-protezzjoni tal-ommijiet u tat-tfal) kif definit mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa – u wkoll kura tas-saħħa ġinekoloġika u ostetrika, akkomodazzjoni deċenti, ġustizzja, edukazzjoni, taħriġ, tagħlim tul il-ħajja, sport u kultura, għall-prevenzjoni ta’ abbandun bikri mill-iskola u għall-iffaċilitar ta’ tranżazzjoni bla xkiel mill-iskola għas-suq tax-xogħol;

59.

Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri adegwati għall-appoġġ ta’ ommijiet żgħażagħ, li spiss jaffaċċjaw diffikultà biex isibu impjieg u li jgħixu fil-faqar minħabba l-livell ta’ edukazzjoni baxx tagħhom u minħabba l-preġudizzji soċjali;

Ġlieda kontra l-faqar fost in-nisa anzjani

60.

Jisħaq li r-riskju li wieħed jaqa’ fil-faqar huwa ikbar għan-nisa milli għall-irġiel, partikolarment fl-età kbira, meta s-sistema tas-sigurtà soċjali huma bbażati fuq il-prinċipju tal-impjieg imħallas kontinwu; jinnota li, f’xi każi, in-nisa ma jissodisfawx dan ir-rekwiżit minħabba interruzzjonijiet fix-xogħol tagħhom u li jiġu penalizzati minħabba diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari minħabba l-inugwaljanza fil-paga, il-lif tal-maternità u x-xogħol part-time, jew b’riżultat ta’ waqfien qasir jew għat-tul mix-xogħol biex jerfgħu r-responsabilitajiet familjari, jew minħabba li ħadmu fl-impriża tar-raġel, b’mod partikolari fis-setturi agrikoli u kummerċjali, mingħajr ħlas u mingħajr affiljazzjoni ta’ sigurtà soċjali; jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri jagħtu rikonoxximent lit-trobbija tat-tfal u jiżguraw li dan il-perjodu jkun jgħodd għal pensjoni, u b’hekk in-nisa jkunu jistgħu jibbenefikaw minn pensjonijiet sħaħ; jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżguraw l-għoti ta’ pensjonijiet adegwati għan-nisa;

61.

Jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni sabiex jiżguraw l-aċċess ġust għan-nisa għas-sistemi tas-sigurtà soċjali u tal-pensjoni, b’kunsiderazzjoni tal-għomor itwal tan-nisa u sabiex jiżguraw li l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel jiġi applikat b’mod konsistenti fl-iskema tal-assikurazzjoni tal-pensjoni sabiex titnaqqas id-diskrepanza tal-pensjonijiet bejn il-ġeneri;

62.

Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu assistenza tas-sigurtà soċjali adegwata għan-nisa responsabbli mill-kura tal-morda, tal-anzjani jew ta’ membri tal-familji tagħhom, u għan-nisa anzjani li jirċievu pensjoni partikolarment baxxa.

Impatt tal-vjolenza tal-ġeneru fuq ir-riskju ta’ faqar

63.

Jinnota li l-vjolenza fuq in-nisa li taffettwa lill-vittmi u lil min iwettaqha, irrispettivament mill-età, l-edukazzjoni, id-dħul jew il-pożizzjoni soċjali, għadha problema maġġuri fil-livell tal-Unjoni Ewropea, għandha impatt dejjem akbar fuq ir-riskju ta’ emarġinazzjoni, faqar u esklużjoni soċjali, u tista’ tkun ostaklu għall-indipendenza ekonomika, is-saħħa u l-aċċess għas-suq tax-xogħol u għall-edukazzjoni għan-nisa; jistieden għal darb’oħra lill-Kummissjoni tistabbilixxi Sena Ewropea għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa;

64.

Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir, l-analiżi u l-istudju ta’ fatturi li jikkontribwixxu għall-vjolenza domestika, sabiex ikunu jistgħu jiġu żviluppati minnufih politiki għall-prevenzjoni u t-trattament tal-konsegwenzi ta’ din it-tip ta’ vjolenza, bħal pereżempju l-għoti ta’ kenn għan-nisa bla dar li huma vittmi ta’ vjolenza domestika;

65.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi Ewropej għall-qerda tat-traffikar tal-bniedem u tal-isfruttament sesswali permezz ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja u l-pulizija aktar mill-qrib; iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa għat-tneħħija tal-attitudnijiet u prattiki komuni jew tradizzjonali ta’ ħsara, inkluż il-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa, iż-żwiġijiet bikrija jew furzati u d-delitti tal-unur;

66.

Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu, fejn għadhom ma jeżistux, pjanijiet nazzjonali għall-ġlieda kontra kull forma ta’ vjolenza kontra n-nisa, jiżguraw il-monitoraġġ kontinwu u sistematiku tal-progress tal-miżuri, jiżguraw l-ogħla standards leġiżlattivi bil-għan li jikkumbattu l-vjolenza maskili kontra n-nisa u biex jipprovdu finanzjament adegwat għall-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-vjolenza, bħala mod biex ikun evitat u jitnaqqas il-faqar;

67.

Jirrikonoxxi, barra minn hekk, li s-sejbien ta’ soluzzjonijiet sinifikanti biex jiġi affaċċjat il-faqar tan-nisa jista’ jkun mezz wieħed ta’ tnaqqis tal-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, peress li n-nisa li jinsabu fil-faqar jinsabu f’riskju akbar ta’ abbuż;

68.

Jenfasizza l-importanza tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fit-teħid ta’ azzjoni bħala għajnuna għall-reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol għal dawk in-nisa li jkunu sofrew vjolenza abbażi tal-ġeneru bl-użu ta’ strumenti bħall-Fond Soċjali Ewropew (FSE) jew il-programm PROGRESS;

69.

Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri speċifiċi għall-ġeneru għall-indirizzar ta’ kwistjonijiet li mhumiex direttament marbuta mad-dħul tal-faqar, iżda minflok għandhom rabta mal-kultura, mal-parteċipazzjoni soċjali u politika u man-netwerks soċjali;

Djalogu soċjali u soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra l-faqar tan-nisa

70.

Jenfasizza l-importanza ta’ djalogu soċjali strutturat fil-ġlieda kontra l-faqar tan-nisa; jinnota, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa ta’ titjieb fis-sistemi ta’ parteċipazzjoni u ta’ kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet tan-nis, ma’ NGOs u partijiet interessati rilevanti oħrajn u mas-soċjetà ċivili b’mod ġenerali;

71.

Iqis li djalogu soċjali ġenwin, għandu jkollu l-għan li jippermetti lill-membri tal-aktar gruppi żvantaġġati, flimkien mal-amministrazzjoni nazzjonali u tal-UE, jaqsmu l-opinjonijiet u jikkontribwixxu biex jingħeleb il-faqar estrem, filwaqt li jingħata eżempju konkret tal-aħjar prattika fil-livell Ewropew f’dan il-qasam.

72.

Jistieden lill-Kummissjoni żżomm l-allokazzjoni finanzjarja li tista’ tintuża fost l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra l-faqar tan-nisa u biex jingħelbu l-effetti ta’ dan;

Garanzija ta’ sostenn finanzjarju għall-ġlieda kontra l-faqar

73.

Jenfasizza l-importanza tal-fondi strutturali, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, bħala għodda prinċipali biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jiġġieldu kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali; jistieden lill-Istati Membri jieħdu iktar azzjonijiet kofinanzjati biex jagħtu sostenn akbar lis-servizzi bħall-faċilitajiet tal-indukrar tat-tfal u tall-anzjani u għall-persuni dipendenti, anke permezz tal-verifika ta’ forom ta’ kooperazzjoni organizzattiva u finanzjarja pubblika u privata ġodda u ta’ arranġamenti ġodda għal din il-kooperazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-użu ġust u adegwat tar-riżorsi allokati;

74.

Jenfasizza l-importanza li jiġi żviluppat il-kunċett legali ta’ sjieda konġunta bil-għan li d-drittijiet tan-nisa fis-settur agrikolu jiġu rikonoxxuti bis-sħiħ, li jirċievu protezzjoni xierqa tas-sigurtà soċjali u li x-xogħol tagħhom jiġi rikonoxxut; jenfasizza, barra minn hekk, il-bżonn li r-Regolament tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (17) jiġi emendat biex jippermetti, kif jiġri bil-Fond Soċjali Ewropew (FSE), li jittieħdu miżuri proattivi b’appoġġ għan-nisa fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, li kien fattibbli f’perjodi preċedenti, iżda mhux f’dak attwali, u li se jkollhom effetti ta’ benefiċċju kbir għan-nisa f’żoni rurali;

75.

Jilqa’ l-istabbiliment ta’ faċilità Ewropea ta’ mikrofinanzi għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali; jitlob, f’dan il-qafas, li jkun hemm azzjonijiet imfassla, b’mod partikolari assistenza teknika u miżuri ta’ sostenn, speċifikament orjentati biex jiżguraw aċċess u disponibilità miżjuda tal-mikrofinanzi għan-nisa li jaffaċċaw diffikultajiet biex jidħlu fis-suq tax-xogħol jew li jkunu jridu jistabbilixxu ruħhom bħala ħaddiema impjegati għal rashom jew jibdew l-mikroimpriżi tagħhom stess;

*

* *

76.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

(2)  ĠU L 298, 7.11.2008, p. 20.

(3)  ĠU L 87, 7.4.2010, p. 1

(4)  ĠU C 233 E, 28.9.2006, p. 130.

(5)  ĠU C 16E, 22.1.2010, p. 21.

(6)  ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 23.

(7)  ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 35.

(8)  Testi adottati, P7_TA(2010)0231.

(9)  Testi adottati, P7_TA(2010)0232.

(10)  Testi adottati, P7_TA(2010)0306.

(11)  Testi adottati, P7_TA(2010)0365.

(12)  ĠU C 282E, 6.11.2008, p. 463.

(13)  ĠU C 9E, 15.1.2010, p. 11.

(14)  Testi adottati, P7_TA(2010)0375.

(15)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (P7_TA(2010)0373).

(16)  ĠU C 16E, 22.1.2010, p. 21.

(17)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilipp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1).