7.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 199/1


It-Tlieta 8 ta’ Marzu 2011
Is-sigurtà ġenerali tal-prodotti u s-sorveljanza tas-suq

P7_TA(2011)0076

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Marzu 2011 dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti u s-sorveljanza tas-suq (2010/2085(INI))

2012/C 199 E/01

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (1),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (2),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE (3),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/15/UE tas-16 ta’ Diċembru 2009 li tistabbilixxi l-linji gwida għall-immaniġġjar tas-Sistema tal-Informazzjoni Rapida tal-Komunità “RAPEX” stabbilita skont l-Artikolu 12 u tal-proċedura ta’ notifika stabbilita skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/95/KE (id-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti) (4),

wara li kkunsidra r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar il-sigurtà ġenerali tal-prodotti (COM(2008)0905),

wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni bit-titolu “Reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti: Sommarju tal-azzjonijiet previsti”, id-DĠ għas-Saħħa u l-Konsumaturi, tat-18 ta’ Mejju 2010,

wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali “Konformità mal-Qafas Leġiżlattiv Ġdid (Deċiżjoni Nru 768/2008/KE)”, DĠ għall-Intrapriża u l-Industrija, tal-15 ta’ April 2010,

wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Direzzjoni bit-titolu Reviżjoni tad-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (DSĠP), DĠ għas-Saħħa u l-Konsumaturi, tal-25 ta’ Marzu 2010,

wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni dwar ir-relazzjoni bejn id-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti 2001/95/KE u d-dispożizzjonijiet dwar is-sorveljanza tas-suq tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, id-DĠ għas-Saħħa u l-Konsumaturi, tat-2 ta’ Marzu 2010,

wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni bit-titolu “Reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti: L-identifikazzjoni tal-Kwestjonijiet Ewlenin”, id-DĠ għas-Saħħa u l-Konsumaturi, tal-15 ta’ Settembru 2009,

wara li kkunsidra d-dokument informattiv ikkummissjonat mill-Kumitat IMCO dwar is-Sorveljanza tas-Suq fl-Istati Membri, ippubblikat f'Ottubru 2009,

wara li kkunsidra d-dokument informattiv ikkummissjonat mill-Kumitat IMCO dwar ir-Reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti (DSĠP) u tas-Sorveljanza tas-Suq, ippubblikat f'Settembru 2010,

wara li kkunsidra l-workshop dwar ir-Reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti tas-Sorveljanza tas-Suq li sar fit-30 ta’ Settembru 2010,

wara li kkunsidra s-Samit trilaterali bejn l-UE, l-Istati Uniti u ċ-Ċina li seħħ f'Shanghai bejn il-25 u s-26 ta’ Ottubru 2010,

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-Kumitat dwar l-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0033/2011),

A.

billi huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-prodotti kollha fis-suq tal-UE huma sikuri sabiex jiġi garantit livell għoli ta’ protezzjoni fost l-oħrajn għall-konsumaturi,

B.

billi l-Qafas Leġiżlattiv Ġdid (minn hawn 'il quddiem - QLĠ) ġie adottat f'Lulju 2008 u r-Regolament (KE) Nru 765/2008 dwar is-sorveljanza tas-suq ikun japplika mill-1 ta’ Jannar 2010,

C.

billi d-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti 2001/95/KE (minn hawn 'il quddiem - DSĠP) li tistabbilixxi fil-livell Komunitarju rekwiżiti dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti tal-konsumatur għandha tiġi riveduta u ssir konformi mal-QLĠ permezz ta’ integrazzjoni, b'mod partikolari r-Regolament dwar is-sorveljanza tas-suq,

D.

billi l-qafas leġiżlattiv dwar is-sikurezza tal-prodotti u s-sorveljanza tas-suq jikkonsisti minn tliet saffi ta’ atti legali (DSĠP, QLĠ u d-direttivi dwar l-armonizzazzjoni speċifiċi għal settur), ħaġa li twassal għal inċertezzi u konfużjoni fis-suq intern,

E.

billi l-livell ta’ sorveljanza tas-suq ivarja b'mod konsiderevoli fost l-Istati Membri u xi wħud minnhom jonqsu milli jallokaw ir-riżorsi neċessarji biex is-suq ikun sorveljat b'mod effiċjenti u jinterpretaw “prodotti li joħolqu riskju serju” b'mod differenti, li jistgħu joħolqu ostakli għall-moviment ħieles tal-merkanzija fi ħdan is-suq intern; ifixxklu l-kompetizzjoni u jipperikolaw is-sikurezza tal-konsumatur fi ħdan is-suq intern,

F.

billi l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u l-azzjonijiet konġunti għas-sorveljanza tas-suq hija essenzjali u għandha għalhekk tissaħħaħ aktar u għandhom jiġu allokati riżorsi għaliha,

G.

billi r-regolamenti, meta mqabbla ma’ Direttivi, iġibu magħhom vantaġġi bħalma huma ċ-ċarezza, il-prevedibbiltà u l-effikaċja kif iddikjarat ukoll fir-Rapport Monti,

Is-Sorveljanza tas-Suq

Introduzzjoni

1.

Jemmen li l-qafas leġiżlattiv attwali għas-sorveljanza tas-suq ma jipprovdix koerenza suffiċjenti u għalhekk għandu jiġi rivedut u kkoordinat aktar;

2.

Jipproponi lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi qafas Ewropew komuni għas-sorveljanza tas-suq rigward il-prodotti kollha fis-suq intern jew li jidħlu fis-suq tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex ikollha rwol aktar attiv fil-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq Ewropew, tal-awtoritajiet doganali u tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri;

3.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jimmobbilizzaw riżorsi adegwati għal attivitajiet marbutin mas-sorveljanza tas-suq; jenfasizza li sistemi għas-sorveljanza tas-suq li ma jaħdmux joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni, jipperikolaw is-sikurezza tal-konsumaturi u huma ta’ ħsara għall-fiduċja taċ-ċittadin fis-suq intern; jenfasizza l-importanza tas-siġurtà tal-fruntieri esterni tas-suq uniku, b'mod partikolari tal-portijiet maġġuri, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri kontra prodotti illegali minn pajjiżi terzi; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni sħiħa tal-punti minn fejn jidħlu l-prodotti fis-suq tal-UE, li tinkludi valutazzjoni tar-riżorsi meħtieġa biex ikun garantit kontroll adegwat;

4.

Jistieden lill-Istati Membri biex jintroduċu pieni b'mod koordinat, inklużi multi kbar, għal operaturi ekonomiċi li jintroduċu deliberatament fis-suq uniku prodotti perikolużi jew mhux konformi; jipproponi li l-projbizzjoni tal-prodotti għandha tkun ippubblikata ta’ spiss kemm jista' jkun sabiex tiżdied il-viżibbiltà tal-kontrolli fuq il-fruntieri u s-sorveljanza tas-suq u biex tiskuraġġixxi lill-operaturi tas-suq kriminali;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq u tal-awtoritajiet tad-dwana biex jikkofinanzjaw azzjonijiet ulterjuri konġunti għas-sorveljanza tas-suq;

6.

Jenfasizza l-ħtieġa li jsir skambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri; jitlob għal kooperazzjoni konġunta, il-ġbir tal-għarfien u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq; ifakkar fl-importanza li jkun hemm kooperazzjoni bejn id-dwana u l-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq fuq il-fruntieri esterni biex iwettqu kontrolli xierqa fuq il-prodotti huma hu deħlin fil-Komunità; jirrikonoxxi l-kontribut importanti li għamel il-PROSAFE rigward il-koordinazzjoni ta’ azzjonijiet konġunti għas-sorveljanza tas-suq u l-iskambju ta’ prattiki ppruvati u ttestjati fil-qafas tad-DSĠP; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra taħt liema kundizzjonijiet PROSAFE jista' jservi bħala pjattaforma għal aktar koordinazzjoni bejn l-Istai Membri għal prodotti armonizzati u għal dawk li mhumiex; jikkunsidra li huwa meħtieġ li tiġi stabbilita bażi legali u li jiġu allokati biżejjed riżorsi għal PROSAFE biex dan il-kompitu jkun jista' jitwettaq; jindika, madakollu, li l-koordinazzjoni permezz tal-PROSAFE hija ristretta mir-riżorsi limitati u mill-istruttura informali;

7.

Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jikkondividu ma’ Stati Membri oħra l-inkjesti u l-istudji relatati mas-sikurezza tal-prodotti. iqis li għandhom jiġu inklużi n-numri ta’ referenza tal-prodotti konċernati biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni tal-prodott minn awtoritajiet oħra, li jistgħu jibbenefikaw mit-traduzzjoni u l-użu tal-informazzjoni provduta fl-istudji; jitlob lill-Istati Membri biex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom biex jieħdu miżuri għas-sorveljanza tas-suq abbażi tar-riżultati ta’ testijiet jew studji li jkunu twettqu minn Stati Membri oħra sabiex jiġi evitat xogħol doppju;

8.

Jissuġġerixxi li għandhom jiġu stabbiliti uffiċċji għall-edukazzzjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti eż. inklużi fil-Punti ta’ Kuntatt tal-Prodotti, li jistgħu jiffaċilitaw it-taħriġ u t-trasferiment tal-informazzjoni minn industrija għal oħra;

9.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi Database tal-Informazzjoni dwar is-Sikurezza ta’ Prodotti tal-Konsumatur pubbliċi, li tinkludi pjattaforma għall-ilmenti, possibbilment ibbażata fuq sistemi eżistenti nazzjonali u reġjonali fl-Istati Membri; huwa tal-fehma li dan se jqajjem il-kuxjenza dwar prodotti perikolużi fil-pajjiżi tas-suq intern filwaqt li l-konsumaturi se jkunu jistgħu jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar prodotti perikolużi, b'mod elettroniku; jemmem li d-database tista' titfassal billi jiġu żviluppati databases eżistenti bħas-Sistema għas-Sorveljanza tas-Suq Ewropew (ICSMA) jew id-Database dwar Korriment (IDB); jenfasizza l-ħtieġa li d-database jkollha bażi legali, u li rappurtar min-naħa tal-Istati Membri għandu jkun obbligatorju; jiltob għall-istabbiliment ta’ sistema ta’ statistika dwar l-inċidenti bbażata duq din id-database, li minnha se jiġu ppubblikati rapporti annwali obbligatorji; jitlob biex id-database tkun aċċessibbli għall-pubbliku, filwaqt li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità neċessarja għan-negożji;

10.

Jirrimarka li l-globalizzazzjoni, iż-żieda fl-esternalizzazzjoni u t-tkabbir fil-kummerċ internazzjonali jfissru li aktar prodotti qegħdin jiġu nnegozjati fis-swieq tad-dinja kollha; iqis li l-kooperazzjoni mill-qrib bejn regolaturi globali u partijiet interessati oħra fil-qasam tas-sikurezza tal-prodotti tal-konsum hija importanti biex jiġu indirizzati l-isfidi maħluqa mill-katini kumplessi tal-provvista u l-volum akbar tal-kummerċ;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tintensifika l-kooperazzjoni internazzjonali fil-Caucus dwar is-Sikurezza tal-Prodotti tal-Konsumatur internazzjonali sabiex isir skambju ta’ prattiki ppruvati u ttestjati u b'mod konġunt tiġi evitata l-produzzjoni ta’ sustanzi perikolużi f'pajjiżi terzi maħsuba għall-esportazzjoni lejn is-suq uniku Ewropew;

Reviżjoni tad-DSĠP

Konformità bejn id-DSĠP u l-QLĠ – Regolament ġdid dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti u s-Sorveljanza tas-Suq

12.

Isostni r-reviżjoni tad-DSĠP u tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 rigward d-definizzjonijiet u l-obbligi tal-operaturi ekonomiċi kif definiti fid-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE, filwaqt li jiġi evitat il-ħolqien ta’ piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa, speċjalment għal SMEs; iqis li l-fatt li jkun hemm regolament uniku huwa l-uniku mod biex ikun hemm sistema unika għall-prodotti kollha; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi sistema għas-sorveljanza tas-suq uniku għall-prodotti kollha, ibbażata fuq att legiżlattiv uniku li jkopri kemm id-DSĠP kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 765/2008; iqis li dan l-att leġiżlattiv ġdid għandu jinħoloq biex jikseb livell għoli ta’ sikurezza tal-prodotti u ta’ sorveljanza tas-suq, fejn se tiġi ċċarata l-bażi legali u se jitqiesu d-dispożizzjonjiet li ġew żviluppati aktar bis-sħiħ fiż-żewġ atti leġiżlattivi eżistenti;

13.

Jitlob għal konformità bejn ir-rekwiżiti ta’ traċċabbiltà fid-DSĠP u l-QLĠ sabiex tkun garantita sistema ta’ traċċabbiltà koerenti li tevita l-ħolqien ta’ burokrazija ġdida;

14.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tiżviluppa kriterji aktar preċiżi għall-evalwazzjoni tas-sikurezza u r-riskji mnissla min-nuqqas ta’ konformità tal-prodotti mal-leġiżlazzjoni tal-UE;

Tibdiliet speċifiċi addizzjonali fid-DSĠP

15.

Isibha problematika li prodotti operati minn fornituri tas-servizzi mhumiex koperti mid-DSĠP attwali, jiġifieri li r-rekwiżiti dwar is-sikurezza ġenerali japplikaw meta l-prodott qiegħed f'idejn il-konsumatur fuq il-proprjetà tal-fornitur tas-servizz, iżda ma japplikawx jekk l-istess prodott huwa operat mill-fornitur tas-servizz; jenfasizza l-bżonn li tittranġa din il-lakuna legali;

16.

Jiltob għas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar is-sikurezza tal-prodotti, b'mod partikolari fir-rigward tal-objettivi tal-Kummissjoni ta’ “leġiżlar aħjar” u “l-ewwel aħseb fiċ-ċokon” kif ippreżentat fil-Komunikazzjoni “Lejn Att dwar is-Suq Uniku”, u jħeġġeġ id-dispożizzjonijiet dwar il-Prodotti li Jimitaw l-Ikel biex ikunu inklużi fil-proposta riveduta;

17.

Jitlob, sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tal-ambitu l-aktar wiesa' ta’ konsumaturi partikolarment vulnerabbli, għall-introduzzjoni ta’ referenza għal persuni b'diżabbiltà (flimkien mar-referenzi għal tfal u anzjani li diġà huma preżenti);

18.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi l-obbligu li manifatturi għandhom iwettqu analiżi tar-riskju fil-fażi ta’ diżinn tagħhom; iħeġġeġ il-prattika fejn riskji li jkunu ġew identifikati għandhom jiġu dokumentati u jsiru disponibbli għall-awtoritajiet pubbliċi;

Miżuri Komunitarji ta’ Emerġenza

19.

Jenfasizza l-ħtieġa għal qafas regolatorju aktar effettiv, li jippermetti interventi fil-pront u soluzzjonijiet affidabbli fit-tul, mingħajr ma’ jiġu delegati deċiżjonijiet politiċi lill-korpi jew lill-Kummissjoni għall-istandardizzazzjoni mingħajr sett ċar ta’ rekwiżiti essenzjali ta’ politika, kif jiġri fil-każ tal-leġiżlazzjoni armonizzata;

Traċċabbiltà

20.

Jenfasizza li prodotti li joħolqu riskji serji għandhom jiġu rtirati jew jittieħdu lura mis-suq malajr kemm jista' jkun u għandha tiġi zgurata t-traċċabbiltà tagħhom fil-katina kollha tal-forniment li titlob riżorsi suffiċjenti għall-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq;

21.

Jenfasizza kemm hu importanti li tkun żgurata traċċabbiltà affidabbli fl-istadji kollha tal-ħajja ta’ prodott, filwaqt li jkun żgurat li dan ma jwassalx għal piżijiet amministrattivi akbar;

22.

Jenfasizza l-importanza tat-traċċabbiltà tal-prodotti u tat-tikketti biex isir magħruf il-pajjiżi ta’ oriġini tal-prodott u tal-manifattur responsabbli;

23.

Jinsisti fuq infurzar effettiv tal-proċeduri ta’ identifikazzjoni li diġà qegħdin fis-seħħ; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet dwar l-użu ta’ teknoloġiji ġodda, filwaqt li jikkunsidra li l-użu ta’ teknoloġiji ġodda ma għandhomx ipoġġu fil-periklu l-privatezza, is-sigurtà u s-sikurezza tal-konsumatur;

24.

Jenfasizza madankollu, li ma għandhiex tiġi imponuta soluzzjoni teknika unika bħala sistema/metodu ta’ traċċabbiltà uffiċjali fi ħdan is-suq tal-UE; u jitlob għal proporzjonalità ġenerali;

25.

Jenfasizza l-ħtieġa biex jitjiebu u jissaħħu aktar l-iskambji ta’ informazzjoni RAPEX rigward prodotti perikolużi minn pajjiżi terzi (bħaċ-Ċina u l-Indja) u biex l-aħħar studji li saru jiġu evalwati;

RAPEX

26.

Jirrikonoxxi li RAPEX hija għodda utli u effiċjenti biex ixxerred, fost l-Istati Membri, informazzjoni dwar il-miżuri li ttieħdu fir-rigward ta’ prodotti perikolużi, iżda hija għodda li tista' tittejjeb aktar;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti aċċess għall-informazzjoni kollha rilevanti lill-professjonisti dwar is-sikurezza tal-prodotti, lill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u lill-awtoritajiet nazzjonali waqt li tiġi assigurata l-kunfidenzjalità; jistieden lill-Kummissjoni biex ittejjeb l-għarfien tar-RAPEX u s-sistemi ta’ rtirar tal-UE barra l-UE;

28.

Jilqa' l-linji gwida RAPEX ġodda li jikkontribwixxu għat-titjib tat-tħaddim ta’ RAPEX; jistieden lill-Kummissjoni biex tissimplifika l-metodu l-ġdid għall-evalwazzjoni tar-riskju ma’ dawk fis-seħħ għall-prodotti armonizzati sabiex jassisti lill-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq fix-xogħol tagħhom;

29.

Jitlob lill-Kummissjoni tispjega l-klassifikazzjoni tal-prodotti bħala “riskju serju” għan-notifikazzjonijiet tar-RAPEX;

30.

Jinnota li l-prodotti tal-konsum li jitqiegħdu fis-suq intern Ewropew kulma jmorru qegħdin jiġu minn pajjiżi terzi; jinsab partikolarment imħasseb dwar il-fatt li kull sena hemm żieda fin-notifiki RAPEX relatati ma’ prodotti ta’ oriġini Ċiniża, li tirrappreżenta aktar min-nofs in-notifiki RAPEX, u jidher li f'20 % tal-każi l-manifatturi ta’ dawk il-prodotti ma jistgħux jiġu identifikati; jitlob għalhekk, għal sforzi msaħħa fuq livell internazzjonali u jilqa' kooperazzjoni bejn l-UE, l-Istati Uniti u ċ-Ċina, għal strateġiji ta’ traċċabbiltà,; jilqa' kwalunkwe sostenn, taħriġ, u seminars organizzati mill-awtoritajiet tal-UE u taċ-Ċina biex titjieb is-sikurezza tal-prodotti; jenfasizza li teżisti l-ħtieġa għal programmi multiannwali biex jiġu ffaċċjati dawn l-isfidi;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-utilità li tiġi stabbilita sistema analoga għar-RAPEX - ĊINA għal sħab kummerċjali oħrajn, partikolarment dawk li l-prodotti tagħhom ġew notifikati fis-sistema RAPEX;

32.

Jitlob lill-Kummissjoni tinkorpora fir-RAPEX, jew kwalunkwe sistema xierqa oħra fil-livell tal-UE, pieni għall-infrazzjonijiet li jsiru mill-Istati Membri, bil-għan li jkunu żgurati t-trasparenza u l-inċentivi għall-partijiet interessati kollha;

Bejgħ onlajn u d-dwana

33.

Jinsab imħasseb dwar id-diffikultajiet li l-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom fit-teħid ta’ azzjoni kontra prodotti perikolużi li jinbiegħu onlajn;

34.

Jilqa' l-proġett tal-Kummissjoni C2013 fil-qasam tas-sikurezza tal-prodotti li se jipproduċi linji gwida għal kontrolli doganali fl-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tispeċifika għodda għall-awtoritajiet doganali biex jindirizzaw l-isfidi ta’ kontrolli adegwati fuq prodotti importati; jitlob għal aktar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ infurzar;

35.

Jirrikonoxxi ż-żieda tal-għadd ta’ prodotti mixtrija onlajn mill-konsumaturi, minn pajjiżi terzi u li ma jikkonformawx mal-istandards Ewropej, b'hekk ipoġġu f'riskju s-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ u tistandardizza l-kontrolli doganali għall-prodotti mixtrija fl-internet u tissorvelja s-suq speċjalment għal dawk il-prodotti li jistgħu jikkawżaw ħsara diretta għall-konsumatur bħall-prodotti farmaċewtiċi u alimentari; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistudja x'soluzzjonijiet jista' jkun hemm għal din il-problema, biex tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi fil-kummerċ elettroniku;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jiżguraw li l-uffiċjali jitħarrġu kif suppost biex jiġi żgurat żvelar aħjar tal-prodotti li jippreżentaw riskju; iħeġġeġ kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq u dawk doganali qabel ma dawn il-prodotti jkunu ġew rilaxxati fis-suq li titlob għal programm multiannwali hawnhekk ukoll;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali biex jiżviluppaw aktar il-kampanji ta’ qawmien ta’ kuxjenza mmirati lejn il-konsumaturi biex jinfurmawhom dwar ir-riskju ta’ xiri ta’ prodotti foloz onlajn;

Standardizzazzjoni

38.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet għas-sorveljaza tas-suq jipparteċipaw sistematikament fil-proċess għall-iżvilupp ta’ standards relatati mas-sigurtà, peress li dan huwa mezz xieraq kif jista' jiġi żgurat li l-għarfien tagħhom se jgħarraf il-proċess ta’ standardizzazzjoni u biex l-istandards jinftehmu aħjar, biex b'hekk jiġi żgurat li l-applikazzjoni volontarja tal-istandards se tikkontribwixxi għal żieda fis-sikurezza u s-saħħa tal-konsumatur kif ukoll għal ċertezza legali, peress li permezz tagħha l-awtoritajiet tal-Istati Membri se jkunu jistgħu jinterpretaw u japplikaw korrettament l-Istandards Ewropej;

39.

Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid iċ-ċarezza tal-mandati tal-istandards u tikkunsidra modi evoluzzjonarji oħra kif ittejjeb u tintegra sistemi ta’ standardizzazzjoni nazzjonali u Ewropej fiż-żona li mhix armonizzata, bl-enfasi fuq il-parteċipazzjoni tal-SMEs, filwaqt li jinżammu kif inhuma l-elementi ewlenin tal-istruttura li hemm bħalissa;

40.

Iħeġġeġ it-titjib tal-proċeduri attwali tal-Kummissjoni li japplikaw għall-istabbiliment ta’ mandati għall-iżvilupp tal-istandards Ewropej sabiex tiġi garantita reazzjoni f'waqtha għal riskji ġodda jew dawk ħerġin fid-dieher, b'mod aktar effiċjenti; jenfasizza, madankollu, li proċeduri emendati jew ġodda għandhom ikunu soġġetti wkoll għal skrutinju min-naħa tal-Parlament; jenfasizza li l-Parlament għandu jkun intitolat li jiskrutinja l-proċeduri għat-teħid jew l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali, dawk mhux Ewropej u standards oħra;

41.

Jitlob lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzar u lill-Kummissjoni biex jinvestigaw is-sistemi kollha possibbli li kapaċi jħaffu l-proċess tal-iżvilupp tal-istandards, filwaqt li jassiguraw involviment xieraq tal-partijiet kollha interessati rilevanti, bħall-introduzzjoni ta’ proċedura rapida jew il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tippubblika referenza ta’ standards Ewropej jew tal-ISO eżistenti, żviluppati barra minn mandat tal-Kummissjoni, jekk tali standards huma maħsuba li jipprovdu livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur jew biex jiġi indirizzat riskju speċifiku bħala miżura temporanja sakemm issir disponibbli soluzzjoni permanenti;

42.

Jitlob biex il-mandati tal-Kummissjoni għall-istandardizzazzjoni jkunu mtejba sabiex jippermettu l-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzar tiżviluppa Standards Ewropej li jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi li għalihom tista' tinkiseb jew tkun valutata l-konformità ma’ deċiżjoni politika; f'dan ir-rigward, iqis li huwa meħtieġ involviment u kooperazzjoni aħjar bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzar fit-tfassil tal-proċess; iqis, fid-dawl tal-fatt li dawn l-organizzazzjonijiet jaħdmu fuq bażi ta’ konsensus, li huwa kruċjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema li kwistjonijiet politiċi jkunu trattati fuq livell tat-tfassil ta’ politika u mhux delegati lill-Kummissjoni Ewropea, lill-korpi għall-istandardizzazzjoni jew lil kwalunkwe amministrazzjoni ta’ infurzar;

43.

Jitlob biex proċedura formali għar-rifjut ta’ standard, bħal ma hemm fid-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE, tiddaħħal fid-DSĠP, iqis li l-użu ta’ din il-proċedura għandu jkun possibbli anke qabel ma standard ikun ġie ċitat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE, iżda ma għandux jissostitwixxi l-ħsieb tal-Istati Membri li jżidu b'mod sinifikanti, l-involviment tal-awtoritajiet tagħhom għas-sorveljanza tas-suq fis-sistema ta’ standardizzazzjoni;

44.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-partijiet interessati kollha jiggarantixxu s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni, inkluż permezz ta’ sħubiji pubbliċi-privati u permezz ta’ ppjanar finanzjarju multiannwali, peress li dan huwa essenzjali biex ikunu żgurati l-effikaċja u l-effiċjenza tagħha;

45.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu passi ulterjuri f'koerenza mal-qafas leġiżlattiv ġdid, sabiex ir-reviżjonijiet meħtieġa jkunu jistgħu jittejbu;

*

* *

46.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.

(2)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30.

(3)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82.

(4)  ĠU L 22, 26.1.2010, p. 1.