28.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 188/62


Il-Ħamis 17 ta’ Frar 2011
Uganda: l-omiċidju ta’ David Kato

P7_TA(2011)0074

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Frar 2011 dwar l-Uganda: il-qtil ta’ David Kato

2012/C 188 E/14

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-obbligi u l-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk li jinsabu fil-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, li jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (il-Ftehim ta’ Cotonou) u rivedut f’Ouagadougou fit-23 ta’ Ġunju 2010 u l-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem li jinsabu fih, b'mod partikolari l-Artikolu 8,

wara li kkunsidra l-Artikoli 6, 7 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jobbligaw lill-UE u lill-Istati Membri li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jipprovdu mezz sabiex ikunu miġġielda d-diskriminazzjoni u l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tal-UE,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha, li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali,

wara li kkunsidra l-attivitajiet kollha tal-UE li jirrigwardaw il-ġlieda kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-omofobija, il-protezzjoni tal-minoritajiet u l-politiki antidiskriminatorji,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 2009 dwar l-Uganda: abboz ta’ leġiżlazzjoni antiomosesswali (1) u tas-16 ta’ Diċembru 2010 dwar l-Unganda: l-hekk imsejjaħ “Abbozz ta’ Liġi Bahati” u d-diskriminazzjoni kontra l-popolazzjoni LGBT (2),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President għall-Affaijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Catherine Ashton u tal-President tal-Parlament Ewropew, Jerzy Buzek dwar il-Jum Internazzjonali Kontra l-Omofobija, is-17 ta’ Mejju 2010,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tat-28 ta’ Settembru 2010 mill-Assemblea Parlamentari AKP dwar il-koeżistenza paċifika tar-reliġjonijiet u l-importanza mogħtija lill-fenomenu tal-omosesswalità fis-shubija AKP-UE,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta’ Diċembru 2010 magħmula bi tweġiba għad-Dikjarazzjoni tal-AKP minn Membri tal-UE tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE mill-PPE, S&D, ALDE, il-Verts/ALE u l-Gruppi GUE/NGL tal-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tat-3 ta’ Diċembru 2009 dwar l-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni soċjali u kulturali taż-żgħażagħ,

wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi fis-26 ta’ Jannar 2011 David Kato Kisule, difensur tad-drittijiet tal-bniedem u persuna prominenti fil-grupp għad-drittijiet tal-persuni leżbjani u omosesswali Sexual Minorities Uganda u tal-komunità ġenerali tal-persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali u transġeneru (LGBT) fl-Uganda, ġie maqtul brutalment fl-Uganda,

B.

billi David Kato preċedentement kien ħa azzjoni legali u rebaħ il-kawża kontra l-ġurnal lokali “Rolling Stone”, li fid-9 ta’ Ottubru u fil-15 ta’ Novembru 2010 kien elenka l-ismijiet, id-dettalji personali ta’ ’l fuq minn mitt persuna bir-ritratt tagħhom, li allegatament huma omosesswali, inkluż David Kato, filwaqt li xewwex lill-qarrejja biex jagħmlulhom ħsara jew jgħallquhom,

C.

billi fit-3 ta’ Jannar 2011 il-Qorti Suprema tal-Uganda iddikjarat f’sentenza li l-ġurnal lokali Rolling Stone kiser id-dritt kostituzzjonali fundamentali taċ-ċittadini kollha għad-dinjità u l-privatezza, billi speċifikat li anki l-leġiżlazzjoni attwali tal-Uganda kontra l-omosesswalità ma tistax tinftiehem li taqbel mal-vjolenza jew mal-qtil ta’ persuni omosesswali; billi, wara r-rebħa fil-Qorti, David Kato kkundanna ż-żieda fit-theddid u l-fastidju,

D.

billi l-President Konġunt tal-Assemblea Parlamentari, il-President tas-Sottokumitat tal-Parlament Ewropew dwar id-Drittijiet tal-bniedem, il-President tal-Parlament Ewropew, il-kapijiet tal-Missjoni tal-UE f’Kampala, il-President u s-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u mexxejja oħra tal-komunità internazzjonali taw ġieħ lil David kato bħala difensur tad-drittijiet tal-bniedem u talbu lill-awtoritajiet tal-Unganda biex iġibu lill-awturi tad-delitti quddiem il-ġustizzja,

E.

billi l-parlament Ewropew, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi internazzjonali u l-Istati uniti u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-UE ripetutament esprimew it-tħassib tagħhom rigward is-sitwazzjoni tal-persuni LGBT fl-Uganda, id-diskriminazzjoni u l-persekuzzjoni kontinwi, kif ukoll it-tixwix għall-mibegħda kontra l-persuni LGBT minn persuni pubbliċi u privati u organizzazzjonijiet fl-Uganda,

F.

billi li li kif jifforma parti minnu David Kato oppona pubblikament l-Abbozz ta’ Liġi Kontra l-Omosesswalità mressaq minn David Bahati MP fil-25 ta’ Settembru 2009 quddiem il-Parlament tal-Uganda jipprovdi l-ikkastigar tal-atti omosesswali bi priġunerija ta’ bejn seba’ snin u l-għomor il-ħabs jew il-piena tal-mewt; billi l-abbozz ta’ liġi jipprovdi li n-nuqqas li wieħed jiżvela l-omosesswalità tat-tfal jew ta’ pazjent ikun ikkastigat b’massimu ta’ tliet snin priġunerija; billi l-abbozz ta’ liġi għadu qed jiġi kkunsidrat,

G.

billi l-persuni LGBT fl-Uganda, kif ukoll dawk il-persuni li l-ritratti u d-dettalji tagħhom dehru fir-“Rolling Stone” u li nqraw sussegwentement fuq ir-radju u t-televiżjoni, issa huma fil-periklu ġenwin li jiġu ppersegwitati, u bil-parti l-kbira tal-każi issa jinsabu mingħajr dar, mingħajr xogħol u kostretti jevitaw postijiet pubbliċi, u jkollhom jinħbew mill-għajnejn tal-pubbliku,

H.

billi fl-Afrika l-omosesswalità hija legali fi 13-il pajjiż biss u hija reat kriminali fi 38 pajjiż; billi l-Mawritanja, is-Somalja, is-Sudan u n-Niġerja tat-Tramuntana jikkastigaw l-omosesswalità bil-piena tal-mewt; billi mexxejja politiċi u reliġjużi estremi, fost l-oħrajn, ixewxu l-vjolenza kontra l-persuni LGBT, filwaqt li l-awtoritajiet jittolleraw u ma jikkastigawx delitti fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali, u billi d-diskriminazzjoni, l-arresti arbitrarji u l- maltrattament fuq il-bażi tal-orjentament sesswali dejjem qed jiżdiedu,

1.

Jikkundanna bil-qawwa l-qtil vjolenti tad-difensur tad-driitijiet tal-bniedem mill-Uganda, David Kato Kisule;

2.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Uganda jagħmlu investigazzjoni fil-fond u imparzjali dwar il-qtil u jġibu lill-awturi tad-delitt quddiem il-ġustizzja, u li jagħmlu dan fir-rigward ta’ kwalunkwe att ta’ persekuzzjoni, diskriminazzjoni u vjolenza kontra persuni LGBT u gruppi oħra ta’ minoritajiet; jistieden lill-awtoritajiet tal-Uganda jinvestigaw individwi li pubblikament sejħu għall-qtil ta’ David Kato, kif ukoll l-organizzazzjonijiet, ir-rwol u l-iffinanzjar tagħhom;

3.

Jiddispjaċih li l-awtoritajiet tal-Uganda ma għandhom xejn xi jgħidu dwar il-fehmiet diskriminatorji espressi dwar il-persuni omosesswali, u jiġbed l-attenzjoni lejn l-obbligi tagħhom skont il-liġi internazzjonali u l-Ftehim Cotonou, b’mod partikolari d-dmir li jipproteġu lill-persuni kollha – indipendentement mill-orjentament sesswali jew l-identità sesswali tagħhom – minn theddid jew vjolenza kontrihom;

4.

Itenni l-ħtieġa, wara li kkunsidra l-elezzjonijiet ġenerali u presidenzjali previsti għat-18 ta’ Frar 2011, li wieħed jitkellem pubblikament kontra kull azzjoni dixxiplinarja kontra l-omosesswalità u li jiġu adottati miżuri xierqa biex jitwaqqfu l-kampanji omofobiċi fil-ġurnali u kull komunikazzjoni li xxewwex il-mibegħda kontra komunità ta’ minorità jew kull ġustifikazzjoni għal tali azzjoni li tkun ibbażata fuq l-orjentament sesswali jew tal-ġeneru;

5.

Jistieden lill-Gvern tal-Uganda jiżgura li l-persuni LGBT u l-gruppiminoritarji l-oħra kollha fl-Uganda jkunu mħarsa b'mod adegwat mill-vjolenza, u jieħu azzjoni fil-pront kontra kull theddida jew diskors ta’ mibegħda li aktarx ixewwex il-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontrihom jew l-ostilità lejhom;

6.

Jikkundanna b’mod korrispondenti, u għal dawb’oħra, l-Abbozz ta’ Liġi Kontra l-Omosesswalità, u jistieden lill-Parlament tal-uganda jiddikriminalizza l-omosesswalità u jiċħad l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt taħt kwalunkwe ċirkustanza; jingħaqad mal-appell tal-10 ta’ Diċembru 2010 mis-Segretarju Ġenerali tal-NU Ban Ki-moon għad-dikriminalizzazzjoni universali tal-omosesswalità;

7.

Jikkundanna kwalunkwe tentattiv li tiġi inċitata l-mibegħda u tiġi promossa l-vjolenza kontra kull grupp minoritarju, inkluż abbażi tal-orjentament sesswali jew tal-ġeneru; jingħaqad mas-sejħa mill-organizzazzjoni ta’ David kato (SMUG), u minn organizzazzjonijiet oħra, biex l-awtoritajiet, il-mexxejja politiċi u reliġjużi u l-midja jieħfu milli jiddemonizzaw il-minoritajiet sesswali u milli joħolqu klima ta’ vjolenza kontra l-persuni LGBT;

8.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu l-attivisti LGBT fil-programmi ta’ appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-organizzazzjonijiet kollha mhux governattivi fl-Uganda biex jaħdmu flimkien mal-Koalizzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Uganda, inklużi l-organizzazzjonijiet LGBT;

9.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li l-politika barranija tagħhom, inkluża l-politika ta’ kooperazzjoni u ta’ żvilupp tagħhom, rigward pajjiżi terzi, b’relazzjoni kemm mal-awtoritajiet u l-NGOs, tikkunsidra b’mod xieraq is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-gruppi minoritarji kollha inklużi l-persuni LGBT, u biex jiżguraw li jsir progress tanġibbli f’dan il-qasam; jistiedem lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jagħmlu użu sħiħ mit-Toolkit għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tat-Tgawdija tad-Drittijiet tal-Bniedem kollha mill-Persuni Leżbjani, Omosesswali, Bisesswali u Transġeneru (LGBT) fir-relazzjonijiet kollha tagħhom mal-Uganda filwaqt li jipprovdu protezzjoni sħiħa tal-attivisti LGBT fl-Uganda, u jappoġġaw l-attivitajiet tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi dawn il-kwistjonijiet fil-Pjan Direzzjonali kontra l-omofobija, li l-Parlament Ewropew talabha tfassal (3);

10.

Jinsab imħassab bil-kbir, li d-donaturi internazzjonali, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-organizzazzjonijiet umanitarji u t-tobba jkollhom jikkunsidraw mill-ġdid jew itemmu l-attivitajiet tagħhom f’ċerti oqsma, f’każ li tgħaddi l-liġi u jinnota li l-Ġermanja ddeċidiet li tirtira nofs l-USD 33 miljun f’għajnuna barranija mwiegħda lill-Malawi, minħabba l-kriminalizzazzjoi tal-omosesswalità u r-restrizzjoni tal-libertà tal-istampa, deċiżjoni segwita mir-rifjut tal-Istati Uniti li jgħaddu USD 350 miljun f'għajnuna barranija lill-Malawi mingħajr aktar diskussjonijiet dwar il-liġijiet li joħolqu restrizzjonijiet fuq il-libertajiet individwali;

11.

Itenni l-impenn tiegħu għad-drittijiet universali tal-bniedem u jfakkar il-fatt li l-orjentament sesswali hi kwestjoni li taqa’ fl-ambitu tad-dritt individwali għall-privatezza kif garantit mil-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, skont liema liġi l-ugwaljanza u n-non-diskriminazzjoni għandhom jiġu mħarsa, filwaqt li tiġi ggarantita l-libertà tal-espressjoni u jfakkar lill-awtoritajiet tal-Uganda dwar l-obbligi tagħhom skont il-liġi internazzjonali u skont il-Ftehim ta’ Cotonou, li jitlob għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

12.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Istituzzjonijiet Ewropej itennu l-prinċipju li persuni li jinsabu f’perikolu ta’ persekuzzjoni għandhom jitqiesu għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat;

13.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-President tar-Repubblika tal-Uganda, lill-Ispeaker tal-Parlament tal-Uganda, lill-Assemblea Leġiżlattiva tal-Afrika tal-Lvant u lill-istituzzjonijiet u lill-Unjoni Afrikana u l-istituzzjonijiet tagħha.


(1)  ĠU C 286 E, 22.10.2010, p. 25.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2010)0495.

(3)  Par. 7 tar-Riżoluzzjoni P7_TA(2011)0019 tad-19 ta’ Jannar 2011.