28.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 188/47


Il-Ħamis 17 ta’ Frar 2011
L-implimentazzjoni tal-linji gwida għall-politiki dwar l-impjieg tal-Istati Membri

P7_TA(2011)0069

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Frar 2011 dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

2012/C 188 E/10

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-8 ta’ Settembru 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għal politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri: It-Tieni Parti tal-Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020 (1),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-12 ta’ Jannar 2011 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi (COM(2011)0011), u l-Abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi anness magħha,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi tat-12 ta’ Jannar 2011 (COM(2011)0006),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta’ Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (2),

wara li kkunsidra l-Artikolu 148 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi, wara l-adozzjoni tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, il-Kummisjoni pproponiet li l-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi adottati fl-2010 għandhom jinżammu għall-2011,

B.

billi l-kriżi ekonomika attwali għadha qed tippreżenta sfidi fil-forma ta’ qgħad u esklużjoni soċjali li kulma jmur qed jiżdiedu,

C.

billi hemm interrelazzjoni qawwija bejn l-irkupru ekonomiku u t-tkabbir, l-impjiegi, il-ġlieda kontra l-faqar u l-inklużjoni soċjali,

D.

billi l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi u l-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri huma fost l-istrumenti ewlenin imfassla biex jorjentaw il-politiki tal-UE u tal-Istati Membri favur sforzi biex jintlaħqu l-objettivi u l-miri ta’ Ewropa 2020,

E.

billi hemm ħtieġa urġenti li jiżdiedu l-isforzi fil-livelli kollha, bl-involviment tas-sħab soċjali u ta’ partijiet interessati oħra, biex jiġi żgurat li l-linji gwida għall-impjiegi jiġu implimentati kif suppost, bil-ħsieb li tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, tiġi żviluppata forza tax-xogħol kwalifikata u jittejbu l-kwalità u l-prestazzjoni tas-sistemi edukattivi u tat-taħriġ,

It-tisħiħ tal-governanza u t-tkabbir fil-livell tal-ambizzjonijiet fl-ilħuq tal-għanijiet ta’ Ewropa 2020

1.

Iqis li, fid-dawl tal-proposta tal-Kummissjoni li l-linji gwida għall-impjiegi adottati fl-2010 jinżammu għall-2011, ir-rakkomandazzjonijiet dwar il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma saru l-għodda ewlenija ta’ sorveljanza u orjentazzjoni makroekonomika; jikkundanna n-nuqqas li l-Parlament jiġi involut f'dan il-proċess u n-nuqqas ta’ dibattitu dwaru;

2.

Iqis li l-isfidi ewlenin li qed jaffaċċjaw l-UE u l-Istati Membri fir-rigward tal-impjiegi u tal-qgħad għandhom jiġu riflessi kif xieraq fil-proċess futur dwar l-iżbilanċi makroekonomiċi, fil-qafas tal-politika tal-linji gwida Ewropej għall-impjiegi;

3.

Iqis li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u l-qafas previst mis-Simestru Ewropew huma għodod kruċjali għal koordinament imsaħħaħ tal-politiki ekonomiċi u għalhekk huma parti importanti mir-reazzjoni tal-Unjoni għall-kriżi; jinnota, madankollu, li dawn l-għodod għandhom jitħaddmu b'mod li jkun konsistenti mal-ħtieġa ta’ proċessi demokratiċi u jappoġġaw, u mhux iservu biex jissostitwixxu jew inaqqsu l-importanza tal-għodod eżistenti previsti fit-Trattat, b'mod partikolari l-linji gwida ekonomiċi ġenerali u l-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri, li l-Parlament irid ikun involut mill-qrib fihom u, fil-każ ta’ dawn tal-aħħar, ikkonsultat dwarhom; jitlob li dawn l-għodod jiġu integrati fil-qafas tas-Simestru Ewropew u li tingħata attenzjoni partikolari sabiex jiġi żgurat li l-importanza tagħhom ma tonqosx, bil-ħsieb li jintlaħaq l-objettiv tal-Kummissjoni u tal-Kunsill li jiżdiedu s-sjieda u r-responsabilità demokratika;

4.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, meta jagħtu pariri politiċi lill-Istati Membri, biex jirrispettaw il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tad-djalogu soċjali fil-qasam tal-pagi u tal-pensjonijiet, kif ukoll li, bi qbil mal-Artikolu 153(5) TFUE, jirrispettaw il-kompetenzi tal-Istati Membri u tas-sħab soċjali skont il-prattiki nazzjonali f'dawn l-oqsma;

5.

Iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-istrateġija Ewropa 2020 u s-sistema Ewropea msaħħa ta’ governanza ekonomika jkunu effikaċi u demokratikament leġittimi; jenfasizza li dan jagħmel essenzjali li l-Parlament ikun involut b'mod ġenwin u f'waqtu tul il-proċeduri kollha ta’ sorveljanza u koordinament tal-politika; jikkundanna n-nuqqas ta’ referenza għar-rwol tal-Parlament fil-proċess fl-iskeda ta’ żmien proposta fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir;

6.

Jistieden lill-Istati Membri jinvolvu aktar mill-qrib u jikkonsultaw regolarment mal-parlamenti nazzjonali, mas-sħab soċjali, mal-awtoritajiet reġjonali u lokali u mas-soċjetà ċivili; iqis li n-nuqqas attwali ta’ informazzjoni dwar il-proċeduri ta’ konsultazzjoni fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma għandu jiġi indirizzat;

7.

Jinnota l-indikazzjoni preliminari tal-miri nazzjonali tal-Istati Membri għall-impjiegi; jesprimi tħassib serju dwar in-nuqqas ta’ ambizzjoni f'dan ir-rigward, u b'mod partikolari dwar il-fatt li fl-aħjar xenarju possibbli, l-eżitu kollettiv stmat jonqos milli jilħaq, b'aktar minn żewġ punti perċentwali, il-mira emblematika tal-UE u l-impenn li tintlaħaq rata ta’ persuni li jaħdmu ta’ 75 % sal-2020;

8.

Jistieden lill-Istati Membri jerġgħu jikkunsidraw il-miri nazzjonali tagħhom għall-impjiegi, biex il-mira emblematika tal-UE tkun tista' tintlaħaq, u li jieħdu dawn il-miri bis-serjetà daqs kemm jieħdu bis-serjetà l-miri tagħhom ta’ konsolidament fiskali;

9.

Jistieden lill-Istati Membri, barra minn hekk, jagħtu attenzjoni speċjali lil sottogruppi speċifiċi, bħaż-żgħażagħ, in-nisa, il-persuni b'diżabilità u l-ħaddiema aktar anzjani, u li jistabbilixxu miri nazzjonali għalihom;

10.

Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma għamlux hekk biex jistabbilixxu l-miri nazzjonali tagħhom dwar l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar u biex jindirizzaw il-problema tal-ħaddiema foqra; jistieden lill-Istati Membri, meta jkunu qed jagħmlu dan, jiżguraw li l-mira ambizzjuża li kien hemm qbil dwarha fil-Kunsill Ewropew tintlaħaq u li l-interazzjoni bejn il-miri, speċjalment dawk dwar l-impjiegi u l-edukazzjoni u t-taħriġ u dwar l-inklużjoni soċjali u l-faqar, titqies kif jixraq;

L-iżgurar li l-linji gwida għall-impjiegi jiġu implimentati

11.

Jinnota li l-prospettivi ta’ tkabbir ekonomiku dgħajjef jillimitaw il-possibilitajiet għall-ħolqien tal-impjiegi u tax-xogħol;

12.

Jistieden lill-Kunsill Ewropew biex il-kwistjonijiet tal-impjiegi ma jagħmilhomx sekondarji meta jqis ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir fis-sens li l-konsolidament fiskali rigoruż jagħmlu l-ewwel prijorità għall-perjodu 2011/2012;

13.

Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiksbu riżultati fl-oqsma kollha prijoritarji, inkluż iż-żieda fil-livelli ta’ persuni li jaħdmu u t-tnaqqis tal-qgħad, l-isfruttament tal-potenzjal tal-impjiegi ta’ ekonomija ġdida b'emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, l-iżvilupp ta’ forza tax-xogħol kwalifikata, il-promozzjoni tal-kwalità tal-impjiegi u tat-tagħlim tul il-ħajja kif ukoll il-faċilitazzjoni tal-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik tal-familja; iqis li dawn l-isforzi għandhom jiġu riflessi fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma finali;

14.

Jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-Fondi Strutturali, u b'mod partikolari tal-Fond Soċjali Ewropew, biex wieħed jikkontrobatti l-effetti tal-kriżi fuq l-impjiegi; iqis li l-użu ta’ dawn il-Fondi għandu jkun orjentat favur l-għoti ta’ appoġġ lill-gruppi li għandhom l-aktar diffikultajiet kbar sabiex jidħlu fis-suq tax-xogħol jew jibqgħu fih;

15.

Iqis ukoll li, minbarra l-implimentazzjoni ta’ miżuri tas-suq tax-xogħol aktar effikaċi, huwa essenzjali li jkun hemm interazzjoni aktar mill-qrib bejn il-qasam tal-politika tal-impjiegi, dak soċjali u oħrajn, b'mod partikolari l-politiki makroekonomiċi, tar-riċerka u l-iżvilupp, tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, jekk il-miri ta’ Ewropa 2020 għandhom jintlaħqu;

Intensifikazzjoni tal-azzjoni biex ikun hemm aktar impjiegi ta’ kwalità aħjar

16.

Jistieden lill-Istati Membri, fil-Programmi Nazzjonali tagħhom ta’ Riforma, jagħtu l-akbar prijorità liż-żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, l-indirizzar tal-qgħad u l-prevenzjoni ta’ esklużjoni fit-tul mis-suq tax-xogħol;

17.

Iqis li għandha ssir ħafna aktar enfasi fuq il-kwalità tal-impjiegi u x-xogħol diċenti u fuq politiki ekonomiċi orjentati għall-provvista fi sforz biex tingħata spinta lid-domanda fis-suq tax-xogħol;

18.

Iqis, b'rabta ma’ dan, li huma meħtieġa sforzi biex isir użu aħjar mill-potenzjal taż-żgħażagħ, inklużi dawk li jieqfu jmorru l-iskola qabel iż-żmien, in-nisa, l-anzjani, l-iżvantaġġati u l-persuni b'diżabilità, il-migranti u l-membri tal-minoranzi etniċi, inklużi r-Roma; jistieden lill-Istati Membri jadattaw is-swieq tax-xogħol tagħhom għall-ħtiġijiet u l-ħiliet ta’ dawn il-gruppi f'kull stadju ta’ ħajjithom;

19.

Jenfasizza l-importanza ta’ politiki li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-iskola għax-xogħol; jenfasizza li r-riskju li dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien jaffaċċjaw il-faqar huwa prevedibilment għoli; jenfasizza li kwalunkwe forma ta’ xogħol flessibbli jew temporanju użat f'dan il-kuntest għandu jinkorpora d-dritt għat-taħriġ u l-aċċess għas-sigurtà soċjali u għandu jgħin lin-nies jagħmlu t-tranżizzjoni f'impjiegi b'aktar sigurtà;

20.

Jistieden lill-Istati Membri jkomplu jiżviluppaw il-politiki meħtieġa biex aktar nisa jiddaħħlu fis-suq tax-xogħol u jinżammu fih, inkluż billi jittejjeb il-forniment ta’ faċilitajiet ta’ kura għall-but ta’ kulħadd u ta’ kwalità għolja u arranġamenti tax-xogħol flessibbli biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ min jieħu ħsieb il-familja;

21.

Jenfasizza l-importanza ta’ politiki mmirati ta’ attivazzjoni u tal-akkwist ta’ ħiliet fl-appoġġ ta’ dawk li m'għandhomx kwalifiki jew li għandhom kwalifiki baxxi, li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi u li jaffaċċjaw l-ogħla riskju ta’ qgħad fit-tul;

22.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu l-importanza dovuta lill-għoti ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità u lit-tagħlim tul il-ħajja u lir-rikonoxximent tal-kwalifiki;

23.

Jistieden lill-Istati Membri jinvestu aktar fil-faċilitazzjoni tal-mobilità okkupazzjonali u ġeografika, fit-tisħiħ tal-għodod meħtieġa biex jiġu analizzati l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol u fir-riforma tas-sistemi edukattivi u tat-taħriġ li jistgħu jgħinu biex jingħeleb in-nuqqas ta’ adegwatezza tal-ħiliet;

24.

Jenfasizza l-importanza ta’ politiki għall-impjiegi li jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi, pereżempju permezz ta’ appoġġ għall-SMEs u għall-impjiegi indipendenti u l-promozzjoni tal-intraprenditorjat;

It-teħid ta’ azzjoni deċiżiva fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali

25.

Iqis li huwa essenzjali li l-Istati Membri jieħdu azzjoni issa biex jiġu rispettati l-impenji li saru biex jiżdiedu l-livelli ta’ persuni li qed jaħdmu, jittejbu l-ħiliet tal-persuni, jinħolqu opportunitajiet ta’ xogħol, jitnaqqas il-faqar u tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali;

26.

Jenfasizza li s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali kellhom rwol rikonoxxut fl-istabbilizzazzjoni tal-ekonomija u fit-taffija tal-impatt soċjali tal-kriżi; jistieden għalhekk lill-Istati Membri, b'mod partikolari meta jkun meħtieġ konsolidament fiskali, biex jiżguraw li s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali jkomplu jipprovdu appoġġ adegwat u jagħtu sehemhom fis-salvagwardja u fit-titjib tal-ħiliet u tal-impjegabilità, biex il-kapital uman ikun jista' jitħares u jissaħħaħ u jittieħed vantaġġ sħiħ mill-irkupru;

27.

Jenfasizza li skambji effikaċi tal-aħjar prattika u tal-esperjenza bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar huma vitali u jgħinu jiffaċilitaw l-ilħuq tal-miri tat-tnaqqis tal-faqar ta’ Ewropa 2020;

*

* *

28.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2010)0309.

(2)  ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46.