22.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 182/1


Il-Ħamis 3 ta’ Frar 2011
Ftehimiet dwar il-kummerċ tal-banana

P7_TA(2011)0034

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Frar 2011 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Ġinevra dwar il-Kummerċ tal-Banana bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil, il-Kolombja, il-Kosta Rika, l-Ekwador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, il-Messiku, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Perù u l-Venezwela u ta’ Ftehim dwar il-Kummerċ tal-Banana bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti

2012/C 182 E/01

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-1 ta’ Diċembru 2005 dwar it-tħejjijiet għas-sitt Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ f'Ħong Kong (1), tal-4 ta’ April 2006 dwar l-evalwazzjoni tar-Rawnd ta’ Doha wara l-Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Hong Kong (2), tas-27 ta’ April 2006 dwar sħubija aktar b'saħħitha bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina (3), tas-7 ta’ Settembru 2006 dwar is-sospensjoni tan-negozjati dwar l-Aġenda ta’ Żvilupp ta’ Doha (DDA) (4), tat-12 ta’ Ottubru 2006 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u l-Mercosur bil-ħsieb għall-konklużjoni ta’ Ftehima ta’ Assoċjazzjoni Inter-reġjonali (5), tat-23 ta’ Mejju 2007 dwar Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (6), tat-12 ta’ Diċembru 2007 dwar Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (7), tal-24 ta’ April 2008 dwar il-Ħames Samit bejn l-UE u l-Amerika Latina u l-Karibew f'Lima (8) u dwar “Lejn Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ riformata” (9), tad-9 ta’ Ottubru 2008 dwar is-sospensjoni tar-Rawnd ta’ Doha tad-WTO u l-futur tal-Aġenda ta’ Doha għall-Iżvilupp (10), tal-25 ta’ Marzu 2009 dwar il-Ftehima għall-Partenarjat Ekonomiku bejn l-Istati CARIFORUM, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (11), tal-pożizzjoni tiegħu tal-25 ta’ Marzu 2009 dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati CARIFORUM, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (12), tal-5 ta’ Mejju 2010 dwar l-istrateġija tal-UE għar-relazzjonijiet mal-Amerika Latina (13) u tal-21 ta’ Ottubru 2010 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE mal-Amerika Latina (14),

wara li kkunsidra l-“Ftehim ta’ Ġinevra dwar il-Kummerċ tal-Banana” bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil, il-Kolombja, il-Kosta Rika, l-Ekwador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, il-Messiku, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Perù u l-Venezwela u l-Ftehim dwar il-Kummerċ tal-Banana bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehimiet dwar il-Kummerċ tal-Banana”),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Marrakexx li Stabbilixxa l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ,

wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Partenarjat bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, Karibej u tal-Paċifiku (AKP) min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmata f'Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (il-Ftehima ta’ Cotonou),

wara li kkunsidra l-Ftehima għal Partenarjat Ekonomiku bejn l-Istati Cariforum, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra,

wara li kkunsidra l-konklużjoni tan-negozjati dwar Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali,

wara li kkunsidra l-konklużjoni tan-negozjati bejn l-UE u l-Kolombja u l-Perù dwar Ftehim ta’ Kummerċ bejn Bosta Partijiet,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO adottati f'Doha fl-14 ta’ Novembru 2001 u f'Ħong Kong fit-18 ta’ Diċembru 2005 u s-Sinteżi tal-President adottata f'Ġinevra fit-2 ta’ Diċembru 2009,

wara li kkunsidra l-eżenzjoni mill-implimentazzjoni tal-Artikolu I tal-GATT mogħti f'Doha f'Novembru 2001 (l-“eżenzjoni ta’ Doha”) għall-preferenza kummerċjali tal-Ftehim ta’ Cotonou, b'tul proporzjonat għal dawn il-preferenzi kummerċjali, jiġifieri, sal-31 ta’ Diċembru 2007,

wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Istati Uniti u l-Komunità Ewropea dwar il-Banana tal-11 ta’ April, 2001,

wara li kkunsidra r-rapport tat-22 ta’ Diċembru 2009 mid-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar l-Użu tal-Kariga Tiegħu (skont l-Artikolu 3.12 tad-DSU) fit-Tilwim: KE – Reġim għall-importazzjoni tal-banana (DS361) imniedi mill-Kolombja u KE – Reġim għall-importazzjoni tal-banana (DS364) mniedi mill-Panama,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93 tat-13 ta’ Frar 1993 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE tal-1 ta’ April 2010 dwar il-ftehim bejn l-UE u l-Amerika Latina dwar il-banana u l-impatt tagħha fuq il-produtturi tal-banana mill-AKP u l-UE,

wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill tal-24 ta’ Jannar 2011 (O-0012/2011 – B7-0007/2011) u lill-Kummissjoni (O-0013/2011 – B7-0008/2011) dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Ġinevra dwar il-Kummerċ tal-Banana,

wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Ftehimiet dwar il-Kummerċ tal-Banana jirrisolvu l-itwal tilwima li qatt seħħet bejn l-UE u l-fornituri tal-banana minn l-Aktar Nazzjon Favorit(MFN) tal-Ameirka Latina; billi jirrisolvu wkoll tilwima inċidentali u partikolarment ħarxa bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-UE u jwarrbu l-possibilità ta’ sanzjonijiet detrimentali min-naħa tal-Istati Uniti tal-Amerika; billi bl-istess mod jirrisolvu kull pretiża mill-fornituri MFN tal-Amerika Latina dwar l-aħħar tliet tkabbiriet tal-UE,

B.

billi sal-1 ta’ Lulju 1993, kull Stat Membru tal-UE żamm ir-reġim ta’ importazzjoni proprju tal-banana, b'xi Stati Membru jkollhom arranġamenti speċjali li jiffavorixxu lill-pajjiżi li magħhom kellhom rabtiet storiċi qawwija;

C.

billi wara l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93 bosta pajjiżi mill-Amerika Latina membri tad-WTO fornituri tal-banana lill-UE fuq bażi ta’ MFN u lill-Istati Uniti tal-Amerika nedew proċedimenti ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim kontra l-UE rigward id-diskrepanzi fit-trattament tal-banana esportata lis-swieq tal-Komunitajiet Ewropej minn fornituri differenti,

D.

billi nstab li xi aspetti partikolari tar-reġim ta’ importazzjoni tal-Komunitajiet Ewropej ma kinux konsistenti mal-liġi tad-WTO,

E.

billi numru ta’ proposti mill-KE għall-modifika tar-reġim tagħha biex tikkonforma mar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim ġew irrifjutati mill-pajjiżi li kienu qed jilmentaw,

F.

billi r-reġim il-ġdid tal-KE dwar il-banana li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2006 ġie kkunsidrat bħala inkonsistenti mal-obbligi tal-UE fir-rigward tad-WTO,

G.

billi 20 % biss tal-produzzjoni dinjija tal-banana tmur għall-esportazzjoni, peress li l-parti l-kbira hi diretta għas-swieq lokali,

H.

billi jeżistu diskrepanzi kbar f'termini ta’ produttività u fil-livell ta’ kompetittività fil-produzzjoni tal-banana bejn il-pajjiżi u ġewwa fihom; billi l-pajjiżi tal-Amerika Latina u l-Filippini huma l-aktar esportaturi kompetittivi ewlenin,

I.

billi l-UE kkonkludiet in-negozjati mal-Kolombja u l-Perù dwar Ftehim Kummerċjali bejn Diversi Partijiet, kif ukoll ma’ sitt pajjiżi tal-Amerika Ċentrali dwar Ftehim ta’ Assoċjazzjoni,

J.

billi l-programm ta’ għajnuna interna tal-UE, POSEI (“Programm ta’ għażla speċifika għall-iżolazzjoni u l-insularità”), jgħin lill-produtturi fir-reġjuni periferiċi tal-UE,

K.

billi l-banana hi r-raba' l-akbar prodott ta’ esportazzjoni agrikolu fid-dinja u l-UE hi l-ikbar importatur tal-banana (nett) fid-dinja, bl-importazzjoni ta’ kważi 5 miljun tunnellata fl-2007,

L.

billi l-produzzjoni tal-banana għandha impatt ewlieni fuq il-komunitajiet lokali, mhux biss f'termini ekonomiċi iżda wkoll fir-rigward tal-ambjent, l-immigrazzjoni u l-istandards dwar ix-xogħol,

M.

billi l-kumpaniji multinazzjonali li joperaw fl-Amerika Latina jikkontrollaw iktar minn 80 % tas-suq globali,

N.

billi is-sistema ta’ rata ta’ tariffa bi kwota tal-UE ħolqot il-kundizzjonijiet li jippermettu lill-pajjiżi tal-AKP jesportaw kwantitajiet sostanzjali ta’ banana lill-UE u taffiet l-impatt tal-ftehimiet kummerċjali fuq il-produtturi Ewropej u pproteġiet numru kbir ta’ impjiegi marbutin mal-produzzjoni tal-banana,

O.

billi l-ftehim ser ifisser tnaqqis sinifikanti fit-tariffi (35 % bejn l-2010 u l-2017) għall-importazzjonijiet mhux minn pajjiżi li mhumiex membri tal-AKP; billi, b'riżultat ta’ dan, il-produtturi tal-AKP u tal-UE x'aktarx ikollhom jadattaw għar-realta' l-ġdida tas-suq internazzjonali,

1.

Jieħu nota tal-Ftehimiet dwar il-Kummerċ tal-Banana u jilqa' t-tmiem ta’ waħda mill-aktar tilwimiet legali teknikament kumplessa, politikament sensittiva u kummerċjalment daqstant sinifikanti li qatt tressqet quddiem id-WTO;

2.

Iqis li l-Ftehim milħuq jirrappreżenta soluzzjoni, li ma dan kollu ma rnexxilux jirrikonċilja l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tressaq, malajr kemm jista' jkun, valutazzjoni tal-impatt tal-Ftehimiet dwar il-Kummerċ tal-Banana dwar il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jipproduċu l-banana u r-reġjuni Ewropej l-iktar mbiegħda sal-2020;

3.

JJJJilqa' l-fatt li l-Ftehimiet dwar il-Kummerċ tal-banana għandu jikkostitwixxi l-aħħar impenj ta’ aċċess għas-suq tal-banana tal-UE għal inklużjoni fir-riżultati finali tan-negozjati multilaterali dwar l-aċċess għal prodotti agrikoli, magħluqb'suċċess fid-WTO (Rawnd ta’ Doha);

4.

Jenfasizza li l-ftehim milħuq jirrappreżenta pass 'il quddiem limitat fit-taħdidiet tar-Rawnd ta’ Doha, meta jitqies li d-diffikultajiet ffaċċjati jmorru ferm lil hinn mill-kwistjoni dwar il-banana;

5.

Jenfasizza li, kull tilwim pendenti u kull ilment imressaq sal-15 ta’ Diċembru 2009 mill-fornituri MFN kollha tal-banana mill-Amerika Latina rigward ir-reġim kummerċjali tal-UE tal-banana, għandhom jingħalqu maċ-ċertifikazzjoni tal-Ftehim ta’ Ġinevra dwar il-kummerċ tal-banana;

6.

Jinnota li ċ-ċifri għall-2010 juru li l-prezzijiet tal-banana għall-konsumaturi tal-UE baqgħu stabbli jew żdiedu bi ftit;

7.

Jenfasizza li l-UE għandha tnaqqas it-tariffa dwar l-importazzjoni tagħha mill-Amerika Latina, b'mod gradwali, minn EUR 176/tunnellata għal EUR 114/ tunnellata sal-2017, u b'hekk tipperikola l-produtturi żgħar u ta’ daqs medju fl-AKP, l-UE u l-ibgħad reġjuni tagħha (li diġà huma fost dawk fl-Ewropa bl-ogħla rata ta’ qgħad);

8.

Jenfasizza li l-Ftehimiet dwar il-Kummerċ tal-banana jippermettu lis-settur tal-banana jinqata' min-negozjati tar-Rawnd ta’ Doha dwar “prodotti tropikali”; jenfasizza li filwaqt li l-“prodotti tropikali” għandhom ikunu soġġetti għal tnaqqis ta’ tariffi aktar qawwija, it-tnaqqis ta’ tariffi fuq “prodotti ta’ erożjoni preferenzjali” ta’ interess għall-pajjiżi tal-AKP għandhom jitwettqu fuq perijodu relattivament itwal mill-formula ġenerali applikata fin-negozjati; jenfasizza madankollu li l-Ftehimiet dwar il-Kummerċ tal-Banana x'aktarx li ma jagħtux joffrux ftehim aċċettabbli lill-pajjiżi tal-AKP dwar il-kwistjoni ta’ prodotti tropikali u l-erożjoni tat-trattament preferenzjali tagħhom, peress li l-proposti fformulati fi żmien il-Ftehimiet dwar il-Banana diġà ġew rifjutati minn xi ekonomiji emerġenti kbar, kif jidher mir-reazzjonijiet tal-Indja u l-Pakistan tul il-laqgħa tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO f'Diċembru 2009;

9.

Jinnota li l-UE tradizzjonalment toffri preferenzi tariffarji speċjali għall-banana impurtata mill-pajjiżi tal-AKP; ifakkar li xi membri tad-WTO kemm-il darba kkontestaw il-kompatibilità ta’ dan it-trattament preferenzjali mar-regoli tad-WTO; jenfasizza li d-diversi sentenzi legali maħruġa mill-bordijiet ta’ tilwim tad-WTO, mill-Korp tal-Appell u mill-arbitri speċjali kienu jirrikjedu bidla fir-reġim attwali;

10.

Jiddispjaċih li l-approċċ reġjonali oriġinali ma setgħax jinżamm fin-negozjati tal-Ftehim bejn id-Diversi Partijiet u mal-pajjiżi Andini, li poġġa lill-Ekwador f'sitwazzjoni li ma jibbenefikax mill-istess tariffi bħall-Kolombja u l-Perù;

11.

Jenfasizza li sa mill-2008, grazzi għall-ftehimiet attwali, il-banana mill-pajjiżi tal-AKP daħlet fl-UE, bla dazju u mingħajr kwota;

12.

Jenfassiza li d-diskussjonijiet mwettqa b'mod parallel mal-pajjiżi tal-AKP wasslu għal ftehim li flimkien mal-għajnuna regolari tal-UE, il-pajjiżi esportaturi tal-banana ewlenin tal-AKP għandhom jirċievu appoġġ ulterjuri permezz ta’ programm ta’ appoġġ ġdid - l-hekk imsejħa “Miżuri ta’ Akkumpanjament tal-Banana” (BAM); jenfasizza li l-pakkett tal-BAM jista' ma jkunx biżżejjed f'termini ta’ flus u nieqsa mit-termini tal-perijodu ta’ implimentazzjoni, biex effettivament tgħin lill-produtturi tal-banana mill-AKP jaġġustaw u jadegwaw għall-effetti tal-bidliet fir-reġim ta’ importazzjoni tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni li tindika biċ-ċar li din tikkonsisti fi flus addizzjonali għall-fondi ta’ kooperazzjoni attwali u li mhijiex biss kontribuzzjoni għall-baġits nazzjonali li ma jistgħux jiġu orjentati fuq programmi speċifiċi bħall-edukazzjoni u d-diversifikazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tressaq soluzzjoni finanzjarja multiannwali ġdida;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-BAM, 18-il xahar qabrl tmiem il-programm, u tinkludi r-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar l-azzjonijiet eventwali li għandhom jiġu previsti u x-xorta tagħhom;

14.

Jirrifjuta bil-qawwa kull sforz ta’ finanzjament tal-programm għall-pajjiżi tal-AKP produtturi tal-banana permezz tat-tqassim mill-ġdid tal-linji ta’ baġit għall-koperazzjoni fl-iżvilupp;

15.

Jinnota l-importanza li r-riżorsi mill-BAM jiġu allokati fost il-pajjiżi skont it-telf mistenni f'termini ta’ importazzjonijet u ta’ produzzjoni tal-banana flimkien mal-livell ta’ żvilupp tal-pajjiż, l-indikaturi piżati u l-kummerċ tal-banana mal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jinstab bilanċ ġust bejn it-tliet tipi ta’ interventi li jistgħu jitwettqu u li mhumiex reċiprokament esklussivi: dawk għat-titjib tal-effiċjenza tal-produzzjoni attwali, dawk li jkabbru l-valur miżjud lokali, u dawk li jgħinu diversifikazzjoni lil hinn mill-produzzjoni tal-banana;

16.

Jistieden lill-Istati tal-UE u tal-AKP iressqu miżuri ta’ għajnuna għall-Istati li għandhom dipendenza qawwija fuq il-banana, biex jiddiversifikaw l-ekonomiji tagħhom, inkluż aktar bl-għoti ta’ aktar Għajnuna għall-Kummerċ;

17.

Jenfasizza li l-banana tikkostitwixxi wieħed mill-prodotti agrikoli prinċipali f'ċerti regjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni, partikularment fid-dipartimenti barranin Franċiżi tal-Gwadalupe u l-Martinique, l-Azores Madejra u l-Gżejjer Kanarji;

18.

Jirrakkomanda li titqies l-importanza soċjoekonomika tas-settur tal-banana fir-reġjuni l-iktar imbiegħda tal-UE, kif ukoll il-kontribut li jagħti għall-ilħiq tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, minħabba d-dħul u x-xogħol li jiġġenera, l-attivitajiet ekonomiċi li joħloq u l-effett li jżomm bilanċ ekoloġiku u tal-pajsaġġi, li jiffavorixxi l-iżvilupp tat-turiżmu;

19.

Jinnota li l-programm ta’ appoġġ POSEI kien deċiż fl-2006 fid-dawl tat-tariffa ta’ aċċess għas-suq Ewropew ta’ EUR 176/tunnellata, pprovata mid-WTO, dan ifisser li t-tariffa li tidher fil-ftehimiet tad-WTO dwar il-Kummerċ tal-Banana għadha ma ġietx ikkunsidrata fil-pakkett tal-POSEI; iħeġġeġ lill-awtoritajiet rilevanti tal-UE biex jaġġustaw il-pakkett ta’ appoġġ għall-produttri domestiċi tal-UE previst fil-pakkett tal-POSEI u biex jieħdu passi ulterjuri biex jiżguraw li b'mod parallel għat-tendenzi tal-kummerċ globali tal-banana, il-produtturi tal-UE għandhom jkunu jistgħu jibqgħu fuq is-suq u jippromwovu l-attivitajiet tradizzjonali tagħhom;

20.

Iqis li l-produtturi tal-banana minn pajjiżi AKP u mill-UE u r-reġjuni perifiċi tagħha, jistgħu jiġu effetwati b'mod qawwi mill-Ftehimiet dwar il-Kummerċ tal-Banana; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex iżżid l-appoġġ tagħha għalihom u biex testendi dak l-appoġġ sal-2020 jekk meħtieġ;

21.

Jinnota li l-produzzjoni tal-banana fl-ibgħad reġjuni tal-UE (OR) għandha standards soċjali u ambjentali ogħla minn dawk li jeżistu f'bosta pajjiżi tal-Amerika Latina; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fl-ORs, l-użu ta’ materja attiva differenti bħall-pestiċidi, tirrappreżenta dożi ta’ madwar 20 sa 40 darba onqos minn dawk użati fil-pajjiżi tal-Amerika t'Isfel u Ċentrali, filwaqt li fil-qasam fitosanitarju, ħafna mill-materja attiva pprojbita mir-regolament Ewropew għall-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel, tintuża b'mod estensiv fil-pjantaġġuni tal-Amerika t'Isfel u Ċentrali;

22.

Jinnota li fil-ftehimiet bilaterali l-aktar reċenti milħuqa mill-UE mal-produtturi tal-banana (il-Ftehim Kummerċjali bejn Diversi Partijiet mal-Kolombja u l-Perù u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Amerika Ċentrali), l-UE aċċettat li tnaqqas progressivament it-tariffa ta’ importazzjoni tagħha għall-banana li toriġina minn dawn il-pajjiżi sa EUR 75/tunnellata sal-1 ta’ Jannar 2020;

23.

Jinnota li l-marġini preferenzjali ta’ EUR 39/tunnellata li fl-aħħar mill-aħħar ingħata bil-ftehimiet għandu jtejjeb il-kompetittività b'mod sinifikanti għat-tmien pajjiżi Andini u tal-Amerika Ċentrali u kumpaniji transnazzjonali li joperaw fir-reġjun dwar is-suq tal-UE fil-konfront tal-esportaturi l-oħra jenfasizza li mill-2020 'il quddiem, il-vantaġġi għal dawk il-pajjiżi li diġà jesportaw il-banana lejn l-UE ser ikunu qawwija ħafna, peress li kemm l-esportazzjonijiet tagħhom kif ukoll l-prezz mħallas lilhom ser jiżdied;

24.

Jenfasizza li esportaturi MFN l-oħrajn lejn l-UE (l-iktar importanti fosthom hu l-Ekwador), kif ukoll il-pajjiżi tal-AKP u dawk l-anqas żviluppati jistgħu jesperjenzaw tnaqqis fil-kompetittività relattiva tagħhom fis-suq tal-UE fil-konfront tal-firmatarji tal-Ftehimiet dwar il-Kummerċ tal-Banana;

25.

Jikkunsidra li l-aċċess għas-suq tal-UE għandu jingħata biss lill-produtturi li jirrispettaw l-aġenda għal xogħol deċenti tal-ILO, kif ukoll id-drittijiet tal-bniedem u r-regoli ambjentali;

26.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex igħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-Parlament tal-Istati Membri u tal-Brażilm il-Kolombja, il-Kosta Rika, l-Ekwador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, il-Messiku, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Perù u l-Venezwela, l-Istati Uniti u l-pajjiżi tal-AKP.


(1)  ĠU C 285 E, 22.11.2006, p. 126.

(2)  ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 155.

(3)  ĠU C 296 E, 6.12.2006, p. 123.

(4)  ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 244.

(5)  ĠU C 308 E, 16.12.2006, p. 182.

(6)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 301.

(7)  ĠU C 323 E, 18.12.2008, p. 361.

(8)  ĠU C 259 E, 29.10.2009, p. 64.

(9)  ĠU C 259 E, 29.10.2009, p. 77.

(10)  ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 31.

(11)  ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 101.

(12)  ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 256.

(13)  Testi adottati, P7_TA(2010)0141.

(14)  Testi adottati, P7_TA(2010)0387.