28.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/29


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tisħiħ tal-koeżjoni tal-UE u tal-koordinazzjoni tal-politika soċjali tal-UE permezz tal-klawżola soċjali orizzontali ġdida fl-Artikolu 9 tat-TFUE” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 24/06

Relatur: is-Sur LECHNER

Nhar l-20 ta’ Jannar 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

It-tisħiħ tal-koeżjoni tal-UE u tal-koordinazzjoni tal-politika soċjali tal-UE permezz tal-klawżola soċjali orizzontali ġdida fl-Artikolu 9 tat-TFUE.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-28 ta’ Settembru.

Matul l-475 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta’ Ottubru 2011 (seduta tas-26 ta’ Ottubru 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’113-il vot favur, vot wieħed (1) kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Waħda mill-innovazzjonijiet fundamentali tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea hija l-klawżola soċjali orizzontali (KSO, l-Artikolu 9 tat-TFUE) li tgħid li: “Fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg, mal-garanzija ta’ protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma’ livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.” Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) li, fid-dawl tal-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona, għandu iżjed responsabbiltà li jikkontribwixxi għad-dimensjoni soċjali tal-UE, huwa tal-fehma li din id-dispożizzjoni tista’ tirrappreżenta pass kbir ’il quddiem lejn UE iżjed soċjali biss jekk tiġi applikata kif suppost. Għal dan il-għan, huwa jappoġġja bosta konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet li ħarġu minn studju akkademiku indipendenti kkummissjonat mill-Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fit-tieni nofs tal-2010 (1).

1.2   Il-KESE jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-KSO tikkostitwixxi l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni primarja li l-Istati Membri lkoll impenjaw ruħhom li jagħmlu meta ffirmaw u rratifikaw it-Trattat ta’ Lisbona. Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-metodi tagħha m’għandhomx ikunu limitati iżda, għall-kuntrarju, għandha tiġi applikata fil-politiki u l-attivitajiet rilevanti kollha tal-Unjoni, inklużi dawk ekonomiċi, kemm mill-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll mill-Istati Membri individwali.

1.3   Il-Kummissjoni Ewropea, li permezz tat-Trattat ta’ Lisbona ngħatat il-kompitu li tippromovi “l-interess ġenerali tal-Unjoni” (Artikolu 17 tat-TUE), għandha tiżgura li l-KSO tiġi applikata b’mod sodisfaċenti, u li ssir referenza għaliha u tiġi kkunsidrata bis-sħiħ fid-dokumenti u fit-testi ġudizzjarji rilevanti kollha u taqdi rwol biex jintlaħqu l-għanijiet ġodda tat-Trattat kemm mill-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Istati Membri.

1.4   Il-Kummissjoni Ewropea għandha ssaħħaħ iżjed ir-rwol tal-valutazzjoni tal-impatt soċjali fi ħdan is-Sistema tal-Valutazzjoni tal-Impatt (SVI) globali tagħha. Din is-sistema għandha tkun rikonoxxuta bħala għodda ewlenija li tiżgura b’mod sistematiku li l-għanijiet soċjali komuni tal-UE jiġu standardizzati fl-oqsma ta’ politika rilevanti kollha tal-UE.

1.5   Il-KSO għandha tiġi applikata fl-oqsma wiesgħa u l-arkitettura globali tal-governanza soċjoekonomika l-ġdida tal-UE fi ħdan l-Istrateġija Ewropa 2020 li ntlaħaq ftehim dwarha mill-Kunsill Ewropew fl-2010. Trid tiġi applikata għat-tliet prijoritajiet tagħha (tkabbir intelliġenti, tkabbir sostenibbli u tkabbir inklużiv), kif ukoll fil-monitoraġġ tal-progress li jsir biex jintlaħqu l-ħames miri ewlenin (li għad iridu jiġu trasposti f’miri nazzjonali u li għandhom jikkontribwixxu b’mod effettiv biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE), is-seba’ inizjattivi ewlenin, l-għaxar linji gwida integrati għall-impjieg u l-politiki ekonomiċi, is-“Semestru Ewropew” u l-governanza ekonomika ġdida.

1.6   Għalhekk, flimkien mas-sezzjonijiet speċjalizzati kollha tiegħu, il-KESE ser jikkunsidra b’mod adegwat il-KSO – li hija legalment vinkolanti – u l-klawżoli orizzontali l-oħra li huma wkoll legalment vinkolanti (Artikoli 8 sa 12 tat-TFUE) fl-opinjonijiet u ħidma oħra tiegħu bil-għan li jsaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-UE.

1.7   F’kull waħda mill-opinjonijiet tiegħu mħejjija għall-Kummissjoni Ewropea jew korpi oħra tal-UE, il-KESE ser jikkunsidra kull darba jekk saritx valutazzjoni adegwata tal-impatt soċjali. Fejn meħtieġ, ser iħeġġeġ lill-korpi tal-UE kompetenti biex isibu soluzzjoni għal dan in-nuqqas.

1.8   Il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (KPS), fid-dawl tar-responsabbiltà tiegħu għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam soċjali, għandu rwol importanti x’jaqdi biex jiżgura dimensjoni soċjali b’saħħitha għall-Istrateġija Ewropa 2020 u, b’mod iżjed ġenerali, biex jimplimenta UE iżjed soċjali. Huwa kruċjali li fil-ġejjieni jaqdi rwol sħiħ fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ globali tal-Istrateġija Ewropa 2020, b’mod ugwali flimkien mal-Kumitat tal-Politika Ekonomika u l-Kumitat tal-Impjiegi fi ħdan l-UE.

1.9   Bil-għan li jippromovi u jsaħħaħ il-valutazzjoni tal-impatt soċjali fil-livell nazzjonali u sottonazzjonali, il-KPS għandu jagħti preċedenza assoluta lill-approfondir tal-ħidma eżistenti dwar din il-kwistjoni, u jiżgura li l-gruppi vulnerabbli emerġenti u n-nuqqasijiet fil-qasam tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel jkunu mmirati aħjar. Għandu jippromovi komprensjoni iżjed profonda ta’ din l-għodda, iħeġġeġ lill-Istati Membri jintegrawha fil-proċessi ta’ politika tagħhom sa minn stadju bikri u jappoġġjaw l-iżvilupp u t-tixrid tal-għarfien dwar l-għodod, il-metodi u s-sorsi tad-data meħtieġa biex jagħmluha effettiva. Fl-istess ħin, għandu jissorvelja u jagħti rapporti regolari dwar l-użu tal-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali mill-Istati Membri fil-kuntest tal-iżvilupp tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR).

1.10   Il-KPS iddeċieda li jippubblika rapport annwali li jiġbor fih valutazzjoni tal-progress li sar biex tintlaħaq il-mira tal-UE fil-qasam tal-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar, monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-aspetti soċjali tal-linji gwida integrati u attivitajiet oħra relatati mal-monitoraġġ tas-sitwazzjoni soċjali u l-iżvilupp ta’ politiki meħuda fil-kuntest tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam soċjali (2). Ikun utli jekk dan ir-rapport isir il-valutazzjoni annwali tad-dimensjoni soċjali tal-Istrateġija Ewropa 2020 u jikkontribwixxi għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea u l-gwidi għall-politika tal-UE u, possibbilment, ir-rakkomandazzjonijiet soċjali li tagħmel lill-Istati Membri dwar il-PNR tagħhom. Skont ftehim li ntlaħaq mill-KPS, din il-valutazzjoni tal-KPS ser tkun ibbażata fuq rapporti strateġiċi annwali mressqa mill-Istati Membri dwar il-progress li sar biex jintlaħqu l-għanijiet soċjali komuni mħaddna mill-UE u l-pjani aġġornati li jqisu ċ-ċiklu politiku nazzjonali.

1.11   Il-KESE ser iħejji opinjoni annwali dwar l-applikazzjoni tal-KSO, li għaliha ser tkun iddedikata parti speċifika importanti fl-opinjoni, u dwar l-applikazzjoni tal-klawżoli soċjali orizzontali l-oħrajn, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u dispożizzjonijiet soċjopolitiċi oħra fit-Trattat ta’ Lisbona, kif ukoll il-leġislazzjoni sekondarja u miżuri legali u politiċi oħrajn, u ser jeżamina jekk l-għanijiet u l-miri ġewx rispettati u promossi. Ser jivvaluta u jeżamina sa liema punt dawn jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-UE kemm mil-lat soċjali kif ukoll minn dak tad-drittijiet fundamentali, u jirrakkomanda passi konkreti dwar kif l-għanijiet u l-miri jistgħu jintlaħqu b’mod iżjed effettiv. Is-seduta li ser issir dwar dan is-suġġett tipprovdi opportunità għal organizzazzjonijiet importanti oħrajn li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili fis-settur soċjali biex iressqu l-fehmiet u r-rapporti speċifiċi tagħhom. Ir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet Ewropej ser jingħataw kull tagħrif meħtieġ dwar din l-opinjoni annwali tal-KESE.

1.12   Il-KESE u l-kunsilli ekonomiċi u soċjali nazzjonali u istituzzjonijiet simili fl-Istati Membri għandhom jagħtu sehemhom bħala partijiet interessati fl-implimentazzjoni tal-KSO u l-SVI billi jappoġġjaw l-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej u l-proġetti taċ-ċittadini fid-djalogu ċivili dwar kwistjonijiet ta’ politika soċjali. Il-Kumitat ta’ Tmexxija Ewropa 2020 fi ħdan il-KESE għandu jaqdi rwol ċentrali fil-monitoraġġ u r-rappurtar tal-kontenut u l-proċess tal-PNR.

1.13   Il-KESE u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jikkonkludu ftehim interistituzzjonali li jispeċifika li l-Kummissjoni tressaq il-valutazzjonijiet tal-impatt kollha dwar id-dossiers tal-Kummissjoni quddiem il-KESE, sabiex dan ikun jista’ jikkunsidrahom fl-opinjonijiet u r-rapporti tiegħu.

2.   Il-kuntest tal-iżvilupp ta’ UE iżjed soċjali

2.1   It-Trattat ta’ Lisbona u l-Istrateġija Ewropa 2020 jipprovdu opportunitajiet sinifikanti biex jinkiseb bilanċ aħjar u iżjed b’saħħtu bejn l-għanijiet ekonomiċi, soċjali u dawk marbuta mal-impjieg – u b’hekk, lejn UE soċjali iżjed b’saħħitha. Kif kien enfasizzat fl-istudju akkademiku diġà msemmi kkummissjonat mill-Presidenza Belġjana tal-UE fl-2010, hemm ħames opportunitajiet li jispikkaw (3).

2.1.1   It-Trattat ta’ Lisbona, permezz tal-KSO tiegħu, jipprovdi bażi legali bil-għan li jiġi kkunsidrat l-impatt soċjali tal-politiki. B’hekk inħolqot ukoll għodda biex tintegra l-għanijiet soċjali fl-oqsma ta’ politika rilevanti kollha (inklużi l-politiki u l-miżuri mhux soċjali) u tissorvelja u tirrapporta dwar l-impatt tal-politiki.

2.1.2   It-Trattat u l-Istrateġija Ewropa 2020 (permezz tal-miri u l-inizjattivi ewlenin tal-UE li jiġbru fihom) żiedu l-viżibbiltà potenzjali u l-importanza tal-kwistjonijiet soċjali – b’mod partikolari, iżda mhux biss, fil-qasam tal-inklużjoni soċjali u l-faqar.

2.1.3   L-Istrateġija Ewropa 2020 tirrappreżenta l-possibbiltà ta’ approċċ ferm iżjed integrat u kkoordinat għall-governanza ekonomika, soċjali u ambjentali, kif ukoll dik marbuta mal-impjieg. Dan jista’ jiżgura li l-politiki f’dawn l-oqsma jsaħħu lil xulxin b’mod ġenwin.

2.1.4   Skont it-Trattat il-ġdid, żdiedet il-possibbiltà li s-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali jitħarsu aħjar, jissaħħu u jiġu modernizzati, u jiġu protetti aħjar is-servizzi ta’ interess ġenerali, u speċjalment is-servizzi soċjali, li jistgħu jikkontribwixxu biex jistabbilixxu mill-ġdid il-bilanċ bejn l-UE u l-livelli nazzjonali.

2.1.5   It-Trattat jiġġustifika l-fatt li l-UE tieħu miżuri f’firxa usa’ ta’ kwistjonijiet soċjali milli għamlet s’issa – pereżempju tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ tagħlim u taħriġ, tipproteġġi saħħet il-bniedem u tnaqqas l-inugwaljanzi. Dan jista’ jwassal biex il-varjetà ta’ politiki “soċjali” fis-sens wiesa’ tal-kelma jiġu kkoordinati aktar milli sar s’issa.

2.2   Kif enfasizza s-Sur J.-M. Barroso, President tal-Kummissjoni Ewropea, “l-aġenda tal-Ewropa 2020, u l-fatt li stabbilixxiet mira relatata mal-inklużjoni soċjali, enfasizzat tliet dimensjonijiet tal-faqar u l-esklużjoni. Iżda, huwa importanti wkoll li l-Istati Membri – u l-UE inġenerali – ikomplu jissorveljaw il-prestazzjoni permezz tal-firxa sħiħa tal-indikaturi soċjali, li dwarhom intlaħaq kunsens u li fuqhom tissejjes il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam soċjali.” (4).

2.3   B’konformità mal-għan il-ġdid tal-UE ta’ “koeżjoni territorjali” (introdott mit-Trattat ta’ Lisbona) u mal-għan tar-reviżjoni baġitarja reċenti li tiffoka l-finanzjament tal-koeżjoni kollu fuq l-għanijiet kollha tal-Istrateġija Ewropa 2020 u b’hekk issaħħaħ il-politika ta’ koeżjoni, l-għan aħħari, li għandu jitpoġġa fil-qalba tal-perspettivi finanzjarji li jmiss (għall-perjodu ta’ wara l-2013), għandu jkun dak li jiġi żgurat li l-għanijiet soċjali tal-UE jiġu kkunsidrati bis-sħiħ fil-politiki u l-programmi “territorjali” tal-UE. Dan jikkonsisti f’li jiġi żgurat li jiġu żviluppati rabtiet bejn l-għanijiet soċjali tal-UE u l-politika ta’ koeżjoni – jiġifieri, li jiġi sfruttat il-potenzjal tal-għan il-ġdid fil-qasam tal-koeżjoni territorjali fir-regolamenti li jmiss dwar il-programmazzjoni, li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u l-aċċessibbiltà fl-infiq tal-fondi strutturali, li jiġi żgurat li l-politika ta’ koeżjoni tintuża bħala “element preventiv” (5) bil-għan li tippromovi riformi strutturali u istituzzjonali li jsaħħu l-kisbiet tal-għanijiet soċjali tal-UE, u li jiġi inkorporat ukoll l-approċċ territorjali bħala element importanti fil-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam soċjali. Huwa importanti li nenfasizzaw li waħda mid-dimensjonijiet vitali ta’ din it-“territorjalizzazzjoni” ser tkun il-parteċipazzjoni attiva tal-atturi lokali u reġjonali.

2.4   Huwa importanti ħafna li l-mira tal-UE għall-inklużjoni soċjali, kif definita wkoll fl-Istrateġija Ewropa 2020, tissarraf f’azzjoni sinifikanti fil-livell nazzjonali (u possibbilment fil-livell sottonazzjonali wkoll). Il-miri nazzjonali għandhom jikkontribwixxu b’mod ċar għall-kisba globali tal-mira tal-UE. Il-miri għandhom jissejsu fuq l-evidenza. Għandhom jirriflettu korrettament il-mekkaniżmi li jikkawżaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali u l-għanijiet globali tal-politika stabbiliti bil-għan li tiżdied l-inklużjoni soċjali. Għandhom ikejlu r-riżultati konkreti tal-politika u jevitaw kwalunkwe riskju li, biex tintlaħaq din il-mira, ikun hemm distorsjoni tal-għanijiet tal-politika jew inkella jintesew jew jiġu injorati. Bil-għan li jiġi żgurat appoġġ pubbliku u politiku, il-miri għandhom jiġu stabbiliti skont proċess sod, rigoruż u trasparenti. Għandhom jikkunsidraw ukoll il-fehmiet tal-partijiet interessati. Il-progress lejn miri tal-UE fil-livell (sotto)nazzjonali jrid jiġi ssorveljat mill-qrib u jitressaq rapport dwaru.

3.   Il-kuntest tal-applikazzjoni tal-klawżola soċjali orizzontali

3.1   It-Trattat ta’ Lisbona jistipula ċerti bidliet importanti fid-dimensjoni soċjali tal-UE. L-Artikolu 9 tat-TFUE dwar il-klawżola soċjali orizzontali (KSO) jgħid li: “Fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tqis il-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg, mal-garanzija ta’ protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma’ livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.”

3.2   Din il-KSO torbot mal-klawżoli orizzontali l-oħra tat-Trattat dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-ħarsien tal-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, il-protezzjoni tal-annimali u l-SMEs (l-Artikoli 8, 10, 11, 12, 13 u 153 tat-TFUE). L-UE u l-korpi kollha tagħha – fosthom il-KESE bħala korp konsultattiv – flimkien mal-Istati Membri għandhom l-obbligu japplikaw dawn il-klawżoli orizzontali fil-proposti, politiki u azzjonijiet rilevanti kollha (6). Dan japplika wkoll għad-dokumenti u t-testi ġudizzjarji rilevanti kollha.

3.3   L-għan tal-KSO huwa li tiżgura li l-attivitajiet kollha tal-UE jikkunsidraw bis-sħiħ id-dimensjoni soċjali billi ssegwi s-sitt sottogħanijiet fl-Artikolu 9 tat-TFUE, bil-għan li jinkisbu l-valuri u l-għanijiet fundamentali tal-UE fl-ambitu tar-responsabbiltajiet tagħha (Artikoli 2 u 3 tat-TUE u Artikolu 7 tat-TFUE).

3.4   L-għan ewlieni tal-isforz tal-Istati Membri huwa “li jtejbu kostantement l-għajxien u l-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-popli tagħhom” (Preambolu tat-TFUE, paragrafu 3). L-Unjoni u l-Istati Membri “għandu jkollhom bħala mira l-promozzjoni tal-impjieg, it-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, sabiex jagħmlu possibbli l-armonizzazzjoni tagħhom” (Artikolu 151 tat-TFUE).

3.5   L-istituzzjonijiet responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet ma għandhomx jillimitaw l-applikazzjoni tal-KSO la fl-ambitu tagħha (pereżempju, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali), la fil-metodi (pereżempju, il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni għall-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali (MMK Soċjali), u l-valutazzjonijiet tal-impatt), u lanqas għal attivitajiet tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, iżda, għall-kuntrarju, għandhom japplikawha bl-iżjed mod wiesa’ possibbli fil-politiki tal-UE kollha, b’mod partikolari l-politika ekonomika u estera. Il-KSO għandha twassal għal testi leġislattivi li jiżguraw li jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat il-ġdid kemm mill-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Istati Membri.

3.6   Kif enfasizzat fir-Rapport Ġenerali dwar l-Attivitajiet tal-Unjoni Ewopea tal-2010 (p. 21), it-Trattat ta’ Lisbona jinkariga lill-KESE b’iżjed responsabbiltà bil-għan li jikkontribwixxi għad-dimensjoni soċjali tal-UE.

3.7   Għalhekk, jeħtieġ li l-KESE jqis il-KSO – li hija legalment vinkolanti – u l-klawżoli orizzontali l-oħra li huma wkoll legalment vinkolanti (Artikoli 8 sa 12 tat-TFUE) fl-opinjonijiet u ħidma oħra tiegħu bil-għan li jsaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-UE. B’hekk, il-KESE jappoġġja wkoll l-approċċ proattiv u preventiv tal-KSO.

3.8   Il-KESE diġà adotta opinjoni komprensiva dwar il-KSO u l-MMK Soċjali (7), u oħra dwar kif is-soċjetà inġenerali tgawdi mill-benefiċċji soċjali (8). F’dawn iż-żewġ opinjonijiet, il-KESE osserva li l-implimentazzjoni prattika effettiva u dinamika tal-KSO fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE tista’ tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tisħiħ tal-koeżjoni u l-koordinazzjoni tal-UE fil-qasam tal-politika soċjali.

3.9   Fit-tieni nofs tal-2010, saru għadd ta’ konferenzi fuq l-inizjattiva tal-Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-UE li enfasizzaw l-importanza tal-KSO u tas-sistema tal-valutazzjoni tal-impatt soċjali fl-iżvilupp tad-dimensjoni soċjali tal-UE (9). Il-KSO tat-Trattat il-ġdid ta’ Lisbona titlob għal enfasi iżjed b’saħħitha fuq id-dimensjoni soċjali tal-politiki tal-UE. Bil-għan li jitqiesu l-effetti soċjali tal-politiki kollha tal-UE, jinħtieġ djalogu strutturat bejn u fi ħdan l-istituzzjonijiet kollha tal-UE. Dan jitlob li l-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-Kunsill Ewropew u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jimpenjaw ruħhom favur djalogu bejn u fi ħdan l-istituzzjonijiet tagħhom (10).

3.10   Mekkaniżmi oħra għat-titjib tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni tal-politika soċjali tal-UE, flimkien mal-KSO u l-SVI, jinkludu l-MMK Soċjali, il-politika ta’ koeżjoni tal-UE u l-għanijiet tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali (11).

3.11   L-SVI huma għodda prinċipali fl-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-KSO, u l-Kummissjoni Ewropea tappoġġja dan permezz tal-linji gwida tagħha dwar l-SVI fil-kuntest tal-governanza tajba (12) u regolamentazzjoni aħjar u intelliġenti (13).

3.11.1   Il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-UE u l-Parlament Ewropew ukoll għandhom ftehim interistituzzjonali dwar l-użu tal-SVI (14).

3.11.2   Il-Kummissjoni Ewropea żviluppat ukoll il-linji gwida tagħha dwar il-valutazzjoni tal-impatti soċjali fi ħdan is-sistema tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni (15), u ppjanat ħdax-il valutazzjoni tal-impatt għall-2011 fil-qasam tal-impjieg u dak soċjali (16).

3.11.3   Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri analizzat il-valutazzjonijiet tal-impatt għall-perjodu 2005–2008 b’mod komprensiv u tathom valutazzjoni pożittiva (17).

3.11.4   Il-Kumitat tar-Reġjuni diġà qed jikkoopera mal-Kummissjoni Ewropea dwar ċerti SVI (18).

3.11.5   Il-Kunsill talab lill-Kummissjoni Ewropea tapplika l-Artikolu 9 tat-TFUE u l-SVI soċjali (19), u l-proposta 29 tal-Att tas-Suq Uniku tissuġġerixxi li ssir analiżi tal-impatt soċjali.

3.11.6   Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ġiet ikkunsidrata b’mod sistematiku fil-proposti leġislattivi tal-Kummissjoni Ewropea, u fl-2010 l-Kummissjoni ressqet strateġija għall-implimentazzjoni tagħha (20) li dwarha l-KESE diġà ħareġ opinjoni (21).

3.11.7   Il-KESE diġà adotta opinjonijiet pożittivi dwar l-introduzzjoni, l-abbozzar u l-applikazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-impatt kif ukoll dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà u l-politika kummerċjali tal-UE (22)

3.11.8   L-SVI huma għodda ta’ politika potenzjalment b’saħħitha iżda diffikultuża fil-prattika. Biex ikunu jistgħu jisfruttaw il-potenzjal tagħhom u jiġi żgurat li ma jintużawx biex jilleġittimizzaw proposti ta’ politika predeterminati, irid ikun hemm bidla fil-kultura marbuta mat-tfassil tal-politika, u l-uffiċjali jrid ikollhom biżżejjed ħin, għarfien, ħiliet u appoġġ. Huwa importanti li jiġi promoss is-sehem tal-partijiet interessati fil-proċess. L-implimentazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-impatt għandha tkun kosteffettiva u proporzjonata mal-għanijiet tagħhom.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Il-klawżola soċjali orizzontali (Artikolu 9 tat-TFUE) hija waħda mill-innovazzjonijiet prinċipali tal-politika soċjali fit-Trattat ta’ Lisbona li l-potenzjal tagħha jrid jintuża bis-sħiħ. Tipprovdi mandat b’saħħtu biex jiġu kkunsidrati l-għanijiet fil-politiki, l-inizjattivi u l-attivitajiet rilevanti kollha tal-UE. B’dan l-artikolu, l-iżvilupp ta’ UE soċjali għandu jsir kompitu trasversali tal-UE li jolqot l-oqsma ta’ politika kollha. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-KSO għandha tiġi kkunsidrata fil-programmi Ewropej fil-qasam tar-riċerka wkoll.

4.2   Il-KSO hija partikolarment importanti u urġenti fid-dawl tal-fatt li l-impatt tal-kriżi finanzjarja, ekonomika u baġitarja jixħet dawl fuq l-importanza, kemm għall-UE inġenerali kif ukoll għal kull wieħed mill-Istati Membri, li tiġi kkunsidrata bis-sħiħ id-dimensjoni soċjali tal-UE. L-iżbilanċ bejn it-tisħiħ tal-integrazzjoni ekonomika fis-Suq Uniku u l-iżvilupp addizzjonali tad-dimensjoni soċjali tal-UE għandu jingħeleb. Għalhekk, l-implimentazzjoni ta’ dan l-istrument ġdid tista’ tgħin biex tnaqqas l-iskuntentizza li ilha tinħass f’ħafna Stati Membri u tegħleb ix-xettiċiżmu dejjem jikber fi ħdanhom fir-rigward tal-valur miżjud li toffri l-Unjoni Ewropea, speċjalment mill-perspettiva ta’ progress ekonomiku, soċjali u fil-politika tal-impjieg, filwaqt li l-Istati Membri jieħdu responsabbiltà individwali akbar.

4.3   F’kull waħda mill-opinjonijiet tiegħu mħejjija għall-Kummissjoni Ewropea jew korpi oħra tal-UE, il-KESE ser jikkunsidra kull darba jekk saritx valutazzjoni adegwata tal-impatt soċjali. Fejn meħtieġ, ser iħeġġeġ lill-korpi tal-UE kompetenti biex isibu soluzzjoni għal dan in-nuqqas.

4.4   Il-Parlament Ewropew għandu rwol importanti x’jaqdi fl-applikazzjoni tal-KSO, fost l-oħrajn, fl-evalwazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali tal-Kummissjoni Ewropea u korpi oħra tal-UE fuq bażi regolari (23).

4.5   L-Istati Membri huma mitluba wkoll japplikaw il-KSO u l-klawżoli orizzontali l-oħra kollha fil-proposti, politiki u azzjonijiet rilevanti kollha u t-testi legali u ġudizzjarji rilevanti kollha. Għandhom jimplimentaw l-SVI soċjali għal dawn il-finijiet.

4.6   Huwa essenzjali li jkun hemm parteċipazzjoni ġenwina mis-soċjetà ċivili organizzata fl-istadji u l-livelli kollha sabiex jiġi żgurat l-użu effettiv tal-KSO u l-MMK Soċjali (24). Il-KESE huwa korp konsultattiv magħmul minn rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, l-impjegati, u partijiet oħra li jirrappeżentaw is-soċjetà ċivili mis-27 Stat Membru kollha. Għalhekk, ilaqqa’ flimkien il-partijiet interessati ewlenin fi ħdan l-UE u għalhekk huwa l-korp ideali biex jagħmel kontribut sinifikanti għall-promozzjoni u l-aħjar użu tal-SVI.

4.7   Il-KESE jista’ jikkontribwixxi għall-iżvilupp u t-tisħiħ tal-għanijiet tal-politika soċjali u d-djalogu soċjali u ċiviku fl-Istati Membri, billi jsaħħaħ l-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni mal-kunsilli ekonomiċi u soċjali (KES) u istituzzjonijiet simili fl-Istati Membri u mal-imsieħba soċjali, ma’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess oħra u organizzazzjonijiet rilevanti oħra tas-soċjetà ċivili fis-settur soċjali fil-livelli kollha (UE, nazzjonali u reġjonali). Il-ħidma li saret mill-Kumitat ta’ Tmexxija Ewropa 2020 fi ħdan il-KESE, li jissorvelja u jressaq rapporti fuq bażi regolari dwar il-kontenut u l-proċess tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, għandha tgħin ukoll f’dawn l-isforzi.

4.8   Il-Pjattaforma Soċjali Ewropea (25) u l-membri kostitwenti tagħha, li jinkludu numru ta’ organizzazzjonijiet soċjali settorjali (fosthom organizzazzjonijiet tan-nisa u organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw ’il-persuni mdaħħla fl-età, il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni foqra u mingħajr dar), kif ukoll organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili oħrajn attivi fis-settur soċjali fil-livell Ewropew u dak nazzjonali, ukoll għandhom rwol importanti x’jaqdu biex jiżguraw li l-KSO tiġi applikata b’mod sodisfaċenti fil-livell tal-UE u fil-livell (sotto)nazzjonali.

4.9   L-inizjattiva ewlenija fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 “Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali” (26) flimkien mal-ħidma tal-KESE f’dan il-qasam (27) u dwar l-inizjattivi ewlenin l-oħra fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 għandhom ukoll jikkontribwixxu biex jiżguraw applikazzjoni bilanċjata tal-KSO fil-livell Ewropew, nazzjonali u sottonazzjonali.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   Id-dispożizzjonijiet tal-politika soċjali tat-Trattat ta’ Lisbona (b’mod partikolari l-Artikoli 145 sa 166 u l-Artikolu 168 tat-TFUE) u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (b’mod partikolari l-Kapitolu IV dwar is-Solidarjetà) jagħtu forma konkreta lill-klawżola soċjali orizzontali, u għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ.

5.2   Il-KESE ser jippubblika opinjoni annwali dwar l-applikazzjoni tal-KSO u l-klawżoli soċjali orizzontali l-oħrajn (Artikoli 8, 9 u 10 tat-TFUE), il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (b’attenzjoni partikolari għad-drittijiet soċjali bażiċi) u d-dispożizzjonijiet soċjopolitiċi l-oħra fit-Trattat ta’ Lisbona (b’mod partikolari l-Artikoli 145 sa 166 u l-Artikolu 168 tat-TFUE), kif ukoll il-leġislazzjoni sekondarja u miżuri legali u politiċi oħrajn, u ser jeżamina jekk l-għanijiet u l-miri soċjali ġewx rispettati u promossi. Ser jivvaluta u jeżamina sa liema punt dawn jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-UE kemm mil-lat soċjali kif ukoll minn dak tad-drittijiet fundamentali. Fejn meħtieġ, l-opinjoni ser tirrakkomanda wkoll passi konkreti dwar kif l-għanijiet u l-miri soċjali jistgħu jintlaħqu b’mod iżjed effettiv kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali. Ir-rapport annwali tal-KPS dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa 2020 (28) ser jiġi kkunsidrat f’dan ir-rigward.

5.2.1   Minbarra l-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti ta’ interessi varji, organizzazzjonijiet kbar oħrajn li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili fis-settur soċjali ser ikollhom l-opportunità jippreżentaw l-opinjonijiet u r-rapporti speċifiċi tagħhom matul seduta tal-KESE dwar is-suġġett li ssir kull darba li titħejja opinjoni.

5.2.2   Ir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE, b’mod partikolari l-Kunsill Ewropew, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u l-Bank Ċentrali Ewopew, ser jingħataw kull tagħrif meħtieġ dwar l-opinjoni annwali tal-KESE.

5.3   Il-KESE u l-KES u istituzzjonijiet simili fl-Istati Membri għandhom jagħtu sehemhom bħala partijiet interessati fl-implimentazzjoni tal-KSO u l-SVI soċjali billi jappoġġjaw l-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej u l-proġetti taċ-ċittadini fid-djalogu ċivili dwar kwistonijiet ta’ politika soċjali.

5.4   Il-KESE u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jikkonkludu ftehim interistituzzjonali li jispeċifika li l-Kummissjoni tressaq il-valutazzjonijiet tal-impatt kollha dwar id-dossiers tal-Kummissjoni quddiem il-KESE, sabiex ikun jista’ jikkunsidrahom fl-opinjonijiet u r-rapporti tiegħu.

5.5   Il-KESE, flimkien mas-sezzjonijiet speċjalizzati kollha tiegħu, ser jikkunsidra b’mod adegwat il-KSO – li hija legalment vinkolanti – u l-klawżoli orizzontali l-oħra li huma wkoll legalment vinkolanti (Artikoli 8 sa 12 tat-TFUE) fl-opinjonijiet u ħidma oħra tiegħu bil-għan li jsaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-UE (pereżempju, klawżoli soċjali fil-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles (29), id-dimensjoni soċjali tas-suq intern, il-valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà u l-politika kummerċjali tal-UE (30)).

Brussell, 26 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Marlier, E. u Natali, D. (ed.) flimkien ma’ Van Dam, R. (2010), “Europe 2020: Towards a More Social EU?”, Brussell: PIE Peter Lang.

(2)  Opinjoni tal-KPS dwar “Id-dimensjoni soċjali tal-Istrateġija Ewropa 2020”, SPC/2010/10/7 finali.

(3)  Ara nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(4)  Daħla fil-pubblikazzjoni Atkinson, A.B. u Marlier, E. (ed./2010), “Income and living conditions in Europe”, il-Lussemburgu, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

(5)  Kummissjoni Ewropea (2010) “It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għall-istabilità, it-tkabbir u l-impjiegi – Għodda għal governanza ekonomika tal-UE isħaħ”, COM (2010) 367 finali.

(6)  Schorkopf, F. (2010) Art. 9 AEUV [Artikolu 9 tat-TFUE], fil-pubblikazzjoni: “Das Recht der Europaischen Union. Kommentar” [Il-Liġi tal-Unjoni Ewropea. Kummentarju]; Nettesheim, Martin (Ed.).

(7)  Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar “Il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni u l-klawżola soċjali fil-kuntest tal-Ewropa 2020” (ĠU C 44, 11.2.2011, p. 23).

(8)  Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar “L-iżvilupp tal-benefiċċji soċjali” (ĠU C 44, 11.2.2011, p. 28).

(9)  B’mod partikolari, fil-każ tal-konferenza dwar “Il-koordinazzjoni tal-UE fil-qasam soċjali fil-kuntest tal-Ewropa 2020: Nagħtu ħarsa lura fiż-żmien u nibnu l-ġejjieni”, 14-15 ta’ Settembru 2010, La Hulpe, il-Belġju.

(10)  “The horizontal social clause and social mainstreaming in the EU” (“Il-klawżola soċjali orizzontali u l-istandardizzazzjoni soċjali fl-UE”), it-Tielet Forum dwar is-Servizzi Soċjali ta’ Interess Ġenerali, 26-27 ta’ Ottubru 2010.

(11)  Opinjoni tal-KPS approvata mill-Kunsill tal-Ministri EPSCO f’Ġunju 2011.

(12)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-gvernanza effettiva tal-Istrateġija ta’ Lisbona mġedda” (ĠU C 175, 28.8.2009, p. 13).

(13)  Opinjoni tal-KESE dwar “Regolamentazzjoni intelliġenti” relatur: is-Sur Pegado Liz (ĠU C 248, 25.8.2011, p. 87).

(14)  Approċċ Komuni Interistituzzjonali għall-Valutazzjoni tal-Impatt, 14901/05 JUR.

(15)  Linji Gwida għall-Valutazzjoni tal-Impatti Soċjali fi ħdan is-Sistema tal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni, 2009.

(16)  http://ec.europa.eu/governance/impact/planned_ia/roadmaps_2011_en.htm#empl (20.3.2011).

(17)  Rapport speċjali dwar “Il-valutazzjonijiet tal-impatt fl-istituzzjonijiet tal-UE huma ta’ appoġġ għat-teħid tad-deċiżjonijiet?” Nru 3/2010 (http://ec.europa.eu/governance/impact/docs/coa_report_3_2010_mt.pdf).

(18)  http://ec.europa.eu/governance/impact/ia_in_other/ia_in_other_en.htm (20.3.2011).

(19)  Kunsill EPSCO 6.12.2010, stqarrija għall-istampa. (http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/lsa/118244.pdf).

(20)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2010) 573 finali.

(21)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, relatur: is-Sinjura Bischoff, korelatur: is-Sur Pîrvulescu (ĠU C 376, 22.12.2011, p. 74)

(22)  Opinjoni tal-KESE dwar “Standards ta’ kwalità li għandhom jiġu rispettati, min-naħa tal-imsieħba soċjali u ta’ atturi oħra tas-soċjetà ċivili, fir-rigward tal-kontenut, tal-proċeduri u tal-metodi tal-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali” (ĠU C 175, 27.7.2007, p. 21), u l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-konsultazzjoni dwar l-abbozz ta’ linji gwida tal-Kummissjoni għall-valutazzjoni tal-impatt” (ĠU C 100, 30.4.2009, p. 28); ara wkoll nota 30 f’qiegħ il-paġna.

(23)  Parlament Ewropew, Riżoluzzjoni tat-8.6.2011 (2011/2016 (IND)).

(24)  Ara n-nota 8 f’qiegħ il-paġna.

(25)  Il-Pjattaforma tal-NGOs Ewropej tas-Settur Soċjali (Pjattaforma Soċjali) hija l-alleanza ta’ federazzjonijiet Ewropej u netwerks ta’ NGOs rappreżentattivi li huma attivi fis-settur soċjali. Ara: http://www.socialplatform.org/

(26)  Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=961&langId=mt

(27)  Opinjoni tal-KESE dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali”, relatur: is-Sinjura O'Neill, http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.soc-opinions.14953

(28)  Opinjoni tal-KPS dwar “Id-dimensjoni soċjali tal-Istrateġija Ewropa 2020”, SPC/2010/10/7 finali.

(29)  “Social Standards in Sustainability Chapters of Bilateral Free Trade Agreements”, Lukas, Steinkellner, Ludwig Boltzmann Institute of Human Rights, Vjenna, 2010.

(30)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà (VIS) u l-politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea”, relatur: is-Sinjura Pichenot, (ĠU C 218, 23.7.2011, p. 14) http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.rex-opinions.18107; http://eur-lex.europa.eu/JOHtml.do?year=2011&serie=C&textfield2=218&Submit=Rechercher&ihmlang=mte