22.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 376/15


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “LEADER bħala għodda għall-iżvilupp lokali” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 376/03

Relatur: is-Sur HAKEN

Nhar l-20 ta’ Jannar 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

LEADER bħala għodda għall-iżvilupp lokali

(opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ Settembru 2011.

Matul l-474 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-20 u l-21 ta’ Settembru 2011 (seduta tal-21 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’151 vot favur u 15-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Matul l-aħħar għoxrin sena, il-metodu LEADER ta prova li huwa vijabbli. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-approċċ LEADER jikber bħala strument effikaċi għall-iżvilupp filwaqt li jinżammu l-prinċipji essenzjali tiegħu, li huma l-parteċipazzjoni diretta tas-soċjetà ċivili permezz tar-rappreżentanti tagħha fi ħdan is-sħubija lokali u d-djalogu kontinwu mal-popolazzjoni lokali dwar il-prijoritajiet għall-iżvilupp fil-ġejjieni.

1.2   Fir-rigward tal-programmi operattivi għall-perjodu wara l-2013, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat it-tisħiħ sostanzjali tal-approċċi msejsa fuq is-sħubija (b’mod partikolari s-sħubijiet lokali u reġjonali intersettorjali fiż-żoni rurali kif ukoll, b’mod separat, fiż-żoni urbani), filwaqt li titwettaq l-armonizzazzjoni indispensabbli tal-proċessi u li jiġi żgurat li l-proġetti tagħhom jilħqu livell għoli ta’ valur miżjud, siwi u effikaċja. Is-sħubijiet għandhom dejjem ikunu bbażati fuq approċċ minn isfel għal fuq.

1.3   Il-Kumitat jirrakkomanda li jintuża l-approċċ LEADER u li dan l-approċċ jiġi estiż, fil-forma ta’ sħubijiet minn isfel għal fuq, għall-finanzjament minn fondi oħra tal-UE għaż-żoni rurali. Il-Kumitat jirrakkomanda speċifikament li dan l-istess approċċ, iżda b’isem ieħor, jintuża wkoll fil-bliet sabiex jiġu implimentati l-istrateġiji u l-investimenti relatati mal-iżvilupp. Is-sħubijiet jistgħu jgħinu biex jiġu konnessi l-attivitajiet tal-awtoritajiet lokali, tal-intrapriżi, tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u taċ-ċittadini ta’ lokalità partikolari, abbażi tal-prinċipji tas-sostenibbiltà. Madankollu, dan ifisser li jkollu jiġi abbandunat l-“approċċ settorjali” attwali bejn il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fondi Strutturali u li tiġi limitata t-tendenza li jkun hemm separazzjoni stretta bejn il-fondi, filwaqt li jiġu adottati regolamentazzjonijiet simili sabiex id-diversi fondi jkunu jistgħu jintużaw fil-qafas ta’ sistema ta’ kontroll u ta’ indikaturi komuni.

1.4   Għall-perjodu ta’ wara l-2013, il-Kumitat jipproponi:

a)

approċċ komprensiv għall-iżvilupp lokali fir-reġjuni rurali, li jgħaqqad ir-riżorsi minn fondi differenti f’baġit wieħed u li jkun ibbażat fuq il-possibbiltà li jintużaw il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Ewropew għas-Sajd, il-Fond Soċjali Ewropew u fondi oħrajn, bi proċedura semplifikata u mingħajr ma jiżdied il-piż amministrattiv;

b)

li tiġi diskussa u approvata definizzjoni uniformi taż-żoni rurali, u li tintalab l-applikazzjoni ta’ approċċ integrat fit-tfassil tal-istrateġija għall-iżvilupp lokali;

c)

li l-approċċ LEADER jintuża bħala mudell adatt sabiex jinħolqu u jitħaddmu sħubijiet minn isfel għal fuq;

d)

li f’kull fond jiġu previsti l-possibbiltajiet ta’ finanzjament għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-istrateġija integrata għall-iżvilupp bl-użu tal-kapaċitajiet u l-kompetenzi tas-sħubijiet lokali;

e)

li jiġu definiti b’mod ċar u bir-reqqa l-kunflitti ta’ interess tal-membri tal-gruppi ta’ azzjoni lokali, u b’hekk tiġi indirizzata parti kbira mill-kritika rigward l-implimentazzjoni ta’ LEADER. L-għan ta’ dan hu li tiżdied it-trasparenza u li jissaħħu l-kontroll pubbliku u l-informazzjoni taċ-ċittadini, kif ukoll li tiġi żviluppata l-informazzjoni dwar x’inhuma fil-verità l-gruppi ta’ azzjoni lokali, dwar l-attivitajiet tagħhom u dwar ir-riżultati konkreti tagħhom fil-muniċipalitajiet differenti, eċċ. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ konferenzi, seminars, pubblikazzjonijiet, kampanji fil-mezzi tax-xandir lokali (radju, televiżjoni, stampa, eċċ.).

1.5   Kunċett ewlieni fir-rapport Barca (1) huwa dak tal-“iżvilupp ibbażat fuq il-post”, li għandu jippromovi approċċ lokali jew reġjonali integrat biex jiġu solvuti l-problemi. Din l-istrateġija bbażata fuq il-post għandha l-għan li tikkumbatti n-nuqqas persistenti li jintuża bis-sħiħ il-potenzjal lokali. Għalhekk, hija konformi għalkollox mal-ispirtu u l-objettivi tal-approċċ LEADER, li huwa approċċ minn isfel għal fuq imsejjes fuq in-natura speċifika tal-problemi lokali, fejn il-partijiet interessati lokali jingħaqdu flimkien sabiex jagħmlu użu aktar effettiv mill-potenzjal intrinsiku tar-reġjun tagħhom. Matul id-diskussjonijiet dwar din il-kwistjoni sikwit jintqal li t-Trattat ta’ Lisbona ta ħajja ġdida lill-kunċett tas-sussidjarjetà bit-tisħiħ tar-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

1.6   Il-Kumitat jirrakkomanda li jitnaqqas b’mod sinifikanti l-piż amministrattiv, speċjalment għall-proġetti ż-żgħar (pereżempju billi jitnaqqsu d-dokumenti u r-rapporti li jridu jitressqu) u li l-approċċ LEADER jiġi inkluż fil-proċess ta’ semplifikazzjoni biex b’hekk tkun tista’ tittieħed azzjoni b’mod aktar flessibbli u jkunu jistgħu jitnedew l-innovazzjonijiet fir-reġjuni. Rigward il-proġetti, il-Kumitat jirrakkomanda li tiġi implimentata fuq skala akbar sistema ta’ finanzjament Ewropew minn qabel jew ta’ finanzjament kontinwu. Dan isaħħaħ b’mod sostanzjali l-kapaċità ta’ assorbiment fit-territorju mingħajr ma jhedded il-finanzi tal-korpi ż-żgħar li huma l-awturi, il-benefiċjarji finali u b’hekk ukoll il-maniġers tal-proġetti. Fl-istess ħin, il-Kumitat jissuġġerixxi li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li l-kofinanzjament nazzjonali jiġi sostitwit b’kontributi mhux finanzjarji (in natura), bħall-volontarjat.

1.7   Fil-każijiet fejn qed jiżdied il-volum ta’ riżorsi, fejn qed jintużaw diversi fondi fl-istess waqt u fejn qed jibda jintuża l-approċċ fiż-żoni urbani, il-Kumitat jirrakkomanda li l-approċċ LEADER jerġa’ jibda jitqies bħala laboratorju li jinvolvi “proċess ta’ tagħlim”, filwaqt li tintuża l-esperjenza miksuba matul l-aħħar għoxrin sena meta l-approċċ u l-inizjattivi Komunitarji bdew jiġu implimentati fiż-żoni rurali, esperjenza li bla dubju ta’ xejn hija pożittiva. Il-Kumitat jirrakkomanda aktar flessibbiltà fl-użu ta’ dan il-proċess innovattiv. B’hekk ir-reġjuni jkunu jistgħu jiżviluppaw aktar malajr.

2.   Introduzzjoni

2.1   L-approċċ LEADER u l-oriġini tiegħu – storja, impatt

2.1.1   L-approċċ LEADER, inizjattiva Komunitarja mnedija fl-1991, ġie żviluppat mill-Kummissjoni f’diversi fażijiet matul perjodu twil ta’ żmien. LEADER I kien “esperiment”, LEADER II “laboratorju”, u mbagħad LEADER+, sal-2006, laħaq il-“maturità”. Bejn l-2004 u l-2006, l-approċċ ġie implimentat b’mod sperimentali fl-Istati Membri l-ġodda. Minn meta beda l-perjodu ta’ programmazzjoni attwali fl-2007, LEADER beda jagħmel parti mill-erba’ assijiet tat-tieni pilastru tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) bħala strument prinċipali ta’ din il-politika. Bħalissa, LEADER huwa ffinanzjat mill-FAEŻR bħala parti mill-programmi tal-iżvilupp rurali tal-Istati Membri u kkofinanzjat mill-Istati Membri abbażi tal-prinċipju tal-ġestjoni konġunta bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri. Mill-1991 ’l hawn ġew iddedikati EUR 9,75 biljun għall-inizjattivi Komunitarji differenti LEADER u għall-Assi IV attwali tal-FAEŻR. Illum il-ġurnata, fl-UE joperaw aktar minn 2 200 grupp ta’ azzjoni lokali. Matul l-aħħar 20 sena, il-finanzjament tal-UE għal LEADER għen biex jiġi stabbilit netwerk uniku ta’ atturi lokali fis-27 Stat Membru tal-UE.

2.1.2   B’hekk inħoloq approċċ ta’ sħubija u kooperazzjoni uniku u innovattiv. Dan il-metodu jippermetti l-finanzjament trasparenti tal-proġetti, anke fl-aktar reġjuni mbiegħda tal-UE-27, liema reġjuni jiksbu wkoll aċċess għall-finanzjamenti Ewropej.

2.2   Il-qagħda attwali fl-UE – il-gruppi ta’ azzjoni lokali

2.2.1   Bħala strument ta’ finanzjament u approċċ, fiż-żoni rurali LEADER huwa popolari mhux biss fost il-membri tal-gruppi ta’ azzjoni lokali, iżda fuq kollox f’għajnejn il-muniċipalitajiet u l-korpi l-oħrajn li joperaw fl-istess żoni. Fis-27 Stat Membru tal-UE nħolqu gruppi ta’ azzjoni lokali, filwaqt li l-gruppi fil-Bulgarija u r-Rumanija daqt jibdew joperaw. LEADER jaqdi rwol essenzjali fil-kuntest tal-istrateġiji ta’ qabel l-adeżjoni tal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali għall-adeżjoni fl-UE.

2.2.2   Fl-UE-27, s’issa ngħażlu total ta’ 2 192 grupp ta’ azzjoni lokali b’baġit totali mill-FAEŻR ta’ madwar EUR 5,5 biljun għall-perjodu mill-2007 sal-2013.

2.2.3   LEADER qed jappoġġja l-Assi IV tal-FAEŻR matul il-perjodu 2007-2013. L-infiq totali, inkluż il-kofinanzjament mill-Istati Membri u mis-settur privat, jammonta għal EUR 13,9 biljun mill-fondi pubbliċi u EUR 5 biljun mill-finanzjamenti privati.

2.2.4   Fl-Istati Membri l-ġodda, LEADER jintuża aktar milli fl-UE-15. F’ċerti Stati Membri, il-gruppi ta’ azzjoni lokali jkopru kważi l-pajjiż kollu u huma strument effikaċi għall-implimentazzjoni tal-politika dwar iż-żoni rurali u l-bliet rurali ż-żgħar. Din hi struttura li tikkomplementa b’mod xieraq lill-awtoritajiet pubbliċi lokali.

2.2.5   Bis-saħħa tal-gruppi ta’ azzjoni lokali nħolqot kapaċità amministrattiva li hi kapaċi tqassam il-finanzjamenti tal-UE fil-livell lokali b’mod trasparenti.

2.2.6   Fil-kuntest attwali tal-kriżi ekonomika, dawn il-korpi intermedji lokali u flessibbli jistgħu jikkontribwixxu b’mod effikaċi għat-titjib tal-impjieg fil-livell lokali.

2.3   L-evalwazzjoni ta’ LEADER+

2.3.1   L-implimentazzjoni tal-inizjattiva Komunitarja LEADER+ ġiet eżaminata mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Il-Qorti ressqet sitt rakkomandazzjonijiet essenzjali quddiem il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġbru fil-qosor il-punti dgħajfa tal-approċċ LEADER+. Il-Kummissjoni wieġbet għal dawn ir-rakkomandazzjonijiet u l-kummenti tal-Qorti ser jistqiesu matul iż-żmien li baqa’ mill-perjodu attwali u għad-disinn ta’ LEADER fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss.

2.3.2   Fl-inizjattiva Komunitarja LEADER+ ipparteċipaw 893 grupp ta’ azzjoni lokali mill-UE-15, u 250 wieħed minn sitt Stati Membri ġodda bdew jimplimentaw miżuri tat-tip LEADER fl-2004. B’kollox, dan l-inizjattiva Komunitarja ġiet allokata EUR 2,1 biljun.

2.3.3   Bis-saħħa tal-metodu LEADER, ir-reġjuni rurali setgħu jibdew jistabbilixxu sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat. Il-metodu LEADER tejjeb b’mod sinifikanti l-kapaċità ta’ assorbiment tal-fondi Ewropej.

2.3.4   Fil-perjodu attwali, LEADER+ wassal għal żieda fin-numru ta’ gruppi ta’ azzjoni lokali, li issa huwa ta’ aktar minn 2 200.

2.3.5   Minkejja l-kritika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, l-implimentazzjoni tal-approċċ LEADER qed tagħti riżultati konkreti u qed tqis bis-sħiħ il-politika tal-Unjoni Ewropea għaliex hija effikaċi, toħloq żvilupp pożittiv, u hija mmirata, vasta u trasparenti. Għaldaqstant, l-użu tal-approċċ LEADER fil-politika Ewropea tal-iżvilupp rurali u fil-programmi tal-iżvilupp rurali tal-Istati Membri huwa kompletament leġittimu u għandu jiġi appoġġjat aktar, mhux biss fil-kuntest tal-PAK. LEADER jinkoraġixxi l-ħolqien ta’ sħubijiet lokali intersettorjali u jopera bħala strument ta’ finanzjament lokali abbażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà sabiex jappoġġja l-proġetti li joħolqu żvilupp konformi max-xewqat tal-popolazzjonijiet lokali filwaqt li jittejjeb il-livell tal-għajxien fiż-żoni rurali.

2.3.6   Din l-opinjoni għandha tqajjem aktar interess fl-approċċ LEADER u tiffaċilita l-użu sistematiku tal-gruppi ta’ azzjoni lokali fil-qafas ta’ strumenti ta’ finanzjament oħrajn ’il barra mill-kuntest tal-iżvilupp rurali. Barra minn hekk, għandha tgħin biex tiġġustifika l-ħtieġa li għall-inqas jinżamm il-livell ta’ finanzjament allokat lil LEADER mill-baġit ġenerali tal-PAK u b’hekk LEADER iżomm rwol prominenti fi ħdan il-PAK.

2.3.7   Il-metodu LEADER jista’ jintuża wkoll fil-programmi rilevanti ta’ fondi oħra tal-UE. Fiż-żoni rurali, dan il-metodu saħħaħ ukoll il-koeżjoni tal-komunitajiet rurali.

3.   Rakkomandazzjonijiet għaż-żoni rurali

3.1   Il-metodu LEADER huwa kapaċi jaċċellera l-iżvilupp fl-agglomerazzjonijiet rurali. Dan il-metodu rriżulta tant effikaċi li għandu jiġi estiż kemm jista’ jkun għaż-żoni rurali kollha tal-UE. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-metodu LEADER jinżamm fil-PAK u li dan l-approċċ jippermetti wkoll li jintużaw il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u tas-settur ambjentali. B’hekk ikun possibbli li jintuża approċċ komprensiv għall-iżvilupp rurali u li tittieħed azzjoni aktar effikaċi rigward l-iżvilupp sostenibbli integrat taż-żoni rurali. Dan isaħħaħ ukoll ir-relazzjonijiet u l-interazzjoni bejn il-bliet u ż-żoni rurali (2). Fil-qafas tal-FAEŻR, il-metodu LEADER (Liaisons Entre Actions de Développement de l’Économie Rurale – Rabtiet bejn l-Azzjonijiet għall-Iżvilupp tal-Ekonomija Rurali) joħloq rabta siewja bejn iż-żoni rurali u dawk urbani. Rigward dawn tal-aħħar, jeħtieġ li l-prinċipju ta’ dan l-approċċ jinbidel u jiġi separat minn LEADER, pereżempju billi jiddaħħal programm bl-isem “l-ekonomija urbana għall-Iżvilupp tal-Bliet” – LEADEV (Liaisons Entre Actions de Développement de l'Économie des Villes – Rabtiet bejn l-Azzjonijiet għall-Iżvilupp tal-Ekonomija tal-Bliet).

3.2   Il-Kumitat jipproponi li l-approċċ LEADER jintuża għall-allokazzjoni ta’ aktar finanzjamenti, u mhux biss dawk li ser ikunu parti mill-programmi futuri tal-iżvilupp rurali. L-approċċ qed jintuża wkoll fil-qafas tal-Fond Ewropew għas-Sajd. Barra minn hekk, il-Kumitat jipproponi li jkun possibbli li l-programmi operattivi kollha li huma implimentati fiż-żoni rurali u li jista’ jkollhom xi benefiċjarji f’dawn iż-żoni (muniċipalitajiet żgħar, skejjel fiż-żoni rurali, mikrointrapriżi, intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, korpi agrikoli, organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, eċċ.) jkunu jistgħu jiġu inklużi fil-programm rispettiv permezz tal-approċċ LEADER implimentat fil-qafas tal-FAEŻR, u li bejn 5 % u 25 % tar-riżorsi jiġu allokati għal dan il-għan. B’hekk jiġi żgurat li parti mill-proġetti integrati u innovattivi jitwettqu permezz tal-isforz koordinat tal-komunità fiż-żona rurali.

3.3   Il-Kumitat jissuġġerixxi li l-metodu LEADER jitqies bħala approċċ minn isfel għal fuq (bottom-up) innovattiv, u għalhekk il-limitazzjonijiet tiegħu b’rabta mal-proċeduri amministrattivi u mat-temi għandhom ikunu kemm jista’ jkun mill-inqas. Fil-livell lokali, huma n-nies li l-aktar jafu x’inhuma l-bżonnijiet tagħhom: dan huwa prinċipju fundamentali tas-sussidjarjetà. Il-Kumitat jissuġġerixxi li fis-sħubijiet għandu jintuża l-prinċipju tal-kontroll pubbliku abbażi tal-inizjattiva tal-popolazzjoni lokali.

3.4   Il-valur miżjud kbir tal-gruppi ta’ azzjoni lokali u tas-sħubijiet huwa marbut mas-sensibilizzazzjoni u l-involviment tal-popolazzjoni lokali u mal-promozzjoni tal-interazzjoni. Dan l-aspett pożittiv mhux qed jiġi apprezzat biżżejjed fl-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva Komunitarja LEADER+ u, għalhekk, il-Kumitat jipproponi li ssir enfasi akbar fuq l-importanza tal-ħidma li wettqu l-membri tal-gruppi ta’ azzjoni lokali f’żona partikolari. Dan jiżgura l-użu ta’ approċċ miftuħ fit-tfassil ta’ strateġija għall-iżvilupp lokali, u jiżgura wkoll il-koordinazzjoni fil-livell lokali u l-parteċipazzjoni ta’ dawk kollha li għandhom interess fl-iżvilupp sostenibbli u varjat li jiggarantixxi kwalità tal-ħajja aħjar. Barra minn hekk, il-Kumitat jirrakkomanda li s-sħubijiet volontarji bejn il-munċipalitajiet ikunu jistgħu jingħaqdu mal-gruppi ta’ azzjoni lokali u jressqu l-ideat tagħhom għall-proġetti. Madankollu, huwa ċar li LEADER mhux ser ikun jista’ jikkumpensa n-nuqqas ta’ riżorsi baġitarji fil-muniċipalitajiet u jiffinanzja fil-livell lokali s-servizzi ta’ interess ġenerali fl-Istati Membri differenti tal-UE.

3.5   Il-kooperazzjoni interterritorjali u transnazzjonali bejn il-gruppi ta’ azzjoni lokali hija importanti immens fl-applikazzjoni tal-approċċ LEADER. Matul l-aħħar għoxrin sena, dan il-metodu ħalla ħafna ġid matul l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni u s-sħubijiet interreġjonali (bejn diversi gruppi ta’ azzjoni lokali) u internazzjonali, iżda dan ma ġiex rikonoxxut kif jistħoqqlu. F’UE fejn l-Istati Membri kultant joffru livelli tal-għajxien differenti ħafna u fejn iż-żoni rurali jistgħu jkunu radikalment differenti (anke fi ħdan l-istess pajjiż), din l-attività hija kruċjali jew saħansitra indispensabbli għaż-żoni rurali, fejn tista’ tinfluwenza l-iżvilupp tagħhom b’mod deċiżiv.

4.   Rakkomandazzjonijiet għaż-żoni urbani

4.1   Jekk hu possibbli li jintużaw il-metodi ta’ sħubija fil-qafas tal-fondi Ewropej kollha, il-prinċipju tal-approċċ LEADER implimentat fiż-żoni rurali jista’ jiġi applikat b’mod separat ukoll fiż-żoni u d-distretti urbani sabiex jinħolqu “sħubijiet lokali”. Għall-bidu, dan jista’ jsir matul perjodu tranżitorju li mbagħad jiġi evalwat. Il-Kumitat jemmen li dan l-approċċ ta’ sħubija għandu jissemma “programm għall-iżvilupp urban” u li din il-possibbiltà tiġi inkluża fil-fondi kollha tal-iżvilupp ġestiti mid-diversi DĠ. L-integrazzjoni tar-riżorsi ser iżżid id-disponibbiltà tagħhom.

4.2   Il-Kumitat jirrakkomanda li l-prinċipju tal-metodu LEADER jintuża wkoll, b’mod separat u distint minn LEADER, fiż-żoni periurbani. F’dawn tal-aħħar, il-bliet jistgħu jikkontribwixxu għal dan il-metodu b’tali mod li d-differenza bejn l-iżvilupp fiż-żoni rurali u f’dawk urbani tonqos bil-mod il-mod.

4.3   Il-Kumitat jissuġġerixxi li l-attivitajiet tal-inizjattiva Komunitarja ta’ qabel URBAN, il-programm LIFE u oħrajn jiġu kkumbinati u integrati bl-użu tal-prinċipji tal-metodu LEADER sabiex jikber il-valur miżjud globali.

4.4   Għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-proġetti, huwa tajjeb ħafna li l-amministrazzjoni lokali tipparteċipa direttament fis-sħubijiet tal-agglomerazzjonijiet urbani, jew inkella li tiġi kkonsultata dwar l-attivitajiet differenti. B’hekk jiġu limitati l-kontradizzjonijiet li jista’ jkun bejn id-diversi proġetti u jinħolqu sinerġiji bejn il-proġetti ġestiti mill-amministrazzjoni lokali u s-sħubija lokali filwaqt li jinkiseb, jekk ikun il-każ, l-appoġġ tal-proġetti msieħba. L-aħjar metodu biex jinħolqu s-sinerġiji huwa li jiġu implimentati pjani integrati għall-iżvilupp ta’ bliet, żoni urbani u agglomerazzjonijiet urbani speċifiċi.

4.5   Fiż-żoni urbani, il-metodu LEADER jista’ jiġi applikat billi tinħoloq sħubija għal żona urbana sottoreġjonali partikolari, abbażi ta’ kriterji definiti minn qabel, bħalma hu l-każ bħalissa fiż-żoni rurali.

Brussell, 21 ta’ Settembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  http://ec.europa.eu/regional_policy/policy/future/barca_en.htm.

(2)  Ara http://ec.europa.eu/regional_policy/newsroom/pdf/pawel_samecki_orientation_paper.pdf (p. 10).