29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/69


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-integrazzjoni tal-immigranti” (opinjoni addizzjonali)

2011/C 318/11

Relatur: is-Sur PARIZA CASTAÑOS

Nhar l-20 ta’ Jannar 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29A tad-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni, li jħejji opinjoni addizzjonali dwar

Il-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-integrazzjoni tal-immigranti.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Ġunju 2011.

Matul l-473 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011 (seduta tat-13 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’119-il vot favur, vot wieħed kontra u 11-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Fis-snin li ġejjin ser jiżdiedu kemm il-mobilità interna taċ-ċittadini Ewropej kif ukoll l-immigrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn l-Ewropa. Dawn il-proċessi migratorji ser iżidu d-diversità nazzjonali, etnika, reliġjuża u kulturali tal-UE (1). Iż-żieda fil-mobilità u fl-immigrazzjoni tirrappreżenta sfida għal-livell lokali u reġjonali.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jikkundanna l-azzjonijiet reċenti li jillimitaw il-libertà ta’ moviment fiż-żona Schengen, u ħejja opinjoni (2) sabiex jikkoopera fil-ħidma tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta’ Ġunju.

1.2

Wieħed mill-prinċipji gwida tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv jirreferi għall-integrazzjoni tal-immigranti. Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni li t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi kif ukoll it-titjib tat-taħriġ u tas-servizzi pubbliċi jiffaċilitaw l-integrazzjoni.

1.3

Huwa importanti ħafna li l-UE jkollha leġislazzjoni komuni tajba sabiex il-ġestjoni tal-immigrazzjoni ssir permezz ta’ proċeduri legali u trasparenti. Il-leġislazzjoni komuni għandha tkun ibbażata fuq ir-rispett tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, sabiex tiggarantixxi li l-immigranti jkollhom l-istess drittijiet u obbligi u jibbenefikaw minn trattament indaqs u nondiskriminazzjoni fix-xogħol u fis-soċjetà.

1.4

Fil-kuntest ta’ kriżi ekonomika u soċjali, l-intolleranza, il-ksenofobija u r-razziżmu qed jiżdiedu fl-Ewropa kollha kif ukoll fl-aġendi politiċi ta’ xi gvernijiet. L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom ikunu attivi ħafna fil-ġlieda kontra l-ksenofobija u d-diskriminazzjoni kontra l-immigranti u l-minoranzi viżibbli, u jippromovu l-opportunitajiet indaqs, il-koeżjoni u l-mobilità soċjali. Il-mezzi tax-xandir għandhom jaġixxu b’mod responsabbli u informattiv.

1.5

L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom strumenti politiċi, regolatorji u baġitarji sabiex jimplimentaw il-politiki tal-integrazzjoni. Bosta drabi l-politiki nazzjonali jkunu mmirati lejn il-kontroll tal-flussi migratorji, iżda jkunu ’l bogħod ħafna mil-livelli lokali u reġjonali, li jridu jiffaċċjaw l-isfida tal-integrazzjoni. Il-politiki żviluppaw b’mod varjat: politiki proattivi, preventivi, korrettivi jew reattivi. L-awtoritajiet lokali tbiegħdu mill-approċċ li jara l-integrazzjoni bħala proċess naturali mingħajr diffikultajiet u li m’għandux bżonn politiki attivi u speċifiċi.

1.6

Il-KESE jemmen li l-integrazzjoni mhix att legali, iżda proċess soċjali kumpless li jiżviluppa matul perjodu twil ta’ żmien u jinvolvi diversi dimensjonijiet u atturi, speċjalment fil-livell lokali. Il-proċess soċjali tal-integrazzjoni jiżvolġi fl-istrutturi tas-soċjetà u f’diversi oqsma ta’ ħajjet in-nies: fil-familja, fl-inħawi lokali u fil-belt, fuq il-post tax-xogħol, fl-iskola, fiċ-ċentru tat-taħriġ, fl-assoċjazzjonijiet, fl-istituzzjonijiet reliġjużi, fil-klabbs tal-isports, eċċ.

1.7

Il-proċess soċjali tal-integrazzjoni għandu jkun ibbażat fuq qafas leġislattiv li jiggarantixxi l-armonizzazzjoni progressiva tad-drittijiet u d-dmirijiet tal-immigranti, kif ukoll tal-aċċess għall-prodotti, għas-servizzi u għall-mezzi ta’ parteċipazzjoni ċivika sabiex dawn isiru aktar konformi ma’ dawk tal-bqija tal-popolazzjoni, f’kundizzjonijiet ta’ opportunitajiet u trattament indaqs (3). L-ewwel Prinċipju Bażiku Komuni tal-politika ta’ integrazzjoni tal-Unjoni Ewropea (4) jgħid li: “L-integrazzjoni hija proċess dinamiku fuq żewġ binarji ta’ akkomodazzjoni reċiproka mill-immigranti u r-residenti kollha tal-Istati Membri (5).

1.8

Il-politiki tal-integrazzjoni u tal-inklużjoni soċjali adottati mill-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali għandhom jiffokaw fuq diversi oqsma  (6): l-akkoljenza inizjali, it-tagħlim tal-lingwa, tal-liġijiet u tad-drawwiet, l-akkomodazzjoni, is-saħħa, il-ġlieda kontra l-faqar, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-politiki tal-impjieg u tat-taħriġ, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-edukazzjoni tal-minorenni, il-politika tal-familja, il-politika taż-żgħażagħ, il-kura tas-saħħa, l-estensjoni tas-servizzi soċjali, u l-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni ċivika. Il-persunal tal-amministrazzjonijiet pubbliċi għandu jirrifletti d-diversità etnika u kulturali, u l-impjegati pubbliċi għandhom jingħataw taħriġ interkulturali. Fil-livell lokali u reġjonali għandhom jiġu promossi d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn il-kulturi u r-reliġjonijiet.

1.9

Il-governanza demokratika hija msejsa fuq il-prinċipju li l-membri kollha tal-komunità politika għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod dirett u indirett fil-proċess governattiv tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Sabiex il-politiki tal-integrazzjoni jirnexxu, hemm bżonn li s-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jikkollaboraw b’mod attiv fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki tal-integrazzjoni.

1.10

Is-soċjetà demokratika tirrikjedi li l-persuni kollha milquta mid-deċiżjonijiet kollettivi jkunu jistgħu jinfluwenzaw dawn id-deċiżjonijiet u jkollhom il-possibbiltà li jipparteċipaw fihom. Il-bliet multikulturali Ewropej tas-seklu 21 iridu jtejbu d-demokrazija permezz tal-parteċipazzjoni tar-residenti li d-drittijiet tal-parteċipazzjoni politika tagħhom huma ristretti: ir-residenti li jkunu ġejjin minn pajjiżi mhux fl-UE (7).

1.11

Il-KESE talab (8) li d-drittijiet taċ-ċittadinanza jiġu estiżi għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom l-istatut ta’ residenza permanenti fl-UE. Jitlob ukoll li l-politiki nazzjonali ta’ naturalizzazzjoni jkunu aktar flessibbli.

1.12

Il-KESE jista’ jikkollabora fl-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Konferenza ta’ Zaragoza bis-saħħa ta’ opinjoni dwar l-indikaturi taċ-ċittadinanza attiva.

1.13

Id-disa’ Prinċipju Bażiku Komuni, “Is-sehem tal-immigranti fil-proċess demokratiku u fit-tfassil tal-[politiki] u l-miżuri ta’ integrazzjoni[, speċjalment] fuq livell lokali, jgħin l-integrazzjoni tagħhom”, ġie żviluppat b’mod insuffiċjenti fl-Istati Membri. It-tielet edizzjoni tal-MIPEX (9) (li tinkludi l-indikaturi tal-integrazzjoni ta’ 31 pajjiż tal-Ewropa u l-Amerika ta’ Fuq) tikkonkludi li l-parti l-kbira tal-immigranti ftit għandhom possibbiltajiet biex jipparteċipaw fil-politiki li jaffettwawhom.

1.14

Il-KESE jemmen li għandhom jiġu implimentati politiki tal-integrazzjoni proattivi, b’approċċ bidirezzjonali, immirati lejn is-soċjetajiet ospitanti u lejn l-immigranti, bil-għan li tissawwar soċjetà fejn ir-residenti kollha, irrispettivament mill-oriġini tagħhom, ikollhom l-istess drittijiet u l-istess obbligi, u jaqsmu l-valuri ta’ soċjetà demokratika, miftuħa u pluralista.

1.15

Fil-bliet Ewropej is-soċjetà ċivili hija attiva ħafna u taħdem biex ittejjeb il-koeżistenza u l-integrazzjoni ċivika. Dawn l-organizzazzjonijiet jirrappreżentaw kapital soċjali ammirevoli li hu kapaċi jippromovi soċjetajiet inklużivi f’kull qasam ta’ azzjoni tagħhom. Il-KESE jipproponi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiffaċilitaw l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili u jippromovu l-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni permezz ta’ proċeduri pubbliċi u trasparenti, u li jkollhom finanzjament suffiċjenti. Is-sistemi ta’ finanzjament m’għandhomx jillimitaw l-indipendenza tal-organizzazzjonijiet.

1.16

Sabiex tiġi ffaċilitata l-interazzjoni, il-governanza għandha tittejjeb bis-saħħa ta’ sistemi li jippermettu l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili. Għalhekk, il-KESE jipproponi li jissaħħaħ ir-rwol tal-korpi ta’ parteċipazzjoni u konsultazzjoni eżistenti fil-livell lokali u reġjonali u li jinħolqu forums u pjattaformi ġodda fil-bliet u r-reġjuni li għad m’għandhomx, għaliex l-azzjonijiet pubbliċi jirnexxu aktar meta jintużaw is-sistemi parteċipattivi.

1.17

Il-KESE jipproponi li l-awtoritajiet tal-bliet u r-reġjuni tal-Ewropa jifformaw kunsilli, forums u pjattaformi konsultattivi sabiex is-soċjetà ċivili (l-organizzazzjonijiet tal-immigranti u tal-appoġġ għall-immigranti, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, l-organizzazzjonijiet tan-nisa, l-imsieħba soċjali – trejdjunjins u organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem – u NGOs interessati oħrajn) tipparteċipa u tiġi kkonsultata rigward il-politiki tal-integrazzjoni. Fil-livell muniċipali, l-istrutturi tal-parteċipazzjoni jistgħu jkunu adattati għall-karatteristiċi lokali u jista’ jkollhom strutturi stabbli jew aktar flessibbli. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jagħmlu sforz biex ineħħu l-ostakli li jimpedixxu l-parteċipazzjoni.

1.18

Il-KESE jemmen li, fl-Aġenda għall-Integrazzjoni l-ġdida, il-Kummissjoni Ewropea għandha tenfasizza l-importanza tal-livell lokali u reġjonali, filwaqt li tippromovi l-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet politiċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Huwa fil-livell lokali li l-integrazzjoni ssir b’mod aktar effettiv u li jiżviluppa s-sens ta’ appartenenza. Il-parteċipazzjoni soċjali u politika hija indispensabbli sabiex jinħoloq dan is-sentiment ta’ appartenenza.

1.19

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għandha tipproponi li fil-livell lokali jinħolqu strutturi ta’ konsultazzjoni mal-immigranti u s-soċjetà ċivili; u l-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni jista’ jikkollabora mal-awtoritajiet lokali fil-finanzjament ta’ dawn l-attivitajiet ta’ parteċipazzjoni, filwaqt li tiġi garantita l-indipendenza tal-organizzazzjonijiet.

1.20

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni intermedja li jmiss, il-KESE jemmen li l-baġit tal-Fond għandu jiżdied u l-Fond għandu jkollu sistemi aktar flessibbli ta’ finanzjament għall-awtoritajiet lokali u reġjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiġġestixxi sa 20 % tal-Fond sabiex tiffinanzja l-azzjonijiet Komunitarji li jkollhom valur miżjud. Il-Kumitat, bħal bosta organizzazzjonijiet tal-immigranti, huwa mħasseb dwar il-fatt li l-Fond jiffinanzja biss il-proġetti ppreżentati mill-organizzazzjonijiet il-kbar li jistgħu jiksbu livelli għoljin ta’ kofinanzjament, iżda ma jiffinanzjax l-organizzazzjonijiet lokali ż-żgħar.

2.   Kuntest u kummenti ġenerali

2.1

Il-KESE kkontribwixxa, permezz ta’ diversi opinjonijiet, biex l-UE jkollha approċċ komuni għall-politiki tal-integrazzjoni: l-Aġenda Komuni għall-Integrazzjoni, il-Prinċipji Bażiċi Komuni, il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni, il-konferenzi ministerjali, in-Netwerk tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali, il-manwali dwar l-integrazzjoni, ir-rapporti annwali, is-sit elettroniku kif ukoll il-ħolqien tal-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni.

2.2

Bit-Trattat ta’ Lisbona, l-Unjoni Ewropea ngħatat bażi legali (Artikolu 79(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE) biex tiżviluppa miżuri għall-promozzjoni u l-appoġġ tal-azzjoni tal-Istati Membri relatata mal-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

2.3

Fl-2006, il-KESE adotta opinjoni fuq inizjattiva proprja (10) biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-politiki Komunitarji tal-integrazzjoni minn perspettiva lokali u reġjonali. Il-KESE enfasizza li l-politiki tal-integrazzjoni mhumiex kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, iżda wkoll tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

2.4

Tinħtieġ governanza tajba sabiex dan il-proċess soċjali jkun appoġġjat minn politiki adegwati min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi. L-awtoritajiet lokali u reġjonali, skont il-kompetenzi tagħhom fl-Istati Membri differenti, għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom strumenti politiċi, regolatorji u finanzjarji li jridu jużaw b’mod adegwat fil-politiki tal-integrazzjoni. Sabiex tiġi garantita l-effikaċja tagħhom u tinżamm konsistenza globali, il-programmi u l-azzjonijiet għandhom jikkomplementaw lil xulxin u jiġu kkoordinati u evalwati b’mod adegwat fit-tliet livelli (nazzjonali, reġjonali u lokali).

2.5

Il-KESE jixtieq jenfasizza li, fil-livell reġjonali u lokali, is-soċjetà ċivili organizzata hija interessata u impenjata fil-politiki tal-integrazzjoni u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni: organizzazzjonijiet tal-immigranti u tal-appoġġ għall-immigranti, trejdjunjins, assoċjazzjonijiet tan-negozji, NGOs fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġlieda kontra r-razziżmu, komunitajiet reliġjużi, organizzazzjonijiet tan-nisa, taż-żgħażagħ u tar-residenti, organizzazzjonijiet edukattivi, kulturali u sportivi, eċċ.

2.6

Il-KESE diġà nnota li: “[l]-aċċess għas-suq tax-xogħol huwa punt ewlieni, u huwa parti essenzjali mill-proċess tal-integrazzjoni għaliex l-impjiegi deċenti huma vitali għall-awtosuffiċjenza ekonomika tal-immigranti, u jiffaċilitaw ir-relazzjonijiet soċjali u l-fehim reċiproku bejn is-soċjetà ospitanti u l-immigranti” (11).

2.7

L-edukazzjoni u t-taħriġ huma strumenti fundamentali għall-integrazzjoni u l-opportunitajiet indaqs. Is-sistemi ta’ taħriġ kontinwu fl-intrapriżi għandhom jissaħħu sabiex jiffaċilitaw ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tal-ħaddiema immigranti. L-UE għandu jkollha sistema aktar flessibbli għar-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi u professjonali li jinkisbu fil-pajjiżi ta’ oriġini.

2.8

Il-KESE analizza (11) d-diffikultajiet prinċipali relatati mal-integrazzjoni soċjali meta l-immigranti jkunu f’sitwazzjoni irregolari, u ppropona li l-immigranti irregolari jistgħu jiġu regolarizzati fuq il-bażi ta’ każ b’każ bil-konsiderazzjoni tal-istabbiliment soċjali u professjonali tagħhom, fuq il-bażi tal-Kunsill Ewropew fil-qafas tal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil (12). Ir-regolarizzazzjonijiet personali jsiru skont il-leġislazzjoni nazzjonali, għal raġunijiet umanitarji jew ekonomiċi, filwaqt li jitqies il-fatt li n-nisa huma aktar vulnerabbli.

2.9

L-Artikolu 19 tal-Karta Soċjali Ewropea riveduta  (13), li hi strument tal-Kunsill tal-Ewropa, jiġbor lista ta’ prinċipji għall-integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti u l-familji tagħhom li, fl-opinjoni tal-KESE, għandha tifforma l-bażi tal-iżvilupp tal-persuni fil-bliet. Il-Karta Soċjali Ewropea ġiet ratifikata minn 30 mis-47 pajjiż li jsawru l-Kunsill tal-Ewropa. Il-Karta tinkludi sistema importanti ta’ lmenti kollettivi li tista’ tintuża mit-trejdjunjins, minn min iħaddem u mill-organizzazzjonijiet ċivili (14-il pajjiż biss irratifikaw din is-sistema).

2.10

Barra minn hekk, iċ-ċittadini u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi ser ikollhom aktar possibbiltajiet biex jesprimu u jiskambjaw pubblikament l-opinjonijiet tagħhom f’kull qasam ta’ azzjoni tal-Unjoni Ewropea, b’konformità mal-Artikolu 11 TUE. Fl-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-2010, il-KESE laqa’ din id-dispożizzjoni bħala element importanti fit-triq lejn “Ewropa tal-poplu” (14), permezz tad-djalogu orizzontali, id-djalogu vertikali u l-inizjattiva Ewropea għaċ-ċittadini. Il-KESE saħaq li hemm bżonn jiddaħħlu kriterji tar-rappreżentanza (kwantitattivi u kwalitattivi) għall-parteċipazzjoni tal-assoċjazzjonijiet, u ppropona li fl-inizjattiva għaċ-ċittadini jkunu jistgħu jipparteċipaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu b’mod permanenti fl-UE.

3.   Il-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni

3.1

Fuq it-talba tal-Kummissjoni Ewropea, fl-2008 l-KESE approva opinjoni esploratorja (15) li serviet ta’ bażi għall-ħolqien tal-Forum, li jorganizza l-laqgħat plenarji tiegħu kull sitt xhur fil-bini tal-KESE. Il-Forum diġà organizza ħames laqgħat plenarji. B’din l-opinjoni l-KESE kkontribwixxa għall-ħames laqgħa plenarja ta’ Mejju 2011, li fiha sar dibattitu dwar l-importanza tal-livell lokali u reġjonali għall-integrazzjoni.

3.2

Fil-Forum jipparteċipaw l-istituzzjonijiet tal-UE, diversi esperti u mitt rappreżentant tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (organizzazzjonijiet tal-immigranti, organizzazzjonijiet tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, imsieħba soċjali u NGOs interessati oħrajn). Il-Forum jiġi kkonsultat mill-istituzzjonijiet tal-UE, jiskambja l-informazzjoni u jħejji rakkomandazzjonijiet biex jippromovi l-integrazzjoni fl-aġenda Ewropea fid-dawl tal-prattiki tajbin nazzjonali. Il-Forum jiġi assistit minn Bureau magħmul minn erba’ membri (Kummissjoni, KESE u żewġ rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet). B’differenza mis-sistemi l-oħra ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni, il-Forum jesprimi l-fehmiet tas-soċjetà ċivili b’mod strutturat, permanenti u proattiv.

3.3

Il-KESE impenja ruħu li jipparteċipa b’mod attiv fil-Forum u ddeċieda li joħloq il-Grupp Permanenti dwar l-Immigrazzjoni (IMI) fi ħdan is-Sezzjoni SOC. Il-grupp permanenti jħejji opinjonijiet, jorganizza seduti u jikkollabora fl-attivitajiet tal-Forum.

3.4

Il-Programm ta’ Stokkolma (16) jistieden ukoll lill-Kummissjoni tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri biex jittejbu l-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, fid-dawl tal-ħtiġijiet tal-integrazzjoni f’diversi oqsma ta’ politika. Il-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni u s-sit elettroniku Ewropew dwar l-integrazzjoni għandhom jaqdu rwol ewlieni.

3.5

F’diversi Stati Membri u anke f’xi awtoritajiet reġjonali nħolqu forums u pjattaformi konsultattivi li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Dawn il-forums ta’ konsultazzjoni u parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-organizzazzjonijiet tal-immigranti jaħdmu l-aktar fil-livell lokali. Huma għandhom karatteristiċi differenti ħafna billi ċ-ċirkustanzi u l-kulturi soċjali u politiċi fl-Ewropa huma differenti.

3.6

Qabel ir-raba’ sessjoni tal-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni, il-KESE inkariga lill-Grupp dwar il-Politika tal-Migrazzjoni (Migration Policy Group) iħejji rapport li jevalwa l-qagħda tal-korpi konsultattivi nazzjonali dwar l-integrazzjoni (17). Il-korpi konsultattivi tal-Istat jeżistu fi 11-il pajjiż (fil-Ġermanja u l-Italja jeżisti biss qafas legali, iżda m’hemmx istituzzjoni; fl-Irlanda ġie stabbilit dan l-aħħar). 15-il pajjiż għandhom sistemi konsultattivi lokali. F’10 pajjiżi jeżistu kunsilli konsultattivi reġjonali (pereżempju l-Ġermanja u pajjiżi federali oħra). Fi tliet pajjiżi (l-Awstrija, Franza u l-Greċja) jeżistu korpi konsultattivi lokali, iżda mhux nazzjonali.

4.   Il-Konferenza Ministerjali ta’ Zaragoza

4.1

Il-KESE kkollabora fit-tħejjija tal-aħħar Konferenza Ministerjali dwar l-Integrazzjoni f’Zaragoza (18) permezz ta’ żewġ opinjonijiet (19). Fil-Konferenza Ministerjali pparteċipaw għall-ewwel darba żewġ rappreżentanti tal-Forum.

4.2

Fil-konklużjonijiet tal-Konferenza tiġi enfasizzata l-ħtieġa li tinħoloq aġenda ġdida għall-integrazzjoni. Il-Kummissjoni Ewropea qed tiffinalizza ħidmietha fuq it-tfassil ta’ Aġenda għall-Integrazzjoni ġdida, u l-KESE ħejja rapport ta’ informazzjoni għall-preparazzjoni tagħha (20).

4.3

Id-Dikjarazzjoni ta’ Zaragoza tiddikjara li s-soċjetà ċivili taqdi rwol attiv fil-proċess tal-integrazzjoni, u li hemm bżonn li jiġi promoss proġett pilota sabiex issir evalwazzjoni tal-politiki tal-integrazzjoni.

4.4

L-Istati, ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali għandhom isaħħu l-inizjattivi lokali tal-integrazzjoni u l-metodoloġiji tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini. Ser jiġu promossi l-ħolqien ta’ netwerks u l-istabbiliment ta’ kanali ta’ djalogu bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-soċjetà ċivili organizzata.

4.5

L-indikaturi kkunsidrati fid-Dikjarazzjoni huma marbuta mal-impjieg, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali, u jinkludu wkoll iċ-ċittadinanza attiva, għaliex il-parteċipazzjoni tal-immigranti fil-proċess demokratiku – bħala ċittadini attivi – tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tagħhom u ssaħħaħ is-sentiment ta’ appartenenza.

4.6

Il-KESE, li ħa sehem fil-Konferenza, innota li, minbarra l-indikaturi kwantitattivi, ser ikun hemm bżonn jitfasslu indikaturi kwalitattivi. Barra minn hekk, il-KESE jista’ jikkollabora fl-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Konferenza ta’ Zaragoza bis-saħħa ta’ opinjoni dwar l-indikaturi taċ-ċittadinanza attiva.

5.   Il-governanza fil-bliet

5.1

Il-preambolu tal-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali  (21) tal-1985 jgħid li d-dritt taċ-ċittadini li jipparteċipaw fil-ġestjoni tal-affarijiet pubbliċi huwa wieħed mill-prinċipji demokratiċi li huma kondiviżi mill-Istati Membri kollha tal-Kunsill tal-Ewropa. Dan id-dritt jista’ jiġi eżerċitat bl-aktar mod dirett fil-livell lokali.

5.2

Il-Konvenzjoni Nru 144 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-parteċipazzjoni tal-barranin fil-ħajja pubblika fil-livell lokali (1992)  (22) tisħaq li l-parteċipazzjoni attiva tal-barranin ittejjeb l-iżvilupp u l-prosperità tal-komunità lokali. Il-konvenzjoni twissi li għandha tiġi garantita l-libertà ta’ espressjoni, ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni għall-barranin, li għandhom jiġu promossi l-kunsilli konsultattivi biex jirrappreżentaw lir-residenti barranin fil-livell lokali, u fl-aħħar nett li għandu jiġi promoss id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet lokali. Madankollu, dan l-istrument ġie ffirmat minn ftit Stati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, u għalhekk il-Kumitat iħeġġeġ lill-Istati Membri jirratifikawh.

5.3

Il-Karta Ewropea dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fil-belt  (23), adottata f’St. Denis fl-2000 minn aktar minn 70 belt Ewropea, tisħaq li l-belt hija l-ispazju politiku u soċjali għal demokrazija aċċessibbli. Il-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini tiddefinixxi l-belt. Il-bliet firmatarji tal-Karta jimpenjaw ruħhom li jagħrfu d-dritt tal-parteċipazzjoni fil-ħajja lokali permezz tal-elezzjoni ħielsa u demokratika tar-rappreżentanti lokali, mingħajr distinzjoni bejn ċittadini barranin u dawk nazzjonali, u huwa propost li d-dritt tal-vot attiv u passiv jiġi estiż għal dawk li ilhom joqogħdu mill-inqas sentejn fil-belt. Fid-dawl tal-limiti imposti mil-leġislazzjonijiet nazzjonali, huma jitolbu li tiġi promossa d-demokrazija billi ċ-ċittadini u l-assoċjazzjonijiet tagħhom jiġu inklużi fid-deċiżjonijiet li jolqtu l-komunità lokali (permezz ta’ dibattiti pubbliċi, referendi muniċipali, laqgħat pubbliċi, azzjonijiet pubbliċi, eċċ.).

5.4

Fl-2003, il-membri tan-netwerk Eurocities, magħmul minn 128 belt Ewropea kbira, adottaw il-“Kontribut għall-governanza tajba fil-qasam tal-integrazzjoni tal-immigranti u l-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu l-asil” (24). Din il-Karta, li tħejjiet mill-bliet għall-bliet stess, tinkludi prinċipji ġenerali dwar kif tiġi indirizzata l-integrazzjoni. Tirrikonoxxi li l-politiki lokali ta’ integrazzjoni huma aktar effikaċi meta jkunu appoġġjati mill-komunità kollha.

5.5

Il-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) huwa partikolarment proattiv fil-qasam tal-integrazzjoni permezz tat-tfassil ta’ diversi opinjonijiet (25). Fihom jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu fuq quddiem nett fit-tħejjija, l-applikazzjoni, l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika ta’ integrazzjoni, u għalhekk għandhom jitqiesu bħala atturi prinċipali fl-iżvilupp tagħha (26). Il-KtR jinnota wkoll l-importanza tar-rwol attiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-integrazzjoni tal-immigranti, u qiegħed jikkoopera mal-Kummissjoni Ewropea.

5.6

Il-KESE adotta opinjoni (27) fuq inizjattiva proprja mmirata lejn il-Konvenzjoni li fasslet it-Trattat Kostituzzjonali li ma kellux suċċess, sabiex tingħata ċ-ċittadinanza Ewropea lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom statut ta’ resident għal perjodu twil. Il-Kumitat jipproponi li l-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew jadottaw inizjattivi ġodda sabiex l-immigranti permanenti jkunu jistgħu jiksbu d-drittijiet taċ-ċittadinanza, speċjalment fil-livell lokali.

5.7

It-Tieni Manwal tal-Kummissjoni dwar l-integrazzjoni għal dawk responsabbli għat-tfassil tal-politiki u għall-professjonisti (28) jirrakkomanda li jsir investiment fil-mobilizzazzajoni u l-organizzazzjoni soċjali, fl-istrutturi tal-komunikazzjoni u d-djalogu, u fit-tisħiħ tan-netwerks ta’ integrazzjoni lokali.

5.8

L-inizjattiva “Bliet Intelliġenti” (Smart Cities) (29) inħolqot fl-2007 bħala strument għall-evalwazzjoni kontinwa u fiha jipparteċipaw 70 belt Ewropea ta’ daqs medju li jikkondividu l-istrateġiji tal-iżvilupp sostenibbli fl-oqsma tal-ekonomija, il-persuni, il-governanza, il-mobilità, l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja. Jintużaw diversi indikaturi. Il-KESE jipproponi li fir-rigward tal-indikaturi għall-persuni u tal-governanza jitqiesu l-proposti ta’ din l-opinjoni.

5.9

L-inizjattiva tal-Bliet Interkulturali (ICC) hija azzjoni konġunta tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Kummissjoni Ewropea li nħolqot matul is-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali fl-2008. L-għan tagħha huwa li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ mudell tal-integrazzjoni interkulturali fil-komunitajiet urbani kkaratterizzati mid-diversità. Din l-azzjoni tifhem l-interkulturaliżmu bħala kunċett li jippromovi politiki u prattiki li jsaħħu l-interazzjoni, il-fehim u r-rispett bejn kulturi u gruppi etniċi differenti.

5.10

Fid-dokument bit-titolu “Iċ-ċittadinanza u l-parteċipazzjoni fil-belt interkulturali” (30), il-programm ICC janalizza l-metodi u l-proċeduri li l-bliet jistgħu jadottaw biex iżidu d-djalogu interkulturali u l-interazzjoni. Id-dokument itenni l-prinċipji tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-parteċipazzjoni tal-barranin fil-ħajja pubblika fil-livell lokali (1992), u jipprovdi approċċ kreattiv billi jirrakkomanda forom aktar flessibbli ta’ konsultazzjoni f’kuntesti informali. Dan hu approċċ komplementari u siewi għall-istrateġiji ta’ governanza fit-tul ibbażati fuq il-korpi konsultattivi.

5.11

Bħalissa għadd sabiħ ta’ Stati Membri jiggarantixxu (totalment jew parzjalment) id-dritt tal-vot għaċ-ċittadini barranin: il-Belġju, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Pajjiżi l-Baxxi, Malta, il-Portugall, is-Slovakkja, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit. Madankollu, il-popolazzjoni barranija ftit tipparteċipa b’mod attiv. Għalhekk, il-KESE jemmen li hemm bżonn jiġu promossi azzjonijiet pubbliċi bil-kollaborazzjoni tas-soċjetà ċivili sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tagħhom.

5.12

Skont il-MIPEX III, fl-Ewropa ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu joħorġu bħala kandidati muniċipali fi 13-il pajjiż, jivvotaw fl-istess elezzjonijiet f’19-il pajjiż, jivvotaw fl-elezzjonijiet reġjonali f’seba’ pajjiżi u fl-ezzjonijiet nazzjonali f’żewġ pajjiżi (il-Portugall u r-Renju Unit). Kif diġà ġie enfasizzat, jeżistu korpi konsultattivi statali fi 11-il pajjiż u korpi konsultattivi lokali fi 15-il wieħed.

5.13

L-informazzjoni tal-MIPEX III tinkludi indikazzjonijiet importanti ħafna, mhux biss fuq il-pajjiżi li jikkonsultaw lill-immigranti, iżda wkoll fuq l-iżvilupp ta’ politiki ġenwini tal-integrazzjoni. Il-pajjiżi li għandhom strutturi konsultattivi b’saħħithom huma dawk li jiggarantixxu l-libertajiet politiċi għal kulħadd, jappoġġjaw lis-soċjetà ċivili ta’ oriġini immigranti b’fondi ekonomiċi suffiċjenti, jestendu d-drittijiet tal-vot u ċ-ċittadinanza sħiħa, u jaħdmu aktar biex jippromovu l-parteċipazzjoni sħiħa tar-residenti kollha f’sistemi konsultattivi dwar l-impjieg, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-akkomodazzjoni. Fil-MIPEX jingħad li l-korpi konsultattivi ma jeħdux post id-drittijiet tal-vot.

5.14

Il-kunsilli konsultattivi l-aktar b’saħħithom fl-Ewropa huma dawk li ilhom joperaw l-aktar (xi wħud ilhom mis-snin 70 u 80), u jinsabu f’dawk il-pajjiżi bl-akbar tradizzjoni ta’ immigrazzjoni. Mill-banda l-oħra, l-aktar dgħajfa jinsabu fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa fejn l-immigrazzjoni hija fenomenu aktar reċenti. Is-sistemi fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali, li bdew jirċievu l-immigranti dan l-aħħar, huma sottożviluppati.

5.15

L-analiżi ta’ dawn il-pjattaformi fid-dawl tal-kriterji tal-Kunsill tal-Ewropa (31) tikkonkludi li l-ħolqien u l-permanenza ta’ dawn l-istrutturi m’għandhomx jiddependu mir-rieda tal-awtoritajiet u l-gvernijiet, iżda għandhom bżonn dispożizzjonijiet legali speċifiċi. Għandhom ikunu jistgħu jadottaw l-inizjattivi u jirċievu r-risposti u l-informazzjoni fuq dawk l-oqsma li ġew ikkonsultati dwarhom: mill-kummenti li saru waqt il-ħames Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni, normalment dan ma jkunx il-każ. Għandhom ikunu strutturi rappreżentattivi bi tmexxija ċara mill-immigranti u għandu jkollhom biżżejjed riżorsi finanzjarji (32). Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu garantiti r-rappreżentanza tal-organizzazzjonijiet u l-parteċipazzjoni tan-nisa.

5.16

Fil-qafas tat-tħejjija tal-opinjoni, nhar it-30 ta’ Marzu 2011 saret seduta f’Valenzja organizzata bejn il-KESE u l-gvern reġjonali ta’ Valenzja dwar il-“Kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili”. Fid-diskorsi differenti ġew ippreżentati l-esperjenzi fil-qasam tal-konsultazzjoni u tal-parteċipazzjoni minn Ruma (l-Italja), ir-Reġjun tal-Fjandri (il-Belġju), Strasburgu (Franza), Dublin (l-Irlanda), il-Land ta’ Hessen (il-Ġermanja), Aarhus (id-Danimarka) u Valenzja (Spanja). Din l-opinjoni tinkludi ħafna mill-esperjenzi u l-kunsiderazzjonijiet li ssemmew fil-laqgħa.

5.17

Il-KESE jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ assoċjazzjoni tal-persuni ta’ oriġini immigranti, għaliex liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi l-leġislazzjonijiet nazzjonali jagħtuhom statut ta’ ċittadinanza limitata (rikonoxximent insuffiċjenti u inugwali tad-dritt tal-parteċipazzjoni politika permezz tad-dritt tal-vot). L-assoċjazzjonijiet jippromovu l-parteċipazzjoni organizzata, isaħħu n-netwerks ta’ solidarjetà, isaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u l-benesseri taċ-ċittadini u huma ta’ benefiċċju għall-komunità kollha.

5.18

L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jippromovu l-ħolqien ta’ assoċjazzjonijiet, speċjalment tal-immigranti, u t-tisħiħ tagħhom permezz ta’ riżorsi tekniċi (pariri dwar il-ġestjoni tal-assoċjazzjoni, tad-demokrazija, tal-ekonomija, tal-finanzi u tal-komunikazzjoni, azzjonijiet ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet u ta’ tmexxija speċjalment tan-nisa immigranti, promozzjoni ta’ forums u netwerks, skambju tal-prattiki tajba; eċċ.), riżorsi finanzjarji (sussidji, ftehimiet u għoti ta’ kuntratti għall-provvista tas-servizzi), riżorsi materjali (infrastrutturi għall-awtoritajiet lokali u riżorsi bażiċi biex jitwettqu l-attivitajiet), u attenzjoni speċjali għall-azzjonijiet b’rabta mal-inklużjoni diġitali.

5.19

L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jippromovu l-inklużjoni tal-immigranti fl-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bħala membri u bħala diretturi. L-assoċjazzjonijiet tar-residenti, l-assoċjazzjonijiet tal-ġenituri fl-istabbilimenti edukattivi, l-assoċjazzjonijiet tan-nisa, l-assoċjazzjonijiet kulturali, sportivi, ta’ rikreazzjoni u tal-ħin liberu, il-komunitajiet reliġjużi u l-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins u tan-negozji huma partikolarment importanti. L-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins fl-Ewropa għandhom tradizzjoni kbira ta’ sħubija u parteċipazzjoni min-naħa tal-ħaddiema ta’ oriġini immigranti, u fost il-membri tagħhom teżisti diversità etnika u kulturali kbira. Huma jaqdu rwol kruċjali fil-medjazzjoni soċjali.

5.20

Għandha tiġi ffaċilitata wkoll ir-relazzjoni bejn l-assoċjazzjonijiet tal-immigranti u l-bqija tas-soċjetà ċivili organizzata, billi jiġi promoss il-ħolqien ta’ netwerks ibbażati fuq għanijiet soċjali komuni għaċ-ċittadini kollha (l-edukazzjoni, l-impjiegi, l-akkomodazzjoni, l-ippjanar tal-belt u l-iżvilupp urban). Is-Sena Ewropea tal-Volontarjat hija opportunità biex jiġu rikonoxxuti u appoġġjati l-organizzazzjonijiet.

5.21

Dawn għandhom diversi forom fl-UE: forums, pjattaformi jew kunsilli konsultattivi, gruppi ta’ djalogu. It-Tielet Manwal dwar l-integrazzjoni għal dawk responsabbli għat-tfassil tal-politiki pubbliċi jgħid li pjattaforma ta’ djalogu hija spazju ċiviku li fih jista’ jibda l-iskambju miftuħ u rispettuż tal-fehmiet bejn l-immigranti, mar-residenti l-oħra jew mal-amministrazzjonijiet pubbliċi. L-għan huwa li l-parteċipanti jiżviluppaw perċezzjoni komuni u fiduċja reċiproka.

5.22

Il-KESE jemmen li l-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni għandu jaħdem f’netwerk mal-forums u l-kunsilli konsultattivi li jeżistu fl-UE. Fl-Istati Membri wkoll, il-forums lokali u reġjonali għandhom jistabbilixxu n-netwerks. (Huwa interessanti ħafna l-każ tad-Danimarka fejn il-kunsill tal-minoranzi etniċi fil-livell nazzjonali huwa magħmul minn 14-il membru eletti mit-42 forum lokali).

5.23

Il-KESE jixtieq iħeġġeġ bliet aktar demokratiċi fl-Ewropa, billi jippromovi ċittadinanza komuni marbuta mar-residenza fil-belt (iċ-ċittadinanza urbana, fi kliem il-Viċi Sindku ta’ Rotterdam), fid-dawl tal-fatt li l-belt hija l-aktar post importanti fejn jiżviluppa s-sentiment kondiviż ta’ appartenenza bejn persuni differenti. Il-parti l-kbira tal-immigranti jidentifikaw lilhom innifishom l-ewwel mal-belt fejn joqogħdu qabel ma jagħmlu dan mal-Istat. Huwa fuq kollox fil-belt li r-residenti kollha jaqsmu l-problemi, il-pjani u l-ħolm tagħhom.

6.   Il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni

6.1

Il-ħames Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni ddiskuta l-funzjonament tal-Fond fil-kuntest tal-evalwazzjoni intermedja li qed tagħmel il-Kummissjoni Ewropea. B’konformità mal-konklużjonijiet ta’ din id-diskussjoni, il-KESE jipproponi li:

6.1.1

Għandha tingħata prijorità lill-prinċipju tal-kooperazzjoni previst fl-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni tal-Fond. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jinvolvu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali u lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni (ex post) tal-programm multiannwali u l-użu tal-Fond fil-livell nazzjonali.

6.1.2

Ir-regoli u l-proċeduri attwali tal-Fond huma kumplessi wisq u joħolqu barrieri amministrattivi li jostakolaw il-finanzjament kemm tas-soċjetà ċivili kif ukoll tal-awtoritajiet reġjonali u lokali (33). Il-KESE jirrakkomanda li dawn ir-regoli jiġu riveduti f’kooperazzjoni mal-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni u fil-kuntest tal-prinċipju tal-kooperazzjoni, b’mod speċjali dawk ir-regoli relatati mal-kriterji tal-aċċess, il-kofinanzjament, it-trasparenza u l-persuni. Il-KESE jaħseb li sabiex jiġi żgurat il-valur miżjud tal-Fond, jeħtieġ li l-proġetti kollha ffinanzjati jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-ewwel prinċipju bażiku komuni: “l-integrazzjoni hija proċess […] fuq żewġ binarji”.

Brussell, 13 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 6.

(2)  ĠU C 248, 25.8.2011, p.135.

(3)  ĠU C 125, 27/5/2002, p.112. (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Dokument tal-Kunsill 14615/04: Prinċipji Bażiċi Komuni adottati mill-Kunsill u mir-rappreżentanti tal-Istati Membri nhar id-19 ta’ Novembru 2004.

(5)  COM(2005) 389 finali. Aġenda Komuni għall-Integrazzjoni – Qafas għall-Integrazzjoni ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi fl-Unjoni Ewropea.

(6)  ĠU C 347, 18.12.2010, p. 19.

(7)  R. Gropas u R. Zapata-Barrero (2011) “Active immigrants in multicultural contexts: democratic challenges in Europe” (Immigranti attivi f’kuntesti multikulturali: l-isfidi demokratiċi fl-Ewropa), f’A. Triandafyllidou, T. Modood, u N. Meer, European Multiculturalism(s): Cultural, religious and ethnic challenges (Il-multikulturaliżmu(/i) fl-Ewropa: Sfidi kulturali, reliġjużi u etniċi). Edinburgh: Edinburgh University Press.

(8)  ĠU C 208, 3.9.2003, p. 76 (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  Migrant Integration Policy Index III (Indiċi tal-Politika tal-Integrazzjoni tal-Migranti), 2011.

(10)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 128 (mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 16.

(12)  Kunsill tal-UE, 13440/08, 24 ta’ Settembru 2008.

(13)  Karta Soċjali Ewropea. Turin, 18 ta’ Ottubru 1961. Kunsill tal-Ewropa (Strasburgu). Riveduta: Strasburgu, 3.V. 1996 http://www.coe.int/t/dghl/monitoring/socialcharter/.

(14)  ĠU C 354, 28.12.2010, p.59.

(15)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 114.

(16)  Il-Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini (ĠU C 115, 4.5.2010, p.1). Punt 6.1.5.

(17)  Consulting immigrants to improve nacional policies (Il-konsultazzjoni mal-immigranti biex jittejbu l-politiki nazzjonali), Il-Grupp dwar il-Politika tal-Migrazzjoni.

(18)  15 u 16 ta’ April 2010.

(19)  ĠU C 347, 18.12.2010, p. 19, u ĠU C 354, 28.12.2010, p. 16.

(20)  ĠU C 48, 15.2.2011, p.6.

(21)  Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali, adottata mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa f’Ġunju 1985 u miftuħa għall-iffirmar mill-Istati Membri nhar il-15 ta’ Ottubru 1985, l-ewwel jum tal-20 sessjoni tal-CLRAE.

(22)  Convention on the Participation of Foreigners in Public Life at Local Level. Strasbourg, 5.II.1992.

(23)  Karta Ewropea dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fil-belt, 18.5.2000.

(24)  Kontribut għall-governanza tajba fil-qasam tal-integrazzjoni tal-immigranti u l-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu l-asil, 28.11.2003.

(25)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa” (2009/C 76/07).

(26)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “It-Tisħiħ tal-Approċċ Globali lejn il-Migrazzjoni: Żieda fil-Koordinazzjoni, il-Koerenza u s-Sinerġiji” (2009/C 211/05).

(27)  ĠU C 208, 3.9.2003, p. 76 (mhux disponibbli bil-Malti).

(28)  Handbook on integration for policy-makers and practitioners (Manwal dwar l-integrazzjoni għal dawk responsabbli għat-tfassil tal-politiki u għall-professjonisti), it-tieni edizzjoni, Mejju 2007.

(29)  http://www.smart-cities.eu/

(30)  http://www.coe.int/t/dg4/cultureheritage/culture/Cities/paperviarregio_en.pdf.

(31)  Konvenzjoni Nru 144 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-parteċipazzjoni tal-barranin fil-ħajja pubblika fil-livell lokali (1992).

(32)  Consulting immigrants to improve nacional policies (Il-konsultazzjoni mal-immigranti biex jittejbu l-politiki nazzjonali), Thomas Huddleston, il-Grupp dwar il-Politika tal-Migrazzjoni.

(33)  Ara S. Carrera u A. Faure Atger (2011), Integration as a two-way process in the EU: Assessing the Relationship between the European Integration Fund and the Common Basic Principles on Integration, Executive Summary, (L-integrazzjoni bħala proċess fuq żewġ binarji fl-UE: Nassessjaw ir-relazzjoni bejn il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni u l-Prinċipji Bażiċi Komuni għall-politika ta’ integrazzjoni, Sommarju Eżekuttiv) Centre for European Policy Studies, CEPS: Brussell. Disponibbli hawnhekk: http://www.ceps.eu/system/files/research_area/2011/02/CEPS_EIF_study_summary.pdf.