29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/32


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-settur tal-mużika” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 318/05

Relatur: is-Sur GKOFAS

Nhar is-17 ta’ Jannar 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-settur tal-mużika

(opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Mejju 2011.

Matul l-473 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011 (seduta tal-14 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’119-il vot favur, 51 vot kontra u 42 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   L-aspetti tal-problema

1.1.1   Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u d-drittijiet relatati tal-artisti fil-qasam tal-mużika u l-protezzjoni tagħhom, peress li jikkonċernaw prodotti mhux materjali li qed jiġu kummerċjalizzati u distribwiti dejjem aktar f’format diġitali, huma kwistjoni li taffettwa b’mod dirett is-soċjetà ċivili.

1.1.2   Din l-opinjoni ser tittratta ħames punti ewlenin. L-ewwel ser tiddetermina u tiddistingwi, fil-qasam mużikali, il-prerogattivi tad-detenturi tad-drittijiet u tas-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet kif ukoll l-obbligi li jirriżultaw min-negozju tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u d-drittijiet relatati. It-tieni punt ser jittratta r-rimunerazzjoni u, b’mod aktar speċifiku, l-iffissar tar-rimunerazzjoni, li għaliha huma intitolati l-awturi għall-użu li terzi persuni (konsumaturi) jagħmlu kemm mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kif ukoll mid-drittijiet relatati. It-tielet punt jittratta l-mod kif għandha tiġi stabbilita din ir-rimunerazzjoni, u kif għandha tiġi definita t-tifsira li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “prestazzjoni pubblika” jew f’liema punt wieħed ikun jista’ jitkellem dwar “prestazzjoni pubblika”. Ir-raba’ punt jikkonċerna s-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti fuq l-utenti li jagħmlu użu illegali minn dan id-dritt. Il-ħames u l-aħħar punt jittratta l-mod kif l-organizzazzjonijiet ta’ ġestjoni kollettiva (OĠK) jew is-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva (SĠK) f’ċerti Stati Membri huma strutturati u kif jaħdmu biex jiżguraw ir-rappreżentazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet.

1.1.3   Il-Kumitat huwa mħasseb dwar il-fatt li, minħabba n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni bejn il-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet nazzjonali u minħabba d-differenzi li jeżistu bejn il-liġijiet interni tal-Istati Membri differenti, hemm riskju li ma jinstabx il-bilanċ meħtieġ bejn l-aċċess taċ-ċittadini għall-kontenut kulturali u ta’ rikreazzjoni, il-moviment liberu tal-oġġetti u tas-servizzi u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

1.1.4   Il-punt tat-tluq għat-tfassil ta’ regolament li jkun kapaċi jarmonizza l-leġislazzjonijiet tal-Istati Membri għandu jikkonsisti fil-votazzjoni u l-adozzjoni, fil-livell tal-Unjoni Ewropea, ta’ ċerti “prinċipji fundamentali” bażiċi dwar is-suġġett inkwistjoni b’konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti, speċjalment il-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, mingħajr ma jiġu ddubitati d-drittijiet tal-utenti u filwaqt li jitqiesu l-proposti tal-KESE.

1.1.5   Il-Kumitat jirrakkomanda li l-leġislazzjonijiet tal-Istati Membri jiġu armonizzati f’dawk il-punti li huma problematiċi fil-ħajja kollettiva taċ-ċittadini u li għandhom effett dirett fuqha, sabiex jiġi evitat li d-drittijiet taċ-ċittadini miksuba u sanzjonati b’mod kostituzzjonali jisfaw mhedda mill-interpretazzjonijiet tal-liġi li kultant ikunu litterali, iffukati fuq il-kliem, u kultant żbaljati u parzjali, għad-dannu tal-utenti. Hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tittratta l-punti kontroversjali relatati mal-interpretazzjonijiet legali tat-termini użati mid-diversi leġislaturi u l-Kumitat iqis li huwa d-dover tagħha li tpoġġihom fuq il-mejda tan-negozjati, sabiex jinkiseb riżultat ġust. Il-protezzjoni tal-awturi u tal-artisti m’għandhiex issir ostaklu għall-moviment liberu tax-xogħlijiet; għandha tiżgura wkoll, permezz tal-emendi għad-dispożizzjonijiet rilevanti, li l-konsumaturi jkollhom aċċess ħieles għall-kontenut elettroniku u għall-użu tiegħu, sabiex jiġu konservati l-istess drittijiet għal użu onlajn u mhux onlajn, filwaqt li tiġi rispettata l-proprjetà intellettwali.

1.1.6   Il-Kumitat jipproponi li a) għall-ħruġ tal-permessi ta’ rappreżentazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet, b) għall-istabbiliment ta’ ftehimiet dwar l-użu tad-drittijiet tal-awturi u c) sabiex ikun hemm provvediment għall-għoti ta’ arbitraġġ fil-każ ta’ tilwim jew nuqqas ta’ ftehim, jeħtieġ li tiġi stabbilita leġislazzjoni regolatorja unika li tkun tista’ tgħin kemm lill-utenti tal-kontenut u lill-konsumaturi kif ukoll lil dawk li jagħmlu kreazzjonijiet intellettwali, u detenturi oħra tad-drittijiet, sabiex isolvu l-kunflitti li jkollhom fir-rigward ta’ sfruttament ta’ xogħlijiet. Għal dan il-għan, jeħtieġ li fil-livell nazzjonali jiġi stabbilit korp uniku ta’ medjazzjoni u riżoluzzjoni tat-tilwim bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti tal-kontenut.

1.1.7   Il-Kumitat iħoss li dan l-objettiv jista’ jintlaħaq permezz tal-ħolqien ta’ entità nazzjonali unika indipendenti li, minbarra l-kompiti msemmija hawn fuq, tkun tista’ tassumi wkoll ir-responsabbiltà li tiggarantixxi t-trasparenza fir-rigward tat-tqassim b’mod integrali tal-ħlas miġbur mill-OĠK lid-detenturi tad-drittijiet, filwaqt li, f’każ li dan il-mekkaniżmu ma jaħdimx, il-liġi Ewropea tistabbilixxi salvagwardji u li l-unika flessibbiltà mħollija lill-Istati Membri tkun dik li jirregolaw il-ħolqien, l-istruttura u l-funzjonament ta’ din l-entità. Din l-entità tkun tista’ tieħu ħsieb: a) tiżgura li l-leġislazzjoni attwali, Komunitarja jew nazzjonali, tiġi applikata b’mod strett sabiex jinkiseb l-objettiv imsemmi hawn fuq, b) tistabbilixxi trasparenza totali fil-ġbir u l-ħlas tar-rimunerazzjonijiet dovuti meta jintużaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u c) tiġġieled kontra l-frodi fiskali b’relazzjoni mal-ħlas tat-taxxi dovuti lill-Istat għall-użu ta’ xogħlijiet koperti minn dawn id-drittijiet.

1.1.8   Sabiex titrawwem il-fiduċja tad-detenturi tad-drittijiet u tal-utenti u jiġi ffaċilitat il-ħruġ ta’ liċenzji transkonfinali, il-governanza u t-trasparenza tal-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet għandhom bżonn jittejbu u jiġu adattati għall-progress tekniku. Soluzzjonijiet aktar sempliċi, uniformi u newtrali fir-rigward tat-teknoloġija għall-ħruġ ta’ liċenzji transkonfinali u pan-Ewropej fis-settur awdjoviżiv għandhom jistimolaw il-kreattività u jgħinu lill-awturi, il-produtturi u dawk li jxerrdu l-kontenut, għall-benefiċċju tal-konsumaturi Ewropej.

1.2   L-effettività tal-ġestjoni tad-drittijiet diġitali (ĠDD)

1.2.1   Barra minn hekk, il-Kumitat jappoġġja l-promozzjoni u t-titjib tas-servizzi legali – bħalma hu Deezer, l-ewwel sit elettroniku li jippermetti aċċess b’xejn u legali għall-mużika, jew Spotify, li jippermetti l-istreaming legali ta’ mużika permezz tal-internet u huwa ffinanzjat mir-riklamar, – u jemmen li dan il-mezz għandu jitħalla jkompli jiżviluppa flimkien mal-proċess leġislattiv.

1.2.2   Il-kampanji edukattivi u ta’ sensibilizzazzjoni, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, għandhom jiġu inklużi fost il-miżuri li jridu jittieħdu.

1.2.3   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tapprofondixxi l-prinċipji inklużi fir-rakkomandazzjoni tiegħu tat-18 ta’ Mejju 2005 dwar il-ġestjoni kollettiva transkonfinali tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fil-qasam tas-servizzi legali tal-mużika onlajn.

1.2.4   Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tapprova mill-aktar fis possibbli l-proposta għal direttiva qafas dwar il-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet prevista fl-Aġenda Diġitali.

2.   Introduzzjoni

2.1   L-awturi u l-artisti jagħmlu d-dħul tagħhom mill-użu tax-xogħlijiet artistiċi tagħhom madwar id-dinja. Is-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva, li joperaw fis-setturi artistiċi kollha, jiġbru d-dħul mill-użu ta’ xogħlijiet madwar id-dinja f’isem l-awturi.

2.2   Id-daqs u s-setgħa ta’ dawn is-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor: uħud minn dawn għandhom kamp ta’ applikazzjoni limitat, oħrajn huma tant b’saħħithom li f’ċerti każijiet ikunu jistgħu jsiru monopolju ġenwin għall-esplojtazzjoni. Is-servizzi li joffru għall-artisti jistgħu jvarjaw ukoll skont dawn il-parametri.

2.3   Wieħed jista’ faċilment jistaqsi, hekk kif diġà għamlet il-Kummissjoni Ewropea, jekk fil-kumplessità tagħha s-sistema attwali hijiex effiċjenti biżżejjed u jekk din tissalvagwardjax l-interessi kemm tad-detenturi, kif ukoll tal-utenti tal-kontenut, taċ-ċittadini u tal-konsumaturi finali.

2.4   Jista’ jkun utli li nħarsu lejn is-sitwazzjoni lil hinn minn “sempliċi” armonizzazzjoni teknika tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati? Kif tista’ tittejjeb il-ġestjoni nazzjonali tad-drittijiet tal-awtur u jingħelbu l-problemi li jinħolqu mill-frammentazzjoni attwali tal-imposti għall-kopji privati tax-xogħlijiet, pereżempju? Kif jistgħu l-isforzi għal “regolamentazzjoni aħjar” jiġu rikonċiljati mal-ġestjoni transkonfinali effettiva tad-drittijiet kollettivi? Hemm bżonn ta’ leġislazzjoni f’dawn l-oqsma.

2.5   Il-kumplessità tas-sitwazzjoni u n-natura sensittiva tagħha għas-soċjetà ċivili wasslu biex il-Kumitat jindirizza din il-kwistjoni u jeżaminaha mill-angoli kollha possibbli.

2.6   Fil-fatt, l-injoranza, jekk mhux l-indifferenza jew anki l-ostilità, tal-pubbliku fir-rigward tal-kunċett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jagħmluha neċessarja li jkun hemm reazzjoni mis-soċjetà ċivili.

2.7   Is-sistema fis-seħħ dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (drittijiet mhux morali) u ta’ ċerti drittijiet relatati tal-artisti fil-qasam tal-mużika u tal-produtturi hija regolata minn sensiela ta’ direttivi – pereżempju d-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2006/115/KE tat-12 ta’ Diċembru 2006, Nru 2006/116/KE tat-12 ta’ Diċembru 2006 u Nru 2001/29/KE tat-22 ta’ Mejju 2001, li kellhom l-għan ewlieni li jiffaċilitaw il-moviment liberu tal-merkanzija u tal-ideat, f’kuntest ta’ kompetizzjoni f’saħħitha, iżda wkoll li joħolqu bilanċ u li jiġġieldu l-piraterija. L-armonizzazzjoni kollha tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati magħhom hija bbażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, billi dawn id-drittijiet huma essenzjali għall-kreazzjoni intellettwali. Din il-protezzjoni tikkontribwixxi biex tiġi ppreservata u żviluppata l-kreattività fl-interess tal-awturi, l-artisti, il-produtturi, il-konsumaturi, l-utenti tal-kontenut, u b’mod ġenerali l-kultura, l-industrija u l-pubbliku. Għaldaqstant, il-proprjetà intellettwali ġiet rikonoxxuta bħala parti integrali mid-dritt tal-proprjetà u hija mħarsa mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għaliex l-isforz kreattiv u artistiku tal-awturi u tal-artisti jirrikjedi dħul suffiċjenti li jservi ta’ bażi għal xogħlijiet kreattivi u artistiċi ġodda u hija biss protezzjoni legali adegwata tad-detenturi tad-drittijiet li tippermetti li dan id-dħul jiġi ggarantit b’mod effikaċi.

2.8   F’ċerti pajjiżi, jeżistu liġijiet repressivi ħafna kontra kull tip ta’ kkupjar u ta’ skambju ta’ fajls protetti mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, indipendentement mill-użu privat u limitat jew kummerċjali li jsir minn dawn l-iskambji (1).

2.9   Il-konsumaturi Ewropej, li l-organizzazzjonijiet tagħhom ikkundannaw l-esklużjoni tagħhom min-negozjati dwar dawn il-kwistjonijiet bħala prattika mhux trasparenti u mhux demokratika, wissew li mhux possibbli li, bl-iskuża tal-ġlieda kontra l-piraterija, jiġi stabbilit kontroll tal-pulizija għall-iskambji u l-komunikazzjoni kollha bl-internet, għad-detriment tad-dritt tal-privatezza fil-korrispondenza u l-informazzjoni li jiċċirkolaw. Il-Kumitat jixtieq li hu wkoll ikun infurmat dwar id-diskussjonijiet u l-proposti mressqa bħalissa, u li jkun jista’ jesprimi ruħu dwarhom.

3.   Kummenti partikolari

3.1   Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali: preċiżjonijiet u distinzjonijiet

3.1.1   Huwa tal-ogħla importanza li ssir distinzjoni bejn il-kunċett tad-drittijiet tal-awtur u dak tad-drittijiet relatati u li jinfiehmu sewwa. Iż-żewġ kunċetti jiffurmaw parti minn dak li jista’ jiġi definit u msejjaħ bħala “proprjetà intellettwali”. Il-kunċett tal-proprjetà intellettwali ġie stabbilit internazzjonalment premezz tal-Konvenzjoni tal-14 ta’ Lulju 1967, li fiha ġiet stabbilita l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, u wara ġie rikonoxxut mil-leġislazzjoni Komunitarja, b’mod partikolari mid-Direttiva 2006/115/KE. Għalhekk dan huwa kunċett konsolidat fl-acquis Komunitarju.

3.1.2   Il-Kumitat iqis li jekk l-awturi jew l-artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, dawn għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu ta’ xogħolhom, kif għandhom jirċievu wkoll il-produtturi, sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. L-investiment meħtieġ biex jipproduċu prodotti bħal fonogrammi, films jew prodotti u servizzi ta’ multimedia, bħas-servizzi fuq talba, huwa konsiderevoli. Hemm bżonn kbir ta’ protezzjoni adegwata tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, sabiex tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ dan il-kumpens u tipprovdi l-opportunità għal profitti sodisfaċenti ta’ dan l-investiment.

3.1.3   Il-Kumitat jitlob l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u tad-drittijiet relatati. Għal din l-armonizzazzjoni għandhom jitqiesu d-diversi rapporti dwar l-applikazzjoni tad-direttivi u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-suġġett.

3.1.4   Il-KESE huwa sodisfatt bl-adozzjoni tal-prosposta għal direttiva reċenti dwar ċerti użi permessi ta’ xogħlijiet orfni (COM(2011) 289 finali), li dwarha ser jesprimi ruħu f’opinjoni aktar ’il quddiem.

3.2   Ir-rimunerazzjoni

3.2.1   Ir-rimunerazzjoni tal-awturi li jibbenefikaw minn drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-qasam tal-mużika (bħala assi) x’aktarx huwa punt li fih il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jiltaqgħu ma’ diffikultajiet partikolari b’relazzjoni mat-tranżazzjonijiet bejn is-soċjetajiet tal-ġestjoni kollettiva u l-utenti, li l-biċċa l-kbira minnhom ġew solvuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

3.2.2   Il-Kumitat huwa tal-fehma li jeħtieġ li tiġi rrakkomandat l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza għaċ-ċittadini kollha quddiem il-liġi iżda wkoll il-prinċipju tal-proporzjonalità sabiex jiġu garantiti kemm il-proprjetà intellettwali tal-awturi u detenturi oħra kif ukoll id-drittijiet tal-utenti tal-kontenut u tal-konsumaturi finali. Illum il-ġurnata, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-Ewropa huma protetti permezz tat-“Trattati tal-Internet” tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) li ġew irratifikati f’Diċembru 2009 mill-UE u l-Istati Membri. Fil-prinċipju, dan jgħaqqad l-liġi applikabbli, għalkemm id-diversi stqarrijiet nazzjonali fl-okkażjoni tar-ratifika jpoġġu f’dubju approċċ unifikat fil-livell Komunitarju. Dawn it-Trattati jitolbu l-ġlieda kontra l-prodotti kkupjati u ffalsifikati bi skopijiet kummerċjali, kif tagħmel ukoll id-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni.

3.3   Id-definizzjoni tar-rimunerizzazzjoni u l-prestazzjoni pubblika

3.3.1   Il-punti li għandhom jingħataw attenzjoni aktar partikolari jikkonċernaw meta wieħed jista’ jqis li rimunerazzjoni hija dovuta għall-użu tal-mużika, li prestazzjoni hija pubblika u li hemm sfruttament u mhux użu.

3.3.2   Il-Kumitat huwa tal-fehma li għandha ssir distinzjoni ċara bejn l-isfruttament kummerċjali u l-użu privat, fir-rigward tal-għan ta’ dan l-użu, iżda wkoll is-sanzjonijiet marbuta miegħu. Fil-prattika, it-tariffi tal-korpi tal-ġestjoni kollettiva, stabbiliti bi qbil mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-kategoriji differenti ta’ utenti, diġà jqisu l-użi differenti li l-istabbilimenti pubbliċi jagħmlu mill-mużika, u b’hekk l-istabbilimenti fejn il-mużika taqdi rwol essenzjali, bħad-diskoteki, ma jħallsux l-istess ammonti bħal dawk fejn il-mużika taqdi rwol aċċessorju jew inċidentali, bħall-ħwienet tal-parrukkiera jew il-ħwienet il-kbar.

3.3.3   Fil-fehma tal-Kumitat, ir-rimunerazzjoni tal-hekk imsejjaħ “użu sekondarju”, imsemmi fil-Konvenzjoni ta’ Berna, hija ġustifikata bis-sħiħ, għaliex is-sidien tal-istabbilimenti li jxerrdu l-kontenut, tal-programmi tat-televiżjoni jew tar-radju, huma utenti sekondarji tax-xogħlijiet li jkunu fil-programmi primarji li minnhom dawn ix-xogħlijiet jew prestazzjonijiet jiġu “komunikati pubblikament” fil-postijiet imsemmija.

3.3.4   Tinħtieġ riforma tas-sistema attwali ta’ rimunerazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għar-riproduzzjoni għall-użu privat sabiex tittejjeb it-trasparenza fil-kalkolu tar-“rimunerazzjoni ekwa”, il-ġbir u t-tqassim tad-drittijiet dovuti għall-użu ta’ proprjetà intellettwali (royalties). Ir-rimunerazzjonijiet għandhom jirriflettu, u jkunu bbażati fuq, id-dannu finanzjarju reali li d-detenturi tad-drittijiet tal-awturi ibatu minħabba kopji privati.

3.3.5   Il-Kumitat jirrakkomanda li sabiex jiġi ffaċiltat il-ħruġ ta’ liċenzji transkonfinali, għandha tiġi ppreservata l-libertà kuntrattwali tad-detenturi tad-drittijiet. Dawn m’għandhomx ikunu obbligati joħorġu liċenzji għat-territorju Ewropew kollu, u lanqas li jistabbilixxu permezz ta’ kuntratt il-livell tad-dħul mil-liċenzji.

3.3.6   Il-KESE jippromovi mudelli ta’ negozjar aktar innovattivi, li bis-saħħa tagħhom ikun hemm aċċess għall-kontenut b’modi differenti (b’xejn, b’tariffi premium, b’tariffi freepremium) skont il-vijabbiltà tal-offerti u tal-aspettattivi u l-attitudnijiet tal-utenti finali, filwaqt li jinsab bilanċ ġust bejn ir-rimunerazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet u l-aċċess tal-konsumaturi u tal-pubbliku inġenerali għall-kontenut.

3.4   Sanzjonijiet u penalitajiet

3.4.1   Il-Kumitat jinsab konvint li l-protezzjoni tax-xogħlijiet intellettwali hija ta’ importanza kapitali għall-iżvilupp ekonomiku u kulturali tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżviluppi l-ġodda fl-ekonomija u t-teknoloġija, biex jiġi garantit l-isforz kreattiv u artistiku tal-awturi u tal-artisti. Għalhekk ġiet stabbilita sistema ta’ sanzjonijiet li huma effettivi, dissważivi u proporzjonati, b’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

3.4.2   Il-Kumitat jemmen li l-użu ta’ għadd ta’ xogħlijiet intellettwali, li huwa permess biss bħala eċċezzjoni għad-drittijiet esklużivi tal-benefiċjarji, b’limitazzjonijiet għall-utenti, għandu jitqies bħala dritt pożittiv u ġenerali taċ-ċittadini. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet tal-użu mhumiex ċari jew legalment definiti tajjeb, u l-konsumaturi qegħdin iħabbtu wiċċhom mal-leġislazzjoni fis-seħħ meta jiġu biex jistabbilixxu l-użu permess.

Il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali mil-liġi kriminali hija garanzija essenzjali fid-difiża u l-assigurazzjoni tal-ordni soċjali, kulturali, ekonomiku u politiku tal-pajjiżi avvanzati.

Il-KESE ma jaqbilx mal-użu tal-mezzi pprovduti mil-liġi kriminali kontra l-utenti li m’għandhomx skop ta’ qligħ.

3.4.3   L-Istitut Universitarju tal-Liġi dwar l-Informazzjoni tal-Università ta’ Amsterdam wettaq studju għad-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni kif ukoll dwar l-effetti ta’ din id-Direttiva fuq l-Istati Membri (2). Il-kapitoli tat-tieni parti, li jittrattaw l-applikazzjoni tat-test fl-Istati Membri l-oħra tal-UE, juru li mis-26 Stat Membru eżaminati sitta biss jimponu pieni ta’ detenzjoni f’dan ir-rigward.

3.4.4   Il-Kumitat jitlob u jipproponi li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/29/KE jiġi kkompletat biż-żieda ta’ paragrafu numru 4, li jkun isemmi li fir-rigward tal-protezzjoni legali kontra l-ksur tad-drittijiet u l-obbligi msemmija fid-Direttiva kkonċernata, l-użu min-naħa tal-utenti u l-konsumaturi ta’ kontenut, li oriġinarjament dawk li jieħdu ħsieb id-distribuzzjoni pubblika tiegħu ma jkunux issodisfaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, m’għandux jitqies bħala att kriminali. Fil-każ ta’ disponibbiltà pubblika, dan għandu jkun soġġett għar-responsabbiltà ċivili u għas-sanzjonijiet marbutin magħha (kumpens li jkun isarraf daqs ir-rimunerazzjoni dovuta lill-awturi u lid-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u ta’ ċerti drittijiet relatati). Is-sanzjonijiet kriminali għall-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandhom japplikaw biss f’każijiet li huma definiti b’mod ċar ta’ ksur tal-liġijiet kummerċjali min-naħa tal-organizzazzjonijiet ta’ kriminalità organizzata u l-użu kummerċjali illegali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Fi kwalunkwe każ, il-miżuri ta’ implimentazzjoni għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-konsumaturi.

3.5   Struttura u funzjoni tal-OĠK (organizzazzjonijiet ta’ ġestjoni kollettiva)

3.5.1   Ta’ min isemmi li d-direttivi eżistenti huma kkaratterizzati min-nuqqas totali ta’ protezzjoni tal-utenti konsumaturi, li xortihom tiddependi mid-dispożizzjonijiet meħuda mis-SĠK li joperaw mingħajr kontroll ġenwin. Il-Kumitat jitlob li l-leġislazzjoni tirrikonoxxi, tipproteġi u tiggarantixxi d-drittijiet taċ-ċittadini konsumaturi kif ukoll li jkun hemm ugwaljanza bejn iċ-ċittadini kollha quddiem il-liġi fir-rigward tal-protezzjoni tal-utenti u l-konsumaturi b’relazzjoni mal-awturi u d-detenturi tad-drittijiet relatati, b’konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-proprjetà intellettwali, speċjalment ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-18.05.2005.

3.5.2   Il-Kumitat jitlob li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/115/KE jiġi kkompletat biż-żieda ta’ paragrafu numru 5, li jkun isemmi li s-SĠK li jkunu ngħataw liċenzja biex jiġbru r-royalties u jirrappreżentaw lid-detenturi tad-drittijiet ma jkunux jistgħu, bħala organizzazzjonijiet ta’ ġestjoni kollettiva, jieħdu l-forma ta’ kumpaniji ta’ natura kummerċjali iżda għandhom ikunu korpi mingħajr skop ta’ qligħ bi struttura assoċjattiva u jkunu magħmulin mid-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u ta’ ċerti drittijiet relatati.

3.5.3   Il-Kumitat jitlob li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/115/KE jiġi kkompletat biż-żieda ta’ paragrafu numru 6, li jkun isemmi li s-soċjetajiet jew l-organizzazzjonijiet ta’ ġestjoni kollettiva (SĠK jew OĠK) għandhom ikunu ssorveljati minn xi korp indipendenti fil-livell nazzjonali (korp nazzjonali uniku ta’ ġestjoni). Dan jista’ jkun il-korp li jkun ħarġilhom il-permess li jiġbru r-royalties tal-artisti. Fi kliem ieħor, il-korp li joħroġ il-liċenzji jista’ jkun ukoll dak li jwettaq il-kontroll tas-sorveljanza.

3.5.4   Il-Kumitat jitlob li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/115/KE jiġi kkompletat biż-żieda ta’ paragrafu numru 7, li jkun isemmi li l-awturi jew artisti li huma intitolati għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jċedu dawn id-drittijiet tagħhom u jittrasferixxu d-dritt tagħhom għal self jew kiri lil numru ta’ OĠK (SĠK) eżistenti jew li jkunu għadhom kif twaqqfu. Peress li f’dan il-każ ikun hemm OĠK (SĠK) differenti, ir-risjku jkun li: a) ir-rimunerazzjonijiet tal-artisti jinġabru aktar minn darba, minn għadd ta’ OĠK (SĠK), u dan iġib miegħu periklu ieħor, b) li l-utent jispiċċa jiffirma kuntratti u jikkollabora ma’ numru kbir ta’ OĠK (SĠK) minflok ma’ waħda biss, u c) li tingħata rimunerazzjoni doppja għall-użu tal-istess biċċa xogħol. Il-korp li joħroġ il-permessi lill-OĠK (SĠK) għandu jkollu wkoll il-kompetenza u r-responsabbiltà li jara li r-rimunerazzjonijiet li s-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva jkunu ġabru mill-utenti jitqassmu bejn l-awturi u d-detenturi ta’ drittijiet relatati. Qed jiġi propost li tiġi installata teknoloġija tas-softwer fil-postijiet ikkonċernati fejn jintwerew ix-xogħlijiet, sabiex ikun possibbli li jinżammu d-dettalji tal-fonogrammi (l-awtur, l-artist, it-tul, eċċ.) waqt il-prestazzjoni, b’mod li l-utent ikun jista’ jħallas għall-użu tad-drittijiet tal-awtur għax-xogħol ikkonċernat u li l-ħlas ikun jista’ jsir b’mod proporzjonat. Il-korp hawn fuq imsemmi għandu jassumi wkoll ir-responsabbiltà li jiżgura li ma jsirx aktar minn pagament wieħed għar-rimunerazzjoni ta’ biċċa xogħol inġenerali. Dawk l-Istati Membri li m’għandhomx korp li joħroġ il-liċenzji għall-OĠK (SĠK) għandhom jaħsbu sabiex joħolqu wieħed skont il-leġislazzjoni nazzjonali.

3.5.5   Il-Kumitat jitlob li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/115/KE jiġi kkompletat biż-żieda ta’ paragrafu numru 8, li jkun isemmi li l-OĠK li jirrappreżentaw lill-artisti għandhom ifasslu baġit u rapport finanzjarju nominattiv dwar il-ġestjoni u t-tqassim tar-rimunerazzjonijiet li jkunu ġabru f’isem id-detenturi tad-drittijiet u jipprovdu kull element ieħor li jkun kapaċi jistabbilixxi li d-“dħul” ikkonċernat ikun reġa’ tqassam lil dawn tal-aħħar u li dan id-dħul ikun ġie ddikkjarat u ntaxxat mis-servizzi finanzjarji tal-Istati Membri. Il-kontabilità tal-organizzazzjonijiet ta’ ġestjoni tad-drittijiet u t-tqassim effettiv tad-drittijiet miġbura bejn id-diversi detenturi tad-drittijiet iridu jiġu ċċertifikati minn awditur indipendenti, u r-rapport tiegħu jrid jiġi ppubblikat; barra minn hekk, dawn iridu jiġu kkontrollati perjodikament minn awtorità kompetenti, bħall-Qorti tal-Awdituri jew awtorità pubblika indipendenti.

3.5.6   Il-Kumitat jitlob li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/115/KE jiġi kkompletat biż-żieda ta’ paragrafu numru 9, li jkun isemmi li fil-każ li l-OĠK ma jqassmux ir-rimunerazzjonijiet li jkunu ġabru lid-detenturi tad-drittijiet jew inkella jekk ma jirrispettawx id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi numru 5 u 7 tal-Artikolu kkonċernat, il-korp li joħorġilhom il-liċenzji għandu l-ewwel jirtiralhom il-liċenzja u b’konsegwenza ta’ dan, skont il-gravità tas-sitwazzjoni, jibgħathom quddiem il-qrati nazzjonali.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Il-pieni huma l-istess, kemm fil-każ ta’ użu privat kif ukoll fil-każ ta’ falsifikazzjoni għal finijiet kummerċjali.

(2)  Dan l-istudju ġie ppubblikat fi Frar 2007.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dawn il-punti tal-opinjoni tas-Sezzjoni Speċjalizzata ġew immodifikati biex jirriflettu l-emendi adottati mill-Assemblea, iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 54(4) tar-Regoli ta’ Proċedura):

a)   Punt 1.1.8

1.1.8

Teżisti trasparenza dubjuża fil-ġestjoni tad-dħul miġbur mis-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva fil-kuntest transkonfinali. Fil-fatt, l-awturi, id-detenturi tad-drittijiet relatati, dawk obbligati li jħallsu d-drittijiet kif ukoll il-konsumaturi mhumiex dejjem konxji minn dak li verament qed jinġabar jew dwar dawk li ser jirċievu d-dħul miġbur permezz tas-sistema ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet.

Votazzjoni:

Favur

:

113

Kontra

:

61

Astensjonijiet

:

23

b)   Punt 3.1.1

3.1.1

Huwa tal-ogħla importanza li ssir distinzjoni bejn il-kunċett tad-drittijiet tal-awtur u dak tad-drittijiet relatati tal-artisti u li jinfiehmu sewwa. Iż-żewġ kunċetti jiffurmaw parti minn dak li jista' jiġi definit u msejjaħ bħala “proprjetà intellettwali”. Komunement jingħad li din tikkonsisti fid-drittijiet tal-awtur, li jikkonċernaw lill-awturi, kompożituri u kittieba tal-lirika ta’ biċċa xogħol, u d-drittijiet relatati, li jikkonċernaw lill-artisti li jinterpretaw dawn ix-xogħlijiet.

Votazzjoni:

Favur

:

116

Kontra

:

55

Astensjonijiet

:

27

c)   Punt 3.1.3

3.1.3

Il-Kumitat jitlob l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u tad-drittijiet relatati tal-artisti. Dan huwa neċessarju fil-kuntest tal-azzjoni ta’ kommunikazzjoni jew informazzjoni, pereżempju f'każ fejn fonogramma tidħol fl-isfera pubblika. Sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-protezzjoni tad-drittijiet hawn fuq imsemmija, jeħtieġ li l-leġislazzjonijiet tal-Istati Membri jiġu armonizzati, f'oqsma bħad-definizzjoni tal-kunċett ta’ xi ħaġa fl-isfera pubblika bħala sors ta’ dħul, li tiġġenera d-dħul għall-awturi; l-għan ta’ din il-proċedura huwa li s-suq intern ikun jista' jiffunzjona b'mod armonjuż.

Votazzjoni:

Favur

:

108

Kontra

:

57

Astensjonijiet

:

31

d)   Punt 3.2.1

3.2.1

Ir-rimunerazzjoni tal-awturi li jibbenefikaw minn drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-qasam tal-mużika (bħala assi) x'aktarx huwa punt li fih il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jiltaqgħu ma’ diffikultajiet partikolari b'relazzjoni mat-tranżazzjonijiet bejn is-soċjetajiet tal-ġestjoni kollettiva u l-utenti.

Votazzjoni:

Favur

:

88

Kontra

:

71

Astensjonijiet

:

34

e)   Punt 3.3.2

3.3.2

Il-Kumitat huwa tal-fehma li għandha ssir distinzjoni ċara bejn l-isfruttament kummerċjali u l-użu privat, fir-rigward tal-għan ta’ dan l-użu, iżda wkoll is-sanzjonijiet marbuta miegħu. Huwa meqjus bħala “pubbliku” kull użu, prestazzjoni jew komunikazzjoni ta’ biċċa xogħol li jagħmluha aċċessibbli għal ċirku aktar wiesa' miċ-ċirku ristrett tal-familja u l-ambjent soċjali immedjat, kemm jekk il-persuni li jiffurmaw dan iċ-ċirku wiesa' jinsabu fl-istess post jew jinsabu f'postijiet differenti, jew għal udjenza mhux preżenti fil-post tal-preżentazzjoni; din id-definizzjoni għandha tkopri kull trażmissjoni jew ritrażmissjoni ta’ biċċa xogħol lill-pubbliku bl-użu ta’ apparat bil-fili jew mingħajrhom, inklużi x-xandiriet televiżivi.

Votazzjoni:

Favur

:

103

Kontra

:

53

Astensjonijiet

:

27

f)   Punt 3.3.3

3.3.3

Fil-fehma tal-Kumitat, jeħtieġ li jingħad b'mod ċar u sempliċi li użu huwa pubbliku meta l-utent juża biċċa xogħol bi skop ta’ qligħ ta’ flus u fil-kuntest ta’ attività kummerċjali li tirrikjedi jew tiġġustifika dan l-użu (ta' biċċa xogħol, ħoss, immaġini jew ħoss u immaġini fl-istess waqt).

Votazzjoni:

Favur

:

103

Kontra

:

58

Astensjonijiet

:

28

g)   Punt 3.3.6

3.3.6

Peress li rimunerazzjoni ekwa trid tkun tinkludi “sui generis” element ta’ proporzjonalità, bħalma ta’ spiss jiġri fil-prattika, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn l-attivitajiet ekonomiċi fejn l-eżekuzzjoni jew l-użu tax-xogħol jikkostitwixxi l-attività prinċipali u d-dħul finanzjarju tal-intrapriża (organizzaturi ta’ kunċerti jew spettakli, ċinema, radju, televixin, eċċ.) u l-attivitajiet ekonomiċi l-oħra fejn l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet ma ssirx bi skop ekonomiku (xufier ta’ taksi li qed jisma' r-radju waqt li qed iwassal klijent, pereżempju) jew għandu rwol sekondarju fir-rigward tal-attività ekonomika prinċipali (mużika ta’ sfond f'lift ta’ ħanut kbir (department store), f'restorant, eċċ.). Ir-rimunerazzjonijiet applikabbli għandhom ikunu divrenzjati, minn rimunerazzjoni b'xejn sa rimunerazzjoni sħiħa skont il-kontribut effettiv tax-xogħlijiet għall-attività ekonomika. Dawn id-distinzjonijiet jiġu applikati b'mod ċar f'numru ta’ pajjiżi, bħal Franza, fejn tiġi applikata tariffa differenti għall-organizzaturi ta’ spettakli u x-xandara tax-xogħlijiet, fuq naħa, u għall-kafetteriji u r-restoranti, b'mod partikolari, fuq in-naħa l-oħra.

Votazzjoni:

Favur

:

106

Kontra

:

62

Astensjonijiet

:

27

h)   Punt 3.3.7

3.3.7

Il-Kumitat jitlob li wara l-paragrafu numru 7 tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/115/KE, li jgħid li f'nuqqas ta’ ftehim bejn id-detenturi tad-drittijiet, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-livell ta’ rimunerazzjoni ekwa, jiżdied paragrafu numru 8, b'dispożizzjonijiet legali biex tiġi stabbilita r-rimunerazzjoni ekwa. F'dan il-paragrafu numru 8, jeħtieg li jissemma li għandha tiġi stabbilita kummissjoni għas-soluzzjoni tat-tilwimiet bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti; iż-żewġ partijiet għandhom jirrikorru għaliha b'mod obbligatorju u n-negozjati tagħha għandhom iwasslu għal ftehim konkluż bejn, minn naħa, l-awturi u l-artisti intitolati għad-drittijiet u, min-naħa l-oħra, l-utenti u l-konsumaturi u li għandu jsemmi l-ammont tar-rimunerazzjoni ekwa għar-royalty kkonċernata kollha kemm hi. Ir-rikors lejn din il-kummissjoni għas-soluzzjoni tat-tilwimiet jimplika li s-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva jkunu l-ewwel ikkonkludew bil-miktub protokoll ta’ ftehim ta’ rappreżentazzjoni tal-awturi u l-artisti intitolati għad-drittijiet li jirrappreżentaw għal xogħlijiet determinati. Fin-nuqqas ta’ tali ftehim, appoġġjat minn dokument li jkollu datazzjoni ċċertifikata, għal kull biċċa xogħol jew fonogramma partikolari u li jsemmi b'mod distint id-detenturi tad-drittijiet, dawn is-soċjetajiet ma jkollhomx id-dritt li jitolbu kwalunkwe ħlas ta’ somma flus f'isem detentur tad-drittijiet li ma jkollux kuntratt magħhom. Kwalunkwe awtorizzazzjoni preżunta, fejn il-fatt li jintalab ġbir ta’ flus jimplika awtorizzazzjoni, mhijiex aċċettabbli. Il-kummissjoni għandha tkun magħmula minn membru li jirrappreżenta l-konsumaturi, ieħor li jirrappreżenta d-dtenturi tad-drittijiet u wkoll minn tnejn oħra li jkunu ġejjin, fil-livell tal-imsieħba soċjali, mill-grupp ta’ min iħaddem u mill-grupp tal-impjegati, jew, fil-livell Ewropew, membru tal-KESE li jirrappreżenta l-gruppi soċjali.

Votazzjoni:

Favur

:

116

Kontra

:

57

Astensjonijiet

:

23

i)   Punt 3.4.1

3.4.1

Il-Kumitat jinsab konvint li l-protezzjoni tax-xogħlijiet intellettwali hija ta’ importanza kapitali għall-iżvilupp ekonomiku u kulturali tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-iżviluppi l-ġodda fl-ekonomija u t-teknoloġija, iżda wkoll li tista' twassal għar-riżultati opposti ta’ dawk mistennija billi xxekkel il-kummerċ b'mod konsiderevoli meta d-drittijiet ikkonċernati jitħaddmu b'mod sproporzjonat, għad-detriment tal-utenti u l-konsumaturi.

Votazzjoni:

Favur

:

104

Kontra

:

61

Astensjonijiet

:

36

j)   Punt 3.4.2

3.4.2

Il-Kumitat huwa mħasseb dwar il-fatt li, minflok li tneħħi l-ostakli għall-iskambji u l-innovazzjonijiet f'dan il-qasam, id-Direttiva fis-seħħ qiegħda toħloq ostakli ġodda. Pereżempju, l-ambigwità tal-kwistjoni tar-rimunerazzjoni ekwa qed tikkomplika, minflok li tissemplifika, it-tħaddim tal-SMEs waqt perjodu ta’ protezzjoni mtawwal, mingħajr is-salvagwardji neċessarji. Dan huwa wkoll il-każ meta l-OĠK ma jġibux ruħhom b'mod razzjonali u trasparenti, meta l-utenti kummerċjali ma jkollhomx għarfien sħiħ tas-sitwazzjoni u meta d-dannu eventwalment ikkaġunat lid-detenturi tad-drittijiet mill-użu tal-biċċa xogħol ikkonċernata jkun insinifikanti filwaqt li s-sanzjonijiet korrispondenti jkunu ħorox wisq.

Votazzjoni:

Favur

:

104

Kontra

:

61

Astensjonijiet

:

36

k)   Punt 3.4.3

3.4.3

Il-Kumitat jinsisti li l-paragrafu li jagħti lill-Istati Membri l-libertà li jistabbilixxu s-sanzjonijiet jiġi sostitwit, peress li s-sanzjonijiet applikati f'ħafna mill-Istati Membri, xi drabi anki ta’ natura kriminali, m'għandhomx sens ta’ proporzjon bħalma suppost ikollhom.

Votazzjoni:

Favur

:

104

Kontra

:

61

Astensjonijiet

:

36

l)   Punt 3.4.4

3.4.4

Il-Kumitat huwa partikolarment imħasseb dwar il-fatt li l-leġislazzjoni Komunitarja għandha l-għan li tipproteġi d-drittijiet intellettwali u dawk relatati tal-awturi, l-artisti, eċċ. iżda ma tikkunsidrax biżżejjed id-drittijiet tal-utenti u fl-aħħar mill-aħħar tal-konsumaturi. Filwaqt li jissemma l-fatt li l-attivitajiet kreattivi, artistiċi u kummerċjali huma mwettqa b'mod estensiv mill-professjonijiet liberali u għalhekk għandhom jiġu ffaċilitati u protetti, ma jintużax l-istess approċċ fil-livell tal-utenti. L-użu ta’ għadd ta’ xogħlijiet intellettwali, li huwa permess biss bħala eċċezzjoni għad-drittijiet esklużivi tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, b'limitazzjonijiet għall-utenti; madankollu il-kundizzjonijiet tal-użu mhumiex ċari jew legalment definiti tajjeb, u l-konsumaturi qegħdin iħabbtu wiċċhom mal-leġislazzjoni fis-seħħ meta jiġu biex jistabbilixxu l-użu permess.

Votazzjoni:

Favur

:

104

Kontra

:

61

Astensjonijiet

:

36