11.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 165/80


Il-Ħamis 1 ta’ Diċembru 2011
Talba għall-ħarsien tal-immunità parlamentari ta'Viktor Uspaskich

P7_TA(2011)0541

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar it-talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Viktor Uspaskich (2011/2162(IMM) u 2011/2099(IMM))

2013/C 165 E/12

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-talba magħmula minn Viktor Uspaskich, biex tiġi difiża l-immunità tiegħu, tal-5 ta’ April 2011, li tħabbret fis-seduta plenarja tad-9 ta’ Mejju 2011, u t-talba tiegħu tal-11 ta’ April 2011, li tħabbret fis-seduta plenarju fl-4 ta’ Lulju 2011 għal rieżami tad-deċiżjoni tal-Parlament tas-7 ta’ Settembru 2010 biex titneħħa l-immunità tiegħu (1),

wara li sema' lil Viktor Uspaskich fis-10 ta' Ottubru 2011, bi qbil mal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikoli 7 u 9 tal-Protokoll Nru. 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea("il-Protokoll"), u l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta’ Settembru 1976 rigward l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew permezz ta’ suffraġju universali dirett,

wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Mejju 1964, tal-10 ta’ Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta’ Ottubru 2008 u tad-19 ta’ Marzu 2010 (2),

wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Parlament tas-7 ta’ Settembru 2010 biex titneħħa l-immunità ta’ Viktor Uspaskich,

wara li kkunsidra l-Artikoli 6(3) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0411/2011 u A7-0413/2011),

A.

billi huwa xieraq li t-talbiet magħmula minn Viktor Uspaskich fil-5 u l-11 ta' April 2011 jiġu ttrattati flimkien peress li huma relatati mal-istess proċedimenti legali;

B.

billi nġabu proċedimenti kriminali kontra Viktor Uspaskich, Membru tal-Parlament Ewropew, li fil-proċedimenti pendenti fil-Qorti Reġjonali ta’ Vilnius huwa akkużat b’offiżi kriminali skont l-Artikolu 24(4) konġuntament mal-Artikolu 222(1), l-Artikolu 220(1), l-Artikolu 24(4) konġuntament mal-Artikolu 220(1), l-Artikolu 205(1) u l-Artikolu 24(4) konġuntament mal-Artikolu 205(1) tal-Kodiċi Kriminali tar-Repubblika tal-Litwanja;

C.

billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll, waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Membri tiegħu ‘għandhom igawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament tagħhom’, billi ‘l-immunità ma tistax tintalab meta Membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunza għall-immunità ta’ xi wieħed mill-Membri tiegħu’;

D.

billi, skont l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja, Membru tal-Parlament nazzjonali (is-Seimas) ma għandux jinżamm kriminalment responsabbli jew arrestat, lanqas ma għandha tiġi ristretta b'xi mod ieħor il-libertà tiegħu, mingħajr il-kunsens ta' dak il-parlament;

E.

billi l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja jipprevedi wkoll li Membru tas-Seimas ma għandux jiġi ppersegwitat minħabba kif jivvota jew minħabba t-taħdidiet tiegħu fis-Seimas, għalkemm jista' jinżamm responsabbli fl-ambitu tal-proċedura ġenerali għal insult personali jew kalunnja;

F.

billi Viktor Uspaskich huwa akkużat essenzjalment b’offiżi ta’ kontabilità falza fir-rigward tal-iffinanzjar ta’ partit politiku matul perjodu qabel ma ġie elett għall-Parlament Ewropew;

G.

billi fis-7 ta’ Settembru 2010 il-Parlament neħħa l-immunità ta’ Viktor Uspaskich, billi qies li ma nġabet l-ebda evidenza konvinċenti dwar l-eżistenza ta’ xi fumus persecutionis u li r-reati kriminali li bihom huwa akkużat Viktor Uspaskich ma kellhom xejn x’jaqsmu mal-attivitajiet tiegħu bħala membru tal-Parlament Ewropew;

H.

billi fit-28 ta’ Ottubru 2010 Viktor Uspaskich għamel kawża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament tas-7 ta’ Settembru 2010 fil-Qorti Ġenerali biex imbagħad irtiraha f’Lulju 2011;

I.

billi fl-ittra tiegħu tal-5 ta’ April 2011 fejn jitlob li l-immunità tiegħu tiġi difiża Viktor Uspaskich jallega li l-proċedimenti kriminali li nbdew mill-awtoritajiet Litwani jżommuh milli jaqdi d-dmirijiet parlamentari tiegħu, jew jagħmluha diffiċli għalih li jwettaqhom, billi jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment tiegħu, ħaġa li tmur kontra l-Artikolu 7 tal-Protokoll;

J.

billi l-Artikolu 7 tal-Protokoll għandu l-funzjoni li jħares lill-membri kontra restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ moviment tagħhom, minbarra restrizzjonijiet ġudizzjarji, u konsegwentement fih mhux immunità imma privileġġ, u ma jipproteġix kontra restrizzjonijiet ġudizzjarji fuq il-libertà tal-moviment tal-Membri (3);

K.

billi, konsegwentement, huwa impossibbli li l-Parlament jilqa’ t-talba ta’ Viktor Uspaskich tal-5 ta’ April 2011 biex jiddefendi l-immunità tiegħu fuq il-bażi tal-Artikolu 7 tal-Protokoll;

L.

billi fl-ittra tiegħu tal-11 ta’ April 2011 Viktor Uspaskich jitlob li ssir reviżjoni tad-deċiżjoni tal-Parlament tas-7 ta' Settembru 2010 għar-raġuni li tqajmu allegati fatti ġodda mill-WikiLeaks, li hu jsostni li juru li kien vittma ta’ fumus persecutionis;

M.

billi din l-allegazzjoni għandha tiġi miċħuda għar-raġuni li ma ġiet stabbilita l-ebda konnessjoni suffiċjenti bejn l-allegati fatti ġodda u l-ftuħ ta’ proċedimenti kontra Viktor Uspaskich għal kontabilità falza;

N.

billi barra minn hekk – u dan japplika wkoll għall-allegazzjoni ta’ Viktor Uspaskich li d-dritt fundamentali tiegħu ta’ difiża u l-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali ġew miksura bl-adozzjoni tad-deċiżjoni tas-7 ta' Settembru 2010 – l-applikazzjoni biex isir rieżami tad-deċiżjoni tal-Parlament tas-7 ta' Settembru 2010 ma tikkostitwixxix talba għad-difiża tal-immunità u l-privileġġi tiegħu fit-tifsira tal-Artikoli 6 u 7,

1.

Jiddeċiedi li ma jiddefendix l-immunità u l-privileġġi ta’ Viktor Uspaskich;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapporti tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-Litwanja.


(1)  ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 90.

(2)  Il-Każ 101/63 Wagner v Fohrmann u Krier [1964] Ġabra 195; Il-Każ 149/85 Wybot v Faure u Oħrajn [1986] Ġabra 2391; Il-Każ T- 345/05, Mote v Il-Parlament [2008] Ġabra II-2849; Il-Każ magħqud C-200/07 u C-201/07 Marra v De Gregorio u Clemente [2008] Ġabra I-7929; Il-Każ T-42/06. Gollnisch v Il-Parlament.

(3)  Kawża T- 345/05, Mote vs Il-Parlament [2008] Ġabra II-2849, Paragrafi 48 sa 52.