22.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 51/152


L-Erbgħa 14 ta’ Settembru 2011
Emenda tar-Regoli ta' Proċedura dwar is-seduti ta' smigħ tal-Kummissarji nnominati

P7_TA(2011)0379

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 2011 dwar l-emenda tal-Artikoli 106 u 192 u l-Anness XVII tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew (2010/2231(REG))

2013/C 51 E/28

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposti għal emenda tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu (B7-0480/2010, B7-0481/2010 u B7-0482/2010),

wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (1),

wara li kkunsidra l-Artikoli 211 u 212 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0240/2011),

A.

billi l-approvazzjoni tal-Kummissjoni mill-Parlament fi Frar 2010 kienet ibbażata fuq proċedura mtejba ta' smigħ li żgurat li l-Kummissjoni kollha nnominata ġiet ivvalutata b'mod miftuħ, ġust u konsistenti,

B.

billi, madankollu jistgħu jsiru xi konklużjonijiet mill-proċess ta' approvazzjoni li, b'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, jissuġġerixxu li iktar modifiki huma meħtieġa u mixtieqa,

1.

Jinnota r-reviżjoni riċenti mill-Kummissjoni tal-Kodiċi tagħha ta' Mġiba għall-Kummissarji, u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji mill-Kummissarji; jiddeċiedi li jżomm l-applikazzjoni tal-Kodiċi ta' Mġiba l-ġdid taħt rieżami sabiex jippermetti lill-Unjoni Ewropea tilħaq l-ogħla standards ta' governanza;

2.

Jiddeċiedi li jemenda r-Regoli ta' Proċedura tiegħu kif jidher hawn taħt;

3.

Ifakkar li dawn l-emendi jidħlu fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tas-sessjoni parzjali li jmiss;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal skopijiet ta' informazzjoni.

TEST FIS-SEĦĦ

EMENDA

Emenda 1

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 106 – Paragrafu 1a (ġdid)

 

1a.     Il-President jista' jistieden lill-President elett tal-Kummissjon biex jgħarraf lill-Parlament dwar l-allokazzjoni tar-responsabilitajiet tal-portafolli fil-Kulleġġ tal-Kummissarji propost f'konformità mal-linji gwida politiċi tiegħu.

Emenda 2

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 106 – paragrafu 3

3.   Il-President elett għandu jippreżenta l-kulleġġ tal-Kummissarji u l-programm tagħhom f'seduta tal-Parlament li għaliha jkun mistieden jattendi l-Kunsill kollu . L-istqarrija għandha tkun segwita minn dibattitu.

3.   Il-President elett għandu jippreżenta l-kulleġġ tal-Kummissarji u l-programm tagħhom f'seduta tal-Parlament li għaliha għandhom ikunu mistiedna jattendu l-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kunsill . L-istqarrija għandha tkun segwita minn dibattitu.

Emenda 3

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 192 – paragrafu 2a (ġdid)

 

2a.     Il-koordinaturi tal-kumitati għandhom jissejħu mill-president tal-kumitat tagħhom sabiex iħejju l-organizzazzjoni tas-seduti ta' smigħ tal-Kummissarji nnominati. Wara dawn is-seduti ta' smigħ, il-koordinaturi għandhom jiltaqgħu biex jevalwaw il-kandidati nnominati f'konformità mal-proċedura stipulata fl-Anness XVII.

Emenda 4

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Anness XVII – paragrafu 1 – punt a – subparagrafu 3

Il-Parlament jista' jfittex li jikseb kull tagħrif rilevanti biex jieħu deċiżjoni dwar il-kapaċità tal-Kummissarji nnominati. Huwa jistenna li t-tagħrif dwar l-interessi finanzjarji tagħhom ikun żevalat bis-sħiħ.

Il-Parlament jista' jfittex li jikseb kull tagħrif rilevanti biex jieħu deċiżjoni dwar il-kapaċità tal-Kummissarji nnominati. Huwa jistenna li t-tagħrif dwar l-interessi finanzjarji tagħhom ikun żevalat bis-sħiħ. Id-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-Kummissarji nnominati għandhom jintbagħtu għall-iskrutinju tal-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali.

Emenda 5

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Anness XVII – paragrafu 1 – punt b – subparagrafu 2

Is-seduti ta' smigħ għandhom ikunu organizzati b'mod konġunt bejn il-Konferenza tal-Presidenti u l-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati. Għandhom isiru arranġamenti xierqa biex ikunu assoċjati l-kumitati rilevanti meta l-portafolli jkunu mħallta. Hemm tliet għażliet:

Is-seduti ta' smigħ għandhom ikunu organizzati mill-Konferenza tal-Presidenti fuq rakkomandazzjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati. Il-president u l-koordinaturi ta' kull kumitat għandhom ikunu responsabbli għall-arranġamenti dettaljati. Jistgħu jinħatru rapporteurs.

 

Għandhom isiru arranġamenti xierqa biex ikunu assoċjati l-kumitati rilevanti meta l-portafolli jkunu mħallta. Hemm tliet għażliet:

(i)

jekk il-portafoll tal-Kummissarju nnominat jaqa' taħt il-mandat ta' kumitat wieħed, il-Kummissarju nnominat għandu jinstema' minn dak il-kumitat biss;

(i)

jekk il-portafoll tal-Kummissarju nnominat jaqa' taħt il-mandat ta' kumitat wieħed, il-Kummissarju nnominat għandu jinstema' minn dak il-kumitat biss (il-kumitat responsabbli) ;

(ii)

jekk il-portafoll tal-Kummissarju nnominat jaqa' bejn wieħed u ieħor b'mod indaqs taħt il-mandat ta' iktar minn kumitat wieħed, il-Kummissarju nnominat għandu jinstema' minn dawn il-kumitati flimkien; u

(ii)

jekk il-portafoll tal-Kummissarju nnominat jaqa' bejn wieħed u ieħor b'mod indaqs taħt il-mandat ta' iktar minn kumitat wieħed, il-Kummissarju nnominat għandu jinstema' minn dawn il-kumitati flimkien (kumitati konġunti) ; u

(iii)

jekk il-portafoll tal-Kummissarju nnominat jaqa' primarjament taħt il-mandat ta' kumitat wieħed u sa ċertu punt biss taħt il-mandat ta' għall-inqas kumitat ieħor, il-Kummissarju nnominat għandu jinstema' mill-kumitat li għandu r-responsabilità ewlenija, u dan għandu jistieden lill-kumitat l-ieħor jew lill-kumitati l-oħra biex jattendu għas-seduta ta' smigħ .

(iii)

jekk il-portafoll tal-Kummissarju nnominat jaqa' primarjament taħt il-mandat ta' kumitat wieħed u sa ċertu punt biss taħt il-mandat ta' għall-inqas kumitat ieħor, il-Kummissarju nnominat għandu jinstema' mill-kumitat li għandu r-responsabilità ewlenija, bl-assoċjazzjoni tal-kumitat l-ieħor jew tal-kumitati l-oħra (kumitati assoċjati) .

Emenda 6

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Anness XVII – paragrafu 1 – punt b – subparagrafu 4

Il-kumitati għandhom iressqu mistoqsijiet bil-miktub lill-Kummissarji nnominati kmieni biżżejjed qabel is-seduta. In-numru ta' mistoqsijiet sostantivi bil-miktub għandu jkun limitat għal ħamsa għal kull kumitat responsabbli.

Il-kumitati għandhom iressqu mistoqsijiet bil-miktub lill-Kummissarji nnominati kmieni biżżejjed qabel is-seduta. Għal kull Kummissarju nnominat għandhom jitfasslu żewġ mistoqsijiet komuni mill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, l-ewwel waħda marbuta mal-kwistjonijiet tal-kompetenza ġenerali, l-impenn Ewropew u l-indipendenza personali, u t-tieni waħda marbuta mal-ġestjoni tal-portafoll u l-koperazzjoni mal-Parlament. Il-kumitat responsabbli għandu jfassal tliet mistoqsijiet oħra. Fil-każ tal-kumitati konġunti, kull wieħed minnhom għandu jingħata d-dritt ifassal żewġ mistoqsijiet.

Emenda 7

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Anness XVII – paragrafu 1 – punt b – subparagrafu 5

Is-seduti ta' smigħ għandhom isiru f'ċirkostanzi, u skont kundizzjonjiet, li fihom il-Kummissarji nnominati jgawdu minn opportunità ugwali u ġusta biex jippreżentaw lilhom infushom u l-fehmiet tagħhom.

Kull seduta ta’ smigħ għandha tiġi skedata li ddum tliet sigħat. Is-seduti ta' smigħ għandhom isiru f'ċirkostanzi, u skont kundizzjonjiet, li fihom il-Kummissarji nnominati jgawdu minn opportunità ugwali u ġusta biex jippreżentaw lilhom infushom u l-fehmiet tagħhom.

Emenda 8

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Anness XVII – paragrafu 1 – punt b – subparagrafu 6

Il-Kummissarji nnominati għandhom ikunu mistiedna biex jagħmlu stqarrija tal-bidu bil-fomm ta' mhux aktar minn għoxrin minuta . It-tmexxija tas-seduti ta' smigħ għandha ssir bl-għan li jkun żviluppat djalogu politiku pluralistiku bejn il-Kummissarji nnominati u l-Membri. Qabel tmiem is-seduta ta' smigħ, il-Kummissarji nnominati għandu jkollhom l-opportunità li jagħmlu stqarrija qasira tal-għeluq.

Il-Kummissarji nnominati għandhom ikunu mistiedna jagħmlu stqarrija tal-bidu bil-fomm ta' mhux aktar minn 15-il minuta . Meta jkun possibbli, il-mistoqsijiet li jsiru matul is-seduta ta’ smigħ għandhom jinġabru flimkien skont it-tema. Il-maġġoranza tal-ħin għad-diskors għandu jkun allokat lill-gruppi politiċi, mutatis mutandis f’konformità mal-Artikolu 149. It-tmexxija tas-seduti ta' smigħ għandha ssir bl-għan li jkun żviluppat djalogu politiku pluralistiku bejn il-Kummissarji nnominati u l-Membri. Qabel tmiem is-seduta ta' smigħ, il-Kummissarji nnominati għandu jkollhom l-opportunità li jagħmlu stqarrija qasira tal-għeluq.

Emenda 9

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Anness XVII – paragrafu 1 – punt c – subparagrafu 1

Għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku reġistrazzjoni video tas-seduti ta' smigħ fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa.

Għandu jkun hemm trażmissjoni awdjoviżiva diretta tas-seduti ta' smigħ. Għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku reġistrazzjoni indiċizzata tas-seduti ta' smigħ fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa.

 

(Test li għandu jitqiegħed fi tmiem il-paragrafu 1(b))

Emenda 10

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Anness XVII – paragrafu 1 – punt c – subparagrafu 1

Il-kumitati għandhom jiltaqgħu mingħajr dewmien wara s-seduta ta' smigħ biex jevalwaw il-Kummissarji nnominati individwali. Dawk il-laqgħat għandhom isiru in camera. Il-kumitati għandhom ikunu mistiedna biex jgħidu jekk, fil-fehma tagħom, il-Kummissarji nnominati humiex ikkwalifikati kemm biex ikunu membri tal-kulleġġ u biex iwettqu d-dmirijiet partikolari assenjati lilhom. Jekk il-kumitat ma jkunx jista' jilħaq konsensus dwar dawk iż-żewġ punti, il-president tiegħu, meta jkun falla kull tentattiv ieħor, għandu jressaq dawn iż-żewġ deċiżjonijiet għall-vot sigriet. L-istqarrijiet ta' evalwazzjoni tal-kumitati għandhom ikunu ppubblikati u ppreżentati f'laqgħa konġunta tal-Konferenza tal-Presidenti u l-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, li għandha ssir in camera. Wara skambju ta' fehmiet, il-Konferenza tal-Presidenti u l-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati għandhom jiddikjaraw is-seduti ta' smigħ magħluqa ħlief jekk jiddeċiedu li jkunu jridu aktar tagħrif.

Il-President u l-koordinaturi għandhom jiltaqgħu mingħajr dewmien wara s-seduta ta' smigħ biex jevalwaw il-Kummissarji nnominati individwali. Dawk il-laqgħat għandhom isiru in camera. Il-koordinaturi għandhom ikunu mistiedna biex jgħidu jekk, fil-fehma tagħom, il-Kummissarji nnominati humiex ikkwalifikati kemm biex ikunu membri tal-kulleġġ kif ukoll biex iwettqu d-dmirijiet partikolari assenjati lilhom. Il-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati għandha tfassal mudell pro forma biex tassisti l-evalwazzjoni.

 

Fil-każ ta' kumitati konġunti, il-president u l-koordinaturi tal-kumitati kkonċernati għandhom jaġixxu b'mod konġunt waqt il-proċedura kollha.

 

Għandu jkun hemm stqarrija ta’ evalwazzjoni waħda għal kull Kummissarju nnominat. L-opinjonijiet tal-kumitati kollha assoċjati mas-smigħ għandhom jiġu inklużi.

 

Meta l-kumitati jkunu jirrikjedu iktar tagħrif sabiex ilestu l-evalwazzjoni tagħhom, il-President għandu jikteb lill-President elett tal-Kummissjoni f'isimhom. Il-koordinaturi għandhom iqisu r-risposta ta' dan tal-aħħar.

 

Jekk il-koordinaturi ma jkunux jistgħu jaslu għal konsensus dwar l-evalwazzjoni, jew fuq talba ta' grupp politiku wieħed, il-president għandu jsejjaħ laqgħa tal-kumitat sħiħ . Jekk ikun falla kull tentattiv ieħor, il-president għandu jressaq iż-żewġ deċiżjonijiet għal votazzjoni sigrieta.

 

L-istqarrijiet ta' evalwazzjoni tal-kumitati għandhom jiġu adottati u ppubblikata fi żmien 24 siegħa wara s-seduti ta' smigħ. L-istqarrijiet għandhom jiġu eżaminati mill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati u sussegwentement mibgħuta lill-Konferenza tal-Presidenti. Ħlief jekk tiddeċiedi li tfittex tagħrif ulterjuri, il-Konferenza tal-Presidenti, wara skambju ta' fehmiet, għandha tiddikjara s-seduti ta' smigħ magħluqa.

Emenda 11

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Anness XVII – paragrafu 1 – punt c – subparagrafu 3

Il-President elett tal-Kummissjoni għandu jippreżenta l-kulleġġ sħiħ tal-Kummissarji nnominati u l-programm tagħhom f'seduta tal-Parlament li għaliha jkun mistieden jattendi l-Kunsill kollu . Wara l-preżentazzjoni għandu jsir dibattitu. Sabiex jingħalaq id-dibattitu, kwalunkwe grupp politiku jew mhux inqas minn erbgħin Membru jistgħu jressqu mozzjoni għal riżoluzzjoni. Għandu japplika l-Artikolu 110(3), (4) u (5). Wara l-votazzjoni dwar il-mozzjoni għal riżoluzzjoni, il-Parlament għandu jivvota dwar jekk jagħtix jew le l-approvazzjoni tiegħu għall-ħatra, bħala korp, tal-President elett u l-Kummissarji nnominati. Il-Parlament għandu jiddeċiedi b'maġġoranza tal-voti mitfugħa, permezz ta' sejħa tal-ismijiet. Huwa jista' jiddifferixxi l-votazzjoni għas-seduta li jkun imiss.

Il-President elett tal-Kummissarji għandu jippreżenta l-kulleġġ sħiħ tal-Kummissarji nnominati u l-programm tagħhom f'seduta tal-Parlament li għaliha għandhom ikunu mistiedna jattendu l-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kunsill . Wara l-preżentazzjoni għandu jsir dibattitu. Sabiex jingħalaq id-dibattitu, kwalunkwe grupp politiku jew mhux inqas minn erbgħin Membru jistgħu jressqu mozzjoni għal riżoluzzjoni. Għandu japplika l-Artikolu 110(3), (4) u (5).

 

Wara l-votazzjoni dwar il-mozzjoni għal riżoluzzjoni, il-Parlament għandu jivvota dwar jekk jagħtix jew le l-approvazzjoni tiegħu għall-ħatra, bħala korp, tal-President elett u l-Kummissarji nnominati. Il-Parlament għandu jiddeċiedi b'maġġoranza tal-voti mitfugħa, permezz ta' sejħa tal-ismijiet. Huwa jista' jiddifferixxi l-votazzjoni għas-seduta li jkun imiss.


(1)  ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.