52011DC0901

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/71/KE dwar proċedura speċifika għall-ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' riċerka xjentifika /* KUMM/2011/0901 finali */


INTRODUZZJONI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE dwar proċedura speċifika għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal aktar minn tliet xhur għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘id-Direttiva’)[1] kienet ir-raba’ strument leġiżlattiv fil-qasam tal-migrazzjoni legali wara li t-Trattat ta’ Amsterdam introduċa l-kompetenza li titfassal leġiżlazzjoni f’dan il-qasam. Wara l-konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew, ġiet adottata fit-12 ta’ Ottubru 2005 b'unanimità mill-Kunsill. Id-Danimarka u r-Renju Unit mhumiex marbutin b’din id-Direttiva.

L-għan ġenerali tad-Direttiva huwa li tnaqqas l-ostakli għad-dħul u r-residenza fl-UE ta’ riċerkaturi ċittadini ta’ pajjiżi terzi (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘riċerkaturi’) u li ttihom drittijiet ta’ mobbiltà fl-UE. Id-Direttiva introduċiet mekkaniżmu li kien ġdid għall-acquis tal-UE li kien jeżisti fil-qasam tal-migrazzjoni. Organizzazzjonijiet ta’ riċerka speċifikament approvati jistgħu jikkonkludu ftehimiet ta’ akkoljenza ma’ riċerkaturi li fuq il-bażi tagħhom riċerkatur ma jkunx jeħtieġ aktar permess tax-xogħol flimkien ma’ permess ta’ residenza.

Dan ir-rapport jevalwa l-applikazzjoni tad-Direttiva[2]. Huwa bbażat fuq studju mħejji għall-Kummissjoni[3], kif ukoll sorsi oħrajn li jinkludu mistoqsijiet ad-hoc min-Netwerk Ewropew tal-Migrazzjoni[4] u diskussjonijiet ma’ Stati Membri. L-Istati Membri kellhom l-opportunità li jirrevedu u jaġġornaw l-informazzjoni fattwali dwar il-pajjiżi rispettivi tagħhom.

MONITORAġġ U TRASPOżIZZJONI

L-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva sat-12 ta’ Ottubru 2007 (Artikolu 17), u jikkomunikaw din l-informazzjoni lill-Kummissjoni. Bejn l-2007 u l-2011 il-Kummissjoni organizzat laqgħat mal-Istati Membri biex tiddiskuti mistoqsijiet dwar l-implimentazzjoni u l-interpretazzjoni tad-Direttiva.

Fl-2007, il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur skont l-Artikolu 258 (ex-226) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kontra 17-il Stat Membru talli ma implimentawx id-Direttiva fil-ħin jew talli ma infurmawx sewwa lill-Kummissjoni dwar l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-Direttiva. Minn dakinhar, l-Istati Membri kollha gradwalment adottaw miżuri ta’ traspożizzjoni, u l-proċedimenti ta’ ksur minħabba nuqqas ta’ komunikazzjoni ngħalqu.

KONFORMITÀ TAL-MIżURI TA’ TRASPOżIZZJONI

Definizzjonijiet (Artikolu 2)

L-Artikolu 2 tad-Direttiva jiddefinixxi ‘riċerka’, ‘organizzazzjoni ta’ riċerka’ u ‘riċerkatur’. Filwaqt li l-maġġoranza tal-Istati Membri taw definizzjoni ta’ ‘riċerka’ u ‘organizzazzjoni ta’ riċerka’ b’mod konformi mad-Direttiva, inqas minn nofs tal-Istati Membri għamlu dan għad-definizzjoni ta’ ‘riċerkatur’. Sabiex tinkiseb Żona Ewropea ta’ Riċerka u l-Ewropa ssir aktar attraenti bħala destinazzjoni għar-riċerka, huwa importanti li l-Istati Membri kollha jinterpretaw u japplikaw id-definizzjonijiet b’mod uniformi.

Kamp ta’ applikazzjoni (Artikolu 3)

Id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw sabiex jiġu ammessi fit-territorju ta’ Stat Membru għall-fini li jwettqu proġett ta’ riċerka. 12-il Stat Membru taw definizzjoni tal-kamp tal-applikazzjoni bl-istess mod bħad-Direttiva[5]. BE, EE, IE, FR, IT, AT, PT u RO ma jinkorporawx l-elementi kollha tal-kamp tal-applikazzjoni, filwaqt li l-ebda miżuri ta’ traspożizzjoni espliċiti ma ġew identifikati f'ES, LV, LT, NL u SI. Fil-prattika dan ma jidhirx li qed jimpedixxi lil riċerkaturi ċittadini ta' pajjiżi terzi milli jagħmlu użu mill-benefiċċji tad-Direttiva.

Dispożizzjonijiet aktar favorevoli (Artikolu 4)

Xi Stati Membri ffirmaw ftehimiet bilaterali u/jew multilaterali li joffru kundizzjonijiet aktar favorevoli lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi partikolari minn dawk previsti fid-Direttiva. L-għan ewlieni ta’ dawn il-ftehimiet huwa li jiddeterminaw il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli u li jiżguraw it-trasferibbiltà tas-sigurtà soċjali.

Organizzazzjonijiet ta’ riċerka (Artikoli 5 u 6)

L-approvazzjoni tal-organizzazzjonijiet ta’ riċerka (Artikolu 5)

L-Artikolu 5 (1) jistabbilixxi r-rekwiżit għall-organizzazzjonijiet ta’ riċerka li jkunu speċifikament approvati biex jimpjegaw riċerkaturi. L-Istati Membri jiddeċiedu dwar proċedura ta' approvazzjoni nazzjonali speċifika[6]. It-tul ta’ żmien tal-approvazzjoni m’għandux ikun ta’ inqas minn ħames snin u jista’ jitqassar biss f’każijiet eċċezzjonali (Artikolu 5). (2)). Ħafna mill-Istati Membri jikkonformaw ma’ dawn id-dispożizzjonijiet[7].

LV, LT u PT għandhom biss proċedura ġenerali, jiġifieri waħda li mhix speċifika għad-Direttiva, biex jakkreditaw istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni/ta' riċerka. Ġeneralment, din il-prattika tikkostitwixxi dispożizzjonijiet aktar favorevoli għaliex l-organizzazzjonijiet nazzjonali tar-riċerka ma jkollhomx għalfejn ikunu soġġetti għal proċedura ta' approvazzjoni addizzjonali sabiex jaċċettaw riċerkaturi skont id-Direttiva. Stati Membri oħrajn (EL, FR u AT) iqisu bħala approvati l-universitajiet pubbliċi u domestiċi kollha u jeħtieġu approvazzjoni biss għal kategoriji oħra ta’ organizzazzjonijiet. F’SI m’hemm l-ebda dispożizzjonijiet dwar it-tul ta’ żmien tal-approvazzjoni mogħtija u l-awtorità ta’ approvazzjoni għandha d-dritt li teżamina fi kwalunkwe ħin jekk l-organizzazzjoni tar-riċerka tkunx għadha tissodisfa l-kundizzjonijiet inizjali. Dan mhuwiex konformi mad-Direttiva.

L-Artikoli 5 (3) u (4) jagħtu diskrezzjoni lill-Istati Membri biex jitolbu ‘impenn bil-miktub’ mingħand l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka li jkunu se jġarrbu l-ispejjeż għal kull permanenza illegali jew ritorn ta’ riċerkatur, kif ukoll konferma li x-xogħol tar-riċerka jkun twettaq[8]. DE, CY, LU, MT, AT, PL, RO, SI u SK għamlu użu minn dawn iż-żewġ għażliet. BE, CZ, EL, IT, LT, HU u NL ittrasponew biss id-dispożizzjoni dwar il-permanenza u r-ritorn illegali, filwaqt li IE u FI ttrasponew biss ir-rekwiżit ta' konferma li x-xogħol ikun twettaq. ES, FR, PT u SE ma ttrasponew l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet. BG, EE u LV jagħmlu użu mill-kliem ġenerali tal-liġijiet dwar l-immigrazzjoni rispettivi, u jqisu l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka bħala sponsers li huma marbuta li jħallsu l-ispejjeż kollha f’każ ta’ permanenza illegali.

L-obbligu għall-Istati Membri li jippubblikaw u jaġġornaw il-lista ta’ organizzazzjonijiet ta’ riċerka approvati b’mod regolari (Artikolu 5 (5)) ġie traspost f’19-il pajjiż[9]. Filwaqt li f’EE, IE, IT, LT u PT m’hemm l-ebda obbligi legali li tiġi ppubblikata l-lista, fil-prattika din hija disponibbli fuq is-sit tal-awtorità nazzjonali tal-approvazzjoni. Xi Stati Membri jippubblikaw il-lista fid-dokumenti uffiċjali biss, li l-aċċess għalihom jista' jkun diffiċli. 'Aġġornament regolari’ hija interpretata b’modi differenti, u xi aġġornamenti jsiru biss fuq bażi annwali.

Skont l-Artikolu 5 (6) u (7), l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kundizzjonijiet speċifiċi biex jirrifjutaw li jġeddu jew biex jirtiraw l-approvazzjoni tal-organizzazzjonijiet ta’ riċerka, kif ukoll konsegwenzi għal ftehimiet ta’ akkoljenza u l-permessi ta’ residenza tar-riċerkaturi[10]. 14-il Stat Membru ttrasponew iż-żewġ dispożizzjonijiet[11], filwaqt li l-ebda konsegwenzi speċifiċi għar-rifjut li tiġġedded jew li tiġi rtirata l-approvazzjoni tal-organizzazzjonijiet ta’ riċerka mhuma rregolati f’BE, BG, IE, HU, IT, MT, AT, SI u SE. Id-dispożizzjoni ma ġietx trasposta minn LT u PT.

Ftehim ta’ akkoljenza bejn organizzazzjoni ta’ riċerka u riċerkatur (Artikolu 6)

Fil-ftehim ta’ akkoljenza r-riċerkatur jimpenja ruħu li jlesti l-proġett ta’ riċerka u l-organizzazzjoni ta’ riċerka timpenja ruħha li tospita r-riċerkatur għal dak l-għan (Artikolu 6 (1)). L-Istati Membri indirizzaw din id-dispożizzjoni b’modi differenti, u filwaqt li l-maġġoranza tal-pajjiżi applikaw biss fil-ftehim ta' akkoljenza[12], oħrajn jeħtieġu kuntratt ta' impjieg minflok jew minbarra l-ftehim ta' akkoljenza (BE, EE, IE, ES, IT, AT, PL[13]), filwaqt li LT u PT jeħtieġu biss kuntratt ta’ impjieg.

L-Artikolu 6 (2) jobbliga lill-organizzazzjoni ta’ riċerka li tikkontrolla, qabel tiffirma l-ftehim ta’ akkoljenza, l-għan u t-tul taż-żmien tal-proġett tar-riċerkatur u r-riżorsi finanzjarji biex dan jitwettaq, il-kwalifiki tagħha/tiegħu, li jkun hemm riżorsi suffiċjenti għal kull xahar mingħajr ma tirrikorri għas-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru, u l-assigurazzjoni għall-mard. Il-ftehim ta’ akkoljenza għandu jispeċifika wkoll ir-relazzjoni legali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tar-riċerkatur. Din id-dispożizzjoni ġiet trasposta b’mod korrett fil-maġġoranza tal-Istati Membri[14]. AT ma tirregolax il-ħtieġa li tiġi speċifikata r-relazzjoni legali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tar-riċerkaturi fil-ftehim ta’ akkoljenza, sakemm tapplika l-kuntratti ta’ impjieg, filwaqt li LT, PT u SI ma jirregolawx l-eżami tal-għan u t-tul taż-żmien tar-riċerka mill-organizzazzjoni ta’ riċerka, id-disponibbiltà tar-riżorsi finanzjarji u l-kwalifika tar-riċerkatur.

L-Artikolu 6(3) jagħti lill-Istati Membri diskrezzjoni li jirregolaw il-ħtieġa għall-organizzazzjonijiet ta’ riċerka li jipprovdu lir-riċerkatur b’dikjarazzjoni individwali ta’ responsabbiltà finanzjarja għall-ispejjeż li jitħallsu minn fondi pubbliċi jekk ikun hemm permanenza jew ritorn illegali. 10 Stati Membri ttrasponew din il-klawżola diskrezzjonali[15].

L-Artikolu 6 (4) jipprovdi għall-iskadenza tal-ftehim ta’ akkoljenza jekk riċerkatur ma jkunx ammess fil-pajjiż jew jekk ir-relazzjoni legali bejn ir-riċerkatur u l-organizzazzjoni ta’ riċerka tkun intemmet. Dan huwa konformi f’ħafna mill-Istati Membri[16]. IT tistipula direttament l-iskadenza ta’ ftehim ta’ akkoljenza bħala konsegwenza meta r-riċerkatur ma jingħatax permess ta' residenza. It-traspożizzjoni mhix kompluta f’EE u FR, fejn l-iskadenza tal-permessi ta’ residenza tar-riċerkaturi hija rregolata aktar milli l-iskadenza tal-ftehimiet ta’ akkoljenza tagħhom. DE u PL jirregolaw l-iskadenza tal-ftehim ta’ akkoljenza f’każijiet ta’ nuqqas ta’ ammissjoni tar-riċerkaturi fil-pajjiż, mingħajr ma jirregolaw it-terminazzjoni tar-relazzjoni legali bejn ir-riċerkaturi u l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka. L-ebda dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni mhuma previsti f’LT, AT u PT.

L-Artikolu 6 (5) jobbliga lill-organizzazzjonijiet ta’ riċerka biex jinfurmaw immedjatament lill-awtoritajiet domestiċi rilevanti dwar kwalunkwe avveniment li x’aktarx jimpedixxi l-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ akkoljenza. Din id-dispożizzjoni hija trasposta u konformi fil-maġġoranza tal-Istati Membri[17]. F’EE, LV u NL l-obbligu ġenerali ta’ notifika tal-isponser taħt il-liġi tal-immigrazzjoni japplika jekk iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet li taħthom ikun ingħata l-permess. Id-dispożizzjoni ma ġietx trasposta f’FR, IT[18], LT u PT.

Ammissjoni, residenza u riunifikazzjoni tal-familja (Artikoli 7, 8, 9 u 10)

Kundizzjonijiet għall-ammissjoni (Artikolu 7)

L-Artikolu 7 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-ammissjoni ta’ riċerkaturi. It-traspożizzjoni hija konformi kważi fl-Istati Membri kollha. Dawn jew ħolqu kategorija speċifika ta’ ‘riċerkatur ċittadin ta’ pajjiż terz’, jew ikkunsidrawhom taħt il-liġi ġenerali tal-immigrazzjoni. Ġeneralment l-Istati Membri jqisu r-riċerkaturi bħala applikanti bona fide u joffrulhom kundizzjonijiet aktar favorevoli minn kategoriji oħrajn ta’ immigranti.

Il-paragrafu 2 jippermetti lill-Istati Membri jikkontrollaw it-termini li jkun ġie bbażat fuqhom u konkluż ftehim ta’ akkoljenza, għażla li BE, BG, EL,CY LU u NL biss għamlu użu minnha. Ġeneralment jidher li jekk ikun hemm xi dubji dwar l-applikazzjoni, ħafna awtoritajiet tal-immigrazzjoni jikkontrollaw il-validità u t-termini tal-ftehim ta’ akkoljenza.

Il-paragrafu 3 jobbliga lill-Istati Membri li jaċċettaw riċerkaturi ladarba jkunu twettqu l-kontrolli meħtieġa u r-rekwiżiti jkunu ġew ivverifikati b’mod pożittiv. Il-maġġoranza tal-Istati Membri[19] evidentement ittrasponew din id-dispożizzjoni. In-nuqqas ta’ kundizzjonijiet speċifikati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stati Membri oħrajn f’termini tal-ammissjoni ta’ riċerkaturi fit-territorju tagħhom sabiex iwettqu attività ta’ riċerka taħt ftehim ta’ akkoljenza jista’ potenzjalment jimpedixxi l-aċċess tar-riċerkaturi, peress li l-awtoritajiet jistgħu jiddeċiedu jekk jaċċettawx ir-riċerkatur jew le, u dan għalhekk jidher li ma jikkonformax bis-sħiħ mad-Direttiva.

It-tul taż-żmien tal-permess ta’ residenza (Artikolu 8)

L-Artikolu 8 jobbliga lill-Istati Membri li joħorġu permess ta’ residenza għal mill-inqas sena u li jġedduh jekk il-kundizzjonijiet ikunu għadhom qed jiġu sodisfatti. Jekk il-proġett ta’ riċerka jkun skedat biex idum inqas minn sena, il-permess għandu jinħareġ għat-tul taż-żmien tal-proġett. BG, DE, CY, LT, LU, MT, PL, FI u SE ttrasponew id-Direttiva litteralment. F’CZ, EE, AT, PT u SK il-permess ta’ residenza jingħata għal perjodu massimu ta’ sentejn, f’EL u IT għat-tul taż-żmien tal-proġett ta’ riċerka li huwa wkoll il-każ f’BE, ES, LV, HU, NL u RO, (b’massimu ta’ ħames snin għal ES u HU). F’FR, it-tiġdid isir għal sena u huwa limitat għal massimu ta' erba' snin u f'SI għat-tul tal-ftehim ta' akkoljenza, iżda għal mhux aktar minn sena. It-tul taż-żmien mhuwiex speċifikat f’IE.

Membri tal-familja (Artikolu 9)

L-Artikolu 9 jiffaċilita r-riunifikazzjoni tal-familja billi joħroġ permessi ta’ residenza lill-membri tal-familja tar-riċerkaturi għall-istess tul ta’ żmien bħar-riċerkaturi stess, b’kundizzjonijiet aktar favorevoli taħt id-Direttiva għar-riunifikazzjoni tal-familja[20]. L-Istati Membri jistgħu ma jimponux il-kundizzjoni li r-riċerkatur ikollu jkun qagħad f'dak l-Istat Membru għal perjodu minimu ta' żmien qabel ma l-membri tal-familja jkunu jistgħu jingħaqdu miegħu/magħha, għalhekk jippermetti riunifikazzjoni immedjata tal-familja u jippermetti wkoll lir-riċerkaturi li jaċċettaw proġetti għal perjodu qasir u/jew li jkunu mobbli.

Ħafna mill-Istati Membri m’għandhomx speċifikazzjonijiet fil-liġi li r-riunifikazzjoni tal-familja tiddependi fuq ir-rekwiżit ta’ perjodu minimu ta’ residenza mir-riċerkatur. ES, CY u SI użaw il-kliem preċiż tad-Direttiva, filwaqt li l-pajjiżi l-oħrajn ittrasponew din id-dispożizzjoni billi ma inkludewx l-obbligu ta’ perjodu minimu ta’ residenza fil-lista tar-rekwiżiti għar-riunifikazzjoni tal-familja.

Kważi l-Istati Membri kollha[21] stabbilixxew l-istess tul taż-żmien tal-validità ta’ permess ta’ residenza għall-membri tal-familja bħal dak tar-riċerkatur. Ħafna pajjiżi jipprovdu permess ta’ residenza bid-dritt għax-xogħol. LU ma rregolax it-tul taż-żmien tal-permess ta’ residenza mogħti lill-membri tal-familja tar-riċerkaturi, għalkemm fil-prattika jidher li t-tul taż-żmien ta’ permess mogħti lil membru ta’ familja huwa l-istess bħal dak tar-riċerkatur. F’FI, ir-riunifikazzjoni tal-familja hija possibbli biss meta l-isponser (riċerkatur) ikun ingħata permess ta’ residenza kontinwu jew permanenti[22].

Irtirar jew rifjut ta’ tiġdid tal-permess ta’ residenza (Artikolu 10)

L-Artikolu 10 jippermetti lill-Istati Membri jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu l-permess ta’ residenza maħruġ għal riċerkaturi u jiddefinixxu l-kundizzjonijiet partikolari li skonthom permess jista’ jiġi rtirat jew it-tiġdid jista’ jiġi rrifjutat, inkluż meta l-permess ikun inkiseb b'mod qarrieqi, raġunijiet ta' ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika. L-Istati Membri kolla rregolaw dawn il-kundizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom[23].

Id-drittijiet tar-riċerkaturi (Artikoli 11, 12 u 13)

Tagħlim (Artikolu 11)

L-Artikolu 11 jintitola lir-riċerkaturi sabiex jgħallmu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, għalkemm l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu numru massimu ta’ sigħat jew ta’ ġranet għall-attività ta’ għalliem. Id-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni nazzjonali huma konformi f’ħafna pajjiżi[24].

Xi Stati Membri (BE, EE, IE, LU, FI u SE) m’għandhom l-ebda dispożizzjonijiet ċari li jirregolaw id-dritt li wieħed jgħallem; madankollu, peress li r-riċerkaturi taħt id-Direttiva huma eżentati minn permess tax-xogħol, wieħed jista’ jassumi li t-tagħlim huwa permess. F’IT it-tagħlim huwa permess biss b’rabta mal-proġett ta’ riċerka stabbilit fil-ftehim ta’ akkoljenza. F’LV, it-tagħlim huwa permess jekk dan ikun stipulat fil-ftehim ta’ akkoljenza.

Trattament Ugwali (Artikolu 12)

Ir-riċerkaturi ammessi skont id-Direttiva huma intitolati għall-istess trattament bħaċ-ċittadini tal-Istati Membri f'għadd ta’ oqsma: rikonoxximent ta’ diplomi u kwalifiki professjonali, kundizzjonijiet ta’ xogħol, benefiċċji tas-sigurtà soċjali, benefiċċji tat-taxxa u aċċess għal beni u servizzi. EL, CY, MT, PT u RO għamlu użu mill-kliem provdut mid-Direttiva. Għadd ta’ pajjiżi[25] għamlu użu mil-liġijiet kontra d-diskriminazzjoni ġenerali li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni għal raġunijiet bħal sess jew oriġini razzjali jew etnika. SI tapplika taħlita ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-trattament ugwali indirizzati b’mod partikolari għal riċerkaturi ċittadini ta’ pajjiżi terzi u liġi ġenerali kontra d-diskriminazzjoni. Mhux totalment ċar jekk l-applikazzjoni ta’ projbizzjoni ġenerali tad-diskriminazzjoni tissodisfax bis-sħiħ ir-rekwiżiti tat-trattament ugwali taħt id-Direttiva.

F’BE mhux l-aspetti kollha tat-trattament ugwali ġew indirizzati fit-traspożizzjoni[26]. Id-dispożizzjonijiet dwar it-trattament ugwali ma ġewx trasposti f’AT.

Fil-prattika, għall-inqas safejn huma kkonċernati r-riżultati tal-istħarriġ ta’ riċerkaturi ammessi skont id-Direttiva, ma jidhirx li qed iġarrbu diskriminazzjoni jew żvantaġġi.

Mobbiltà bejn Stati Membri (Artikolu 13)

Ir-Riċerkaturi ammessi skont id-Direttiva jitħallew iwettqu parti mir-riċerka tagħhom fi Stat Membru ieħor. Jekk ir-riċerkatur joqgħod fi Stat Membru ieħor għal mhux aktar minn tliet xhur, ir-riċerka tista’ titwettaq fuq il-bażi ta’ ftehim ta’ akkoljenza konkluż fl-ewwel Stat Membru[27]. Jekk ir-riċerkatur joqgħod fit-tieni Stat Membru għal aktar minn tliet xhur, dan l-Istat Membru jista’ jkun jeħtieġ ftehim ta' akkoljenza ġdid biex tkun tista’ titwettaq ir-riċerka fit-territorju tiegħu. Meta l-leġiżlazzjoni tistipula viża jew permess ta’ residenza qabel il-mobbiltà, dan għandu jingħata b’mod puntwali.

Il-mobbiltà tar-riċerkaturi ġiet inkorporata fil-leġiżlazzjoni nazzjonali minn 17-il Stat Membru[28]. Fl-Istati Membri l-oħrajn, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistipulax b’mod espliċitu li r-riċerkaturi li jkun inħarġilhom permess fi Stat Membru ieħor ikunu jistgħu jaħdmu fit-territorju tagħhom mingħajr permess tax-xogħol addizzjonali. Dan jista’ jirriżulta f’inċertezza legali li tfixkel id-dritt għall-mobbiltà intra-UE u jista’ jikkwalifika bħala mhux konformi.

Proċedura u trasparenza (Artikoli 14 u 15)

Applikazzjonijiet għall-ammissjoni (Artikolu 14)

L-Artikolu 14 jobbliga lill-Istati Membri biex jiddeterminaw jekk l-applikazzjonijiet għall-permessi ta' residenza għandhomx isiru mir-riċerkatur jew mill-organizzazzjoni ta' riċerka kkonċernata (1). Dan jistipula wkoll (2) li filwaqt li l-applikazzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati u eżaminati meta r-riċerkatur ikun qed joqgħod barra mill-Istat Membru fejn ikun/tkun jixtieq/tixtieq jiġi/tiġi ammess/a, l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw applikazzjoni sottomessa mit-territorju tagħhom (3). Il-paragrafu 4 jeħtieġ li l-Istati Membri jagħtu lil applikant li jkun jissodisfa l-kundizzjonijiet kull faċilità sabiex jikseb il-viżi meħtieġa.

Ħafna pajjiżi jeħtieġu lir-riċerkaturi li jissottomettu applikazzjoni huma stess[29], ħlief għal ES fejn din issir mill-organizzazzjoni ta' riċerka. Iż-żewġ għażliet huma possibbli f’IT, CY, LT u SI.

L-applikazzjonijiet inizjali għall-ammissjoni huma kkunsidrati u eżaminati waqt li l-applikant ikun għadu qed joqgħod barra mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat f’BG, EE, ES, CY, LU, SI, FI u SE. Dawn huma eżaminati filwaqt li r-riċerkatur ikun fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat f’DE, IE, EL, FR, IT u PT. Iż-żewġ għażliet huma possibbli f’BE, CZ, LV, LT, HU[30], MT, NL, AT, PL, RO[31], SK u FI.

Filwaqt li f’għadd ta’ Stati Membri[32] huma pprovduti faċilitajiet ta’ għajnuna għall-ksib tal-viża meħtieġa, oħrajn ma pprovdewhomx.

Salvagwardji proċedurali (Artikolu 15)

L-Istati Membri huma meħtieġa jadottaw deċiżjoni dwar ammissjoni ta’ riċerkatur mill-iktar fis possibbli u – fejn ikun xieraq – li jipprovdu għal proċeduri aċċellerati (1). It-traspożizzjoni tikkonforma bis-sħiħ f’ħafna pajjiżi[33], u xi wħud jużaw l-istess kliem tad-Direttiva filwaqt li oħrajn jistabbilixxu limiti ta’ żmien espliċiti (pereżempju sebat ijiem ta’ xogħol f’BG, jew fi żmien ġimagħtejn f’NL). F’DE, IE, LT, LU u PL, mhi prevista l-ebda faċilitazzjoni jew aċċellerazzjoni partikolari[34].

Il-Paragrafu 2 jistipula li l-kunsiderazzjoni ta’ applikazzjoni tista’ tiġi sospiża meta l-informazzjoni pprovduta ma tkunx adegwata, u jobbliga lill-awtoritajiet kompetenti biex jinfurmaw lill-applikant dwar kull informazzjoni ulterjuri li jkunu jeħtieġu. CZ, DE, EL, CY, LU, HU, MT, AT, SI, SK u SE rregolaw id-dispożizzjoni b'mod speċifiku.

Meta applikazzjoni għal permess ta’ residenza tiġi rrifjutata, ir-riċerkaturi għandhom jiġu notifikati dwar id-deċiżjoni kif ukoll dwar il-proċeduri għal rimedju possibbli u l-limitu ta’ żmien biex tittieħed l-azzjoni (3). Dawn il-proċeduri huma konformi f’ħafna mill-Istati Membri[35].

Meta applikazzjoni għal permess ta’ residenza tiġi rrifjutata jew permess ta’ residenza jiġi rtirat, ir-riċerkatur ikkonċernat għandu d-dritt li jagħmel impunjazzjoni legali quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati (4). S’issa ma ġiet identifikata l-ebda ġurisdizzjoni sostantiva rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

KONKLUżJONIJIET U PASSI LI GħANDHOM JITTIEħDU

L-analiżi legali turi li l-Istati Membri ttrasponew ħafna mill-elementi ewlenin tad-Direttiva, kemm jekk tkun l-approvazzjoni tal-organizzazzjonijiet ta’ riċerka, il-ftehimiet ta’ akkoljenza jew il-proċeduri tal-applikazzjoni. Madankollu teżisti ħtieġa ċara għal titjib - permezz ta' traspożizzjoni mtejba, emendi possibbli għad-Direttiva u gwida u għoti ta' informazzjoni aħjar.

L-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobbiltà (GAMM)[36] imsaħħaħ jipprovdi kuntest adegwat sabiex tissaħħaħ l-applikazzjoni tad-Direttiva. L-oqfsa ta’ sħubija fi ħdan il-GAMM, b'mod partikolari s-sħubijiet ta' mobbiltà, se joffru opportunitajiet sabiex jiġu attirati riċerkaturi minn reġjuni msieħba ewlenin bħall-Viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant[37]. Il-ħtieġa għat-titjib u l-promozzjoni tad-Direttiva hija enfasizzata wkoll b'numri baxxi ta' riċerkaturi ammessi skont id-Direttiva (6 945 fl-2010, li ħafna minnhom kienu ġejjin mill-Indja, miċ-Ċina, mill-Istati Uniti, mill-Federazzjoni Russa u mill-Ġappun[38]). Dan huwa kuntrast qawwi mal-isfidi involuti – sabiex tintlaħaq il-mira tal-Ewropa 2020 li l-investiment tal-R&D jiżdied għal 3 % tal-PDG, se jkunu meħtieġa miljun riċerkatur addizzjonali[39]. Il-Kunsill isejjaħ għal numri akbar ta’ persuni b’talent sabiex ikunu attirati lejn iż-Żona Ewropea tar-Riċerka u inkoraġġiti sabiex jibqgħu fiha[40].

Għandha tingħata wkoll attenzjoni lill-għan stabbilit fl-Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015[41], minħabba li għad hemm żbilanċ kbir bejn is-sessi fost ir-riċerkaturi.

It-titjib jista’ jsir permezz ta’ diversi modi. L-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva mill-Istati Membri hija prijorità, b’mod partikolari billi jipprovdu definizzjonijiet ċari u mhux ambigwi tad-drittijiet tar-riċerkaturi, billi jissalvagwardjawhom fil-każ tal-irtirar ta’ approvazzjoni ta’ organizzazzjoni ta’ riċerka, u billi jagħmlu distinzjonijiet ċari bejn permessi għar-riċerkaturi u tipi oħra ta’ permessi. Id-definizzjonijiet bażiċi bħal ‘riċerkatur’ u ‘organizzazzjoni ta’ riċerka’ jeħtieġ li jiksbu fehim uniformi fl-Istati Membri kollha marbuta bid-Direttiva. Ir-rapport jindika wkoll numru ta’ oqsma fejn id-Direttiva jista’ jkollha tiġi emendata. Dawn jinkludu definizzjonijiet ċari dwar il-kwalità legali u l-format tal-ftehimiet ta’ akkoljenza, mod aktar uniformi ta’ kif tiġi aġġornata u ppubblikata l-lista ta’ organizzazzjonijiet ta’ riċerka u possibilment ukoll l-istabbiliment ta’ limiti ta’ żmien għad-deċiżjonijiet dwar applikazzjoni.

L-għoti tal-informazzjoni u t-titjib tal-għarfien tal-possibbiltajiet li toffri d-Direttiva huma importanti u l-Kummissjoni qed tagħmel il-parti tagħha, l-aktar permezz tal-portal EURAXESS u n-netwerk taċ-Ċentri tas-Servizzi EURAXESS kif ukoll il-Portal tal-Immigrazzjoni. Barra minn hekk, is-sħubijiet ta’ mobbiltà u għodod oħrajn ta’ kooperazzjoni u oqfsa ta’ sħubija taħt il-GAMM se jintużaw biex jitjieb l-għoti ta’ informazzjoni u ż-żieda tal-għarfien għal pajjiżi msieħba ta’ prijorità.

[1] ĠU L 289/15 tat-03.11.2005

[2] Kif meħtieġ mill-Artikolu 16 tad-Direttiva

[3] Miċ-Ċentru Internazzjonali għall-Iżvilupp tal-Politika tal-Migrazzjoni ICMPD

[4] Disponibbli minn http://www.emn.europa.eu taħt ’Ad-hoc queries’ (mistoqsijiet ad-hoc)

[5] BG, CY, CZ, DE, EL, FI, HU, LU, MT, PL, SE u SK.

[6] F’ħafna Stati Membri l-Ministeri tal-Edukazzjoni jew tar-Riċerka jew l-istituzzjonijiet subordinati tagħhom jagħtu approvazzjoni, il-Ministeri tal-Intern rari jkunu involuti.

[7] BE, BG, CZ, DE, EE, IE (mhux trasposta fil-liġi, iżda bħala proċedura amministrattiva), ES, FR, IT, CY, LU, HU, MT, NL, AT, PL, RO, SK, FI u SE.

[8] fi żmien xahrejn mid-data tal-iskadenza ta’ ftehim ta’ akkoljenza

[9] BE, BG, CZ, DE, EL, ES, CY, LV, LU, MT, NL, AT, PL, RO, SI, SK, FI u SE.

[10] Waqt ir-riċerka tal-isfond imwettqa għal dan ir-rapport ma ġew identifikati l-ebda każijiet ta’ rtirar.

[11] CZ, DE, EE, EL, ES, FR, CY, LV, LU, NL, PL, RO u SK.

[12] BG, CZ, DE, EL, FR, CY, LV, LU, HU, MT, NL, RO, SI, SK, FI u SE.

[13] PL teħtieġ taħlita ta’ ftehim ta’ akkoljenza u kuntratt ta’ impjieg, fl-għamla ta’ ftehim ta’ akkoljenza ffirmat bejn l-organizzazzjoni ta’ riċerka u r-riċerkatur bħala kuntratt ta’ impjieg, kuntratt ta’ mandat jew kuntratt iffukat fuq kompiti speċifiċi.

[14] BE, BG, CZ, DE, EE, IE, EL, ES, FR, IT, CY, LV, LU, HU, MT, NL, PL, RO, SK u SE.

[15] CZ, DE, EL, CY, LT, LU, HU, MT, NL u PL.

[16] BE, BG (trasposti fit-template uffiċjali tal-posting agreement) CZ, IE, EL, ES, CY, LV, LU, HU, MT, NL (il-leġiżlazzjoni ġenerali tax-xogħol tapplika), RO, SI, SK, FI u SE.

[17] BE, BG, CZ, DE, IE, EL, ES, CY, LU, MT, AT, PL, RO, SI, SK, FI u SE.

[18] Madankollu, fil-prattika l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka f’IT huma obbligati jinnotifikaw lill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni rilevanti jekk l-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ akkoljenza ma tkunx possibbli.

[19] CZ, DE, EE, IE, EL, ES, FR, CY, LT, LU, HU, MT, PL, RO, FI u SE.

[20] Skont id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu lill-isponser li jkun qagħad legalment fit-territorju tagħhom għal perjodu li ma jaqbiżx is-sentejn qabel il-membri tal-familja tiegħu/tagħha jingħaqdu miegħu/magħha.

[21] BE, BG, CZ, DE, EE, IE, EL, ES, FR, IT, CY, LV, LT, HU, MT, NL, AT, PL, PT, RO, SI, SK u SE.

[22] Peress li matul ix-xogħol ta’ riċerka għal dan ir-rapport l-ebda riċerkaturi ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma kienu qed iwettqu attivitajiet ta’ riċerka f’FI taħt ftehim ta’ akkoljenza, ma kienx possibbli li tinġabar informazzjoni dwar il-funzjonament tal-proċeduri tal-Finlandja dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja.

[23] Ma ġie identifikat l-ebda każ fejn il-permess ta’ residenza ta’ riċerkatur kien ġie rtirat. Madankollu, ġew identifikati każijiet ta’ nuqqas ta’ tiġdid. Pereżempju 3 % tal-applikazzjonijiet kollha għal BE u 22 % għall-applikazzjonijiet kollha għal NL.

[24] BG, CZ, DE, EL, ES, FR, LT, MT, NL, AT, PL u PT; b’limiti ta’ żmien f’CY, HU, RO, SI u SK.

[25] BG, CZ, DE, EE, IE, ES, FR, IT, LV, LT, LU, HU, NL, PL, SK, FI u SE.

[26] Ir-rekwiżit għar-rikonoxximent tal-kwalifiki ma ġiex traspost.

[27] L-uniċi kundizzjonijiet previsti huma li hu/hi jkollu/jkollha riżorsi biżżejjed fl-Istat Membru l-ieħor u ma jkunx/tkunx ikkunsidrat/a bħala theddida għall-ordni pubblika, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika fit-tieni Stat Membru.

[28] BG (abbozz ta’ leġiżlazzjoni), CZ, DE, EL, ES, FR, IT, CY, LT, LU, HU, MT, PL, RO, SI, SK u FI.

[29] BE, BG, CZ, DE, EE, IE, EL, FR, LV, LU, HU, MT, NL, AT, PL, PT, RO, SK, FI u SE.

[30] L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi fit-territorju taħt ċirkostanzi speċjali biss.

[31] L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi fit-territorju minn ċerti kategoriji ta’ riċerkaturi biss.

[32] BE, BG, CZ, DE, EE, IE, ES, FR, IT, CY, LT, HU, MT, AT, SI u SE.

[33] BE, BG, CZ, EE, EL, ES, FR, IT, CY, LV, HU, MT, NL, PT, RO, SI, SK, u FI.

[34] Xi awtoritajiet nazzjonali jargumentaw li sakemm il-proċeduri tal-immigrazzjoni ġenerali jkunu effettivi u effiċjenti, m’hemm l-ebda ħtieġa li tiġi introdotta proċedura aċċellerata speċifikament għar-riċerkaturi.

[35] BE, CZ, DE, EE, EL, FR, IT, CY, LV, LT, LU, HU, MT, NL, AT, PL, PT, RO, SI, SK u SE.

[36] KUMM (2011) 743 finali

[37] KUMM (2011) 248 finali

[38] Iċ-ċifri miġbura tal-UE mingħand l-Eurostat għal Stati Membri li għalihom hija disponibbli d-dejta.

[39] Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 - Unjoni tal-Innovazzjoni. KUMM (2010) 546 finali

[40] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Unjoni tal-Innovazzjoni għall-Ewropa, it-3049 laqgħa tal-Kunsill għall-Kompetittività, Brussell, 26 ta’ Novembru 2010.

[41] KUMM (2010) 491, SEC (2010) 1079 u SEC (2010) 1080