KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Dejta miftuħaMezz għall-innovazzjoni, it-tkabbir u l-governanza trasparenti /* KUMM/2011/0882 finali */
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU
EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Dejta miftuħa
Mezz għall-innovazzjoni, it-tkabbir u l-governanza trasparenti
1.
Introduzzjoni
L-għan ċentrali tal-istrateġija
UE 2020 huwa li l-ekonomiji tal-Ewropa jitpoġġew fi triq ta'
tkabbir rapidu u sostenibbli. Għal dan l-għan, l-Ewropa se jkollha
ssaħħaħ il-potenzjal innovattiv tagħha u tuża
r-riżorsi tagħha bl-aħjar mod possibbli. Waħda minn dawn ir-riżorsi hija d-dejta
pubblika[1]
— l-informazzjoni kollha li jipproduċu, jiġbru jew iħallsu
għaliha l-entitajiet pubbliċi fl-Unjoni Ewropea. Eżempji ta’ dan
huma l-informazzjoni ġeografika, l-istatistika, dejta dwar it-temp, dejta
minn proġetti ta' riċerka ffinanzjati pubblikament, u kotba
diġitizzati mil-libreriji. Din l-informazzjoni għandha potenzjal
sinifikanti, li bħalissa mhuwiex sfruttat, għall-użu
mill-ġdid fi prodotti u servizzi ġodda u għal titjib
tal-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet. Il-benefiċċji
ekonomiċi kumplessivi mill-ftuħ ta' din ir-riżorsa jistgħu
jammontaw għal EUR 40 biljun fis-sena fl-UE. Il-ftuħ ta'
dejta pubblika jħeġġeġ ukoll il-parteċipazzjoni
taċ-ċittadini fil-ħajja politika u soċjali u
jikkontribwixxi għal oqsma ta’ politika bħalma huma l-ambjent. Din il-Komunikazzjoni tippreżenta pakkett
ta' miżuri biex jingħelbu l-ostakoli u l-frammentazzjoni
eżistenti madwar l-UE, bħala parti mill-Aġenda Diġitali
għall-Ewropa. Hija magħmula minn tliet komponenti li jsaħħu
lil xulxin: ·
L-adozzjoni tal-qafas legali għall-użu
mill-ġdid tad-dejta. Flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni ġew adottati
proposta għal reviżjoni ta' Direttiva dwar l-użu mill-ġdid
ta’ informazzjoni dwar is-settur pubbliku u għal reviżjoni ta'
Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni
tagħha stess, ·
Il-mobilizzazzjoni tal-istrumenti finanzjarji
bħala appoġġ għad-dejta miftuħa, u l-azzjonijiet ta'
skjerament bħall-ħolqien ta' portali tad-dejta Ewropej, ·
L-iffaċilitar tal-koordinazzjoni u l-iskambju
tal-esperjenza bejn l-Istati Membri. L-azzjonijiet jiffukaw fuq oqsma li
għandhom x'jaqsmu mal-funzjonament tas-suq intern u fejn l-istandards u
l-approċċi komuni jwasslu għal servizzi u prodotti ta'
informazzjoni ġodda u aħjar għall-konsumatur Ewropew. Dawn
l-azzjonijiet huma bbażati fuq is-sistemi nazzjonali u ma jaffettwawx
l-aċċess għall-informazzjoni.
2.
Dejta miftuħa, għaliex hija importanti għall-Ewropa?
2.1.
Opportunitajiet tan-negozju u tal-ekonomija mhux
sfruttati
Ir-Rapport Digital Britain tal-2009
jiddeskrivi d-dejta bħala “munita ta’ innovazzjoni” u “l-ħajja
tal-ekonomija tal-għarfien”[2].
Parti kbira minn din il-munita ta’ innovazzjoni tiġi prodotta,
miġbura jew imħallsa mill-gvernijiet madwar l-UE. Hija materja prima
essenzjali għal firxa wiesgħa ta' prodotti u servizzi ta' informazzjoni
ġodda li jibnu fuq possibbiltajiet ġodda biex janalizzaw u
jivviżvalizzaw id-dejta minn sorsi differenti. Dawn il-prodotti jvarjaw minn sistemi ta’ appoġġ
għad-deċiżjonijiet għan-negozji, servizzi bbażati
fil-post u sistemi ta’ navigazzjoni tal-karozzi sa tbassir tat-temp u
applikazzjonijiet oħra għall-ismartphones tagħna. Id-daqs u t-tkabbir tas-suq tas-settur
tal-informazzjoni ġeografika juru l-potenzjal tad-dejta pubblika
bħala mezz għall-ħolqien tal-impjiegi. Fl-2007, is-suq
Ġermaniż għall-ġeoinformazzjoni kien stmat li jammonta
għal EUR 1.4 biljun, żieda ta' 50 % mis-sena 2000[3]. Fil-Pajjiżi l-Baxxi,
is-settur ġeografiku kien jammonta għal 15 000 impjegat
full-time fl-2008. Oqsma oħra bħad-dejta meteoroloġika,
l-informazzjoni legali u l-informazzjoni tan-negozju jiffurmaw ukoll
il-bażi ta’ swieq li dejjem qed jikbru. Studju riċenti jistma s-suq totali
għall-informazzjoni tas-settur pubbliku fl-2008 għal
EUR 28 biljun madwar l-UE[4].
L-istess studju jindika li l-benefiċċji ekonomiċi kumplessivi
minn iktar ftuħ tal-informazzjoni tas-settur pubbliku billi jkun permess
aċċess faċli, huma madwar EUR 40 biljun fis-sena
għall-UE27. Il-benefiċċji ekonomiċi totali diretti u
indiretti mill-applikazzjonijiet u l-użu tal-PSI fl-ekonomija kollha
tal-UE27 għandhom ikunu madwar EUR 140 biljun fis-sena.
2.2.
L-indirizzar tal-isfidi tas-soċjetà
L-ipproċessar intelliġenti tad-dejta
huwa essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà. Id-dejta
tista', pereżempju, tintuża biex ittejjeb is-sostenibilità
tas-sistemi tal-kura tas-saħħa nazzjonali. Ir-rapport McKinsey
tal-2011 stima li l-użu effikaċi tad-dejta jista' jiġġenera
$ 300 biljun f'valur kull sena[5]. Il-progress fil-ġenomika, l-iskoperti tal-mediċina u
d-djanjożi u t-trattament ta' mard serju bħall-kanċer jew mard
tal-qalb, qed isiru dejjem aktar dipendenti fuq il-ġbir tad-dejta u
l-analiżi ta' tekniki sofistikati. Il-ġestjoni tad-dejta wkoll hija
essenzjali għall-indirizzar tal-isfidi ambjentali. Eżempji ta’
dan huma l-ipproċessar ta’ dejta dwar it-tendenzi fil-konsum
tal-enerġija biex titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija
jew tad-dejta dwar it-tniġġis li tintuża
għall-ġestjoni tat-traffiku. Id-deċiżjonijiet infurmati ta'
politika fl-oqsma tat-trasport, l-użu tal-art u t-tibdil fil-klima
jiddependu dejjem iktar fuq analiżi tad-dejta disponibbli.
2.3.
It-tħaffif tal-progress xjentifiku
L-attivitajiet
xjentifiċi qed jiżdiedu dejjem iktar permezz tal-kollaborazzjoni
globali fuq l-internet, bl-użu tal-ġbir ta' dejta kbira ħafna,
riżorsi enormi tal-kompjuter u viżwalizzazzjoni ta' prestazzjoni
għolja. Ix-xjenza elettronika (riċerka permessa permezz
tal-infrastruttura elettronika/l-ICT) hija essenzjali biex jintlaħqu
l-isfidi tas-seklu 21 fl-iskoperti u t-tagħlim xjentifiċi.
Id-dejta użata tiġi minn simulazzjonijiet, strumenti diġitali,
xbieki ta’ sensers, u osservatorji. Ir-rapport "Riding the Wave"[6] tal-2010 enfasizza r-rwol
kruċjali tad-dejta għax-xjenza u l-potenzjal tagħha li tbiddel
in-natura propja tal-proċess xjentifiku. L-aċċess wiesa' għad-dejta xjentifika se jgħin,
pereżempju, lir-riċerkaturi f’oqsma differenti biex jikkollaboraw fuq
l-istess sett ta’ dejta, biex jeżerċitaw forom kompletament
ġodda ta' riċerka xjentifika u biex jesploraw korrelazzjonijiet bejn
ir-riżultati tar-riċerka. Il-bidla fil-proċess xjentifiku li
seħħet minħabba x-xjenza elettronika se żżid
il-produttività tar-riċerka u se twassal għal soluzzjonijiet
ġodda u mhux antiċipati għall-isfidi tas-soċjetà. Barra
minn hekk, il-kollaborazzjoni reċiproka bejn ir-riċerka ffinanzjata
mis-settur pubbliku u mis-settur kummerċjali fil-“Qasam Ewropew
tar-Riċerka onlajn” se tħaffef il-pass u l-impatt tal-innovazzjoni.
2.4.
Il-ħtieġa li naġixxu fil-livelli
kollha: lokali, reġjonali, nazzjonali u fil-livell tal-UE
Id-dejta pubblika tiġi prodotta
fil-livelli kollha tal-gvern. Il-kundizzjonijiet li taħthom tkun
disponibbli id-dejta għall-użu mill-ġdid kummerċjali jew
mhux kummerċjali għandhom effett fuq il-kompetizzjoni u
l-kompetittività. Ħafna mill-prodotti u s-servizzi
bbażati fuq l-informazzjoni tas-settur pubbliku jkollhom natura
transkonfinali. Ħadd ma jrid li s-servizz tal-mowbajl tiegħu jieqaf
fil-fruntiera, u s-servizzi tal-informazzjoni tan-negozju madwar l-Ewropa
kollha li jkollhom lakuni f'pajjiż wieħed jew iktar ma jibqgħux
ta’ interess. Barra minn hekk, sabiex jibbenefikaw mid-daqs tas-suq intern u
biex jgħinu lill-SMEs jikbru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali
tagħhom, għandu jkun iffaċilitat l-iskjerament tas-servizzi
madwar l-UE kollha. Għalhekk, l-istess kundizzjonijiet
bażiċi għandhom japplikaw madwar l-Unjoni Ewropea. Dan se
joħloq livell ugwali u jistimula suq b’saħħtu ta’ prodotti u
servizzi innovattivi bbażati fuq d-dejta pubblika.
3.
Fejn ninsabu u xi nkiseb sa issa?
3.1.
Fejn ninsabu?
L-impetu għal aktar dejta miftuħa
qed jikseb momentum f'diversi Stati Membri. L-Istati Membri jħaddnu
l-kunċett għal raġunijiet ta’ trasparenza, effiċjenza
amministrattiva u l-potenzjal ekonomiku għall-użu mill-ġdid.
Huma qed jappoġġaw gvern miftuħ permezz tal-leġiżlazzjoni
u miżuri prattiċi, bħall-produzzjoni tad-dejta f’formati li huma
leġibbli mekkanikament u l-ħolqien ta' portali tad-dejta. Ir-Renju Unit waqqaf il-portal data.gov.uk li jiġbor flimkien
dejta mill-organizzazzjonijiet tal-gvern fil-livelli kollha. Stati Membri
oħra qed joħolqu portali simili, eżempju Franza bl-ETALAB.
Il-portali tad-dejta jeżistu wkoll fil-livell reġjonali,
bħad-dadesobertes.gencat.cat fil-Katalunja u dati.piemonte.it fi Piemonte
fl-Italja. Madankollu, il-livelli ta’ inizjattiva u ta’
kuxjenza ta' kwistjonijiet ta’ dejta miftuħa mhumiex uniformi fost
l-Istati Membri. Hemm riskju li l-Ewropa titlef l-opportunitajiet offruti
mid-dejta miftuħa, u taqa' lura minn reġjuni oħra fejn
il-politiki tad-dejta miftuħa huma stabbiliti sew.
3.2.
Xi nkiseb fil-livell tal-UE?
3.2.1.
Qafas leġiżlattiv u inizjattivi ta’ politika
(1)
Id-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid
tal-informazzjoni tas-settur pubbliku Id-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid
tal-informazzjoni tas-settur pubbliku tal-2003[7]
stabbilixxiet il-qafas leġiżlattiv ġenerali fil-livell Ewropew.
Id-Direttiva tipprovdi għal livell minimu ta' armonizzazzjoni.
Ir-reviżjoni tal-2009 tad-Direttiva indikat li minkejja l-progress
mill-2003 għadhom jeżistu ostakli għall-użu transkonfinali
tal-informazzjoni tas-settur pubbliku. Uħud minn dawn l-ostakli jistgħu
jiġu indirizzati fil-leġiżlazzjoni eżistenti, filwaqt li
oħrajn ma jistgħux. (2)
Inizjattivi ta' politika Il-politika ġenerali ta' użu
mill-ġdid hija kkumplimentata minn inizjattivi leġiżlattivi jew
ta' politika f’setturi speċifiċi. Xi eżempji huma: ·
id-Direttiva dwar l-Aċċess
għall-Informazzjoni Ambjentali u d-Direttiva INSPIRE[8], immirati lejn l-iktar tixrid
wiesa' possibbli tal-informazzjoni ambjentali u l-armonizzazzjoni
tas-settijiet tad-dejta ewlenin; ·
il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar
l-Għarfien dwar il-Baħar tal-2020[9],
li fost affarijiet oħra timmira li tagħmel id-dejta tal-baħar
eħfef u irħas biex tintuża; ·
l-inizjattivi fi ħdan il-Pjan ta' Azzjoni[10] għall-Iskjerament ta'
Sistemi Intelliġenti tat-Trasport (STI) tal-2008, li fost affarijiet
oħra jħarsu lejn l-aċċess tal-fornituri ta’ servizzi
privati għal informazzjoni dwar l-ivvjaġġar u t-traffiku
fil-ħin reali; ·
il-politika tal-Kummissjoni dwar l-aċċess
miftuħ għall-informazzjoni xjentifika[11], li jinkludi strateġija
pilota għal aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet li
jirriżultaw minn proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea u Infrastruttura
elettronika pan-Ewropea tar-Repożitorji tal-Open Access parteċipatorja;
Ir-repożitorju tal-pubblikazzjonijiet tal-JRC huwa wkoll rilevanti f'dan
il-kuntest. ·
il-politiki għad-diġitizzazzjoni tal-wirt
kulturali u l-iżvilupp tal-Europeana, il-librerija diġitali,
l-arkivju u l-mużew tal-Ewropa, jimmiraw li jiżguraw l-iktar użu
wiesa' possibbli tal-materjal kulturali diġitizzat u l-metadejta relatata. L-użu mill-ġdid tad-dejta tas-settur
pubbliku, kemm għall-finijiet kummerċjali kif ukoll mhux
kummerċjali, għandu jirrispetta bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni
dwar il-privatezza Ewropea u nazzjonali. L-għanijiet tal-promozzjoni
tad-dejta miftuħa tal-gvern u tal-protezzjoni tad-dejta personali
jistgħu jirrinforzaw lil xulxin jekk ikunu bbażati fuq ġestjoni
ta' informazzjoni proattiva u konxja mis-settur pubbliku. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni ta'
politiki dwar id-dejta miftuħa għandha tirrispetta bis-sħiħ
id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ partijiet terzi u
tal-obbligi tal-Unjoni Ewropea skont it-trattati internazzjonali dwar
id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.
3.2.2.
Kofinanzjament ta' riċerka, żvilupp u
innovazzjoni (R&Ż&I)
Il-Kummissjoni appoġġat id-dejta
miftuħa permezz tal-programmi tagħha ta' finanzjament, partikolarment
il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp, il-Programm
għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, u l-programm ISA. Il-proġetti
jkopru firxa ta' oqsma ta' riċerka u ta’ applikazzjoni u tipi ta' organizzazzjonijiet. Il-proġett Linked Open Data (LOD2)[12] beda
f'Settembru 2010 u se jkompli għal 4 snin. Huwa jindirizza
l-isfruttament tal-internet bħala pjattaforma għall-integrazzjoni
tad-dejta u l-informazzjoni, u l-użu ta’ teknoloġiji semantiċi
biex jagħmlu d-dejta tal-gvern iktar użabbli. Il-proġett OpenAIRE[13],
li beda f’Diċembru 2009 ma' msieħba minn 25 pajjiż
tal-UE u diversi pajjiżi assoċjati, jimmira li tinbena infrastruttura
parteċipattiva għall-inizjattivi Pilota tal-KE
għall-Aċċess Miftuħ għall-Informazzjoni li
toħroġ mir-Riċerka. L-Azzjoni ISA dwar l-interoperabilità semantika (SEMIC.EU)[14] tippromwovi l-idea ta'
Metadejta Miftuħa tal-Gvern bħala l-ewwel pass lejn l-allinjament
tal-metadejta kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll Ewropew.
3.2.3.
Inwettqu dak li ngħidu
Fl-2006, il-Kummissjoni stabbilixxiet politika
miftuħa ta' użu mill-ġdid għar-riżorsi
tal-informazzjoni tagħha stess permezz tad-Deċiżjoni dwar
l-Użu mill-ġdid tal-Informazzjoni tal-Kummissjoni. Din tagħmel
disponibbli l-informazzjoni kollha tal-Kummissjoni li tkun ġeneralment
aċċessibbli għal finijiet kummerċjali u mhux
kummerċjali. Eżempji huma d-dejta tal-Eurostat u l-memorji
tat-traduzzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE. L-informazzjoni hija normalment
disponibbli mingħajr ħlas, jew f’każijiet eċċezzjonali
bi tpattija għal spejjeż marġinali tat-tixrid.
4.
Sfidi u Opportunitajiet
4.1.
Opportunitajiet ġodda permezz tal-progress
teknoloġiku
Diversi żviluppi jħeġġu
opportunitajiet ġodda għall-użu mill-ġdid tad-dejta,
inkluż dejta tas-settur pubbliku, bi prodotti u servizzi ġodda
tal-informazzjoni. L-ewwel nett, l-ammont tad-dejta fid-dinja
huwa enormi. F’April 2011 biss, il-US Library of Congress ġabret
235 terabytes ta' dejta[15].
Huwa mistenni tkabbir ta’ 40 % fid-dejta globali ġġenerata kull
sena. Parti minn dan it-tkabbir ġej minn tipi
ġodda ta' dejta. F’setturi bħal ma huma dawk tat-trasport,
tal-karozzi, tal-forniment ta' servizzi pubbliċi u setturi oħra,
wieħed diġà jsib iktar minn 30 miljun nodi f’netwerks ta'
sensers[16]. Fl-istess ħin, qed nassistu għal
revoluzzjoni fit-teknoloġiji tal-analiżi, l-isfruttament u
l-ipproċessar tad-dejta, pereżempju dwar it-tfittix multilingwi u
l-estrazzjoni awtomatika tas-sinifikat minn netwerks ta' sensers.
4.2.
L-isfidi u l-ostakoli li fadal
F’dawn l-aħħar snin sar xi progress
sabiex id-dejta pubblika ssir aktar miftuħa, imma diversi ostakli
jibqgħu jippersistu. Il-qafas legali Minkejja l-armonizzazzjoni minima fl-2003
permezz tad-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni
tas-settur pubbliku, jibqgħu jippersistu differenzi sinifikanti
fir-regoli u l-prattiki nazzjonali. Dan iwassal
għall-frammentazzjoni tas-suq tal-informazzjoni interna u jfixkel
il-ħolqien ta’ servizzi ta’ informazzjoni transkonfinali. Id-differenzi huma l-iktar ċari
fir-rigward tal-ħlas, fejn f'ċertu każijiet ikunu bi rkupru
tal-ħlas u f’każijiet oħra, l-użu mill-ġdid ikun bla
ħlas jew prattikament bla ħlas. Analiżi ta’ studji riċenti
tindika li mil-lat makroekonomiku, il-mudell tad-dejta miftuħa jwassal
għal riżultati kumplessiv aħjar[17].
Serje ta' studji ta' każijiet dwar l-entitajiet tas-settur pubbliku li
biddlu minn irkupru sħiħ tal-ispiża għal sistema ta'
spejjeż marġinali juri li l-bidla mhux biss żiedet l-użu
mill-ġdid, imma minnha bbenefikaw ukoll il-korpi tas-settur pubbliku kkonċernati[18]. Barra minn hekk,
l-approċċ tad-dejta miftuħa jelimina t-tendenzi
monopolistiċi possibbli bbażati fuq dejta ta' sors wieħed. L-għarfien ta' organizzazzjonijiet u
negozji pubbliċi Fattur ewlieni ieħor huwa n-nuqqas ta’
għarfien fost l-organizzazzjonijiet pubbliċi tal-potenzjal
tad-dejta miftuħa. Għad hemm biża' kbir li jintilef il-kontroll.
Uħud mill-preokkupazzjonijiet huma leġittimi, bħall-protezzjoni
tal-privatezza, tas-sigurtà nazzjonali u l-ħtieġa li jiġu
protetti d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ partijiet terzi.
Argumenti oħra jidhru li iktar huma skużi biex ma titteħidx
azzjoni[19]. Biex tinbidel il-mentalità
tal-amministrazzjonijiet jeħtieġ impenn politiku qawwi fl-ogħla
livell u djalogu dinamiku bejn il-partijiet interessati, inklużi
l-amministrazzjonijiet u d-detenturi tad-dejta pubblika, in-negozji u
l-komunità akkademika. Każijiet ta' pilota u ta' testijiet, il-qsim
tal-prattiki tajba, u l-kampanji tal-mobilizzazzjoni (li pereżempju
jużaw kompetizzjonijiet ta’ dejta miftuħa) jistgħu jgħinu
biex is-settur pubbliku jadotta kultura ta’ dejta miftuħa. Dan se
jżid ukoll l-għarfien tan-negozji dwar id-disponibbiltà tad-dejta u
l-opportunitajiet li toffri. Ostakoli
prattiċi u tekniċi Fl-aħħar nett, hemm kwistjonijiet prattiċi
u tekniċi li jridu jiġu indirizzati. L-ostakli tal-lingwa u l-kwistjonijiet
tal-interoperabbiltà jeħtieġ li jiġu indirizzati sabiex
ir-riżorsi ta’ informazzjoni minn organizzazzjonijiet u pajjiżi
differenti jkunu jistgħu jintużaw flimkien. Id-disponibbiltà
tal-informazzjoni f’format li jkun leġibbli mekkanikament kif ukoll
bħala saff irqiq ta’ metadejta maqbula b'mod komuni jistgħu
jiffaċilitaw il-kontroreferenza u l-interoperabbiltà tad-dejta u
għalhekk, itejbu l-valur tagħha għall-użu mill-ġdid
b'mod konsiderevoli. U l-infrastruttura teknika jeħtieġ li tkun
fis-seħħ biex tiżgura d-disponibbiltà tal-informazzjoni fit-tul.
Barra minn hekk, jenħtieġ iktar appoġġ
għar-R&Ż u l-innovazzjoni fl-għodod tal-analiżi
tad-dejta u tal-viżwalizzazzjoni.
4.3.
Konklużjoni
L-isfruttament tad-dejta pubblika għandu
potenzjal enormi għall-ekonomija tal-UE u l-benessri tal-konsumatur.
Madankollu, l-għodod regolatorji eżistenti u l-implimentazzjoni
tagħhom, in-nuqqas ta’ għarfien tal-amministrazzjonijiet u n-negozji
u l-adozzjoni bil-mod tat-teknoloġiji innovattivi qed iżommu lura
l-iżvilupp ta’ suq veru għall-użu mill-ġdid tad-dejta
pubblika u ma jippermettux li jittieħdu l-benefiċċji massimi
minn opportunitajiet ġodda li joffru d-dejta u t-teknoloġiji
evolventi. Dawn il-kunsiderazzjonijiet wasslu
lill-Kummissjoni biex tirrevedi u ssaħħaħ l-istrateġija
tad-dejta pubblika tagħha billi tiffoka fuq il-qafas legali
għall-użu mill-ġdid u l-għodod disponibbli għall-appoġġ.
5.
Azzjonijiet fil-livell Ewropew: L-istrateġija riveduta
għad-dejta pubblika miftuħa
L-istrateġija riveduta tal-Kummissjoni
hija mibnija fuq tliet komponenti kumplimentari: ·
L-adozzjoni tal-qafas għall-użu
mill-ġdid tad-dejta, inklużi miżuri legali, miżuri ta'
liġi mhux vinkolanti u miżuri ta' politika, ·
Il-mobilizzazzjoni tal-istrumenti finanzjarji billi
tingħata prijorità lid-dejta miftuħa fi programmi ta’
R&Ż&I u tal-infrastruttura, ·
L-iffaċilitar tal-koordinazzjoni u l-iskambju
tal-esperjenza bejn l-Istati Membri.
5.1.
Qafas leġiżlattiv rivedut li jwassal
għall-ftuħ u l-użu mill-ġdid
Din il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata bi
proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid
ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku, billi: –
Tintroduċi l-prinċipju li l-informazzjoni
pubblika kollha li mhijiex espliċitament koperta b'waħda
mill-eċċezzjonijiet tista' terġa' tintuża mill-ġdid
għal finijiet kummerċjali u mhux kummerċjali; –
Tiffissa l-ammont li jista' jiġi impost
għall-informazzjoni tas-settur pubbliku għal mhux aktar
mill-ispejjeż marġinali ta' tixrid; f'każijiet eċċezzjonali
biss jibqa’ possibbli li jiġu imposti l-ispejjeż kollha
għall-produzzjoni u t-tixrid tal-informazzjoni. –
Tespandi l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva
biex jinkludi l-libreriji, l-arkivji, il-mużewijiet u l-libreriji
tal-universitajiet, għalkemm b’mod li jillimita l-effetti finanzjarji
possibbli u li ma jimponix piż amministrattiv kbir fuq dawn
l-istituzzjonijiet. Anke għal entitajiet oħra tas-settur
pubbliku, il-modifikazzjonijiet fid-Direttiva se jinvolvu piż finanzjarju
u amministrattiv limitat li huwa ferm ikbar mill-benefiċċji
mistennija għas-soċjetà inġenerali. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni qed
taġġorna r-regoli dwar l-użu mill-ġdid tar-riżorsi
tal-informazzjoni tagħha stess. Il-bidliet ewlenin jikkonċernaw
l-inklużjoni ta' informazzjoni tar-riċerka prodotta
miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka, miżuri li jtejbu
l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni, u dispożizzjoni dwar formati
li huma leġibbli mekkanikament. Fl-2012, il-Kummissjoni se tesplora jekk u
kif regoli simili jiġu adottati mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u
mill-aġenziji Ewropej ewlenin. Fl-inizjattivi leġiżlattivi u ta’
politika tagħha li se tieħu f'oqsma bħat-trasport, l-ambjent,
il-politika marittima u l-politika dwar l-ispazju, il-Kummissjoni se
tikkunsidra bis-sħiħ l-opportunitajiet offruti mid-dejta
miftuħa. Fejn rilevanti, se tmur lil hinn mill-kundizzjonijiet minimi
stabbiliti bid-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni
tas-settur pubbliku, sabiex jiġi żgurat l-iktar użu wiesa'
possibbli tar-riżorsi tad-dejta.
5.2.
Liġi mhux vinkolanti għal informazzjoni
ta' riċerka miftuħa
Minħabba l-ispeċifiċitajiet
tad-dejta tar-riċerka, il-Kummissjoni se tistabbilixxi fid-dettall u
f'dokumenti separati l-istrateġija tagħha għal dejta xjentifika
u tar-riċerka u infrastrutturi assoċjati. Fl-2012, il-Kummissjoni
biħsiebha tadotta Komunikazzjoni u Rakkomandazzjoni dwar
l-aċċessibbiltà u l-preservazzjoni tal-informazzjoni xjentifika. Se
taħdem mal-Istati Membri sabiex iħaffu l-attivitajiet tagħhom
biex jipprovdu aċċess miftuħ għall-informazzjoni xjentifika
abbażi ta’ sett konkret ta’ miżuri. Fl-istess ħin,
il-Kummissjoni se tispjega fid-dettall kif se tittratta r-riżultati
tar-riċerka ffinanzjata mill-Unjoni Ewropea.
5.3.
Miżuri finanzjarji u ta’ appoġġ
Stimulazzjoni tar-R&Ż&I f’dejta miftuħa
Il-Kummissjoni, permezz tal-programmi ta'
finanzjament tagħha, se tkompli tistimula l-attivitajiet sabiex id-dejta
tal-gvern tkun aktar aċċessibbli. Biex tistimula s-suq, biex
tittestja u tippromwovi l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi, u biex
tiżgura l-iktar adozzjoni wiesgħa possibbli tad-dejta miftuħa,
il-Kummissjoni se tuża strumenti differenti. (1)
L-appoġġ għar-R&Ż Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa
r-R&Ż fit-teknoloġiji li jimmaniġġjaw id-dejta,
eż. it-tiftix tad-dejta, l-analitika jew il-viżwalizzazzjoni. Matul
il-perjodu 2011-2013, il-Kummissjoni se tonfoq madwar EUR 100 miljun
fir-R&Ż f'dawn l-oqsma. Il-ġestjoni tal-informazzjoni wkoll hija
waħda mill-oqsma prijoritarji maħsuba għall-ICT
fl-Orizzont 2020, li se jkopri l-appoġġ tal-UE
għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-perjodu 2014-2020. Il-Kummissjoni se tappoġġa l-innovazzjoni
u l-adozzjoni tat-teknoloġija permezz ta' azzjonijiet pilota, ta’
ttestjar u ta’ wiri ta' applikazzjonijiet innovattivi bħalma huma
s-sistemi tal-informazzjoni ġeografika (GIS) u s-servizzi ta’
lokalizzazzjoni u applikazzjonijiet ta' kontenut kreattiv fl-edukazzjoni,
il-kultura jew il-moda. Dawn se jiġu appoġġati mill-programm
CIP-ICT PSP fl-2012-13 u huwa previst appoġġ ulterjuri fl-ambitu
tal-Orizzont 2020. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tgħin
biex torganizza kompetizzjonijiet tad-dejta miftuħa biex
tippromwovi l-iżvilupp ta' servizzi ġodda tal-informazzjoni, u
jittieħdu inizjattivi biex itejbu l-aċċess għall-kapital
għall-imprendituri li jibnu servizzi tal-informazzjoni ġodda
bbażati fuq id-dejta tas-settur pubbliku. (2)
Appoġġ għal infrastrutturi tad-dejta
— il-portali tad-dejta għall-Ewropa Sabiex tiffaċilita l-iżvilupp
tal-prodotti u s-servizzi tal-informazzjoni li jużaw dejta minn madwar
l-Unjoni Ewropea kollha, il-Kummissjoni se taħdem sabiex toħloq
żewġ portali tad-dejta Ewropej interkonnessi. Fl-2012, il-Kummissjoni se tibda topera portal
li se jagħmel ir-riżorsi tad-dejta tagħha stess u dawk ta’
istituzzjonijiet u aġenziji oħra Ewropej aċċessibbli u
użabbli faċilment. Fl-istess ħin, id-definizzjonijiet
tal-metadejta b'potenzjal għoli ta' użu mill-ġdid se jiġu
identifikati u promossi. Il-kundizzjonijiet standard għall-użu se
jkollhom l-għan li jiżguraw l-iktar adozzjoni wiesgħa possibbli
ta' dejta Ewropea fis-servizzi innovattivi tal-informazzjoni, f'konformità
mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-użu mill-ġdid
tal-informazzjoni tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se taħdem flimkien
mal-Istati Membri, l-entitajiet tas-settur pubbliku u aggregaturi
reġjonali biex tistabbilixxi l-portal pan-Ewropew tad-dejta li se jibda
jopera fl-2013, u li se jagħti aċċess dirett lil firxa ta'
settijiet tad-dejta minn madwar l-UE (inkluża d-dejta disponibbli permezz
tal-portal tal-Kummissjoni). Fejn possibbli, il-ħidma se tkompli fuq
strutturi u żviluppi eżistenti, u l-portal se jespandi gradwalment
il-kontenut tiegħu biex ikopri s-settijiet tad-dejta ewlenin mill-Istati
Membri kollha. Fil-fażi tal-bidu (2011-2013) se
jiġi pprovdut appoġġ mill-programm CIP.
Fil-perjodu 2014-2020, il-finanzjament tal-infrastruttura Ewropea
għas-servizzi elettroniċi għad-dejta pubblika se jiġi
mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa[20]. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa
wkoll l-attivitajiet ta' diġitizzazzjoni u l-iżvilupp tal-pjattaforma
Europeana li tindirizza aspett importanti tal-użu mill-ġdid
tad-dejta. (3)
Appoġġ għal infrastrutturi tad-dejta
tar-riċerka Minbarra l-appoġġ li tagħti
fl-ambitu tal-FP7, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tkompli
tagħti l-appoġġ tagħha fil-qafas tal-Orizzont 2020
għall-iżvilupp ta' infrastruttura tas-servizzi persistenti u soda
għad-dejta xjentifika fl-Ewropa li twieġeb
għall-ħtiġijiet tax-xjenza u r-riċerka intensivi fid-dejta
tal-2020, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport “Riding the Wave”.
Din l-infrastruttura għandha tippermetti l-aċċess u interazzjoni
għal fluss kontinwu ta’ informazzjoni, minn dejta ta' osservazzjoni mhux
ipproċessata u dejta sperimentali sa pubblikazzjonijiet fl-oqsma kollha
tax-xjenza. Din l-infrastruttura tinkludi aspetti
tekniċi, organizzattivi u regolatorji li jeħtieġu koordinazzjoni
estensiva mal-Istati Membri u wkoll mal-pajjiżi terzi u
mal-organizzazzjonijiet internazzjonali biex ikunu żgurati
l-interoperabbiltà u l-aċċess reċiproku. Il-Kummissjoni se
taħdem flimkien mal-imsieħba internazzjonali tagħna biex
tiżviluppa standards għall-aċċess u l-interoperabbiltà
tad-dejta globali.
5.4.
Miżuri ta’ koordinazzjoni fuq il-livell
tal-Istati Membri u tal-UE
Il-Kummissjoni se tkompli tiffaċilita
l-koordinazzjoni u l-iskambju tal-esperjenza bejn l-Istati Membri, b'mod
partikolari permezz ta': ·
Il-grupp PSI, grupp ta’ esperti tal-Istati Membri
għall-iskambju ta' prattiki tajbin u inizjattivi li jappoġġaw
l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, ·
Il-pjattaforma tal-Informazzjoni tas-Settur
Pubbliku. Dan il-portal tal-internet jipprovdi aħbarijiet dwar
l-iżviluppi Ewropej, prattiki tajba, eżempji ta' prodotti u servizzi
ġodda, u kawżi legali li jikkonċernaw l-użu mill-ġdid
tal-PSI, ·
In-netwerk LAPSI, li janalizza kwistjonijiet legali
relatati ma’ informazzjoni tas-settur pubbliku u li jippromwovi id-dibattitu
fost ir-riċerkaturi u l-partijiet interessati. Se jipproduċi sett ta'
linji gwida għall-politiki u l-prattiki tal-aċċess u l-użu
mill-ġdid, ·
L-azzjoni ISA dwar l-interoperabbiltà semantika. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa u
tipparteċipa fil-gruppi konsultattivi tal-politika bħall-Forum ta'
Politika dwar l-Infrastruttri elettroniċi u l-Grupp ta’ Riflessjoni dwar
l-Infrastruttri elettroniċi, li huma importanti għall-koordinazzjoni tal-infrastrutturi
tad-dejta xjentifika bejn l-Istati Membri.
6.
Konklużjoni
L-informazzjoni prodotta, miġbura jew
imħallsa minn organizzazzjonijiet pubbliċi madwar l-Unjoni Ewropea
hija riżorsa ewlenija fl-ekonomija tal-informazzjoni. Bħalissa,
il-potenzjal sħiħ tagħha għadu 'l bogħod milli jseħħ.
F'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tipproponi passi konkreti biex
jilliberaw il-potenzjal tar-riżorsi tas-settur pubbliku tal-Ewropa, li
jvarjaw minn reviżjoni tad-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid
tal-informazzjoni tas-settur pubbliku sal-ħolqien ta’ portal pan-Ewropew. L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu
sabiex id-dejta miftuħa ssir realtà permezz ta' adozzjoni,
traspożizzjoni u implimentazzjoni rapidi tad-Direttiva riveduta dwar
l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku. Dan se joħloq
il-kundizzjonijiet għall-attività ekonomika bbażata fuq dejta
miftuħa u se jistimula l-applikazzjonijiet transkonfinali. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom
jifformulaw u jimplimentaw il-politiki dwar id-dejta miftuħa billi
jadottaw eżempji ta' prattika tajba minn madwar l-UE. L-appoġġ
għandu pereżempju jingħata lill-piloti tad-dejta miftuħa u
lill-kompetizzjonijiet tad-dejta miftuħa, b'mod partikolari dawk li
jimmiraw lejn l-iżvilupp ta' prodotti u servizzi transkonfinali. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni
tistieden lill-Istati Membri biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp
tal-portal pan-Ewropew tad-dejta. Il-Kummissjoni se tidħol
f’diskussjonijiet ma’ esperti mill-Istati Membri sabiex ikun żgurat li
l-portal ikollu pedament sod. Matul il-fazi tal-iskjerament, l-Istati Membri
ser ikollhom jagħmlu disponibbli firxa wiesgħa ta' settijiet
tad-dejta permezz tal-portal biex ibiddluh f’servizz ta' suċċess u
bażi għall-attività ekonomika. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament
Ewropew u l-Kunsill, fl-ambitu tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, biex
joħolqu l-kundizzjonijiet ta’ qafas tajbin għall-użu
mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku madwar l-Unjoni Ewropea, u
biex jappoġġaw il-proġetti u l-infrastrutturi li jistgħu
jbiddlu d-dejta pubblika tal-Ewropa f'mezz għall-innovazzjoni, it-tkabbir
u t-trasparenza. Strateġija
tad-dejta miftuħa, il-miżuri ewlenin Il-qafas
leġiżlattiv ·
Il-proposta għal reviżjoni ta' Direttiva
dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku,
Diċembru 2011; ·
Ir-reviżjoni tad-Deċiżjoni
tal-Kummissjoni dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni
tal-Kummissjoni, Diċembru 2011; Ħidma biex is-sistema tiġi
estiża għal Istituzzjonijiet u Aġenziji Ewropej oħra, 2012; ·
Id-dejta miftuħa għandha
tiddaħħal f'inizjattivi leġiżlattivi u ta' politika
settorjali. Portali
u pjattaformi Ewropej tad-dejta miftuħa ·
Portal li jagħti aċċess
għad-dejta tal-Kummissjoni u dejta minn istituzzjonijiet u aġenziji
oħra tal-UE, rebbiegħa 2012; ·
Tnedija ta' portal pan-Ewropew tad-dejta, li
jagħti aċċess għas-settijiet tad-dejta minn madwar l-UE,
rebbiegħa 2013, wara l-ħidma preparatorja mal-Istati Membri
mill-2011; ·
Kofinanzjament tal-infrastruttura Ewropea
għas-servizzi elettroniċi għad-dejta miftuħa permezz
tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2014-2020. Dejta
miftuħa għax-xjenza ·
Komunikazzjoni u Rakkomandazzjoni lill-Istati
Membri dwar informazzjoni xjentifika, kmieni fl-2012; ·
Espansjoni tal-inizjattiva pilota ta'
aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi
għall-Orizzont 2020 kollu u inizjattiva pilota b’aċċess
miftuħ għad-dejta tar-riċerka. Riċerka
u innovazzjoni ·
Proġetti tar-riċerka u l-innovazzjoni
rilevanti għad-dejta miftuħa, b’mod partikolari permezz tal-FP7,
il-programm CIP u Orizzont 2020, b'finanzjament għall-infrastrutturi
tar-riċerka li jappoġġaw l-aċċess miftuħ
għal artikli u d-dejta tar-riċerka; ·
Kompetizzjonijiet tad-dejta
miftuħa (2012-2013) u aċċess imtejjeb għall-kapital
għall-imprendituri f'dan il-qasam. Miri Il-Kummissjoni
impenjat ruħha li: ·
fl-2012 tniedi portal tad-dejta miftuħa tal-Kummissjoni. ·
fl-2013 tniedi portal pilota
b'interfaċċja multilingwi u b'faċilitajiet ta' tiftix,
b'settijiet ta' dejta minn madwar l-UE. Il-ħidma
mal-Istati Membri għandha twassal għal: ·
formulazzjoni u implimentazzjoni ta' politiki dwar
dejta pubblika miftuħa fl-Istati Membri kollha minn kmieni fl-2013.
·
1/3 tad-dejta kollha strutturata tal-gvern
disponibbli fl-Istati Membri tkun tista’ tiġi mfittxa permezz tal-portal
pan-Ewropew tad-dejta sal-2015. L-impatt
kumplessiv previst: ·
sal-2017 (tliet snin wara d-data mistennija
għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid
tal-informazzjoni tas-settur pubbliku), il-benefiċċji kumplessivi
tal-użu mill-ġdid tal-PSI mistennija jilħqu
EUR 100 biljun fis-sena fl-UE, inkluż l-iżvilupp ta'
negozji ġodda u żieda fl-effiċjenza fis-servizzi tas-settur
pubbliku. [1] Il-kunċetti ta' "dejta" u
"informazzjoni" kif użati f'din il-Komunikazzjoni huma
interkambjabbli u jirreferu għal kwalunkwe kontenut ikun xi jkun il-mezz
tiegħu. [2] http://www.official-documents.gov.uk/document/cm76/7650/7650.pdf. [3] Valutazzjoni tal-użu mill-ġdid
tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku fl-Informazzjoni Ġeografika,
is-setturi tal-Informazzjoni Meteoroloġika u tal-Informazzjoni Legali,
MICUS, Diċembru 2008. [4] G. Vickery, Awwissu 2011. [5] Ir-rapport Mc Kinsey dwar ‘’, Mejju 2011. [6] Ir-rapport finali tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell
Għoli dwar id-Dejta Xjentifika, Ottubru 2010. [7] ĠU L 345/90,
31.12.2003. [8] Id-Direttivi 2003/4/KE,
ĠU L 41/26, 14.2.03 u 2007/2/KE, ĠU L 108/1, 14.3.2007. [9] COM(2010) 461 finali. [10] COM(2008) 886 finali/2 [11] Komunikazzjoni dwar informazzjoni
xjentifika fl-era diġitali, COM (2007) 56, Komunikazzjoni dwar
Infrastrutturi tal-ICT għax-Xjenza elettronika COM(2009) 108 u
l-Konklużjonijiet tal-Kunsill relatati. [12] http://lod2.eu/. [13] http://www.openaire.eu/. [14] http://www.semic.eu/ [15] McKinsey, op.cit. [16] idem. [17] G. Vickery, op.cit. [18] Studju dwar , Deloitte Consulting
u oħrajn, Ġunju 2011. [19] Xi eżempji fuq
http://www.dr0i.de/lib/2011/07/04/a_sample_of_data_hugging_excuses.html [20] Ara l-proposti tal-Kummissjoni għall-Faċilità Nikkollegaw
l-Ewropa, COM(2011)665, COM(2011)657/3.