52011DC0795

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Servizz universali fil-komunikazzjonijiet elettroniċi: rapport dwar l-eżitu tal-konsultazzjoni pubblika u t-tielet reviżjoni perjodika tal-kamp ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/22/KE /* KUMM/2011/0795 finali */


KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Servizz universali fil-komunikazzjonijiet elettroniċi: rapport dwar l-eżitu tal-konsultazzjoni pubblika u t-tielet reviżjoni perjodika tal-kamp ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/22/KE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

SKOP TA’ DIN IL-KOMUNIKAZZJONI

Fit-tieni reviżjoni perjodika tagħha tal-kamp ta' applikazzjoni tas-servizz universali fil-komunikazzjonijiet elettroniċi f'Settembru 2008[1], il-Kummissjoni impenjat ruħha li tikkonsulta l-partijiet interessati dwar bosta kwistjonijiet ta' politika fit-tul. Qabel l-adozzjoni tal-Pakkett tat-Telekomunikazzjonijiet fl-2009, il-Kummissjoni kkonfermat lill-Parlament Ewropew li kienet se twettaq konsultazzjoni wiesgħa dwar is-suġġett.

Dan id-dokument jirrapporta l-eżitu tal-konsultazzjoni dwar il-prinċipji tas-servizz universali fil-komunikazzjonijiet elettroniċi, li saret bejn Marzu u Mejju 2010. Dan ikopri wkoll it-tielet reviżjoni perjodika tal-kamp ta' applikazzjoni tas-servizz universali skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar is-Servizz Universali Nru 2002/22[2] (Universal Services Directive - minn issa 'l quddiem "il-USD"). Fl-aħħar, jistabbilixxi xi riflessjonijiet dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri meta jimplimentaw il-USD. Huwa akkumpanjat minn Dokument ta' Ħidma qasir mill-Persunal[3] li jiġbor fil-qosor ir-reazzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika.

Ir-regoli tal-UE dwar is-servizz universali fil-komunikazzjonijiet elettroniċi tfaċċaw fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni sħiħa fis-snin disgħin. Il-ġustifikazzjoni għall-obbligu ta' servizz universali (universal service obligation - ‘USO’) hija li dan jaġixxi bħala xibka ta' sikurezza soċjali fejn il-forzi tas-suq waħedhom ma jipprovdux aċċess affordabbli għal servizzi bażiċi għall-konsumaturi, partikolarment dawk li jgħixu f'żoni remoti jew li għandhom introjtu baxx jew diżabbiltajiet. Sabiex jintlaħqu t-tliet għanijiet tal-kunċett ta' xibka ta' sikurezza, partikolarment id-disponibbiltà, l-affordabbiltà u l-aċċessibbiltà, impriża waħda jew aktar speċifikament iddeżinjati jistgħu jkunu obbligati li jipprovdu tali servizzi bażiċi.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw, kif xieraq, li l-utenti aħħarin kollha għandhom aċċess f'lok fiss għal kommunikazzjonijiet bil-vuċi u tad-dejta, inkluż, 'aċċess funzjonali għall-internet', filwaqt li jiġu minimizzati d-distorsjonijiet tas-suq. Il-USD hija newtrali fir-rigward tat-teknoloġija li permezz tagħha jistgħu jiġu pprovduti s-servizzi.

Fejn l-ispiża tal-USO tirrappreżenta piż inġust fuq il-fornitur(i) ddeżinjat(i), dan (dawn) tal-aħħar jista' jiġi (jistgħu jiġu) kkumpensat(i) għall-ispiża netta mġarrba. Tali kumpens jista' jiġi ffinanzjat minn fondi pubbliċi u/jew minn fond li jistgħu jikkontribwixxu għalih parteċipanti tas-suq fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Bħalissa, 22 Stat Membru jipprovdu għall-finanzjament settorjali biss[4], tnejn jipprevedu kemm il-finanzjament pubbliku kif ukoll dak settorjali, u tlieta għażlu l-alternattiva ta' finanzjament pubbliku biss.

Bosta Stati Membri eżerċitaw id-diskrezzjoni tagħhom li ma jiddeżinjaw l-ebda fornitur USO, jew taffew l-obbligi li jikkonċernaw l-elementi ta' servizz li diġà huma koperti mis-suq (pereżempju telefowns pubbliċi bi ħlas u direttorji).

Filwaqt li l-USD tal-2002 limitat l-"aċċess funzjonali għall-internet" għar-rati tad-dejta narrowband[5], il-Pakkett tat-Telekomunikazzjonijiet 2009 ta lill-Istati Membri l-flessibbiltà li jiddefinixxu, fejn meħtieġ, ir-rati tad-dejta fuq livell nazzjonali, li jistgħu jinkludu veloċitajiet broadband[6]. Sa issa, il-Finlandja, Spanja u Malta adottaw leġiżlazzjoni li tinkludi l-broadband fil-USO nazzjonali.

Fil-5 ta' Lulju 2011, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni[7] li tenfasizza l-importanza tal-USO bħala xibka ta' sikurezza għall-inklużjoni soċjali.

RIżULTATI TAL-KONSULTAZZJONI PUBBLIKA

L-għan tal-konsultazzjoni kien li teżamina jekk, fl-ambjent konverġut u kompetittiv tat-telekomunikazzjonijiet elettroniċi tal-lum, hemmx il-ħtieġa li jiġu riveduti l-approċċ u l-prinċipji globali tal-UE għas-servizz universali. Mistoqsija ewlenija kienet dwar jekk l-USO għandux ikun għodda proattiva fil-kuntest tal-broadband u b'hekk ikollu rwol fil-kisba tal-għan ta' 'broadband għal kulħadd', jew jekk dan għandux jitħalla għal miżuri ta' politika oħra tal-UE jew dawk nazzjonali, filwaqt li jinżamm l-USO bħala xibka ta' sikurezza. Kwistjonijiet oħra li tqajmu fil-konsultazzjoni kienu l-kunċett tas-servizz universali, il-finanzjament tiegħu, u l-flessibbiltà tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni.

Firxa wiesgħa ta' fehmiet kienu espressi fil-konsultazzjoni, mingħajr ma ntlaħaq l-ebda kunsens fir-rigward tar-rwol futur tal-USO fl-avanzar tal-għanijiet tal-Ewropa għall-broadband. Madankollu, bosta partijiet interessati, partikolarment gvernijiet u awtoritajiet regolatorji nazzjonali (National Regulatory Authorities - NRAs), jappoġġaw il-prinċipji eżistenti u favur li jinżammu l-elementi ewlenin tas-sistema USO. Il-Dokument ta' Ħidma mill-Persunal ta' akkumpanjament jipprovdi sommarju tar-reazzjonijiet[8].

L-ISFIDI: SERVIZZ UNIVERSALI U BROADBAND

Il-qafas regolatorju tal-UE u l-politika tagħha ta' aċċess miftuħ rawmu swieq kompetittivi, u b'hekk żiedu l-għażla għall-konsumatur u naqqsu l-prezzijiet, filwaqt li qiegħdu xi pajjiżi tal-UE fost il-mexxejja dinjija fil-broadband. Fi ħdan l-UE, l-ogħla użu tal-broadband jinsab fl-Istati Membri b'kompetizzjoni fl-infrastruttura, ikkombinata ma' regolazzjoni ex ante li tippromwovi kompetizzjoni fis-servizzi fejn il-kompetizzjoni fl-infrastruttura mhijiex possibbli.

L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (Digital Agenda for Europe - DAE)[9] tistipula l-benefiċċji soċjoekonomiċi tal-broadband, inkluża l-importanza tiegħu għall-partiċipazzjoni soċjali u l-impjiegi. Il-mira tad-DAE għall-"broadband bażiku" hija li tali netwerks għandhom ikopru 100 % taċ-ċittadini tal-UE sal-2013. Għal internet 'veloċi' u 'ultraveloċi', l-għan huwa li jiġi żgurat li sal-2020 ikun hemm kopertura ta' 30 Mbps għaċ-ċittadini kollha tal-UE u li 50 % jew aktar tal-unitajiet domestiċi tal-UE ikollhom abbonamenti għal aktar minn 100 Mbps. Sabiex jintlaħqu dawn il-miri jeħtieġ investiment sostanzjali kemm mill-partijiet privati kif ukoll dawk pubbliċi. Sabiex jiġi ffaċilitat dan il-proċess, f'Settembru 2010, il-Kummissjoni adottat 'Pakkett tal-Broadband' li jinkludi: i) il- Komunikazzjoni dwar il-Broadband[10] , li tistipula qafas għal azzjoni u li jenfasizza proposti għall-Istati Membri sabiex jintlaħqu dawn il-miri; ii) ir- Rakkomandazzjoni dwar l-NGA[11] , li tistipula gwida regolatorja li tippromwovi ċertezza legali, u b'hekk tinkoraġġixxi l-investiment privat; u iii) proposta għal Programm ta' Politika dwar l-Ispettru tar-Radju[12] multiannwali li jippromwovi l-koordinazzjoni u l-ġestjoni tal-ispettru fl-UE, u b'hekk jiffaċilita t-tkabbir tal-broadband bla wajers.

Flimkien ma' dan, bosta għodda ta' politika huma disponibbli biex ji(kko)finanzjaw żvilupp tal-infrastruttura, inkluż finanzjament pubbliku (pereżempju self, għotjiet lil sħubiji privati pubbliċi). Il-Linji gwida dwar il-Broadband[13] jiċċaraw kif il-finanzjament pubbliku jista' jingħata għal żvilupp tal-broadband f'konformità mar-regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat, sabiex tintlaħaq ukoll kopertura fiż-żoni fejn mhemmx interess kummerċjali. Il-programmi ta' Fondi Strutturali għall-2007-13 jallokaw ukoll kważi EUR 2,3 biljun għal infrastruttura tal-ICT, prinċipalment netwerks tal-broadband. Minbarra dan, fil-Prospettivi Finanzjarji 2014-2020 il-Kummissjoni pproponiet Faċilità "Nikkollegaw l-Ewropa"[14] b'baġit ta' Eur 9,2 biljun biex tinkoraġġixxi investiment favur il-kompetizzjoni, għotjiet u tisħiħ tal-kreditu għal proġetti tal-broadband u infrastrutturi tas-servizz diġitali.

Sabiex titrawwem id-domanda, id-DAE tipprevedi sensiela ta' miżuri, inklużi servizzi elettroniċi tas-saħħa u tal-gvern, l-iffaċilitar ta' skemi ta' liċenzjar għall-ġestjoni tad-drittijiet onlajn u l-aċċessibbiltà onlajn għal kontenut awdjoviżiv[15] kif ukoll inizjattivi li jiżguraw il-litteriżmu, ħiliet u inklużjoni diġitali. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-trawwim tad-domanda għal servizzi broadband se jwassal konsegwentament għat-tixtrid ta' netwerks tal-broadband, u b'hekk jiġi stimulat ċiklu virtwuż.

Għall-kuntrarju tat-telefonija fl-UE 15 l-antika iktar minn deċennju ilu, is-suq tal-broadband fl-UE 27 għadu mhux suq matur iżda wieħed pjuttost ikkaratterizzat mill-innovazzjoni u l-evoluzzjoni dinamika. Żviluppi teknoloġiċi, kompetittivi u regolatorji, pereżempju l-ispejjeż dejjem irħas ta' teknoloġiji bla wajers u d-dividend diġitali, x'aktarx se jespandu l-kopertura tal-broadband b'mod konsiderevoli.

Filwaqt li n-netwerks fissi tal-broadband huma disponibbli, bħala medja, għal 95,1 % tal-popolazzjoni tal-UE, din iċ-ċifra hija ta' biss 82,8 % fiż-żoni rurali madwar l-UE u 60 % jew anqas fiż-żoni rurali tal-Bulgarija, is-Slovakkja, il-Polonja, ir-Rumanija u Ċipru (ara taqsima 4.1). L-ispiża tat-tixrid jew l-aġġornar tal-infrastruttura tal-broadband f'żoni mingħajr biżżejjed servizz hija waħda sinifikanti. Skont stimi fi studju kkummissjonat mill-Kummissjoni[16], l-ispiża totali netta madwar l-UE għall-iżgurar tad-disponibbiltà (kopertura) u l-affordabbiltà (tariffi soċjali ssussidjati) ta' konnessjoni broadband ta' 2 Mbps[17] permezz ta' USO, hija madwar EUR 13,6 biljun fuq perjodu ta' ħames snin.

Skont l-istudju, din is-somma totali tissarraf f'madwar EUR 2,7 biljun fis-sena, li tirrappreżenta madwar 0,69 % tal-fatturat tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet tal-UE kollu kemm hu[18]. Din il-perċentwali tvarja b'mod sinifikanti fost l-Istati Membri, fejn hi ogħla f'pajjiżi b'densità baxxa tal-popolazzjoni, art diffiċli jew infrastruttura inqas żviluppata. Il-proporzjon tal-ogħla spiża tkun fir-Rumanija (4,6 %) u l-iktar baxxa fil-Lussemburgu (0,08 %). F'termini assoluti, l-ispiża medja tal-UE għal kull unità domestika tkun madwar EUR 14,40 fis-sena, li tibqa' tiela' sa EUR 30 fir-Rumanija. Din titqabbel mal-ispejjeż annwali attwali għal kull unità domestika ta' bejn EUR 0,05 u EUR 4,19 fis-seba' Stati Membri li stabbilixxew il-fondi USO[19].

Il-Pakkett tat-Telekomunikazzjonijiet tal-2009 jirrikonoxxi d-diversità dejjem akbar fl-UE-27 billi jagħti lill-Istati Membri l-flessibbiltà li jiddeterminaw ir-rati tad-dejta għall-USO fid-dawl tal-kundizzjonijiet nazzjonali, u li jiffinanzjaw l-ispejjeż netti assoċjati mill-fondi pubbliċi u/jew minn fond li għandu jiġu ffinanzjat mis-settur.

Madankollu, huwa ċar li jekk l-USO kellu jiġi estiż għall-broadband madwar l-UE kollha, il-ħtieġa għal finanzjament settorjali u "kontrosussidjar" bejn gruppi ta' konsumaturi f'pajjiż partikolari tkun qed tikber b'mod sinifikanti, fejn il-piż fuq l-industrija u l-impatt fuq il-prezzijiet tal-konsumatur ikunu l-akbar fl-Istati Membri li bħalissa għandhom kopertura baxxa tal-broadband u livelli baxxi ta' introjtu. Minbarra dan, billi jingħata mandat qabel il-waqt għall-broadband fuq livell tal-UE jew dak nazzjonali hemm ir-riskju ta' distorsjoni fis-swieq u trażżin tal-investiment privat fil-broadband. Filwaqt li l-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni jistgħu jkunu mistennija li jinvestu f'netwerks ġodda li jħallu qligħ, titqajjem kwistjoni fundamentali dwar jekk USO estensiv, li jqiegħed piż tqil fuq is-settur waħdu fl-interess tal-inklużjoni soċjali, ikunx xieraq u sostenibbli, filwaqt li entitajiet privati u pubbliċi oħra u s-soċjetà kollha kemm hi jiggwadanjaw minn broadband li jinsab kullimkien.

IT-TIELET REVIżJONI PERJODIKA TAL-KAMP TA' APPLIKAZZJONI TAS-SERVIZZ UNIVERSALI FUQ LIVELL TAL-UE

Il-USD titlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-kamp ta' applikazzjoni tas-servizz universali kull tliet snin fid-dawl tal-iżviluppi soċjali, ekonomiċi u teknoloġiċi, billi jitqiesu b'mod partikolari l-mobbiltà u r-rati tad-dejta. L-Anness V għall-USD jistabbilixxi ċerti konsiderazzjonijiet li għandhom jitqiesu mill-Kummissjoni meta tiddeċiedi jekk ċerti servizzi għandhomx ikunu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni, b'mod partikolari:

1. Hemm servizzi speċifiċi disponibbli għall-maġġoranza tal-konsumaturi u użati minnhom, u n-nuqqas ta' disponibilità jew nuqqas ta' użu minn minoranza ta' konsumaturi twassal għal esklużjoni soċjali?

2. Id-disponibbiltà u l-użu ta' servizzi speċifiċi twassal għal benefiċċju nett ġenerali għall-konsumaturi kollha b'tali mod li l-intervent pubbliku jkun ġustifikat f'ċirkostanzi fejn is-servizzi speċifiċi mhumiex ipprovduti lill-pubbliku taħt ċirkostanzi kummerċjali normali?

Minbarra dan, premessa 25 tal-USD tindika li sabiex jiġu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni, is-servizzi rilevanti jridu jkunu diġà disponibbli għal maġġoranza sostanzjali tal-popolazzjoni. Ir-reviżjonijiet preċedenti fl-2005/6 u fl-2008[20] ikkonkludew li dawn il-kriterji ma ntlaħqux fir-rigward jew tal-mobbiltà jew tal-broadband, u għaldaqstant il-kamp ta' applikazzjoni ma nbidilx.

Broadband

Netwerks fissi tal-broadband (DSL) kienu, fil-medja, disponibbli għal madwar 95 % tal-popolazzjoni tal-UE fl-aħħar tal-2010[21].

Grafika 1 Kopertura tan-netwerk fiss tal-broadband fl-UE bħala % tal-popolazzjoni, 2010

[pic]

Sors: IDATE, 2010

Kien hemm madwar 133 miljun linja ta' abbonati bi broadband fiss u 36 miljun linji ta' abbonati b'dak mobbli fl-UE fil-bidu tal-2011, li juri li dak mobbli issa qed jikkontribwixxi b'saħħtu lejn l-użu dejjem jikber tal-broadband.

70 % tal-unitiajiet domestiċi tal-UE issa għandhom aċċess għall-internet filwaqt li 61 % għandhom konnessjoni broadband bil-wajers jew mingħajrhom[22]. Madankollu, rati ta' użu tal-broadband ivarjaw konsiderevolment bejn l-Istati Membri. Użu tal-broadband ivarja bejn 23 % tal-unitajiet domestiċi fir-Rumanija u 26 % fil-Bulgarija għal 80 % fil-Pajjiżi l-Baxxi u d-Danimarka u 83 % fl-Isvezja.

Grafika 2 Penetrazzjoni tal-broadband fid-djar, % tal-unitajiet domestiċi tal-UE, 2010[23]

[pic]

Bħala konsegwenza, fuq livell ta' unità domestika, intlaħaq il-limitu għall-użu tal-broadband minn maġġoranza (sempliċi) tal-konsumaturi fl-UE iżda dan għadu ma jirrappreżentax 'maġġoranza sostanzjali tal-popolazzjoni', kif deskritt fil-premessa 25 tal-USD. Aktar importanti minn hekk, fid-dawl tad-differenzi nazzjonali sinifikanti fl-użu u l-fatt li l-livelli ta' użu f'5 Stati Membri huma taħt il-50 %, l-ispejjeż ta' USO madwar l-UE għall-broadband jaqgħu b'mod sproporzjonat fuq il-fornituri tat-telekomunikazzjonijiet u fl-aħħar mill-aħħar fuq il-konsumaturi f'dawk l-Istati Membri. Filfatt, dejta ta' stħarriġ[24], li tinkludi unitajiet domestiċi b'età ta' 75 sena u aktar, tindika 12 –il Stat Membru taħt il-50 %. L-ispejjeż biex tiġi żgurata kopertura universali tal-broadband tkun partikolarment għolja f'pajjiżi b'densità baxxa ta' popolazzjoni, b'art diffiċli u/jew infrastruttura inqas żviluppata. Kif indikat hawn fuq, l-ispiża medja għal kull unità domestika fir-Rumanija x'aktarx tkun id-doppju tal-medja tal-UE. Għaldaqstant, l-inklużjoni tal-aċċess għall-broadband fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni fuq livell ta' UE, f'dan l-istadju, ma tkunx se tilħaq it-tieni kriterju fil-USD, jiġifieri li jitwassal benefiċċju ġenerali nett għall-konsumaturi Ewropej kollha.

Mobbiltà

Netwerks tal-mowbajl ikopru aktar minn 95 % tal-popolazzjoni tal-UE abbażi ta' liċenzji nazzjonali tal-mowbajl[25]. Penetrazzjoni globali tal-abbonati tal-mowbajl laħqet il-124,2 % f'Ottubru 2010.

Grafika 3 Abbonati tal-mowbajl u rata ta' penetrazzjoni fuq livell ta' UE, 2004-2010

[pic]

Sors: Tabella ta' Valutazzjoni tal-Aġenda Diġitali 2011 – indikaturi tas-suq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi

89 % tal-unitajiet domestiċi tal-UE għandhom abbonamenti għal mowbajl u 71 % għandhom wieħed għat-telefonija fissa, biex b'hekk 98 % tal-unitajiet kollha tal-UE issa għandhom aċċess għal telefown.

Grafika 4 Aċċess għal telefown mid-dar, % tal-unitajiet domestiċi tal-UE, 1999-2011

[pic]

Sors: Stħarriġ tal-unitajiet domestiċi dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi, Lulju 2011

Fir-rigward tal-affordabbiltà tal-prezz, il-prezz medju fix-xahar għal qoffa ta' użu baxx ta' servizzi tal-mowbajl (imħallsa minn qabel u wara) fl-UE ammonta għal EUR 9.07 fl-2010, tnaqqis ta' madwar 30 % mill-2006[26].

Mill-aħħar reviżjoni, jistgħu jiġu osservati użu dejjem akbar u prezzijiet dejjem aktar baxxi tas-servizzi tal-mowbajl. Dan jikkonferma l-analiżi fir-reviżjonijiet ta' qabel li l-forniment kompetittiv tal-komunikazzjonijiet mobbli wassal sabiex il-konsumaturi jkollhom aċċess mifrux u affordabbli għal dawn is-servizzi sabiex ma jkunx hemm riskju ta' esklużjoni soċjali. Il-kriterji biex tiġi inkluża l-mobbiltà fil-kamp ta' applikazzjoni tas-servizz universali fuq livell ta' UE għaldaqstant ma ntlaħqux. Dan ma jeskludix li tintuża t-teknoloġija bla wajers biex tiġi pprovduta konnessjoni f'sit fiss taħt l-USO.

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-bżonnijiet speċjali ta' persuni b'diżabbiltajiet, inklużi partikolarment kwistjonijiet relatati mas-servizzi tal-mowbajl[27], u tirrapporta s-sejbiet tagħha fir-reviżjoni li jmiss.

IT-TRIQ ’IL QUDDIEM

Fid-dawl tal-fatt li jeħtieġu ammonti kbar ta' flus biex tiġi żgurata kopertura tal-broadband permezz tal-USO u tal-impatt potenzjali fuq l-industrija u l-konsumaturi, l-Istati Membri jridu janalizzaw b'attenzjoni jekk il-kundizzjonijiet nazzjonali jiġġustifikawx l-estensjoni tal-USO għall-broadband, billi jitqiesu r-riskju soċjali kif ukoll distorsjoni possibbli tal-kompetizzjoni u piż żejjed fuq is-settur.

Fid-dawl ukoll tar-riskju ta' approċċi diverġenti għall-implimentazzjoni tal-USD u l-implikazzjonijiet finanzjarji potenzjali għall-industrija, il-Kummissjoni hija tal-fehma li teħtieġ gwida ulterjuri biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni hija skont prinċipji applikati b'mod konsistenti filwaqt li jitqiesu l-istadji differenti tal-iżvilupp tas-swieq fl-Istati Membri. Tali gwida se tgħin fl-indirizzar tar-riskju tal-esklużjoni soċjali filwaqt li fl-istess ħin jiġi evitat piż sproporzjonat fuq is-settur.

Dan iwieġeb lit-talbiet għal kjarifika mill-partijiet interessati fil-konsultazzjoni u s-sejħa tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni biex ' tipprovdi linji gwida dwar kif tista' tiġi implimentata u infurzata bl-aħjar mod il-USD, filwaqt li jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq u, fl-istess waqt, jiġi permess lill-Istati Membri li jadottaw id-dispożizzjonijiet l-aktar adatti għaċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom' [28].

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li implimentazzjoni konsistenti tal-USO tesiġi approċċ koerenti għall-kriterji li jiddefinixxu "aċċess funzjonali għal internet" b'veloċitajiet broadband, mekkaniżmi ta' deżinjazzjoni, finanzjament u miżuri għal utenti aħħarin b'diżabbiltajiet. Il-Kummissjoni beħsiebha jkollha diskussjonijiet ulterjuri mal-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u partijiet interessati oħra dwar dawn il-kwistjonijiet.

- Kamp ta' applikazzjoni tal-USO relatat mal-"aċċess funzjonali għall-internet" b'veloċitajiet broadband [29].

Meta l-Istati Membri jikkunsidraw jekk għandhomx jiddefinixxu, fuq livell nazzjonali, il-konnessjoni tan-netwerk li tippermetti l-"aċċess funzjonali għall-internet" b'veloċitajiet broadband, sett ta' kriterji koerenti, li jirreflettu l-kriterji biex jinbidel il-kamp ta' applikazzjoni tas-servizz universali fuq livell tal-UE[30], jista' jgħin fl-iżgurar tal-konsistenza u jimminimizza d-distorsjoni tas-suq, filwaqt li jintlaħaq l-għan li tiġi evitata l-esklużjoni soċjali.

Pereżempju, l-Istati Membru jistgħu jintalbu li jagħmlu valutazzjoni minn qabel tal-impatt ta' tali deċiżjoni, li tista' tinkludi valutazzjoni tal-użu globali nazzjonali tal-broadband f'termini ta' perċentwali tal-unitajiet domestiċi nazzjonali bi broadband u l-perċentwali ta' unitajiet domestiċi b'veloċità broadband ugwali jew aktar għall-veloċita minima prevista.

Bħala riflessjoni tal-premessa 25 tal-USD li s-servizzi koperti għandhom ikunu disponibbli għal "maġġoranza sostanzjali tal-popolazzjoni", ċerti limiti jistgħu jiġu applikati biex jiġi ddeterminat jekk intlaħqitx il-massa kritika meħtieġa tal-użu tal-broadband. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, f'dan l-istadju, l-Istati Membri jistgħu jintalbu li jqisu l-inklużjoni tal-konnessjonijiet broadband fil-USO fejn ir-rata ta' dejta inkwistjoni tintuża fuq livell nazzjonali (i) mill-inqas minn nofs l-unitajiet domestiċi kollha u (ii) mill-inqas minn 80 % tal-unitajiet domestiċi kollha b'konnessjoni broadband[31].

Meta jieħdu d-deċiżjoni tagħhom, l-Istati Membri jista' jingħatalhom il-parir li jidentifikaw l-għanijiet soċjali u ekonomiċi speċifiċi tagħhom u l-eżiti mixtieqa. Dan jista' jinkludi valutazzjoni ta':

- id-disponibbiltà mistennija tas-suq tal-broadband mingħajr intervent pubbliku;

- l-iżvantaġġi soċjali u ekonomiċi mġarrba minn dawk mingħajr aċċess għal konnessjoni broadband, inklużi utenti aħħarin b'diżabbiltà;

- l-ispiża tal-intervent pubbliku permezz tal-USO u t-tqabbil ta' din l-ispiża fil-konfront tal-użu ta' approċċi oħra;

- il-benefiċċji ta' intervent pubbliku u l-effetti tiegħu fuq il-kompetizzjoni, distorsjonijiet tas-suq u għanijiet ta' politika usa'.

Għaldaqstant, intervent iseħħ biss fejn il-benefiċċji globali jegħlbu l-ispejjeż globali.

- Approċċi komuni għad-deżinjazzjoni

Li jinsab l-aktar mekkaniżmu xieraq biex jiġu ddeżinjati fornituri ta' servizz universali jista' jgħin biex jiġu mminimizzati d-distorsjonijiet tas-suq u tiżdied l-effiċjenza. Rekwiżiti ta' kopertura territorjali stabbiliti fil-bidu nett tal-proċess ta' deżinjazzjoni jistgħu jillimitaw iżżejjed l-għadd ta' impriżi eliġibbli. Bl-istess mod, mekkaniżmu ta' deżinjazzjoni li jippermetti lill-Istati Membri li jqisu l-alternattivi tekniċi kollha għall-forniment ta' servizz universali x'aktarx jipproduċi l-eżitu l-aktar kosteffikaċi.

Perjodu ta' deżinjazzjoni twil iżżejjed jew mhux definit jista' a priori jeskludi operaturi oħra milli jiġu ddeżinjati[32]. Pereżempju t-trasparenza u n-nuqqas ta' diskriminazzjoni jistgħu jiġu promossi permezz ta' perjodi limitati ta' żmien għal deżinjazzjonijiet USO (kif jiġri pereżempju fil-Greċja u fil-Portugall). Evalwazzjoni bir-reqqa tal-alternattivi potenzjali (inklużi t-tekonoloġiji kollha disponibbli) u l-impatti tagħhom se jgħinu fl-identifikazzjoni tal-aktar mezzi effiċjenti ta' kif jiġi pprovdut servizz universali, li tista' twassal għal deżinjazzjoni aktar frekwenti tal-operaturi alternattivi (kif jigri pereżempju fl-Estonja), jew id-deżinjazzjoni ta' aktar minn impriża waħda (kif jiġri pereżempju fir-Repubblika Ċeka u fi Franza). Sabiex tiġi evitata diskriminazzjoni, id-deżinjazzjoni tista' tkun iddisinjata b'tali mod li ma ddumx aktar milli meħtieġ biex jiġu rkuprati l-ispejjeż ta' investiment rilevanti u ma tissuperax it-tul ta' żmien massimu (pereżempju 10 snin).

- Approċċi konsistenti għall-ikkalkular tal-ispiża netta tal-forniment ta' servizz universali

Sabiex tiġi żgurata l-kosteffiċjenza u kundizzjonijiet indaqs għall-operaturi madwar l-UE, l-approċċ segwit mill-awtoritajiet nazzjonali biex jiġu kkalkulati l-ispejjeż netti tal-forniment ta' servizz universali huwa ta' importanza ewlenija. L-effiċjenza tista' tiżdied billi jiġi stabbilit approċċ metodoloġiku għall-ikkalkular tal-ispiża netta tal-USO qabel kwalunkwe proċess ta' deżinjazzjoni, u permezz ta' konsultazzjoni pubblika dwar dan. Li jsir kalkolu tal-ispiża netta speċifika għal kull impriża ddeżinjata ikun qed jiżgura wkoll it-trasparenza u l-preċiżjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat elementi speċifiċi li għandhom jitiqesu meta jiġu evalwati l-benefiċċji intanġibbli li joħorġu mill-USO. Għandhom jiġu stabbiliti skont l-ikkalkular użat għal evalwazzjonijiet kummerċjali, u jinkludu pereżempju: ubikwità, effett taċ-ċiklu tal-ħajja, benefiċċji ta' kummerċjalizzazzjoni/bejgħ/reklamar, marka kummerċjali, lealtà u rikonoxximent/reputazzjoni tal-korporazzjoni, benefiċċji mill-forniment ta' servizzi oħra fuq bażi kummerċjali, aċċess għal dejta tal-abbonat, u benefiċċji ta' informazzjoni, tekniċi u kummerċjali mit-twessigħ tan-netwerk. Huwa importanti wkoll li jiġu ċċarati l-prinċipji li għandhom jiġu applikati mill-awtoritajiet nazzjonali meta jivvalutaw jekk l-USO jistax jikkostitwixxi piż inġust[33] fuq il-fornitur. F'dan ir-rigward, l-NRAs għandhom jeżaminaw il-karatteristiċi rilevanti kollha partikolari għal kull impriża ddeżinjata, bħal karatteristiċi tekniċi u ekonomiċi tat-tagħmir li tuża għall-forniment tas-servizz universali, is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tagħha, u s-sehem tas-suq tagħha[34].

- Finanzjament

Kwalunkwe mekkaniżmu ta' finanzjament settorjali għal servizz universali għandu jkunu trasparenti, oġġettiv u mhux diskriminatorju, u jipprova jimminimizza d-distorsjoni għall-kompetizzjoni u d-domanda tal-utent[35].

Li tintuża tassazzjoni ġenerali biex jiġi ffinanzjat l-USO tista' tidher bħala li tikkawża anqas distorsjoni mill-finanzjament settorjali peress li tirrefletti b'mod aktar preċiż in-natura ġenerali tal-benefiċċji ekonomiċi u soċjali li jirriżultaw u l-ħila tal-konsumaturi li jħallsu. Fil-Finlandja, l-Isvezja u r-Repubblika Ċeka, il-kopertura ta' dawn l-ispejjeż hija prevista li ssir minn finanzjament pubbliku waħdu, filwaqt li Malta u l-Portugall jippermettu taħlita ta' finanzjament pubbliku u settorjali.

Fid-dawl tal-ispejjeż potenzjal ta' USO estiż għal konnessjonijiet broadband, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw, kif inhu l-każ bħalissa f'ċerti pajjiżi, taħlita xierqa ta' finanzjament pubbliku u speċifiku għas-settur biex jiġi ffinanzjat il-forniment ta' servizz universali. [36]

Jistgħu jistabbilixxu wkoll limiti fuq il-kontributi mill-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet għal fond ta' kumpens settorjali.

Tali limiti jistgħu jieħdu żewġ forom. L-ewwel, kif stipulat fl-Artikolu 13(3) tal-USD, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jesiġux kontribuzzjoni minn impriżi li l-fatturat nazzjonali tagħhom huwa inqas minn limitu stabbilit (limitu de minimis ). Għadd ta' Stati Membri diġà jagħmlu użu minn din id-dispożizzjoni. Limitu de minimis komuni jista' jiġi applikat b'referenza għad-dħul tal-operaturi kkonċernati. Dan jista' jkun ammont monetarju fiss (pereżempju EUR 5 miljun) jew perċentwali tal-fatturat nazzjonali tas-settur kollu kemm hu.

It-tieni, sabiex jiġi rispettat il-prinċipju ta' proporzjonalità espliċitament imsemmi fl-Artikolu 13(3) tal-USD u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva Nru 2002/77/KE, għadd ta' Stati Membri qiesu bħala xieraq l-istabbiliment ta' limitu fuq kontributi individwali tal-operaturi. Limitu komuni massimu jista' jiġi stabbilit fuq il-kontributi individwali, bil-bilanċ tal-ispiża netta tkun iffinanzjata mill-fondi pubbliċi. Dan il-limitu jista' jiġi espress bħala perċentwali tal-fatturat annwali nazzjonali tal-operaturi mill-forniment ta' netwerks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi. Il-perċentwali tista' tkun f'parametri speċifiċi (pereżempju minn 0,40 sa 0,65 % tal-fatturat annwali) biex jiġu riflessi l-ispejjeż antiċipati tal-forniment USO, inkluż il-broadband, minn operatur effiċjenti, iżda ma għandhiex tissupera l-ispejjeż netti attwali ta' forniment USO f'pajjiż partikolari. Fil-leġiżlazzjoni ta' għadd ta' Stati Membri diġà hemm previst limitu massimu fuq kontributi individwali, stabbiliti b'referenza għad-dħul gross jew nett.

- Miżuri għal utenti aħħarin b'diżabbiltajiet

Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet imsaħħa fil-USD riveduta relatati mal-utenti aħħarin b'diżabbiltà, l-Istati Membri jistgħu jinkoraġġixxu wkoll li jitqiesu l-ħtiġijiet ta' tali utenti fl-iddisinjar tal-USO nazzjonali tagħhom, skont il-prinċipju li tiġi żgurata ekwivalenza tal-aċċess.

KONKLUżJONIJIET

Il-Kummissjoni bħalissa ma tarax il-ħtieġa li jinbidlu l-kunċett bażiku u l-prinċipji tas-servizz universali bħala strument għall-prevenzjoni tal-esklużjoni soċjali. F'dan l-istadju, ma jkunx xieraq li tiġi inkluża l-mobbiltà jew awtorizzat il-broadband b'rata speċifika tad-dejta fuq livell tal-UE.

Il-Pakkett tat-Telekomunikazzjonijiet tal-2009 jagħti lill-Istati Membri l-flessibbiltà, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, li jiddefinixxu r-rata ta' dejta xierqa għall-konnessjonijiet tan-netwerk li jipprovdu "aċċess funzjonali għall-internet" fid-dawl tal-kundizzjonijiet nazzjonali. Aċċess għall-broadband bażiku jista' għaldaqstant ikun parti mill-USO fuq livell nazzjonali f'każijiet ġustifikati partikolarment fejn il-forzi tas-suq u għodda oħra ta' politika u strumenti ta' finanzjament ma wasslux għal kopertura universali tal-broadband. Biex jiġu mminimizzati d-distorsjonijiet tas-suq, l-Istati Membri għandhom iqisu bis-sħiħ l-għodda ta' intervent pubbliku għajr l-USO sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-broadband. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, iżda mhux l-obbligu, li jinkludu aċċess għal konnessjonijiet tal-broadband fil-kamp ta' applikazzjoni tal-USO nazzjonali.

Madankollu, hemm riskju li approċċi nazzjonali diverġenti għall-implimentazzjoni fl-ambjent tal-broadband jistgħu jwasslu għal distorsjoni fis-swieq u jitfgħu piż mhux raġonevoli fuq is-settur.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li jkun siewi li jiġi segwit approċċ komuni fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-USD fil-kuntest tal-broadband. Dan se jagħmel l-arranġamenti USO aktar effiċjenti u jagħti spinta lill-prevedibbiltà regolatorja għas-settur, sabiex l-investiment u l-kompetizzjoni fis-Suq Diġitali Uniku jaħdmu għall-benefiċċju tal-innovazzjoni, l-għażla tal-konsumatur u l-affordabbiltà tal-prezz. Il-Kummissjoni se tagħmel diskussjonijiet mal-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u partijiet interessati oħra fid-dawl ta' din il-Komunikazzjoni.

Abbażi ta' analiżi tal-alternattivi differenti, il-Kummissjoni se tressaq proposti fl-ewwel kwart tal-2012 sabiex tiżgura li s-siti tas-settur pubbliku u s-siti li jipprovdu servizzi bażiċi liċ-ċittadini huma kompletament aċċessibbli għall-utenti b'diżabbiltà sal-2015.

L-importanza tal-aċċess għall-broadband għaċ-ċittadini Ewropej hija mistennija li tkompli tikber. Filwaqt li l-inklużjoni tiegħu minn issa fil-USO fuq livell tal-UE tista' tkun prematura, il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-iżviluppi tas-suq tal-broadband, inklużi dawk fil-kuntest soċjali tagħhom. Se tqis dawn l-iżviluppi meta terġa' tirrevedi l-kamp ta' applikazzjoni tas-servizz universali.

[1] COM(2008) 572.

[2] ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51.

[3] SEC(2011)1398.

[4] Fil-Latvja, l-istabbiliment ta' fond settorjali ġie pospost sal-1 ta' Ġunju 2013 u sadattant il-kumpens jiġi pprovdut minn finanzjament pubbliku.

[5] Premessa 8 tal-USD

[6] Premessa 5 tad-Direttiva dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini (the Citizens’ Rights Directive – CRD), ĠU L 337, 18.12.2009, p. 11.

[7] Riżoluzzjoni (P7_TA(2011)0306): http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P7-TA-2011-0306+0+DOC+XML+V0//MT.

[8] Il-kontribuzzjonijiet huma ppubblikati fis-sit: http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/library/public_consult.

[9] COM (2010) 245.

[10] COM (2010) 472.

[11] ĠU L 251, 25.9.2010, p. 35.

[12] COM (2010) 471.

[13] ĠU C 235, 30.9.2009, p. 7. Taħt dan l-istrument, sal-aħħar ta' Ottubru 2011 ġew awtorizzati kważi EUR 3,5 biljun f'għajnuna għal proġetti favur broadband kompetittiv.

[14] COM (2011) 500.

[15] Ara wkoll il-Green Paper dwar l-Awdjoviżjoni: COM (2011) 427.

[16] " Impact of EU Policy options for revision of the universal service provision ", Van Dijk Management Consultants et al., Ottubru 2010; http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/library/ext_studies/index_en.htm.

[17] Ibbażat fuq taħlita ta' teknoloġiji bil-wajers u mingħajrhom.

[18] L-istima tal-istudju hija bbażata fuq fatturat annwali tat-telekomunikazzjonijiet ta' EUR 394 biljun. Fir-rigward tal-fatturat attwali tal-UE-27 fl-2009 (EUR 332 biljun), iddokumentat fit-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Aġenda Diġitali għall-2011, l-ispejjeż netti annwali jkunu jammontaw għal madwar 0,81 % tad-dħul tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet fl-2009.

[19] Spejjeż USO totali f'dawn l-Istati Membri ivarjaw bejn EUR 0,5 miljun u EUR 70 miljun.

[20] COM(2005)203; COM(2006)163; ara wkoll in-nota tal-qiegħ 1.

[21] Minħabba l-kopertura estiża tiegħu, il-marka tad-DSL tista' tintuża bħala indikatur raġonevoli biex tiġi mmonitorjata l-kopertura tal-broadband fiss. Madankollu, teknoloġiji fissi oħra jistgħu wkoll jipprovdu konnettività tal-broadband.

[22] Dawn iċ-ċifri għall-penetrazzjoni tal-broadband fl-unitajiet domestiċi, ibbażati fuq l-Istħarriġ Eurostat dwar l-ICT fid-djar jinkludu unitajiet domestiċi b'mill-inqas membru bl-età bejn 16 u 74 (http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/scoreboard/library/index_en.htm).

[23] Dejta għall-2010 għar-Renju Unit mhijiex disponibbli; iċ-ċifra għall-2009 għar-Renju Unit kienet ta' 69.5 %.

[24] Eurobarometer Speċjali 362: http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/scoreboard/docs/pillar/studies/eb_ecomm/final_reports/reporteb751sp362infsoecommunications_en_final.pdf.

[25] COM (2005) 203.

[26] "Report on Telecoms Price Developments from 1998 to 2010", Teligen, Strategy Analytics Ltd, Diċembru 2010.

[27] www.eaccessibility-monitoring.eu; proġett pilota kurrenti tal-KE Reach112 dwar alternattivi aċċessibbli għat-telefonija tradizzjonali bil-vuċi (www.reach112.eu).

[28] Ara n-nota tal-qiegħ 7.

[29] Ara d-dokument interpretattiv (COCOM10-31) ippreżentat mis-servizzi tal-Kummissjoni lill-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet.

[30] Artikolu 15, Anness V u premessa 25 USD

[31] Skont l-istudju (nota tal-qiegħ 16), illum, fil-medja, aktar minn 80 % tal-abbonati ta' broadband fiss tal-UE għandhom veloċitajiet broadband li jaqbżu iż-2 Mbps.

[32] C-154/09 Kummissjoni v Portugall

[33] Skont l-Artikolu 12 USD.

[34] C-222/08 il-Kummissjoni v il-Belġu, C-389/08 Base NV u oħrajn v Ministerraad

[35] Ara l-Artikolu 13(3) USD u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2002/77/KE

[36] Fi kwalunkwe każ, il-finanzjament tal-USO għandu jkun skont ir-regoli li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat.