1. Daħla "Ewropa Kreattiva", il-programm qafas i-ġdid għas-setturi kulturali u kreattivi (CCS) għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) 2014-2020[1], se jgħaqqad il-programmi Culture, MEDIA u MEDIA Mundus attwali taħta qafas komuni u joħloq Faċilità kompletament ġdida biex itejjeb l-aċċess għall-finanzi. Permezz ta' mira speċifika għall-bżonnijiet tas-setturi kulturali u kreattivi bil-għan li joperaw lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, u b'rabta qawwija mal-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika, il-programm se jikkumplimenta programmi oħra tal-Unjoni Ewropea (UE) bħall-appoġġ tal-fondi strutturali għall-investiment fis-setturi kulturali u kreattivi, ir-restawr tal-wirt storiku, l-infrastruttura u s-servizzi kulturali, il-fondi tad-diġitizzazzjoni għall-wirt kulturali u t-tkabbir u l-istrumenti tar-relazzjonijiet esterni. L-Istati Membri jappoġġaw bosta inizjattivi kulturali li ħafna minnhom jaqgħu taħt regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Għall-MFF tal-2014-2020, il-Kummissjoni tipproponi żieda sinifikanti fil-baġit għas-setturi kulturali u kreattivi, total ta' EUR 1 801 biljun (prezzijiet attwali), żieda ta' 37 % fuq il-livelli attwali tan-nefqa. Din iż-żieda hija konformi għal kollox mar-raġunijiet u l-prijoritajiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin tagħha minħabba li l-investiment fis-setturi kulturali u kreattivi jikkontribwixxi b'mod dirett għall-għan tal-Istrateġija li tippromwovi tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. Fl-2008, is-setturi kulturali u kreattivi kkontribwixxew għal madwar 4,5 % tal-PDG tal-UE, u impjegaw madwar 3,8 % tal-forza tax-xogħol tal-Ewropa[2]. Lil hinn minn din il-kontribuzzjoni diretta għall-impjiegi u t-tkabbir , dawn is-setturi joħolqu effetti indiretti f'oqsma oħra bħat-turiżmu, il-forniment tal-kontenut għall-ICT[3] u tipprovdi benefiċċji għall-edukazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-innovazzjoni soċjali. Għaldaqstant dawn huma prtikolarment importanti minħabba li l-Ewropa qed tfittex li toħroġ mill-kriżi ekonomika attwali. Madankollu, minkejja rati ta' tkabbi li huma ogħla mill-medja f'ħafna pajjiżi f'dawn l-aħħar snin, dawn is-setturi qed jaffaċċjaw sfidi u diffikultajiet partikolari. Jekk dawn għandhom jiħlqu l-potenzjal tagħhom għal aktar tkabbir, huwa meħtieġ approċċ strateġiku koerenti biex jindirizza tali limitazzjonijiet u jistabbilixxi dawk li huma l-aktar kapaċi: dan huwa l-għan prinċipali tal-proposta tal-Ewropa Kreattiva. Il-Programm il-ġdid se jkun portal sempliċi, rikonoxxibbli u faċilment aċċessibbli għall-professjonisti kulturali u kreattivi Ewropej, irrispettivament mid-dixxiplina artistika tagħhom u se joffri kamp ta' applikazzjoni għall-attivitajiet ġewwa u barra l-UE. Fit-tħejjija tal-proposta, il-Kummissjoni kkonsultat b'mod wiesa' mal-partijiet interessati. Hija bbażat ukoll fuq l-evalwazzjonijiet interim tal-programmi attwali, u studji indipendenti. Barra minn hekk, hija tikkunsidra r-rispons għall-Green Paper tal-Kummissjoni "L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi"[4], kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet li saru minn esperti fil-kuntest tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni tal-kultura u djalogu strutturat mas-settur matul il-perjodu ta' bejn l-2008 u l-2010. 2. Nitgħallmu mill-programmi attwali, nilħqu l-ħtiġijiet futuri Sabiex jiżgura l-aqwa użu tal-baġit il-ġdid li hu akbar, il-programm il-ġdid jibni fuq il-bosta kisbiet tal-programmi attwali filwaqt li jindirizza l-iżvantaġġi ewlenin identifikati mill-evalwazzjonijiet jew permezz ta' esperjenza diretta ta' gestjoni tal-programm. Dan jipproponi wkoll li joħloq Faċilità kompletament ġdida biex itejjeb l-aċċess għas-setturi kulturali u kreattivi għall-finanzjament sabiex iwieġeb għal ħtieġa li ġiet identifikata b'mod qawwi kemm f'riċerki kif ukoll f'konsultazzjonijiet indipendenti. 3. Il-kisbiet tal-programmi attwali L-evalwazzjoni tal-programmi attwali tal-Unjoni Ewropea għas-setturi kulturali u kreattivi juru li dawn għenu biex jissaħħaħ is-settur u biex jippromwovu ċ-ċirkolazzjoni ta' professjonisti u xogħlijiet tal-arti, li jagħmlu kontribuzzjoni kbira għad-diversità kulturali u lingwistika. Fil-każ tal- Programm Culture , b'baġit żgħir b'medja annwali ta' EUR 57 miljun - l-ekwivalenti għall-baġits annwali ta' ħafna kumpaniji uniċi nazzjonali tad-djar/kumpaniji tal-opera[5] - in-nefqa tal-UE hija kosteffettiva ħafna. Dan jgħin eluf ta' artisti u professjonisti kulturali - madwar 20 000 kull sena - biex jiżviluppaw karrieri internazzjonali billi jtejbu l-ħiliet u l-għarfien tagħhom permezz ta' tagħlim informali fi gruppi, u permezz tal-ħolqien ta' mogħdijiet professjonali ġodda. Dan ipprovda l-possibilità lil eluf ta' organizzazzjonijiet - sew 'il fuq minn 1 000 organizzazzjoni kull sena - biex jaħdmu f'daqqa madwar il-fruntieri, jitgħallmu minn prattika tajba permezz ta' sħubiji ma' operaturi minn pajjiżi oħra. Dan ippermetta lill-operaturi biex jikkoproduċu, joħolqu netwerk u jiskopru opportunitajiet professjonali ġodda, u jagħmlu xogħolhom u d-dehra tagħhom aktar internazzjonali. Dan kellu effett pożittiv, strutturali fuq is-settur u l-kapaċità tiegħu biex jindirizza swieq usa'. Dan għen fl-iżvilupp ta' setturi u forom ta' arti, il-ħolqien ta' xogħlijiet u prestazzjonijiet ġodda, ippromwova aċċess u parteċipazzjoni, riċerka u edukazzjoni fil-qasam, kif ukoll tagħrif, pariri u appoġġ prattiku. Eluf ta' ħaddiema setgħu jiċċirkolaw, inkluż 500 xogħol letterarju tradott kull sena. L-appoġġ għall-programmi huwa meqjus bħala tikketta ta' kwalità għall-proġetti kulturali. Permezz tal-attivitajiet tal-proġetti, ħafna miljuni ta' ċittadini ġew milħuqa kemm direttament kif ukoll indirettament u gawdew xogħlijiet kulturali minn pajjiżi oħra. Il-Programm ikkontribwixxa wkoll għall-iżvilupp ta' bażi aħjar ta' evidenza għall-politika permezz ta' studji li wasslu għax-xogħol tal-MMK. Minħabba li l-proġetti huma kofinanzjati, ħafna minnhom b'rata massima ta' 50 %, il-Programm żied b'mod konsiderevoli l-ammont tal-investiment addizzjonali pubbliku u privat. Finalment, il-Kapitali Ewropej tal-Kultura, li jirċievu titlu tal-UE u finanzjament mill-Programm (EUR 1,5 miljun kull Kapitali), f'xi każijiet għandhom effet ta' żieda bi tmien darbiet fuq id-dħul iġġenerat, li qanqal bejn EUR 15 u EUR 100 miljun f'investiment fil-programmi operazzjonali tagħhom u serva bħala katalist għal investiment kapitali addizzjonali. Dawn laħqu tipikament miljuni ta' nies, involvew mijiet bħala voluntiera u ħallew wirt għal medda ta' żmien twil għall-ibliet f'termini ta' ħiliet aħjar, kapaċità u enerġija kulturali, infrastruttura u dehra. Rigward il- Programmi MEDIA , b'baġit annwali relattivament żgħir ta' madwar EUR 100 miljun f'suq li jiswa 1 000 darba aktar, MEDIA pproduċa riżultati sinifikanti grazzi għal azzjonijiet iffukati li jottimizzaw il-proporzjon bejn in-nefqa u l-benefiċċju u żieda tal-programm. L-azzjonijiet iffukaw fuq attivitajiet b'impatt pożittiv fuq il-kompetittività tal-UE u fuq il-ħtiġijiet li mhumiex indirizzati fuq livell nazzjonali, bħad-distribuzzjoni transnazzjonali. Bis-saħħa, tal-anqas parzjalment, għall-appoġġ MEDIA, il-proporzjon ta' films Ewropej fost il-films li ġew rilaxxati kollha għall-ewwel darba fit-teatri Ewropej żdied minn 36 % fl-1989 għal 54 % fl-2009. In-netwerk Europa Cinema, li jinkludi fih 'il fuq minn 2 000 skrin f'ħafna miċ-ċinema indipendenti madwar it-32 pajjiż, jirrappreżenta 20 % tal-iskrins kollha li fuqhom jintwerew films għall-ewwel darba fl-Ewropa, jipprovdi offerta wiesgħa u differenti ta' films, li permezz ta' hekk jippromwovi d-diversità kulturali f'475 belt. Il-programmazzjoni tagħhom ta' kwalità ġibdet 59 miljun daħla (kontra 30 miljun fis-sena 2000) li jirrappreżenta 5,6 % tat-total ta' dħul fl-Ewropa (2,8 % fl-2000). Il-proporzjon tal-box office li hu ġġenerat minn films Ewropej li mhumiex nazzjonali pprogrammati fin-netwerk laħaq 36 %, kontra medja ta' 7-8 % fl-Ewropa. Il-films Ewropej jammontaw għal 57 % tad-dħul tal-wirjiet ta' Europa Cinema, kontra medja Ewropea ta' 27,7 %. MEDIA jsaħħaħ il-kompetittività tas-settur permezz tal-bini ta' kapaċità bħat-taħriġ u l-iżvilupp li jgħin sabiex is-settur ikun aktar professjonali u jtejjeb il-kwalità tax-xogħlijiet. Madwar 1 800 professjonist (produtturi, distributuri, awturi tal-iskritti) huma mħarrġa kull sena, u dan jippermettihom jiksbu l-kwalifiki u l-ħiliet rilevanti u jibbenefikaw minn opportunitajiet transkonfinali ta' netwerking. L-appoġġ tal-iżvilupp jippermetti 400 proġett Ewropew ta' kwalità biex jidħol fis-suq kull sena. L-appoġġ għal portafoll ta' proġetti (katalgi ta' proġetti) meta mqabbel ma' appoġġ għal proġett purament uniku - jipprovdi solidità finanzjarja u perspettiva fuq medda ta' żmien itwal għall-kumpaniji tal-produzzjoni (spiss taħt SMEs żgħar sottokapitalizzati), b'effetti importanti ta' strutturar fuq l-industrija. L-appoġġ għal produtturi indipendenti biex jipproduċu ġeneru speċifiku ta' xogħlijiet awdjoviżivi bħal dokumentarji u animazzjonijiet għal distribuzzjoni internazzjonali tat-televiżjoni tat prova li hija kritika meta wieħed iqis il-ħtiġijiet speċifiċi f'dawn il-ġeneri. Attivitajiet ta' netwerking bħal fora ta' koproduzzjoni, swieq internazzjonali u inizjattivi ta' taħriġ irriżultaw f'żieda sinifikanti fil-koproduzzjonijiet transnazzjonali (minn 26 % tal-films Ewropej fl-1989 għal 34 % fl-2009). Dawn il-films għandhom potenzjal taċ-ċirkolazzjoni 2,3 darbiet aktar mill-films nazzjonali[6]. In-netwerks bħal EAVE, ACE, Cartoon, li nħolqu bl-appoġġ MEDIA, issa huma s-sinsla tal-industrija tal-ċinema Ewropea. Il-Fond ta' Garanzija tal-Produzzjoni MEDIA, li tnieda fl-2010, jiffaċilita l-aċċess għal sorsi privati ta' finanzjament unikament għal produtturi tal-films permezz ta' mekkaniżmu garantit li jinkoraġixxi lill-banek biex jagħtuhom krediti billi jaqsmu r-riskju mġarrab. B'baġit totali ta' EUR 8 miljun għal tul ta' erba' snin, huwa mistenni li jiġġenera 'l fuq minn EUR 100 miljun fi krediti tal-bank, bis-saħħa għall-effett ta' żieda tal-mekkaniżmu ta' garanzija. Il-Fond infetaħ għall-applikazzjonijiet f'Mejju 2011 u ġie aċċettat b'mod favorevoli mill-industrija tal-films u mill-banek, li rriżulta f'akta minn tużżana ta' garanziji b'valur ta' self ta' madwar EUR 15-il miljun f'10 Stati Membri differenti. Madankollu minkejja l-kisbiet tal-Programmi Culture u MEDIA, jeħtieġ li jsir aktar xogħol sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal kollu ta' dawn is-setturi, li qed jaffaċċjaw problemi simili ta' frammentazzjoni tas-suq, sfidi mill-globalizzazzjoni u l-bidla diġitali, nuqqas ta' dejta paragunabbli, u nuqqas ta' finanzjament privat. 4. Tagħlimiet miksuba għall-futur L-arkitettura tal-Programm il-ġdid tfasslet fuq il-kunsiderazzjoni tal-esperjenza tal-predeċessuri tiegħu. Programm Culture 2007-2013 Il-kisbiet ta' tagħlimiet mill-esperjenza attwali, l-objettivi proposti għall-Programm Qafas tal-futur se jiġu adattati għall-ħtiġijiet reali tal-promoturi tal-proġett, inkluż SMEs kulturali u kreattivi. Dawn se jippromwovu wkoll l-potenzjal tal-impjiegi u tat-tkabbir ta' dawn is-setturi, filwaqt li jkompli jkollhom rabta qawwija mal-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika. Fir-rigward tal-azzjonijiet differenti taħt il-programm, ġew introdotti bosta titjib u simplifikazzjonijiet. In-numru kbir ta' sejħiet u kategoriji, li jżidu l-kumplessità u jnaqqsu t-trasparenza, se jitnaqqas minn disgħa għal erbgħa. Azzjonijiet li huma nieqsa minn massa kritika, perspettiva fuq medda twila ta' żmien; jew li għandhom abbonamenti żejda minħabba d-disinn tagħhom se jitwaqqfu. Madankollu dawn il-miżuri l-ġodda fil-prinċipju se jkunu miftuħa għal operaturi li bħalissa huma indirizzati mil-linji li waqfu, suġġett għall-ksib tal-kundizzjonijiet u kriterji meħtieġa. Simplifikazzjoni oħra se jkun il-waqfien ta' għotjiet operazzjonali, li wrew li mhumiex orjentati biżżejjed mar-riżultat u kkumplikati għall-applikanti u l-benefiċjarji. L-azzjonijiet kollha tal-futur se jużaw l-għotjiet tal-proġett, li huwa aktar sempliċi u jrawwem approċċ fuq medda ta' żmien itwal. Rigward id-dimensjoni internazzjonali, is-sejħa annwali attwali b'fowkus fuq il-bidla tal-pajjiż se tiġi abbandunata għal ftuħ akbar tal-programm biex jaċċedi pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali, pajjiżi taż-żona tal-viċinat Ewropew u taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), u l-Programm se jkompli jkun miftuħ għal azzjonijiet ta' kooperazzjoni bilaterali u multilaterali fuq medda twila ta' żmien li huma mmirati lejn pajjiżi jew reġjuni magħżula fuq il-bażi ta' approprjazzjonijiet addizzjonali. Il-Programm MEDIA 2007 (2007-2013) u l-Programm MEDIA Mundus (2011-2013) Il-limitu tal-bidliet attwali għax-xenarju awdjoviżiv (b'mod partikolari d-diġitalizzazzjoni u l-globalizzazzjoni) jeħtieġ analiżi mill-qrib tal-mekkaniżmi attwali ta' appoġġ, sabiex jiżgura l-adattazzjoni tagħhom għall-kundizzjonijiet prevalenti (u wkoll sabiex jippermettihom jevolvu tul iż-żmien). Numru ta' opportunitajiet ta' simplifikazzjoni ġew identifikati kemm fuq livell strateġiku kif ukoll fuq dak operazzjonali. Dawn se jinkludi: fowkus fuq azzjonijiet ta' strutturar b'impatt massimu sistematiku; ħolqien ta' faċilità finanzjarja biex tissostitwixxi b'mod progressiv għotjiet diretti meta jkun possibbli; żieda fl-effett ta' ingranaġġ tal-fondi tal-UE; simplifikazzjoni tad-dimensjoni internazzjonali li qabel kienet koperta fil-Programm MEDIA Mundus separat fi ħdan il-bażi legali unika; approċċ ta' katina ta' valur trasversali li jappoġġa numru ta' proġetti ta' films b'potenzjal għoli ta' kummerċ u ċirkolazzjoni ("rebbieħa") fil-katina ta' valur, mit-taħriġ sad-distribuzzjoni; proġetti trasversali li jkopru bosta segmenti u operaturi tal-katina ta' valur; u appoġġ għal aġenti tal-bejgħ bi lħuq wiesa' tas-suq u approċċ globali għas-suq. Fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni reġjonali ta' MEDIA, l-aċċess għandu jiġi simplifikar u joffri l-possibilità biex wieħed jipparteċipa għaż-"żona akbar Ewropea tal-awdjoviżiv", jiġifieri, dawk kollha li jissieħbu, pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali, pajjiżi taż-żona tal-viċinat Ewropew u taż-ŻEE. Ċerti proġetti se jiftħu għal parteċipanti ta' pajjiżi terzi. Dawk il-pajjiżi jħallsu miżata li tirrifletti l-importanza tas-setturi awdjoviżivi rispettivi tagħhom, fuq l-eżempju tal-Isvizzera u l-Kroazja li saru membri ta' MEDIA 2007 riċentament. Faċilità Finanzjarja ġdida Problema serja li qed jaffaċċjaw is-setturi kulturali u kreattivi li teħtieġ li tiġi indirizzata, iżda ma tistax tiġi ttrattata permezz ta' għotjiet, hija d-diffikultà li jiltaqgħu magħha intrapriżi u organizzazzjonijiet kulturali u kreattivi żgħar meta jiġu biex jaċċessaw il-finanzi. Filwaqt li din hija problema għall-SMEs b'mod ġenerali, is-sitwazzjoni hija sinifikament aktar diffiċli għas-setturi kulturali u kreattivi għal ħames raġunijiet. L-ewwel, minħabba n-natura intanġibbli ta’ ħafna mill-assi tagħhom, bħad-drittijiet tal-awtur, li ġeneralment ma jiġux riflessi fil-kontijiet (għall-kuntrarju tal-privattivi). It-tieni, kontra prodotti oħra industrijali, il-prodotti CCS ġeneralment mhumiex magħmula bil-massa. Kull ktieb, opera, reċta teatrali u video game huma prototipi uniċi u l-kumpaniji għandhom tendenza li jkunu bbażati fuq il-proġett, filwaqt li l-investiment spiss jeħtieġ ikun fuq medda itwal biex isir profittabbli. It-tielet, il-prontezza "fl-investiment" fis-settur hija estremament baxxa, minħabba li l-intrapriżi kulturali u kreattivi spiss huma nieqsa minn ħiliet tan-negozju biex iqiegħdu fis-suq il-proġetti tagħhom għas-sitwazzjonijiet finanzjarji. Ir-raba', hemm problema marbuta mal-prontezza "tal-investitur" minħabba li l-istituzzjonijiet finanzjarji huma nieqsa mill-għarfien f'dawn is-setturi għall-parti tagħhom, spiss jonqsu milli jifhmu l-profili ta' riskju u mhumiex lesti li jinvestu biex jibnu l-esperjenza meħtieġa. Fl-aħħar, spiss hemm nuqqas ta' dejta disponibbli li tillimita l-possibilitajiet tal-SMEs fis-settur tagħhom biex iġibu finanzjament, minħabba li l-istituzzjonijiet finanzjarji spiss iserrħu fuq evidenza tal-istatistika fl-analiżi tagħhom tal-applikazzjonijiet għas-self. Għaldaqstant, intrapriżi żgħar sottokapitalizzati jsibuha diffiċli ħafna biex jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom u jikbru u jżommu l-kompetittività tagħhom. Huwa stmat li hemm nuqqas ta' finanzjament ta' madwar EUR 2,8 biljun sa EUR 4,8 biljun f'termini ta' self mill-bank għal dawn l-SMEs. Il-problema hija aktar serja f'xi Stati Membri milli f'oħrajn: esperjenza żviluppata sew fuq in-naħa tal-istituzzjonijiet finanzjarji tinsab biss f'numru limitat ta' pajjiżi. Għaldaqstant, il-programm se jistabbilixxi għall-ewwel darba Faċilità finanzjarja għas-setturi kulturali u kreattivi. Din se tikkumplimenta faċilitajiet oħra tal-UE taħt il-Fondi Strutturali jew il-Programm Kompetittività u Innovazzjoni, li għandhom approċċ trasversali u impatt limitat ħafna biex jestendu l-attivitajiet fis-setturi li l-intermedjarji (istituzzjonijiet finanzjarji) għandhom ftit attività, bħas-setturi kulturali u kreattivi. Din il-Faċilità se tipprovdi valur miżjud Ewropew u tippermetti netwerking u tagħlim fi gruppi importanti. Din se tfittex li tikseb impatt sistematiku billi żżid in-numru ta' istituzzjonijiet finanzjarji bl-esperjenza fis-setturi kulturali u kreattivi, twessa' l-firxa ġeografika tagħhom u tgħin biex iżżid b'mod sinifikanti l-investiment privat. Din se tfittex ukoll li tbiddel l-imġiba fost xi partijiet tas-settur billi tħeġġeġ bidla minn mentalità ta' għotjiet għal dik ta' self, issaħħaħ il-kompetittività tagħhom filwaqt li tnaqqas id-dipendenza fuq il-finanzjament pubbliku. 5. Azzjonijiet u prijoritajiet prinċipali tal-Programm Programm qafas uniku se jkun is-soluzzjoni l-aktar koerenti u kosteffettiva għall-appoġġ tas-setturi kulturali u finanzjarji u biex jgħin jippromwovi l-kontribuzzjoni importanti tagħhom fil-livell tal-UE. Dan joffri l-aqwa bażi biex l-attenzjoni tkun iffukata fuq l-isfidi li qegħdin jaffaċċjaw bħalissa dawn is-setturi u biex jimmira l-appoġġ tal-UE fuq dawk il-miżuri li jipprovdu valur miżjud tal-UE billi jgħinhom jottimizzaw il-potenzjal tagħhom għal tkabbir ekonomiku, ħolqien tal-impjiegi u inklużjoni soċjali. Se jkun hemm benefiċċji sinifikanti f'termini ta' skambju aktar faċli tal-għarfien u skambju tal-ideat dwar problemi komuni. F'termini ta' tmexxija, programm qafas uniku se jġib benefiċċji f'termini ta' titjib, simplifikazzjoni u kosteffiċjenza, grazzi għat-tagħqid ta' punti ta' tagħrif u kumitati, inqas programmi ta' ħidma. 6. L-arkitettura tal-Programm Ewropa Kreattiva It-tfassil tal-programm jirrikonoxxi l-kumplessità u l-eteroġenità tas-setturi kulturali u kreattivi, li jinkludu organizzazzjonijiet li huma finanzjati mis-settur pubbliku, organizzazzjonijiet mingħajr profitt kif ukoll intrapriżi kummerċjali. Barra minn hekk, il-bosta subsetturi għandhom katini ta' valur differenti ħafna. Pereżempju, f'ħafna mis-subsetturi kulturali, il-katini ta' valur huma aktar interkonnessi milli fl-industrija awdjoviżiva (l-eċċezzjoni ewlenija hija l-pubblikazzjonijiet u l-katina tal-bejgħ bl-imnut tal-kotba u l-produzzjoni tal-mużika popolari, id-distribuzzjoni u l-katina tal-bejgħ bl-imnut), minħabba li l-iżvilupp, il-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-bejgħ ta' xogħol u r-relazzjonijiet marbuta mal-konsumatur/udjenza normalment huma r-responsabilità tal-produttur tax-xogħol. Dan ifisser li s-sejħiet u l-azzjonijiet ġeneriċi għall-programm kollu mhux se jiġu adattati għall-ħtiġijiet tal-atturi differenti u se jonqsu miċ-ċarezza u f'xi każijiet se joħolqu saħansitra konfużjoni. Huwa għal din ir-raġuni li ntgħażlet l-alternattiva ta' programm qafas, li hu magħmul minn tliet Fili: - Fil Transettorjali innovattiv li jindirizza s-setturi kulturali u kreattivi kollha; - Fil Culture indirizzat għas-setturi kulturali u kreattivi; - Fil MEDIA indirizzat għas-settur awdjoviżiv. L-allokazzjoni indikattiva tal-baġit se tkun 15 % għall-Fil Transettorjali, 30 % għall-Fil Culture u 55 % għall-Fil MEDIA. Il-Fili Culture u MEDIA se jkunu s-suċċessuri tal-programmi Culture u MEDIA/MEDIA Mundus eżistenti. Il-Fil Transettorjali l-ġdid se jkollu żewġ partijiet. L-ewwel li jistabbilixxi Faċilità biex ittejjeb l-aċċesss għall-SMEs kulturali u kreattivi u organizzazzjonijiet għall-finanzjament billi tipprovdi protezzjoni fuq ir-riskju tal-kreditu lil intermedjarji finanzjarji li jibnu l-portafolli tas-self; se jappoġġa wkoll il-bini tal-kapaċità/esperjenza biex janalizza b'mod korretta r-riskji rilevanti, It-tieni parti ta' dan il-Fil se tinkludi miżuri għall-appoġġ ta': kooperazzjoni tal-politika transnazzjonali u skambji tal-esperjenza bejn dawk li jagħmlu l-politika u l-operaturi; approċċi ġodda għal mudelli ta' bini tal-udjenza u negozju; litteriżmu kulturali u tal-midja; u ġbir ta' dejta inkluża s-sħubija tal-Osservatorju Ewropew tal-Awdjoviżiv. Il-finanzjament se jiġi provdut ukolll għan-netwerk tad-Desks tal-Ewropa Kreattiva (dawk li kienu l-Punti ta' Kuntatt tal-Kulturau MEDIA Desks). Il-miżuri taħt din it-taqsima fil-maġġoranza tagħhom huma koperti mill-programmi Culture u MEDIA attwali, iżda meta wieħed iqis l-elementi trasversali, hemm benefiċċju - kemm f'termini ta' trasferiment tal-għarfien kif ukoll fl-effiċjenza amministrattiva - li għandhom jinkisbu minn approċċ trasversali konġunt. 7. L-impatt mistenni tal-programm L-impatt imfittex mill-programm se jkun li jsaħħaħ l-adattazzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi għall-globalizzazzjoni u l-bidla diġitali. B'mod ġenerali, aktar ma l-fowkus ikun immirat lejn ċirkolazzjoni transnazzjonali tax-xogħlijiet, dan għandu jwassal għal livell ogħla ta' ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet, aktar kummerċ fis-suq intern, aktar kummerċ internazzjonali u żieda fid-dħul għas-settur. Fil- Fil Culture , dan se jinkludi fowkus aktar ċar fuq il-bini tal-kapaċità u ċirkolazzjoni transnazzjonali, inklużi żjarat internazzjonali, pjattaformi Ewropej ġodda f'effett strutturali fuq skala kbira, u aktar pakketti strateġiċi ta' appoġġ għat-traduzzjoni litterarja għad-djar tal-pubblikazzjoni inkluż appoġġ promozzjonali. Il- Fil MEDIA se jżid ir-riżorsi għad-distribuzzjoni, inkluż aktar finanzjament u aktar fowkus fuqu għall-aġenti li jbiegħu biex jippermetti l-ħolqien ta' aġenti li jbiegħu aktar b'saħħithom b'poter akbar ta' xiri u bejgħ fis-suq internazzjonali. It-tisħiħ tal-appoġġ għal fondi ta' koproduzzjoni internazzjonali bbażati fl-Ewropa se jagħti spinta lill-koproduzzjoni bejn il-produtturi Ewropej u dawk li mhumiex Ewropej, ikabbar in-numru ta' xogħlijiet u jtejjeb il-kwalità tagħhom, u b'hekk jikkontribwixxi għal aktar ftuħ ta' swieq internazzjoanli. Żviluppaturi indipendenti tal-video games se jibbenefikaw minn swieq ġodda ta' tkabbir permezz ta' aċċess iffaċilitat għall-finanzjament. Ir-riżultat se jkun żieda fil-kompetittività tal-SMEs, żieda fid-dħul, sehem akbar fis-suq, u firxa akbar tal-udjenza. Kif ukoll żieda fil-kompetittività globali tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej u l-iskala tagħhom, il-Fili Culture u MEDIA se jtejbu l-offerta ta' kontenut disponibbli għall-konsumaturi, b'impatti pożittivi fuq id-diversità kulturali u kreattiva u l-identità kulturali Ewropea. Appoġġ ġdid dirett u ffukat għal miżuri ta' bini ta' udjenza huwa mistenni li jiġġenera udjenzi ġodda u b'hekk iżid id-domanda tal-konsumatur, għalkemm l-iskala ta' dan l-effett mhijiex ċara u teħtieġ approċċ fuq medda twila ta' żmien. Bl-ilħuq ta' gruppi soċjali li qabel kienu esklużi, dan jista' jkollu wkoll benefiċċji għall-koeżjoni soċjali. Il-benefiċċji ta' żieda fid-domanda jimxu permezz tal-katina ta' valur biex jistimulaw aktar ċirkolazzjoni ta' xogħlijiet, flussi ġodda ta' dħul u biex itejbu l-kompetittività tas-setturi. Permezz ta' titjib fl-aċċess għall-finanzjament għas-setturi kulturali u kreattivi permezz ta' investiment aħjar u prontezza tal-investitur, il-Faċilità finanzjarja l-ġdida se żżid il-kapaċità ta' dawn is-setturi biex tiġbed lejha l-finanzjament privat, it-tisħiħ tal-kapaċità finanzjarja tagħha u l-potenzjal kummerċjali tax-xogħlijiet, b'hekk issaħħaħ il-kompetittività tagħhom u tiftaħ opportunitajiet ġodda għat-tkabbir u x-xogħol. Din se tnaqqas ukoll id-dipendenza tal-SMEs fuq is-sussidji pubbliċi f'xi każijiet, filwaqt li tiftaħ flussi ġodda ta' dħul f'oħrajn. L-appoġġ għall- kooperazzjoni tal-politika transnazzjonali se jgħin biex ikabbar id-disponibilità ta' dejta paragunabbli li se tiffaċilita t-tfassil aktar effettiv tal-politika li hu bbażat fuq l-evidenza. Dan jista' jsaħħaħ l-ambjenti tal-politika nazzjonali għas-setturi kulturali u kreattivi u jikkontribwixxi għal bidla sistematika. Il-possibilità li jiġu ttestjati u mifruxa l-esperjenza u l-għarfien dwar mudelli ġodda tan-negozju se tikkontribwixxi għall-għajnuna lis-setturi biex jadattaw għall-bidla diġitali, iġibu xogħol ġdid u opportunitajiet ta' tkabbir. 8. Il-valur miżjud tal-UE L-intervent tal-UE għandu jkollu l-għan li jwassal impatt sistematiku u jappoġġa l-iżvilupp tal-politika. F'dan ir-rigward il-valur miżjud Ewropew għandu jikkonsisti: - mill-karattru transnazzjonali tal-attivitajiet tiegħu u l-impatt tar-riżultati tagħhom li se jikkumplimentaw il-programmi nazzjonali, internazzjonali u oħrajn tal-UE; - mill-ekonomiji ta’ skala u l-massa kritika li l-appoġġ tal-UE jista’ jrawwem, billi joħloq effett ta’ żieda fuq il-fondi addizzjonali; - mill-kooperazzjoni transnazzjonali li tista’ tistimula rispons aktar komprensiv, rapidu u effettiv għall-isfidi globali u jista' jkollha effetti sistematiċi fit-tul fuq is-settur; - mill-iżgurar ta’ kundizzjonijiet indaqs fis-setturi kulturali u kreattivi Ewropej billi jkunu kkunsidrati l-pajjiżi b’kapaċità baxxa tal-produzzjoni u/jew pajjiżi jew reġjuni b’żona ġeografika u lingwistika ristretta. - Aspetti prinċipali għall-implimentazzjoni tal-programm - Il-mod ta' tmexxija Il-maġġoranza vasta ta' għotjiet taħt il-Fili Culture u MEDIA se jkomplu jitmexxew permezz tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) permezz tas-sejħiet annwali għal proposti. Kif ikkonfermat minn bosta evalwazzjonijiet dan wera li huwa mod kosteffettiv tat-tmexxija għal proġetti transkonfinali. Netwerk ta' punti ta' tagħrif (il-Punti ta' Kuntatt tal-Kultura u l-MEDIA Desks attwali) se jkomplu jipprovdu tagħrif u parir dwar l-applikazzjoni taħt il-programm. Dawn mhux se jqassmu l-fondi mill-ġdid. Xi aspetti tal-programm se jitmexxew direttament mill-Kummissjoni, b'mod partikolari azzjonijiet speċjali, inklużi premjijiet, kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet internazzjali inkluż fondi internazzjonali ta' koproduzzjoni awdjoviżiva, u l-finanzjament għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura u t-Tikketta tal-Wirt Ewropew. It-tmexxija tal-Faċilità finanzjarja tas-settur kulturali u kreattiv se jiġu awtorizzati lil istituzzjoni finanzjarja ta' parti terza, x'aktarx il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) minħabba n-natura tal-esperjenza meħtieġa għat-tħaddim ta' din il-faċilità. 9. It-tqassim tal-baġit Il-kumitat tal-programm se jgħin fit-tħejjija tal-programm annwali dwar ix-xogħol. F'konformità mal-prassi attwali, wara konsultazzjoni tal-Kumitat, se jinħarġu aktar sejħiet dettaljati għall-proposti li jispeċifikaw il-kriterji preċiżi, ir-riżultati tanġibbli, pubbliku fil-mira, baġits ippjanati. 10. Is-simplifikazzjoni Diġà ġew introdotti numru konsiderevoli ta' simplifikazzjonijiet għat-tmexxija tal-programmi Culture u MEDIA attwali. Madankollu se jiġi introdott aktar titjib fl-Ewropa Kreattiva. Kif ġie stipulat qabel, in-numru ta' sejħiet għal proposti mmexxija mill-EACEA taħt il-Fil Culture se jitnaqqsu minn disgħa għal erbgħa. B'mod ġenerali se jsir aktar użu minn rati fissi, aktar deċiżjonijiet ta' għotjiet u ftehimiet qafas ta' sħubija, applikazzjonijiet elettroniċi u rappurtar għall-azzjonijiet kollha, u portal elettroniku biex inaqqas il-burokrazija għall-applikanti u l-benefiċċjarji. Miżura oħra sinifikanti ta' simplifikazzjoni se tkun it-tagħqid taż-żewġ netwerks ta' tagħrif biex jitgawdew l-ekonomiji ta' skala, aktar trasparenza għall-pubbliku billi jkollu punt ta' dħul tal-UE wieħed biss, u servizz bi kwalità aħjar. It-twaqqif ta' Kumitat uniku tal-Programm se jikkontribwixxi wkoll għal tmexxija aktar effettiva u sempliċi tal-programm, mhux biss permezz ta' tfaddil fin-nefqa tal-implimentazzjoni iżda wkoll permezz ta' riżultati aktar effettivi għal sinerġiji aktar b'saħħithom fost il-politiki u s-setturi rilevanti. Il-Faċilità finanzjarja se twassal għal użu mtejjeb tal-fondi tal-UE permezz taż-żieda finanzjarja li se tiġġenera u l-użu mill-ġdid tal-fondi tagħha ta' rotazzjoni, li se joffru aktar effiċjenza lill-Kummissjoni mill-għotjiet tradizzjonali għall-benefiċjarji. *** Tul it-tħejjija ta' din il-proposta għall-programm il-ġdid, il-Kummissjoni kkonsultat b'mod wiesa'. Din se tkompli tiltaqa' ma' dawn il-partijiet interessati, u fuq kollox mal-Istati Membru u l-Parlament Ewropew biex tmexxi 'l quddiem din il-viżjoni u l-istrateġija l-ġdida għas-setturi kulturali u kreattivi fl-Ewropa. [1] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, "Baġit għall-Ewropa 2020", COM(2011) 500 finali, 29.6.2011 [2] "Nibnu Ekonomija Diġitali: L-importanza li nsalvaw ix-xogħol fl-industriji kreattivi tal-UE", TERA Consultants, Marzu 2010. [3] Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-diġitilizzazzjoni u l-aċċessibilità onlajn tal-materjal kulturali u l-preservazzjoni diġitali, C(2011) 7579 finali, 27.10.2011 [4] Green Paper “L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi”, COM(2010) 183; Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, "Analiżi tal-konsultazzjoni mnedija permezz tal-Green Paper dwar "L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi", SEC(2011) 399 finali, 24.03.2011 [5] Bħala gwida, dawn il-EUR 57 miljun huma wkoll ħafna inqas mil-livell tal-finanzjament pubbliku nazzjonali tal-arti u l-kultura fil-UK, FR, DE (GBP 590 miljun, EUR 7,5 biljun, EUR 8,5 biljun rispettivament) [6] Sors: Osservatorju Ewropew Awdjoviżiv, 2008