52011DC0774

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL f'konformità mal-Artikolu 184(7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007dwar l-implimentazzjoni tal-miżura għall-promozzjoni tal-inbejjed fi swieq ta' pajjiżi terzi /* KUMM/2011/0774 finali */


WERREJ

1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 3

2........... Deskrizzjoni tal-miżura u l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni....................................... 3

2.1........ Kundizzjonijiet għal aċċess għall-miżura u l-azzjonijiet eliġibbli.......................................... 4

2.2........ Kompatibbiltà u koerenza ma’ miżuri oħra ta’ promozzjoni.............................................. 5

3........... Ipprogrammar u implimentazzjoni.................................................................................... 5

3.1........ Ipprogrammar................................................................................................................ 5

3.2........ Implimentazzjoni, proċeduri ta’ għażla għall-applikazzjonijiet............................................ 6

3.3........ Implimentazzjoni tal-baġit................................................................................................ 7

3.3.1..... Parteċipazzjoni tal-Unjoni u għajnuna supplimentari mill-Istat............................................ 7

3.3.2..... Implimentazzjoni fl-Istati Membri..................................................................................... 8

3.4........ Benefiċjarji................................................................................................................... 10

3.5........ Azzjonijiet imwettqa...................................................................................................... 10

3.6........ Swieq ewlenin ikkonċernati........................................................................................... 11

4........... Valutazzjoni u suġġerimenti mill-Istati Membri................................................................ 12

4.1.1..... Vantaġġi....................................................................................................................... 12

4.1.2..... Nuqqasijiet................................................................................................................... 13

4.1.3..... Suġġerimenti mill-Istati Membri..................................................................................... 13

5........... Konklużjoni.................................................................................................................. 14

1. Introduzzjoni

Ir-riforma tal-OKS tal-inbid adottata fl-2008[1] u inkorporata fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007[2] (minn hawn 'il quddiem ‘ir-Regolament dwar l-OKS Unika’) għandha l-għan li terġa' ġġib bilanċ fis-suq u żżid il-kompetittività tas-settur, waqt li tippreżerva r-reputazzjoni u l-kwalità tal-inbejjed tal-Unjoni. Miżuri tradizzjonali tas-suq bħad-distillazzjoni, l-għajnuna għall-użu tal-most u l-iskema tad-drittijiet għat-tħawwil qed jinqatgħu gradwalment u miżuri aktar strutturali qed jieħdu posthom (investiment, ristrutturar u konverżjoni tal-vinji) u miżura ġdida f’forma ta’ promozzjoni f’pajjiżi terzi. Dawn il-miżuri kollha jiġu implimentati permezz ta’ programmi nazzjonali ta’ appoġġ. Il-promozzjoni fis-swieq ta’ pajjiżi terzi hija waħda mill-miżuri ewlenin taħt din ir-riforma u l-għan prinċipali huwa li tiżdied il-kompetittività tal-inbejjed tal-Unjoni f’pajjiżi terzi.

Skont l-Artikolu 184(7) tar-Regolament dwar l-OKS Unika, dan ir-rapport jikkonċerna l-implimentazzjoni, matul l-ewwel sentejn tal-applikazzjoni tar-riforma, tal-miżura msemmija fl-Artikolu 103p ta’ dak ir-Regolament għall-promozzjoni tal-inbid fis-swieq tal-pajjiżi terzi. Huwa bbażat fuq is-sejbiet minn awditjar mwettaq f’xi Stati Membri u minn informazzjoni li ħarġet minnhom, partikolarment ir-rapporti tal-implimentazzjoni li, skont l-Artikolu 188a(6), jipprovdu analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-programmi nazzjonali u suġġerimenti dwar kif tiżdied l-effikaċja tagħhom.

Rapporti u evalwazzjonijiet addizzjonali mill-Istati Membri huma mistennija f’Marzu ta’ kull sena sal-2014, rigward partikolarment l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-programmi ta’ appoġġ, inkluża l-miżura tal-promozzjoni. Din l-informazzjoni ser tagħmel possibbli r-raffinar tal-analiżi tal-miżura.

2. Deskrizzjoni tal-miżura u l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni

Il-miżura għall-promozzjoni ta’ nbejjed fis-swieq ta’ pajjiżi terzi hija rregolata mill-Artikolu 103p tar-Regolament dwar l-OKS Unika u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni li jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 555/2008[3], partikularment l-Artikoli 2 sa 5 li jikkonċernaw speċifikament l-implimentazzjoni ta’ miżuri nazzjonali ta’ appoġġ, u, b’mod partikulari, il-miżura tal-promozzjoni, u l-Artikoli 35 sa 37a tal-Annessi I, II, IV, V, VI u VIII (rapporti, evalwazzjonijiet u dispożizzjonijiet ġenerali).

Fit-30 ta’ Ġunju 2008, l-Istati Membri ssottomettew l-ewwel programmi nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom, li jinkorporaw, fuq bażi volontarja, miżura eliġibbli waħda jew aktar elenkati fl-Artikolu 103m tar-Regolament dwar l-OKS Unika. Il-programmi jkopru perjodu ta’ ħames snins (2009-2013) u jistgħu jiġu mmodifikati darbtejn fis-sena (f’Marzu u Ġunju ta’ kull sena) biex jiġu adattati għall-iżviluppi fis-settur.

2.1. Kundizzjonijiet għal aċċess għall-miżura u l-azzjonijiet eliġibbli

Il-miżura tkopri l-promozzjoni jew l-għotja ta' informazzjoni f'pajjiżi terzi dwar inbejjed b'denominazzjoni protetta tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta jew inbejjed b’indikazzjoni ta’ varjetà ta’ għeneb tal-inbid (minn hawn 'il quddiem ‘inbejjed ta’ varjetà’).

Il-leġiżlazzjoni tipprovdi għal ħames kategoriji ta’ azzjoni, jiġifieri:

(A)    relazzjonijiet pubbliċi, azzjonijiet promozzjonali jew ta’ riklamar, partikularment li jenfasizzaw il-vantaġġi ta' prodotti mill-Unjoni, speċjalment f’termini ta’ kwalità, sikurezza tal-ikel jew ħarsien tal-ambjent;

(B)    parteċipazzjoni f’avvenimenti, fieri jew eżibizzjonijiet ta' importanza internazzjonali;

(C)    kampanji ta’ informazzjoni, partikularment dwar is-sistemi tal-Unjoni ta’ denominazzjonijiet tal-oriġini, indikazzjonijiiet ġeografiċi u produzzjoni organika;

(D)    studji dwar swieq ġodda, meħtieġa għall-espansjoni ta’ lokalitajiet ta’ swieq;

(E)     studji biex jiġu evalwati r-riżultati tal-azzjonijiet ta’ promozzjoni u ta’ informazzjoni.

Oriġinarjament, it-tul taż-żmien tal-miżura ma setax jaqbeż tliet snin għal benefiċjarju u suq speċifiċi Mill-2010 ’il quddiem[4], miżura għal benefiċjarju speċifiku tista’ tiġġedded għal massimu ta’ sentejn wara valutazzjoni tal-azzjonijiet imwettqa matul l-ewwel snin.

L-appoġġ mogħti mill-Unjoni ma jistax jaqbeż il-50 % tan-nefqa eliġibbli u jista’ jkun issupplimentat minn appoġġ nazzjonali. F’dawn il-każijiet, l-azzjoni għandha tkun konformi mar-regoli tal-għajuna mill-Istat.

Il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà huma spjegati fid-dettall fil-leġiżlazzjoni, iżda ta’ min jenfasizza l-kundizzjonijiet prinċipali, jiġifieri li:

-        il-prodotti koperti mill-miżura għandu jkollhom opportunitajiet għal esportazzjoni jew lokalitajiet ta’ swieq fil-pajjiżi terzi mmirati u jkollhom valur miżjud għoli;

-        il-benefiċjarji għandu jkollhom kapaċità u riżorsi biżżejjed biex jiffaċċjaw ir-restrizzjonijiet speċifiċi tan-negozju mal-pajjiżi terzi kkonċernati u biex jiżguraw li l-miżura hija implimentata bl-ikbar effikaċja possibbli;

-        il-benefiċjarji jistgħu jkunu kumpaniji privati kif ukoll organizzazzjoni professjonali, organizzazzjonijiet ta’ produtturi, organizzazzjonijiet interprofessjonali jew entitajiet pubbliċi (skont kif jiddeċiedi Stat Membru);

-        tingħata preferenza lil impriżi żgħar u ta’ daqs medju, u dawk mikro, skont it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE[5];

-        l-azzjonijiet magħżula huma dawk li jipprovdu l-aqwa valur għall-flus.

L-Istati Membri jimplimentaw il-proċeduri tal-għażla li jqisu l-kriterji regolatorji sabiex jagħżlu l-proġetti li joffru l-aqwa valur għall-flus. Partikularment matul l-istadju tal-eżami, jiżguraw li l-applikazzjonijiet huma konformi mal-kundizzjonijiet u jilħqu l-limiti taż-żmien statutorji.

Jistabbilixxu wkoll indikaturi għall-valutazzjoni tar-riżultati u l-impatt tal-miżura u jibagħtu regolarment lill-Kummissjoni dejta u rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri skont id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq tar-Regolament tal-implimentazzjoni.

2.2. Kompatibbiltà u koerenza ma’ miżuri oħra ta’ promozzjoni

Is-settur tal-inbid jista’ wkoll jagħmel użu minn miżuri ta’ promozzjoni taħt miżuri orizzonatali, inkluża l-promozzjoni ta’ prodotti agrikoli (ir-Regolament (KE) Nru 3/2008[6]) u l-iżvilupp rurali (ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005[7]). L-Istati Membru għandhom jiżguraw li miżuri ta’ promozzjoni ffinanzjati taħt l-OKS Unika huma kompatibbli ma’ dawk iffinanzjati minn skemi oħrajn u jevitaw kwalunkwe finanzjament doppju.

Id-differenzi prinċipali bejn il-miżura ta’ promozzjoni tal-OKS Unika u dawk koperti mir-Regolament (KE) Nru 3/2008 huma li:

-        kumpaniji privati jistgħu jirċievu appoġġ taħt l-OKS Unika;

-        is-swieq ta' pajjiżi terzi biss huma koperti taħt l-OKS Unika u mhux dawk tal-Istati Membri;

-        azzjonijiet li jikkonċernaw marki kummerċjali huma possibbli taħt l-OKS Unika iżda mhux taħt il-miżuri orizzontali ta' promozzjoni msemmija hawn fuq;

-        il-proċedura għall-għażla tal-applikazzjonijiet hija organizzata fil-livell nazzjonali taħt l-OKS unika, filwaqt li għall-miżuri orizzontali ta’ promozzjoni hemm għażla preliminari fil-livell nazzjonali u għażla finali mill-Kummissjoni.

3. Ipprogrammar u implimentazzjoni 3.1. Ipprogrammar

L-allokazzjoni tal-baġit għall-programmi nazzjonali hija EUR 5.2 biljun għall-perjodu 2009-2013 (ċifri aġġornati skont is-sena 2011) u, kif deċiż mill-Istati Membri, il-miżura ta’ promozzjoni tirrapreżenta 15.6 % ta' dan l-ammont, jiġifieri EUR 768 miljun[8].

Dan l-ammont baqa’ jiżdied matul il-perjodu kollu, minn EUR 35 miljun ta’ impenji għall-2009 għal total ippjanat ta’ EUR 265 miljun għall-2013. Ir-raġunijiet għaż-żieda progressiva jinkludu l-fatt li l-miżuri tas-suq bħad-distillazzjoni ta’ alkoħol tax-xorb, id-distillazzjoni ta’ kriżi u l-appoġġ għall-użu ta’ most konċentrat ser jiskadu fil-31 ta’ Lulju 2012, kif ukoll il-ħtieġa għas-settur li jadatta gradwalment għall-OKS tal-inbid il-ġdida (ara t-tabella ta’ hawn taħt).

3.2. Implimentazzjoni, proċeduri ta’ għażla għall-applikazzjonijiet

Bħal f’kull miżura taħt il-programmi ta’ appoġġ, kull Stat Membru implimenta l-miżura ta’ promozzjoni skont l-istruttura amministrattiva tiegħu stess. Fl-2009, l-Istati Membri bi struttura aktar reġjonali bħal Spanja, l-Italja u l-Ġermanja kellhom jadottaw dispożizzjoni ta’ implimentazzjoni reġjonali għall-miżura. Xi drabi dan ikkawża dewmien sa ċertu punt fl-implimentazzjoni tal-miżura matul l-ewwel sena, kif kien imsemmi minn dawk l-Istati Membri fir-rapport dwar l-implimentazzjoni.

Meta l-applikazzjonijiet ikunu qed jiġu eżaminati fil-livell tal-Istat Membru, id-dispożizzjonijiet li jitqiesu huma dawk tal-liġi tal-Unjoni[9] (eżempju l-impatt mistenni, il-valur miżjud, l-effikaċja tal-ispiża tal-proġett, il-kapaċità teknika u finanzjarja tal-proġett f’termini ta’ esportazzjoni, il-proġetti konġunti sottomessi minn diversi pajjiżi u s-suq immirat). Barra minn hekk, xi Stati Membri jeżiġu li l-applikanti jipprovdu, fost oħrajn, analiżi dettaljata strateġika u tal-kummerċjalizzazzjoni, it-tul taż-żmien tal-programm, il-pajjiżi mmirati, it-tip ta’ promozzjoni, l-għanijiet speċifiċi tal-proġett, deskrizzjoni dettaljata tal-azzjoni mwettqa, baġit bid-dettalji mogħtija għall kull partita u l-impatt mistenni (impatt stmat fuq iż-żieda fid-domanda għall-prodotti kkonċernati).

F’dak li jikkonċerna l-proċeduri għall-għażla tal-applikazzjonijiet, il-prijoritajiet għall-aċċess għall-miżura, il-kundizzjonijiet għall-pagamenti u l-organizzazzjoni ta’ verifiki jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor, skont l-istruttura amministrattiva ta’ kull wieħed u l-mod kif huwa organizzat is-settur tal-inbid tiegħu.

Sabiex jintagħżlu dawk il-proġetti li joffru l-aqwa valur għall-flus, l-Istati Membri jużaw sett ta’ kriterji stipulati mil-leġiżlazzjoni dwar is-settur tal-inbid. Il-kriterju ta’ ‘impriżi żgħar u ta’ daqs medju u dawk mikro’ ma jidhirx li huwa kriterju predominanti.

Bħala eżempju, fi Franza, fejn l-organizzazzjonijiet interprofessjonali, l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi u l-organizzazzjonijiet professjonali huma strutturati ferm, il-prijoritajiet tal-għażla jvarjaw skont jekk il-programmi humiex ippreżentati minn dawn l-organizzazzjonijiet jew minn kumpaniji privati.

Fl-Italja, 30 % tal-baġit allokat għall-miżuri ta’ promozzjoni huma amministrati fil-livell nazzjonali għal proġetti ppreżentati minn organizzazzjonijiet interprofessjonali, organizzazzjonijiet nazzjonali ta’ produtturi u organizzazzjonijiet professjonali, u impriżi jew impriżi konġunti li jirrapreżentaw il-produzzjoni f’diversi reġjuni. Is-70 % tal-baġit li jifdal huma amministrati fil-livell reġjonali għal proġetti ppreżentati speċifikament minn impriżi u impriżi konġunti li jirrapreżentaw il-produzzjoni fil-livell reġjonali jew saħansitra denominazzjoni protetta tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta unika.

Wieħed jista' wkoll jinnota li s-swieq immirati kkonċernati jirrapreżentaw fattur importanti fl-għażla tal-applikazzjonijiet. Xi Stati Membri jillimitaw is-swieq immirati, jew jipprijoritizzaw is-swieq skont il-karatteristiċi tagħhom (swieq ‘konsolidati’, ‘potenzjali’ u ‘emerġenti’ (ara l-punt 3.6)). Is-swieq immirati jvarjaw bejn l-Istati Membri, b’xi swieq jiġu kkunsidrati bħala ‘konsolidati’ għal xi Stati Membri u ‘emerġenti’ jew saħansitra totalment mhux sfruttati għal oħrajn. Fil-Ġermanja, pereżempju, il-kontribuzzjoni finanzjarja hija ta’ massimu ta’ 25 % tan-nefqa eliġibbli għal swieq li mhumiex irrakkommandati.

3.3. Implimentazzjoni tal-baġit

Matul l-ewwel sentejn tar-riforma, disa’ Stati Membri (FR, ES, IT, PT, EL, AT, SI, DE, RO) attwalment implimentaw il-miżura ta’ promozzjoni, għal total kumplessiv ta’ madwar EUR 35 miljun fl-2009 u EUR 87 miljun fl-2010, li jikkorrispondi għal 6.7 % tal-valur totali tal-allokazzjonijiet nazzjonali għall-istess perjodu.

3.3.1. Parteċipazzjoni tal-Unjoni u għajnuna supplimentari mill-Istat

Għal dawk l-Istati Membri kollha, l-għajnuna mill-Unjoni mogħtija fl-2009-2010 kienet 50 % tan-nefqa eliġibbli, skont ir-regoli li jistabbilixxu limitu massimu ta’ 50 %. L-eċċezzjoni kienet l-Italja, fejn iċ-ċifra kienet 47 % tan-nefqa eliġibbli minħabba l-fatt li, fl-2009, impriżi oħra li mhumiex żgħar u ta' daqs medju, u dawk li mhumiex mikro li għamlu promozzjoni tal-marki kummerċjali tagħhom irċivew finanzjament massimu mill-Unjoni ta’ 30 % tan-nefqa eliġibbli.

Matul l-istess perjodu ngħatat għajnuna supplimentari mill-Istat għajr fi Spanja u s-Slovenja. Din kienet tammonta għal EUR 5.9 miljun jew għal 2.4 % tas-sehem tal-Unjoni. Fl-Italja, l-għajnuna nazzjonali supplimentari ma tistax taqbeż l-20 % tan-nefqa eliġibbli u kienet tirrapreżentat 2.2 % tal-għajnuna li ngħatat mill-Unjoni lill-Italja. Fi Franza, huma biss żewġ proġetti li qed jitwettqu mill-Comité des interprofessions des vins à appellations d'origine li rċivew għajnuna nazzjonali supplimentari, li tammonta għal 25 % tan-nefqa eliġibbli. Fil-Portugall, l-għajnuna mill-Istat tikkorrispondi għal 5.2 % tan-nefqa eliġibbli.

3.3.2. Implimentazzjoni fl-Istati Membri

L-ammonti li ntefqu mit-tliet Stati Membri prinċipali li jipproduċu u jesportaw l-inbid fl-Unjoni (FR, ES, IT) kienu jikkontribwixxu għal madwar 87 % tal-implimentazzjoni tal-baġit għall-2009 u l-2010 (ara l-grafika ta’ hawn taħt).

B’mod ġenerali, l-Istati Membri naqqsu l-istimi tagħhom għall-miżura ta’ promozzjoni b’mod sinifikanti, ħlief l-Awstrija u l-Greċja. Il-Bulgarija reġgħet allokat il-baġit ippjanat inizjalment għall-miżura ta' promozzjoni għall-miżuri ta' ristrutturar u konverżjoni (ara t-tabella ta' hawn taħt).

Il-fatt li bosta Stati Membri reġgħu allokaw fondi għal miżuri oħrajn taħt il-programm ta' għajnuna huwa konsegwenza ta':

-        il-ħtieġa ta’ appoġġ għal miżuri oħra.

Franza nnotat, b’mod partikulari, il-kriżi ekonomika fl-2008 u l-2009 u l-waqgħa fil-konsum tal-inbid fid-dinja kollha, li apparentement laqtet l-iktar l-inbejjed Franċiżi ‘ta’ prezz għoli’, u l-ħtieġa li jerġgħu jiġu allokati fondi għall-miżura ta’ investiment u miżuri oħrajn b’effett iktar ta’ ġid fuq is-suq intern.

-        diffikultajiet amministrattivi fl-implimentazzjoni ta’ din il-miżura ġdida (fil-livell tal-Istat Membru u l-pajjiżi terzi kkonċernati).

Il-Ġermanja tidher li kellha l-ikbar diffikultajiet amministrattivi minħabba s-separazzjoni tal-poteri bejn l-amministrazzjoni federali u l-amministrazzjonijiet tal-istati federali. Fil-Ġermanja, żewġ proġetti ġew iffinanzjati fil-livell federali u proġett wieħed biss mill-istat federali, Rhineland Palatinate.

L-Istati Membri semmew ukoll fatturi oħra li jistgħu jispjegaw din ir-rata baxxa ta' implimentazzjoni, bħall-kriżi ekonomika u d-diffikultà għal aċċess għal kreditu li jikkofinanzja l-miżura li ltaqgħu magħha bosta impriżi, speċjalment dawk żgħar u ta' daqs medju u dawk mikro. L-Awstrija u Ċipru kkumentaw ukoll li ħsad fqir seta’ kellu wkoll impatt negattiv fuq il-previżjonijiet.

3.4. Benefiċjarji

Fl-2009-2010, 672 benefiċjarju pparteċipaw fil-miżura ta’ promozzjoni (ara t-tabella ta’ hawn taħt). Ta’ min wieħed jinnota li l-maġġoranza ta’ benefiċjarji pparteċipaw f’bosta proġetti, li jistgħu jkopru waħda mill-azzjonijiet jew aktar u jimmiraw bosta swieq.

Ma kien hemm l-ebda proġett sottomess bejn benefiċjarji minn Stati Membri differenti.

Il-kategoriji kollha ta’ benefiċjarji eliġibbli huma rrapreżentati (ara l-grafika ta’ hawn taħt). Huwa evidenti li, f’xi Stati Membri fejn l-organizzazzjonijiet interprofessjonali, l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi u l-organizzazzjonijiet professjonali għandhom rappreżentanza iktar għolja, in-nefqa medja għal kull proġett hija ogħla u hemm varjazzjoni akbar bejn proġetti kbar u dawk żgħar. In-nefqa medja tal-Unjoni għal kull benefiċjarju kienet EUR 182 120.

Fl-Italja, fejn il-medja għal kull benefiċjarju kienet EUR 336 832, il-ħolqien ta’ impriżi konġunti li l-għan ewlieni tagħhom kien li jwettqu azzjonijiet konġunti ta’ promozzjoni għen sa ċertu punt biex ingħelbu d-diffikultajiet ġejjin mid-daqs relattivament żgħir tal-impriżi.

Fi Franza, livell medju ogħla fin-nefqa għal kull benefiċjarju (EUR 462 382) jista’ jiġi spjegat mil-livell għoli ta’ parteċipazzjoni minn organizzazzjonijiet interprofessjonali, organizzazzjonijiet ta’ produtturi u organizzazzjonijiet professjonali, li kien jirrapreżenta 67 % tal-baġit mogħti mill-Unjoni (eżempju l-Comité national des interprofessions fuq is-suq tal-Istati Uniti u dak Svizzeru). Dan ippermetta titjib fl-għarfien tal-operaturi u l-ħolqien ta’ sinerġiji ma’ atturi oħrajn. Għandu jiġi nnotat li l-impriżi kellhom 3 % tal-baġit implimentat fl-2009 u 53 % fl-2010, b’medja ta’ 33 %.

Fi Spanja, fejn in-nefqa medja għal kull benefiċjarju kienet EUR 107 663, il-maġġoranza tal-proġetti kienu sottomessi minn impriżi u kooperattivi ta’ produtturi. Jista’ jiġi nnotat ukoll, li fi Spanja, bosta benefiċjarji ppreżentaw diversi proġetti għal swieq immirati differenti.

3.5. Azzjonijiet imwettqa

Twettqu 2 781 azzjoni matul l-2009-2010.

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet imsemmija fil-punt 2.1, li huma ta’ diversi forom (ara t-tabella hawn taħt), kien hemm medja ta’ 1.7 azzjoni għal kull proġett, b’maġġoranza sinifikanti ta’ proġetti li jiffokaw primarjament fuq azzjoni (A). Din l-azzjoni titwettaq prattikament fuq is-swieq immirati kollha (70-90 % tan-nefqa) u xi kull tant hija ssupplimentata minn azzjonijiet (B) u (C), li l-ammonti mħallsa għalihom huma sinifikament iktar baxxi (5-20 % tan-nefqa).

Azzjoni (cf. 2.1.) || Deskrizzjoni

(A) Relazzjonijiet pubbliċi, immirati b'mod partikulari għal xerrejja, ġurnalisti, dawk li jservu l-inbid(sommeliers), edukaturi fl-inbid, bejjiegħa tal-inbid, eċċ, missjonijiet kummerċjali, relazzjonijiet mal-istampa, pubbliċità fil-midja u riklami, dewqan tal-inbid, preżentazzjonijiet tal-prodott, stampar ta' fuljetti u materjal ieħor, ħolqien ta’ siti tal-internet iddedikati għall-esportazzjoni, spejjeż ta’ ħolqien u żvilupp ta’ marki kummerċjali, attivitajiet ta’ promozzjoni fil-punt tal-bejgħ, ogranizzazzjoni ta’ avvenimenti (laqgħat ma' distributuri, komunikazzjoni, gruppi ta’ ħidma).

(B) Avvenimenti ta’ promozzjoni f’pajjiżi terzi, bħal fieri, avvenimenti fit-toroq, ċeni, seminars u dewqan tal-inbid organizzati għal gruppi mmirati differenti (ġurnalisti, rappreżentanti tas-settur tad-distribuzzjoni, importaturi u konsumaturi).

(C) Għoti ta’ informazzjoni dwar sistemi ta’ produzzjoni u speċifikazzjonijiet ta’ prodotti: laqgħat ma’ dawk li jaffettwaw l-opinjonijiet u ġurnalisti, seminars, dewqan tal-inbid.

(D) Studji dwar is-swieq, rapporti dwar il-kummerċjalizzazzjoni minn esperti u l-pariri tagħhom, dewqan preliminari tal-inbid biex jiġu vvalidati prodotti ġodda, studji preliminari dwar il-validazzjoni għat-tnedija ta’ marki kummerċjali, gruppi speċjalizzati (focus groups), kumitati.

Ftit li xejn kien hemm azzjoni (D) li tirrigwarda studji dwar swieq ġodda u studji dwar l-evalwazzjoni tar-riżultati tal-azzjonijiet imwettqa.

Għalkemm il-messaġġ ewlieni tal-azzjonijiet taħt il-miżura ta’ promozzjoni għandu x'jaqsam mal-inbejjed mill-Unjoni b'denominazzjoni protetta tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta u nbejjed ta' varjetà, wieħed jista’ jinnota li ta’ sikwit dan huwa akkumpanjat minn referenza għall-Istat Membru ta’ produzzjoni. Fil-fatt, l-Istati Membri kkonfermaw li huwa fundamentalment importanti li din l-indikazzjoni tingħata f’termini ta’ valur miżjud tal-azzjonijiet imwettqa, u li ta’ sikwit huwa diffiċli għal konsumaturi f’pajjiżi terzi li jimmarkaw l-oriġini ta’ nbejjed mill-Unjoni, partikularment għal pajjiżi żgħar li jipproduċu l-inbid jew inbejjed b’denominazzjoni protetta tal-oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi protetti li ftit li xejn huma magħrufa jew saħansitra mhumiex magħrufa f’pajjiżi terzi.

3.6. Swieq ewlenin ikkonċernati

L-azzjonijiet tal-2009 u l-2010 kienu jikkonċernaw 42 pajjiż terz, li jistgħu jinqasmu fi tliet kategoriji:

· swieq tradizzjonali kkonsolidati li ser jiġu żviluppati ulterjurament: swieq li diġà jeżistu fihom produtturi Ewropej, li huma miftuħa għal esportazzjoni u li fihom ġiet innotata żieda fil-konsum. Dawn huma wkoll swieq immirati għall-bejgħ ta’ nbejjed b’valur għoli miżjud. (l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Kanada u l-Isvizzera);

· swieq emerġenti: swieq li huma inqas żviluppati mill-ewwel kategorija, għalkemm l-inbejjed mill-Unjoni jinsabu wkoll fihom. Dawn huma prinċipalment swieq Asjatiċi (iċ-Ċina, Ħong Kong, il-Ġappun, il-Korea ta’ Isfel, Singapor), ir-Russja, il-Messiku u l-Brażil. Xi wħud minn dawn il-pajjiżi, bħar-Russja u ċ-Ċina, qed jiżviluppaw b’mod mgħaġġel u għandhom potenzjal għoli. Oħrajn, bħall-Ġappun, għadhom aktar stabbli u qed jiżviluppaw bil-mod ħafna.

· swieq potenzjali: swieq magħrufa ftit ħafna, minħabba t-tkabbir ekonomiku tagħhom, jistgħu joffru opportunitajiet sinifikanti. Dawn huma pajjiżi bħall-Indja u xi pajjiżi ta' dawk li qabel kienu r-repubbliki Sovjetiċi.

37 % biss tal-proġetti ffinanzjati kienu jimmiraw suq uniku, waqt li l-maġġoranza kienu jimmiraw bejn tnejn u seba' swieq separati. Kien hemm konċentrazzjoni ġeografika sinifikanti ħafna fl-azzjonijiet, b’75 % tagħhom ikopru seba’ pajjiżi (l-Istati Uniti tal-Amerika, iċ-Ċina/Ħong Kong, il-Ġappun, il-Messiku, il-Kanada, ir-Russja u l-Isvizzera); l-akbar sitt swieq minn dawn kienu jikkontribwixxu għal kważi 75 % bħala volum u bħala valur tal-esportazzjoni mill-Unjoni fl-2010.

Is-suq tal-Istati Uniti kien l-iktar wieħed immirat, bi 22 % tal-azzjonijiet immirati lejh u tmienja minn disa’ Stati Membri li pparteċipaw fil-miżuri immiraw lilu l-iktar. Jista’ jiġi nnutat illi ċertu swieq huma swieq iffavoriti minn xi Stati Membri, eżempju l-Messiku għal Spanja, il-Brażil għall-Portugall, il-pajjiżi l-oħra tal-ex-Jugoslavja għas-Slovenja, il-Kanada għall-Italja, iċ-Ċina u l-Ġappun għal Franza, ir-Russja għall-Greċja u l-Isvizzera għall-Awstrija.

Swieq immirati għall-azzjonijiet fl-2009 u l-2010

4. Valutazzjoni u suġġerimenti mill-Istati Membri

L-Istati Membri kollha li pparteċipaw fil-miżura ta’ promozzjoni jikkunsidrawha bħal ta’ ġid ħafna għas-settur tal-inbid. Huma rrimarkaw li, wara l-kriżi tal-2008, il-perjodu sa mill-2009 wera żieda fl-esportazzjoni, partikularment fis-swieq immirati mill-miżura ta’ promozzjoni.

4.1.1. Vantaġġi

-        l-opportunità għal kumpaniji li jiddisponu mill-iskema tal-għajnuna, kuntrarju għall-iskema orizzontali. Din l-opportunità tipprovdi spinta kbira lis-settur;

-        l-impatt dirett fil-pajjiżi terzi fejn l-azzjonijiet jitwettqu u l-ħolqien ta' ħiliet ġodda (għarfien u l-ftuħ ta' fergħat kummerċjali, għarfien ta' swieq, leġiżlazzjoni u klijenti, ħolqien ta' kuntatti);

-        il-flessibbiltà u s-sussidjarjetà tal-implimentazzjoni tal-miżuri jippermettu li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur fl-Istati Membri individwali u r-rekwiżiti amministrattivi individwali tagħhom;

-        l-opportunità li jinħolqu sinerġiji u azzjonijiet kumplimentari bejn organizzazzjonijiet interprofessjonali, organizzazzjonijiet ta’ produtturi u organizzazzjonijiet professjonali, impriżi u impriżi konġunti u entitajiet pubbliċi, li jippermettu effetti globali reċiproċi pożittivi;

-        il-ftuħ ta’ swieq ġodda u l-possibbiltà li jinkiseb għarfien akbar ta’ swieq u l-kisba ta’ opportunitajiet ġodda;

-        l-inbejjed jistgħu jiġu prodotti aħjar skont il-ħtiġijiet tas-suq (produzzjoni, imballaġġ, tikkettar);

-        effett immultiplikat fuq benefiċjarji oħrajn. Iktar ma jitwettqu azzjonijiet, ikbar l-impatt tal-miżura.

4.1.2. Nuqqasijiet

-        id-diffikultà tal-amministrazzjoni tal-miżura mill-perspettiva maniġerjali, problema li hija enfasizzata partikularment fil-Portugall, l-Italja u l-Awstrija (speċjalment il-kumplessità tal-eżaminar tad-dokumenti ta' appoġġ għall-ispejjeż); fuq is-swieq li qed jiżviluppaw, jista’ jkun hemm dewmien twil wisq għal reazzjoni (tibdiliet fil-programmi meta dawn ikunu nbdew);

-        in-nuqqas ta’ infrastruttura tal-informatika, għarfien tekniku u appoġġ fis-swieq emerġenti;

-        ċertu Stati Membri, bħall-Italja u l-Portugall, enfasizzaw li impriżi żgħar u ta’ daqs medju u dawk mikro, iltaqgħu ma’ aktar diffikultajiet biex jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-miżura (disponibbiltà ta’ prodotti, kapaċità teknika għall-esportazzjoni u fondi limitati).

4.1.3. Suġġerimenti mill-Istati Membri

Sabiex tittejjeb l-effikaċja tal-ispiża tal-miżura ta’ promozzjoni, xi Stati Membri, waqt li ma ppreżentawx proposti konkreti għal emendi fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, issuġġerew li:

-        il-miżura tiġi estiża għas-suq intern, meta wieħed iqis li huwa l-ikbar suq dinji għall-inbid u li l-pajjiżi terzi kisbu sehem sinifikanti tas-suq; dan għandu jsir b’tali mod li tkun evitata l-kompetizzjoni bejn l-inbejjed mill-Unjoni, jew, possibbilment, billi l-azzjonijiet ikunu limitati għall-għoti ta’ informazzjoni;

-        jiġi pprijoritizzat b’mod effettiv, l-aċċess għall-miżura minn impriżi żgħar u ta’ daqs medju u dawk mikro;

-        jiġu mħajra aktar studji dwar swieq ġodda u valutazzjonijiet tal-azzjonijiet imwettqa. Dawn huma fundamentalment importanti għal kisba ta’ informazzjoni teknika u kummerċjali li għandha sservi bħala bażi għal azzjonijiet oħra;

-        jinħolqu sinerġiji ma’ miżuri oħra aktar strutturali, bil-għan partikularment li jiffaċilitaw u jappoġġaw il-preżenza ta’ operaturi tal-UE fi swieq ġodda (speċjalment bil-għan li jinħolqu l-kuntatti inizjali flimkien mal-importaturi);

-        tiżdied l-effiċjenza tal-verifika amministrattiva, partikularment billi jiġu pprovduti pagamenti f’ammonti f’daqqa għal azzjonijiet li jeżiġu spejjeż standard, bħal l-ispejjez tal-ivvjaġġar.

5. Konklużjoni

Wara biss sentejn mill-implimentazzjoni tal-miżura ta’ promozzjoni mill-Istati Membri, għadu kmieni wisq li naslu għal konklużjonijiet definittivi, partikularment f’termini ta’ żieda fil-kompetittività u preżenza ta’ swieq ta' pajjiżi terzi. Għalkemm l-esportazzjoni ta’ nbejjed lejn xi pajjiżi, speċjalment is-swieq immirati, baqgħet tiżdied sa mill-2009, il-kumplessità tal-fatturi li jinfluwenzaw ix-xejriet tal-kummerċ (varjazzjonijiet fir-rata tal-kambju, il-kriżi ekonomika, kriżijiet politiċi lokali, tibdiliet fil-leġiżlazzjoni tal-pajjiżi mmirati, eċċ) tfisser li ma hux possibbli li jiġi determinat l-effett ikkaġunat direttament mill-miżura ta' promozzjoni fuq ir-riżultati miksuba.

Madankollu, wieħed jista’ jistqarr illi, b’nefqa ta’ EUR 122 miljun fl-ewwel sentejn, il-miżura kienet suċċess kbir u hija verament apprezzata mill-operaturi. In-nefqa stmata għal EUR 768 miljun għall-perjodu 2009-2013 tindika interess li qed jiżdied fil-miżura, li tirriżulta li għandha tkun it-tieni miżura l-iktar importanti taħt il-programmi tal-għajnuna, f’termini finanzjarji, wara dik tal-istrutturar u l-konverżjoni tal-vinji.

Jidher li l-miżura ta’ promozzjoni għamlet possibbli, almenu inizjalment, il-konsolidazzjoni tal-preżenza ta’ impriżi mill-Unjoni fuq is-swieq tradizzjonali tal-esportazzjoni u jidher li din tat opportunità, permezz ta’ studji tas-swieq, għall-esplorazzjoni u l-aċċess ta’ swieq ġodda.

Fuq kollox huma l-flessibbiltà u s-sussidjarjetà tal-implimentazzjoni tal-miżura ta’ promozzjoni li jippermettu lis-setturi tal-inbid fid-diversi Stati Membri, jew fid-diversi reġjuni, li japplikawha individwalment għall-karatteristiċi speċifiċi tal-pajjiżi mmirati.

Barra minn hekk, il-possibbiltà tal-ħolqien ta’ kuntatti ġodda u tal-kisba tal-għarfien meħtieġ għall-adattament għas-swieq (prodotti ġodda, tikkettar, eċċ) tipprovdi spinta kbira lis-settur.

Fid-dawl ta’ xi kummenti mill-Istati Membri, perkorsi li jistgħu jiġu esplorati jinkludu (1) possibbilment it-tisħiħ ta’ sinerġiji bejn l-azzjonijiet diversi u l-benefiċjarji; (2) it-tfassil aħjar tal-istudji dwar is-swieq sabiex titnaqqas id-dipendenza fil-ġejjieni tal-esportazzjoni fuq għadd limitat ta’ swieq; (3) l-għażla aktar immirata ta’ benefiċjarji sabiex il-miżura tilħaq l-aqwa riżultati; (4) il-forniment ta’ linji gwida dwar il-kriterji għall-aċċettazzjoni ta’ proġetti lill-Istati Membri.

Fir-rapport li l-Kummissjoni ser tippreżenta lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew fl-2012, tista' tingħata kunsiderazzjoni akbar lill-kriterju tal-‘impriżi żgħar u ta' daqs medju u dawk mikro' u lill-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà għall-miżura.

[1]               ĠU L 148, 6.6.2008, p. 1.

[2]               ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

[3]               ĠU L 170, 30.06.2008, p. 1.

[4]               ĠU L 232, 2.9.2010, p. 1.

[5]               Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju u dawk mikro [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

[6]               ĠU L 3, 5.1.2008, p.1.

[7]               ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.

[8]               Fl-2007, matul id-diskussjonijiet ta’ qabel ir-riforma, il-Kummissjoni pproponiet ammont annwali ta’ EUR 120 miljun speċifikament għall-miżura ta’ promozzjoni, total ta’ EUR 600 miljun għall-perjodu 2009-13. Sussegwentement, din il-miżura ġiet integrata fil-firxa ta’ miżuri taħt il-programmi, u t-tqassim ta’ ammonti bejn il-miżuri tħalla għall-Istati Membri, li, kif jidher ċar, qabżu l-ammont previst inizjalment mill-Kummissjoni għal din il-miżura.

[9]               Ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u d-dispożizzjonijiet tal-implimentazzjoni tiegħu fir-Regolament (KE) Nru 555/2008.