52011DC0763

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-allinjament ta’ 10 direttivi ta’ armonizzazzjoni teknika tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti /* KUMM/2011/0763 finali */


IL-KUNTEST POLITIKU:

L-Ewropa għandha bżonn strateġija li tgħinha toħroġ aktar b'saħħitha mill-kriżi ekonomika u tittrasforma lill-istess Ewropa f'ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklussiva li tikseb livelli għoljin fl-oqsma tal-impjiegi, tal-produttività u tal-koeżjoni soċjali. L-istrateġija Ewropa 2020 tistabbilixxi viżjoni tal-ekonomija soċjali tas-suq tal-Ewropa għas-Seklu 21.

Minkejja li s-suq uniku fih innifsu mhux wieħed mis-seba’ politiki ewlenin identifikati bħala essenzjali biex jinkisbu l-miri titolari tal-istrateġija Ewropa 2020, il-Komunikazzjoni dwar l-Ewropa 2020 tistqarr li l-istrumenti fil-livell tal-UE, notevolment is-suq uniku, l-ixprunijiet finanzjarji u l-għodod tal-politika esterna, se jitħaddmu bis-sħiħ biex ikun ittrattat dak kollu li jxekkel u jitwettqu l-miri tal-Ewropa 2020. Il-proposti operattivi li jiżguraw il-kontribut sħiħ ta’ dawn l-istrumenti tal-istrateġija huma parti integrali mill-istrateġija Ewropa 2020.

Il-Komunikazzjoni tkompli tasserixxi li suq uniku aktar b’saħħtu, profond u estiż huwa vitali għat-tkabbir u l-ħolqien tax-xogħol. Bil-ħsieb li jkun varat mill-ġdid is-suq uniku, lejn l-aħħar tal-2009, il-President Barroso stieden lill-Professur Mario Monti biex jipprepara rapport li jkun fih rakkomandazzjonijiet u soluzzjonijiet. Il-Professur Monti ppreżenta r-rapport tiegħu fl-2010 fejn osserva li s-suq uniku huwa strumentali f’diversi oqsma oħra tat-tfassil tal-politika tal-UE li jattiraw interess politiku qawwi u li jirriskjaw li ma jwettqux dak li huma intiżi li jwettqu jekk dawn ma jistgħux jistrieħu fuq suq uniku robust.

B’mod partikolari fir-rigward tal-prodotti, il-Professur Monti jistqarr li ż-żamma ta' suq uniku tal-prodotti dinamiku u li jinfirex jeħtieġ il-bini fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-pakkett għall-prodotti approvat fl-2008, b'mod partikolari fir-rigward tal-prinċipju ta' għarfien reċiproku u sorveljanza tas-suq.

L-inizjattiva preżenti hija pass importanti fl-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv adottat bħala parti mill-“pakkett għall-prodotti” fid-9 ta’ Lulju 2008. L-għan tal-pakkett tal-2008 huwa li jsaħħaħ il-moviment ħieles ta’ prodotti sikuri billi tkun rinforzata l-effettività tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà tal-prodotti, tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi u jkun hemm kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi ekonomiċi.

Fil-preżenza tal-kriżi ekonomika dinjija, dan jibqa’ b’mod partikolari importanti llum billi suq intern li jiffunzjona b’mod effettiv huwa kruċjali biex jitrawmu l-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi fl-Unjoni Ewropea – prijoritajiet politiċi ewlenin tal-Kummisjsoni Ewropea kif jidher fil-proposta għal Att dwar is-Suq Uniku[1].

IL-PAKKETT DWAR IL-PRODOTTI U L-KONTRIBUT TIEGħU FIS-SUQ INTERN

Il-moviment ħieles tal-prodotti huwa wieħed mis-sisien ewlenin tas-suq intern, kif inkorporat fit-Trattat, u huwa fil-qalba tal-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea.

Sa mis-snin 70, varjetà kbira ta’ prodotti kienu regolamentati bil-leġiżlazzjoni tal-UE mfassla biex tiżgura l-protezzjoni tal-konsumatur, il-ħaddiem fil-post tax-xogħol, l-ambjent, ir-riżorsi tal-enerġija u oħrajn, b’mod uniformi biex b’hekk ikun żgurat il-moviment ħieles fl-Unjoni kollha.

L-adozzjoni tat-teknika leġiżlattiva tal-Approċċ il-Ġdid fl-1985, li jirristrinġi l-ħtiġijiet leġiżlattivi għal dawk li huma essenzjali u li jittratta l-kwistjonijiet tekniċi dettaljati fl-Istandards Ewropej armonizzati, ikkontribwixxiet għall-aċċellerazzjoni tal-proċess ta’ armonizzazzjoni li jippermetti lil setturi industrijali sħaħ jibbenefikaw mill-moviment ħieles.

Il-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni teknika kienet ta’ suċċess. Is-suq intern għall-prodotti huwa realtà u fl-istess ħin żgura grad għoli ta’ sigurtà tal-prodotti u ffaċilita l-moviment ħieles tagħhom fl-Unjoni Ewropea kollha.

Madankollu, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ din il-leġiżlazzjoni kixfet numru ta’ nuqqasijiet li jimminaw l-effettività tagħha, xi ħaġa li ntweriet bil-preżenza kontinwa fis-suq ta' prodotti mhux konformi u potenzjalment perikolużi. Din tagħmel ħsara lill-fiduċja fis-sistema sħiħa u toħloq kundizzjonijiet mhux ekwi għall-operaturi ekonomiċi. Dan hu minħabba l-prestazzjoni mhux sodisfaċenti ta’ ċerti korpi notifikati u inkonsistenzi fil-leġiżlazzjoni kollha li jagħmlu l-applikazzjoni kumplikata għalxejn għall-manifatturi u l-awtoritajiet.

In-nuqqas ta' konformità jista’ jkun potenzjalment ta’ ħsara għall-utenti tal-prodotti. Dan inaqqas ukoll il-kompetittività tal-intrapriżi li jikkonformaw hekk kif rivali mhux konformi jieħdu vantaġġ mhux xieraq.

Diffikultà ewlenija għall-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq nazzjonali hija li l-prodotti mhux konformi u l-operaturi li jfornuhom huma ta’ sikwit mhux traċċabbli, partikolarment meta l-prodotti joriġinaw fil-pajjiżi terzi. Barra minn hekk, is-sorveljanza tas-suq mhux dejjem titwettaq fl-Istati Membri b’dik iċ-ċerta konsistenza jew rigorożità li hemm bżonn u dan potenzjalment jippermetti ċ-ċirkolazzjoni ta’ prodotti perikolużi. Billi s-sorveljanza tas-suq primarjament titwettaq fil-livell nazzjonali, hemm il-bżonn urġenti għal monitoraġġ, koordinazzjoni u skambju tal-informazzjoni fil-livell tal-UE sabiex ikun żgurat livell aktar uniformi ta’ sigurtà fl-UE kollha.

Il-ħtiġijiet leġiżlattivi għall-prodotti saru aktar ikkumplikati għall-operaturi ekonomiċi. Prodotti moderni saru teknoloġikament aktar kumplessi u jippreżentaw aktar riskji diversi minn qabel kemm lis-saħħa u s-sigurtà tal-persuni kif ukoll lill-ambjent. Dan ifisser li issa l-manifatturi u l-operaturi ekonomiċi l-oħra jridu jiffaċċjaw numru kbir u li qed jikber ta’ biċċiet differenti ta’ leġiżlazzjoni li japplikaw simultanjament fuq prodott wieħed. Barra minn hekk, gradwalment tfaċċaw inkonsistenzi fil-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti – tintuża terminoloġija differenti biex ikunu deskritti kunċetti li huma komuni fil-leġiżlazzjoni kollha ta’ armonizzazzjoni (pereżempju, proċeduri ta’ valutazzjoni ta’ konformità u klawżoli ta’ salvagwardja). Din l-aħħar problema hija aktar importanti milli tidher mad-daqqa t’għajn.

Anki diverġenzi minuri jistgħu jagħmluha diffiċli għall-operaturi ekonomiċi biex jifhmu kif iridu jikkonformaw mal-ħtiġijiet leġiżlattivi tal-UE. Dan jista’ jwassal biex l-operaturi onesti jinvestu bil-qawwi f’oqsma li mhumiex neċessarji bil-ħsieb li tkun żgurata l-konformità. Fl-istess ħin, l-inkonsistenzi u l-ambigwitajiet leġiżlattivi jipprovdu lill-operaturi mingħajr skrupli modi kif jaħarbu l-kontrolli tal-awtoritajiet pubbliċi. Ta’ spiss, mhux ċar għall-awtoritajiet nazzjonali x’iċċekkjar għandu jsir u kif. Dan iwassal lill-Istati Membri (jew anki reġjuni f’dawk l-Istati) biex jaddottaw approċċi differenti bir-riżultat li s-sorveljanza tas-suq ma titwettaqx b’regolarità uniformi fil-waqt li jħaddmu kriterji u rigorożità fl-UE kollha. B’konsegwenza li dan jippermetti kundizzjonijiet mhux ekwi għall-operaturi ekonomiċi, sew jekk huma manifatturi u sew importaturi.

Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, fl-2003 il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Approċċ il-Ġdid, adottat fl-1985[2]. Din ikkonkludiet li t-teknika leġiżlattiva tal-Approċċ il-Ġdid għandha bżonn tkun riveduta u kkumplimentata b’rekwiżiti leġiżlattivi għall-akkreditazzjoni tal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità u politika ġenerali dwar is-sorveljanza tas-suq għall-prodotti.

IL-QAFAS LEġIżLATTIV ĠDID U L-IMPLIMENTAZZJONI TIEGħU

Bi tweġiba għal dan il-proċess ta’ reviżjoni, il-Kummissjoni ppreżentat ġabra ta’ miżuri li saru magħrufa bħala l-“Pakkett tal-Prodotti”. It-testi tal-Qafas Leġiżlattiv Ġdid (QLĠ) - ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 u d-Deċiżjoni Nru 768/2008 kienu adottati bħala parti mill-pakkett (li kien jinkludi wkoll Komunikazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-karozzi u proposta għal regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku). Dawn it-testi huma aktar minn sempliċi reviżjoni tal-Approċċ il-Ġdid u jistabbilixxu ambjent leġiżlattiv ġdid għal żona armonizzata.

Iż-żewġ testi tal-QLĠ huma żvilupp politiku ewlieni għall-funzjonament tas-suq intern tal-prodotti, billi mhux biss jistabbilixxu approċċ kumplessiv u koerenti għall-politika tal-armonizzazzjoni politika marbuta mas-sigurtà tal-prodott iżda jiftħu wkoll bieb għal politika ta’ sorveljanza tas-suq reali u effettiva għall-prodotti kollha li jidħlu fis-suq, kemm jekk joriginaw fl-UE u kemm jekk joriġinaw fil-pajjiżi terzi.

L-għan tat-test tal-QLĠ huwa li jirrinforza l-effettività tal-leġiżlazzjoni li tipproteġi s-saħħa u s-sigurtà (u interessi oħra pubbliċi) billi:

- jiddaħħlu l-elementi neqsin tal-politika tal-UE, pereżempju akkreditazzjoni u s-sorveljanza tas-suq inkluż il-kontroll tal-prodotti minn pajjiżi terzi;

- ikunu indirizzati n-nuqqasijiet tas-sitwazzjoni eżistenti fid-dawl tal-20 sena tal-implimentazzjoni tal-Approċċ il-Ġdid flimkien mal-leġiżlazzjoni aktar tradizzjonali;

- Tingħata koerenza lil-leġiżlazzzjoni li issa tolqot aktar u aktar setturi.

Iż-żewġ testi jikkontribwixxu fil-modi differenti tagħhom it-tweġiba għal dawk il-bżonnijiet u tgħaqqad il-katina tal-kwalità leġiżlattiva: (essenzjali) ir-rekwiżiti marbutin mas-saħħa u s-sigurtà u protezzjoni oħra ta’ interess pubbliku, rekwiżiti ta’ kwalità għall-manifatturi u l-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, sistema ta’ akkreditazzjoni biex tiżgura l-kwalità tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, proċeduri trasparenti tal-valutazzjoni tal-konformità, sorveljanza tas-suq b’saħħitha u kontrolli tal-prodotti minn pajjiżi terzi. Konnessjoni dgħajfa jew nieqsa f’din il-katina tista’ tippermetti prodotti perikolużi li jilħqu fis-suq u l-utenti finali, kemm privat kif ukoll professjonali. It-testi tal-QLĠ huma dokumenti kumplimentari, konnessi tant li ma jistgħux jinħallu minn xulxin, u li t-tnejn huma marbutin mill-qrib mal-leġiżlazzjoni settorjali, li jappoġġaw u jikkumplimentaw.

Ir-Regolament jintroduċi l-prinċipji, ir-regoli, id-drittijiet u l-obbligi. Id-dispożizzjonijiet tiegħu ġew fis-seħħ direttament fl-1 ta’ Jannar 2010 u qed ikunu implimentati mill-awtoritajiet nazzjonali bl-għajnuna tal-Kummissjoni biex tiżgura li jkun hemm approċċ kkoordinat.

Id-Deċiżjoni fiha dispożizzjonijiet mudell bbażati fuq dawk li hemm f’ħafna biċċiet eżistenti tal-leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni iżda li fiha nnifisha ma għandhiex effett legali. Bħala deċiżjoni sui generis , hi tikkostitwixxi impenn min-naħa tal-leġiżlatur tal-UE biex japplika l-kontenuti tiegħu b'mod sistematiku kemm jista' jkun fuq il-leġiżlazzjoni kollha dwar il-prodotti, tal-passat, tal-preżent u tal-futur u biex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni minn dawk involuti.

L-effetti sħaħ tar-Regolament jiddependi, sa ċertu punt, fuq il-proċess tal-integrazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni fil-leġiżlazzjoni settorjali.

It-testi tal-QLĠ japplikaw flimkien mal-leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni bil-mod li ġej:

- il-leġiżlazzjoni settorjali tiffissa l-livelli ta’ saħħa u sigurtà u protezzjoni oħra ta’ interess pubbliku, timponi rekwiżiti fuq l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet nazzjonali, tagħżel il-proċeduri xierqa tal-valutazzjoni tal-konformità u tinkludi mekkaniżmi ta' salvagwardja;

- Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 jiffissa r-regoli għall-akkreditazzjoni tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità li jipprovdu s-servizzi ta’ valutazzjoni ta' konformità skont il-leġiżlazzjoni settorjali u jimponi obbligi fuq l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq marbutin mal-infurzar tal-obbligi ffissati fil-leġiżlazzjoni settorjali u l-kontroll tal-prodotti minn pajjiżi terzi.

Permezz tal-proċess ta’ allinjament, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE dwar id-definizzjonijiet tal-operaturi ekonomiċi, il-ħtiġijiet ta’ traċċabilità, il-kriterji kkonsolidati u l-proċeduri għan-notifika tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità u l-proċeduri kkonsolidati tal-valutazzjoni ta’ konformità huma kollha integrati fil-leġiżlazzjoni settorjali u għalhekk jippermettu d-dispożizzjonijiet dwar is-sorveljanza tas-suq stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 li jidħlu fis-seħħ b'mod komplet.

IL-PROċESS TA’ ALLINJAMENT U L-PAKKETT ATTWALI

Għal-leġiżlazzjoni tal-futur, il-Kummissjoni se teżamina b’mod sistematiku jekk hux vijabbli li tintegra d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni fil-leġiżlazzjoni settorjali biex tallinjahom kemm jista’ jkun ta’ spiss u b’mod sħiħ. Fejn tiddeċiedi li ma tallinjax, in-nuqqas ta’ idoneità tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni ghandu jkun spjegat b’mod sħiħ. Dan il-proċess se jitwettaq filwaqt li u meta l-leġiżlazzjoni settorjali tkun modifikata.

Sa mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni, numru ta’ biċċiet tal-leġiżlazzjoni marru għar-reviżjoni. Id-Direttiva dwar il-ġugarelli kienet riveduta bid-Direttiva 2009/48/KE tat-18 ta’ Ġunju 2009[3] u hija l-ewwel direttiva li ġiet allinjata b’mod sħiħ mad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE. Qed ikunu ppreparati oħrajn.

Il-mistoqsija hija x'irid isir fejn reviżjoni tal-leġiżlazzjoni mhix prevista fil-futur qrib. Huwa ċar li aktar ma l-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti tkun koerenti, eħfef tkun biex tinftiehem u għalhekk biex ikun hemm konformità magħha u tkun infurzata. Ċertament soluzzjonijiet armonizzati orizzontali, mhux settorjali jikkontribwixxu għal koerenza aħjar bħal fil-każijiet tal-proċeduri ta’ valutazzjoni ta’ konformità, regoli għal korpi notifikati, eċċ.

Għalhekk hemm bżonn reali għar-reviżjoni ta’ numru ta’ direttivi li normalment ma jkunux riveduti fil-futur qrib, sabiex ikun possibbli għad-dispożizzjonijiet marbutin mas-sorveljanza tas-suq jiddaħħlu fis-seħħ malajr fis-setturi konċernati.

Għalhekk huwa propost ikun allinjat mad-Deċiżjoni pakkett ta’ direttivi li ma waslux għar-reviżjoni iżda marbutin magħhom hemm dispożizzjonijiet dwar is-sroveljanza tas-suq u kwistjonijiet oħra bejn is-setturi li jkun ta' benefiċċju, mingħajr ma jkunu involuti konsiderazzjonijiet purament settorjali.

Għalhekk, l-għan ta’ dan il-pakkett hu li jemenda direttivi magħżulin biss biex jintegraw id-dispożizzjonijiet orizzontali tad-Deċiżjoni fi proċess simplifikat ta' darba mingħajr ma jkunu riveduti kwistjonijiet settorjali sabiex ikunu prodotti l-benefiċċji immedjati tal-QLĠ fl-akbar numru ta' setturi possibbli.

Sabiex ikun hemm iċ-ċarezza legali massima, il-Kummissjoni għażlet għat-teknika tar-riformulazzjoni leġiżlattiva. Din u l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jgħinu jiffokaw id-diskussjoni fuq il-proċedura ta' kodeċiżjoni dwar l-allinjament tat-testi mad-Deċiżjoni Nru 768/2008 u jevitaw il-ftuħ mill-ġdid tad-diskussjonijiet dwar aspetti speċifiċi tas-setturi.

Id-Direttivi għandhom ikunu allinjati mat-terminoloġija u d-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona. B’mod partikolari d-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar il-komitoloġija għandhom ikunu introdotti billi numru tad-direttivi konċernati waqqfu kumitati.

L-GħAżLA TAD-DIRETTIVI KONċERNATI

Wara l-adozzjoni tal-QLĠ f’Lulju 2008, is-servizzi tal-Kummissjoni eżaminaw il-leġiżlazzjoni tal-prodotti biex jidentifikaw lesti biex ikunu riveduti fit-3-5 snin li ġejjin (jiġifieri, sal-2013) għal raġunijiet speċifiċi għas-setturi (pereżempju biex ikun iċċarat jew jinfetaħ l-ambitu tagħhom, biex ikunu aġġornati l-ħtiġijiet ta' sigurtà eċċ.). Ħafna mil-leġiżlazzjoni eżistenti teħtieġ aġġornament għal raġunijiet speċifiċi għas-settur u dan ir-reviżjonijiet individwali jidhru fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni. L-allinjament se jitwettaq fil-kuntest ta’ dawn ir-reviżjonijiet.

Il-Kummissjoni fittxet il-leġiżlazzjoni li b'mod ġenerali taqsam l-istruttura u l-approċċ tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE biex tifforma parti mill-eżerċizzju ddedikat biss lill-allinjament mad-Deċiżjoni. Dan awtomatikament illimita l-għażla tad-direttivi għal dawk adottati skont it-teknika tal-Approċċ il-Ġdid, billi leġiżlazzjoni oħra (b’mod partikolari direttivi b’approċċ antik jew tradizzjonali) ikollhom bżonn adattament profond li hu aktar minn sempliċi “allinjament”.

Dan il-proċess wassal il-Kummissjoni biex tidentifika l-10 direttivi bl-approċċ il-ġdid li ġejjin għall-inklużjoni fil-pakkett tal-allinjament:

- Id-Direttiva dwar l-Isplużivi għall-Użu Ċivili: Id-Direttiva 93/15/KEE dwar l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-dħul fis-suq u s-superviżjoni ta' esplużivi għall-użu ċivili;

- Id-Direttiva dwar it-Tagħmir għall-Użu f’Atmosferi Esplużivi (ATEX): Id-Direttiva 94/9/KE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jikkonċernaw it-tagħmir u s-sistemi ta’ protezzjoni maħsuba għall-użu f’atmosferi potenzjalment esplużivi.

- Id-Direttiva dwar il-Liftijiet : Id-Direttiva 95/16/KE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-liftijiet;

- Id-Direttiva dwar l-Apparat ta’ Pressjoni: Id-Direttiva 97/23/KE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ apparat ta’ pressjoni;

- Il-Kumitat tal-Istrumenti tal-Kejl: Id-Direttiva 2004/22/KE dwar l-istrumenti tal-kejl;

- Id-Direttiva dwar il-Kompatibilità Elettromanjetika (EMC): Id-Direttiva 2004/108/KE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-kompatibilità elettromanjetika u li tħassar id-Direttiva 89/336/KEE

- Id-Direttiva dwar il-Voltaġġ Baxx (LVD): Id-Direttiva 2006/95/KE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ;

- Id-Direttiva dwar l-Oġġetti Pirotekniċi: Id-Direttiva 2007/23/KE dwar it-tqegħid fis-suq ta' oġġetti pirotekniċi;

- Id-Direttiva dwar l-Istrumenti tal-Użin mhux Awtomatiċi: Id-Direttiva 2009/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar strumenti tal-użin mhux awtomatiċi;

- Id-Direttiva dwar ir-Reċipjenti Sempliċi ta’ Pressjoni : Id-Direttiva 2009/105/KE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta ma' reċipjenti sempliċi taħt pressjoni.

Il-karatteristika komuni ewlenija ta’ dawn id-direttivi hija li għandhom struttura simili: definizzjonijiet, il-ħtiġijiet essenzjali tas-saħħa u s-sigurtà, ir-referenzi għall-istandards armonizzati Ewropej, il-ħtiġijiet għal-manifatturi, il-ħtiġijiet tat-traċċabilità u l-ħtiġijiet tal-valutazzjoni tal-konformità (kollha għandhom proċeduri ta’ valutazzjoni ta’ konformità, tmienja għandhom bżonn l-intervent tal-korpi notifikati) u mekkaniżmi ta’ salvagwardja.

Xi wħud mid-direttivi għandhom relevanza komuni bejn is-setturi (b’mod partikolari, il-vultaġġ baxx, l-EMC, l-istrumenti tal-kejl, it-tagħmir għall-użu f’atmosferi splużivi u apparat ta’ pressjoni) biex b’hekk jissaħħu l-benefiċċji mistennija tal-allinjament għall-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mis-sorveljanza ta’ dawn is-swieq.

Is-setturi kkonċernati huma setturi industrijali importanti ħafna li huma ffaċċjati b’kompetizzjoni internazzjonali qawwija u għalhekk se jibbenefikaw mis-simplifikazzjoni u l-garanzija ta' kundizzjonijiet ekwi fis-suq tal-UE.

Dejta bażika għal xi wħud minn dawn is-setturi tista' tinġieb fil-qosor kif ġej:

Id-direttivi dwar il-vultaġġ baxx u l-EMC ikopru b’mod ġenerali t-tagħmir elettriku domestiku u professjonali kollu li jlaħħqu għal ħruġ ta’ xi EUR 235,59 biljun għal tagħmir kopert mil-LVD u EUR 200,12 biljun għat-tagħmir kopert mill-EMC. Il-bilanċ kummerċjali huwa ngattiv ( LVD : EUR 103,93 biljun tal-importazzjonijiet u EUR 83,09 biljun tal-esportazzjonijiet. Il-konsum intern huma stmat għal EUR 256,42 biljun. EMC: EUR 100,78 biljun tal-importazzjonijiet u EUR 76,07 biljun tal-esportazzjonijiet. Il-konsum intern huma stmat għal EUR 224,83 biljun).

Id-direttiva dwar it-tagħmir tal-ATEX tkopri kwalunkwe prodott li probabbilment irid jintuża f’atmosfera esplussiva, kemm elettrika, mekkanika jew ikkawżata minn pressjoni (mini, impjanti petrokimiċi, imtieħen, stazzjonijiet tal-petrol, eċċ.). Il-ħruġ ilaħħaq għal madwar EUR 2,2 biljun u l-bilanċ kummerċjali tiegħu huwa pożittiv: l-importazzjonijiet jammontaw għal EUR 400 miljun filwaqt l-konsum intern huwa stmat għal EUR 1,9 biljun, 86 % tal-produzzjoni interna.

Is-settur tal-istrumenti ta’ kejl (inklużi l-istrumenti tal-użin mhux awtomatiċi) li jkopri l-miters kollha tal-kejl tal-ilma, il-gass, l-elettriku, il-petrol u l-likwidi kollha l-oħra u jinkludi l-istrumenti kollha tal-kejl fil-kummerċ tal-bejgħ bl-imnut għandu ħruġ ta’ madwar EUR 5,75 biljun. Ħafna mill-istrumenti huma manifatturati fl-UE, l-importazzjonijiet jirrappreżentaw anqas minn kwart tal-produzzjoni tal-UE.

Il-piroteknika, li tkopri mhux biss il-logħob tan-nar iżda wkoll it-teknoloġija għall-airbags tal-karozzi għandha ħruġ ta’ EUR 4,2 biljun (EUR 2,8 biljun għall-airbags). Il-fatt li 95 % tal-logħob tan-nar huwa prodott barra mill-UE jenfasizza l-bżonn għal ħtiġijiet qawwija ta’ traċċabilità .

It-tagħmir ta’ pressjoni (inklużi r-reċipjenti sempliċi taħt pressjoni) jista’ jaqa’ taħt diversi setturi differenti billi jintuża l-aktar bħala komponent f'prodott bi skop usa'. Il-prodotti inkluż l-apparat tal-pressjoni jvarja minn prodotti tal-konsumatur (pereżempju, pressure cookers, sistemi domestiċi ta’ airconditioning, fire extinguishers, eċċ.) għal prodotti industrijali (pereżempju, ’

Dan juru biċ-ċar l-importanza tas-setturi kkonċernati u jenfasizza t-tisħiħ tal-koerenza leġiżlattiva u t-twettiq ta’ sorveljanza effettiva tas-suq, b’mod partikolari fir-rigward tal-prodotti li joriġinaw fil-pajjiżi terzi, se jkollhom effetti pożittiv ħafna.

IL-KONTENUT TAL-PROPOSTI

Il-proposti koperti minn din l-inizjattiva huma strettament limitat fil-kontenut għall-allinjament mad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE u t-terminoloġija l-ġdida tat-Trattat ta' Lisbona (inklużi d-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar il-komitoloġija). B’mod aktar speċifiku, dawn se jallinjaw definizzjonijiet, ħtiġijiet ta’ traċċabilità, obbligi tal-operaturi ekonomiċi, kriterji u proċeduri għall-għażla tal-korpi tal-valutazzjoni ta’ konformità (korpi notifikati) u l-ħtiġijiet tal-valutazzjoni ta' konformità.

Sakemm kien possibbli l-lingwa użata fid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni nżammet iżda f’ċerti ċirkostanzi din kienet adattata biex tippermetti integrazzjoni korretta u bis-sens fid-direttivi. Għalhekk, it-terminoloġija tista’ tvarja minn direttiva għal oħra iżda t-tifsira u l-obbligi legali se jibqgħu l-istess.

Is-sustanza tal-allinjament tal-10 direttivi jistgħu jinġiebu fil-qosor kif ġej:

1. Il-miżuri intiżi biex jindirizzaw il-problema ta’ nuqqas ta’ konformità:

2. L-obbligi tal-importaturi u d-distributuri li jiċċekkjaw li l-prodotti jkollhom il-marka CE, ikunu akkumpanjati mid-dokumenti meħtieġa u jkollhom l-informazzjoni ta’ traċċabilità. L-obbligi addizzjonali huma imposti fuq l-importaturi.

3. L-obbligi tal-manifatturi li jipprovdu l-istruzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sigurtà f'lingwa li tinftiehem faċilment mill-konsumaturi u mill-utenti finali, u li jwettqu testijiet fuq kampjuni u monitoraġġ tal-prodott.

4. Il-ħtiġijiet tat-traċċabilità matul il-katina kollha ta' distribuzzjoni: manifatturi u importaturi għandhom jiktbu l-ismijiet u l-indirizzi tagħhom fuq il-prodotti; kull operatur ekonomiku għandu jkun kapaċi li jinforma lill-awtoritajiet mingħand min xtara prodott u lil min issupplixxieh.

5. L-organizzazzjoni mill-ġdid tal-proċedura tal-klawżola ta' salvagwardja (is-sorveljanza tas-suq) biex ikun ikkjarifikat kif l-awtoritajiet tal-infurzar relevanti huma infurmati dwar l-prodotti perikolużi u jiżguraw li l-istess azzjoni tittieħed fir-rigward ta' dak il-prodott fl-Istati Membri kollha.

6. Il-miżuri intiżi li jiżguraw il-kwalità tax-xogħol magħmul mill-korpi notifikati:

7. Ir-rinforzar tal-ħtiġijiet tan-notifika għall-korpi notifikati (inklużi subkuntratturi u sussidjarji) bħalma huma l-imparzjalità, il-kompetenza fit-twettiq tal-attività tagħhom u l-applikazzjoni tal-gwida żviluppata mill-gruppi ta’ koordinazzjoni.

8. Il-proċess ta’ notifika riveduta: L-Istati Membri meta jinnotifikaw korp għandhom jinkludu informazzjoni dwar l-informazzjoni tal-kompetenza ta’ dak il-korp. Stati Membri oħra jistgħu joġġezzjonaw għan-notifika f'ċertu perjodu.

9. Il-ħtiġijiet għall-awtoritajiet li jinnotifikaw (jiġifieri, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-valutazzjoni, in-notifika u l-monitoraġġ tal-korpi notifikati) bħalma huma l-oġġettività u l-imparzjalità fit-twettiq tal-attività tagħhom.

10. Obbligi ta’ informazzjoni: Il-korpi notifikati għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet li jinnotifikaw bir-rifjuti, ir-restrizzjonijiet, is-sospensjonijiet u l-irtirar taċ-ċertifikati.

11. Il-miżuri intiżi li jiżguraw konsistenza akbar bejn id-direttivi:

12. Allinjament tad-definizzjonijiet u t-terminoloġija l-aktar użata.

13. L-allinjament tat-testi tal- proċeduri tal-valutazzjoni ta ’ konformità.

Ta’ min jenfasizza li l-kwistjonijiet marbutin mal-implimentazzjoni tal-politika tal-istandardizzazzjoni tal-UE, li jista' jkollhom effetti negattivi fuq l-implimentazzjoni tad-direttivi koperti hawn, qed jiġu ttrattati f'inizjattiva separata (il-pakkett ta' standardizzazzjoni).

KONKLUżJONIJIET

Il-Kummissjoni tagħti importanza kbira lil dawn il-proposti, li jagħtu kontribut importanti lill-għan politiku ta’ suq intern li jiffunzjona kif inhu xieraq għall-konsumaturi, il-professjonisti u l-operaturi ekonomiċi b’mod ġenerali. Id-direttivi allinjati se jgħinu biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej, biex ikunu garantiti kundizzjonijiet ekwi għal kulħadd fejn operaturi li jħarsu l-liġi jkunu protetti kontra dawk anqas skruplużi.

Din l-inizjattiva hija wkoll konformi ħafna mal-mira tal-Kummissjoni ta’ Regolamentazzjoni u Simplifikazzjoni Aħjar billi ġġib koerenza u uniformità leġiżlattiva bejn ħafna mis-setturi industrijali differenti u tgħin biex il-leġiżlazzjoni tal-UE ssir eħfef biex tinftiehem, tkun implimentata, segwita u infurzata.

Il-Kummissjoni għażlet l-istrumenti għal dan il-pakkett abbażi li dawk l-emendi biss li sarulhom jirrigwardaw l-allinjament tad-dispożizzjonijiet tal-QLĠ. Ma saru l-ebda tibdiliet fl-aspetti tekniċi sostantivi tal-leġiżlazzjoni settojali partikolari involuta[4]. Għaldaqstant, il-Kummisjsoni tappella lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex jittrattaw il-pakkett f’din l-ordni sabiex tkun żgurata l-koerenza ġenerali impliċita fit-teknika tar-recast u jkun evitat li d-dibattiti jinqasmu f'ġabra ta' diskussjonijiet settorjali.[pic][pic][pic][pic][pic][pic]

[1] COM(2011) 206 finali tat-13.4.2011.

[2] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Enhancing the Implementation of the New Approach Directives , COM(2003) 240 finali tas-7.5.2003.

[3] ĠU L 170, 26.6.2009, p. 1.

[4] Saret eċċezzjoni għad-direttiva dwar l-oġġetti pirotekniċi. Il-Kummissjoni qed tipproponi korrezzjoni żgħira fil-punt 4 tal-Anness I sabiex tkun evitata l-projbizzjoni mhux maġsuba tal-airbags u ċerti oġġetti pirotekniċi oħra wara l-4 ta' Lulju 2013. L-emenda hija relattivament żgħira f’termini ta’ tibdiliet magħmula fit-tst eżistenti. Għalhekk jitqies aktar xieraq u effiċjenti li d-direttiva tinżamm fil-pakkett minflok li jitwettaq proċess ta' reviżjoni indipendenti.