KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILLIL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-bini ta' Ewropa miftuħa u sigura: il-baġit tal-affarijiet interni għal bejn l-2014 u l-2020 /* KUMM/2011/0749 finali */
1.
Il-finanzjament tal-affarijiet interni
1.1.
Il-finanzjament tal-affarijiet interni f'kuntest
usa'
Il-ħolqien ta' spazju ta' libertà,
sigurtà u ġustizzja huwa sies tal-proġett Ewropew. Il-politiki dwar
l-affarijiet interni jikkontribwixxu għal dan il-proġett billi jsawru
Ewropa fejn il-persuni jkunu jistgħu jidħlu, jivvjaġġaw u
jgħixu b'mod ħieles, bis-serħan il-moħħ li
d-drittijiet tagħhom jiġu rrispettati u s-sigurtà tagħhom
tiġi garantita. Approċċ integrat għall-migrazzjoni u
s-sigurtà jista' jwassal benefiċċji lill-UE u lill-pajjiżi
sħab li mhumiex parti mill-UE. L-importanza dejjem tikber tal-politiki
tal-affarijiet interni ġiet ikkonfermata mill-Programm ta' Stokkolma[1] u mill-Pjan ta' Azzjoni[2] tagħha. Dan huwa wkoll
wieħed mill-oqsma li raw bidliet importanti taħt it-Trattat ta’
Lisbona[3].
Fil-qasam tas-sigurtà interna, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar
l-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni[4] tidentifika għanijiet
strateġiċi ċari abbażi ta' azzjoni konġunta biex
jiġu indirizzati l-isfidi komuni marbuta mas-sigurtà fis-snin li
ġejjin. Permezz tal-kooperazzjoni u s-solidarjetà fil-livell tal-UE u ma'
pajjiżi li mhumiex fl-UE, inkiseb progress sostanzjali fil-ħolqien
ta' Ewropa aktar miftuħa u sigura. Minkejja dan il-progress, l-Ewropa għadha
qed tħabbat wiċċha ma' bosta sfidi. L-isfida tal-migrazzjoni
titlob tweġiba komprensiva, koerenti u effettiva. Iċ-ċittadini
jistennew ukoll li l-Unjoni tagħti l-kontribut tagħha
għas-sigurtà billi tiġġieled il-kriminalità organizzata,
it-terroriżmu u theddid ieħor. Il-baġit tal-UE għandu rwol
essenzjali biex l-għanijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-affarijiet interni
jwasslu għal riżultati tanġibbli. Il-ħolqien ta' spazju ta'
libertà, sigurtà u ġustizzja jista' jinkiseb permezz ta' firxa ta'
'għodod' fosthom programmi ta' nfiq, netwerks, sistemi tal-IT fuq skala
kbira u l-aġenziji tal-UE. Fil-Komunikazzjoni tad-29 ta' Ġunju
tal-2011 dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss[5], il-Kummissjoni pproponiet
baġit għall-affarijiet interni li jammonta għal EUR 10.9 biljuni
(skont prezzijiet attwali) għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020. Dan
l-ammont jirrapreżenta kontinwazzjoni tal-livell ta' nfiq imbassar fi
tmiem il-qafas finanzjarju 2007-2013 u għadu anqas minn 1% tal-baġit
globali tal-UE. Filwaqt li jibni fuq ir-riżultati tal-evalwazzjoni u
l-konslutazzjoni mal-partijiet interessati, l-għamla tal-Qafas Finanzjarju
Multiannwali li jmiss toffri opportunità biex l-infiq fil-livell tal-UE jkun
aktar allinjat mal-għanijiet ta' politika strateġiċi. Dan huwa
wkoll ċans kruċjali biex il-mod ta' kif jingħata l-finanzjament
jittejjeb u jiġi ssimplifikat. Il-Komunikazzjoni tispjega kif
il-Kummissjoni ħatfet dawn l-opportunitajiet fil-qasam tal-affarijiet
interni.
1.2.
Ħarsa 'l quddiem: l-isfidi fil-qasam
tal-affarijiet interni
Fuq l-għexieren ta' snin li ġejjin,
l-Unjoni ser tissokta tindirizza sfidi importanti fil-qasam tal-affarijiet
interni. Hija ser jeħtiġilha tiġġieled kontra t-traffikar
tal-bnedmin u taffaċċja l-migrazzjoni irregolari b'mod xieraq.
Fl-istess ħin, l-Unjoni trid tkompli turi solidarjetà ma’ dawk li
għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali. It-tlestija ta’ Sistema
Ewropea Komuni tal-Ażil aktar protettiva u effiċjenti li tirrifletti
l-valuri tagħna tibqa’ prijorità. Minħabba t-tibdil demografiku, it-tibdil
strutturali fis-swieq tax-xogħol u fix-xejriet tal-kompetizzjoni
għall-ħiliet, element kruċjali li jwassal
għat-tisħiħ tal-kompetittività u l-koeżjoni soċjali
tal-UE, u li jarrikkixxi s-soċjetajiet tagħna u li joħloq
opportunitajiet għal kulħadd ser ikun it-tfassil ta' politiki
progressivi dwar l-immigrazzjoni legali u l-integrazzjoni. Dawn għandhom
jitpoġġew fil-kuntest tal-seba' inizjattivi ewlenin li ġew
ippreżentati fl-Istrateġija Ewropa 2020[6] li għandhom l-għan li
jgħinu lill-UE tegħleb il-kriżi finanzjarja u ekonomika ta'
bħalissa u tikseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. L-iżgurar ta' ambjent protett u sigur
huwa meħtieġ u ta' benefiċċju għat-tkabbir ekonomiku,
kulturali u soċjali tal-UE. L-UE għandha rwol deċiżiv, kemm
jekk huwa dak li tindirizza t-theddid ta' kriminalità serja u organizzata,
taċ-ċiberkriminalità u t-terroriżmu, u kemm jekk dak li
tiżgura l-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE jew billi
tirreaġixxi malajr għal kriżijiet emerġenti kkawżati
minn diżastri naturali jew li jġib b'idejh il-bniedem. Fl-era
tal-globalizzazzjoni, fejn it-theddid qiegħed jiżdied u fejn aktar ma
jmur aktar qiegħed ikollu dimensjoni tranżnazzjonali, l-ebda Stat
Membru ma jista' jirreaġixxi b’mod effettiv għal rasu. Hemm
bżonn ta’ tweġiba Ewropea koerenti u komprensiva sabiex jiġi
żgurat li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkunu jistgħu
jaħdmu b’mod effettiv transkonfinalment u bejn
il-ġuriżdizzjonijiet. Filwaqt li huma meħtieġa miżuri
ta' infurzar li jiggarantixxu s-sigurtà tal-Ewropa, huwa ta' importanza tassew
kbira li dawn il-miżuri jkunu jirrispettaw id-drittijiet fundamentali kif
inhuma mnaqqxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-kooperazzjoni ma' pajjiżi li mhumiex
parti mill-Unjoni Ewropea u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali hija
kruċjali biex jinskibu dawn l-għanijiet. L-avvenimenti li
seħħew dan l-aħħar fl-Afrika ta' Fuq urew kemm huwa
importanti li l-UE jkollha approċċ komprensiv u koordinat fir-rigward
tal-migrazzjoni, il-fruntieri u s-sigurtà. Għaldaqstant, id-dimensjoni
esterna tal-poltiki tal-UE dwar l-affarijiet interni, li kull ma jmur aktar
qegħdin isiru importanti, għandha tissaħħaħ b'koerenza
sħiħa mal-politika barranija tal-Unjoni.
1.3.
Il-valur miżjud tal-intervent tal-UE
Il-ġestjoni tal-flussi migratorji u
tat-theddid fuq is-sigurtà tippreżenta sfidi li ma jistgħux jiġu
indirizzati mill-Istati Membri għal rashom. Il-baġit tal-UE huwa
waħda mill-għodod sabiex l-Unjoni tindirizza dawn l-isfidi. Huwa
jagħti valur miżjud billi jindirizza s-sejħiet
żbilanċjati li jsiru fil-konfront ta' Stati Membri differenti
f'Unjoni mingħajr fruntieri interni; u billi jiffinanzja azzjonijiet
transkonfinali b'mod aktar effiċjenti milli jkun possibbli fil-livell
nazzjonali biss. Ċerti Stati Membri qegħdin
iħabbtu wiċċhom ma' pressjoni partikolarment kbira,
minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tagħhom u t-tul tal-fruntieri
esterni tal-Unjoni li hija fir-responsabbiltà tagħhom li jamministrawhom.
L-abolizzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni għandha tkun
akkumpanjata minn miżuri għall-kontroll u s-sorveljanza effettivi
tal-fruntieri esterni tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-prinċipju
tas-solidarjetà u l-kodiviżjoni ekwa tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati
Membri jinsab fil-qalba tal-politiki komuni dwar l-ażil, l-immigrazzjoni u
l-fruntieri esterni. Il-baġit tal-UE jipprovdi l-mezzi
għall-indirizzar tal-implikazzjonijiet finanzjarji ta' dan
il-prinċipju. Fil-qasam tas-sigurtà, aktar ma jmur, il-kriminalità serja u
organizzata, it-terroriżmu u theddid ieħor relatat mas-sigurtà aktar
qegħdin isiru ta' natura transkonfinali. Il-kooperazzjoni u
l-koordinazzjoni tranżnazzjonali bejn l-awtoritajiet tal-infurzar
tal-liġi huma essenzjali biex din il-kriminalità tiġà
miġġielda u ostakolata b'suċċess, pereżempju permezz
tal-iskambju ta' informazzjoni, investigazzjonijiet konġunti, attivitajiet
ta' taħriġ komuni, teknoloġiji interoperabbli, u
valutazzjonijiet komuni tat-theddid u r-riskji. L-indirizzar tal-flussi migratorji,
il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE u s-sigurtà tal-UE jirrekjedu
riżorsi u kapaċitajiet essenzjali min-naħa tal-Unjoni, u kif
ukoll min-naħa tal-Istati Membri. It-titjib fil-kooperazzjoni u
l-koordinazzjoni operazzjonali li jinvolvu l-kondiviżjoni ta' riżorsi
f'oqsma bħat-taħriġ u t-tagħmir joħloq ekonomiji
tal-kobor u sinerġiji li jiżguraw użu aktar effiċjenti ta'
fondi pubbliċi u t-tisħiħ tas-solidarjetà, il-fiduċja
reċiproka u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà għall-politiki
komuni tal-UE fost l-Istati Membri. Dan huwa rilevanti b’mod partikolari
fil-qasam tas-sigurtà, fejn l-appoġġ finanzjarju għas-suriet
kollha ta' operazzjonijiet transkonfinali konġunti huma essenzjali
għat-titjib tal-kooperazzjoni bejn il-pulizija, id-dwana, il-gwardjani
tal-fruntiera u l-awtoritajiet ġudizzjarji. B'rabta mad-dimensjoni esterna tal-affarijiet
interni, l-adozzjoni ta' miżuri u l-kondiviżjoni ta' riżorsi
fil-livell tal-UE ser iżid b'mod sinifikanti l-possibbiltà li l-UE tkun
tista' tinfluwenza lil pajjiżi terzi biex tikkonvinċihom jimpenjaw
ruħhom mal-Unjoni fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet ta' migrazzjoni u
sigurtà li, l-ewwel u qabel kollox, huma fl-interess tal-Unjoni u tal-Istati
Membri.
2.
Il-prijoritajiet tal-finanzjament
2.1.
Daqqa ta' għajn lejn il-baġit
ġejjieni tal-qasam tal-affarijiet interni
Fid-29 ta' Ġunju tal-2011, il-Kummissjoni
ressqet proposta dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali. Fil-qasam
tal-affarijiet interni, il-Kummissjoni pproponiet baġit globali ta'
EUR 10,911 miljuni (skont prezzijiet attwali) għall-perjodu bejn
l-2014 u l-2020, żieda konsiderevoli meta mqabbel mal-medja fuq il-Qafas
Finanzjarju Multiannwali kurrenti (EUR 6,449 miljuni
għall-perjodu bejn l-2007 u l-2013 skont prezzijiet attwali). Din
iċ-ċifra mhux biss tkopri l-infiq fuq programmi finanzjarji iżda
wkoll finanzjament fuq sistemi tal-IT fuq skala kbira u l-aġenziji tal-UE
li huma attivi fil-qasam tal-affarijiet interni[7].
Il-baġit tal-qasam tal-affarijiet interni bejn l-2014 u l-2020 || Miljuni ta' EUR (skont prezzijiet attwali) Il-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni fosthom il-Programm dwar ir-Risistemazzjoni u n-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni || 3,869 Il-Fond għas-Sigurtà Interna fosthom sistemi tal-IT fuq skala kbira || 4,648 Sistemi tal-IT fuq skala kbira eżistenti u Aġenzija tal-IT || 822 Subtotal || 9,339 L-Aġenziji (il-Europol, il-Frontex, l-EASO, is-CEPOL u l-EMCDDA) || 1,572 Total || 10,911
2.2.
Żewġ Fondi li jappoġġjaw
il-politiki dwar l-affarijiet interni
Il-Kummissjoni tipproponi li tissimplifika
l-istruttura tal-programmi dwar l-affarijiet interni billi tnaqqas l-għadd
ta' Fondi għal tnejn: Fond għall-Ażil u l-Immigrazzjoni u l-Fond
għas-Sigurtà Interna. Huma meħtieġa żewġ oqfsa ta'
finanzjament komprensivi biex jingħata appoġġ lil żewġ
politiki ewlenin fil-qasam tal-politika tal-migrazzjoni u s-sigurtà; politiki
li għalkemm huma differenti ħafna minn xulxin huma kumplimentari,
għaliex dawn ser ikunu fil-qalba tal-affarijiet interni għall-perjodu
wara l-2013. L-arkitettura legali tal-Fondi hija spjegata fl-Anness 1. B'baġit globali li jlaħħaq
it-EUR 3,869 miljuni (skont prezzijiet attwali), il-Fond għall-Ażil
u l-Migrazzjoni ser jiffoka fuq il-flussi tal-persuni u fuq il-ġestjoni
integrata tal-migrazzjoni. Il-Fond għas-Sigurtà Interna ser ikollu
baġit globali ta' EUR 4,648 miljuni (skont prezzijiet attwali)
għall-appoġġ tal-implimentazzjoni u l-Istrateġija
tas-Sigurtà Interna[8]
u approċċ koerenti u komprensiv għall-kooperazzjoni fl-infurzar
tal-liġi, fosthom għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE. Iż-żewġ Fondi ser ikollhom
dimensjoni esterna li tappoġġja azzjonijiet ma' pajjiżi terzi, u
kif ukoll b'rabta magħhom, li l-ewwel u qabel kollox ikunu jaqdu
l-interessi u l-għanijiet tal-UE, iħallu impatt dirett fuq l-UE u fuq
l-Istati Membri tagħha u jiżguraw il-kontinwità mal-attivitajiet
implimentati fit-territorju tal-UE. Il-finanzjament ser jitfassal u jiġi
implimentat b'mod koerenti mal-azzjoni esterna u l-politika barranija tal-UE.
Huwa ma kienx maħsub biex jappoġġja azzjonijiet li huma
orjentati lejn l-iżvilupp u, fejn xieraq, ser jikkumplimenta l-assistenza
finanzjarja permezz ta' strumenti ta' għajnuna esterna. Filwaqt li dawk
l-istrumenti jew jappoġġjaw il-ħtiġijiet ta' żvilupp
ta' pajjiżi benefiċjarji jew jappoġġjaw interessi
politiċi ġenerali tal-UE ma' sħab strateġiċi, il-fondi
tal-affarijiet interni ser isostnu azzjonijiet speċifiċi
f'pajjiżi terzi fl-interess tal-politika dwar il-migrazzjoni tal-UE u
l-għanijiet tal-UE fir-rigward tas-sigurtà interna. Għaldaqstant huma
ser jimlew lakuni speċifiċi u ser jikkontribwixxu għas-sett ta'
għodod li jistgħu jintużaw mill-Unjoni. Kull Fond ser jipprovdi għal reazzjoni
rapida fiċ-ċirkostanza ta' emerġenzi biex l-UE tkun tista'
twieġeb malajr u b'mod effettiv kriżijiet marbuta mal-migrazzjoni u
s-sigurtà.
2.2.1.
Il-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni
Il-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni
ser jiffoka fuq il-ġestjoni integrata ta' flussi migratorji li tkopri
aspetti differenti tal-politika komuni tal-UE dwar l-ażil u
l-immigrazzjoni. Dan ser isostni azzjonijiet rigward l-ażil,
il-migrazzjoni legali u l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta'
pajjiżi terzi, u operazzjonijiet ta' ritorn. Bħalissa l-finanzjament
għal dawn l-attivitajiet huwa kopert minn tliet Fondi separati, il-Fond
Ewropew għar-Refuġjati, il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta'
Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi u l-Fond Ewropew għar-Ritorn
rispettivament. Fil-qasam tal-ażil, il-prijorità
hija l-iżvilupp tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (SEKA) billi
tiġi żgurata l-applikazzjoni effiċjenti u uniformi tal-acquis
tal-UE dwar l-ażil. Għalhekk l-appoġġ finanzjarju ser
jingħata għal miżuri implimentati biex jittejbu l-kundizzjonijiet
ta' akkoljenza ta' applikanti għall-ażil u proċedura
tal-ażil fi Stat Membri. Huwa meħtieġ ukoll li jiżdiedu
sforzi biex titwaqqaf sistema aktar effettiva għall-kondiviżjoni
tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi.
Għaldaqstant il-Fond ser jappoġġja t-twaqqif ta' Programm
tal-Unjoni dwar ir-Risistemazzjoni b'allokazzjoni li tlaħħaq
il-EUR 560 miljun. Il-Programm għandu żewġ
għanijiet: li jipprovdi soluzzjonijiet dejjiema għall-għadd
dejjem jiżdied ta' refuġjati billi jappoġġja
t-trasferimenti tagħhom minn territorji barra mill-UE u s-sistemazzjoni
tagħhom fi Stat Membru tal-UE; li jwassal għall-aktar impatt
strateġiku effettiv tar-risistemazzjoni billi jintlaqtu aħjar dawk
il-persuni li l-aktar għandhom bżonn ta' risistemazzjoni abbażi
tal-prijoritajiet komuni tal-UE dwar ir-risistemazzjoni. Dawn il-prijoritajiet
ser jiġu stabbiliti għal perjodi ta' sentejn bl-involviment
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u b'kooperazzjoni mal-Kummissarju
Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) u
mal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil.
Il-Fond ser jappoġġja wkoll it-trasferiment ta' benefiċjarji ta'
protezzjoni internazzjonali fl-UE ('rilokazzjoni intra-Ewropea'). Għal dan
il-għan, ser jiġu pprovduti inċentivi finanzjarji (ammonti
b'rata fissa) lil dawk l-Istati Membri li jikkommettu ruħhom
għar-risistemazzjoni u r-rilokazzjoni ta' għadd ta' persuni permezz
ta' eżerċizzju ta' 'wegħdiet' kull sentejn abbażi
tal-prijoritajiet komuni tal-UE dwar ir-risistemazzjoni. F'dan il-kuntest,
il-Fond ser jikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ
tal-kapaċitajiet ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari fil-qafas
tal-Programmi ta' Protezzjoni Reġjonali. Fil-qasam tal-integrazzjoni ta'
ċittadini ta' pajjiżi terzi, sa issa l-finanzjament
appoġġja l-Istati Membri fl-iżviluppar ta' strateġiji
nazzjonali għall-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi
jew fit-tisħiħ tal-istrateġiji nazzjonali li diġà jinsabu
fis-seħħ. Fil-fażi ta' pprogrammar li jmiss, l-enfasi ser tkun
fuq approċċ lokali u aktar iffukat, b'appoġġ għal
strateġiji konsistenti mfassla b'mod speċifiku għall-promozzjoni
tal-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fil-livell lokali
jew reġjonali bħal korsijiet ta' orjentazzjoni ċivika,
parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali u ċivika, aċċess
ekwu għal servizzi eċċ. Ser tingħata attenzjoni partikolari
għal dawk il-ħtiġijiet speċifiċi tal-aktar gruppi ta'
migranti vulnerabbli bħar-refuġjati, il-minorenni mhux akkumpanjati,
il-persuni xjuħ u l-vittmi ta' traffikar. Barra minn hekk, il-miżuri
ta' qabel l-ammissjoni li jiġu implimentati fil-pajjiżi ta'
oriġini wkoll ser jiġu appoġġjati bħala mezz
kruċjali tal-faċilitazzjoni tal-migrazzjoni legali lejn l-UE u
l-promozzjoni tal-integrazzjoni fi stadju bikri. L-appoġġ mogħti
mill-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni għall-integrazzjoni ta'
ċittadini ta' pajjiżi terzi u l-azzjonijiet tal-Fond Soċjali
Ewropew għat-titjib tal-ħiliet tal-migranti u l-integrazzjoni fis-suq
tax-xogħol ser ikun wieħed kumplimentari. Sabiex tiġi ffaċilitata
l-migrazzjoni legali, il-Fond ser jipprovdi wkoll appoġġ finanzjarju
lil pajjiżi terzi sabiex jimplimetaw miżuri fil-qafas ta' Sħubijiet
ta' Mobbiltà li jsiru kemm fl-UE u kif ukoll f'pajjiżi terzi u li
l-għan primarju tagħhom huwa li jaqdi l-ħtiġijiet u
l-prijoritajiet tal-UE. Fir-rigward tar-ritorn, l-enfasi ser
tiċċaqlaq minn fuq il-bini ta' kapaċitajiet
għall-ġestjoni tar-ritorn għal fuq appoġġ għal
ritorni sostenibbli, megħjuna minn programmi ta' ritorn volontarju
(mingħajr ma jiġu esklużi operazzjoni ta' ritorn sfurzat) u miżuri
ta' riintegrazzjoni, kif ukoll għat-titjib tat-trattament tal-gruppi
kkonċernati matul il-proċess ta' qabel ir-ritorn, partikolarment
il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni. Il-ftehimiet ta' riammissjoni huma
għodda importanti għal ġestjoni effiċjenti tal-flussi
migratorji, partikolarment fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari, u
huma komponent importanti għall-politika tal-UE dwar ir-ritorn,
għaliex jiffaċilitaw ir-ritorn mgħaġġel ta' migranti
irregolari. Għaldaqstant il-finanzjament ser ikun disponibbli biex
isaħħaħ il-kapaċitajiet tal-pajjiżi għar-riammissjoni
ta' migranti irregolari, kemm f'termini ta' riintegrazzjoni
taċ-ċittadini tagħhom stess u kif ukoll għar-riammissjoni
ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li mbagħad ikomplu
l-vjaġġ tagħhom lejn il-pajjiżi ta' oriġini
tagħhom. L-ewwel tagħlimiet li ttieħdu
mill-avvenimenti fin-Nofsinhar tal-Mediterran juru li l-UE jeħtiġilha
tkun kapaċi tirrispondi b'mod rapidu u aktar effettiv għal
sitwazzjoni ta' kriżi u wasliet għal għarrieda ta' għadd
kbir ta' persuni, fosthom flussi mħallta. Il-Fond jinkludi riżorsi
finanzjarji li jista' jsir użu rapidu minnhom bħala tweġiba
għal tipi differenti ta' kriżijiet relatati mal-migrazzjoni.
It-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tar-Riżerva għal
Għajnuna ta' Emerġenza, jekk jintlaħaq qbil dwarha bejn
il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-kuntest tal-abbozz ta'
Ftehim Interistituzzjonali dwar il-kooperazjoni fi kwistjonijiet baġitarji
u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba[9],
ukoll jista' jikkontribwixxi mezzi finanzjarji fil-każ ta' emerġenzi.
2.2.2.
Il-Fond għas-Sigurtà Interna
Il-Fond għas-Sigurtà Interna[10] iwieġeb
għas-sejħa li saret fil-Programm ta' Stokkolma
għall-ħolqien ta' Fond li jappoġġja l-implimentazzjoni tal-Istrateġija
tas-Sigurtà Interna u approċċ koerenti u komprensiv
għall-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi, fosthom
għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni. Għaldaqstant
l-attivitajiet li huma appoġġjati bħalissa mill-Programmi
Speċifiċi tal-ISEC (il-Prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-Kriminalità)
u s-CIPS (il-Prevenzjoni, it-Tħejjija u l-ġestjoni tal-konsegwenzi
tat-Terroriżmu u riskji oħrajn relatati mas-Sigurtà) ser ikunu
koperti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, kif ukoll dawk li
jappoġġjaw il-Fond għall-Fruntieri Esterni. Fir-rigward tas-sigurtà interna,
il-Fond ser jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni
bejn il-pulizija, il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontra
l-kriminalità transkonfinali serja, u kif ukoll għall-ġestjoni
tal-kriżijiet u l-protezzjoni tal-infrastruttura kritika tal-UE. Il-Fond
ser jgħin fil-ġlieda tal-kriminalità serja u organizzata fil-bosta
suriet li tieħu permezz tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni prattika
fil-qasam tal-infurzar tal-liġi, pereżempju, appoġġ finanzjarju
għal operazzjonijiet konġunti ta' awtoritajiet tal-infurzar
tal-liġi (fosthom it-Timijiet Investigattivi Konġunti),
għall-kondiviżjoni ta' riżorsi, l-iskambju ta' informazzjoni u
l-aħjar prattiki jew taħriġ għall-komunità tal-infurzar
tal-liġi. Il-fondi ser jipprovdu wkoll
għall-iżvilupp ta' għodod komuni, fosthom sistemi interoperabbli
tal-IT u kanali ta' komunikazzjoni siguri fil-livell tal-Istati Membri. Dawn
huma essenzjali għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-infurzar tal-liġi.
B'rabta mal-ġlieda kontra t-theddida dejjem tikber
taċ-ċiberkriminalità, ser jingħata appoġġ finanzjarju
għat-twaqqif ta' Ċentru taċ-Ċiberkriminalità li permezz
tiegħu l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE ser ikunu jistgħu
jibnu kapaċità operazzjonali u analitika għal investigazzjonijiet u
kooperazzjoni ma' pajjiżi sħab fil-livell internazzjonali. Barra minn
hekk, qiegħed jingħata finanzjament għal proġetti
partikolarment innovattivi li l-għan tagħhom huwa l-iżvilupp ta'
metodi jew teknoloġiji ġodda, speċjalment l-ittestjar u
l-validazzjoni tar-riżultati ta' riċerka dwar is-sigurtà ffinanzjata
mill-UE. Dan ser jgħin biex jitqarrbu d-differenzi bejn ir-riżultati
tar-riċerka miksuba b'appoġġ mit-8 Programm Qafas u
l-applikazzjoni serjali tagħhom fil-prattika għall-benefiċċju
tal-komunità tal-infurzar tal-liġi. Ser jiġi pprovdut ukoll appoġġ
finanzjarju għall-protezzjoni ta' infrastruttura kritika u
għat-titjib tal-kapaċità tal-Istati Membri u tal-UE fil-ġestjoni
ta' riskji relatati mat-terroriżmu u ma' fatturi oħrajn relatati
mas-sigurtà u ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi. Il-Fond ser
jappoġġja wkoll miżuri li jagħlqu l-aċċess
għal fondi min-naħa tat-terroristi, fosthom permezz tat-twaqqif ta'
Sistema Ewropea għat-Traċċar ta' Finanzjament
tat-Terroriżmu (TFTS Ewropea)[11],
splussivi u sustanzi Kimiċi, Bijloġiċi, Radjoloġiċi u Nukleari
(CBRN). Ser jiġi pprovdut ukoll finanzjament għall-promozzjoni ta'
azzjonijiet li jindirizzaw il-kwistjoni tar-radikalizzazzjoni vjolenti u
r-reklutaġġ u għall-appoġġ ta' vittmi
tat-terroriżmu. Appoġġ ieħor ser jingħata
fil-qasam tal-politika tad-dimensjoni esterna tas-sigurtà interna
pereżempju favur il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi fuq kwistjonijiet
li jolqtu lill-Unjoni b'mod dirett bħat-traffikar tal-bnedmin, tad-drogi u
tal-armi, l-iżmantellar tal-netwerks kriminali internazzjonali, il-prevenzjoni
tat-terroriżmu u riskji oħrajn relatati mas-sigurtà. Barra minn hekk, fil-qasam tas-sigurtà
interna, jista' jkun hemm inċidenti jew theddid ġdid li jitolbu
reazzjoni rapida u effettiva fil-livell tal-UE, pereżempju attakki
terroristiċi jew attakki ċibernetiċi fuq skala kbira.
Għaldaqstant il-Fond għas-Sigurtà Interna ġie mogħni b'mekkaniżmu
ta' reazzjoni ta' emerġenza li jippermetti lill-UE tirrilaxxa fondi
għal intervent inizjali rapidu f'kollaborazzjoni mal-Istati Membri
kkonċernati. Dan il-mekkaniżmu ser jikkumplimenta l-fondi disponibbli
mill-Fond tal-UE ta' Solidarjetà, maħluq apposta biex jgħin lil
kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri fl-eventwalità ta' diżastru
naturali jew ikkaġunat mill-bniedem, u l-finanzjament taħt
l-Istrument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili li jindirizza
diżastri naturali u kkaġunati mill-bniedem (inċidenti). Fil-qasam tal-fruntieri esterni, wasal
iż-żmien li, permezz tal-baġit tal-UE, tiżdied
l-għajnuna li tingħata favur l-isforzi tal-Istati Membri fuq
il-kontroll tal-fruntieri, u li dan isir b'mod aktar konsistenti u sistematiku,
imsejjes fuq il-kunċett tal-kontroll tal-fruntieri bħala 'servizz
pubbliku' mwettaq mill-Istati Membri fl-interess u f'isem l-UE. Il-Fond ser
jipprovdi appoġġ operattiv li jikkumpensa għall-isforzi li jsiru
mill-Istati Membri għas-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-Unjoni. Ser ikun
hemm ukoll id-disponibbiltà ta' fondi għall-implimentazzjoni
msaħħa tal-acquis ta' Schengen, il-kooperazzjoni konsulari dwar
il-viżi (eż. iż-żieda fit-traffiku lokali tal-fruntiera u
l-ħolqien ta' ċentri komuni ta' applikazzjoni għall-viża) u
l-iżvilupp ulterjuri ta' sistema ta' ġestjoni integrata tal-fruntieri
permezz tat-tisħiħ u t-titjib ta' tagħmir/infrastruttura għall-viża
u l-fruntieri f'konformità ma' żviluppi teknoloġiċi ġodda.
B'mod partikolari dan ikun jinkludi t-titjib tal-kapaċiitajiet
operazzjonali tal-Istati Membri fi ħdan il-qafas tal-istandards
tal-EUROSUR. B'rabta mad-dimensjoni esterna
tal-ġestjoni tal-fruntieri, il-Fond ser jipprovdi appoġġ
immirat għat-titjib tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u
għat-tisħiħ ta' ċerti aspetti ewlenin tal-kapaċitajiet
tagħhom ta' kontroll u ġestjoni tal-fruntiera f'oqsma li huma ta'
interess partikolari għall-UE u li jħallu impatt dirett fuqha.
Pereżempju, fil-qafas tal-EUROSUR, jista' jkun hemm id-disponibbiltà ta'
fondi biex tinħoloq konnessjoni bejn is-sistemi u l-infrastrutturi ta'
pajjiżi terzi ma' dawk tal-UE sabiex ikun jista' jsir skambju regolari ta'
informazzjoni. Sistema tal-IT fuq skala kbira: sfida partikolari Is-sistemi tal-IT fuq skala kbira li jsostnu
l-ġestjoni ta' flussi migratorji fil-fruntieri esterni tal-Unjoni huma ta'
valur miżjud għoli għall-UE. Madanakollu, l-esperjenza turi li
l-iżvilupp u l-ġestjoni ta' sistema bħal din tista' tkun sfida
partikolari. Fil-Komunikazzjoni tagħha ta' Ġunju tal-2011,
il-Kummissjoni pproponiet li twarrab pakkett separat ta'
EUR 822 miljun (skont prezzijiet attwali) għall-ġestjoni
ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira li jinsabu fis-seħħ
(is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen II, is-Sistema ta' Informazzjoni
dwar il-Viża u l-Eurodac). Il-ġestjoni ta' dawn is-sistemi ser
tiġi ttrasferita mill-Kummissjoni lejn l-Aġenzija l-ġdida
responsabbli mill-IT li ser tibda topera fl-2012. Fir-rigward ta' sistemi ġodda tal-IT,
qiegħed jinħoloq programm speċifiku b'baġit ta'
EUR 1.1 biljun (skont prezzijiet attwali) fi ħdan il-Fond
għas-Sigurtà Interna bil-għan tal-iżvilupp ta' sistemi
ġejjiena tal-IT mill-Kummissjoni u fl-Istati Membri, bħal
pereżempju s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ u l-Programm ta'
Vjaġġaturi Rreġistrati (il-pakkett tal-'fruntieri
intelliġenti')[12].
L-iżviluppar ta' dawn is-sistemi ġodda mhuwiex ser jibda qabel ma
l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw il-bażi legali tas-sistemi li
tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom b'mod ċar.
Għaldaqstant mhija mistennija li ssir l-ebda nefqa qabel l-2015, u
l-Kummissjoni qiegħda tipprevedi li ser li tafda l-iżviluppar
tas-sistemi f'idejn l-Aġenzija tal-IT. L-azzjonijiet ewlenin li ser
jitwettqu, il-baġit għalihom u l-iskeda tal-implimentazzjoni
tagħhom ser jiġu stabbiliti f'qafas multiannwali strateġiku.
Sabiex jiġu ffrankati l-kostijiet u tiġi żgurata l-konsistenza
teknika u l-implimentazzjoni mingħajr diffikultajiet, il-Fond ser ikopri
l-kostijiet għall-iżviluppar tal-komponenti ċentrali u
nazzjonali tas-sistemi l-ġodda. Meta dawn is-sistemi jibdew jaħdmu,
l-appoġġ għall-kostijiet operazzjonali fil-livell ċentrali
jiġu ttrasferiti lejn l-Aġenzija tal-IT. L-Istati Membri ser ikunu
jistgħu jużaw l-appoġġ operattiv ipprovdut mill-programmi
multiannwali biex ikopru l-kostijiet ta' dawn is-sistemi fil-livell nazzjonali.
3.
Finanzjament li jingħata aħjar
3.1.
L-ipprogrammar u l-ġestjoni tal-fondi
għall-affarijiet interni: enfasi fuq il-flessibbiltà u r-riżultati
Il-maġġorparti tal-fondi għall-affarijiet
interni ser jiġu implimentati skont il-metodu ta' ġestjoni
kondiviża, jiġifieri fi sħubija mal-Istati Membri.
Għaldaqstant, il-ġestjoni kondiviża ser issir il-mekkaniżmu
ewlieni tal-għoti ta' fondi għall-politiki kollha fil-qasam
tal-affarijiet interni, fosthom għas-sigurtà interna. Madanakollu, din
mhijiex ser tkun biss kontinwazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni
kondiviża li tinsab fis-seħħ bħalissa iżda ser tkun
tiffoka iżjed fuq ġestjoni kondiviża orjentata lejn
ir-riżultati u ssimplifikata. Il-ġestjoni diretta u indiretta ser
tibqa' tintuża għall-assistenza teknika, għal proġetti
tranżnazzjonali speċifiċi jew proġetti partikolarment
innovattivi u għall-parti l-kbira tal-azzjonijiet f'pajjiżi terzi jew
li jirrigwardawhom, u kif ukoll biex jingħata appoġġ li atturi
mhux statali, bħall-promozzjoni ta' avvenimenti u studji u
għar-rilaxx mgħaġġel ta' fondi fil-każ ta'
emerġenzi. Matul il-konsultazzjoni pubblika dwar
il-ġejjieni tal-finanzjament tal-affarijiet interni, il-partijiet
interessati ressqu talbiet għas-simplifikazzjoni u l-aċċess
aktar faċli għall-fondi. Dawn it-talbiet ingħataw kont
tagħhom fit-tfassil tal-Fondi l-ġodda għall-affarijiet interni.
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju tal-2011, il-Parlament
Ewropew laqa' tajjeb l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tnaqqas l-għadd ta'
strumenti finanzjarji għall-affarijiet interni għal struttura ta'
Fondi mibnija fuq żewġ fergħat u fejn huwa possibbli li
tintuża l-ġestjoni kondiviża, għaliex jemmen li dan
l-approċċ jikkontribwixxi b'mod sinfikanti għal aktar
simplifikazzjoni, razzjonalizzazzjoni, konsolidazzjoni u trasparenza
fil-finanzjament tal-affarijiet interni[13].
Arranġamenti b'saħħithom
għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni huma essenzjali sabiex sabiex
ikun jista' jitkejjel il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-Fondi.
Madanakollu, il-migrazzjoni u s-sigurtà huma oqsma li ma tantx jistgħu
jitkejlu skont id-definizzjoni u l-użu ta' indikaturi preċiżi
għaliex essenzjalment dawn huma miftuħa għal fatturi esterni u
għaldaqstant huwa diffiċli li jiwettaq il-monitoraġġ
tagħhom. Pereżempju, l-għadd ta' applikanti għall-ażil
li jaslu fl-UE jiddependi fuq l-instabbiltà politika f'pajjiżi terzi u
huwa diffiċli li jsir kejl dwar id-daqs tal-immigrazzjoni irregolari
minħabba n-natura klandestina tagħha. Għaldaqstant, il-livelli
tal-infiq fl-oqsma tal-migrazzjoni u s-sigurtà ma għandhomx ikunu
jiddependu fuq dejta numerika li mhux bilfors tkun tirrefletti s-sitwazzjoni
fil-post jew li tintlaqat minn fatturi esterni. Għal din ir-raġuni,
l-arranġamenti ta' evalwazzjoni u monitoraġġ li ġew
proposti għaż-żewġ Fondi huma msejsa fuq valutazzjonijiet
kwantitattivi u kwalitattivi (fosthom valutazzjonijiet tar-riskju) li jqisu
firxa sħiħa ta' indikaturi.
3.1.1.
Il-ġestjoni kondiviża
Għal dawk ir-riżorsi implimentati
b'ġestjoni kondiviża, huma meħtieġa pprogrammar flessibbli
u ċiklu ta' rappurtar li jiżguraw li l-programmi nazzjonali
tal-Istati Membri jkunu allinjati mal-prijoritajiet u l-għanijiet
fil-livell tal-UE. Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li
minflok is-sistema attwali ta' programmar annwali fi ħdan qafas
multiannwali konformi mal-prijoritajiet politiċi mfissra b'mod wiesa'
jintuża programmar multiannwali ppreċedut minn 'djalogu dwar
il-politika'. Fil-bidu tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss, il-Kummissjoni
ser tiftaħ djalogu dwar il-politika wieħed f'livell għoli dwar
il-finanzjament għall-affarijiet interni mal-Istati Membri individwali u,
fil-każ ta' xi partijiet tal-Fond għas-Sigurtà Interna, mal-istati
assoċjati ta' Schengen, qabel in-negozjati dwar il-programmi multiannwali
tagħhom. Billi jinvolvi l-awtorità ċentrali responsabbli ta' kull
Stat parteċipanti u jiffoka dwar kif il-fondi tal-UE ser jintużaw
biex jingħata kontribut għall-ksib tal-għanijiet kollha tal-UE
fil-qasam tal-affarijiet interni, id-djalogu dwar il-politika ser iwassal
għal enfasi aħjar fuq l-għanijiet, ir-riżultati u l-impatti
(u mhux fuq l-inputs u l-outputs). Il-Kummissjoni ser tinforma lill-Parlament
Ewropew bir-riżultat ta' dan id-djalogu. Bħala regola, it-tqassim ta' fondi bejn
l-Istati Membri ser ikun ibbażat fuq taħlita bejn ammont bażiku
u ieħor flessibbli. L-ammont bażiku, ikkalkolat abbażi ta'
kriterji oġġettivi u l-ħtiġijiet tal-Istati Membri, ser
jiġi allokat lill-Istati Membri fil-bidu tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali
li jmiss. Dan ser jiżgura l-kontinwità tal-finanzjament u lill-Istati
Membri jagħtihom il-prevedibbiltà li għandhom bżonn biex
jippjanaw il-programmi nazzjonali tagħhom b'mod xieraq. L-ammont
bażiku ser jinżied b'ammont flessibbli li jiddependi fuq ir-rieda ta'
kull wieħed mill-Istati Membri li, fil-kuntest tal-programm nazzjonali
tiegħu, jiffinanzja azzjonijiet li jwieġbu għal prijoritajiet
speċifiċi tal-UE (u li għandha ssir distinzjoni bejniethom u
bejn l-'azzjonijiet tal-Unjoni' b'ġestjoni ċentralizzata).
Il-finanzjament jiġi allokat f'żewġ fażijiet, matul
id-djalogu dwar il-politika fil-bidu tal-Qafas Finanazjarju Multiannwali u wara
li ssir analiżi ta' nofs it-terminu fl-2017. Il-pakkett li twarrab
għal attivitajiet ta' risistemazzjoni u/jew rilokazzjoni taħt il-Fond
għall-Ażil u l-Migrazzjoni ser jitqassam bejn l-Istati Membri
abbażi ta' eżerċizzju fejn jiġu mwiegħda fondi kull
sentejn. B'kunsiderazzjoni tar-riżultati ta' dawn
id-djalogi dwar il-politika, il-programmi multiannwali nazzjonali ser
jiddeskrivu s-sitwazzjoni bażi; jistabbilixxu l-għanijiet
ġenerali li l-Istati Membri jixtiequ jiksbu fil-qasam tal-affarijiet
interni u l-għanijiet speċifiċi li bi ħsiebhom jiksbu
mir-riżorsi tal-Fond. Għal dawn l-għanijiet, il-programm ser
jidentifika miri u eżempji ta' azzjonijiet ewlenin. Barra minn hekk, pjan
finanzjarju ser jindika kif ir-riżorsi allokati ser jiġu impenjati u
minfuqa fuq il-perjodu ta' seba' snin kollu. Sabiex jiġi vvalutat il-progress,
l-Istati Membri ser ikollhom jirrappurtaw kull sena dwar ir-riżultati li
jinkisbu fil-programmi tagħhom u dwar il-ġestjoni finanzjarja.
Il-djalogu ta' politika jitkompla fiċ-ċirkostanza li Stat Membru
jitlob li jsir tibdil fuq il-programm multiannwali tiegħu. L-analiżi
ta' nofs it-terminu li ser issir fl-2017 ser tkun l-okkazjoni biex terġa
ssir eżaminazzjoni tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri, it-twettiq
tal-programmi sa dak iż-żmien, u biex jiġu allokati riżorsi
ġodda għall-aħħar tliet snin tal-Qafas Finanzjarju
Multiannwali li jmiss (2018-2020). Dawn ir-riżorsi addizzjonali ser ikunu
disponibbli b'kunsiderazzjoni għall-valutazzjoni
tar-riskji/ħtiġijiet u/jew tibdil fil-prijoritajiet tal-UE.
Il-Kummissjoni ser tinforma lill-Parlament Ewropew dwar tibdil sinifikati fuq
il-programmi multiannwali u dwar il-progress li jsir fl-implimentazzjoni
tal-programmi b'mod ġenerali. Is-sistemi ta' ġestjoni u kontroll li
għandhom jitwaqqfu mill-Istati parteċipanti għandhom jiġu
ssimplifikati. F'konformità mal-verżjoni riveduta tar-Regolament
Finanzjarju, dawn ser ikollhom l-għan li jsaħħu l-obbligi ta'
rendikont billi r-responsabbiltà mill-ġestjoni finanzjarja tingħata
lil awtorità waħda, jitnaqqas l-għadd ta' livelli ta' kontroll u
jingħata kontribut għall-assigurazzjoni tal-kontijiet, l-iffunzjonar
xieraq tas-sistema, il-legalità u r-regolarità ta' tranżazzjonijiet u
r-rispett tal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba.
3.1.2.
Il-ġestjoni ċentralizzata (diretta u
indiretta)
Il-fondi li ser jingħaddew permezz
tal-programmi multiannwali nazzjonali tal-Istati Membri ser jiġu
kkumplimentati b'approprjazzjonijiet allokati għal attivitajiet immexxija
mill-politika u li għandhom jiġu ġestiti b'ġestjoni diretta
u indiretta. L-azzjonijiet eliġibbli huma definiti
b'mod wiesa' sabiex jipprovdu għal firxa ta' għodod għal
koordinazzjoni tat-tfassil u l-koordinazzjoni tal-politika. L-hekk imsejħa
'Azzjonijiet tal-Unjoni' ser jipprovdu appoġġ għal azzjonijiet
tranżnazzjonali, partikolarment għal azzjonijiet innovattivi u
għall-parti l-kbira tal-azzjonijiet f'pajjiżi terzi jew relatati magħhom
(id-dimensjoni esterna). Ser ikun jista' jingħata finanzjament ukoll
għal azzjonijiet ta' emerġenza implimentati permezz ta'
mekkaniżmu rapidu ta' emerġenza, biex jingħata appoġġ
lil netwerks bħan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni, assistenza teknika,
studji u avvenimenti, kif ukoll l-iżviluppar, taħt ir-responsabbiltà
tal-Kummissjoni, ta' sistemi ġodda tal-IT għall-ġestjoni ta'
flussi migratorji bejn il-fruntieri esterni tal-Unjoni. Dawn l-allokazzjonijiet ser jitqiesu
bħala pakkett wieħed, bil-għan li jintefqu skont
l-iżviluppi ta' politika jew is-sitwazzjoni fi Stati Membri jew
f'pajjiżi terzi. Għaldaqstant huwa possibbli li f'sena partikolari
l-pakkett kollu jintefaq biss fuq tip wieħed ta' azzjonijiet,
pereżempju fuq azzjonijiet ta' emerġenza. Fi żmien meta l-Kummissjoni qiegħda
tistenna tnaqqis fir-riżorsi umani u amministrattivi disponibbli
għaliha, ser jintużaw ħafna anqas riżorsi fuq sejħiet
għal proposti li jitolbu ħafna ħin u ħafna xogħol.
Biex tiġi żgurata l-flessibbiltà u l-għoti rapidu u
effiċjenti ta' fondi, l-azzjonijiet ta' emerġenza u l-'Azzjonijiet
tal-Unjoni' ser jiġu implimentati permezz ta' firxa ta' atturi bħal
organizzazzjonijiet internazzjonali (ftehimiet ta' kontribuzzjoni) u
organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (sħubijiet qafas) jew
billi ċerti kompiti jiġu fdati lil aġenziji eżistenti
tal-UE bħall-Frontex, il-Europol u l-EASO; filwaqt li dawn
tal-aħħar għandhom iżommu f'moħħhom li huma wkoll
suġġetti għal tnaqqis tal-persunal.
4.
X'tibdil qiegħed isir? L-innovazzjonijiet ewlenin
Fost it-tħassib maġġuri
tal-partijiet interessati hemm is-simplifikazzjoni. Il-Programm ta' Stokkolma
jsejjaħ biex il-benefiċjarji jkollhom "aċċess
aħjar/aktar sempliċi" għal fondi tal-affarijiet interni.
Matul il-konsultazzjoni pubblika dwar il-fondi tal-ġejjieni fil-qasam
tal-affarijiet interni, il-partijiet interessati enfasizzaw ukoll
il-ħtieġa li jitnaqqas il-piż amministrattiv filwaqt li
l-proċess jiġi ssimplifikat. Għaldaqstant saru sforzi konsiderevoli
biex jiġi żgurat li l-Fondi l-ġodda jitfasslu b'mod li
l-għoti tagħhom ikunu jista' jsir bl-aħjar mod. Din hija
r-raġuni għaliex hemm differenzi sinifikanti bejn l-arkitettura u
l-qafas regolatorju tal-Fondi l-ġodda u l-organizzazzjoni
tal-ġenerazzjoni attwali ta' programmi ta' nfiq fil-qasam tal-affarijiet
interni. L-innovazzjonijiet ewlenin huma: Fond għall-Ażil u l-Immigrazzjoni
u l-Fond għas-Sigurtà Interna. It-tnaqqis
tal-għadd ta' Fondi tal-affarijiet interni għal żewġ oqfsa
finanzjarji komprensivi jiffaċilita approċċ integrat
għall-infiq fuq il-migrazzjoni u s-sigurtà, u b'hekk jagħmilha aktar
faċli li jiġu ffinanzjati azzjonijiet li jinsabu fuq il-konnessjoni
bejn l-istrumenti finanzjarji. Pereżempju, minħabba d-definizzjoni
ristretta tal-gruppi fil-mira li jistgħu jibbenefikaw minn assistenza,
bħalissa l-appoġġ għat-titjib ta' ċentri ta'
akkoljenza u detenzjoni jinsab mifrux bejn il-Fond Ewropew
għar-Refuġjati u l-Fond għar-Ritorn, skont it-tip ta' grupp li
jkun fil-mira li jibbenefika mit-titjib (applikanti għal ażil jew
dawk li jkunu qegħdin jistennew ir-ritorn). Permezz tal-appoġġ
għal miżuri bħal dawn flimkien taħt Fond wieħed
għall-Ażil u l-Migrazzjoni, jistgħu jinħolqu sinerġiji
u fl-aħħar mill-aħħar, ekonomiji tal-kobor. It-tnaqqis
tal-għadd ta' programmi ta' nfiq iżid ukoll il-viżibbiltà
tal-fondi tal-affarijiet interni u għaldaqstant jiżgura li l-impatti
u l-valur miżjud tal-infiq fuq l-affarijiet interni jiġu apprezzati
kif xieraq. L-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi tal-affarijiet interni ser
ikollhom l-għan tal-koerenza sħiħa ma' politki oħrajn
tal-UE, bħall-politika ta' koeżjoni u l-ġustizzja u
ċ-ċittadinanza, u ser jiġu implimentati flimkien mal-assistenza
finanzjarja li tingħata permezz ta' strumenti tal-UE li
jappoġġjaw dawn il-politiki. Qafas regolatorju komuni. Sett ta' regoli kondiviż dwar l-ipprogrammar, ir-rappurtar,
il-ġestjoni finanzjarja, il-kontrolli u l-evalwazzjoni ser
jiġġenera komprensjoni aħjar tar-regoli mill-partijiet
interessati kollha u ser jiżgura grad ogħla ta' koerenza u
konsistenza. Il-koerenza ser tissaħħaħ ukoll permezz
tal-allinjament tal-qafas regolatorju tal-Fondi tal-affarijiet interni
mar-Regolament Finanzjarju rivedut, ir-regoli ta' implimentazzjoni u r-regoli
li ser japplikaw għal strumenti oħrajn tal-UE b'ġestjoni
kondiviża, partikolarment dawk koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni. Djalogu dwar il-politika għal
ġestjoni kondiviża mtejba u orjentata lejn ir-riżultati. Il-qalba, b'ġestjoni kondiviża, lejn programmar multiannwali
bi djalogu dwar il-politika f'livell għoli ser tiżgura li l-programmi
nazzjonali tal-Istati Membri jkunu allinjati bis-sħiħ
tal-għanijiet u l-prijoritajiet ta' politika tal-UE u tiffoka fuq il-ksib
ta' riżultati u impatti. Il-fatt li l-programmi annwali ser jitwaqqfu ser
inaqqas b'mod sinfikanti l-piż amministrattiv għall-Kummissjoni,
l-Istati Membri u l-benefiċjarji. It-tqassim ta' approprjazzjonijiet bejn
l-Istati Membri abbażi ta' taħlita ta' ammonti bażiċi u
flessibbli ser ilaqqa' l-bżonn għal kontinwità u stabbiltà
mal-bżonn għal flessibbiltà u adattament għat-tibdil li jsir. Dimensjoni esterna. Il-komponenti tad-dimensjoni esterna f'kull Fond ser jagħtu
l-mezzi lill-UE biex twettaq ħidma u tikseb il-prijoritajiet ta' politika
tal-UE fil-qasam tal-affarijiet interni u primarjament ser jaqdu l-interessi u
l-għanijiet tal-UE. Dawn ser jappoġġjaw azzjonijiet
f'pajjiżi terzi li jkollhom impatt dirett fl-UE u fl-Istati Membri
tagħha. Billi tiġi żgurata l-kontinwità tal-finanzjament, b'bidu
fl-UE li jibqa' għaddej f'pajjiżi terzi u viċi versa, l-aspetti
interni u esterni tal-ġestjoni tal-migrazzjoni u tas-sigurtà interna ser
jiġu indirizzata b'mod aktar koerenti, pereżempju, fir-rigward
tar-risistemazzjoni ta' refuġjati, l-implimentazzjoni ta' ftehimiet ta'
riammissjoni, il-programmi ta' protezzjoni reġjonali, kif ukoll il-kooperazzjoni
ma' pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin,
il-prevenzjoni tat-terroriżmu u t-tisħiħ tal-fruntieri esterni.
Għajr għal xi azzjonijiet speċifiċi, partikolarment il-Fond
għall-Migrazzjoni u l-Ażil, dawn l-attivitajiet ser jiġu implimentati
mill-Kummissjoni (ġestjoni ċentralizzata) fi sħubija ma'
pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali ewlenin u
b'koerenza u kumplimentarità sħaħ mal-politika barranija tal-Unjoni u
mal-fondi pprovvduti permezz ta' programmi ta' għajnuna esterna tal-UE.
L-istrumenti ta' għajnuna esterna tal-UE ser jibqgħu l-għajn
ewlenija ta' finanzjament biex pajjiżi terzi jiġu megħjuna jibnu
l-kapaċitajiet fl-oqsma tal-migrazzjoni u s-sigurtà. Użu aħjar tal-għarfien
espert tal-aġenziji responsabbli mill-affarijiet interni. L-aġenziji responsabbli mill-affarijiet interni għandhom rwol
importanti billi jagħtu appoġġ prattiku bejn l-Istati Membri.
Biex il-kompetenzi u l-għarfien espert tal-aġenziji tal-affarijiet
interni jintużaw b'mod aktar effettiv, il-Kummissjoni qiegħda
tipprevedi l-użu tal-possibbiltà offruta mir-Regolament Finanzjarju biex
l-aġenziji jiġu fdati b'kompiti speċifiċi fil-qafas
tal-missjonijiet tagħhom, b'konformità mal-bażijiet legali
tagħhom u flimkien mal-programmi ta' ħidma tagħhom. Dan ikun
il-każ għal azzjonijiet li huma ta natura ad hoc u fejn
l-implimentazzjoni tajba tagħhom tiddependi fuq l-għarfien espert
operazzjonali u tekniku ta' dawn l-aġenziji. Dan isir bla ħsara
għat-tnaqqis globali ta' persunal li huwa mbassar. Reazzjoni effettiva u rapida
għall-kriżijiet. L-avvenimenti reċenti
fl-Afrika ta' Fuq juru kemm huwa importanti li l-UE tkun tista'
tirreaġixxi malajr u b'mod effettiv f'sitwazzjonijiet ta' kriżi li
jevolvu b'mod mgħaġġel. Il-mekkaniżmu ta' reazzjoni ta'
emerġenza fiż-żewġ Fondi ser jippermetti lill-UE li
twieġeb b'mod xieraq għal flussi migratorji mħallta u għal
kriżijiet fil-qasam tas-sigurtà interna, bħal attakki
terroristiċi u attakki ċibernetiċi. Il-proċeduri
mgħaġġla ser jiżguraw li l-fondi jkunu jistgħu
jiġu rrilaxxati fi ftit jiem. Fil-qafas tal-ġestjoni kondiviża,
l-Istati Membri għandhom ukoll il-possibbiltà li jinkludu ammont ta'
riżerva għal ċirkostanzi li ma jkunux ġew previsti
fil-programm multiannwali tagħhom. L-Istatu Membru jintalab jinnotifika
lill-Kummissjoni dwar l-intenzjoni tiegħu li juża din ir-riżerva
iżda ma tkun meħtieġa l-ebda reviżjoni tal-programm
multiannwali, u b'hekk ikun hemm aktar flessibbiltà fl-eventwalità ta'
kriżi. Anness
1 L-arkitettura legali
taż-żewġ Fondi Skont it-Trattat, huma meħtieġa
erba' proposti leġiżlattivi li jistabbilixxu żewġ Fondi li
jkunu jistgħu jkopru l-għanijiet ta' politika tal-migrazzjoni u
s-sigurtà b'manjiera komprensiva, u biex il-ħidma taż-żewġ
Fondi tintrifed b'mod xieraq permezz ta' qafas komuni u sempliċi. Bil-kontra tal-Fond għall-Ażil u
l-Migrazzjoni, li huwa stabbilit permezz ta' Regolament wieħed,
il-kriterju tal-Fond għas-Sigurtà Interna jirrekjedi l-adozzjoni ta'
żewġ strumenti leġiżlattivi. Dan jgħodd għad-dispożizzjonijiet
tat-Trattat li japplikaw għall-qasam tal-affarijiet interni,
partikolarment regoli differenti dwar l-voti li jittieħdu fil-Kunsill u li
huma msejsa fuq il-ġeometrija varjabbli skont il-Protokolli 19 (dwar
l-acquis ta' Schengen), 21 (il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda
fil-qasam tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja) u 22 (dwar
il-pożizzjoni tad-Danimarka, fosthom fir-rigward tat-Titolu V, parti
tlieta tat-Trattat). Għaldaqstant il-Fond għas-Sigurtà
Interna nħoloq bħala qafas ta' finanzjament komprensiv li huwa
magħmul minn żewġ atti separati, li jistabbilixxi l-komponenti
differenti tal-Fond u li jistabbilixxi l-għanijiet, l-azzjonijiet
eliġibbli u l-pakketti għal kull komponent: ·
Regolament li jistabbilixxi, bħala parti
mill-Fond tas-Sigurtà Interna, l-istrument għal appoġġ finanzjarju
tal-kooperazzjoni bejn il-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra
l-kriminalità, u l-ġestjoni ta' kriżijiet; ·
Regolament li jistabbilixxi, bħala parti
mill-Fond tas-Sigurtà Interna, strument għall-appoġġ finanzjarju
għall-fruntieri esterni u l-viża. Kemm jista' jkun possibbli dawn
iż-żewġ Fondi għandhom jaħdmu permezz ta'
mekkaniżmi identiċi fir-rigward tat-twettiq u jkollhom struttura li
kemm jista' jkun tixbah lil strumenti finanzjarji oħrajn tal-UE b'ġestjoni
kondiviża, partikolarment il-fondi koperti mill-Qafas Strateġiku
Komuni. Dan jinkiseb permezz tal-ħolqien ta' strument orizzontali,
applikabbli għall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni u
għaż-żewġ komponenti kollha tal-Fond għas-Sigurtà Interna
(kemm b'mod dirett jew b'kontroreferenzi), li jistabbilixxi r-regoli dwar
l-ipprogrammar, il-ġestjoni u l-kontroll, ir-rappurtar u l-evalwazzjoni
tal-ġestjoni finanzjarja. Dan ser jipprovdi wkoll għall-ħolqien
ta' Kumitat komuni. Il-ħolqien ta' dan l-istrument komuni
jippreżenta tliet vantaġġi distinti. L-ewwel, jevita
d-duplikazzjoni u jnaqqas b'mod sinifikanti l-għadd ta'
dispożizzjonijiet (li mingħajru jkunu l-istess u paralleli ma'
xulxin) fiż-żewġ Fondi. It-tieni, jikseb simplifikazzjoni u
konsistenza għaliex l-istess regoli jkunu japplikaw għall-benefiċjarji
kollha, indipendentement minn liema strument tal-affarijiet interni jkun
ġej il-finanzjament, u għalhekk jiffaċilita l-komprensjoni
tal-Fondi u l-aċċess għalihom. It-tielet, il-ħolqien ta'
Kumitat komuni għaż-żewġ Fondi ser jinkoraġġixxi
lil kull Stat parteċipanti biex jaħtar interlokutur wieħed
għall-politika kollha fil-qasam tal-affarijiet interni. [1] Id-dokument tal-Kunsill 17024/09 tal-1 u
t-2 ta' Diċembru tal-2009 [2] COM(2010) 171 finali tal-20 ta' April tal-2010 [3] ĠU 2008 C115 tad-9 ta' Mejju tal-2008 [4] COM(2010)673 finali tat-22 ta’ Novembru tal-2010 [5] COM(2011)500 finali tad-29 ta’ ta' Ġunju tal-2011 [6] COM(2010)2020 finali tat-3 ta' Marzu tal-2010 [7] L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (EUROPOL),
il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL), l-Aġenzija Ewropea
għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni
(FRONTEX), l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam
tal-Ażil (EASO), iċ-Ċentru Ewropew
għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) [8] COM(2010) 673 finali tat-22 ta’ Novembru tal-2010 [9] COM(2011) 403 finali tad-29 ta’ ta' Ġunju tal-2011 [10] Għar-raġunijiet stabbiliti fl-Anness 1, il-Fond
għas-Sigurtà Interna qiegħed jitwaqqaf permezz ta' żewġ
strumenti separati li flimkien jikkostitwixxu l-Fond. [11] COM(2011) 429 finali tat-13 ta' Lulju tal-2011 [12] COM(2011) 630 finali tal-25 ta’ Ottubru tal-2011 [13] P7_TA(2011)0266 tat-8 ta' Ġunju tal-2011