52011DC0743

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità /* KUMM/2011/0743 finali */


Daħla

Il-globalizzazzjoni, it-tibdil demografiku u t-trasformazzjoni tas-soċjetà qed jaffettwaw lill-Unjoni Ewropea, lill-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi madwar id-dinja. Skont evalwazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti, madwar id-dinja hemm 214-il miljun migrant internazzjonali, u 740 miljun migrant intern ieħor. Hemm 44 miljun persuna spostata minħabba ċ-ċirkostanzi. Huwa stmat li 50 miljun persuna qed jgħixu u jaħdmu barra mill-pajjiż bi status irregolari[1]. Id-djalogu fil-livell globali jista’ jindirizza xi wħud mill-isfidi u t-tħassib kondiviżi. Madankollu, huwa fil-livell reġjonali, nazzjonali u lokali, li kull individwu u kull parti interessata se taħtaf l-opportunitajiet maħluqa mill-migrazzjoni, u mill-mobilità.

Fil-preżent il-migrazzjoni qiegħda fil-quċċata tal-aġenda politika tal-Unjoni Ewropea. Ir-Rebbiegħa Għarbija u l-avvenimenti fin-Nofsinhar tal-Mediterran fl-2011 enfasizzaw iżjed il-ħtieġa għal politika ta’ migrazzjoni koerenti u komprensiva għall-UE. Il-Kummissjoni diġà ppreżentat firxa ta’ proposti ta’ politika u miżuri operattivi dwar il-migrazzjoni, il-mobilità, l-integrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali fil-Komunikazzjonijiet tagħha tal-4 u l-24 ta’ Mejju 2011[2]. Dawk il-proposti kienu approvati kompletament mill-Kunsill Ewropew f’Ġunju ta’ din is-sena[3] u minn dak iż-żmien ’l hawn l-UE ħadet azzjoni immedjata kmieni f’Ottubru billi nediet djalogi dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà mat-Tuniżija u l-Marokk, u billi wettqet il-preparazzjonijiet meħtieġa sabiex tibda d-djalogu mal-Eġittu. Se jsegwu djalogi simili ma' pajjiżi oħra fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran, prinċipalment mal-Libja, hekk kif is-sitwazzjoni politika tippermetti dan. Id-djalogi jippermettu lill-UE u l-pajjiżi msieħba li jiddiskutu b’mod komprensiv l-aspetti kollha tal-kooperazzjoni possibbli tagħhom fil-ġestjoni tal-flussi migratorji u ċ-ċirkolazzjoni ta’ persuni bil-ħsieb li jitwaqqfu Sħubijiet ta' Mobilità.

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-4 ta' Mejju, il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa għall-UE li ssaħħaħ il-politika ta' migrazzjoni esterna tagħha billi twaqqaf sħubijiet ma' pajjiżi li mhumiex tal-UE biex jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni u l-mobilità b'mod li l-kooperazzjoni tkun ta' benefiċċju reċiproku. Għal dan l-għan u b'mod li jirrifletti l-Programm ta' Stokkolma u l-Pjan ta' Azzjoni tal-Programm ta' Stokkolma[4], il-Konklużjonijiet ta' Ġunju tal-Kunsill Ewropew stiednu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni tal-Approċċ Globali tal-Migrazzjoni u biex tiġi stabbilita triq lejn qafas ta' politika aktar konsistenti, sistematiku u strateġiku għar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi kollha relevanti li mhumiex tal-UE. Dan għandu jinkludi proposti speċifiċi għall-iżvilupp tal-partenarjati ewlenin tal-Unjoni, bil-prijorità tingħata lill-viċinat tal-Unjoni kollu kemm hu.

Barra minn hekk, minkejja l-kriżi ekonomika u r-rati tal-qgħad li hawn bħalissa, il-pajjiżi Ewropej qed jiffaċċjaw nuqqasijiet u postijiet vakanti fis-suq tax-xogħol li ma jistgħux jimtlew b’ħaddiema domestiċi, pereżempju fl-oqsma tas-saħħa, ix-xjenza u t-teknoloġija. It-tixjiħ tal-popolazzjoni fuq perjodu twil fl-Ewropa huwa mistenni li jnaqqas b’nofs il-proporzjon bejn il-persuni tal-età tax-xogħol (20-64) u l-persuni ta’ 65 sena u iżjed fil-ħamsin sena li ġejjin. L-imigrazzjoni hi diġà ta' importanza ewlenija fl-UE, bil-migrazzjoni netta li tikkontribwixxi 0.9 miljun ruħ jew 62% tat-tkabbir totali tal-popolazzjoni fl-2010. L-indikaturi kollha juru li uħud mill-ħiliet addizzjonali u speċifiċi meħtieġa fil-ġejjieni se jkunu jistgħu jinstabu biss 'il barra mill-UE[5].

Dan huwa l-kuntest li fih evolva l-Approċċ Globali tal-UE għall-Migrazzjoni sa minn meta ġie adottat fl-2005. Huwa tfassal sabiex jindirizza l-aspetti kollha rilevanti tal-migrazzjoni b’mod ibbilanċjat u komprensiv, bi sħubija mal-pajjiżi mhux tal-UE. L-Approċċ Globali ġie evalwat fl-ewwel nofs tal-2011 permezz ta’ konsultazzjoni pubblika onlajn u ħafna laqgħat konsultattivi dedikati[6]. Il-konsultazzjonijiet ikkonfermaw il-valur miżjud tal-Approċc Globali u r-riżultati prezzjużi li huwa kiseb. Indikaw ukoll ħtieġa għal koerenza politka msaħħa ma’ oqsma oħra ta’ politika, kif ukoll bilanċ tematiku u ġeografiku aħjar. Għalhekk l-Approċċ Globali għandu jirrifletti aħjar l-għanijiet strateġiċi tal-Unjoni u jittraduċihom fi proposti konkreti għal djalogu u kooperazzjoni, prinċipalment mal-Viċinat ta’ Nofsinhar u tal-Lvant, l-Afrika, il-pajjiżi tat-tkabbir u ma’ msieħba strateġiċi oħra.

Sabiex wieħed jaħsad il-frott li jistgħu iħallu l-benefiċċji ta' migrazzjoni mmaniġjata tajjeb u biex twieġeb għall-isfidi tat-tibdil fix-xejriet tal-migrazzjoni, l-UE se jkollha bżonn li tadatta l-qafas tagħha ta' politika. Din il-Komunikazzjoni qiegħda tressaq Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM) imġedded.

1. Għanijiet ewlenin

L-Approċċ Globali għandu jsir iżjed strateġiku u iżjed effiċjenti, b’konnessjonijiet iżjed b’saħħithom u konformità bejn l-oqsma ta’ politika rilevanti tal-UE u bejn id-dimensjonijet esterni u interni ta’ dawk il-politki.

Il-mobbiltà ta' ċittaini minn pajjiżi terzi li jgħaddu mill-fruntieri esterni tal-UE hi ta' importanza strateġika f'dan ir-rigward. Hija tapplika għal firxa wiesgħa ta’ persuni, pereżempju viżitaturi fuq perjodu qasir, turisti, studenti, riċerkaturi, persuni fil-qasam tan-negozju jew membri tal-familja li jkunu fuq żjara. Għalhekk hu kunċett ferma aktar wiesa' mill-migrazzjoni. Il-mobilità u l-politika tal-visa huma interkonnessi u fl-2009 ingħataw madwar 11-il miljun visa mill-Istati Membri li joħorġu visas ta’ Schengen. Il-politika tal-visa hija strument influwenti għal politika li tħares 'il quddiem dwar il-mobilità, kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Mejju 2011[7]. Għalhekk, issa huwa meħtieġ wieħed jieħu kont komplet tal-konnessjonijiet diretti bejn il-politika komuni tal-visa għal soġġorni qosra, il-politiki nazzjonali tal-Istati Membri li jikkonċernaw soġġorni twal, u l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni. Din hija raġuni ewlenija sabiex jitwessa’ l-ambitu ta’ dan il-qafas ta’ politika sabiex tiġi inkluża l-mobilità, li b’hekk issir l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM).

Għalhekk, id-djalogi dwar il-visa eżistenti (u dawk possibbli tal-futur) imnedija mill-UE għandhom jiġu evalwati bis-sħiħ fil-qafas usa’ tal-GAMM. Il-mira hija li jiġi żgurat li qabel ma l-obbligi tal-visa jiġu faċilitati jew imneħħija, jintlaħaq numru speċifiku ta' punti ta’ referenza mill-pajjiżi msieħba inkluż f’oqsma bħall-ażil, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-immigrazzjoni irregolari. Dan il-proċess jista’ jiżgura l-mobilità f’ambjent sigur.

L-Approċċ Globali għandu jkun iżjed konness u integrat mal-politiki esterni tal-UE. L-Approċċ Globali għandu jiġi definit fil-kuntest l-iżjed wiesgħa possibbli bħala l-qafas sovrastanti tal-politka tal-migrazzjoni esterna tal-UE, kumplementari ma’ għanijiet differenti u usa’, li jiġu serviti mill-politika estera u l-kooperazzjoni fl-iżvilupp tal-UE[8]. Sar progress kbir f’din id-direzzjoni sa mill-2005, iżda huma meħtieġa iżjed sforzi sabiex jintużaw fis-sħiħ is-sinerġiji potenzjali bejn dawn il-politiki u mal-politika kummerċjali. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jiżviluppaw strateġiji u programmi li jindirizzaw il-migrazzjoni u l-mobilità, il-politika estera u għanijiet ta’ żvilupp b’mod koerenti u integrat. Il-ħolqien tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandu jiffaċilita l-użu tal-varjetà ta’ politiki u strumenti fid-dispożizzjoni tal-UE b’mod koerenti.

Id-Djalogi dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità huma l-elementi ewlenin li jmexxu l-GAMM u għandhom jiġu standardizzati kemm jista’ jkun. Se jitwettqu bħala parti mill-oqsma usa’ għal relazzjonijiet bilaterali u djalogu (pereżempju Sħubijiet Strateġiċi, Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni jew Ftehimiet ta’ Sħubija u ta’ Kooperazzjoni, Kunsilli ta’ Kooperazzjoni Konġunta jew Sottokumitati ĠLS). Għandu jkun hemm l-għan li jsiru djalogi kemm minn proċessi reġjonali kif ukoll fuq livell bilaterali/nazzjonali ma' pajjiżi msieħba ewlenin. Fejn huwa rilevanti, għandhom isiru skont il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni. Id-djalogi għandhom ikomplu jibnu fuq tmexxija politika regolari, permezz ta’ laqgħat bejn uffiċjali ta’ livell għoli u superjuri, pjanijiet ta’ azzjoni, strumenti ta’ kooperazzjoni u mekkaniżmi ta’ monitoraġġ, fejn rilevanti. Barra dan, għandu jkun hemm l-għan ukoll li jsiru fuq livell lokali, prinċipalment fil-qafas ta' politika/djalogu politiku, permezz tad-Delegazzjonijiet tal-UE.

L-għan tal-migrazzjoni u l-mobilità fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020 huwa li jikkontribwixxu għall-vitalità u l-kompetittività tal-UE. Il-fatt li jkun hemm garanzija ta’ ħaddiema adattabbli bis-snajja' meħtieġa li jkunu jistgħu jlaħħqu mat-tibdil demografiku u ekonomiku li qed jevolvi tirrappreżenta prijorità strateġika għall-Ewropa. Hemm ukoll ħtieġa urġenti li tittejjeb l-effikaċja tal-politiki li l-mira tagħhom tkun l-integrazzjoni tal-migranti fis-suq tax-xogħol. Jeħtieġ li l-politiki eżistenti jiġu riveduti u msaħħa billi l-Unjoni qiegħda tħabbat wiċċha ma’ sfidi urġenti tas-suq tax-xogħol, partikolarment nuqqasijiet fil-livelli tas-snajja' u nuqqas serju ta’ tqabbil fil-qasam tax-xogħol. L-istrateġiji tas-suq tax-xogħol għall-ilħuq ta' ħtiġijiet u l-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-migranti legali, għandhom jiġu diskussi mal-Istati Membri u riflessi fid-djalogu mal-pajjiżi msieħba fejn jista' jkun hemm interess reċiproku. Għandu jkun hemm ukoll djalogu mas-settur privat u dawk li jħaddmu sabiex jinstab għaliex huwa diffiċli li jimtlew ċerti postijiet vakanti u jiġi esplorat il-potenzjal għal politika ta' immigrazzjoni legali li tkun ibbażata iżjed fuq id-domanda. Il-portabbiltà tad-drittijiet soċjali u tal-pensjoni tista’ wkoll tkun faċilitatur għal mobilità u l-migrazzjoni ċirkolari, kif ukoll bħala diżinċentiv għax-xogħol irregolari u għalhekk għandha tittejjeb. Kooperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali ma’ pajjiżi mhux tal-UE tippromwovi l-progress f’dan il-qasam. Fl-2012, il-Kummissjoni fi ħsiebha tipproduċi Green Paper dwar il-politiki meħtieġa biex id-dimensjoni tal-migrazzjoni ekonomika tiġi integrata effettivament fil-ħsieb strateġiku tal-UE għall-impjiegi u t-tkabbir.

L-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom rwol kruċjali sabiex jintegraw b’suċċess il-migranti fis-soċjetà u s-suq tax-xogħol. Għalhekk il-politiki tat-tagħlim matul il-ħajja għandhom jiġu kkunsidrati aktar bis-sħiħ fil-kuntest tal-migrazzjoni u l-mobilità.

Rakkomandazzjonijiet

· L-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM) għandu jiġi kkunsidrat u promoss bħala l-qafas sovrastanti tal-Politika tal-Migrazzjoni Esterna tal-UE, fuq bażi ta' sħubija ġenwina ma' pajjiżi mhux tal-UE u l-indirizzar ta' kwistjonijiet ta' migrazzjoni u mobilità b'mod komprensiv u bbilanċjat. Il-GAMM għandu jwieġeb għall-opportunitajiet u l-isfidi li tħabbat wiċċha magħhom il-politika ta’ migrazzjoni tal-UE, waqt li fl-istess ħin jappoġġja lill-imsieħba sabiex jindirizzaw il-prijoritajiet ta’ migrazzjoni u mobilità tagħhom stess, fil-kuntest reġjonali u fil-qafas xieraq tagħhom.

· Il-GAMM għandu jistabbilixxi qafas komprensiv sabiex jiġġestixxi l-migrazzjoni u l-mobilità ma’ pajjiżi msieħba b’mod koerenti u ta’ benefiċċju reċiproku permezz ta’ djalogu ta’ politika u kooperazzjoni prattika mill-qrib. Għandu jkun inkorporat fil-qafas tal-politika estera ġenerali tal-UE, inkluża l-kooperazzjoni fl-iżvilupp, u allinjat tajjeb mal-prijoritajiet tal-politika interna tal-UE.

· Il-GAMM għandu jitmexxa mid-Djalogi ta' Migrazzjoni u Mobilità. Huma jikkostitwixxu l-proċess fundamentali li bih il-politika ta’ migrazzjoni tal-UE tiġi trasposta fir-relazzjonijiet esterni tal-UE. L-għan tagħhom huwa l-iskambju ta’ informazzjoni, l-identifikazzjoni ta’ interessi kondiviżi u l-bini ta’ fiduċja bħala bażi għal kooperazzjoni operattiva għall-benefiċċju reċiproku tal-UE u l-imsieħeb/imsieħba tagħha.

· Il-GAMM għandu jiġi implimentat b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), inklużi d-Delegazzjonijiet tal-UE, u l-Istati Membri tal-UE, skont il-kompetenzi istituzzjonali rispettivi.

2. Prijoritajiet tematiċi

Il-kuntatti bejn il-persuni permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-kummerċ u n-negozju, l-iskambji kulturali, it-turiżmu jew il-membri ta’ familji fuq żjara minn fruntiera għall-oħra, jiffurmaw parti essenzjali mid-dinja tal-lum. Il-governanza tajba tal-migrazzjoni u l-mobilità ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi tista’ toħloq valur fuq bażi ta' kuljum għall-iżvilupp ta' miljuni ta' persuni, iżżid il-kompetittività tal-UE u tarrikkixxi s-soċjetajiet Ewropej. Dan jagħmel l-Approċċ Globali interess strateġiku ewlieni tal-UE u l-Istati Membri tagħha. B’suq tax-xogħol dejjem iżjed globali għal dawk tas-sengħa, diġà teżisti kompetizzjoni b'saħħitha għat-talenti. Id-djalogu u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi mhux tal-UE għandhom ukoll ipoġġu l-migrazzjoni u l-mobilità fil-perspettiva tal-ħtieġa taż-żamma ta’ movimenti ordnati. Mingħajr kontrolli li jaħdmu tajjeb fuq il-fruntieri u livelli mnaqqsa ta’ migrazzjoni irregolari u politika ta' ritorn effettiv, ma jkunx possibbli għall-UE li toffri iżjed opportunitajiet għal migrazzjoni u mobilità legali. Il-leġittimazzjoni ta’ kwalunkwe qafas ta’ politika tiddependi fuq dawn. Il-benesseri tal-migranti u l-integrazzjoni li tirnexxi jiddependu l-aktar fuqhom. L-UE se ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tipprevjeni u tnaqqas it-traffikar tal-bnedmin. Se tkompli ttejjeb l-effiċjenza tal-fruntieri esterni tagħha fuq il-bażi ta’ responsabbiltà komuni, is-solidarjetà u iżjed kooperazzjoni prattika. Se ssaħħaħ ukoll il-kooperazzjoni operattiva tagħha li għandha l-mira li tibni l-kapaċitajiet mal-pajjiżi msieħba tagħha.

L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ukoll ikunu fost dawk minn ta’ quddiem fil-promozzjoni tal-kondiviżjoni tar-responsabilità globali bbażata fuq il-Konvenzjoni tar-Refuġjati ta’ Ġinevra, u b’kooperazzjoni mill-qrib mal-UNHCR, aġenziji rilevanti oħra u pajjiżi mhux tal-UE. L-UE diġà hija impenjata b’mod attiv fl-appoġġ tal-protezzjoni internazzjonali iżda d-dimensjoni esterna tal-ażil għandha tingħata viżibilita ogħla fl-interazzjoni mal-imsieħba tagħha. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill issottolinejaw ukoll l-impenn għat-tisħiħ tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-ażil tal-UE, u enfasizzaw l-importanza tal-Programmi ta’ Protezzjoni Reġjonali (RPPs) f’dan ir-rigward[9].

Il-governanza tajba tal-migrazzjoni se ġġib ukoll benefiċċji kbar ta’ żvilupp. L-evidenza turi li l-familji tal-migranti jistgħu jżidu l-benesseri tagħhom grazzi għal opportunitajiet barra mill-pajjiż sabiex jakkwistaw ħiliet ġodda u esperjenza tax-xogħol. Il-migrazzjoni u l-mobilità jistgħu jħeġġu wkoll iżjed investiment dirett barrani u konnessjonijiet kummerċjali, b’mod speċjali meta wieħed jikkunsidra r-rwol tal-komunitajiet tad-dijaspora. Huwa għalhekk fl-interess tal-pajjiżi sorsi tal-migranti, kif ukoll il-pajjiżi tad-destinazzjoni, li jaħdmu flimkien sabiex jiżguraw benefiċċji massimi ta’ żvilupp mit-trasferiment tar-rimessi, l-għarfien u l-innovazzjonijiet. Waqt li l-potenzjal tal-migranti li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-pajjiż tal-oriġini tagħhom għandu jiġi rikonoxxut bis-sħiħ u assistit b’medda wiesgħa ta’ miżuri, għandhom isiru sforzi kontra l-eżodu ta' mħuħ, il-ħela ta' mħuħ u l-promozzjoni ta' ċirkolazzjoni ta' mħuħ.

Dawn l-erba' temi  il-migrazzjoni u l-mobilità legali, l-immigrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin, il-protezzjoni internazzjonali u l-politika tal-ażil, u l-massimizzazzjoni tal-impatt tal-iżvilupp tal-migrazzjoni u l-mobilità  għandhom ikunu koperti taħt l-eba' pilastri tal-GAMM. Jekk l-UE se timpenja ruħha b’mod iżjed sistematiku fil-faċilitazzjoni u l-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-mobilità, dan l-aspett tal-aħħar għandu jkun viżibbli fil-pilastri dwar il-migrazzjoni legali u dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp. L-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin huwa ta’ importanza ewlenija u għandu jkun dimensjoni viżibbli tal-pilastru dwar il-migrazzjoni irregolari. L-għan tat-tnedija ta’ approċċ komprensiv taħt il-GAMM jiġġustifika ż-żieda tal-profil tal-protezzjoni internazzjonali u l-ażil bħala waħda mill-pilastri.

Il-GAMM għandu wkoll ikun iċċentrat fuq il-migranti. Fil-qosor, il-governanza tal-migrazzjoni mhijiex dwar 'flussi', 'stokkijiet' u 'rotot', hija dwar il-persuni. Sabiex ikunu rilevanti, effikaċi u sostenibbli, il-politiki għandhom jiġu mfassla sabiex iwieġbu għall-aspirazzjonijiet u l-problemi tal-persuni kkonċernati. Ghalhekk, il-migranti għandhom jingħataw is-setgħa billi jiksbu l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar l-opportunitajiet, id-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Il-Kummissjoni waqqfet il-Portal tal-UE għall-Immigrazzjoni sabiex tipprovdi informazzjoni bħal din flimkien ma’ miżuri oħra.

Id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti hija dimensjoni trażversali, ta' rilevanza għall-erbgħa pilastri fil-GAMM. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-protezzjoni u l-għoti ta’ setgħat lill-migranti vulnerabbli, bħall-minuri mhux akkumpanjati, dawk li jfittxu l-ażil, persuni mingħajr stat u vittmi tat-traffikar. Ħafna drabi din hija wkoll prijorità għall-pajjiżi ta’ sors ta’ migranti. Ir-rispett għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE hija komponent ewlieni tal-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni. L-impatt fuq id-drittijiet fundamentali ta’ inizjattivi meħuda fil-kuntest tal-GAMM għandhom jiġu evalwati b'mod eżawrjenti. Jeħtieġ li jsir iżjed sabiex jiġi spjegat il-qafas legali tal-UE, inkluża d-Direttiva l-ġdida dwar il-Permess Uniku, lill-imsieħba tal-UE u l-migranti.

L-approċċ iċċentrat fuq il-migranti għandu jiġi artikolat u implimentat permezz ta’ djalogu msaħħaħ mad-dijaspora, gruppi ta’ migranti u organizzazzjonijiet rilevanti. Dan id-djalogu għandu jinkludi kwistjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem relatati mal-migranti fl-UE u, b'mod partikolari, fil-pajjiżi mhux tal-UE. Fejn xieraq, il-kooperazzjoni dwar din it-tema għandha tiġi semplifikata bid-djalogu u l-kooperazzjoni dwar l-erba’ pilastri kollha tal-GAMM.

Finalment, il-Programm ta’ Stokkolma rrikonoxxa t-tibdil fil-klima bħala sfida globali li dejjem iżjed qiegħda toħloq migrazzjoni u spostament u stieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta analiżi ta’ dan il-fenomenu, lil hinn mill-effetti potenzjali tiegħu fuq l-immigrazzjoni fl-Unjoni Ewropea biss. L-indirizzar tal-migrazzjoni maħluqa mill-ambjent, inkluż b’mezzi ta’ adattament għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima, għandu jiġi kkunsidrat bħala parti mill-Approċċ Globali.

Rakkomandazzjonijiet

· Il-GAMM għandu jkun ibbażat fuq erba’ pilastri tal-istess importanza:

(1)          l-organizzazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-migrazzjoni u l-mobilità legali;

(2)          il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin;

(3)          il-promozzjoni tal-protezzjoni internazzjonali u t-titjib tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-ażil;

(4)          il-massimizzazzjoni tal-impatt tal-iżvilupp fuq il-migrazzjoni u l-mobilità.

· Il-GAMM għandu jkun iċċentrat fuq il-migrazzjoni. Għandu jintuża fuq il-prinċipju li l-migrant huwa fiċ-ċentru tal-analiżi u l-azzjoni kollha u għandu jingħata s-setgħa li jikseb aċċess għal mobilità sigura.

· Id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti huma kwistjoni trażversali fil-GAMM, billi din id-dimensjoni hija rilevanti għall-erba’ pilastri kollha. Il-GAMM għandu jsaħħaħ ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem tal-migranti fil-pajjiżi tas-sors, it-tranżitu u d-destinazzjoni bl-istess mod.

3. Prijoritajiet ġeografiċi

L-Approċċ Globali m’għandux jiġi ristrett ġeografikament. Huwa approċċ ġenerali u metodu. Dak li se jkun differenti madwar ir-reġjuni hija l-intensità u l-grad li fihom jiġi applikat l-approċċ u t-taħlita ta’ strumenti użati. L-UE għandha tiżgura approċċ koerenti fl-użu ta’ dawk l-istrumenti skont l-għanijiet tagħha u b’konsistenza mad-djalogu politiku ġenerali tagħha mal-pajjiżi mhux tal-UE. Il-prinċipju tad-differenzjazzjoni jfisser li l-UE se tfittex kooperazzjoni eqreb ma’ dawk l-imsieħba li għandhom l-istess interessi ma’ u huma lesti li jieħdu impenji reċiproċi mal-UE u l-Istati Membri tagħha. L-inizjattivi ġodda se jiġu evalwati fid-dawl tal-prijoritajiet reġjonali u bilaterali attwali tal-UE.

Djalogi reġjonali

Maż-żmien, tfaċċa numru kbir ta’ djalogi reġjonali u subreġjonali u proċessi ta’ kooperazzjoni. Xi wħud minnhom bdew mingħajr konnessjoni diretta mal-UE iżda gradwalment kibru sabiex kisbu dimensjoni tal-UE. Oħrajn jinvolvu biss numru limitat ħafna ta’ Stati Membri tal-UE. Hemm sovrappożizzjoni bejn xi wħud minn dawn il-proċessi. Dan mhuwiex sostenibbli, minn perspettiva politika, finanzjarja u dik tar-riżorsi umani. Hemm ħtieġa għal definizzjoni aħjar tal-prijoritajiet ġeografiċi, b’konformità mal-politika estera ġenerali tal-UE u mar-realtà tat-tendenzi migratorji lejn l-UE u l-Istati Membri tagħha.

L-ewwel prijorità għandha tkun il-Viċinat tal-UE, prinċipalment in-Nofsinhar tal-Mediterran[10] u s-Sħubija tal-Lvant (EAP)[11], fejn id-dimensjonijiet tal-migrazzjoni u l-mobilità huma minsuġa mill-qrib mal-kooperazzjoni politika, ekonomika, soċjali u ta’ sigurtà iżjed wiesgħa, fejn saru djalogi kemm fil-kuntest reġjonali kif ukoll fuq il-livell bilaterali. L-għan għandu jkun li b’mod sistematiku jsir progress lejn sħubijiet b’saħħithom u mill-qrib mibnija fuq il-fiduċja reċiproka u interessi kondiviżi, sabiex iwittu t-triq għal iżjed integrazzjoni reġjonali.

It-tieni nett, meta wieħed iħares lejn proċessi ta’ djalogi dwar il-migrazzjoni b'miri iżjed speċifiċi, b'ambitu ġeografiku usa', fin-nofsinhar tal-UE l-prijorità għandha tingħata lis-Sħubija Strateġika EU-Afrika dwar il-Migrazzjoni, il-Mobilità u l-Impjiegi[12]. Lejn il-Lvant il-prijorità ewlenija għandha tkun il-proċess ta’ Praga[13]. Jeħtieġ li dawn iż-żewġ proċessi jiġu kkonsolidati iżjed bħala l-oqfsa reġjonali ewlenija għad-djalogu tal-GAMM. Dan għandu jiġi faċilitat permezz ta’ programmi xierqa ta’ appoġġ.

It-tielt, dawn il-proċessi reġjonali se jiġu ssupplimentati bi proċessi subreġjonali eżistenti u speċifiċi li għandhom jiġu allinjati kemm jista’ jkun mal-oqfsa globali. Fin-Nofsinhar, dan jikkonċerna l-proċess ta’ Rabat[14] (għall-Afrika tal-Punent) u qafas subreġjonali possibbli fil-Qarn tal-Afrika/l-Afrika tal-Lvant (għandu jiġi esplorat iżjed). Fil-Lvant, hemm ħtieġa li tiġi indirizzata s-sovrappożizzjoni bejn il-Proċessi ta' Praga u Budapest[15], sabiex isiru ġeografikament iżjed komplementari. Wara l-inizjattiva tal-2010 tal-Presidenza Turka li tinkludi l-pajjiżi tar-Rotot tal-Ħarir fil-Proċess ta’ Budapest, din kisbet iżjed rilevanza għall-UE bħala pjattaforma unika għal djalogu informali mal-pajjiżi ewlenin ta’ oriġini u tranżitu. Iffukar mill-ġdid li jiġi ppjanat tajjeb tal-attivitajiet kollha taħt dan il-proċess lejn ir-Rotot tal-Ħarir u possibilment pajjiżi Asjatiċi oħra għandu jkun opportun.

Finalment, id-djalogu dwar il-migrazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tal-grupp Afrikan, tal-Karibew u l-Paċifiku (id-djalogu AKP-UE) se jiġi intensifikat, b'iffukar fuq it-tisħiħ tal-aspetti operattivi tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 13 tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni ta' Cotonou. Id-djalogu dwar il-migrazzjoni bejn l-UE u l-Amerika Latina u r-reġjun tal-Karibew (id-djalogu UE-ALK) huwa proċess iżjed reċenti li jeħtieġ li jitkompla sabiex jipprovdi għal reġjun li dejjem qed isir iżjed importanti. Il-modi kif jitwaqqaf forum ibbażat fi Brussell għandhom jiġu esplorati bl-għan li d-djalogu dwar il-migrazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi Asjatiċi rilevanti isir iżjed effettiv u komprensiv billi d-djalogu UE-Asja fuq il-migrazzjoni mistenni li jsir dejjem iżjed importanti.

Djalogi bilaterali

It-tkabbir tal-UE għadu mogħdija separata, fejn proċess impenjat jgħin pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali sabiex jadattaw il-politiki nazzjonali u l-oqfsa leġiżlattivi tagħhom għall-acquis tal-UE. It-Turkija u l-Balkani tal-Punent qegħdin jiżviluppaw sħubijiet mill-qrib u kooperazzjoni mal-UE dwar il-migrazzjoni u l-mobilità . Id-djalogi dwar il-migrazzjoni u kwistjonijiet ta’ mobilità ma’ dawn il-pajjiżi diġà huma intensi u se jibqgħu hekk saż-żmien effettiv tal-adeżjoni.

Ir-Russja hi imsieħba ewlenija għall-UE. Dan l-aħħar sar progress kbir fil-qasam tal-migrazzjoni u l-mobilità billi ġiet stabbilit id-Djalogu dwar il-Migrazzjoni UE-Russja u l-identifikazzjoni tal-Passi Komuni fil-qafas tad-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża.

Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li ssaħħaħ id-djalogu dwar il-migrazzjoni u l-mobilità u l-kooperazzjoni operattiva ma' ekonomiji globali/reġjonali kbar fil-Lvant (l-Indja u ċ-Ċina) u fin-nofsinhar (in-Niġerja u l-Afrika t’Isfel), kif ukoll ma' pajjiżi oħra fil-fażi ta' żvilupp li magħhom l-UE taqsam interess reċiproku, meta dan jiġi kkunsiddrat fattibbli.

Id-djalogu ma’ pajjiżi industrijali, bħall-Istati Uniti, il-Kanada u l-Awstralja, se jkompli jiffoka fuq skambji ta’ informazzjoni dwar prijoritajiet u strateġiji komuni relatati mal-governanza globali tal-migrazzjoni u l-mobilità.

L-Approċċ Globali għandu wkoll ikabbar iżjed l-ambitu u l-pertinenza ġeografika tiegħu. Għalhekk, għandu jiffoka mhux biss fuq il-migrazzjoni fl-UE, iżda għandu jindirizza wkoll il-migrazzjoni u l-mobilità interreġjonali u intrareġjonali f’partijiet oħra tad-dinja fejn rilevanti. Waqt li mhux neċessarjament qiegħed ikollha impatt fuq l-UE, din id-dimensjoni madankollu tista' tkun rilevanti ħafna għal xi wħud mill-imsieħba tal-UE u, għalhekk, għad-djalogu politiku ġenerali u l-kooperazzjoni tagħna ma’ pajjiżi bħal dawn.

L-Approċċ Globali jipprovdi wkoll qafas xieraq sabiex jiġi indirizzat ir-rwol tal-UE fil-governanza globali tal-migrazzjoni u l-mobilità. L-Approċċ Globali jippermetti lill-UE li jkollha vuċi waħda dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni u mobilità fuq livell globali, b’mod partikolari fil-Forum Globali dwar il-Migrazzjoni u l-Iżvilupp (GFDM), waqt li qed jibda jibni alleanzi wiesgħin lejn id-Djalogu ta’ Livell Għoli tan-NU fl-2013 u iktar tard.

Rakkomandazzjonijiet

· Il-GAMM għandu jkun tassew globali. Id-djalogu u l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ migrazzjoni għandhom jiġu segwiti madwar id-dinja mal-imsieħba interessati u rilevanti kollha fuq il-bażi tal-prijoritajiet rispettivi tal-UE.

· Il-GAMM għandu jibqa’ ffukat bis-sħiħ fuq il-proċessi ta’ djalogu reġjonali. Huma għandhom l-għan li jtejbu d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-oriġini, it-tranżitu u d-destinazzjoni, billi jkopru l-kwistjonijiet u t-temi kollha rilevanti b’mod reċiproku fil-qasam tal-migrazzjoni u l-mobilità. Waqt li l-Viċinat tal-UE għadha prijorità ewlenija u usa’, il-qafas reġjonali kumplessiv lejn in-Nofsinhar għandu jkun is-sħubija Afrika-UE. Lejn il-Lvant għandu jkun il-proċess ta’ Praga. Proċessi subreġjonali oħra għandhom jiġu allinjati u semplifikati skont il-każ.

· Fuq livell bilaterali, il-GAMM għandu jiffoka fuq numru relattivament limitat ta’ msieħba ewlenin. Dawn id-djalogi bilaterali jikkumplimentaw il-proċessi reġjonali u, fejn possibbli, għandhom ikunu konnessi ma’ ftehimiet li jkopru l-ispettru kollu ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiż ikkonċernat.

· Il-GAMM huwa miftuħ ukoll għall-possibbiltà li jindirizza l-migrazzjoni u l-mobilità intrareġjonali f’partijiet oħra tad-dinja meta jiġi identifikat fid-djalogu bħala rilevanti għall-ksib tal-għanijiet stabbiliti. Il-GAMM għandu jippermetti wkoll li l-UE timxi lejn rwol iżjed attiv fil-governanza globali tal-migrazzjoni.

4. Mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni

Sa mill-2005 ġew iffinanzjati madwar 300 proġett relatati mal-migrazzjoni f’pajjiżi mhux tal-UE taħt diversi strumenti finanzjarji tematiċi u ġeografiċi tal-Kummissjoni Ewropea, li jammontaw għal valur ta’ EUR 800 miljun. Dawn il-proġetti jinkludu inizjattivi konġunti kbar bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (OIM) jew iċ-Ċentru Internazzjonali għall-Iżvilupp ta' Politika tal-Migrazzjoni (ICMPD) li jindirizzaw medda wiesgħa ta' kwistjonijiet dwar il-migrazzjoni internazzjonali. Xi eżempji jinkludu ċ-Ċentri ta' Servizz u Riżorsi għall-Migranti fil-Balkani tal-Punent u l-Asja, l-Osservatorju tal-AKP dwar il-Migrazzjoni, il-Programmi ta’ Protezzjoni Reġjonali (RPPs) fl-Afrika u l-Ewropa tal-Lvant, kif ukoll ħafna proġetti li jappoġġjaw l-implimentazzjoni ta' Sħubijiet ta' Mobilità fl-Ewropa tal-Lvant (il-Moldova u l-Ġeorġja) u l-Afrika (il-Kap Verde).

Fl-imgħoddi, l-Approċċ Globali kien jistrieħ prinċipalment għal xi ftit għodod speċifiċi: a) profili ta’ migrazzjoni, li issa jiġu applikati mad-dinja kollha f’iżjed minn 70 pajjiż, b) missjonijiet ta' migrazzjoni, li saru għal 17-il pajjiż mhux tal-UE, c) pjattaformi ta' kooperazzjoni, stabbiliti għal perjodu limitat fl-Etjopja, u d) Sħubijiet ta’ Mobilità, li tnedew mal-Moldova, il-Kap Verde, u l-Ġeorġja u iżjed reċentement mal-Armenja. Dawn ġew żviluppati gradwalment, iżda r-rilevanza u l-importanza tagħhom mhijiex uniformi u ma għandhom l-ebda interrelazzjoni loġika ċara.

Madankollu, il-politika ta’ migrazzjoni esterna tal-UE tibni wkoll fuq leġiżlazzjoni u strumenti legali tal-UE (sa issa, disa’ faċilitazzjonijiet ta’ visa u tlettax-il ftehim ta’ ammissjoni mill-ġdid fl-UE u seba’ Direttivi dwar il-migrazzjoni legali u irregolari), strumenti politiċi (numru kbir ta’ djalogi ta’ politika, ħafna drabi sostnuti minn pjanijiet ta’ azzjoni), appoġġ operattiv u bini ta’ kapaċitajiet (inkluż permezz tal-aġenziji tal-UE bħal FRONTEX, EASO u ETF u faċilitajiet ta’ assistenza teknika bħall-MIEUX u TAIEX)[16] u l-medda wiesgħa ta’ appoġġ ta programmi u proġetti li hija magħmula disponibbli għal ħafna partijiet interessati, inklużi s-soċjetà ċivili, l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet internazzjonali.

Il-GAMM huwa bbażat fuq dan l-ispettru sħiħ ta’ għodod u strumenti, li għandhom jiġu applikati b’mod strutturat u sistematiku. Dan se jsir permezz ta’ oqfsa ta’ sħubija bilaterali mfassla apposta li se jiġu negozjati bejn l-UE u kull wieħed mill-pajjiżi prijoritarji kkonċernati.

L-ewwel wieħed minn dawn l-oqfsa huwa l-Isħubija għall-Mobilità (MP). L-MP qiegħda lil hinn mill-fażi pilota tagħha u għandha tiġi aġġornata u promossa bħala l-qafas ewlieni għal kooperazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni u l-mobilità bejn l-UE u l-imsieħba tagħha, b’iffukar primarju fuq il-pajjiżi fil-Viċinat tal-UE. Il-proposta li tiġi negozjata MP għandha tiġi ppreżentata ladarba jkun intlaħaq ċertu livell ta’ progress fid-djalogi dwar il-migrazzjoni u l-mobilità, b’kunsiderazzjoni wkoll tal-kuntest ekonomiku, politiku u ta’ sigurtà usa’.

L-MP jipprovdi l-qafas komprensiv sabiex jiżgura li l-movimenti ta’ persuni bejn l-UE u pajjiż imsieħeb jiġu amministrati tajjeb. L-MP jlaqqa’ flimkien il-miżuri kollha sabiex jiżgura li l-migrazzjoni u l-mobilità jkunu ta’ benefiċċju reċiproku għall-UE u l-imsieħba tagħha, inklużi opportunitajiet għal iżjed mobilità fil-qasam tax-xogħol.

L-MP hija mfassla apposta għall-interessi u t-tħassib kondiviżi tal-pajjiż imsieħeb u l-parteċipanti tal-UE. L-MP imġedda toffri faċilitazzjoni ta’ visa bbażata fuq ftehim ta’ ammissjoni mill-ġdid negozjat b’mod simultanju. Approċċ ta’ ‘iżjed għal iżjed’, li jimplika element ta’ kundizzjonalità, għandu jkompli jiġi applikat bħala mod kif tiżdied it-trasparenza u jitħaffef il-progress lejn il-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet. Pakkett ta’ appoġġ ta’ daqs proporzjonali mmirat lejn il-bini ta' kapaċitajiet, l-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni fl-oqsma kollha ta' interess kondiviż għandu jiġi offrut mill-UE u mill-Istati Membri fuq bażi volontarja.

L-MP se jgħin sabiex jiġi żgurat li jkunu twaqqfu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal migrazzjoni u mobilità ġestiti tajjeb. Bil-kundizzjoni li jiġu implimentati b'mod effikaċi strumenti legali (ftehimiet ta' faċilitazzjoni tal-visa u l-ammissjoni mill-ġdid) u strumenti politiċi (djalogu dwar il-politika u pjanijiet ta' azzjoni), l-UE għandha tkun kapaċi li tikkunsidra t-teħid ta’ passi gradwali u kundizzjonali li jwasslu għal-liberalizzazzjoni tal-visa għal pajjiżi msieħba individwali fuq bażi ta' każ b'każ, billi tikkunsidra r-relazzjoni ġenerali mal-pajjiż imsieħeb ikkonċernat.

It-tieni qafas alternattiv jista’ jkun l-Aġenda Komuni dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità (CAMM). Il-CAMM hija opzjoni vijabbli għall-pajiżi msieħba u għall-UE u l-Istati Membri tagħha f’każijiet fejn iż-żewġ naħat iridu jistabbilixxu livell avvanzat ta’ kooperazzjoni, iżda fejn naħa jew oħra ma tkunx lesta li tidħol fil-grupp sħiħ ta’ obbligi u impenji. Bħall-MP, il-CAMM għandha tistabbilixxi numru ta' rakkomandazzjonijiet, miri u impenji komuni għal djalogu u kooperazzjoni u għandha tinkludi pakkett ta' miżuri speċifiċi ta’ appoġġ offruti mill-UE u l-Istati Membri interessati. Jekk iż-żewġ partijiet jaqblu, l-Aġenda Komuni tista' tiġi aġġornata għal Sħubija għall-Mobilità fi stadju iktar tard.

Iż-żewġ oqfsa għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ dikjarazzjoni politika konġunta bejn, fuq naħa waħda, l-UE u l-Istati Membri interessati, u fuq in-naħa l-oħra l-pajjiż imsieħeb. It-tnejn li huma huma bbażati fuq impenji reċiproċi, waqt li formalment jibqgħu ma jorbtux.

Rakkomandazzjonijiet

· Il-GAMM għandu jiġi appoġġjat minn grupp estensiv ta’ għodod u żewġ oqfsa ta’ sħubija, applikati b’mod flessibbli u mfassla apposta skont id-djalogu ġenerali bejn l-UE u l-pajjiż mhux tal-UE u fuq l-interessi tal-UE kif ukoll fuq l-interessi u l-ħtiġijiet tal-imsieħeb tagħha.

· Is-Sħubija għall-Mobilità (MP) għandha tinbena b’mod ibbilanċjat madwar l-erba’ pilastri kollha tal-GAMM, prinċipalment b’impenji għal ftehimiet dwar il-mobilità, il-faċilitazzjoni tal-visa u l-ammissjoni mill-ġdid. Tista’ tinkludi wkoll, fejn xieraq, konnessjonijiet ma’ tħassib usa' dwar is-sigurtà. Il-kooperazzjoni se tiġi appoġġjata minn pakkett ta’ appoġġ immirat sabiex jibni l-kapaċitajiet u l-kooperazzjoni fl-oqsma kollha ta’ interess kondiviż.

· L-Aġenda Komuni dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità (CAMM) għandha tiġi introdotta bħala qafas alternattiv sabiex jintlaħaq qbil dwar rakkomandazzjonijiet, miri u impenji komuni ma’ msieħba f’kull waħda mill-pilastri tematiċi tal-GAMM. Id-differenza fundamentali mill-MP hija li dan il-qafas ma għandux neċessarjament jeħtieġ li jinnegozja ftehimiet ta’ faċilitazzjoni tal-visa u ammissjoni mill-ġdid. Jekk iż-żewġ partijiet jaqblu, l-Aġenda Komuni tista' tiġi aġġornata għal Sħubija għall-Mobilità fi stadju iktar tard.

· L-għodod li ġejjin jistgħu jiġu applikati fl-istadji differenti ta’ djalogu u kooperazzjoni operattiva mal-imsieħba tal-UE, u se jsibu posthom fl-oqfsa MP/CAMM:

(1)          Għodod ta’ għarfien, inklużi profili dwar il-migrazzjoni, strumenti ta’ immappjar, studji, rapporti statistiċi, evalwazzjonijiet tal-impatt u missjonijiet ta’ tiftix tal-fatti;

(2)          Għodod ta’ djalogu, inklużi missjonijiet, seminars u konferenzi dwar il-migrazzjoni;

(3)          Għodod ta’ kooperazzjoni, inklużi bini ta’ kapaċitajiet, pjattaformi ta’ kooperazzjoni, skambji ta’ esperti, ġemellaġġ, kooperazzjoni operattiva u proġetti u programmi mmirati.

5. Prijoritajiet operattivi

L-għan tad-djalogu u l-kooperazzjoni tal-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi mhux tal-UE għandu jkun immirat lejn l-implimentazzjoni ta’ serje ta’ azzjonijiet ta' prijorità f’kull waħda mill-erba’ pilastri tal-GAMM. Kull waħda mill-attivitajiet operattivi għandha tkun konformi mal-prijoritajiet ġeografiċi tal-UE u sakemm rilevanti tagħti prijorità lill-pajjiżi msieħba ewlenin tal-UE.

L-ewwel pilastru: L-organizzazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-migrazzjoni legali u l-mobilità

Il-politika Ewropea dwar l-organizzazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-migrazzjoni u l-mobilità legali fi ħdan il-GAMM hi bbażata fuq il-premess li l-impjegaturi jiġu offruti opportunitajiet usa' biex isibu l-aħjar individwi għall-postijiet vakanti fis-suq tax-xogħol globali. Bl-istess mod tfittex li torrfi possibilitajiet Ewropej ta' xogħol għal nies mogħnijiet b'talent minn madwar id-dinja, filwaqt li tiġi rispettata bis-sħiħ il-kompetenza tal-Istati Membri biex jimmaniġġjaw is-swieq tax-xogħol tagħhom.

Id-djalogu u l-kooperazzjoni tal-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi mhux tal-UE għandhom jirriflettu l-leġiżlazzjoni li qiegħda tevolvi tal-UE dwar il-migrazzjoni legali bl-għan li jiġi pprovdut aċċess akbar għal informazzjoni dwar drittijiet u opportunitajiet. Għandhom jiġu kkunsidrati l-opinjonijiet u t-tħassib tal-pajjiżi msieħba u jiġu identifikati interessi kondiviżi. Id-domanda għal ħiliet fl-UE għandha tkun qasam fejn ikunu jistgħu jiġu esplorati kumplementaritajiet possibbli ma’ pajjiżi msieħba prijoritarji.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-residenti għal perjodu twil, ir-riunifikazzjoni ta’ familji, l-istudenti, ir-riċerkaturi u l-persuni bi kwalifiki għolja armonizzat kundizzjonijiet għal ammissjoni u d-drittijiet tal-migranti f’ċerti oqsma ewlenin, waqt li l-Istati Membri jżommu d-dritt li jiddeċiedu fuq in-numri ta’ migranti li huma jaħtru għax-xogħol. Id-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-UE hija l-ewwel tweġiba diretta tal-UE għal nuqqasijiet ta’ ħaddiema tas-sengħa.

Id-Direttivi dwar il-ħaddiema staġjonali u dwar it-trasferimenti intrakorporattivi, it-tnejn li huma ta’ rilevanza diretta għas-suq tax-xogħol, qed jiġu nnegozjati mal-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Huma għandhom jintroduċu proċedura komuni, semplifikata u iżjed rapida. Il-proposta dwar il-ħaddiema staġjunali tinkludi wkoll il-protezzjoni minn sfruttament u hija ta’ rilevanza għal ħafna pajjiżi msieħba, b’mod speċjali fl-agrikoltura u t-turiżmu. Il-mira tat-tieni proposta hija li, taħt ċerti kundizzjonijiet, tippermetti lill-kumpaniji stabbiliti barra mill-UE li jittrasferixxu temporanjament maniġers, speċjalisti u l-gradwati li jkunu qegħdin jitħarġu minn pajjiżi mhux tal-UE lejn l-entitajiet u impriżi konnessi tagħhom fl-Istati Membri.

Id-Direttiva dwar il-Permess Uniku, li mistennija tiġi adottata dalwaqt mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, se ġġib semplifikazzjoni billi twaqqaf proċedura unika u permess uniku. Hija tiddefinixxi lista ta’ oqsma fejn, irrispettivament mir-raġuni tal-bidu tagħhom għal ammissjoni, iċ-ċittadini kollha mhux tal-UE li jkunu residenti u qegħdin jaħdmu legalment se jingħataw l-istes trattament taċ-ċittadini. Xi reviżjonijiet possibbli tad-Direttivi dwar ir-riċerkaturi u l-istudenti jistgħu jiffaċilitaw iżjed l-ammissjoni, ir-residenza u l-mobilità intra-UE ta’ dawn il-gruppi għall-preservazzjoni tal-kapiċità ta' innovazzjoni u l-kompetittività tal-UE tal-ġejjieni.

Permezz tad-djalogu mal-imsieħba tagħha, l-UE se tispjega dan il-qafas legali bl-għan li tiffaċilita l-applikazzjoni. Barra dan, il-Portal tal-UE għall-Immigrazzjoni tnieda bħala għodda onlajn għaċ-ċittadini mhux tal-UE interessati li jitgħallmu dwar opportunitajiet u l-proċeduri meħtieġa sabiex jittrasferixxu ruħhom fl-UE u għal dawk li diġà qegħdin fl-UE li jkunu jixtiequ jittrasferixxu ruħhom minn Stat Membru wieħed għall-ieħor. Fejn ikun rilevanti, dan is-sors ta’ informazzjoni għandu jiġi kkombinat ma’ miżuri ta’ qabel it-tluq li jiffokaw fuq l-aġġornament tal-ħiliet u l-kapaċità fil-lingwi tal-UE.

L-integrazzjoni effikaċi, b’mod partikolari fis-suq tax-xogħol, hija l-muftieħ sabiex jiġi żgurat li kemm is-soċjetà tal-migranti kif ukoll dik riċeventi jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-potenzjal tal-migrazzjoni, inkluż permezz ta’ komunitajiet ta’ dijaspora u imprendituri migranti. Il-Komunikazzjoni dwar l-Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni taċ-Ċittadini tal-Pajjiżi Terzi [17]tissuġġerixxi approċċi u oqsma ġodda għal azzjoni. Id-djalogu mal-imsieħba tal-UE għandu jesplora iżjed ir-rwol tal-komunitajiet ta’ dijaspora u n-netwerk transnazzjonali f’dan il-kuntest, pereżempju fil-preparazzjoni aħjar tal-migranti għal residenza fl-Istati Membri.

L-Istrateġija Ewropa 2020 tenfasizza l-ħtieġa għal sforzi speċjali sabiex tattira migranti tas-sengħa fil-kompetizzjoni globali għal talent, kif ukoll sabiex iżżid l-integrazzjoni ta’ persuni b’passat ta’ migranti fis-soċjetajiet Ewropej. Il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi jappellaw lill-Istati Membri sabiex jagħtu l-attenzjoni meħtieġa lill-integrazzjoni tal-migranti fis-swieq tax-xogħol tal-UE, billi jipprovdu qafas għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni ta' politiki dwar l-impjiegi. Waqt li n-netwerk EURES tipprovdi informazzjoni fuq il-postijiet vakanti, is-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi ukoll għandhom rwol importanti billi jiffaċilitaw l-aċċess għall-impjiegi għall-ħaddiema mobbli u dawk migranti. Il-Fond Soċjali Ewropew (ESF) jipprovdi appoġġ u għajnuna finanzjarji sabiex iżid il-parteċipazzjoni tal-migranti fl-impjiegi.

Barra dan, qiegħda ssir enfażi partikolari għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-Unjoni li tantiċipa s-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa. Il-Monitoraġġ tal-Postijiet Vakanti fl-Ewropa se jiġi ssuplimentat fl-2012 mill-Panorama tal-Ħiliet tal-UE, billi jipprovdi l-previżjonijiet aġġornati tal-provvista tal-ħiliet u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol sal-2020. Fil-qasam tal-validazzjoni tad-diplomi, il-kwalifiki u l-ħiliet, id-Direttiva tal-Kwalifiki Professjonali hija strument ewlieni għall-mobilità intra-UE, li tapplika wkoll għal diplomi li mhumiex tal-UE. Sadanittant, il-kwalifiki żejda jew il-“ħela tal-imħuħ” hija problema mxerrda u serja fost il-ħaddiema migranti mhux tal-UE li jeħtieġ jiġu infirizzati.

Għal dak li jirrigwarda l-portabilità tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali, ir-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali jneħħu l-iżvantaġġi għall-persuni u jipproteġu d-drittijiet akkwiżiti għaċ-ċittadini tal-UE li jkunu qegħdin jiċċaqalqu fl-UE kif ukoll għaċ-ċittadini kollha mhux tal-UE li jkunu residenti b'mod legali b'dimensjoni transkonfinali. Ġew adottatti sitt deċiżjonijiet tal-Kunsill f’Ottubru tal-2010 rigward il-pożizzjoni tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali mal-Alġerija, il-Marokk, it-Tuneżija, il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Iżrael. Ladarba d-deċiżjonijiet jiġu adottati b’mod formali, mill-Kunsill tal-Assoċjazzjoni, l-UE tkun ħolqot sistema esterna limitata ta’ koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, li tapplika għal persuni – kemm iċ-ċittadini tal-UE kif ukoll iċ-ċittadini ta’ dawn is-sitt pajjiżi – li jidħlu u joħorġu mill-UE. Barra dan, id-Direttiva dwar il-Permess Uniku, ladarba jiġi adottat, se tiżgura d-dritt għall-ħaddiema migranti kollha koperti minnu li jesportaw il-pensjonijiet akkwiżiti tagħhom taħt l-istess kundizzjonijiet u bl-istess rati taċ-ċittadini tal-Istati Membri kkonċernati meta jmorru f’pajjiż mhux tal-UE.

Billi l-mobilità ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi hija interkonnessa mill-qrib mal-politika komuni dwar il-visa tal-UE għal soġġorni qosra, il-possibbiltajiet kollha taħt il-Kodiċi tal-Visa għandhom jintużaw għas-semplifikazzjoni tal-proċeduri u ż-żieda tat-trasparenza. Il-kooperazzjoni Schengen lokali u kopertura konsolari mtejba fil-pajjiżi mhux tal-UE għandhom iżidu fil-kwalità tas-servizzi. Iżjed reviżjonijiet tal-politika dwar il-visa għandhom jikkunsidraw progress viżibbli fid-djalogi tal-UE. Barra dan, għandhom jissaħħu l-isforzi sabiex ikun hemm koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-konċessjoni ta’ għotjiet għal riċerka u boroż ta' studju u programmi ta' apprendistat u l-ħruġ tal-visa meħtieġa u/jew permessi ta' residenza għar-riċerkaturi kkonċernati.

L-iskambju ta’ informazzjoni prattika fuq is-suġġett tar-reklutaġġ, ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki mhux tal-UE, it-tqabbil tal-ħiliet u l-intermedjazzjoni tas-suq tax-xogħol għandhom jiġu faċilitati bit-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn is-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi fl-Istati Membri u tkun imġeġġa l-kooperazzjoni bejniethom u ma' servizzi oħra ta’ impjieg bħal aġenziji privati u oraganizzazzjonijiet settorjali fl-Istati Membri tal-UE. Ix-xogħol li sar diġà dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki barranin, immexxi mill-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF) u min-netwerk ENIC-NARIC bl-għan li tiġi implimentata l-Konvenzjoni ta’ Lisbona dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki, għandu jiġu kkunsidrat f'dal-kuntest.

Iżjed mobilità għall-istudenti u r-riċerkaturi minn pajjiżi terzi tista’ wkoll tkun triq promettenti lejn il-provvista għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol fl-Ewropa jekk ċerti studenti jkunu jistgħu jaħdmu wara li jkunu spiċċaw l-istudji tagħhom. Din il-kwistjoni tista’ tiġi esplorata iżjed, billi tiġi kkunsidrata l-kompetenza tal-Istat Membru u l-miżuri għall-ġlieda kontra l-esodu tal-imħuħ, pereżempju permezz ta’ migrazzjoni ċirkolari. Dan jista’ jsir b’mod partikolari permezz ta’ użu aħjar ta’ Sħubijiet eżistenti ta’ Mobilità sabiex jittejbu u jiġu faċilitati l-iskambji, il-programmi internazzjonali attwali ta' mobilità u, mill-2014 'l quddiem, tal-programm uniku tal-ġejjieni għall-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ u Orizzont 2020 (il-Programm Qafas tal-ġejjieni għar-riċerka u l-innovazzjoni). It-twaqqif ta’ netwerks istituzzjonali u l-ġemellaġġ ta’ universitajiet fl-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi msieħba prijoritarji għandu jiġi appoġġjat, sabiex b’hekk il-kurrikula u l-proċessi ta' ċertifikazzjoni jiġu adatti aħjar għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol fiż-żewġ postijiet. L-UE għandha tappoġġja lill-Istati Membri sabiex jestendu l-medda tagħhom ta’ ftehimiet dwar il-mobilità taż-żgħażagħ u toffrihom ukoll lill-pajjiżi tas-Sħubija għall-Mobilità.

Fil-qafas kemm tas-Sħubija għall-Mobilità kif ukoll tal-Aġendi Komuni, għandhom jitwaqqfu Ċentri dedikati ta’ Riżorsi għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (MMRC) fil-pajjiżi msieħba. Dawn għandhom jiġu integrati fl-awtoritajiet nazzjonali rilevanti jew aġenziji ta’ impjiegi, bħala żvilupp ulterjuri fuq l-esperjenza miksuba mis-Sħubija għall-Mobilità UE-Moldova u CIGEM fil-Mali[18]. Billi jiffukaw fuq il-ħtiġijiet tal-migranti huma għandhom 1) iservu bħala one stop shop għall-individwi li qegħdin ifittxu informazzjoni u appoġġ fuq il-validazzjoni tal-kwalifiki tagħhom, l-aġġornament tal-ħiliet, il-ħtiġijiet ta’ ħiliet fil-livell nazzjonali jew reġjonali jew fl-UE u 2) jipprovdu miżuri ta’ qabel it-tluq, tar-ritorn u tal-integrazzjoni mill-ġdid. Il-Portal tal-UE għall-Immigrazzjoni għandu jkun ukoll għodda utili ta' informazzjoni għal dan il-għan. L-MMRCs għandhom jassistu lill-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi msieħba u l-Istati Membri tal-UE, inklużi s-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi bl-għan li jittejjeb it-tqabbil tal-impjieg, u jiġu appoġġjati r-riżultati pożittivi ta’ żvilupp. Fuq perjodu medju, dawn iċ-ċentri għandhom ikunu konnessi wkoll maċ-Ċentri Komuni ta’ Applikazzjoni għal Visa, kif ukoll mad-Delegazzjonijiet tal-UE, sabiex jiġu żgurati u ffaċilitati l-proċeduri tal-visa għal kategoriji speċifiċi ta' ċittadini tal-pajjiżi terzi.

In-netwerk tal-Uffiċjali għall-Komunikazzjoni dwar l-Immigrazzjoni (ILOs) għandha tiġi supplimentata b’esperti dwar il-migrazzjoni, inklużi esperti nazzjonali sekondati minn Stati Membri fid-Delegazzjonijiet tal-UE, li jistgħu jsegwu kwistjonijiet dwar il-migrazzjoni minn perspettiva ta’ politika usa’ u iżjed komprensiva milli normalment isir mis-servizzi konsolari.

Rakkomandazzjonijiet

Taħt l-ewwel pilastru, il-GAMM għandu jiffoka fuq il-prijoritajiet li ġejjin:

· Offerti dedikati ta’ mobilità għaż-żgħażagħ, l-istudenti, l-artisti u l-ħaddiema fil-qasam kulturali, ir-riċerkaturi u l-akkademiċi fil-forma ta’ boroż ta’ studju addizzjonali, programmi ta’ fellowships u ta' appremdistat u ftehimiet ta’ mobilità taż-żgħażagħ. Impenji sabiex id-Direttivi dwar l-istudenti u r-riċerkaturi jiġu applikati u possibilment emendati bis-sħiħ.

· L-applikazzjoni kompleta tal-Kodiċi tal-Visa u l-emendi possibbli sabiex titjieb il-kooperazzjoni lokali ta’ Schengen u biex itjieb il-kopertura konsolari, fejn relevanti bit-twaqqif ta’ Ċentri Komuni ta’ Applikazzjoni għal Visa.

· Il-ġemellaġġ bejn l-edukazzjoni għolja u l-istituzzjonijiet ta’ taħriġ, sabiex tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni transkonfinali u l-iskambju tal-allinjament ta’ kurrikula, ċertifikazzjoni u kwalifiki u jiġi żgurat ir-rikonoxximent effiċjenti tagħħom (permezz ta’ garanzija effikaċi tal-kwalità, l-użu kumparabbli u konsistenti ta’ għodod tat-trasparenza tal-UE u permezz tal-ħolqien ta’ konnessjoni ta’ kwalifiki mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki) bl-għan li tittejjeb il-kumplimentarjetà tas-suq tax-xogħol fuq perjodu twil.

· It-tħeġġiġ tas-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi f'livell ta' UE sabiex jiġu monitorjati l-proċeduri ta' reklutaġġ u tiġi skambjata l-prattika tajba dwar it-tqabbil tal-impjieg u x-xogħol fost l-Istati Membri u l-ekwivalenti tal-pajjiż imsieħeb u partijiet interessati oħra.

· Fil-qafas kemm tas-Sħubijiet tal-Mobilità kif ukoll tal-Aġendi Komuni, għandhom jitwaqqfu Ċentri ta’ Riżorsi għall-Migrazzjoni u l-Mobilità fil-pajjiżi msieħba. Billi jibnu fuq l-informazzjoni aċċessibbli permezz tal-Portal tal-UE għall-Immigrazzjoni, huma għandhom jiffaċilitaw il-miżuri ta’ qabel it-tluq billi jiffukaw fuq it-tqabbil tal-ħiliet, l-aġġornament tal-ħiliet u l-kapaċità fil-lingwi tal-UE b'kooperazzjoni mas-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi, l-aġenziji tal-UE u partijiet interessati oħra.

It-tieni pilastru: Il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin

Il-leġittimità ta’ kwalunkwe qafas għall-migrazzjoni u l-mobilità tiddependi fuq l-indirizzar effettiv tal-migrazzjoni irregolari. Migrazzjoni sikura u fiż-żgur hija imminata minn dawk li joperaw 'il barra mill-qafas legali. Il-kooperazzjoni intra-UE hija essenzjali, kif inhuwa wkoll l-għan li jissaħħu s-sħubijiet ma’ pajjiżi mhux tal-UE sabiex jiġi żgurat li l-migrazzjoni u l-mobilità jkunu jistgħu jiġu organizzati b’mod ordnat.

Il-migrazzjoni u l-mobilità huma inkorporati fil-kuntest politiku, ekonomiku, soċjali u ta’ sigurtà usa’. Fehim wiesgħa tas-sigurtà jfisser li l-migrazzjoni irregolari teħtieġ ukoll titqies f’konnessjoni mal-kriminalità organizzata u n-nuqqas tal-istat tad-dritt u l-ġustizzja, l-alimentazzjoni mill-korruzzjoni u regolamentazzjoni mhux adegwata.

L-UE għandha tkompli tagħti prijorità lit-trasferimenti tal-ħiliet, il-kapaċitajiet u r–riżorsi lill-imsieħba tagħha sabiex tevita u tnaqqas it-traffikar, il-kuntrabandu u l-migrazzjoni rregolari, u ssaħħaħ il-ġestjoni integrata tal-fruntieri. Fi ħdan l-UE, l-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar ir-Ritorn u s-Sanzjonijiet ta’ Min Iħaddem għandha tiġi żgurata u kkombinata ma’ miżuri rilevanti oħra b’interazzjoni iżjed mill-qrib ma’ msieħba mhux tal-UE.

Id-djalogu u l-kooperazzjoni mal-imsieħba għandu jkollhom l-għan li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem tal-migranti kollha matul il-proċess kollu tal-migrazzjoni tagħhom. Il-persuni li jħaddmu mingħajr skrupli għandhom jitpoġġew fil-mira, u għandhom jiġu żgurati l-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni tal-atti kriminali u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-migranti. Għandhom jittieħdu miżuri sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ ħajja deċenti għall-migranti fiċ-ċentri tal-ilqugħ u sabiex tiġi evitata d-detenzjoni arbitrarja jew indefinita. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-minuri mhux akkumpanjati fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni adottat fl-2010.

Il-kapaċità ta’ FRONTEX li taħdem bi sħubija mal-awtoritajiet ta' pajjiżi mhux tal-UE għandha tintuża bis-sħiħ. L-Uffiċjali għall-Komunikazzjoni dwar l-Immigrazzjoni (ILOs) għandhom jespandu l-iskambju ta’ informazzjoni tagħhom għal iżjed pajjiżi msieħba. Hemm ħtieġa għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-aġenziji rilevanti tal-UE[19] li għandha tippermetti skambju aħjar ta’ informazzjoni fl-oqsma tal-migrazzjoni u l-kriminalità organizzata.

Qed isir dejjem iżjed ċar li s-sigurtà tad-dokumenti u s-serq tal-identità huma oqsma fejn kooperazzjoni iżjed mill-qrib tista’ ġġib benefiċċji reċiproċi. Il-vjaġġaturi frekwenti (il-persuni tan-negozju, l-uffiċjali tal-gvern, l-istudenti u r-riċerkaturi) minn pajjiżi imsieħba mhux tal-UE li għandhom dokumenti tal-ivvjaġġar bijometriċi u sigurtà mtejba tad-dokumenti diġà stabbilita jistgħu jiġu offruti aċċess iżjed faċli għall-UE. Il-proposti li se tressaq il-Kummissjoni dwar il-fruntieri intelliġenti, inkluża sistema ta' dħul/ħruġ u programm irreġistrat ta' dawk li jivvjaġġaw, għandhom iwittu t-triq għal żviluppi bħal dawn.

Il-konnessjoni tal-ftehimiet dwar l-ammissjoni mill-ġdid mal-ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-visa bħala parti mill-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni esterna tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-pajjiżi mhux tal-UE billi tipermetti opportunitajiet ta’ mobilità waqt li tissalvagwardja s-sigurtà u tibbilanċja r-riskji ta’ migrazzjoni irregolari. L-ammissjoni mill-ġdid u r-ritorn għandhom ikunu ankrati fis-sod fil-qafas usa’ tal-Approċċ Globali. Il-Kummissjoni se tiffaċilita inizjattivi speċifiċi għall-pajjiżi sabiex timmonitorja xi wħud mir-ritorni.

Il-politika tal-UE dwar it-traffikar tal-bnedmin (THB) tadotta approċċ ħolistiku li jiffoka fuq il-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni tal-kriminali u l-protezzjoni tal-vittmi. Din il-viżjoni integrata hija konsistenti ma’ approċċ iċċentrat fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-vittmi b’kunsiderazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru. Hija għandha l-għan li tipprevjeni din il-kriminalità u tagħti opportunità lill-persuni li jkunu ġew ridotti għal kundizzjoni simili għal dik ta’ skjav li jirkupraw u jiġu integrati mill-ġdid fis-soċjetà. Billi jikkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill[20], il-THB se tkompli tiġi inkluża b’mod sistematiku fi ftehimiet rilevanti tal-UE u sħubijiet strateġiċi ma’ pajjiżi mhux tal-UE kif ukoll fid-djalogi politiċi kollha dwar il-migrazzjoni u l-mobilità. Se ssir enfażi fuq approċċ ibbażat fuq ħafna partijiet interessati matul oqsma ta’ politika rilevanti. Il-bini ta’ kapaċitajiet se jkun komponent ċentrali, hekk kif se jkun komponent importanti l-konformità ma’ standards internazzjonali f’dan il-qasam, b’mod partikolari r-ratifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-protokolli tagħha dwar il-THB u l-kuntrabandu ta’ migranti. L-istrateġija integrata l-ġdida dwar il-THB (ippjanata għall-2012) se tipprovdi koordinazzjoni aktar mill-qrib u iżjed kooerenza fost l-imsieħba interessati.

Rakkomandazzjonijiet

Taħt it-tieni pilastru, il-GAMM għandu jiffoka fuq il-prijoritajiet li ġejjin:

· It-trasferiment ta’ ħiliet, kapaċitajiet u riżorsi lil imsieħba għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-traffikar, il-kuntrabandu u l-migrazzjoni irregolari, l-iżgurar ta' ritorn u riammissjoni, u għat-tisħiħ tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri.

· Il-kooperazzjoni dwar is-sigurtà tad-dokumenti, li twitti t-triq għall-faċilitazzjoni tal-visa għal dawk li jivvjaġġaw ta’ spiss minn pajjiżi msieħba prijoritarji.

· Inizjattivi sabiex il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jiġu protetti aħjar u tingħatalhom is-setgħa.

· - Monitoraġġ preċiż tal-implimentazzjoni min-naħa tal-Istati Membri tal-UE tad-Direttivi dwar ir-ritorni u s-sanzjonijiet ta’ dawk li jħaddmu, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba.

· Iżjed skambji tematiċi komprensivi ta’ informazzjoni bejn l-Uffiċjali għall-Komunikazzjoni dwar l-Immigrazzjoni (ILOs) u kontrapartijiet f'iżjed pajjiżi msieħba.

It-tielet pilastru: Il-promozzjoni tal-protezzjoni internazzjonali u t-titjib tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-ażil

L-UE teħtieġ li ttejjeb is-solidarjetà mar-refuġjati u l-persuni spustati u sforzi bħal dawn għandhom isiru parti integrali tal-GAMM. Hija għandha ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi rilevanti mhux tall-UE sabiex issaħħaħ is-sistemi ta’ ażil u l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-ażil tagħhom, u tiżgura l-konformità mal-istandards internazzjonali. Dan jista’ jippermetti li dawn il-pajjiżi joffru standard ogħla ta’ protezzjoni internazzjonali għall-dawk li jfittxu ażil u l-persuni spustati li jibqgħu fir-reġjun tal-oriġini ta’ konflitti jew persekuzzjoni. L-UE għandha tħeġġeġ lill-pajjiżi msieħba tagħha li jinkorporaw din id-dimensjoni fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom tat-tnaqqis tal-faqar fejn xieraq. Dawn l-istrateġiji għandhom iħarsu wkoll lejn ir-relazzjonijiet bejn ir-refuġjati u l-persuni spustati u l-popolazzjonijiet lokali u, fejn relevanti, b'konformità mal-Programm ta’ Stokkolma tal-2009 li enfasizza li għandha tinbena d-dimensjoni esterna tal-ażil sabiex tikkontribwixxi b’mod iżjed effikaċi għas-soluzzjoni tas-sitwazzjonijiet tar-refuġjati li jdumu aktar mis-soltu.

L-UE għandha tħeġġeġ ukoll lill-pajjiżi mhux tal-UE sabiex jindirizzaw il-kwistjoni tal-persuni apolidi, li huma grupp partikolarment vulnerabbli, billi tieħu miżuri għat-tnaqqis tal-apolidija. L-UE għandha tippromwovi aktar l-iżvilupp ta' qafaz legali internazzjonali għall-persuni spustati internament (IDP), grupp ieħor partikolarment vulnerabbli.

L-UE għandha taħdem mal-imsieħba tagħha sabiex tartikola aħjar il-konnessjonijiet bejn il-protezzjoni u l-iżvilupp internazzjonali. Barra dan, għandhom jiġu żviluppati iktar il-kunċetti u l-istrumenti għat-titjib tat-tranżizzjoni bejn l-għajnuna umanitarja u dik għall-iżvilupp.

L-oqfsa ta’ politika tal-ażil u l-kapaċità ta’ protezzjoni fil-pajjiżi mhux tal-UE għandhom jissaħħu. Dan għandu jintlaħaq permezz ta’ kooperazzjoni iżjed estensiva ma’ pajjiżi mhux tal-UE, inter alia taħt Programmi ta’ Protezzjoni Reġjonali (RPPs). RPP fl-Afrika ta’ Fuq li jinkludi l-Eġittu, it-Tuneżija u l-Libja huwa eżempju notevoli wieħed f'dan ir-rigward.

Gradwalment, l-EASO għandu jiġi iżjed involut fil-bini tal-kapaċità ta' ażil fil-pajjiżi mhux tal-UE, inkluż l-appoġġ għal attivitajiet ta’ risistemazzjoni.

L-RPPs għandhom jittejbu bħala l-istrument ewlieni għal din il-pilastru l-ġdida, billi sa issa ġew sottoutilizzati. L-RPPs eżistenti għandhom jissaħħu u, fejn rilevanti, għandhom jiġu proposti RPPs addizzjonali inkluż bħala parti mid-djalogi tal-UE dwar il-migrazzjoni mar-reġjuni u l-pajjiżi kkonċernati. L-RPPs għandhom ikomplu jiffukaw fuq il-bini ta’ kapaċitajiet ta’ protezzjoni u sistemi ta’ ażil fil-pajjiżi u r-reġjuni msieħba. Il-programmi ta’ żvilupp għar-refuġjati u l-persuni spustati internament (IDPs) u l-programmi għat-tnaqqis tar-riskji ta’ diżastri f’dawn ir-reġjuni għandhom jitkomplew, u fejn ikun meħtieġ jittejbu, b’konsistenza ma’ u l-kumplimentarjetà għall-RPPs. Għandu jiżdied komponent imtejjeb ta’ risistemazzjoni ma’ kull RPP bħala sinjal ta’ solidarjetà internazzjonali u strument ewlieni sabiex jinkiseb aċċess ordnat għal soluzzjonijiet dewwiema fl-UE.

Għal ħafna mir-refuġjati l-iżjed vulnerabbli, ir-risistemazzjoni tibqa’ l-unika soluzzjoni dewwiema vijabbli. B’dan l-isfond, l-UE ppreparat ‘Programm Konġunt tal-UE dwar ir-Risistemazzjoni’ bl-għan li tiżdied ir-risistemazzjoni fl-Ewropa, waqt li jsir użu iktar strateġiku minnu. Fl-UE għandhom jiġu offruti iżjed postijiet ta’ risistemazzjoni, flimkien ma’ garanziji proċedurali għal iżjed każijiet ta’ risistemazzjoni li għandhom jiġu pproċessati fil-pajjiżi tal-ewwel ażil. Dan jeħtieġ iżjed finanzjament, identifikazzjoni ta’ proċeduri u kapaċità loġistika u teknika mtejba.

Rakkomandazzjonijiet

Taħt it-tielet pilastru, il-GAMM għandu jiffoka fuq il-prijoritajiet li ġejjin:

· Programmi ta’ Protezzjoni Reġjonali (RPPs) għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ protezzjoni u s-sistemi ta’ ażil tal-pajjiżi u r-reġjuni msieħba.

· Appoġġ mill-EASO għall-bini ta’ kapaċitajiet ta’ ażil fil-pajjiżi mhux tal-UE, inkluż fil-forma ta’ appoġġ għal attivitajiet ta’ risistemazzjoni.

· Risistemazzjoni mtejba fl-UE b’kooperazzjoni mal-imsieħba.

· Sforzi aktar f'saħħithom sabiex jiġu riżolti sitwazzjonijiet ta’ refuġjati li jdumu iżjed mis-soltu, inkluża assistenza mmirata lill-persuni spustati.

Ir-raba’ pilastru: Il-massimizzazzjoni tal-impatt tal-iżvilupp tal-migrazzjoni u l-mobilità

L-UE u l-komunità internazzjonali għamlu passi kbar fil-promozzjoni tar-riżultati tal-iżvulupp benefiku tal-migrazzjoni. Sar ħafna progress fil-faċilitazzjoni tal-impatt pożittiv tar-rimessi u l-inizjattivi volontarju mid-dijaspora. Madankollu, jeħtieġ ukoll li l-lati negattivi, bħall-esodu tal-imħuħ, l-ispejjeż soċjali u d-dipendenza fuq is-swieq barranin tax-xogħol, jiġu ttrattati b’mod konġunt fl-isħubijiet. Il-proċeduri għal aċċess għan-numru limitat ta’ opportunitajiet għal migrazzjoni legali ħafna drabi mhumiex trasparenti u huma burokratiċi wisq. Bħala konsegwenza, ħafna migranti jfittxu għajnuna mingħand intermedjarji informali, ħafna drabi b’konnessjoniiet mal-kriminalità organizzata. Il-migranti jiġu esposti mhux biss għal iżjed riskji, abbuż u sfruttament, iżda t-tfaddil potenzjali tagħhom jitnaqqas.

Il-migrazzjoni interreġjonali u intrareġjonali fir-reġjuni fil-fażi ta’ żvilupp tisboq b’numru kbir il-migrazzjoni lejn l-UE. Din l-hekk imsejħa migrazzjoni min-nofsinhar għan-nofsinhar ħafna drabi ġġib benefiċċji lill-migranti fil-forma ta’ opportunitajiet itjeb ta’ xogħol u dħul ogħla minn dak disponibbli f’darhom. Hawnhekk ukoll, ħafna migranti huma soġġetti għal sfruttament, abbuż u qerq. Dawk li jirreklutaw, l-intermedjarji, dawk li jħaddmu jew ċirki kriminali organizzati kollha jistgħu jisfruttaw il-migranti li ma jkunux konxji minn dawn ir-riskji. Għalhekk li informazzjoni u appoġġ isiru disponibbli għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-migranti huwa ta’ importanza ewlenija. L-UE tista’ tgħin lil-migranti sabiex jimxu b’mod ordnat u jieħdu lura lejn darhom ir-riżorsi u l-ħiliet li ħafna drabi jkunu meħtieġa fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom[21].

Inkisbu ħafna riżultati mill-UE u l-pajjiżi msieħba tagħha għal dak li jirrigwarda t-tnaqqis tal-ispejjeż tas-servizzi ta' rimessa u sabiex dawn isiru iżjed trasparenti, iżjed kompetittivi u iżjed affidabbli. Ir-rapporti ta’ kull sentejn dwar il-koerenza ta’ poitika għall-iżvilupp tejbu approċċ ibbażat fuq gvern sħiħ fl-UE. Il-ħatra ta’ assoċjazzjonijiet ta’ dijaspora fl-iżvilupp ta' pajjiżhom ġiet faċilitatat reċentement ħafna bl-appoġġ tat-twaqqif ta' pjattaforma ta' dijaspora mal-UE kollha. L-involviment iżjed b’saħħtu ta’ gruppi ta’ dijaspora u migranti jista’ jgħin ukoll fl-ilħuq tal-għan tal-Approċċ Globali mġedded sabiex jiġu indirizzati, b’mod sistematiku, id-drittijiet tal-migranti u l-għoti tas-setgħat lill-migranti.

Sar avvanz fl-isforzi sabiex jitnaqqas l-esodu tal-imħuħ permezz tal-appoġġ tal-Kodiċi ta’ prattika ta’ WHO dwar ir-reklutaġġ internazzjonali tal-persunal tas-saħħa. L-UE għandha tippromwovi l-Istati Membri fl-isforzi tagħhom sabiex jiffaċilitaw il-migrazzjoni ċirkolari tal-persunal tas-saħħa, sabiex b’hekk il-ħiliet u l-għarfien ikunu jistgħu jinkisbu għall-benefiċċju kemm tal-pajjiżi sors kif ukoll ta’ dawk destinatarji. Id-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-UE tippermetti lill-Istati Membri li jiċħdu applikazzjonijiet sabiex jiżguraw reklutaġġ etiku u tippermetti lill-Kummissjoni li timmonitorja l-applikazzjoni tad-Direttiva bl-għan li jitnaqqas l-esodu tal-imħuħ.

L-UE għandha ssaħħaħ l-appoġġ tagħha ta’ bini ta’ kapaċitajiet fil-pajjiżi msieħba. Għandhom jissaħħu l-koordinazzjoni u l-koerenza bejn il-migrazzjoni nazzjonali u l-politiki ta’ żvilupp u konnessjonijiet mal-ħolqien ta’ impjiegi u politiki dwar l-edukazzjoni, is-saħħa u d-djar. Jeħtieġ li d-dibattitu li xi drabi jaħraq wisq dwar il-‘potenzjal ta’ rebħ assolut’ ikun iżjed ibbilanċjat billi l-lati negattivi tal-migrazzjoni jiettieħdu bis-serjetà, b’mod partikolari l-kosti soċjali tagħha u r-riskji li familji jsiru dipendenti fuq dħul minn rimessi. Il-gvernijiet imsieħba jistgħu jirċievu assistenza mingħand l-UE sabiex iwaqqfu oqfsa nazzjonali għat-trasferiment u l-portabbiltà ta’ pensjonijiet minn barra l-pajjiż, billi jikkunsidraw kif xieraq il-kompetenza tal-Istati Membri f’dan il-qasam.

L-integrazzjoni b’suċċess tal-migrazzjoni fil-ħsieb ta’ żvilupp teħtieġ li tkun parti integrata minn medda sħiħa ta’ politiki settorjali (dwar l-agrikoltura, is-saħħa, l-edukazzjoni, eċċ). B’mod parallel, għandhom jiġu promossi inizjattivi relatati mal-migrazzjoni. L-għarfien li ħafna drabi għadu limitat tar-rilevanza tal-kwistjonijiet ta' migrazzjoni għall-iżvilupp fost il-prattikanti għandu jiġi indirizzat, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi msieħba tagħha. F’dan ir-rigward, huwa essenzjali li l-isfidi relatati ma’ migrazzjoni intrareġjonali jiġu integrati bħala waħda mill-kwistjonijiet taħt il-GAMM, sabiex b’hekk ir-rwol potenzjalment benefiku tal-migrazzjoni fil-kooperazzjoni u l-iżvilupp reġjonali jkun jista’ jiġi identifikat u promoss tajjeb. Il-pajjiżi msieħba għandhom isiru konxji wkoll tal-possibbiltajiet tagħhom li jissenjalaw finanzjament għal żvilupp għal inizjattivi relatati mal-migrazzjoni fil-Programmi Indikattivi Nazzjonali li jiddefinixxu l-kooperazzjoni ta’ żvilupp tagħhom mal-UE. Din il-konnessjoni għandha ssir iżjed profonda fil-qafas tal-politika ta’ żvilupp.

Il-koerenza tal-politika tista’ tiġi faċilitata wkoll bil-Profili ta’ Migrazzjoni Estiża, li qegħdin jintużaw dejjem iżjed sabiex tiġi prodotta bażi ta' evidenza itjeb u iżjed sostenibbli dwar il-konnessjoni bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp. Huma jlaqqgħu il-partijiet interessati kollha fi proċess speċifiku għal pajjiż sabiex jidentifikaw u jindirizzaw nuqqasijiet u ħtiġijiet fid-dejta dwar mudelli attwali ta' migrazzjoni, tendenzi tas-suq tax-xogħol, oqfsa leġiżlattivi u politiċi, informazzjoni dwar il-flussi ta' rimessi, dijaspori u dejta oħra relatata mal-iżvilupp. Is-sjieda għandha tkun tal-pajjiż imsieħeb, u s-sostenibbiltà għandha tiġi żgurata permezz ta’ bini ta’ kapaċitajiet adegwati.

Rakkomandazzjonijiet

Taħt ir-raba’ pilastru, il-GAMM għandu jiffoka fuq il-prijoritajiet li ġejjin:

· Il-promozzjoni tal-Kodiċi tal-WHO ta' prattika dwar ir-reklutaġġ internazzjonali tal-persunal tas-saħħa, u l-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-UE sabiex jitnaqqas l-esodu tal-imħuħ.

· L-esplorazzjoni tat-twaqqif ta’ vetturi ta’ investiment għad-dijaspora li jistgħu jinkanalaw il-kontributi volontarji tad-dijaspora u ż-żieda tar-riżorsi tal-UE sabiex jiżdiedu l-inizjattivi u l-investimenti orjentati lejn l-iżvilupp fil-pajjiżi prijoritarji, bħal ma hemm fin-Nofsinhar tal-Mediterran.

· Sħubijiet privati-pubbliċi sabiex jinħatru imprendituri u SMEs migranti fit-trasferiment tal-kummerċ, l-investiment u l-ħiliet bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi msieħba.

· L-esplorazzjoni tal-utilità ta’ forum annwali dwar ir-rimessi u rakkomandazzjonijiet sal-aħħar tal-2012 fuq il-bażi ta’ studju dwar il-fattibbiltà ta’ portal komuni tal-UE dwar ir-rimessi.

· Assistenza lill-pajjiżi msieħba sabiex jidentifikaw u jimmonitorjaw persuni bona fide li jirreklutaw sabiex tingħata s-setgħa lill-migranti, prinċipalment bl-għan li tiġi faċilitata l-migrazzjoni ċirkolari.

6. Finanzjament u monitoraġġ

L-implimentazzjoni b’suċċess tal-Approċċ Globali jiddependi fuq finanzjament adegwat. L-istrumenti finanzjarji ġeografiċi u tematiċi għadhom ta’ importanza ewlenija għall-kooperazzjoni esterna, u jkollhom jintużaw b’mod komprensiv u koerenti, billi jsir progress fuq it-tagħlimiet meħuda pereżempju mill-Programm Tematiku dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil (2007-2013). Il-programmazzjoni u l-modalitajiet tal-allokazzjonijiet futuri tal-istrumenti esterni tal-UE għandhom ikomplu jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-għanijiet tal-Approċċ Globali, waqt li jiġu rispettati l-għanjiet ġenerali ta’ dawn l-istrumenti u b’konformità mar-regoli tagħhom.

Minbarra dawn l-istrumenti esterni u b’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-kumplimentarjetà, il-Fond tal-UE għall-Migrazzjoni u l-Ażil tal-ġejjieni kif ukoll il-Fond tas-Sigurtà (prinċipalment dwar il-ġestjoni tal-fruntieri) għandhom ukoll ikunu kapaċi li jipprovdu finanzjament għall-GAMM. Dawn il-fondi se jkunu ta’ rilevanza partikolari għal attivitajiet li primarjament iservu l-interessi tal-UE, iżda qegħdin jiġu implimentati f’pajjiż mhux tal-UE. Għalhekk, huma għandhom jintużaw għal attivitajiet speċifiċi li jikkumplimentaw dawk iffinanzjati taħt strumenti ġeografiċi jew strumenti oħra sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni, u b’konsistenza u koerenza ma’ kunsiderazzjonijiet ta’ politika estera u/jew għanijiet ta’ politika ta’ żvilupp.

L-Istati Membri għandhom ikomplu jikkontribwixxu direttament għall-finanzjament tal-Approċċ Globali, pereżempju meta japplikaw l-Approċċ Globali fil-kooperazzjoni bilaterlali tagħhom, meta jinvolvu ruħhom fi proċessi reġjonali u meta jipparteċipaw fi Sħubijiet ta’ Mobilità u Aġendi Komuni ma’ msieħba prijoritarji. Waqt li r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-gvernijiet tal-pajjiżi msieħba huma fil-qalba tal-GAMM, ir-rwol tas-soċjetà ċivili huwa importanti wkoll sabiex jiżgura l-implimentazzjoni ta' inizjattivi konkreti. Ir-rwol tagħhom għandu jiġi rifless fl-arranġamenti finanzjarji u kuntrattwali.

Finalment, jeħtieġ li l-implimentazzjoni tal-GAMM tkun effiċjenti u għandha tinkludi proċess ta’ monitoraġġ. Rapport dwar il-GAMM għandu jiġi adottat darna kull sentejn minn Ġunju tal-2013. Dan għandu jkun imsejjes fuq informazzjoni pprovduta minn Stati Membri, Delegazzjonijiet tal-UE, Aġenziji tal-UE u pajjiżi msieħba u jiġi ppreżentat taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni b’assoċjazzjoni mas-SEAS.

L-għan tar-rapport se jkun il-monitoraġġ tal-għanijiet tal-politika deskritti fil-qosor f’din il-Komunikazzjoni u jkopri d-djalogu u l-proċessi ta’ kooperazzjoni ewlenin kollha tal-UE. Se jevalwa l-progress fuq l-erba’ pilastri tal-GAMM u fuq l-għodod u l-istrumenti li jkunu qegħdin jintużaw billi japplika metodu kumparabbli ta' evalwazzjoni li jirrifletti tibdil matul iż-żmien. Ir-rapport se jevalwa jekk u kif ikunu ntlaħqu l-miri u jagħmel rakkomandazzjonijiet. L-informazzjoni dwar il-progress fuq id-djalogi differenti, l-MPs u l-CAMMs għandha tinġabar u tinxtered b’mod sistematiku, inkluż dwar websajt dedikata tal-GAMM (b’interfaċċja waħda pubblika u oħra tal-UE-interna, li għandu jkollha l-għan ukoll li tiżviluppa netwerk ta’ punti fokali tal-UE). Jista’ jitwaqqaf proġett speċifiku ta’ appoġġ tal-GAMM għal dan il-fini.

Rakkomandazzjonijiet

· Għandu jitkompla jingħata appoġġ lill-GAMM permezz ta' taħlita ta' strumenti finanzjarji ta' tisħiħ reċiproku, ipprovduti kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati Membri tagħha.

· F’livell ta’ UE dawn jinkludu l-istrumenti ġeografiċi u tematiċi esterni kif ukoll il-Fond futur għall-Migrazzjoni u l-Ażil u l-Fond tas-Sigurtà futur.

· Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u tittejjeb l-implimentazzjoni, ir-riżultati tal-GAMM għandhom jiġu ppreżentati f'rapport ta' progress ta’ kull sentejn, u jiġu komunikati wkoll permezz ta’ websajt speċifika għal dan il-għan iżjed profonda fil-qafas tal-politika ta’ żvilupp.

Konklużjonijiet

L-UE hija affettwata minn multitudini ta’ sfidi u opportunitajiet fil-qasam tal-migrazzjoni u l-mobilità. Sabiex l-UE ssir iżjed prospera, teħtieġ li ssir iżjed kompetittiva, billi tattira talent u investimenti. Sabiex tiġġestixxi l-mobilità f’ambjent sigur, l-UE teħtieġ li tkompli d-djalogu u l-kooperazzjoni prijoritarji tagħha mal-pajjiżi msieħba fil-Viċinat tal-UE u lil hinn minn hemm. Sabiex toffri protezzjoni lil dawk fil-bżonn, u ttejjeb l-impatt ta’ żvilupp tal-migrazzjoni u mobilità għall-imsieħba tagħha, l-UE għandha tkun attur minn ta’ quddiem fil-governanza globali.

Il-Kummissjoni hija fiduċjuża li l-proposti ta’ politika u miżuri operattivi proposti f'din il-Komunikazzjoni se jippermettu lill-UE u l-Istati Membri tagħha li jindirizzaw dawn l-isfidi.

Billi tibni fuq il-qafas komprensiv, politku u legali tal-migrazzjoni u l-mobilità ppreżentat mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjonijiet tagħha tal-4 u l-24 ta’ Mejju 2011, u fuq sitt snin ta’ esperjenza ta’ implimentazzjoni tal-approċċ ta’ qabel, il-Kummissjoni hija konvinta li issa huwa ż-żmien għall-UE li tikkunsidra kif tikkonsolida dan bħala l-qafas sovrastanti tal-politika ta’ migrazzjoni esterna tal-UE. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, l-Approċċ Globali għandu jkun ankrat fis-sod fil-politika estera ġenerali tal-UE, inkluża l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, u allinjat aħjar mal-prijoritajiet tal-politika interna tal-UE. B’konformità mat-Trattat ta’ Lisbona, l-UE se jkollha titkellem b’vuċi waħda, anke għal dak li jirrigwarda l-politika dwar il-migrazzjoni esterna.

Sabiex tistruttura u tiffaċilita dan il-proċess, l-UE teħtieġ qafas ta' politika strateġika miftiehem li jkun ċar, konsistenti u faċli sabiex jiġi komunikat. L-UE se tkun mgħammra aħjar għall-governanza tal-migrazzjoni f’darha u globalment biss jekk tkompli ssaħħaħ id-djalogu u l-kooperazzjoni tagħha mal-pajjiżi imsieħba.

Il-Kummissjoni tqis li l-Approċċ Globali l-ġdid tal-UE għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM) jirrappreżenta l-qafas strateġiku li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb valur miżjud għall-azzjoni tal-UE u l-Istati Membri f’dan il-qasam. Huwa jista’ jindirizza t-tħassib u l-aspirazzjonijiet tal-UE fil-qasam tal-migrazzjoni u l-mobilità b’mod iżjed effikaċi u iżjed effiċjenti minn Stati Membri individwali. Huwa jipprovdi appoġġ u impetu ta' valur għall-politiki bilaterali u nazzjonali tal-Istati Membri f’dan il-kamp. Il-Kummissjoni, is-SEAS u l-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien mill-qrib sabiex jiżguraw azzjoni koerenti f’dan il-qafas komuni tal-UE.

ANNESS

konklużjonijiet tad-DĦPK dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp

Il-massimizzazzjoni tal-impatt pożittiv tal-migrazzjoni fuq l-iżviljupp tal-pajjiżi msieħba (kemm tal-oriġini kif ukoll dawk destinatarji) waqt li jiġu limitati l-konsegwenzi negattivi se tibqa’ prijorità ewlenija tal-GAMM. Se jiġi segwit approċċ iċċentrat iżjed fuq il-migranti mingħajr ma tiġi sottovalutata r-responsabbiltà tal-pjjiżi msieħba għat-tfassil ta’politiki adegwati. Għal dak li jirrigwarda l-aġenda tradizzjonali tal-migrazzjoni u l-iżvilupp, sa issa nkisbu riżutlati sinifikanti, iżda għad iridu u se jiġu affrontati iżjed sfidi.

Il-migrazzjoni issa hija parti integrali min-numru ta’ strateġiji nazzjonali u reġjonali ta' żvilupp. Bosta pajjiżi msieħba u reġjuni ngħataw appoġġ sabiex jiżviluppaw u jimplimentaw l-istrateġiji ta' migrazzjoni tagħhom stess, sabiex jiġbru u janalizzaw dejta dwar il-migrazzjoni u sabiex jibnu l-kapaċità tal-istituzzjonijiet rilevanti. L-UE se tkompli tappoġġja dawn l-isforzi sabiex tiġġestixxi l-migrazzjoni f'qafas ta’ żvilupp koerenti u b’konformità ma’ speċifiċitajiet u prijoritajiet lokali.

Qegħdin jiġu kkunsidrati dejjem iżjed għanijiet ta’ żvilupp fil-politiki ta' migrazzjoni tal-UE u l-pajjiżi msieħba. Fl-istess ħin id-dimensjoni tal-migrazzjoni qiegħda tiġi kkunsidrata dejjem iżjed fl-istrateġiji ta’ żvilupp. L-UE se tkompli tippromwovi l-aġenda tal-Koerenza ta’ Politka għall-Iżvilupp, bl-għan li jiġu identifikati u indirizzati inkonsistenzi possibbli fil-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE u l-Istati Membri tagħha, u jissaħħu l-kapaċità u l-mekkaniżmi fil-pajjiżi mhux tal-UE f’dan il-kamp.

L-UE hija rikonoxxuta b’mod wiesgħa bħala parti interessata ewlenija fuq livell internazzjonali rigward il-faċilitazzjoni ta’ flussi ta’ rimessi privati b’inqas spejjeż u iżjed siguri lejn pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp waqt li żżid l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp. Il-Kummissjoni Ewropea nediet studju sabiex tgħina tipproponi rakkomandazzjonijiet ġodda u tevalwa l-espedjent u l-fattibblità ta’ portal komuni tal-UE fuq ir-rimessi. Għandhom isiru wkoll iżjed sforzi fil-bini tal-kapaċitajiet għall-appoġġ tal-pajjiżi msieħba interessati fit-tfassil ta’ oqfsa regolatorji u fil-promozzjoni tal-ħila finanzjarja, ta’ teknoloġiji ġodda u aċċess għal krediti sabiex jiġi stimulat investiment attiv u l-ħolqien ta’ impjiegi. Forum annwali tar-rimessi (formali jew informali) tista’ tkun idea li wieħed irid jikkunsidraha. Fi kwalunkwe każ, se jkunu meħtieġa iżjed skambji bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-proġetti fil-qasam tar-rimessi sabiex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet u jiġu identifikati l-aħjar prattiki.

L-UE żiedet l-isforzi tagħha sabiex tappoġġja u taħdem ma’ gruppi ta’ diaspora bbażati fl-Ewropa li jixtiequ jikkontribwixxu fl-iżvilupp ta’ proġetti fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom. Qiegħda wkoll tappoġġja dejjem iżjed sforzi simili minn pajjiżi msieħba. L-UE se tkompli taħdem sabiex twaqqaf dejtabejż ta’ organizzazzjonijiet ta’ dijaspora bbażati fl-Istati Membri differenti sabiex tinvolvihom aħjar fi djalogu ta’ politika u xxerred informazzjoni. Se tompli tinvesti fl-ingranaġġ tal-kontribut tagħha għall-iżvilupp u se tfittex li tuża aħjar l-għarfien u l-kompetenza tal-imsieħba tagħha, prinċipalment għall-appoġġ tal-imprendituri u l-SMEs. L-UE se tevalwa wkoll kif tista' tikkontribwixxi iżjed fiż-żieda tal-valur tal-ħiliet u l-għarfien tal-migranti fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom u jekk għandhiex tappoġġja l-volontarjat ta’ dijaspora u l-fondi ta’ dijaspora stabbiliti minn pajjiżi msieħba.

Sar xi progress fil-ġlieda kontra l-esodu tal-imħuħ, b’mod speċjali fis-settur tas-saħħa, waqt li l-appoġġ għall-politiki tas-suq tax-xogħol u xogħol deċenti fil-pajjiżi msieħba hija strateġija ewlenija oħra sabiex tgħinhom jattiraw u jżommu ħaddiema b’ħiliet. L-UE se tkompli tanalizza eżempji ta’ ksib ta’ imħuħ u tevalwa kif iżżid dawk li jkollhom suċċess kif ukoll kif tiġġieled kontra l-ħela tal-imħuħ. L-inklużjoni ta’ strateġiji għaż-żamma ta’ ħaddiema ta’ ħila fid-djalogi politiċi dwar il-migrazzjoni ma’ pajjiżi msieħba tista’ tkun opzjoni li għandha tiġi kkunsidrata.

Il-mobilità ċirkolari ġiet imħeġġa minn numru ta’ miżuri nazzjonali u leġiżlattivi tal-UE u permezz ta’ proġetti speċifiċi. Għandha tiġi promossa iżjed portabilità tad-drittijiet dwar is-sigurtà soċjali bħala inċentiv ewlieni għall-migrazzjoni ċirkolari u, b’mod iżjed ġenerali, għall-mobilità legali tax-xogħol. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ikomplu jistabbilixxu oqfsa legali li jipprovdu permessi multipli ta’ dħul u perjodi ta’ assenza mill-pajjiż ta’ residenza temporanja sabiex b’hekk il-benefiċċji tal-migrazzjoni jkunu jistgħu jiġu massimizzati, għall-migranti, il-pajjiżi sors u dawk destinatarji bl-istess mod.

Billi tmur lil hinn mill-aġenda tradizzjonali, l-UE qiegħda taħdem sabiex twaqqaf qafas iżjed komprensiv sabiex jakkumpanja u jipproteġi l-migranti matul ir-rotta migratorja tagħhom, li għandu wkoll jikkunsidra l-konsegwenzi soċjali tal-migrazzjoni.

Dan jinkludi l-indirizzar tal-konsegwenzi tal-flussi tal-emigrazzjoni fil-pajjiżi tal-oriġini b’mod partikolari biż-żieda tal-għarfien dwar l-effetti negattivi u t-tnaqqis tagħhom sofruti minn tfal u familji li jkunu tħallew lura u b'kunsiderazzjoni tal-impatt potenzjalment negattiv tar-rimessi fuq il-familji u l-komunitajiet. L-UE qiegħda tappoġġja wkoll sforzi addizzjonali li qegħdin isiru fuq ritorni sostenibbli, inkluż fuq l-għajxien u l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol nazzjonali.

Dan l-approċċ jinkludi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti kollha fi tranżitu b’lenti fuq: il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti kollha fi tranżitu b’iffukar fuq. il-protezzjoni ta’ migranti vulnerabbli (minuri mhux akkumpanjati, dawk li jfittxu ażil, vittmi tat-traffikar, migranti standard, eċċ.) u fuq il-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa; l-appoġġ tal-bini ta’ kapaċitajiet għall-forzi tal-infurzar tal-liġi u sistemi ta’ referenza; l-appoġġ tal-prevenzjoni, il-protezzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ atti kriminali u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem magħmul kontra l-migranti, inklużi dawk li jkunu qegħdin jivvjaġġaw b'mod irregolari; u l-garanzija ta' kundizzjonijiet deċenti ta' ħajja għall-migranti fiċ-ċentri tal-ilqugħ fil-pajjiżi mhux tal-UE.

Iż-żieda tal-isforzi għat-titjib tal-integrazzjoni tal-migranti f’pajjiżi destinatarji hija komponent ewlieni ta’ dan l-approċċ, billi hija konnessa man-netwerks u l-kummerċ ta' dijaspora, u l-flussi tal-ħiliet u l-investiment. Il-fehim u l-azzjoni fuq l-integrazzjoni soċjali u l-adattament tal-politiki soċjali (b’mod speċjali s-saħħa u l-edukazzjoni), l-integrazzjoni ekonomika u tax-xogħol u l-ġlieda kontra l-ksenofobija u l-esklużjoni soċjali jeħtieġ li jittejbu. F’dan ir-rigward, l-integrazzjoni tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-migranti sfurzati fil-politiki ta’ żvilupp tal-pajjiżi mhux tal-UE għandu jittejjeb.

Sabiex il-kooperazzjoni operattiva ssir iżjed effiċjenti u sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, se jsiru sforzi sabiex jiġu appoġġjati d-Delegazzjonijiet tal-UE, inkluż taħriġ u skambji speċifiċi tal-għarfien u l-esperjenzi dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni, u sabiex ikun hemm koordinazzjoni u mobilitazzjoni aħjar tal-istrumenti finanzjarji disponibbli tal-UE, inkluż permezz ta' iżjed skambji mal-Istati Membri dwar il-proġetti tagħhom stess ta’ migrazjoni u żvilupp.

Il-konsultazzjonijiet reċenti miżmuma mill-Kummissjoni jikkonfermaw li r-realtà u l-isfidi li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom il-pajjiżi msieħba dwar il-konnessjoni bejn l-iżvilupp u l-migrazzjoni huma ħafna usa' u iżjed kumplessi mill-qasam ta' politka indirizzata sa issa.

Il-migrazzjoni għandha impatt sinifikanti fuq l-iżvilupp tal-pajjiżi mhux tal-UE. Ħafna gvernijiet ibbażaw parti mill-mudell ta’ żvilupp ekonomiku tagħhom fuq l-immigrazzjoni jew l-emigrazzjoni, waqt li la kkunsidraw l-ispejjeż ekonomiċi u soċjali u l-konsegwenzi, u lanqas il-kontribut mistenni tagħhom fuq l-iżvilupp u l-iżvilupp sostenibbli. Ħafna pajjiżi mhux tal-UE qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ flussi migratorji li huma essenzjali għall-ekonomiji tagħhom iżda m’għandhomx qafas ta’ politika strutturat u mmirat. L-għarfien dwar is-sinerġiji u l-interdipendenzi bejn il-migrazzjoni u politiki oħra, bħal politika domestika dwar l-impjiegi jew ftehimiet kummerċjali, ħafna drabi huwa nieqes. L-influwenza ta’ numru ta’ politiki pubbliċi dwar mudelli ta’ migrazzjoni s-soltu ma’ tiġix ikkunsidrata. F’każ ta’ kriżi jew konflitti, huwa diffiċli li jiġu riżolti l-varjazzjonijiet fil-flussi u jistgħu jiddestabilizzaw ekonomiji u jdgħajfu l-koeżjoni soċjali. Il-predominanza tas-settur informali f’ħafna pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp tikkontribwixxi għall-impjieg ta’ ħaddiema irregolari bil-problemi sussegwenti l-oħra kollha ta' sfruttament, traffikar, kuntrabandu u konsegwenzi soċjali (pereżempju. id-'dumping soċjali').

Hemm ħtieġa li qiegħda tikber li tiġi promossa l-governanza tal-migrazzjoni f' perspettiva ta’ żvilupp fil-livelli kollha, u li jittejjeb il-fehim tal-konnessjoni imporanti bejn l-iżvilupp u l-migrazzjoni, hux fil-politiki tal-gvern dwar il-migrazzjoni/ażil, jew f'setturi oħra li jista' jkollhom impatt jew iġarrbu impatt mill-migrazzjoni. Ir-riflessjoni fuq dawk l-aspetti għandha tkun konformi mal-Koerenza ta' Politika għal Programm ta' Xogħol ta' Żvilupp, kif ukoll biex tirrispondi għall-ħtiġijiet dejjem jevolvu tal-pajjiżi imsieħba.

[1]               UNDP (2009) Is-superament tal-barrieri: Il-mobilità umana u l-iżvilupp, Rapport dwar l-Iżvilupp Uman; UNHCR (2011) Xejriet Golabli 2010.

[2]               COM(2011) 292/3: Komunikazzjoni dwar 'Djalogu għall-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran'.

[3]               Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 23/24 ta’ Ġunju 2011.

[4]               Il-Programm ta’ Stokkolma: Dokument tal-Kunsill 17024/09, approvat mill-Kunsill Ewropew fl-1-2 ta’ Diċembru 2009: http://ec.europa.eu/home-affairs/policies/intro/policies_intro_en.htm Pjan ta’ Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma, COM(2010)171 finali tal-20 t’April 2010: http://ec.europa.eu/home-affairs/policies/intro/policies_intro_en.htm.

[5]               Netwerk Ewropew tal-Migrazzjoni (2011) Statistika Ewlenija Migratorja tal-UE; Eurostat (2011) Popolazzjoni u kundizzjonijiet soċjali, 38/2011, 34/2011.

[6]               http://ec.europa.eu/home-affairs/news/consulting_public/consulting_0021_en.htm.

[7]               COM(2011)292/3.

[8]               Ara pereżempju l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea COM(2011)637 dwar it-'Tkabbir tal-impatt tal-Politika ta’ Żvilupp tal-UE: Aġenda għal Tibdil'.

[9]               Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Fruntieri, il-Migrazzjoni u l-Ażil, 9 u 10 ta’ Ġunju 2011.

[10]             Il-Marokk, l-Alġerija, it-Tuneżija, il-Libja u l-Eġittu

[11]             L-Ukrajna, il-Belarus, il-Moldova, il-Ġorġja, l-Armenja u l-Ażerbajġan.

[12]             Sħubija bejn l-UE u l-53 Stat Afrikan kollha.

[13]             Proċess li jkopri l-UE u 19-il pajjiż fil-Lvant (tal-Balkani tal-Punent, l-Ewropa tal-Lvant, ir-Russja, l-Asja Ċentrali, il-Kawkasu tan-Nofsinhar u t-Turkija).

[14]             Proċess li jkopri l-UE u s-27 pajjiż fl-Afrika tal-Punent, tat-Tramuntana u dik Ċentrali.

[15]             Forum konsultattiv li jġib flimkien aktar minn 50 pajjiż u 10 organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi ċ-Ċina, il-Bangladexx, il-Pakistan, l-Afganistan, l-Iran, l-Iraq, is-Sirja, it-Turkija u l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali.

[16]             Il-FRONTEX hi l-Aġenzija Ewropea għall-kooperazzjoni operazzjonali fuq il-fruntieri esterni. L-EASO hu l-Uffiċċju Ewropea għall-Appoġġ tal-Asil. L-ETF hi l-Fondazzjoni Ewropea tat-Taħriġ. It-TAIEX hu l-istrument għall-Assistenza Teknika u Skambju ta' Informazzjoni li huwa ġestit mil-Kummissjoni Ewropea. Il-MIEUX (Kompetenza tal-UE tal-Migrazzjoni) hi inizjattiva konġunta tal-KE u l-ICMPD li għandha l-għan li ssaħħaħ il-kapaċità ta' mitigazzjoni tal-pajjiżi msieħba.

[17]             COM(2011) 455 finali.

[18]             Iż-żewġ eżempji huma l-proġett dwar it-Tisħiħ tal-kapaċità tal-Moldova li tiġġestixxi l-migrazzjoni għax-xogħol u tar-ritorn fil-qafas tas-Sħubija għall-Mobilità mal-UE, u s-Centre d'Information et de Gestion des Migrations, ibbażat fil-Mali.

[19]             L-aġenziji rilevanti huma il-FRONTEX, l-EUROPOL, l-EUROJUST, il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija, l-Uffiċċju Ewropew għall-Appoġġ tal-Ażil, l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali, u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza tas-Sessi.

[20]             Il-Kunsill Ewropew: L-ewwel rapport ta’ implimentazzjoni dwar id-Dokument Orjentat għall-Azzjoni dwar it-tisħiħ tad-dimensjoni esterna tal-UE dwar azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin.

[21]             Kif deskritt fil-qosor fil-Komunikazzjonuin tal-Kunsill COM(2011)637 dwar iż-'Żieda tal-impatt tal-Politika ta’ Żvilupp tal-UE: Aġenda għal Tibdil', l-UE tassisti lill-pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp bit-tisħiħ tal-poitiki, il-kapaċità u l-attivitajiet tagħhom fil-kuntest tal-mobilità tal-persuni kemm reġjonali kif ukoll globali. Hija tappoġġja l-aġenda dwar ix-xogħol deċenti u l-protezzjoni soċjali u tħeġġeġ politiki sabiex jiffaċilitaw il-mobilità reġjonali tal-impjiegi, u se tappoġġja sforzi mmirati sabiex tisfrutta bis-sħiħ l-interrelazzjoni bejn il-migrazzjoni, il-mobilità u l-impjiegi.