KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DEJTA Pakkett "Negozji responsabbli" /* KUMM/2011/0685 finali */
It-Trattat ta' Lisbona jipprovdi li l-Unjoni
Ewropea u s-suq intern tagħha jkunu bbażati fuq "ekonomija
soċjali tas-suq kompetittiva ħafna". Sabiex jitħares u jitkabbar dan il-mudell fi sfond ekonomiku u
finanzjarju diffiċli, l-UE adottat l-Istrateġija Ewropa 2020
bil-għan li toħloq il-kundizzjonijiet ta' tkabbir aktar
intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Għadd ta' inizjattivi politiċi ambizzjużi għandhom
l-għan li jwettqu dawn l-objettivi: –
F'April 2011, sabiex is-suq intern jingħata
spinta, l-"Att dwar is-Suq Uniku"[1] (Single Market
Act - SMA) enfasizza l-importanza tal-bniedem u tal-fiduċja bħala
muturi tal-ekonomija u tal-integrazzjoni Ewropea, filwaqt li jissaħħu
l-kunsiderazzjonijiet ta' natura soċjali fl-implimentazzjoni tal-politiki
dwar il-promozzjoni tal-impriżi. Dan jimplika t-tisħiħ tar-responsabbiltà tal-impriżi
fir-rigward tal-ambjent soċjali tagħhom u juri b'mod ċar ir-rwol
importanti li għandhom l-impriżi responsabbli u soċjali. –
Bl-istess mod, l-inizjattiva ewlenija "Unjoni
tal-Innovazzjoni" tippromwovi l-kunċett ta' innovazzjoni
soċjali, li għall-assoċjazzjonijiet u għall-imprendituri
soċjali tfisser li dawn jużaw il-kreattività tagħhom
għas-servizz ta' gruppi vulnerabbli u bżonnijiet soċjali
urġenti li ma kinux issodisfati mis-suq jew mill-awtoritajiet
pubbliċi. –
Fit-tmiem l-2010, il-"Pjattaforma Ewropea kontra
l-faqar u l-esklużjoni soċjali" proponiet strateġija
komprensiva sabiex ikunu kkoordinati l-politiki nazzjonali u Ewropej biex
b'hekk l-Ewropa ssir iktar inklużiva, u biex "ikun mobilizzat
il-potenzjal tal-ekonomija soċjali" fil-ġlieda kontra l-faqar u
l-esklużjoni soċjali. –
Fil-komunikazzjoni tagħha "Politika Industrijali
Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni", il-Kummissjoni tinnota li
"hemm bżonn ta' approċċ ġdid għall-bilanċ
bejn il-massimizzazzjoni tal-profitt fi żmien qasir u ħolqien ta'
valur sostenibbli aktar ma jgħaddi ż-żmien"[2]. Il-kwistjoni hija dik
tat-tkabbir u l-kompetittività, li huma biss possibbli jekk mill-ġdid
jerġa' jkun hemm il-fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni
tagħna. Jeħtieġ li
nisfruttaw il-ħila tal-Ewropa fir-rigward tal-innovazzjoni u
l-kreattività, filwaqt li nibqgħu leali lejn il-valuri tagħna: ir-responsabbiltà u t-trasparenza, iżda
wkoll il-ġustizzja, l-inklużjoni soċjali u s-solidarjetà. Għalhekk dan it-tkabbir ġdid
inklużiv u sostenibbli, li jiffoka fuq impjieg għal kulħadd,
qabel xejn se jgħaddi minn tisħiħ mill-ġdid tal-ekonomija
reali bbażata fuq impriżi li joħolqu l-valur u mmexxija b'mod
trasparenti u responsabbli. B'rabta ma dak li ntqal, il-pakkett "Impriżi
responsabbli" jipproponi ġabra ta' miżuri u inizjattivi biex
jiġi kkonsolidat u jitkabbar il-mudell ekonomiku u soċjali
tagħna, li huwa s-sies tal-ħajja komuni ta' 500 miljun Ewropew. Permezz ta' din l-inizjattiva, il-Kummissjoni
tixtieq tħeġġeġ u tgħin lid-dinja tal-impriżi
biex tipparteċipa fl-isforz komuni tagħna u b'hekk
ir-responsabbilità, il-fiduċja u l-inklużjoni soċjali
jerġgħu jitqiegħdu fil-qalba ta' mudell ekonomiku aktar
sostenibbli fil-kontinent tagħna, għaliex ma jistax ikun hemm prestazzjoni
ekonomika sostenibbli mingħajr koeżjoni soċjali. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni
tappoġġa b'mod sħiħ il-miżuri tal-impriżi u
l-inizjattivi innovattivi li jżidu r-rata tal-impjiegi u l-inklużjoni
soċjali filwaqt li jsaħħu l-kompetittività globali tal-ekonomija
Ewropea. B'dan il-mod, il-Kummissjoni semgħet
il-pariri espressi mill-atturi waqt il-konsultazzjonijiet u d-dibattiti
pubbliċi li saru fl-Unjoni Ewropea sa mill-2010 u nnutat li dawn
il-kwistjonijiet qajmu interess qawwi. Il-pakkett "Impriżi responsabbli"
jinkludi dan li ġej: – din il-Komunikazzjoni introduttorja – il-proposta tar-reviżjoni tad-Direttivi dwar il-Kontabbiltà[3] – il-proposta tar-reviżjoni tad-Direttivi tat-Trasparenza[4] – il-Komunikazzjoni dwar ir-Responsabbiltà Soċjali tal-Kumpaniji
(Corporate Social Responsibility - CSR)[5] – il-Komunikazzjoni "Inizjattiva ta' Negozju Soċjali"[6] Dan il-"pakkett" jippreżenta
żewġ objettivi: ·
Li joħloq ambjent ekonomiku aktar favorevoli
għall-ħolqien, għall-innovazzjoni u għat-tisħiħ
tal-fiduċja fid-dinja tal-impriżi, billi jissimplifika
l-piżijiet u l-ostakoli amministrattivi li jinħassu b'mod partikolari
mill-impriżi żgħar u medji (SMEs), u b'hekk ikunu jistgħu
jiżviluppaw u jiksbu l-potenzjal tagħhom għat-tkabbir. Dan se jkun jinvolvi l-aktar adattament
aħjar tar-regoli dwar it-trasparenza tal-kontijiet u l-attivitajiet
tal-impriżi. Dan jista'
joħloq tnaqqis fl-ispejjeż amministrattivi li jilħaq
EUR 2.3 biljun. ·
Li jesprimi l-viżjoni u l-proġetti
tal-Kummissjoni għall-intraprenditur responsabbli u soċjali fis-soċjetà. B'mod partikolari, dan jinvolvi ħsibijiet
ġodda dwar ir-rwol tal-impriżi fis-soċjetà u fl-ambjent li fih
jevolvu l-imprendituri li joħolqu proġetti innovattivi, ekonomikament
vijabbli u li jħallu impatt soċjali qawwi. 1. Il-ħolqien ta' ambjent ekonomiku aktar sostenibbli, l-aktar
għall-SMEs L-għan ta' dawn iż-żewġ
inizjattivi leġiżlattivi ta' dan il-pakkett huwa li jsaħħu
l-fiduċja fil-funzjonament tal-impriżi Ewropej. Id-Direttivi dwar il-Kontabbiltà
jittrattaw il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati tal-impriżi
korporattivi fl-Ewropa. Dawn inaqqsu
l-piż amministrattiv fuq l-SMEs billi joħolqu sistema simplifikata
għall-kumpaniji ż-żgħar. Jipprovdu aktar ċarezza u komparabbiltà bejn il-kontijiet annwali
tal-kumpaniji li għandhom dimensjoni transkonfinali qawwija u li
jħallu effett fuq għadd sinifikanti ta' partijiet terzi. Fl-aħħar nett, jipproteġu
lill-utenti billi jżommu l-informazzjoni li jeħtieġu. Permezz
tal-immodernizzar tad-Direttiva tat-Trasparenza, il-Kummissjoni tixtieq
tgħin l-aċċess tal-impriżi żgħar u medji elenkati
għal swieq regolati. B'dan
il-mod, l-abolizzjoni tal-obbligu ta' pubblikazzjoni ta' informazzjoni kull
tliet xhur għandha mhux biss tnaqqas l-ispejjeż għall-elenkar
tal-impriżi żgħar u medji iżda għandha
tħeġġeġ l-investiment fuq terminu ta' żmien twil jew
medju u għalhekk tippromwovi l-investiment soċjalment responsabbli. Dawn
l-inizjattivi li jikkonċernaw in-normi tal-kontabbiltà u t-trasparenza
għandhom ukoll l-għan li jtejbu t-trasparenza ta' dawk
il-pajjiżi li għandhom ħafna riżorsi, inkluż fl-Unjoni
Ewropea, billi joħolqu sens ta' responsabbiltà fost l-impriżi
tal-estrazzjoni u l-forestrija. Il-kumpaniji
tal-estrazzjoni u l-forestrija elenkati fis-swieq Ewropej, kif ukoll
il-kumpaniji l-kbar mhux elenkati, se jippubblikaw rapport dwar
il-ħlasijiet lill-gvernijiet, iddettaljat skont il-pajjiż u, meta
l-ħlasijiet jingħataw lil proġett speċifiku, skont
il-proġett, b'livell limitu ta' materjalità. Rapporti bħal dawn għandhom jagħtu
liċ-ċittadini tal-pajjiżi li għandhom ħafna
riżorsi ferm aktar informazzjoni dwar dak li speċifikament
jitħallas mill-kumpaniji Ewropej lill-gvernijiet tal-pajjiżi li
joperaw fihom, sabiex huma jiksbu d-dritt li jwettqu l-estrazzjoni
tar-riżorsi naturali ta' dawn il-pajjiżi. Wieħed
għandu jinnota li dawn il-proposti se jitlestew fl-2012 permezz ta'
proposta leġiżlattiva li għandha l-għan li tiffavorixxi
l-iżvelar ta' informazzjoni mhux finanzjarja. 2. Ir-riformulazzjoni tar-rwol tal-intraprenditorija responsabbli u
soċjali fis-soċjetà Iż-żewġ
Komunikazzjonijiet huma kumplimentari u jirriżultaw minn inizjattiva
konġunta tal-Kummissjoni u minn ħidma importanti ta' konsultazzjoni
kif ukoll minn proċessi ta' diskussjoni. Il-Komunikazzjoni
dwar ir-Responsabbiltà Soċjali tal-Kumpaniji (Corporate Social
Responsibility - CSR) tippreżenta strateġija li tippermetti
lill-impriżi kollha li jikkontribwixxu aħjar għat-twettiq
tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 billi jużaw
il-potenzjal tagħhom biex joħolqu valur azzjonarju u soċjali. Din tipproponi definizzjoni aġġornata
tas-CSR, li hija konformi mal-prinċipji u mal-linji gwida rikonoxxuti fuq
livell internazzjonali. It-test
jesplora kif jista' jiżdied l-għarfien dwar u kif prattiki
responsabbli tal-impriżi jiġu rrikompensati aħjar fil-politiki
pubbliċi (investimenti, swieq pubbliċi, trasparenza tal-informazzjoni
mhux finanzjarja) u permezz tal-atturi privati (konsumaturi, investituri). Dan jiżgura segwitu tal-applikazzjoni
tal-prinċipji u l-linji gwida rikonoxxuti fuq livell internazzjonali, u
jidentifika modi possibbli għall-implimentazzjoni tal-Prinċipji ta'
Gwida dwar l-impriżi u d-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti. Jistieden lill-Istati Membri biex
jiżviluppaw strateġiji reali tas-CSR, ivara dibattitu dwar
kwistjonijiet importanti tas-soċjetà (tibdil demografiku, saħħa,
benessri fuq il-post tax-xogħol, żvilupp lokali) u jfakkar
l-importanza tas-CSR fid-dinja tal-edukazzjoni. L-Inizjattiva ta' Negozju Soċjali
tittratta b'mod aktar speċifiku tip ta' impriżi li l-missjoni
prinċipali tagħhom hija dik li, tul attività ekonomika li
tiġġenera l-profitti, iservu l-interess ġenerali fuq il-livell
soċjali, soċjetali u ambjentali. Dawn l-impriżi, li jirrappreżentaw parti sinifikanti u li
dejjem tikber tal-ekonomija Ewropea u li jipparteċipaw ukoll fit-tisħiħ
tal-ekonomija soċjali hekk kif inhi, diġà jeżistu fl-Istati
Membri kollha. Spiss il-pijunieri
tal-innovazzjoni soċjali u tat-tibdil, jużaw mudelli ta'
organizzazzjoni differenti - xi drabi kumpaniji bi stokks konġunti, xi
drabi oħra kooperattivi, ta' benefiċċju reċiproku,
assoċjazzjonijiet jew fondazzjonijiet - u kollha jinvestu mill-ġdid
fil-profitti tagħhom (jew mill-inqas parti kbira minnhom) fil-ksib
tal-għanijiet soċjali tagħhom. Għalkemm ikunu involuti fl-inizjattivi taċ-ċittadini u
tal-komunità, li permezz tagħhom joħolqu interfaċċji u
rabtiet ġodda bejn l-atturi, madankollu jkunu nieqsa mill-viżibbiltà
u mir-rikonoxximent min-naħa tal-pubbliku ġenerali, mid-dinja
politika u mill-investituri. Din
il-Komunikazzjoni għandha għalhekk l-għan li tiżviluppa
ambjent li jiffavorixxi l-impriżi soċjali sabiex, fi ħdan is-suq
uniku, tħeġġeġ l-iżvilupp ta' inizjattivi innovattivi,
ekonomikament vijabbli u li jħallu impatt qawwi fuq is-soċjetà. Il-Kummissjoni teżamina jekk, fl-oqsma
kollha fejn il-politiki Ewropej huma elaborati jew żviluppati, il-metodi
operazzjonali, l-ispeċifikazzjonijiet u l-objettivi ta' dan it-tip ta'
impriżi humiex ikkunsidrati b'mod xieraq. It-test jipprevedi wkoll miżuri biex jiġi ffaċilitat
l-aċċess tal-impriżi soċjali għall-finanzjament
(privat u pubbliku), sabiex jittejbu l-viżibbiltà u r-rikonoxximent
tagħhom, u biex jinħoloq ambjent irregolat li jkun aktar favorevoli
kemm mill-perspettiva tal-liġi korporattiva, kemm minn dik tal-akkwist
pubbliku jew tal-għajnuniet tal-Istat. [1] "L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat
it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja", COM(2011) 206 finali
tat-13 ta' April 2011 [2] COM(2010) 614 finali/2 tas-17 ta’ Novembru 2010 [3] COM(2011) 684 finali [4] COM(2011) 683 finali [5] COM(2011) 681 finali [6] COM(2011) 682 finali