/* KUMM/2011/0669 finali */ KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI Pjan Direzzjonali lejn l-Istabbiltà u t-Tkabbir
" Aħna nerġgħu naffermaw l-impenn tagħna għall-euro u li nagħmlu dak kollu li huwa meħtieġ biex niżguraw l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-Euro kollha kemm hi u tal-Istati Membri tagħha." (Dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern taż-żona tal-Euro u tal-istituzzjonijiet tal-UE, il-21 ta' Lulju 2011) Introduzzjoni Bħalissa l-aktar ħaġa li teħtieġ l-UE hija li torganizza l-mezzi kollha neċessarji biex twassal minnufih u kemm jista' jkun stabbiltà u tkabbir futur. Saru ħafna deċiżjonijiet b'implikazzjonijiet wesgħin fl-aħħar tmintax-il xahar. Sabiex jerġa' jkun hemm fiduċja fiż-żona tal-Euro u fl-UE kollha kemm hi, jeħtieġ li dawn id-deċiżjonijiet jiġu integrati u kkompletati. Hemm ir-riskju li l-kriżi ssir sistemika. Hija meħtieġa aktar milli qatt qabel soluzzjoni biex jitkisser iċ-ċirku vizzjuż bejn id-dubji dwar is-sostenibbiltà tad-dejn sovran, l-istabbiltà tas-sistema bankarja u l-prospetti ta' tkabbir tal-UE L-elementi ppreżentati f'dan id-dokument huma interdipendenti u jridu jiġu implimentati flimkien malajr kemm jista' jkun biex ikollhom l-effett ippjanat tagħhom. L-ebda element wieħed waħdu ma hu se jkun biżżejjed biex jirriżolvi l-kriżi attwali. Huwa biss jekk jittieħdu flimkien u fl-istess ħin li jkunu jistgħu juru, b'mod konviċenti, li l-UE tista': 1. Tipprovdi reazzjoni deċiżiva għall-problemi tal-Greċja 2. Iżżid il-protezzjoni taż-żona tal-Euro kontra l-kriżi 3. Issaħħaħ is-sistema bankarja, b'mod partikolari permezz tar-rikapitalizzazzjoni 4. Tantiċipa politiki dwar l-istabbiltà u li jżidu t-tkabbir 5. Tibni governanza ekonomika aktar soda u integrata REAZZJONI DEċIżIVA GħALL-PROBLEMI TAL-GREċJA Id-dubji li għad hemm dwar il-Greċja kkontribwew ħafna biex tiġi mminata l-fiduċja fl-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-Euro kollha hemm hi. Dawn għandhom jitneħħew immedjatament u b'mod definittiv. Suġġett għall-valutazzjoni tat-trojka UE/BĊE/FMI, dan se jeħtieġ: - Sakemm il-programm attwali jerġa' lura għad-direzzjoni t-tajba, il-ħlas tal-pagament tas-sitt porzjon tal-programm għall-Greċja - Deċiżjoni dwar soluzzjoni sostenibbli għall-Greċja fi ħdan iż-żona tal-Euro, permezz tat-tieni programm ta' aġġustament effettiv, ibbażat fuq finanzjament adegwat permezz tal-involviment tas-settur privat (ISP) u s-settur pubbliku, fuq il-bażi ta' mekkaniżmi b'saħħithom ta' implimentazzjoni u monitoraġġ. - Appoġġ kontinwat mit-Task Force tal-Kummissjoni dwar il-Greċja, b'sostenn għall-implimentazzjoni sħiħa u fil-ħin tal-programm u bid-direzzjonar tal-fondi strutturali disponibbli lejn it-tisħiħ tal-kompetittività u ritorn għat-tkabbir. ŻIEDA FIL-PROTEZZJONI TAż-żONA TAL-EURO KONTRA L-KRIżI Riċentement ħafna, fil-21 ta' Lulju 2011, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern taż-żona tal-Euro u l-istituzzjonijiet tal-UE affermaw mill-ġdid id-determinazzjoni li jkomplu jipprovdu appoġġ lil pajjiżi suġġetti għal programmi sa meta dawn jerġgħu jiksbu aċċess għas-suq, sakemm dawn jimplimentaw dawn il-programmi b'suċċess. Huma enfasizzaw li, sa fejn huwa kkonċernat l-involviment tas-settur privat, il-Greċja teħtieġ soluzzjoni eċċezzjonali u unika. Iż-żona tal-Euro jrid ikollha l-istrumenti kollha meħtieġa biex tindirizza kull xenarju ta' kriżi futuri. Id-disponibbiltà tal-istrumenti neċessarji twessa' s-sensiela ta' soluzzjonijiet alternattivi filwaqt li tipprovdi dik ir-rassigurazzjoni li tant hija meħtieġa lill-parteċipanti fis-suq. Deċiżjonijiet reċenti biex jinħolqu l-EFSF u l-MES imxew sew fid-direzzjoni tal-ħolqien ta' dawn l-istrumenti iżda għad jeħtieġ li jiġu kkompletati u kkomplementati. L-ewwel pass hu li d-deċiżjonijiet meħuda mis-samits taż-żona tal-Euro f'Marzu u fil-21 ta' Lulju 2011 isiru operazzjonali malajr biex il-flessibbiltà u l-effettività tal-EFSF (u tal-MES) jiżdiedu b'mod partikolari fir-rigward ta': - Programmi ta' prekawzjoni. L-aċċess għal dawn it-tip ta' kanali għandu jkun suġġett għall-approvazzjoni tal-Istati Membri li jagħmlu t-talba għal programmi gradwati ta' aġġustament macroekonomiku, li dwarhom għandu jkun hemm konsultazzjoni minn qabel mal-Kummissjoni u l-BĊE. Huma meħtieġa u jista' jkun hemm ftehim politiku dwar monitoraġġ u sorveljanza aktar b'saħħithom u dawn jistgħu jiġu inklużi fil-Kodiċi ta' Kondotta dwar il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. - Għajnuna lill-Istati Membri bil-proċess ta' rikapitalizzazzjoni tal-banek permezz ta' self lil-pajjiżi li mhumiex fil-programm, bħala komplement għas-soluzzjonijiet tas-settur privat u għall-mezzi nazzjonali fejn dan ikun neċessarju. - Titjib fil-kapaċità tal-EFSF biex tintervjeni permezz tax-xiri tad-dejn tal-gvern fis-swieq primarji u biex tintervjeni fis-swieq sekondarji fejn ikun hemm ċirkostanzi tas-suq eċċezzjonali u riskji għall-istabbiltà finanzjarja, taħt kondizzjonalità xierqa. Barra minn dan, għandha tiżdied is-saħħa tal-mekkaniżmu ta' protezzjoni ( backstop mechanism ) bil-massimizzazzjoni tal-użu tal-EFSF, mingħajr ma jiżdiedu l-garanziji fil-bażi tiegħu u fi ħdan ir-regoli tat-Trattat ta' Lisbona, b'mod partikolari dwar il-finanzjament monetarju. L-introduzzjoni bikrija tal-MES issaħħaħ ukoll il-fiduċja fil-mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni ta' kriżijiet u ġġib magħha l-vantaġġi ta' strument aktar b'saħħtu u permanenti. Għandhom isiru sforzi biex titħaffef it-tħejjija teknika u l-proċeduri ta' ratifika biex l-MES ikun operazzjonali sa, pereżempju, nofs l-2012. Il-BĊE għandu rwol kruċjali fil-ħarsien tal-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-Euro kollha kemm hi, billi jiżgura li jkun hemm likwidità suffiċjenti għas-settur bankarju taż-żona tal-Euro u jagħti appoġġ lit-tħaddim xieraq tas-swieq tal-bonds sovrani filwaqt li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet. IT-TISħIħ TAS-SISTEMA BANKARJA, B'MOD PARTIKOLARI PERMEZZ TAR-RIKAPITALIZZAZZJONI Saru sforzi kbar kemm mil-lat regolatorju u minn dak finanzjarju biex jissaħħu l-banek tal-Ewropa minħabba r-rwol tagħhom fl-istabbiltà u fit-tħaddim tal-ekonomija tagħna. . Il-banek żiedu wkoll konsiderevolement il-kwalità u l-kwantità tal-bażi tagħhom tal-kapital. L-UE biddlet kompletament il-mod ta' superviżjoni tal-banek u adottat miżuri leġiżlattivi biex iżżid l-ammont ta' kapital regolatorju li jrid ikollhom il-banek, biex tindirizza operazzjonijiet rikjużi ta' titolizzazzjoni mill-ġdid, biex tiżgura li l-politiki ta' remunerazzjoni ma jinkoraġġixxux riskju eċċessiv u biex iżżid il-ħarsien tad-depożiti bankarji taċ-ċittadini għal-limitu attwali preżenti ta' EUR 100 000. L-adozzjoni rapida tas-CRD IV se tistabbilixxi proporzjon soda ta' kapital għall-banek u timplimenta l-istandards ta' Basel III. L-inċertezza li hemm fis-swieq tad-dejn sovran wasslet għal dejjem aktar volatilità u qed tpoġġi lis-settur bankarju taħt pressjoni li qiegħda tiżdied. Fil-futur prevedibbli, l-isforzi għandhom ikunu kkonċentrati fuq l-iffaċilitar tal-aċċess tal-banek għal-likwidità fuq żmien qasir, b'mod partikolari billi terġa' tiġi stabbilita l-likwidità fit-tul fis-settur, flimkien ma' passi biex jissaħħu dawk il-banek li jeħtieġu tisħiħ . Huwa meħtieġ sforz koordinat u mmirat ta' rikapitalizzazzjoni, flimkien mal-elementi l-oħrajn ta' din l-istrateġija, biex jerġa' jkun hemm fiduċja fis-settur bankarju tal-UE. Dan jeħtieġ l-isforzi kombinati tal-Istati Membri, tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) u tal-Bank Ċentrali Ewropew, flimkien mal-Kummissjoni. Strateġija tar-rikapitalizzazzjoni tal-banek skont il-ħidma li saret mill-ABE għandha tinkludi l-elementi li ġejjin: - Għandha tkopri l-banek potenzjalment sistemiċi kollha fl-Istati Membri kollha – jiġifieri il-banek li kienu koperti mis-simulazzjonijiet ta' kriżi tal-ABE ta' Lulju tal-2011, bl-esklużjoni ta' xi banek domestiċi żgħar mingħajr attivitajiet internazzjonali. - Għandha tinkludi l-iskoperturi kollha għad-dejn sovran tal-UE tal-banek ikkonċernati (valutazzjoni prudenti tad-dejn sovran kollu, kemm jekk fil-portafoll bankarju jew fil-portafoll tan-negozjar) biex jiġi żgurat li jkun hemm trasparenza sħiħa dwar il-kwalità tal-assi. - Għandha teħtieġ proporzjon tal-kapital sinifikament ogħla f'kapital tal-ogħla kwalità wara li titqies l-iskopertura.. Din id-definizzjoni ta' kapital hija ġeneralment ekwivalenti għad-definizzjoni stabbilita fil-ftehim internazzjonali Basel III, li għandha tintlaħaq fl-2015. - Il-banek li ma jkollhomx il-kapital neċessarju għandhom jippreżentaw pjanijiet ta' rikapitalizzazzjoni u għandhom jimplimentawhom malajr kemm jista' jkun. F'termini prattiċi, is-superviżuri nazzjonali għandhom jistabbilixxu dawn ir-rekwiżiti permezz tas-setgħat superviżorji eżistenti tagħhom fil-forma ta' lqugħ addizzjonali li jwaqqaf id-distribuzzjoni ta' dividendi jew ta' bonusijiet sakemm isseħħ ir-rikapitalizzazzjoni. - Il-banek għandhom l-ewwel jużaw għejun privati ta' kapital, inkluż ir-ristrutturar u l-konverżjoni tad-dejn fi strumenti azzjonarji. Jekk ikun neċessarju, il-gvernijiet nazzjonali għandhom jipprovdu appoġġ, u jekk dan l-appoġġ ma jkunx disponibbli, ir-rikapitalizzazzjoni għandha tiġi ffinanzjata permezz ta' self mill-EFSF. Kull rikapitalizzazzjoni minn għejun pubbliċi għandha tkun kompatibbli mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li testendi l-applikabbiltà tal-qafas eżistenti dwar l-għajnuna mill-Istat għal appoġġ lill-banek lil hinn mill-2011. Fl-istess ħin, jeħtieġ li x-xogħol fuq sistema ġdida ta' regolamentazzjoni tas-settur finanzjarju li hu għaddej bħalissa jitlesta malajr kemm jista' jkun. Il-Kummissjoni se tippreżenta l-proposti li għad fadal – jiġifieri r-regoli msaħħa dwar l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu, it-trasparenza u l-kondotta fis-suq fuq il-pjattformi kollha tan-negozju, qafas imsaħħaħ kontra l-abbuż tas-suq, inklużi sanzjonijiet kriminali u qafas Ewropew dwar ir-riżoluzzjoni tal-banek – sal-aħħar ta' din is-sena. Se jkun essenzjali li jiġi żgurat li dawn il-proposti kollha jiġu adottati malajr mill-koleġiżlaturi, idealment fi żmien 12-il xahar mill-preżentazzjoni tagħhom mill-Kummissjoni. It- Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji li qed tiġi proposta għandha tiġi adottata daqstant malajr fil-livell tal-UE bħala mezz biex jiġi żgurat li s-settur finanzjarju jikkontribwixxi sehem ġust għall-irkupru. L-UE għandha tkompli tinkoraġġixxi l-adozzjoni tagħha fil-livell globali. ANTIċIPAZZJONI TA' POLITIKI LI JżIDU L-ISTABBILTÀ U T-TKABBIR Il-parti l-kbira tal-Istati Membri m'għandhomx lok għal stimulu fiskali ġdid minħabba li għandhom bżonn jagħtu l-ogħla prijorità lill-konsolidazzjoni fiskali. Għandna bżonn niffukaw fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li saru taħt l-ewwel Semestru Ewropew u fuq il-prijoritizzazzjoni tal-infiq pubbliku fuq oqsma ta’ tkabbir, l-eliminazzjoni tal-ostakli u l-użu tal-potenzjal li mhuwiex sfruttat biżżejjed. L-Istati Membri, b’mod partikolari dawk li għaddejjin minn tensjoni fis-swieq tad-dejn sovran, għandhom jikkommettu għal r-riformi strutturali aktar b'saħħithom li jsaħħu t-tkabbir. Għandna bosta għodod ta’ tkabbir strutturali għad-dispożizzjoni tagħna fil-livell tal-UE – użu akbar tal-potenzjal tas-suq uniku, żieda fil-prestazzjoni kummerċjali tagħna u sfruttar tal-potenzjal tal-ftehimiet kummerċjali konklużi reċentement huma biss uħud mill-elementi. Barra minn dan, il-kriżi preżenti turi li rridu nintegraw il-kompetittività fil-politiki tal-UE. Jistgħu jinkisbu gwadanni partikolari minn azzjonijiet iffukati fuq is-setturi teknoloġiċi b'potenzjal kbir ta' tkabbir permezz tal-iżvilupp ta' suq diġitali uniku. Żieda mmirata għat-tkabbir u l-impjieg tista' tinkiseb b'dan il-mod: - Nisfruttaw iktar dak li diġà huwa miftiehem fil-livell tal-UE , pereżempju: - • L-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar is-Servizzi. - It-twettiq tas-suq integrat għall-enerġija li għandu jipprovdi lill-konsumaturi b’għażla bejn il-fornituri u jrendi s-swieq aċċessibbli bis-sħiħ għall-fornituri tal-enerġija. - L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard għandha tiġi avvanzata minn Marzu tal-2013 għal Jannar tal-2012, sabiex tingħata għajnuna lill-SMEs. - L-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles mal-Korea. - Aċċellerazzjoni tal-adozzjoni ta’ dak li huwa pendenti fil-kodeċiżjoni: - Il-protezzjoni ta’ privattiva unitarja Ewropea proposta, valida f’25 Stat Membru, għandha twassal għal tnaqqis stmat ta’ 80 % fl-ispejjeż għall-kumpaniji. - Ir-reviżjoni pendenti tad-direttiva dwar il-kontijiet annwali għandha tissimplifika l-ħtiġijiet ta’ rappurtaġġ b’mod partikolari permezz ta’ eżenzjonijiet għal impriżi mikro. - Żieda fir-rati ta’ kofinanzjament għal Fondi Strutturali f’pajjiżi tal-programm hekk kif propost għandu jippermetti l-mobilizzazzjoni malajr ta' fondi tal-UE f'appoġġ għat-tkabbir. - Id-direttiva dwar l-ekonomija tal-enerġija proposta għandha tippromwovi użu iktar effiċjenti tal-enerġija - Il-konklużjoni ta’ iktar ftehimiet kummerċjali li huma għaddejjin ma’ msieħba strateġiċi ewlenin. - L-adozzjoni tal-proposti dwar it-taxxa fuq it-tfaddil u inizjattivi tat-taxxa diġà ppreżentati. - L-għoti lill-Kummissjoni tal-mandat biex tinnegozja ftehimiet ta’ taxxi għall-UE kollha ma’ pajjiżi terzi għall-ġlieda effettiva kontra l-evażjoni tat-taxxa filwaqt li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja. - L-adozzjoni ta' Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ fakultattiva - Proċess iktar rapidu għal proposti futuri li l-Kummissjoni se tipproponi fix-xhur li ġejjin , li jinkludu: - It-tnax il proposta tal-Att dwar is-Suq Uniku li jinkludu: - L-aċċess faċilitat għal kapital ta' riskju fl-Ewropa kollha permezz ta' passaport tal-UE - Il-provvediment ta’ bażi legali komuni għall-għarfien reċiproku tal-awtentikazzjoni elettronika u l-firma elettronika transkonfinali. - Ir-reviżjoni tal-qafas tal-akkwisti pubbliċi biex jiġu pprovduti regoli iktar sempliċi u proċeduri iktar trasparenti. - Proposti oħra: - Iniżjattiva ta’ Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ biex jissaħħaħ l-impjieg fost iż-żgħażagħ, b’mod partikolari fir-rigward ta’ aċċess għall-ewwel impjieg. - Il-liġi dwar l-Immaniġġjar tad-Drittijiet kollettivi/ il-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur għall-ħolqien ta’ suq uniku għad-drittijiet tal-awtur - huwa stmat li dan jista’ jittrippla l-bejgħ tal-mużika onlajn. Fejn huwa diffiċli li jintlaħaq ftehim dwar proposti li jkunu tqiegħdu fuq binarju rapidu, għandha tiġi prevista l-użu ta’ kooperazzjoni msaħħa. Dan għandu jkun ikkomplementat minn investiment immirat fil-livell tal-UE. Il-ġimgħa d-dieħla l-Kummissjoni se tniedi l-Inizjattiva tal-Bonds Ewropa 2020 għall-Proġetti billi tipproponi fażi pilota matul il-qafas finanzjarju attwali. B’dan il-mod, inkunu nistgħu nespandu l-bażi ta’ investituri għall-finanzjament ta’ wħud mill-investimenti infrastrutturali ewlenin meħtieġa mill-UE u mis-Suq Uniku. L-inizjattiva għandha tiġi żviluppata iktar fil-proposta tal-Kummissjoni għall-Faċilità ta’ Nikkollegaw l-Ewropa taħt il-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jikkunsidraw ukoll b'urġenza kif il-bank tagħna mmexxi mill-politika, il-BEI, jista’ jagħmel iktar biex jiffinanzja investiment fuq terminu itwal, inkluż permezz tal-użu ta’ strumenti ta’ finanzjament innovattivi. Biex tagħmel dan, il-Kummissjoni se tistudja mezzi diversi għat-tisħiħ tar-riżorsi tal-BEI u l-bażi tal-kapital tiegħu sabiex ikun jista' jislef lill-ekonomija reali. IL-BINI TA’ GOVERNANZA EKONOMIKA SODA U INTEGRATA GħALL-ġEJJIENI Fundamentalment, ir-restawr tal-istabbiltà u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli fiż-żona tal-Euro u fl-UE kollha jista’ jinkiseb biss bit-tkomplija ta’ politiki sodi fil-livell nazzjonali, fil-kuntest u taħt il-gwida ta’ governanza Komunitarja xierqa. Dan għandu jkun frott impenn imsaħħaħ fost l-Istati Membri għar-ristawr u t-tisħiħ tas-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku permezz ta’ kombinazzjoni adattata tal-konsolidazzjoni baġitarja u riformi strutturali li jsaħħu t-tkabbir. Is-Semestru Ewropew u l-leġiżlazzjoni l-ġdida “pakkett ta’ sitta" diġà jipprovdu qafas ta’ governanza soda li jeħtieġ iktar tisħiħ, inkluż fid-dimensjoni Komunitarja tiegħu. Għandu jkun hemm dimensjoni iktar soda taż-żona tal-Euro fl-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ex-post tal-politiki tal-Istati Membri għall-iżgurar ta’ koordinazzjoni ta’ politika ekonomika iktar soda, ibbażata fuq proċeduri ta’ sorveljanza li jsiru dejjem iktar stretti (jiġifieri li jfissru limiti ikbar fuq il-baġits u l-politiki ekonomiċi nazzjonali), li jikkontribwixxu għal integrazzjoni u dixxiplina ikbar tar-responsabbiltà tal-politika ekonomika fil-livell taż-żona tal-Euro, permezz ta’ regoli li ma jistgħux jinkisru. F’dan il-kuntest, se jiġi kkunsidrat ukoll it-tisħiħ ulterjuri tar-rwol tal-Kummissarju responsabbli għall-affarijiet ekonomiċi u monetarji. Il-Kummissjoni ħabbret li bi ħsiebha taħdem lejn qafas uniku, koerenti għal governanza ekonomika mtejba abbażi tal-metodu Komunitarju. Se tippreżenta l-proposti neċessarji għal dan. Skont id-deċiżjonijiet tas-Summit taż-żona tal-Euro fil-21 ta’ Lulju 2011, il-President tal-Kunsill Ewropew, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-President tal-Kummissjoni u l-President tal-Eurogroup, se jipproponi proposti konkreti dwar kif jistgħu jittejbu l-metodi ta’ ħidma u l-ġestjoni tal-krizi fiż-żona tal-Euro, l-iktar permezz ta’ proċess iktar stabbilit bejn is-Summit taż-żona tal-Euro, il-Eurogroup u l-grupp ta’ ħidma dwar iż-żona tal-Euro. B’żieda ma’ dan, sabiex inwasslu governanza ekonomika aħjar għall-futur għandha bżonn: - Nimplimentaw il-“pakkett ta’ sitta” malajr kemm jista’ jkun inkluż permezz ta’ għodod preventivi u korrettivi iktar sodi taħt il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (kriterji ta’ defiċit/ dejn) u permezz tal-implimentazzjoni ta’ proċeduri ġodda ta’ żbilanċi makroekonomiċi (Proċedura dwar l-Iżbilanċi Eċċessivi). - It-tisħiħ tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika biex tiġi intensifikata s-sorveljanza ta’ politiki ekonomiċi u fiskali, inkluż permezz tal-integrazzjoni tal-Patt Euro Plus fil-proċeduri tiegħu. Minkejja li l-implimentazzjoni rapida u dixxiplinata tal-“pakkett ta’ sitta” l-ġdid se jkunu ta’ sfida, hemm il-ħtieġa li jsir iktar billi: - Jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għat-tisħiħ tal-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri taż-żona tal-Euro li jitolbu jew jirċievu għajnuna finanzjarja mill-EFSF, l-ESM, l-IMF jew IFI ieħor. Il-Kummissjoni se tippreżenta proposta lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 136. - Jiġu mmonitorjati l-politiki baġitarji nazzjonali tal-Istati Membri taż-żona tal-Euro f'pajjiżi ta’ proċedura/programm ta' defiċit eċċessiv li għandu jippermetti lill-Kummissjoni/Kunsill li tin/jintervjenu, pereżempju għall-eżami ta’ abbozzi ta’ baġits nazzjonali ex-ante, biex jintalab it-tieni qari f'każijiet serji, biex jiġu ssuġġeriti emendi matul is-sena u biex tiġi mmonitorjata l-eżekuzzjoni baġitarja. Il-Kummissjoni se tippreżenta proposta lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew taħt l-Artikolu 136 li tispjega l-passi gradwati u l-kundizzjonijiet li għandhom japplikaw f’dawn il-każijiet. - Skont il-governanza interna iktar soda taż-żona tal-Euro hemm il-ħtieġa għal moviment lejn rappreżentazzjoni esterna iktar magħquda għaż-żona tal-Euro. Il-Kummissjoni se tippreżenta proposti dwar il-passi biex dan jinkiseb. - Il-valutazzjoni u l-ivżilupp ta’ għażliet għal “bonds ta’ stabbiltà” bħala parti mill-arsenal ta’ strumenti ta’ politika għaż-żona tal-Euro fi ħdan il-governanza ekonomika msaħħa ulterjorment. Il-Kummissjoni se tippubblika Green Paper dwar l-għażliet ewlenin qabel l-aħħar tas-sena. Sabiex it-twettiq ta’ governanza ekonomika mtejba jinkiseb iktar malajr, għandha tiġi prevista kooperazzjoni msaħħa fil-każijiet kollha fejn, jekk ma jsirx dan, id-deċiżjonijiet jibqgħu pendenti għal perjodu itwal. Fl-aħħar nett, jista’ jkun xieraq li wħud minn dawn il-passi jew kollha kemm huma jiġu inklużi fil-qafas formali ta’ reviżjoni tat-Trattat. Dan ma jservix ta’ reazzjoni immedjata għall-kriżi attwali li għandha tiġi indirizzata permezz tal-implimentazzjoni rapida u deċiżiva tal-miżuri ppreżentati f'din il-Komununikazzjoni. Ladarba dan isir, jistgħu jiġu previsti emendi lit-Trattati biex l-arkitettura l-ġdida tal-Komunità li qed tiġi stabbilita bħalissa permezz tal-leġiżlazzjoni sekondarja tiġi kkonsolidata u tingħata impatt saħansitra iktar qawwi. Bidla fit-Trattat tista’ tkun utli wkoll biex tiġi żgurata l-koerenza ta’ integrazzjoni iktar profonda fi ħdan iż-żona tal-Euro fi ħdan l-Unjoni kollha kemm hi, b’mod partikolari s-Suq Uniku.