KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla /* KUMM/2011/0637 finali */
WERREJ 1........... Tnaqqis tal-faqar f'dinja li
qiegħda tinbidel rapidament...................................................... 3 2........... Drittijiet tal-bniedem, demokrazija
u elementi ewlenin oħrajn ta' governanza tajba............. 5 3........... Tkabbir inklussiv u sostenibbli
għall-iżvilupp tal-bniedem.................................................. 7 3.1........ Il-protezzjoni soċjali,
is-saħħa, l-edukazzjoni u l-impjiegi.................................................. 8 3.2........ Ambjent tan-negozju, integrazzjoni reġjonali
u swieq globali............................................. 8 3.3........ L-Agrikoltura sostenibbli u
l-enerġija............................................................................... 9 4........... Sħubijiet differenzjati
għall-izvilupp................................................................................ 10 5........... Azzjoni kkoordinata tal-UE........................................................................................... 11 6........... Koerenza mtejba fost il-politiki
tal-UE........................................................................... 12 7........... Tħaddin tal-Aġenda
għall-Bidla..................................................................................... 12
1.
Tnaqqis tal-faqar f'dinja li qiegħda tinbidel rapidament
F'mument kritiku – filwaqt li qiegħda
taffaċċja sfidi globali ġodda, qrib il-mira tal-2015
għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) u
f’nofs it-tħejjijiet għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) li
jmiss - l-UE trid tagħżel it-taħlita t-tajba tal-politiki,
tal-għodod u tar-riżorsi biex tkun effettiva u effiċjenti
fil-ġlieda kontra l-faqar fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli. Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi Aġenda
għall-Bidla biex issaħħaħ is-solidarjetà tal-Ewropa
man-nazzjonijiet tad-dinja li qegħdin jiżviluppaw f’din
il-ġlieda kontra l-faqar. Kif jiddikjara t-Trattat ta' Lisbona,
l-appoġġ lill-isforzi tal-pajjiżi li qegħdin
jiżviluppaw biex jinqered il-faqar huwa l-għan ewlieni tal-politika
għall-iżvilupp u prijorità għall-azzjoni esterna tal-UE
bħala appoġġ għall-interessi tal-UE għal dinja stabbli
u b'aktar ġid. Il-politika
għall-iżvilupp tgħin ukoll tindirizza sfidi globali oħrajn
u tikkontribwixxi għall-Istrateġija UE-2020. L-UE diġà ħadmet ħafna biex
tgħin biex jitnaqqas il-faqar u b'mod partikolari biex tappoġġa
l-kisba tal-MDGs. Iżda l-faqar estrem għadu
jippersisti f’bosta partijiet tad-dinja. Serje ta' xokkijiet globali
ħallew bosta pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fi stat ta'
vulnerabbiltà. Hekk kif il-popolazzjoni tad-dinja qiegħda tkompli tikber,
tinħtieġ aktar azzjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi globali
bħall-prevenzjoni tal-kunflitti, is-sigurtà, il-protezzjoni ambjentali,
it-tibdil fil-klima, u biex jitwasslu beni pubbliċi globali
bħas-sigurtà tal-ikel, l-aċċess għall-ilma u
għas-sanità, is-sigurtà tal-enerġija u l-migrazzjoni. Sadanittant, movimenti mmexxija mill-poplu
fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani enfasizzaw li progress tajjeb fuq l-MDGs
huwa essenzjali, iżda mhux biżżejjed. Dan iwassal għal
żewġ konklużjonijiet: l-ewwel, li l-għanijiet
tal-iżvilupp, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza
tajba u s-sigurtà huma marbutin ma' xulxin; it-tieni, li huwa kritiku li
s-soċjetajiet joffru futur liż-żgħażagħ. Il-politika tal-UE għall-iżvilupp
trid tqis id-differenzazzjoni miżjuda bejn il-pajjiżi li qegħdin
jiżviluppaw. Riċentement, bosta pajjiżi sħab saru
donaturi fihom infushom, filwaqt li oħrajn qegħdin
jaffaċċjaw fraġilità li qiegħda tiżdied. L-UE issa
trid tesplora modi ġodda biex taħdem magħhom u tippromwovi
aġenda tal-iżvilupp internazzjonali aktar inklussiva. Hemm ukoll potenzjal għall-UE biex
taħdem aktar mill-qrib mas-settur privat, mal-fondazzjonijiet,
mas-soċjetà ċivili u mal-awtoritajiet lokali u reġjonali
hekk kif ir-rwol tagħhom fl-iżvilupp jikber. Fil-livell tal-UE, it-Trattat ta' Lisbona
ankra fis-sod il-politika għall-iżvilupp fl-azzjoni esterna tal-UE.
Il-ħolqien tal-kariga ta’ Rappreżentant
Għoli/Viċi-President (RG/VP), assistita mis-Servizz Ewropew
għall-Azzjoni Esterna (SEAE), toffri opportunitajiet ġodda għal
kooperazzjoni għall-iżvilupp aktar effettiva u tfassil ta' politika
aktar integrat. L-UE mhijiex sempliċiment it-28
donatur Ewropew. Filwaqt li l-Kummissjoni timplimenta
20 % tal-isforz kollettiv tal-għajnuna tal-UE, hija taġixxi
wkoll biex tikkoordina, tlaqqa' u tfassal il-politika. L-UE hija sieħba
kummerċjali u ekonomika, u d-djalogu politiku tagħha, il-politika
tas-sigurtà u bosta politiki oħrajn – mill-kummerċ, l-agrikoltura u
s-sajd sal-ambjent, il-klima, l-enerġija u l-migrazzjoni - għandhom
impatt qawwi fuq il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Trid tittraduċi
dan ir-rwol multidimensjonali f'taħlitiet differenti ta' politiki adattati
għal kull pajjiż imsieħeb. Biex ikunu għal kollox
effettivi, l-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jitkellmu u jaġixxu
bħala entità waħda biex jiksbu riżultati aħjar u biex
itejbu l-viżibilità tal-UE. Iż-żminijiet diffiċli
ekonomiċi u baġitarji jagħmluha saħansitra aktar kritika li
jiġi żgurat li l-għajnuna tintefaq b'mod effettiv,
tagħti l-aħjar riżultati possibbli u tintuża biex isservi
ta' lieva għal aktar finanzjament għall-iżvilupp. B'dan il-kuntest il-ġdid f’moħha,
fl-2010 l-Kummissjoni varat konsultazzjoni dwar il-politika tal-UE għall-iżvilupp[1].
Din ikkonfermat ir-rilevanza tal-qafas ta' politika eżistenti, filwaqt li
qablet dwar il-ħtieġa li jiżdied l-impatt. Huma meħtieġa tibdiliet f'għadd
ta' direzzjonijiet. B'mod partikolari, l-UE trid tfittex li tiffoka l-offerta
tagħha lill-pajjiżi sħab fejn jista' jkollha l-akbar impatt u
għandha tikkonċentra l-kooperazzjoni għall-iżvilupp
tagħha biex tappoġġa: –
id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u
l-elementi ewlenin oħrajn ta' governanza tajba; –
it-tkabbir inklussiv u sostenibbli
għall-iżvilupp tal-bniedem. Biex jiġi żgurat l-aħjar valur
għall-flus, din għandha tiġi akkumpanjata minn: –
sħubijiet għall-iżvilupp
differenzjati; –
azzjoni kkoordinata tal-UE; –
koerenza mtejba fost il-politiki tal-UE. Il-Kummissjoni
tipproponi Aġenda għall-Bidla li tista' twassal għal: ·
sehem akbar tal-programmi ta' kooperazzjoni
tal-pajjiżi u reġjonali tal-UE dedikati għall-prijoritajiet ta'
politika mogħtija fit-taqsimiet 2 u 3 hawn taħt; ·
il-konċentrazzjoni tal-attivitajiet tal-UE
f’kull pajjiż fuq massimu ta’ tliet setturi; ·
żieda fil-volum u fis-sehem tal-għajnuna
mill-UE lill-pajjiżi l-aktar fil-bżonn u fejn l-UE jista’ jkollha
impatt reali, inkluż stati fraġli; ·
importanza msaħħa tad-drittijiet
tal-bniedem, tad-demokrazija u tax-xejriet tal-governanza tajba fid-determinazzjoni
tat-taħlita ta' strumenti u ta' modalitajiet tal-għajnuna fuq
il-livell tal-pajjiż; ·
appoġġ kontinwu
għall-inklużjoni soċjali u għall-iżvilupp tal-bniedem
permezz ta' mill-inqas 20 % tal-għajnuna tal-UE; ·
konċentrazzjoni akbar fl-investiment favur fatturi
għal tkabbir ekonomiku inklussiv u sostenibbli, li jipprovdu s-sinsla
tal-isforzi biex jitnaqqas il-faqar; ·
sehem ogħla tal-għajnuna tal-UE permezz
ta' strumenti finanzjarji innovattivi, inklużi faċilitajiet li
jgħaqqdu l-għotjiet u s-self; ·
konċentrazzjoni fuq l-għajnuna
lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex titnaqqas
l-espożizzjoni tagħhom għax-xokkijiet globali bħat-tibdil
fil-klima, id-degradazzjoni tal-ekosistema u tar-riżorsi, u prezzijiet
volatili u li qegħdin jogħlew tal-enerġija u tal-agrikoltura,
permezz ta' konċentrazzjoni fuq l-investiment fl-agrikoltura sostenibbli u
fl-enerġija; ·
indirizzar tal-isfidi tas-sigurtà,
tal-fraġilità u tat-tranżizzjoni; ·
strateġiji ta’ reazzjoni konġunti bejn
l-UE u l-Istati Membri bbażati fuq strateġiji ta' żvilupp
proprji tal-imsieħba, bi tqassim settorjali tal-kompiti; ·
qafas komuni tal-UE għall-irrappurtar
tar-riżultati; ·
Politika mtejba ta' Koerenza
għall-Iżvilupp, inkluż permezz tal-programmi tematiċi
ġodda li jibnu sinerġiji bejn l-interessi globali u l-qerda
tal-faqar. L-Aġenda għall-Bidla proposta
ma għandhiex il-għan li tikteb mill-ġdid il-prinċipji
bażiċi tal-politika. Kif stabbilit fil-Kunsens Ewropew dwar
l-Iżvilupp[2], il-mira kumplessiva
tal-UE sabiex jinqered il-faqar fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli mhux
se tiddgħajjef. L-impenji tal-UE dwar il-finanzjament
għall-iżvilupp, il-kisba tal-MDG u l-effettività tal-għajnuna
tibqa’ soda, kif jibqgħu wkoll l-ambizzjonijiet tagħha bħala
mexxej politiku u donatur ewlieni. L-istrateġiji tal-iżvilupp immexxija
mill-pajjiż imsieħeb se jkomplu jfasslu l-kooperazzjoni
għall-iżvilupp tal-UE skont il-prinċipji ta’ sjieda u
sħubija. L-UE qiegħda tfittex involviment reċiproku akbar
mal-pajjiżi sħab tagħha, inkluż ir-responsabbiltà
reċiproka għar-riżultati. Djalogu fuq il-livell
tal-pajjiż fi ħdan qafas koordinat ta' donaturi għandu
jiddetermina eżattament fejn u kif tintervjeni l-UE . Se tiġi segwita
wkoll kollaborazzjoni aktar effettiva fi ħdan is-sistema multilaterali .
2.
Drittijiet tal-bniedem, demokrazija u elementi ewlenin oħrajn
ta' governanza tajba
Governanza tajba,
fit-termini politiċi, ekonomiċi, soċjali u ambjentali
tagħha, hija vitali għall-iżvilupp inklusiv u sostenibbli. L-appoġġ tal-UE għall-governanza
għandu jidher b’aktar prominenza fis-sħubijiet kollha, b'mod
speċjali permezz ta’ inċentivi għal riforma orjentata lejn
ir-riżultati u enfasi fuq l-impenji tal-imsieħba favur id-drittijiet
tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt u li jiġu ssodisfati
t-talbiet u l-ħtiġijiet tan-nies tagħhom. Billi l-progress
fit-tul jista' jitmexxa biss minn forzi interni, se jiġi segwit approċċ
iċċentrat fuq id-djalogu politiku u ta' politika mal-partijiet
interessati kollha. It-taħlita u l-livell tal-għajnuna se
jiddependu fuq is-sitwazzjoni fil-pajjiż, inkluża l-abbiltà
tiegħu biex iwettaq riformi. L-appoġġ
għall-governanza jista' jieħu l-forma ta’ programmi jew interventi
msejsa fuq proġetti biex jappoġġaw l-atturi u l-proċessi
fuq il-livell lokali, nazzjonali u settorjali. Appoġġ
baġitarju ġenerali tal-UE għandu jkun marbut mas-sitwazzjoni ta'
governanza u mad-djalogu politiku mal-pajjiż imsieħeb,
f’koordinazzjoni mal-Istati Membri[3]. Jekk pajjiż
inaqqas l-impenn tiegħu lejn id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija,
l-UE għandha ssaħħaħ il-koperazzjoni tagħha mal-atturi
mhux statali u mal-awtoritajiet lokali u tuża forom ta’ għajnuna
li jipprovdu lill-foqra bl-appoġġ li jkollhom bżonn. Fl-istess
ħin, l-UE għandha żżomm djalogu mal-gvernijiet u mal-atturi
mhux statali. F’xi każijiet, kondizzjonalità aktar stretta se
tiġi ġġustifikata. Il-konċentrazzjoni fuq ir-riżultati
u r-responsabbiltà reċiproka ma tfissirx li l-UE se tinjora s-sitwazzjonijiet
fraġli fejn l-impatt huwa aktar bil-mod jew aktar diffiċli biex
jitkejjel. L-UE għandha taħdem biex tgħin lill-pajjiżi f’sitwazzjonijiet
ta’ fraġilità biex jistabbilixxu l-funzjonament u l-istituzzjonijiet
responsabbli li jagħtu servizzi bażiċi u li jappoġġjaw
it-tnaqqis tal-faqar. Se jittieħdu deċiżjonijiet biex jiġi
pprovdut appoġġ baġitarju lil tali pajjiżi fuq bażi
ta' każ b'każ, li jiżnu l-benefiċċji, il-kostijiet u
r-riskji. L-azzjoni tal-UE għandha tiffoka fuq: ·
Id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u
l-istat tad-dritt. L-UE għandha tkompli
tappoġġa d-demokratizzazzjoni, l-elezzjonijiet ħielsa u
ġusti, il-funzjonament tal-istituzzjonijiet, il-libertà tal-midja u
l-aċċess għall-internet, il-protezzjoni tal-minoranzi, l-istat
tad-dritt u sistemi ġudizzjarji fil-pajjiżi msieħba. ·
L-ugwaljanza bejn is-sessi u
l-emanċipazzjoni tan-nisa bħala atturi
għall-iżvilupp u ħaddiema għall-paċi[4]
se jiġu integrati fil-politiki u fil-programmi kollha tal-UE
għall-iżvilupp permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar is-Sessi
tal-2010. ·
Il-ġestjoni tas-settur pubbliku għal servizz aħjar ta’ twettiq. L-UE għandha
tappoġġa programmi nazzjonali biex itejbu l-formulazzjoni
tal-politika, il-ġestjoni finanzjarja pubblika, inklużi t-twaqqif u
t-tisħiħ ta’ korpi u miżuri ta' awditjar, kontroll u kontra
l-frodi, u żvilupp istituzzjonali, inkluż l-immaniġjar
tar-riżorsi umani. Ir-riforma domestika u l-politiki fiskali favur
il-foqra huma vitali. ·
Il-politika u l-amministrazzjoni fiskali.
L-UE se tkompli tippromwovi sistemi fiskali nazzjonali
ġusti u trasparenti fil-programmi tagħha tal-pajjiż, skont
il-prinċipji tal-UE għal governanza tajba fil-qasam tat-taxxa,
flimkien ma' inizjattivi internazzjonali u rappurtar pajjiż b'pajjiż
biex tiżdied it-trasparenza finanzjarja. ·
Il-korruzzjoni. L-UE
għandha tgħin lill-pajjiżi sħab tagħha biex
jindirizzaw il-korruzzjoni permezz programmi ta' governanza li jappoġġaw
il-promozzjoni, is-sensibilizzazzjoni u r-rappurtar u jżidu
l-kapaċità tal-korpi tal-kontroll u tas-sorveljanza u l-ġudikatura. ·
Is-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet
lokali. Filwaqt li tibni fuq 'Djalogu Strutturat'[5],
l-UE għandha ssaħħaħ ir-rabtiet tagħha
mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, mal-isħab
soċjali u mal-awtoritajiet lokali, permezz ta’ djalogu regolari u
l-użu tal-aħjar prattiki. Għandha tappoġġa
l-ħolqien ta' soċjetà ċivili lokali organizzata
kapaċi taġixxi bħala għassies u sieħeb fi djalogu
mal-gvernijiet nazzjonali. L-UE għandha tqis modi kif timmobilizza
l-kompetenzi tal-awtoritajiet lokali, pereżempju permezz ta' netwerks
ta' eċċellenza jew eżerċizzji ta' ġemellaġġ.
·
Ir-riżorsi naturali. L-UE għandha żżid l-appoġġ tagħha
għall-proċessi u korpi ta' sorveljanza u tkompli tappoġġa
riformi ta' governanza li jippromwovu l-ġestjoni sostenibbli u trasparenti
ta' riżorsi naturali, inklużi materja prima u riżorsi marittimi,
u tas-servizzi tal-ekosistemi, b'attenzjoni partikolari għad-dipendenza
fuqhom mill-foqra, b'mod speċjali azjendi agrikoli żgħar . ·
Ir-rabta żvilupp-sigurtà. L-UE għandha tiżgura li l-għanijiet tagħha
fl-oqsma tal-politika għall-iżvilupp, tal-bini tal-paċi,
tal-prevenzjoni tal-kunflitti u tas-sigurtà internazzjonali (inkluż
is-sigurtà ċibernetika) jirrinfurzaw lil xulxin. Għandha tiffinalizza
u timplimenta l-Pjan ta' Azzjoni mitlub dwar is-sigurtà, il-fraġilità u
l-iżvilupp[6].
3.
Tkabbir inklussiv u sostenibbli għall-iżvilupp tal-bniedem
It-tkabbir ekonomiku inklussiv u sostenibbli
huwa kruċjali għat-tnaqqis fit-tul tal-faqar u x-xejriet ta'
tkabbir huma importanti daqs ir-rati ta' tkabbir. Għal dan
il-għan, l-UE għandha tħeġġeġ aktar tkabbir
inklużiv, ikkaratterizzat mill-ħila tal-persuni biex
jipparteċipaw fi, u jibbenefikaw minn, ġid u ħolqien
tax-xogħol. Hija vitali l-promozzjoni tax-xogħol deċenti li
tkopri l-ħolqien tax-xogħol, il-garanzija tad-drittijiet fuq il-post
tax-xogħol, il-ħarsien soċjali u d-djalogu soċjali. L-iżvilupp mhuwiex sostenibbli jekk
dan jagħmel ħsara lill-ambjent, lill-bijodiversità u lir-riżorsi
naturali u jżid l-espożizzjoni/il-vulnerabbiltà
għad-diżastri naturali. Il-politika tal-UE
għall-iżvilupp għandha tippromwovi “ekonomija ekoloġika” li
tista’ tiġġenera tkabbir, toħloq ix-xogħol u tgħin
biex jitnaqqas il-faqar billi tivvaluta u tinvesti fil-kapital naturali[7],
inkluż permezz tal-appoġġ għall-opportunitajiet tas-suq
għal teknoloġiji aktar nodfa, użu effiċjenti
tal-enerġija u tar-riżorsi, żvilupp b'livell baxx ta' emissjoni
tal-karbonju filwaqt li tistimola l-innovazzjoni, l-użu tal-ICT, u tnaqqas
l-użu mhux sostenibbli tar-riżorsi naturali. Għandha
tikkontribwixxi wkoll għat-titjib tar-reżiljenza tal-pajjiżi li
qegħdin jiżviluppaw fir-rigward tal-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima. L-atturi pubbliċi għandhom
joħolqu sħubijiet ma’ kumpaniji privati, komunitajiet lokali u
soċjetà ċivili. Ir-responsabbiltà soċjali korporattiva
fil-livell internazzjonali u nazzjonali tista' tgħin biex jiġi evitat
li jitnaqqas il-livell tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istandards
internazzjonali soċjali u ambjentali u biex ikun hemm promozzjoni ta'
mġiba kummerċjali responsabbli konsistenti ma' strumenti rikonoxxuti
internazzjonalment. L-UE għandha tiffoka l-appoġġ
tagħha għal tkabbir inklussiv u sostenibbli fuq: ·
dawk is-setturi li jibnu l-pedamenti għal
tkabbir u jgħinu jiżguraw li jkunu inklussivi, b'mod speċjali l-ħarsien
soċjali, is-saħħa u l-edukazzjoni; ·
il-vetturi faċilitattivi għal tkabbir
inklussiv u sostenibbli, b'mod speċjali ambjent aktar
b'saħħtu tan-negozju u integrazzjoni reġjonali aktar profonda;
·
dawk is-setturi li jkollhom impatt multiplikatur
qawwi fuq l-ekonomiji tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u li
jikkontribwixxu għall-ħarsien ambjentali, il-prevenzjoni u
l-adattament fit-tibdil fil-klima, b'mod speċjali fl-agrikoltura
sostenibbli u fl-enerġija.
3.1.
Il-protezzjoni soċjali, is-saħħa,
l-edukazzjoni u l-impjiegi
L-UE għandha tieħu approċċ
aktar komprensiv lejn l-iżvilupp tal-bniedem. Dan jinvolvi
l-appoġġ għal poplu b’saħħtu u b'edukazzjoni tajba, li
jagħti lill-forza tax-xogħol il-ħiliet li twieġeb
għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, tiżviluppa
l-ħarsien soċjali, u jnaqqas l-inugwaljanza tal-opportunità. L-UE għandha tappoġġa riformi
fis-settur li jżidu l-aċċess għal servizzi
tas-saħħa u tal-edukazzjoni ta' kwalità u jssaħħu
l-kapaċitajiet lokali biex jirreaġixxu għall-isfidi globali.
L-UE għandha tuża l-firxa tagħha ta' strumenti ta'
għajnuna, b'mod speċjali "kuntratti għar-riforma
tas-settur" bi djalogu politiku intensifikat. L-UE għandha tieħu azzjoni biex
tiżviluppa u ssaħħaħ is-sistemi tas-saħħa,
tnaqqas l-inugwaljanzi fl-aċċess għas-servizzi
tas-saħħa, tippromwovi l-koerenza tal-politika u żżid
il-protezzjoni kontra t-theddid tas-saħħa globali sabiex jitjiebu
r-riżultati tas-saħħa għall-kulħadd. L-UE għandha ssaħħaħ
l-appoġġ tagħha għal edukazzjoni ta’ kwalità biex
tagħti liż-żgħażagħ l-għarfien u
l-ħiliet biex ikunu membri attivi f'soċjetà li qiegħda dejjem
tevolvi. Permezz tal-bini ta' kapaċità u l-iskambju tal-għarfien,
l-UE għandha tappoġġa t-taħriġ vokazzjonali
għall-impjegabbiltà u għall-kapaċità biex twettaq
ir-riċerka u tuża r-riżultati tagħha. L-UE għandha tappoġġa l-aġenda
tax-xogħol deċenti, l-iskemi tal-protezzjoni soċjali u
ta' garanziji minimi u tinkuraġġixxi politiki li jiffaċilitaw
il-mobbiltà reġjonali tax-xogħol. L-UE se tappoġġa
sforzi mmirati biex tisfrutta b'mod sħiħ l-interrelazzjoni bejn
il-migrazzjoni, il-mobbiltà u l-impjieg.
3.2.
Ambjent tan-negozju, integrazzjoni reġjonali u
swieq globali
It-tkabbir ekonomiku għandu bżonn ta'
ambjent favorevoli għan-negozju. L-UE għandha tappoġġa
l-iżvilupp tas-setturi privati lokali kompettitivi inkluż
permezz tal-bini tal-kapaċità lokali istituzzjonali u kummerċjali,
tippromwovi l-SMEs u l-kooperattivi, tappoġġa riformi tal-qafas
leġiżlattiv u regolatorju u l-infurzar tagħhom (inkluż
għall-użu ta' komunikazzjonijiet elettroniċi bħala
għodda biex tappoġġa t-tkabbir fis-setturi kollha),
tiffaċilita l-aċċess għal servizzi kummerċjali u
finanzjarji u tippromwovi l-politiki agrikoli, industrijali u ta' innovazzjoni.
Dan se jippermetti wkoll lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw,
b'mod speċjali l-ifqar pajjiżi, biex jużaw l-opportunitajiet
offruti mis-swieq integrati globalment. L-għajnuna
għall-Kummerċ u l-iffaċilitar tal-kummerċ aħjar u
aktar immirati jridu jakkumpanjaw dawn l-isforzi. Bl-istess mod, l-attirar u ż-żamma
ta' investiment sostanzjali privat domestiku u barrani u t-titjib
tal-infrastruttura huma kruċjali għas-suċċess
tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. L-UE għandha
tiżviluppa modi ġodda ta' involviment tas-settur privat, b'mod
speċjali bil-ħsieb li tistimola attività tas-settur privat u
riżorsi li jipprovdu prodotti pubbliċi. Għandha tesplora
l-mekkaniżmi tal-kondiviżjoni tar-riskju u tagħti finanzjament
bil-quddiem biex tikkatalizza sħubijiet pubbliċi-privati u
investiment privat. L-UE għandha tinvesti biss fl-infrastruttura, fejn
is-settur privat ma jistax jagħmel hekk fuq termini kummerċjali. L-UE se tkompli tiżviluppa
mekkaniżmi ta' kooperazzjoni biex tagħti spinta lir-riżorsi finanzjarji
għall-iżvilupp, tibni fuq esperjenzi ta’ suċċess
bħall-faċilitajiet Ewropej għall-Investiment jew lill-Fond
Fiduċjarju ta' bejn l-UE u l-Afrika għall-infrastruttura. F'setturi u
pajjiżi magħżula, persentaġġ ogħla
tar-riżorsi tal-UE għall-iżvilupp għandhom jiġu
użati permezz ta' strumenti finanzjarji eżistenti jew ġodda,
bħall-għaqda tal-għotjiet u tas-self u mekkaniżmi
oħrajn tal-kondiviżjoni tar-riskju, sabiex jiġu attratti aktar
riżorsi u għaldaqstant jiżdied l-impatt. Dan il-proċess
għandu jiġi appoġġat minn pjattaforma tal-UE
għall-Kooperazzjoni u għall-Iżvilupp li tinkorpora
l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej. L-iżvilupp u l-integrazzjoni
reġjonali jistgħu jistimolaw il-kummerċ
u l-investiment u jrawmu l-paċi u l-istabbiltà. L-UE għandha
tappoġġa l-isforzi għall-integrazzjoni reġjonali u
kontinentali (inklużi l-inizjattivi Nofsinhar-Nofsinhar) permezz
tal-politiki tal-imsieħba f'oqsma bħas-swieq, l-infrastruttura u l-kooperazzjoni
transkonfinali dwar l-ilma, l-enerġija u s-sigurtà. Se jiġi offrut
appoġġ biex jiġu indirizzati l-lakuni tal-kompetittività,
bħala parti mill-Għajnuna għall-Attivitajiet tal-Kummerċ
u tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika tal-UE li qegħdin
dejjem jikbru u li huma sostanzjali u ftehimiet oħrajn ta' kummerċ
ħieles ma' reġjuni li qegħdin jiżviluppaw.
3.3.
L-Agrikoltura sostenibbli u l-enerġija
L-UE għandha tuża l-appoġġ
tagħha fl-agrikoltura u fl-enerġija biex tgħin tiżola
lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw minn xokkijiet
(bħall-iskarsezza tar-riżorsi u l-provvista u bħall-volatilità
tal-prezzijiet) u għalhekk tgħin tipprovdi l-pedamenti għal
tkabbir sostenibbli. Għandha tindirizza l-inugwaljanzi, b'mod partikolari
biex tagħti lin-nies foqra aċċess aħjar għall-art,
l-ikel, l-ilma u l-enerġija mingħajr ma ssir ħsara
għall-ambjent. Fl-agrikoltura, l-UE għandha
tappoġġa prattiki sostenibbli, inklużi l-issalvagwardjar
tas-servizzi tal-ekosistemi, tagħti prijorità lill-prattiki
żviluppati lokalment u tiffoka fuq l-agrikoltura ta' skala
żgħira u l-għajxien rurali, il-formazzjoni ta' gruppi ta'
produtturi, ta' katina għall-fornitura u
għall-kummerċjalizzazzjoni u l-isforzi tal-gvern biex
jiffaċilita investiment privat responsabbli. L-UE se tkompli taħdem
biex issaħħaħ l-istandards nutrittivi, il-governanza tas-sigurtà
tal-ikel u tnaqqas il-volatilità tal-prezzijiet tal-ikel fuq livell
internazzjonali. Fl-enerġija, l-UE għandha
toffri t-teknoloġija u l-għarfien espert kif ukoll fondi
għall-iżvilupp, u għandha tiffoka fuq tliet sfidi ewlenin:
il-volatilità tal-prezzijiet u s-sigurtà tal-enerġija; it-tibdil
fil-klima, inkluż l-aċċess għal teknoloġiji b'livell
baxx tal-emissjoni tal-karbonju; u aċċess għal servizzi sikuri,
bi prezz raġonevoli, ta' enerġija nadifa u sostenibbli[8].
Fiż-żewġ setturi, l-UE
għandha tappoġġa l-iżvilupp tal-kapaċità u
t-trasferiment tat-teknoloġija, inkluż fi strateġiji ta’
adattament u mitigazzjoni tal-klima. L-UE qiegħda tfittex għal
sħubijiet fit-tul ma' pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw,
ibbażati fuq responsabbiltà reċiproka.
4.
Sħubijiet differenzjati għall-izvilupp
L-UE trid tfittex li tiffoka r-riżorsi
tagħha fejn huma meħtieġa l-aktar biex tindirizza t-tnaqqis
tal-faqar u fejn jistgħu jkollhom l-akbar impatt. Għajnuna bbażata fuq l-għoti
m'għandhiex tidher fil-kooperazzjoni ġeografika ma' pajjiżi li
qegħdin jiżviluppaw aktar avvanzati li diġà qegħdin fuq
perkorsi appoġġati ta' tkabbir u/jew kapaċi jiġġeneraw
biżżejjed riżorsi proprji. Min-naħa l-oħra, ħafna
pajjiżi oħrajn jibqgħu jiddependu ħafna fuq
appoġġ estern sabiex jipprovdu servizzi bażiċi lill-poplu
tagħhom. Fiż-żona intermedja, hemm firxa ta’ sitwazzjonijiet li
jeħtieġu taħlitiet ta' politiki u arranġamenti ta’
kooperazzjoni differenti. Approċċ differenzjat tal-UE
għall-allokazzjoni tal-għajnuna u għas-sħubijiet huwa
għalhekk essenzjali biex jintlaħaq il-livell massimu ta' impatt u ta'
valur għall-flus. L-UE għandha tkompli tirrikonoxxi
l-importanza partikolari ta' appoġġ għall-iżvilupp fil-viċinat[9]
tagħha stess u fl-Afrika sub-Saħarjana[10].
Għandha, fir-reġjuni kollha, talloka aktar fondi milli kienet
tagħmel fil-passat lill-pajjiżi l-aktar fil-bżonn, inkluż
stati fraġli. Aktar preċiżament, l-assistenza
tal-UE għall-iżvilupp għandha tkun allokata skont: –
Il-ħtiġijiet tal-pajjiż: ivvalutati bl-użu ta’ diversi indikaturi, filwaqt li jitqiesu, inter
alia, ix-xejriet tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali/uman u
l-perkors tat-tkabbir u kif ukoll l-indikaturi ta' vulnerabbiltà u
fraġilità. –
Il-kapaċitajiet: ivvalutati
skont l-abbiltà tal-pajjiż li jiġġenera biżżejjed
riżorsi finanzjarji, b'mod speċjali riżorsi domestiċi, u
l-aċċess tiegħu għal sorsi oħrajn ta’ finanzjament
bħal swieq internazzjonali, investiment privat jew riżorsi naturali.
Għandhom jitqiesu wkoll il-kapaċitajiet ta’ assorbiment. –
L-impenji u l-prestazzjoni tal-pajjiż: għandu jitqies b'mod pożittiv l-investiment tal-pajjiż
fl-edukazzjoni, fis-saħħa u fil-protezzjoni soċjali, il-progress
tiegħu fuq l-ambjent, id-demokrazija u l-governanza tajba, u s-solidità
tal-politiki ekonomiċi u fiskali tiegħu, inkluża l-ġestjoni
finanzjarja. –
L-impatt potenzjali tal-UE: ivvalutat permezz żewġ għanijiet trażversali: (1)
Iż-żieda tal-limitu sa fejn
il-kooperazzjoni tal-UE tista' tippromwovi u tappoġġa riformi
politiċi, ekonomiċi, soċjali u ambjentali fil-pajjiżi
msieħba; (2)
Iż-żieda tal-effett ta' lieva li
l-għajnuna tal-UE jista' jkollha fuq sorsi oħrajn ta’ finanzjament
għall-iżvilupp, b'mod partikolari l-investiment privat. Permezz ta' djalogu komprensiv politiku u
ta’ politika mal-pajjiżi sħab kollha, l-UE għandha
tiddefinixxi l-aktar forma xierqa ta’ kooperazzjoni, li twassal għal
deċiżjonijiet infurmati u oġġettivi dwar l-aktar
taħlita ta' politiki effettiva, livelli ta' għajnuna,
arranġamenti ta' għajnuna u l-użu tal-għodod finanzjarji
eżistenti u ġodda, u tibni fuq l-esperjenza proprja tal-UE
fil-ġestjoni tat-tranżizzjoni. Għal ċerti pajjiżi dan jista’
jirriżulta f’inqas jew fl-ebda għoti ta' għajnuna tal-UE
għall-iżvilupp u l-għażla ta' relazzjoni ta'
żvilupp differenti bbażata fuq self, kooperazzjoni teknika jew
appoġġ għall-kooperazzjoni trilaterali. F'sitwazzjonijiet ta' fraġilità,
għandhom jiġu definiti forom speċifiċi ta' appoġġ
li jippermettu l-irkupru u r-reżiljenza, b'mod
speċjali permezz ta' koordinazzjoni mill-qrib mal-komunità internazzjonali
u artikolazzjoni tajba mal-attivitajiet umanitarji. L-għan għandu
jkun li tiġi massimizzata sjieda nazzjonali kemm fuq il-livell tal-istat
kif ukoll fuq dak lokali sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà u jiġu
sodisfatti l-ħtiġijiet bażiċi fuq perjodu qasir, filwaqt li
fl-istess ħin tissaħħaħ il-governanza, il-kapaċità u
t-tkabbir ekonomiku, filwaqt li l-bini tal-istat jinżamm bħala
element ċentrali. Dan il-proċess ta' teħid
tad-deċiżjonijiet ibbażat fuq il-pajjiż għandu
jagħti lill-UE l-flessibbiltà biex tirreaġixxi għal
avvenimenti mhux mistennija, b'mod speċjali dawk naturali jew
ikkaġunati mill-bniedem .
5.
Azzjoni kkoordinata tal-UE
Il-frammentazzjoni u l-proliferazzjoni
tal-għajnuna xorta għadhom mifruxa u qegħdin anke jiżdiedu, minkejja sforzi reċenti konsiderevoli biex jiġu kkoordinati
u armonizzati l-attivitajiet tad-donaturi. L-UE għandha tieħu rwol
ta' tmexxija aktar attiv, kif awtorizzat mit-Trattat ta’ Lisbona, u tressaq
proposti biex tagħmel l-għajnuna Ewropea aktar effettiva. L-ipprogrammar konġunt
tal-għajnuna tal-UE u tal-Istati Membri għandu
jnaqqas il-frammentazzjoni u jżid l-impatt tiegħu proporzjonalment
mal-livelli ta’ impenn. L-għan huwa għal proċess ta' pprogrammar
simplifikat u aktar mgħaġġel, li jitwettaq prinċipalment
fuq il-post. Fejn il-pajjiż imsieħeb ikun fassal
l-istrateġija propja tiegħu, l-UE għandha tappoġġha
billi tiżviluppa, kull fejn ikun possibbli, dokumenti
konġunti ta' programmar multiannwali mal-Istati Membri. Fejn
il-pajjiż imsieħeb ma jkunx għamel dan, l-UE se taħdem biex
tiżviluppa strateġija konġunta mal-Istati Membri. Dan il-proċess jista' jirriżulta f’dokument
ta’ pprogrammar konġunt wieħed li għandu jindika t-tqassim
settorjali tax-xogħol u l-allokazzjonijiet finanzjarji għal kull
settur u donatur. L-UE u l-Istati Membri għandhom isegwu d-dokument meta
jfasslu l-pjanijiet ta' implimentazzjoni bilaterali tagħhom. Il-parteċipazzjoni
għandha tinfetaħ għal donaturi mhux mill-UE impenjati
għall-proċess f'pajjiż speċifiku. Biex tissaħħaħ is-sjieda
tal-pajjiżi, fejn huwa possibbli l-ipprogrammar konġunt għandu
jiġi sinkronizzat maċ-ċikli tal-istrateġija
tal-pajjiżi msieħba. F'sens ta' operat, l-UE u l-Istati Membri
għandhom jużaw il-modalitajiet tal-għajnuna li jiffaċilitaw
l-azzjoni konġunta bħall-appoġġ baġitarju
(taħt 'kuntratt wieħed tal-UE'), il-fondi fiduċjarji tal-UE u
l-kooperazzjoni ddelegata. Rigward it-tqassim tax-xogħol
transkonfinali, il-Kummissjoni tinkoraġixxi lill-Istati Membri kollha biex
ikunu aktar trasparenti meta jidħlu jew joħorġu, f'konformità
mal-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar t-Tqassim tax-Xogħol[11].
Hemm bżonn ta' approċċ koordinat, inkluż mekkaniżmu
ta' koordinazzjoni għat-tqassim tax-xogħol transkonfinali. L-UE għandha tiżviluppa qafas
komuni għall-kejl u għall-ikkomunikar tar-riżultati
tal-politika għall-iżvilupp, inkluż għal tkabbir inklussiv
u sostenibbli. Skont il-Qafas Operattiv dwar l-Effettività tal-Għajnuna[12],
l-UE se taħdem mal-pajjiżi sħab u donaturi oħrajn fuq
strateġiji komprensivi rigward ir-responsabbiltà domestika u
reċiproka u t-trasparenza, inkluż permezz tal-bini ta' kapaċità
statistika. It-trasparenza hija l-qofol ta’ għajnuna
effettiva u responsabbli. Il-Kummissjoni, li adottat l-istandard
tal-Inizjattiva Internazzjonali tat-Trasparenza tal-Għajnuna, diġà
hija waħda mill-aktar donaturi trasparenti. Għandha tkompli dan
l-isforz, flimkien mal-Istati Membri.
6.
Koerenza mtejba fost il-politiki tal-UE.
L-UE hija fuq quddiemnett tal-aġenda
għall-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp (PCD) u se
tkompli tevalwa l-impatt tal-politiki tagħha fuq l-għanijiet ta'
żvilupp. Se ssaħħaħ id-djalogu tagħha fil-livell
tal-pajjiżi dwar il-PCD u se tkompli tippromwovi l-PCD f'fora globali biex
tgħin biex jissawwar ambjent li jappoġġa l-isforzi
tal-pajjiżi l-aktar foqra. L-MFF futur għandu jsaħħaħ
il-PCD. Il-programmi tematiċi huma maħsuba bħala strumenti biex
jindirizzaw it-tħassib globali u se jipproġettaw il-politiki
tal-UE fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp u jgħinu wkoll biex
jinqered il-faqar. L-UE trid
tintensifika l-approċċ konġunt tagħha għas-sigurtà
u għall-faqar, u fejn ikun meħtieġ tadatta l-bażijiet u
l-proċeduri legali tagħha. L-inizjattivi tal-UE, fil-qasam
tal-iżvilupp, tal-politika barranija u tas-sigurtà għandhom ikunu
marbuta biex joħolqu approċċ aktar koerenti lejn il-paċi,
il-bini tal-istati, it-tnaqqis tal-faqar u l-kawżi sottostanti ta’
kunflitti. L-UE għandha l-għan li tiżgura tranżizzjoni
bla xkiel mill-għajnuna umanitarja u mir-reazzjoni
għall-kriżijiet lejn il-kooperazzjoni għall-iżvilupp
għat-tul. F'termini tar-rabta
żvilupp-migrazzjoni, l-UE għandha tgħin lill-pajjiżi li
qegħdin jiżviluppaw fit-tisħiħ tal-politiki,
tal-kapaċitajiet u tal-attivitajiet tagħhom fil-qasam tal-migrazzjoni
u tal-mobbiltà, bil-għan li timmassimizza l-impatt tal-iżvilupp
taż-żieda tal-mobbiltà reġjonali u globali tan-nies.
7.
Tħaddin tal-Aġenda għall-Bidla
Il-Kummissjoni ssejjaħ lill-Kunsill biex
japprova l-Aġenda għall-Bidla proposta li tfittex li: –
tipprovdi lill-UE b'politika u prattika
tal-iżvilupp ta' impatt qawwi għall-għaxar snin li ġejjin u
tagħtiha rwol ewlieni fl-istabbiliment ta' aġenda ta' żvilupp
internazzjonali komprensiva sa u lil hinn mill-2015; –
tgħin għall-bidla meħtieġa
fil-pajjiżi sħab biex ikun hemm progress aktar
mgħaġġel lejn it-tnaqqis tal-faqar u l-MDGs. Is-servizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE se
jiżguraw li l-prinċipji gwida stipulati f’din il-Komunikazzjoni huma
riflessi progressivament matul il-bqija taċ-ċiklu ta’ programmar ta'
bħalissa u fid-dokumenti ta’ pprogrammar futuri, kif ukoll fil-proposti
rigward l-arkitettura, il-leġiżlazzjoni u l-ipprogrammar
tal-istrumenti finanzjarji futuri għal azzjoni esterna. L-Istati Membri huma mħeġġa
biex jimplimentaw ukoll l-Aġenda. [1] COM(2010)629 http://ec.europa.eu/europeaid/how/public-consultations/5241_en.htm [2] 2006/C 46/01. [3] COM(2011) 638. [4] SEC(2010) 265 finali. [5] http://ec.europa.eu/europeaid/who/partners/civil-society/structured-dialogue_en.htm [6] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 14919/07 u 15118/07. [7] COM(2011) 363 finali. [8] Filwaqt li jitqiesu l-inizjattivi li għaddejjin
bħalissa bħall-Grupp ta' Livell Għoli tan-NU dwar
l-Enerġija Sopstenibbli għal kulħadd. [9] COM(2011) 303. [10] Inkluż permezz l-Istrateġija Konġunta bejn
l-UE u l-Afrika. [11] 9558/07. [12] 18239/10.