52011DC0596

OPINJONI TAL-KUMMISSJONI dwar it-talbiet ta' emendi għall-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati mill-Qorti /* KUMM/2011/0596 finali */


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

ta’ 30.9.2011

dwar it-talbiet ta' emendi għall-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati mill-Qorti

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 257 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 281 tiegħu,

1. B'żewġ talbiet fit-28 ta' Marzu 2011, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea pproponiet diversi emendi għall-Istatut tagħha, kif ukoll l-adozzjoni ta' Regolament dwar l-Imħallfin ad interim tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom, għall-ewwel darba, jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill li jiddeċiedu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

2. L-emendi proposti għandhom effett differenti fuq it-tliet qrati li bħalissa jagħmlu l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

3. Fil-każ tal-Qorti tal-Ġustizzja nfisha, l-emendi għandhom l-għan li joħolqu l-kariga ta' Viċi President tal-Qorti u li jistabbilixxu l-kompiti tiegħu (l-Artikolu 9a l-ġdid u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 39), li jbiddlu il-kompożizzjoni tal-Awla Manja (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 16), li jiżdied il-kworum għad-deliberazzjonijiet tal-Awla Manja u tas-seduta plenarja (it-tielet u r-raba' paragrafi tal-Artikolu 17), kif ukoll li titneħħa l-ħtieġa tal-qari tar-rapport ippreżentat mill-Imħallef Relatur fis-seduta (ir-raba' paragrafu tal-Artikolu 20)

4. Għal dak li jirrigwarda l-Qorti Ġenerali, sabiex din tkun tista' tindirizza ż-żieda fil-volum ta' xogħol tagħha u ż-żieda li tirriżulta fid-dewmien fit-trattament tal-kawżi, qed jiġi propost li n-numru tal-imħallfin jiżdied għal 39 (l-Artikolu 48).

5. Rigward it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-Qorti qiegħda titlob li jiżdidulu tliet Imħallfin ad interim li jkun jista' jirrikorri għalihom meta xi mħallef ma jkunx jista' jaqdi l-funzjonijiet tiegħu għal żmien twil (emenda tal-Artikolu 62c u tal-Anness I tal-Istatut u l-adozzjoni ta' Regolament speċifiku għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku).

6. Fl-aħħar nett, qed tiġi proposta emenda finali li jkollha l-istess effett fuq it-tliet qrati, jiġifieri t-tneħħija tad-dispożizzjoni dwar il-perjodi ta' grazzja għal raġunijiet ta' distanza (it-tħassir tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45), li konkretament iġġib magħha t-tneħħija tat-terminu fiss ta' għaxart ijiem li bħalissa jiżdied mat-termini proċedurali.

7. Il-Qorti tipproponi li bosta minn dawn l-emendi jidħlu fis-seħħ immedjatament, b'mod partikolari ż-żieda fin-numru tal-Imħallfin fil-Qorti Ġenerali. L-eċċezzjoni għal dan huma t-tliet bidliet li jirrigwardaw il-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri l-ħolqien tal-kariga ta' Viċi President, il-bidla fil-kompożizzjoni tal-Awla Manja u l-adattament fil-kworum għad-deliberazzjonijiet tal-Awla Manja, li m'għandhomx jibdew japplikaw qabel l-ewwel tiġdid parzjali tal-Qorti.

8. Il-Kummissjoni tilqa' l-inizjattiva tal-Qorti li tissottometti lil-leġiżlatur emendi għall-Istatut tagħha. Effettivament, kemm in-natura kif ukoll il-volum tal-kawżi quddiem il-qrati tal-Unjoni evolvew ħafna matul l-aħħar snin, partikolarment minħabba l-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni f'oqsma ġodda kif ukoll minħabba ż-żieda fin-numru tal-Istati Membri tal-Unjoni. It-tkabbir tal-Unjoni kellu wkoll effett kbir fuq l-istruttura interna tal-qrati, b'mod partikolari minħabba ż-żieda fin-numru tal-Membri tagħhom kif ukoll fin-numru tal-lingwi li jistgħu jintużaw fil-kawżi. Finalment, hemm ukoll żviluppi oħra prevedibbli kemm fuq perjodu qasir u fuq perjodu twil ta' żmien, b'mod partikolari wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona. Dawn l-iżviluppi kollha jeħtieġu adattament tal-organizzazzjoni, tal-mezzi u tal-modalitajiet tat-tħaddim tal-qrati sabiex dawn ikunu jistgħu jirreaġixxu għalihom b'mod effettiv.

9. Fid-dikjarazzjonijiet tal-motivi li jakkumpanjaw it-talbiet tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel analiżi fil-fond tas-sitwazzjoni attwali, tal-ħtiġijiet li hemm għal riforma u tas-soluzzjonijiet li jistgħu jippermettu li dawn il-ħtiġijiet jiġu sodisfatti. Il-Kummissjoni tikkondividi l-biċċa l-kbira ta' din l-analiżi.

10. Il-proposti tal-Qorti jappellaw madankollu għal riflessjoni profonda minħabba li jista' jkollhom influwenza dejjiema fuq il-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni. L-emendi li jsiru fl-istatut ta' qorti qatt ma huma insinifikanti għaliex dan l-istatut huwa l-bażi li fuqha tistrieħ il-leġittimità tad-deċiżjonijiet ta' tali qorti. L-Istatut irid iħares l-indipendenza, l-imparzjalità u l-awtorità tal-qorti filwaqt li jippermetti aċċess effettiv għall-ġustizzja billi jiggarantixxi attività effettiva u diliġenti.

11. Il-Kummissjoni aktar 'l isfel turi lil-leġiżlatur fid-dettall il-motivi li jwassluha biex tagħti l-appoġġ tagħha għall-proposti tal-Qorti filwaqt li tissuġġerixxi xi adattamenti u żidiet fil-każ ta' ċerti punti.

12. Il-Kummissjoni hija konxja mill-konsegwenzi baġitarji ta' dawn il-proposti tal-Qorti. Madankollu, hija tixtieq tenfasizza, minn naħa, li l-għoti ta' protezzjoni effettiva mill-qrati, inkluż permezz ta' ġustizzja li ssir f'perjodu raġonevoli, jikkostitwixxi ħtieġa primarja u, min-naħa l-oħra, li minkejja li l-konsegwenzi ekonomiċi negattivi ta' ġustizzja li ma tkunx effettiva mhumiex viżibbli daqs żieda fil-baġit, dawn probabbilment jiswew aktar flus.

              Emendi li jirrigwardaw il-Qorti tal-Ġustizzja

13. Għal dak li jirrigwarda l-Qorti tal-Ġustizzja nfisha, il-ħolqien tal-kariga ta' Viċi President jidher li hu ġustifikat. Kif qed tindika l-Qorti, il-volum tax-xogħol tal-President tagħha maż-żmien żdied ħafna u jidher utli li dan ikun jista' jiġi ssostitwit jew megħjun minn Viċi President fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

14. Il-President tal-Qorti fil-fatt għandu diversi kompiti, li t-twettiq tagħhom hu kruċjali biex il-qorti tiffunzjona kif suppost. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tixtieq tisħaq fuq l-importanza ta' twettiq diliġenti tal-proċeduri sommarji u tal-appelli dwar proċeduri sommarji li huma fir-responsabbiltà ewlenija tal-President tal-Qorti. Huwa ta' importanza kruċjali li t-talbiet għal sospensjoni tal-proċedimenti jew għal miżuri provviżorji oħrajn jiġu ttrattati fl-iqsar żmien possibbli kemm jekk isiru fil-prim'istanza jew jekk isiru matul appell. Fin-nuqqas ta' dan, hemm ir-riskju li kemm il-komportament tal-operaturi ekonomiċi kif ukoll tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkun ostakolat. Xi drabi ċerti appelli kontra digrieti dwar proċedura sommarja tal-Qorti Ġenerali jiġu biss riżolti wara żmien twil, li xi drabi jkun ta' iktar minn sena. Huwa diffiċli li dewmien bħal dan jiġi kkonċiljat mal-prinċipju ta' protezzjoni provviżorja effettiva mill-qrati. Il-ħolqien tal-kariga ta' Viċi President għandu jikkontribwixxi biex is-sitwazzjoni titjieb minn dan il-lat.

15. Il-kundizzjonijiet li taħthom il-President tal-Qorti jista' jiġi sostitwit mill-Viċi President jagħtu lok għal ċertu osservazzjonijiet Skont il-proposta tal-Qorti, is-sostituzzjoni tal-President għandha sseħħ "fil-każ ta’ impediment jew fil-każ li l-presidenza tkun vakanti, jew fuq talba tal-President." Dan il-kliem użat fl-Artikolu 9a jimplika li, minbarra fil-każijiet ta' impediment, il-President se jkollu setgħa diskrezzjonali biex jitlob li jiġi sostitwit skont il-każ, u dan għal kull tip ta' kompitu – ġudizzjarju, protokollari jew amministrattiv. Madankollu, għall-każ partikolari tal-proċedura sommarja, it-tieni paragrafu l-ġdid tal-Artikolu 39, hekk kif propost mill-Qorti, jipprevedi biss li ssir sostituzzjoni "[f]’każ ta’ impediment tal-President" u mhux fil-każ li l-President jitlob li dan isir. Din id-dispożizzjoni speċifika tal-Artikolu 39 għandha probabbilment tiġi interpretata bħala deroga mir-regola ġenerali tal-Artikolu 9a li tippermetti li l-President jiġi sostitwit fuq talba tiegħu.

16. Il-Kummissjoni tqis li huwa ġustifikat li l-għażla tal-imħallef li jkun responsabbli li jiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja provviżorja tkun waħda oġġettiva, jiġifieri l-President, ħlief fil-każ ta' impediment. Ma jkunx xieraq li l-President ikun jista' jiddeċiedi b'mod diskrezzjonali u skont il-każ li jiġi ssostitwit fi proċeduri sommarji. Madankollu l-Kummissjoni tqis li dan ir-raġunament japplika wkoll għat-twettiq tal-attivitajiet ġudizzjarji kollha tal-President (jiġifieri ma japplikax biss għall-kompetenza tiegħu li jiddeċiedi fi proċeduri sommarji jew fuq appelli minn proċeduri sommarji iżda wkoll għal dik li jippresjedi s-seduti u d-deliberazzjonijiet tas-seduta plenarja u tal-Awla Manja). Bħala garanzija addizzjonali kontra l-preġudizzju ġudizzjarju, jidher li jkun preferibbli li l-assenjar tal-kawżi lill-President jew lill-Viċi President isir fuq kriterji astratti u ġenerali li jiġu stabbiliti minn qabel (il-prinċipju tad-"dritt għall-imħallef legali") u ma jiġix deċiż skont x'ikun il-każ. Għalhekk il-Kummissjoni tissuġġerixxi li s-sostituzzjoni tal-President issir biss "fuq talba [tiegħu]" fil-każ tal-kompiti protokollari u amministrattivi tiegħu (inkluża l-Presidenza tal-laqgħa ġenerali tal-Qorti). Għaldaqstant, hija tipproponi li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 9a jkun ifformulat kif ġej:

Il-Viċi President għandu jassisti lill-President tal-Qorti. Huwa għandu jissostitwih fil-każ ta’ impediment jew fil-każ li l-presidenza tkun vakanti. Huwa għandu jissostitwih ukoll fuq talba tiegħu, ħlief fil-każ tal-Presidenza tas-seduta plenarja u tal-Awla Manja u fil-każ tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 39.

17. Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-ħatra tal-Viċi President, il-Kummissjoni taqbel mal-prinċipju ta' elezzjoni għal terminu ta' tliet snin, b'mandat li jista' jiġġedded, kif propost mill-Qorti. Il-mandat tal-Viċi President b'hekk ikun jikkonforma ma' dak tal-President tal-Qorti.

18. It-tieni proposta tal-Qorti tirrigwarda l-kompożizzjoni tal-Awla Manja, li għandha tiġi estiża minn tlettax-il imħallef għal ħmistax-il wieħed; barra minn dan, il-presidenti tal-awli b'ħames imħallfin ma għandhomx jibqgħu jipparteċipaw sistematikament fl-Awla Manja.

19. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, l-eżistenza, fi ħdan il-Qorti tal-Ġustizzja, ta' Awla Manja li tisma' kawżi kumplessi jew kawżi li jqajmu kwistjonijiet importanti ta' prinċipju, hija essenzjali għall-iżvilupp armonjuż tal-ġurisprudenza tal-Qorti. Din mhux biss tiggarantixxi li titqies l-opinjoni ta' numru kbir ta' imħallfin tal-Qorti iżda hija tikkontribwixxi wkoll għall-kontinwità tal-ġurisprudenza fiż-żmien. Barra minn dan, bħalissa, il-preżenza permanenti u simultajna tal-Presidenti tal-awli b'ħames imħallfin fl-Awla Manja u fl-awli li jippresjedu tikkontribwixxi sabiex tinżamm linja koerenti fil-ġurisprudenza fost id-diversi kulleġġi ġudikanti.

20. F'Qorti magħmula minn 27 membru, Awla Manja magħmula minn ħmistax-il imħallef tista' tikseb aktar faċilment l-għanijiet deskritti hawn fuq. L-istess jgħodd għall-preżenza sistematika tal-Viċi President. Għaldaqstant jeħtieġ li jingħata appoġġ għal dawn l-emendi.

21. Min-naħa l-oħra, huwa aktar diffiċli li wieħed japprezza l-benefiċċju globali ta' riforma bħat-tneħħija tal-parteċipazzjoni sistematika tal-Presidenti tal-awli b'ħames imħallfin. Ċertament evoluzzjoni bħal din tista' tnaqqas parzjalment il-volum kbir ta' xogħol li joħloq piż fuq dawn tal-aħħar. Barra minn dan, hija riforma li tippermetti lill-imħallfin l-oħrajn jipparteċipaw aktar frekwentement fil-ħidma tal-Awla Manja, u dan jikkontribwixxi sabiex jitqiesu aktar id-differenzi fost l-Istati Membri u l-varjetà tas-sistemi legali nazzjonali. Min-naħa l-oħra, din ir-riforma tista' tintroduċi varjazzjoni akbar minn qabel fil-kompożizzjoni tal-Awla Manja (żewġ membri permanenti biss minn ħmistax, minflok ħames membri permanenti mit-tlettax li hemm bħalissa), bir-riskju li dan iġib miegħu għall-koerenza u l-uniformità tal-ġurisprudenza tal-Awla Manja. Barra minn dan, il-Presidenti tal-awli b'ħames imħallfin ma jibqgħux ikunu aktar totalment infurmati dwar id-deliberazzjonijiet tal-Awla Manja fil-każijiet kollha meta ma jipparteċipawx fihom.

22. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li huwa possibbli li l-proposta tal-Qorti tiġi mmodifikata xi ftit biex ikun hemm l-aktar uniformità possibbli fil-kompożizzjoni tal-Awla Manja filwaqt li xorta jintlaħqu l-għanijiet tar-riforma.

23. Dan l-adattament jikkonsisti fiż-żamma tal-kompożizzjoni ssuġġerita mill-Qorti filwaqt li tiġi prevista r-regola addizzjonali li tliet Presidenti tal-awli b'ħames imħallfin ikollhom dejjem jagħmlu parti mill-Awla Manja.

24. Fir-Regoli tal-Proċedura għandu jkun hemm il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-imħallfin f'kull kawża, probabbilment b'sistema ta' żewġ listi ta' rotazzjoni (minflok il-lista waħda li hemm bħalissa), lista li tinkludi l-Presidenti tal-awli b'ħames imħallfin u lista oħra bl-imħallfin l-oħra. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 16 għandu jipprovdi li:

L-Awla Manja tikkonsisti minn ħmistax-il imħallef. Din tkun ippresjeduta mill-President tal-Qorti. L-Awla Manja tinkludi wkoll il-Viċi President u tliet Presidenti tal-awli b'ħames imħallfin, kif ukoll imħallfin oħra. Ir-regoli tal-ħatra tat-tliet Presidenti tal-awli b'ħames imħallfin u tal-imħallfin l-oħra huma stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.

25. Il-Kummissjoni taqbel maż-żieda fil-kworum għad-deliberazzjonijiet tal-Awla Manja (ħdax-il imħallef) u tas-seduta plenarja (sbatax-il imħallef) kif proposta mill-Qorti.

26. Fl-aħħar nett, l-emenda tal-Artikolu 20 biex jitneħħa l-qari tar-rapport ippreżentat mill-Imħallef Relatur fis-seduta, qiegħda biss tħassar regola li hija diġà obsoleta. M'hemmx oġġezzjoni għaliha.

27. Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tappoġġja l-proposti kollha magħmula fir-rigward tal-Qorti tal-Ġustizzja filwaqt li tissuġġerixxi:

· li għandu jiġi ċċarat f'liema każijiet il-President jista' jiġi sostitwit mill-Viċi President;

· li tinżamm aktar l-istabbiltà fil-kompożizzjoni tal-Awla Manja estiża.

              Emendi li jirrigwardaw il-Qorti Ġenerali

28. Il-Qorti hija konxja mill-ħtieġa li tindirizza attivament it-trattament rapidu tan-numru tal-kawżi li bħalissa huma pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali u li tnaqqas id-dewmien fit-trattament tal-kawżi. Kif indikat fid-dikjarazzjonijiet tal-motivi tagħha, il-Qorti kellha tagħżel bejn iż-żewġ possibbiltajiet ta' riformi previsti mit-Trattati, jiġifieri żieda fin-numru tal-imħallfin u l-ħolqien ta' qorti speċjalizzata jew ta' diversi qrati speċjalizzati. Hija tipproponi li n-numru tal-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali jiżdied għal disgħa u tletin imħallef.

29. Bla ħsara għall-osservazzjonijiet ifformulati aktar 'l isfel, il-Kummissjoni tingħaqad mal-għażla tal-Qorti. Min-naħa l-waħda, in-numru konsiderevoli ta' kawżi li bħalissa huma pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali jirrikjedi soluzzjoni urġenti. Iżda hija biss żieda immedjata fin-numru tal-imħallfin, bl-appoġġ tal-istrutturi amministrattivi li diġà jeżistu, li tista' tippermetti jiġi kkontrollat il-fluss tal-kawżi ġodda filwaqt li jiġi ttrattat b'mod effettiv in-numru akkumulat tal-kawżi pendenti. Il-ħolqien ta' qorti speċjalizzata waħda jew ta' diversi qrati speċjalizzati jipproduċi biss l-effetti tiegħu wara li jkun għadda intervall konsiderevoli ta' żmien[1]. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jkun hemm soluzzjoni flessibbli biex jiġu indirizzati l-varjazzjonijiet fil-kontenzjuż trattat mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, l-iżviluppi fid-dritt sussidjarju jwasslu regolarment għal kategoriji ġodda ta' kawżi li diffiċli jiġu previsti l-kobor u l-istabbiltà tagħhom tul iż-żmien. B'hekk, għalkemm matul dawn l-aħħar snin ir-Regolament REACH ġie regolarment iċċitat bħala sors potenzjali ta' kontenzjuż konsiderevoli, dan l-aħħar kienu r-rikorsi li saru kontra deċiżjonijiet ta' sanzjoni meħuda fil-konfront ta' persuni jew entitajiet, ibbażati fuq mekkaniżmi previsti fil-kuntest tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, li żdiedu l-aktar. Bl-istess mod, huwa diffiċli li jiġu previsti l-effetti fuq terminu medju ta' żmien li jista' jkollu l-ħolqien reċenti ta' diversi aġenziji, b'mod partikolari fil-qasam finanzjarju. Fid-dawl ta' din il-volatilità, ma jidhirx li l-ħolqien ta' qrati speċjalizzati tista' tkun biżżejjed biex jiġu indirizzati dawn l-iżviluppi, minn tal-anqas bħalissa. Il-ħolqien ta' awli speċjalizzati fi ħdan l-istess Qorti Ġenerali, ikun jikkostitwixxi soluzzjoni aktar flessibbli; dan is-suġġett huwa diskuss aktar 'l isfel f'din l-opinjoni. Finalment, il-ħolqien ta' qrati speċjalizzati lanqas ma jidher li jkun jikkostitwixxi soluzzjoni dejjiema għall-problema tal-piż ta' xogħol żejjed tal-Qorti Ġenerali, problema li ma tinħassx biss f'xi oqsma partikolari iżda li taffettwa wkoll u fuq kollox il-kawżi kumplessi bħal dawk fil-qasam tal-kompetizzjoni jew tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat.

30. L-istabbiliment tan-numru ta' mħallfin addizzjonali li hu meqjus bħala adegwat jinvolvi neċessarjament element ta' inċertezza. Iż-żieda proposta ta' tnax-il imħallef, li tippermetti l-ħolqien ta' erba' awli addizzjonali, għandha madankollu tkun biżżejjed biex iżżid b'mod sostanzjali l-kapaċità tal-Qorti Ġenerali biex tittratta l-kawżi.

31. Barra minn dan, l-emenda proposta tal-Artikolu 48 tal-Istatut teħtieġ adattament korrispondenti tal-Artikolu 47. Fil-fatt, bħalissa, l-Artikolu 47 jagħmel diversi dispożizzjonijiet tal-Istatut dwar il-Qorti tal-Ġustizzja applikabbli għall-Qorti Ġenerali, u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9, li jipprevedi li "Meta, kull tliet snin, ikun hemm sostituzzjoni parzjali tal-imħallfin, għandhom jiġu sostitwiti alternattivament erbatax-il imħallef u tlettax-il imħallef." Ladarba n-numru tal-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali ma jibqax l-istess bħal tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni ma tistax tibqa' tiġi applikata kif inhi għall-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni għalhekk tissuġġerixxi li l-proposta tal-Qorti tiġi emendata kif ġej:

– jiżdied punt 6a li għandu jitfassal kif ġej:

              L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 huwa sostitwit b’dan li ġej:

              "L-Artikolu 9a[2], l-Artikoli 14 u 15, l-ewwel, it-tieni, ir-raba' u l-ħames paragrafi tal-Artikolu 17, u l-Artikolu 18 għandhom japplikaw għall-Qorti Ġenerali u għall-membri tagħha."

– il-punt 7 għandu jerġa' jitfassal kif ġej:

              L-Artikolu 48 huwa sostitwit b'dan li ġej:

              "Il-Qorti Ġenerali għandha tikkonsisti minn disgħa u tletin imħallef.

              Meta, kull tliet snin, ikun hemm sostituzzjoni parzjali tal-imħallfin, għandhom jiġu sostitwiti alternattivament għoxrin u dsatax-il imħallef."

32. Barra minn dan l-adattament tekniku, iż-żieda ta' tnax-il imħallef addizzjonali tagħti lok għal żewġ kwistjonijiet importanti, jiġifieri, l-organizzazzjoni ta' Qorti Ġenerali estiża għal disgħa u tletin imħallef, min-naħa l-waħda, u s-sistema tal-ħatra tal-imħallfin, min-naħa l-oħra. Dawn iż-żewġ kwistjonijiet, li huma parzjalment marbuta waħda mal-oħra, se jiġu indirizzati hawn isfel.

33. Għal dak li għandu x'jaqsam mal-organizzazzjoni interna tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni tqis li hija neċessarja l-adozzjoni tal-emendi komplementari tal-Istatut bil-għan li jiżdied l-impatt taż-żieda fin-numru tal-imħallfin fuq l-effiċjenza tal-funzjonament tal-Qorti Ġenerali. Barra minn dan, dawn l-emendi għandhom iwasslu għal adattamenti xierqa għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

34. Bħalissa l-Qorti Ġenerali tiffunzjona fuq il-bażi ta' ugwaljanza stretta bejn l-awli differenti, fejn kull waħda minnhom tittratta l-kategoriji kollha tal-kawżi skont sistema ta' rotazzjoni awtomatika. Il-President tal-Qorti Ġenerali jista' biss jidderoga minn din is-sistema ta' rotazzjoni f'każijiet eċċezzjonali. Dan il-metodu ta' organizzazzjoni jobbliga lill-imħallfin kollha jiksbu konnoxxenza profonda f'diversi oqsma tal-liġi bħad-dritt tal-kompetizzjoni, id-dritt tal-proprjetà intellettwali, il-kontenzjuż dwar l-agrikoltura eċċ. Il-kompożizzjoni tal-Awla tal-Appell hija bbażata fuq sistema ta' rotazzjoni.

35. Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li dawn il-karatteristiċi ma jistgħux jinżammu f'qorti magħmula minn 39 imħallef. Iż-żieda fl-awli twassal għal tqassim saħansitra aktar frammentat tal-kategoriji differenti tal-kawżi. Fuq il-bażi ta' aktar minn 600 kawża ġdida kull sena, kull Imħallef Relatur għandu jiġi assenjat madwar ħmistax-il kawża li jkopru oqsma differenti ħafna minn xulxin.

36. Għaldaqstant jidher li tkun neċessarja xi speċjalizzazzjoni skont il-qasam ta' bosta mill-awli tal-Qorti Ġenerali sabiex il-kawżi jkunu jistgħu jiġu trattati b'mod aktar effiċjenti u rapidu, filwaqt li tinżamm il-flessibbiltà neċessarja biex ikun hemm adattament għal tipi ta' kontenzjuż emerġenti.

37. Għalkemm hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi dwar id-dettalji ta' din l-ispeċjalizzazzjoni fir-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-prinċipju għandu jidħol fl-Istatut innifsu sabiex jiġi żgurat li jkun ta' natura permanenti. Fil-verità, jista' jiġi previst li l-Qorti Ġenerali toħloq numru xieraq ta' awli speċjalizzati u f'kull każ minn tal-anqas tnejn. Biex dan isir, l-Artikolu 50 tal-Istatut jista' jinkludi paragrafu addizzjonali li jiddaħħal bejn l-ewwel u t-tieni paragrafi u li għandu jipprovdi dan li ġej:

"Fil-każ ta' suġġetti li jattiraw numru kbir ta' kawżi, il-Qorti Ġenerali għandu jkollha numru xieraq ta' awli speċjalizzati li għandhom jiġu assenjati l-kawżi li jkunu jirrigwardaw is-suġġetti kkonċernati. Irid ikun hemm minn tal-anqas żewġ awli speċjalizzati."

38. Għal dak li jirrigwarda l-President tal-Qorti Ġenerali, is-sistema attwali hija mfassla b'tali mod li l-biċċa l-kbira tal-ħin tiegħu huwa okkupat bit-trattament tat-talbiet għal miżuri provviżorji u b'hekk ma għandux ħin biżżejjed x'jiddedika għall-ġestjoni globali tal-kawżi. Barra minn dan, huwa ftit għandu kompetenzi biex iwettaq ġestjoni ta' dan it-tip.

39. Il-Kummissjoni għalhekk tirrakkomanda li, kif qed jiġi propost fil-każ tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ tal-Qorti Ġenerali jkun hemm ukoll il-kariga ta' Viċi President. Għal dan l-iskop jista' jkun biżżejjed li l-Artikolu 9a l-ġdid ikun japplika wkoll għall-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant għandha tiżdied referenza għal din l-aħħar dispożizzjoni fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47. Fl-istess ħin, għandhom jiġu emendati r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali biex jissaħħu s-setgħat tal-President f'dak li jirrigwarda l-ġestjoni tal-kawżi u, b'mod partikolari, dwar il-mod kif jiġu assenjati l-kawżi lill-imħallfin,

40. Sabiex din il-bidla tkun aktar effettiva, il-Viċi President ikun jista' jaqsam mal-President il-kompitu li jiġġestixxi t-talbiet għal miżuri provviżorji. F'dan il-każ, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 għandu biss jirreferi għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9a u għandu jiġi introdott Artikolu 48a ġdid li jipprovdi dan li ġej:

"Il-Viċi President għandu jassisti lill-President tal-Qorti Ġenerali. Huwa għandu jissostitwih fil-każ ta’ impediment jew fil-każ li l-presidenza tkun vakanti. Huwa għandu jissostitwih ukoll fil-każ ta' dawk id-dmirijiet imsemmija fl-Artikolu 39 taħt il-kundizzjonijiet previsti fir-Regoli tal-Proċedura."

41. Fl-aħħar nett, mil-lat prattiku, il-Kummissjoni tqis li, ladarba jkun intlaħaq ftehim fil-prinċipju dwar iż-żieda fin-numru tal-imħallfin, il-Qorti Ġenerali għandha tingħata r-riżorsi baġitarji li jippermettulha tirrekluta numru sinifikanti ta' référendaires addizzjonali, mingħajr ma jkollha tistenna l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-emendi lill-Istatut. Dawn ir-référendaires il-ġodda għandhom jiġu assenjati lill-imħallfin attwali biex dawn tal-aħħar ikun jistgħu jibdew jittrattaw il-kawżi pendenti sakemm l-imħallfin il-ġodda jidħlu fil-kariga; meta dan jiġri, dawn ir-référendaires jistgħu jiġu trasferiti lil dawn l-imħallfin.

42. Ladarba jiżdied in-numru tal-imħallfin tal-Qorti Ġenerali, tqum it-tieni kwistjoni li tikkonċerna s-sistema ta' ħatra tal-imħallfin. Ir-regoli tal-ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Ġenerali huma stabbiliti direttament mit-Trattati. Bħal fil-każ tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-imħallfin huma maħtura bi qbil komuni mill-gvernijiet tal-Istati Mebri għal sitt snin (l-Artikolu 19(2) tat-TUE u l-Artikolu 254(2) tat-TFUE). L-Artikolu 254 jipprevedi wkoll il-prinċipju tas-sostituzzjoni parzjali kull tliet snin. L-uniku element li jista' jiġi stabbilit mill-Istatut huwa n-numru tal-imħallfin (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 254 tat-TFUE), bil-kundizzjoni li l-Qorti Ġenerali tkun komposta minn mill-inqas imħallef għal kull Stat Membru (l-Artikolu 19(2) tat-TUE).

43. Peress li l-leġiżlatur ma għandux il-kompetenza biex jissupplimenta dawn ir-regoli, huma l-Istati Membri li għandhom jiftiehmu informalment dwar sistema ta' ħatra. Minħabba li n-numru tal-imħallfin li għandhom jinħatru la jikkorrispondi man-numru tal-Istati Membri u lanqas ma' multiplu ta' dan in-numru, jidher li sistema bħal din hija indispensabbli, fil-prattika, biex jiġi żgurat li jkun hemm ħatriet rapidi u li ma jagħtux lok għal kunflitti.

44. Il-Kummissjoni għalhekk tistieden lill-Istati Membri biex, meta jiġu adottati l-emendi għall-Istatut mil-leġiżlatur, jadottaw dikjarazzjoni komuni li tistabbilixxi s-sistema ta' ħatra li jkunu qablu dwarha. Din id-dikjarazzjoni tista' tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

45. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li biex tintgħażel sistema ta' ħatra l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitqiesu diversi għanijiet fundamentali. Qabel kollox, jeħtieġ li jiġi żgurat li jinħatru l-aktar persuni adatti u kkwalifikati biex iwettqu l-kariga. Dan il-għan huwa diġà parzjalment milħuq permezz tal-opinjonijiet mogħtija mill-kumitatat stabbilit bl-Artikolu 255 tat-TFUE. Imbagħad, jeħtieġ li jiġi ggarantit li tinżamm ċerta stabbiltà fil-kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali, billi jinżammu, sa fejn hu possibbli, il-possibbiltajiet tat-tiġdid tal-mandati tal-imħallfin. Fid-dawl tan-natura teknika tas-suġġetti ttrattati mill-Qorti Ġenerali u l-bżonn akbar ta' speċjalizzazzjoni fi ħdanha, huwa importanti li l-mandati tal-imħallfin li jkunu ħadmu b'mod effiċjenti jkunu jistgħu jiġġeddu. Jekk il-bidla minn 27 għal 39 imħallef tista' timmina dil-possibbiltà, ikun tajjeb li terġa' tiġi kkunsidrata bis-serjetà l-possibbiltà ta' din ir-riforma. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni taf li l-Istati Membri jixtiequ sistema li tiggarantixxi, sa fejn hu possibbli, rappreżentanza tajba tas-sistemi legali nazzjonali kollha fil-kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali.

46. M'hemmx dubju li l-bidla minn 27 għal 39 imħallef, b'sostituzzjoni parzjali ta' 20 u ta' 19-il imħallef kull tliet snin, se tagħmilha aktar diffiċli li jintlaħqu dawn l-għanijiet b'mod simultanju.

47. Il-Kummissjoni tqis madankollu li jistgħu jinstabu soluzzjonijiet ibbilanċjati u, għal din il-fini, hija qed tissottometti għall-kunsiderazzjoni tal-Istati Membri ż-żewġ sistemi alternattivi segwenti.

48. L-ewwel mudell huwa maħsub biex jirrispetta ugwaljanza stretta bejn l-Istati Membri permezz ta' sistema ta' rotazzjoni fuq bażi ta' ugwaljanza filwaqt li jinżammu sa fejn jista' jkun il-possibbiltajiet ta' tiġdid. Iż-żewġ prinċipji bażiċi huma li l-Qorti Ġenerali għandha tinkludi minn tal-anqas imħallef wieħed u mhux aktar minn żewġ imħallfin li jkollhom in-nazzjonalità ta' kull Stat Membru u li, meta jkun hemm żewġ imħallfin bl-istess nazzjonalità, il-ħatriet tagħhom għandhom ikunu jalternaw fuq perjodu ta' tliet snin (fil-fatt, kieku l-perjodu ta' dawn il-mandati kellu jkun jikkorrispondi, dan jippreġudika l-indipendenza ta' dawn l-imħallfin, li jkunu f'sitwazzjoni ta' kompetizzjoni għal ħatra sussegwenti). Fid-dawl ta' dawn iż-żewġ prinċipji, il-ħatra tal-imħallfin għandha ssir kif ġej:

· Titfassal lista ta' rotazzjoni li tkun tinkludi is-sebgħa u għoxrin Stati Membri. Din il-lista tiġi stabbilita bix-xorti jew tista' ssegwi l-ordni stabbilit fl-Artikolu 3(3) tal-Protokoll Nru 36 tat-Trattati.

· F'kull sostituzzjoni parzjali għandhom l-ewwel jiġu identifikati l-Istati Membri li ma jkollhomx ċittadin tagħhom fost l-għoxrin imħallef (jew id-dsatax-il imħallef) li jkunu f'nofs it-terminu tal-mandat tagħhom u kemm ikun hemm imħallfin li jkollhom iċ-ċittadinanza ta' dawk l-Istati Membri għandhom jiġu nnominati fuq bażi prijoritarja. Dan jista' jinvolvi mħallfin li l-mandat tagħhom ikun għadu kemm skada (sakemm dan jinkludi mħallfin bin-nazzjonalitajiet identifikati) jew imħallfin ġodda.

· Imbagħad, sabiex tiġi ddeterminata n-nazzjonalità tal-imħallfin li jkun għad iridu jiġu nnominati, għandha tiġi segwita l-lista ta' rotazzjoni stabbilita minn qabel, sakemm jiġi rrispettat r-rekwiżit li ma jkunx hemm iktar minn żewġ imħallfin għal kull Stat Membru. Dan jista' jerġa' jinvolvi mħallfin li l-mandat tagħhom ikun għadu kemm skada (sakemm dan jinkludi mħallfin bin-nazzjonalitajiet identifikati) jew imħallfin ġodda.

· Meta sseħħ is-sostituzzjoni parzjali sussegwenti, għandha tintuża l-istess proċedura, billi tkompli tiġi segwita l-lista ta' rotazzjoni (jiġifieri billi din id-darba wieħed jibda mill-Istat Membru li jinsab eżatt wara dak tan-nazzjonalità tal-aħħar imħallef li jkun inħatar id-darba preċedenti).

· Il-kandidati kollha identifikati b'dan il-mod jiġu eżaminati mill-kumitat previst fl-Artikolu 255 tat-TFUE. Irrispettivament mill-kontenut tal-opinjonijiet tal-kumitat, ma jistax ikun hemm deroga mis-sistema ta' ħatra. Fi kliem ieħor, jekk ikun hemm dubju dwar nomina partikolari, huwa permissibbli għall-Istat Membru kkonċernat li jippreżenta kandidat ieħor.

49. It-tieni mudell propost mill-Kummissjoni huwa mfassal biex jirrifletti bilanċ bejn l-għan li jiġi żgurat li jkun hemm l-aqwa rappreżentanza possibbli tas-sistemi legali nazzjonali kollha u l-bżonn li jiġu sodisfatti l-eżiġenzi ta' Qorti strutturata aktar f'awli speċjalizzati skont is-suġġett. Biex dan isir, nofs l-imħallfin il-ġodda (jiġifieri sitta) għandhom jinħatru skont proċedura li tissodisfa din il-ħtieġa ta' speċjalizzazzjoni.

50. Bħal fil-każ tal-ewwel mudell, il-prinċipju bażiku jkun li l-Qorti Ġenerali tinkludi minn tal-anqas imħallef wieħed u mhux aktar minn żewġ imħallfin li jkollhom in-nazzjonalità ta' kull Stat Membru. Il-ħatra tal-imħallfin għandha ssir kif ġej:

· Ma' kull sostituzzjoni parzjali, għandhom jintgħażlu tliet Imħallfin fuq il-bażi tal-kwalifiki legali meħtieġa biex Imħallef ikun membru ta' waħda mill-awli speċjalizzati li għandhom jinħolqu mill-Qorti Ġenerali. Għal din il-fini, kull Stat Membru jista' jippreżenta kandidat. Is-selezzjoni fost dawn il-kandidati ssir mill-Istati Membri, fuq il-bażi ta' opinjoni preliminari tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 255 tat-TFUE L-Istati Membri għandhom jitolbu lill-kumitat biex iqis, fl-opinjoni tiegħu, il-kwalifiki fil-qasam tal-awla speċjalizzata inkwistjoni u biex ipoġġi lil dawk il-kandidati li jiġu kkonfermati bħala idoneji f'ordni skont il-mertu tagħhom. Sabiex il-ħatriet ma jiġux ibblukkati jew mdewma, l-Istati Membri għandhom jiftiehmu minn qabel dwar il-pożizzjoni li għandhom jadottaw wara li l-kumitat jagħti l-opinjoni tiegħu.

· Is-sittax-il imħallef jew is-sbatax-il imħallef l-oħra għandhom jinħatru skont is-sistema ta' rotazzjoni prevista fl-ewwel mudell b'bidla żgħira: meta, wara selezzjoni li tkun ħadet inkonsiderazzjoni speċjalizzazzjoni partikolari, ikun ġie maħtur ċittadin ta' Stat Membru għas-sostituzzjoni parzjali kkonċernata, dak l-Istat Membru ma jkunx jista' jeżerċita d-dritt li jaħtar imħallef li kien ikollu skont il-lista ta' rotazzjoni matul l-istess eżerċizzju ta' sostituzzjoni parzjali.

51. Għandhom ukoll jiġu ppreċiżati l-kundizzjonijiet għall-ħatra tat-tnax-il imħallef supplementari. Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni attwali, ma jkunx għaqli li wieħed jistenna biex isiru s-sostituzzjonijiet parzjali li jmiss fil-kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali fl-2013 u fl-2016 biex jiġu miżjuda magħha żewġ gruppi suċċessivi ta' sitt imħallfin. Għall-kuntrarju, jeħtieġ li t-tnax-il imħallef il-ġdid jiġu maħtura mill-aktar fis wara d-dħul fis-seħħ tal-emenda tal-Istatut. Fl-istess ħin, il-mandati ta' dawn l-imħallfin il-ġodda jridu jiġu allinjati ma' dawk tal-imħallfin preżenti, biex jiġu rrispettati r-rekwiżiti tal-Artikolu 254 tat-TFUE, li jipprovdi għal sostituzzjoni parzjali kull tliet snin. Biex dan isir, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-perjodu tal-mandat tal-imħallfin il-ġodda jiġi allinjat mal-frekwenza tas-sostituzzjoni parzjali tal-Qorti Ġenerali, billi jiġi estiż il-perjodu tal-mandat tagħhom għaż-żmien kollu li jkun meħtieġ. Il-konformità simultanja ma' dawn ir-rekwiżiti kollha timplika neċessarjament li l-ewwel imħallfin il-ġodda se jkunu fil-kariga tagħhom għal perjodu li ma jkunx jikkorrispondi mal-mandat ta' sitt snin previst mit-Trattati.

52. F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni tqis li, għal raġunijiet ta' ċertezza legali, għandha tiġi miżjuda dispożizzjoni tranżitorja mal-proposta tal-Qorti. Minn naħa, din għandha tipprevedi li l-imħallfin il-ġodda jkollhom jidħlu immedjatament fil-kariga tagħhom qabel ma l-ewwel mandat tagħhom ta' sitt snin ma jkun formalment inbeda. Min-naħa l-oħra, din għandha tiddetermina t-terminu rispettiv tal-kariga tal-imħallfin il-ġodda. Din ir-regola tista' tiġi inserita bħala l-Artikolu 3(3) il-ġdid:

3. It-tnax-il imħallef innominati wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għandhom jidħlu fil-kariga immedjatament wara li jieħdu l-ġurament. Sitta minn fosthom għandhom jintgħażlu bix-xorti u l-mandat tagħhom għandu jintemm wara li jgħaddu sitt snin mill-ewwel sostituzzjoni parzjali tal-Qorti Ġenerali li ssegwi d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Il-mandat tas-sitt imħallfin l-oħrajn għandu jintemm sitt snin wara t-tieni sostituzzjoni parzjali tal-Qorti Ġenerali li ssegwi d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

53. Rigward in-nazzjonalità tal-ewwel tnax-il imħallef supplementari, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li din għandha tiġi determinata bix-xorti jew skont l-ordni stabbilit fl-Artikolu 3(3) tal-Protokoll Nru 36 tat-Trattati.

              Emendi li jirrigwardaw it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

54. Il-Qorti tipproponi li fl-Istatut tiġi prevista l-possibbiltà li jiżdiedu mħallfin ad interim mal-qrati speċjalizzati biex jissostitwixxu mħallfin assenti li jkunu suġġetti għal xi impediment għal tul ta' żmien. Attwalment din il-possibbiltà tapplika biss fil-konfront tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u qed jiġi propost regolament speċifiku għalih. Skont dan it-test, il-Kunsill għandu jaħtar tliet Imħallfin ad interim minn fost ex Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja. Wieħed minnhom jiġi mitlub jipparteċipa fit-trattament tal-kawżi fil-każ ta' impediment effettiv jew prevedibbli ta' Mħallef tat-Tribunal għal minn tal-anqas tliet xhur.

55. Il-Kummissjoni hija konxja mill-fatt li, f'qorti li tkun tinkludi numru żgħir ta' mħallfin, l-assenza fit-tul ta' membru wieħed jew ta' diversi membri tista' tagħti lok għal diffikultajiet prattiċi kbar. Is-soluzzjoni proposta bħala rimedju għal dan tidher xierqa.

56. Ir-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandhom jiġu emendati wara li dan ir-Regolament jiġi adottat, b'mod partikolari biex ir-regoli dwar il-kompożizzjoni tal-awli u l-assenjar tal-kawżi jiġu adattati. L-imħallfin ad interim għandhom biss jeżerċitaw il-prerogattivi tagħhom fil-kuntest tat-trattament tal-kawżi li s-soluzzjoni tagħhom tkun ġiet assenjata lilhom u dan jimplika li huma ma għandhomx jipparteċipaw fis-sistema ta' rotazzjoni prevista mir-Regoli tal-Proċedura.

57. Dan l-abbozz ta' Regolament jagħti lok għal xi kummenti fir-rigward tal-Artikoli 2 u 5 tiegħu.

58. Fil-każ tal-Artikolu 2, jeħtieġ li jkun ippreċiżat l-ordni li fih it-tliet imħallfin ad interim għandhom jiġu mitluba biex iwettqu dmirijiet ġudizzjarji meta jkunu jeżistu l-kundizzjonijiet fejn jitqies li hemm impediment ta' wieħed mill-imħallfin permanenti Il-Kummissjoni tirrakkomanda li dan l-ordni jiġi ppreċiżat fid-deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-lista tal-Imħallfin ad interim. Dan jista' jsir biż-żieda tas-sentenza li ġejja fl-aħħar tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1):

Din il-lista tiddetermina l-ordni li fih l-Imħallfin ad interim għandhom jissejħu fil-kariga skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2).

59. Barra minn dan, għandhom jiddaħħlu l-kliem "skont l-ordni stabbilit" wara l-kliem "il-President tat-Tribunal għandu jsejjaħ fil-kariga lill-Imħallef ad interim" fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2).

60. Fil-każ tal-Artikolu 5, tintuża l-istess terminoloġija ("Il-kariga tal-Imħallfin ad interim għandha tintemm") għal żewġ tipi ta' ċirkustanzi differenti ħafna bejniethom: l-ewwel u t-tielet subparagrafi jirrigwardaw it-tħassir definit mil-lista ta' isem Imħallef ad interim, filwaqt li t-tieni subparagrafu jirregola t-tmiem effettiv mill-kariga ta' Imħallef ad interim, li jibqa' maħtur bħala Imħallef ad interim u li ismu jibqa' fuq il-lista, iżda li jispiċċa mill-kariga minħabba li l-imħallef li jkun ġie sostitwit ma jibqax suġġett għal impediment. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li ssir distinzjoni aħjar bejn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet billi jiġu indirizzati f'żewġ artikoli differenti.

61. Barra minn dan, fil-każ tar-ritorn tal-imħallef li kien suġġett għal impediment, huwa previst li t-Tribunal (l-imħallfin permanenti kollha tat-Tribunal jew dawk li jagħmlu parti mill-kulleġġ ġudikanti kkonċernat?) ikollu d-diskrezzjoni li jiddeċiedi li jżomm Imħallef ad interim fil-kariga sakemm jiġu konklużi l-kawżi (kollha jew parti minnhom?) li jkun ipparteċipa fihom. Il-Kummissjoni tikkritika dan l-approċċ għaliex dan jista' jdgħajjef l-indipendenza tal-Imħallfin ad interim minħabba li l-imħallfin permanenti li jkunu jaħdmu magħhom ikunu dawk li jiddeċiedu jekk għandhomx jibqgħu fil-kariga. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tqis li jkun aktar xieraq li jiġi stabbilit kriterju oġġettiv biex jiġu determinati l-kawżi li fihom l-Imħallef ad interim għandu jibqa' fil-kariga sal-konklużjoni tagħhom anki wara li jkun spiċċa l-impediment tal-Imħallef li jkun qed jissostitwixxi. Pereżempju, hija tissuġġerixxi li għandu jiġi previst li l-Imħallef ad interim jibqa' fil-kariga sakemm jiġu konklużi l-kawżi kollha li jkunu ġew assenjati lilu. Dan jiggarantixxi li jkun hemm stabbiltà akbar fil-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti. Il-Kummissjoni għaldaqstant tirrakkomanda li l-Artikolu 5 tar-Regoli jiġi riformulat kif ġej:

Artikolu 5

Isem imħallef ad interim għandu jitħassar mil-lista msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1), meta jmut, meta jirreżenja jew meta jiġi deċiż li jitneħħa mill-kariga tiegħu fil-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 6 tal-Istatut.

Kull Imħallef ad interim li jkun tħassarlu ismu mil-lista msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) għandu jiġi sostitwit, skont il-proċedura prevista f'dik id-dispożizzjoni, għall-bqija tal-perjodu ta' validità tal-lista msemmija.

Artikolu 5a

Il-kariga ta' Imħallef ad interim tintemm meta l-imħallef li jkun ġie sostitwit ma jibqax suġġett għal impediment. Madankollu, l-imħallef ad interim jibqa' fil-kariga sakemm jiġu konklużi l-kawżi li jkunu ġew assenjati lilu.

Emendi li jirrigwardaw lil dawn it-tliet qrati

62. Fl-aħħar nett, il-Qorti tipproponi li jitneħħa l-perjodu ta' grazzja għal raġunijiet ta' distanza ta' għaxart ijiem, minħabba li ma għadux ġustifikat f'dan iż-żmien ta' teknoloġiji ġodda.

63. Huwa minnu li llum il-ġurnata l-perjodu ta' grazzja ta' għaxart ijiem għal raġunijiet ta' distanza ma għadux jaqdi l-iskop li għalih kien inħoloq, jiġifieri bħala kumpens għaż-żmien neċessarju biex tintbagħat korrispondenza lill-qrati. Madankollu, dan il-perjodu addizzjonali xorta xi drabi għadu importanti biex jippermetti lill-partijiet u lill-persuni interessati jippreżentaw is-sottomissjonijiet u l-osservazzjonijiet tagħhom fil-ħin.

64. Il-Kummissjoni tqis li din l-emenda mhijiex prijorità u, min-naħa tagħha, hija xorta tista' tkun sodisfatta jekk tinżamm is-sistema attwali. Min-naħa l-oħra, hija tkun tista' tadatta ruħha jekk il-perjodu ta' grazzja għal raġunijiet ta' distanza jitneħħa.

65. Jekk il-perjodu addizzjonali ta' għaxart ijiem jitneħħa, il-Kummissjoni tirrakkomanda madankollu li xi termini speċifiċi previsti fl-Istatut jiġu estiżi[3]:

· It-terminu ta' xahrejn biex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet bil-miktub dwar ir-rinviji ta' deċiżjonijiet preliminari (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut) għandu jiżdied għal għaxar ġimgħat, fid-dawl tal-preparazzjoni kumplessa li ta' spiss ikunu jeħtieġu dawn l-osservazzjonijiet, b'mod partikolari fil-każ tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet.

· It-terminu ta' xahrejn biex jiġi ppreżentat appell minn ċerti deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56) jew tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Anness I) għandu wkoll jiżdied għal għaxar ġimgħat, minħabba li, f'dan it-terminu, il-partijiet kkonċernati l-ewwel iridu jadottaw id-deċiżjoni fil-prinċipju li jressqu appell (liema deċiżjoni tista' tieħu ftit taż-żmien minħabba proċedura interna) u mbagħad iridu jfasslu l-imsemmi appell.

· It-terminu ta' ġimagħtejn biex jiġi ppreżentat appell mid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jew tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li tiċħad talba għal intervent (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tal-Anness I) għandu jiżdied għal tliet ġimgħat.

66. Għandhom jiġu wkoll estiżi termini oħra stabbiliti mir-Regoli tal-Proċedura tal-qrati:

· It-terminu ta' sebat ijiem biex tiġi ppreżentata talba biex jiġu ppreżentati replika jew sottomissjonijiet komplementari wara replika f'appell inċidentali (l-Artikolu 117(1) u (2), l-aħħar sentenza, tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 143(1) u (2), l-aħħar sentenza, tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali);

· It-terminu ta' xahar biex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet dwar eżami mill-ġdid (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 123e tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja);

· It-terminu ta' xahrejn biex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari tal-EFTA (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 123g tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja).

67. Fl-aħħar nett, ikun xieraq jekk, bħala korrispettiv għat-tneħħija tal-perjodu ta' grazzja għal raġunijiet ta' distanza, it-termini proċedurali jiġu sospiżi matul l-ewwel ġimagħtejn ta' Awwissu kif ukoll bejn l-20 ta' Diċembru u t-3 ta' Jannar. Matul dawn il-perjodi ta' ferjat ikun partikolarment diffiċli li dawn it-termini mqassra ta' għaxart ijiem jiġu rispettati.

Konklużjoni

L-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-emendi għall-Istatut proposti mill-Qorti tal-Ġustizzja hija favorevoli, soġġetta għall-modifiki indikati fil-punti 16, 23 u 24, 31, 37, 40, 52, 58, 59, 61 u 65 ta' din l-Opinjoni u sakemm is-sistema ta' ħatra għall-imħallfin tat-Tribunal tiġi adottata mill-Istati Membri fl-istess żmien.

Din l-Opinjoni se tintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

[1]               Bħala eżempju, għaddew aktar minn sentejn bejn il-proposta għall-ħolqien tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (COM(2003)705 tad-19 ta' Ottubru 2003) u l-bidu effettiv tal-funzjonament tiegħu (id-deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea ġie kkostitwit skont il-liġi, ĠUUE L 325, 12 ta' Diċembru 2005).

[2]               Għaż-żieda tar-riferiment għall-Artikolu 9a, ara l-punt 39 ta' din l-opinjoni.

[3]               It-termini stabbiliti direttament fit-Trattati, bħat-terminu ta' xahrejn għall-introduzzjoni ta' rikors għal annullament (l-Artikolu 263 TFUE) jew it-terminu ta' xahar previst fl-Artikolu 269 TFUE, ma jistgħux jiġu emendati.