52011DC0564

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Dwar Kooperazzjoni fil-Qasam tal-Ġustizzja u tal-Affarijiet Interni fi ħdan l-Isħubija tal-Lvant. /* KUMM/2011/0564 finali */


KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Dwar Kooperazzjoni fil-Qasam tal-Ġustizzja u tal-Affarijiet Interni fi ħdan l-Isħubija tal-Lvant.

INTRODUZZJONI

Il-Programm ta’ Stokkolma, adottat mill-Kunsill Ewropew fit-2 ta' Diċembru 2009[1], saħaq fuq l-importanza tal-politiki tad- dimensjoni esterna tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (minn issa ’ l quddiem ĠAI) għas-suċċess fl-implimentazzjoni tal-għanijiet identifikati fil-Programm u l-bżonn li tkun kompletament koerenti mal-aspetti l-oħra kollha tal-politika barranija tal-Unjoni Ewropea.

L-azzjoni tal-UE fid-dimensjoni esterna tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni kibret b’mod stabbli f’dawn l-aħħar snin immexxija, fost oħrajn, minn (1) ir-rispett lejn id-demokrazija, id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt ; (2) il-prinċipju tas- sħubija ma ’ pajjiżi terzi , u b’mod partikulari mal-pajjiżi ġirien, u (3) iż-żieda fil-koordinazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni dwar l-azzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri u l-użu sħiħ tal-istrumenti kollha disponibbli.

Il-Programm ta’ Stokkolma jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta pjan dwar kif se ssaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam tal-ĠAI mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant. Il-bżonn għal din it-tip ta’ kooperazzjoni ġiet enfasizzata aktar fil-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-25 ta’ Mejju 2011 dwar “ Risposti ġodda għal viċinat fi trasformazzjoni ”[2] u l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin fl-20 ta’ Ġunju 2011, approvati mill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju. Ir-reviżjoni li għaddejja tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni ukoll titlob għal progress f’dak il-qasam.

Il-faċilitazzjoni tal- kuntatti interpersonali , filwaqt li tippromwovi d-drittijiet fundamentali u ssaħħaħ l-istat tad-dritt , issaħħaħ il-ġudikatura, kif ukoll tinvolvi ruħha f’kooperazzjoni ġudizzjarja, uriet li hija prerekwiżit importanti biex tinżamm il-paċi u l-istabbiltà u għandha effetti benefiċi fuq l-iżvilupp ekonomiku, kulturali u soċjali tal-pajjiżi kollha involuti.

Dan kien wieħed mill-prinċipji gwida tas- Sħubija tal-Lvant (minn issa ’l quddiem SL) stabbiliti fis-Samit ta’ Praga fl-2009 mill-UE u l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarus, il-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova (minn issa ’l quddiem il-Moldova) u l-Ukraina. Iż-żieda fil-mobilità taċ-ċittadini f ’ ambjent sigur u ġestit tajjeb jibqa’ għan ewlieni tas-Sħubija tal-Lvant. Dan l-għan jinvolvi l-faċilitazzjoni tal-viża u l-ftehimiet ta’ ammissjoni mill-ġdid bħala l-ewwel pass. Meta dawn il-ftehimiet jiġu konklużi u implimentati b’mod effettiv, l-UE u l-pajjiżi msieħba se jieħdu passi gradwali lejn proċeduri ħielsa mill-viża fi żmien debitu fuq bażi ta’ każ b’każ u sakemm il-kundizzjonijiet għal mobilità ġestita tajjeb u sigura jkunu f’posthom. Is-Samit tas-Sħubija tal-Lvant ta’ Varsavja tad-29-30 ta’ Settembru 2011 għandu jikkonferma l-għanijiet ewlenin u jagħti aktar impetu lil din is-sħubija anke fil-qasam tal-ĠAI.

Il-ġlieda kontra d-drogi illegali, li huma problema kumplessa ta’ saħħa, soċjali u ta’ sigurtà u titlob reazzjonijiet matul żoni differenti tal-ĠAI, għandha tkompli jkollha post importanti fil-kuntest tal-kooperazzjoni fi ħdan is-Sħubija tal-Lvant.

Id-djalogu u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi tas-SL fil-qasam tal-ĠAI huma diġà żviluppati sew, kemm fuq livell bilaterali kif ukoll fuq dak multilaterali. Għalhekk, m’hemmx bżonn li jiġu stabbiliti oqsfa ġodda iżda jiġu kkonsolidati, imtejba u kkumplimentati dawk li diġà hemm .

Wara l-esperjenza u t-tagħlimiet li ttieħdu matul dawn l-ewwel snin ta’ kooperazzjoni fi ħdan is-SL, din il-Komunikazzjoni tressaq proposti konkreti li għandhom l-għan li jkomplu jkabbru l-livell ta ’ kooperazzjoni politika u operazzjonali lejn it-twaqqif ta’ Spazju Komuni tal-ĠAI bejn l-UE u s-Sħab tal-Lvant tagħha :

- konsolidazzjoni tal-oqsfa eżistenti għal djalogu u kooperazzjoni, inkluż l-identifikazzjoni tal-prinċipji għal din it-tip ta’ kooperazzjoni, u

- analiżi tal-progress li sar s’issa u proposti għal orjentazzjonijiet għal aktar tisħiħ ta’ kooperazzjoni, inkluż il-prijoritajiet tematiċi tiegħu.

KONSLIDAZZJONI TAL-QAFAS ISTITUZZJONALI EżISTENTI GħAD-DJALOGU U L-KOOPERAZZJONI: PRINċIPJI U STRUTTURI

Prinċipji għall-kooperazzjoni

Il-konsolidazzjoni tal-kooperazzjoni eżistenti fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni mal-pajjiżi Msieħba tal-Lvant għandha tkun ibbażata fuq dawn l-erba’ prinċipji ewlenin li ġejjin:

Divrenzjar – Aktar avvanz fil-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet tal-ĠAI ma’ kull Sieħeb tal-Lvant għandu jiddependi fuq il-progress li jsir mill-pajjiż imsieħeb fl-aġenda ta’ riforma tal-ĠAI u fl-implimentazzjoni tal-politiki kollha relevanti. Il-progress se jkun sorveljat f'kooperazzjoni mill-qrib mal-pajjiż sieħeb.

Kundizzjonalità – Iż-żieda fil-kooperazzjoni mal-Imseħbin tal-Lvant għandha tkun gradwali u skont il-progress li jsir u s-suċċess fil-kooperazzjoni fl-oqsma li ntlaħaq qbil dwarhom.

Koerenza politika – L-approċċ lejn il-kooperazzjoni tal-ĠAI mal-Imseħbin tal-Lvant għandu jkun ikkunsidrat fil-kuntest tal-politika esterna ġenerali tal-UE u koerenti ma’ politiki relevanti oħra tal-UE, kif ukoll mal-kooperazzjoni segwita ma’ pajjiżi oħra fir-reġjun.

Kooperazzjoni reġjonali – Il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni reġjonali hija kruċjali biex jintlaqgħu sfidi transkonfinali fil-qasam tal-ĠAI u għandha tkun inkoraġġata aktar.

Barra mill-prinċipji msemmija hawn fuq, id-djalogu, l-appoġġ u l-impenn ma' organizzazzjonijiet tas-soċjeta' ċivili, inkluż komunitajiet tal-migranti u awtoritajiet lokali , kemm mill-pajjiżi tal-UE kif ukoll minn dawk tas-SL, huma importanti għal kuntatti interpersonali u għal żieda fil-mobilità u għandhom għalhekk jingħataw parti prominenti fil-kooperazzjoni dwar l-oqsma tal-ĠAI.

Strutturi għall-kooperazzjoni

Livell Bilaterali

Sabiex jiġu evitati diskussjonijiet ripetuti f’fora differenti, huwa suġġerit l-approċċ li ġej:

- L-istrutturi tal- Ftehim dwar Sħubija u Kooperazzjoni (u l-Ftehim ta ’ Assoċjazzjoni futur), u b’mod partikulari s-Sottokumitajiet u d-djalogi politiċi relevanti, għandhom ikomplu jkunu l-qafas ewlieni għad-diskussjonijiet ta' kooperazzjoni bilaterali fil-qafas tal-ĠAI. Djalogi ddedikati dwar id-drittijiet tal-bniedem għandhom jinżammu u jissaħħu b’mod parallel.

- Ir-riżultati tar- riammissjoni konġunta u l-kumitajiet tal-faċilitazzjoni tal-viża , kif ukoll tal-progress li jsir fid- djalogi dwar il-viża , jekk huma diġà stabbiliti, għandhom jiġu msemmija waqt il-laqgħat tas-Sottokumitajiet tal-ĠAI.

- Fejn hu relevanti, is-Sħubiji għall-Mobilità (SM) għandhom jibqgħu iservu bħala l-qafas għad-djalogu u għall- kooperazzjoni operazzjonali dwar il-migrazzjoni fid-dimensjonijiet kollha tagħha: il-migrazzjoni legali, il-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari, u l-migrazzjoni u l-iżvilupp. Idealment, il-laqgħat tas-SM għandhom ikunu organizzati waħda wara l-oħra mas-Sottokumitajiet tal-ĠAI u għandhom jidħlu fl-aġenda tagħhom. Skont il-progress li jsir u s-sitwazzjoni tal-migrazzjoni fil-pajjiż, il-possibilità li tiġi ffirmata SM għandha b’mod ġenerali tkun miftuħa għall-pajjiżi kollha tas-SL [3].

- B’konformità mal-evalwazzjoni li għaddejja tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni, u biex jinżamm it-titjib fil-bilanċ tematiku, is-Sħubiji għall-Mobilità eżistenti għandhom ikomplu jrawmu l-kooperazzjoni fil-qasam tal- migrazzjoni u l- mobilità. Sabiex jintlaħaq dan, għandu jinżamm impenn mill-imsieħba kollha involuti kemm fuq livell politiku kif ukoll fuq dak ta' implimentazzjoni. Għandha tiġi żviluppata għodda ta ’ monitoraġġ għall-impatt fit-tul tas-SM fuq il-flussi tal-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-migrazzjoni u politiki oħra relevanti fil-pajjiżi msieħba u l-UE. Monitoraġġ regolari jippermetti wkoll li jiġu identifikati nuqqasijiet u ħtiġijiet li għandhom jiġu indirizzati fi ħdan il-qafas tas-SM. Barra minn hekk, din l-għodda ta’ monitoraġġ għandha tkun konsistenti u koerenti ma’ għodod u oqsfa oħra sabiex tiffoka u tkabbar l-impatt tagħha.

- Oqsma ta ’ prijorità għolja , bħall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar ta’ persuni, kwistjonijiet dwar id-drittjiet tal-bniedem u l-korruzzjoni, għandhom jiġu diskussi fuq bażi sistematika fl-oqsfa eżistenti, b’mod partikulari fis-Sottokumitajiet tal-ĠAI u/jew fid-djalogi ddedikati dwar id-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll is-SM, fejn huma diġà stabbiliti, bl-għan li jintensifikaw il-kooperazzjoni prattika fi ħdan is-Sħubija tal-Lvant.

- Il-kooperazzjoni dwar id-drogi għandha tkompli tul id-djalogi politiċi bilaterali eżistenti mal-Ukraina. Id-djalogi bilaterali mnedija mill-Presidenza Pollakka (mal-Armenja, il-Moldova, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja) għandhom jiġu ripetuti u istituzzjonalizzati , bl-għan li jkun hemm dawn it-tipi ta’ fora mal-pajjiżi kollha tal-Lvant.

- Għandha tiġi promossa aktar iż-żieda fil-kooperazzjoni mal- aġenziji relevanti (il-FRONTEX, l-Europol, l-Eurojust, iċ-CEPOL, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali) u għandha tibqa’ suġġett regolari fl-aġenda tal-ĠAI – is-Sottokumitajiet u l-laqgħat tas-SM. Istituzzjonijiet u aġenziji oħra, bħall-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF) jew iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), jistgħu ikunu assoċjati fi kwistjonijiet relevanti.

Livelli Reġjonali u multilaterali

Numru ta’ fora reġjonali li jġibu flimkien l-Istati Membri tal-UE u l-Imsieħba tal-Lvant joffru pjattaformi għall-iskambju tal-informazzjoni u l-aħjar prattiċi kif ukoll jimplimentaw inizjattivi transkonfinali konkreti (ara l-Anness). Bil-ħsieb li jiġi razzjonalizzat il-qafas għall-kooperazzjoni reġjonali u multilaterali u jsir aktar effiċjenti , saru dawn ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

- Sabiex tiġi assigurata l-gwida u l-koordinazzjoni politika xierqa, għandha tiġi kkunsidrata l-possibilità li jsiru laqgħat speċifiċi tal-ĠAI fuq livell Ministerjali fil-kuntest tas-Sħubija tal-Lvant. Fejn ikun xieraq, dawn il-laqgħat jistgħu jinżammu fuq bażi annwali sabiex jiġi vvalutat il-progress li jkun sar u jiġu pprovduti orjentazzjonijiet għall-futur.

- Sabiex jiġi razzjonalizzat il-qafas għad-djalogu u l-kooperazzjoni reġjonali, kwistjonijiet tal-ĠAI għandhom jibqgħu jidhru regolarment fuq l-aġenda tal- pjattaforma multilaterali tas-SL dwar id-demokrazija, il-governanza tajba u l-istabbiltà u l-kumitati relatati[4], kif ukoll pjattaformi oħra relatati bħal Pjattaforma 4, li tippromwovi d-djalogu dwar “kuntatti interpersonali.” Il-ħolqien ta’ Kumitat ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Asil bl-għan li jinkorpora fih l-aħjar prattiċi u tagħlimiet li ttieħdu permezz tal-“proċess ta’ Söderköping” fil-qafas tas-SL għandu jikkontribwixxi għal dan l-għan.

- Minħabba li l- Proċessi ta ’ Praga u ta ’ Budapest għandhom ħafna inkomuni, inkorporazzjoni parzjali ta’ dan tal-aħħar fil-Proċess ta’ Praga hija ta' min jirrikmandaha. Iż-żewġ proċessi jistgħu isiru ġeografikament kumplementarji , fejn filwaqt li l-Ewropa tal-Lvant u l-Asja Ċentrali jkunu koperti mil-proċess ta’ Praga u r-“Rotta tal-Ħarir”, l-Iran, il-Pakistan u l-Afganistan ikunu koperti mill-proċess ta’ Budapest. L-impenn tat-Turkija għandu jkompli jkun ta’ importanza ewlenija fil-proċess ta’ Budapest.

Koordinazzjoni u għajnuna finanzjarja

Biex is-Sħubija tal-Lvant issir aktar operazzjonali, hija meħtieġa wkoll koordinazzjoni effettiva bejn l-azzjonijiet implimentati mill-UE u l-Istati Membri tagħha. Għandu jitwaqqaf mekkaniżmu ta ’ monitoraġġ ħafif tal-azzjonijiet li jsiru mill-atturi kollha, inkluż rappurtaġġ annwali dwar l-attivitajiet implimentati fil-qasam tal-ĠAI.

Il-bżonn li tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni reġjonali bejn l-UE u l-Imseħbin tal-Lvant huwa wieħed mill-għanijiet maġġuri fil-qasam tal-ĠAI għas-snin li ġejjin u jitlob għajnuna finanzjarja sostanzjali u flessibbli. B’mod partikulari, għandu jiżdied il-bini ta' netwerks bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL u l-appoġġ għal proġetti u programmi li jindirizzaw kwistjonijiet transkonfinali u kwistjonijiet simili li jaffettwaw iż-żewġ reġjuni. L-UE għandha tikkunsidra wkoll li tassumi rwol aktar b ’ saħħtu fil-koordinazzjoni tad-donaturi f’dan il-qasam, pereżempju permezz ta’ twaqqif ta’ mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni ddedikati għal kwistjonijiet tal-ĠAI.

PROPONIMENT TAL-PASSI TA’ DJALOGU U L-KOOPERAZZJONI FUTURI FIL-QASAM TAL-ĠAI: IL-PRIJORITAJIET TEMATIċI

It-tisħiħ tas-sħubija fi kwistjonijiet tal-ĠAI jitlob dħul fis-seħħ ta’ firxa wiesgħa ta’ miżuri. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ikomplu jinkoraġġixxu u jappoġġjaw lill-pajjiżi tas-SL fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha meħtieġa, anke permezz ta' miżuri għall-bini tal-kapaċità, skambju ta ’ informazzjoni u l-aħjar prattiċi kif ukoll, jekk ikun xieraq u konformi mat-tqassim tal-kompetenzi, billi jidħlu fis-seħħ miżuri leġiżlattivi u politiċi relevanti fl-oqsma tal-migrazzjoni u tal-mobilità, tas-sigurtà, u tal-protezzjoni tad-dejta, kif ukoll fl-oqsma tal-ġustizzja u tad-drittijiet fundamentali. Jekk ikun xieraq, il-miżuri msemmija hawn taħt għandhom jiġu riflessi fil-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni li bħalissa jinsabu f’negozjati.

Migrazzjoni, mobilità u asil

Ġbir ta’ dejta, analiżi u l-użu effettiv tagħha fit-tfassil ta’ politika bbażata fuq il-provi

Diġà ġew investiti ammonti konsiderevoli ta’ xogħol u riżorsi fit-titjib ta’ sistemi ta’ ġbir ta’ dejta u analiżi fil-pajjiżi tas-SL. Bħalissa qiegħed jiġi preparat Profil ta ’ Migrazzjoni Estiż bħala parti mis-Sħubija għall-Mobilità mal-Moldova, kif ukoll għall-pajjiżi l-oħra kollha tas-SL fil-kuntest tal-proġett iffinanzjat mill-UE "Bini ta' Sħubiji ta' Migrazzjoni”. Madankollu, il-preċiżjoni tal-informazzjoni disponibbli dwar il-migrazzjoni u, għaldaqstant, il-preċiżjoni tat-tfassil ta’ politika bbażata fuq il-provi tiddgħajjef b’mod sinifikanti bin- nuqqas ta ’ dejta statistika relevanti, disponibbli fil-pront u ta ’ min joqgħod fuqha fir-reġjun, bil- kwalità fqira ta’ informazzjoni eżistenti u bid- definizzjonjiet differenti, metodoloġiji tal-istatistika u indikaturi użati matul ir-reġjun.

Hemm bżonn li jiġi pprovdut appoġġ lill- istituti nazzjonali tal-istatistika sabiex tiġi żviluppata l-kapaċità tagħhom li jipproduċu statistiċi relevanti u jassumu r-rwol ta’ koordinaturi ta’ attivitajiet tal-istatistika. Barra minn hekk, l-armonizzazzjoni tal-indikaturi u l-metodoloġiji tal-istatistika fir-reġjun tas-SL għandhom ikunu inkoraġġati fil-futur. L-UE għandha tippromwovi l-implimentazzjoni, fil-pajjiżi tas-SL, ta’ format bħal tal-HIMS[5] bi stħarriġ dwar migrazzjoni armonizzata, sabiex tinġabar dejta dwar il-migrazzjoni, inkluż id-determinanti u l-konsegwenzi tal-migrazzjoni.

Fejn hu relevanti, u b’rispett sħiħ għall- prinċipju tal-kunfidenzjalità statistika , l-inklużjoni ta’ mistoqsijiet relatati mal-migrazzjoni fiċ-ċensimenti nazzjonali u fl-istħarriġ tad-djar għandha tiġi promossa sabiex jiġi pprovdut sors stabbli u ta’ min jafda fuqu ta’ dejta komparabbli.

L-UE għandha tinkoraġġixxi u tappoġġja lill-pajjiżi tas-SL biex jassumu pussess tal-Profili tal-Migrazzjoni tagħhom sabiex dawn ukoll ikunu jistgħu jintużaw bħala għodod biex tittejjeb il-koerenza politika u l-evalwazzjoni politika.

Fl-aħħarnett, għandu jsir aktar biex titrawwem il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tar-riċerka li jaħdmu fuq il-migrazzjoni fl-UE u l-pajjiżi tas-SL.

Migrazzjoni legali, integrazzjoni u migrazzjoni u żvilupp

Il-migrazzjoni legali , jekk tkun ġestita sew, tista’ tirrispondi għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol kemm tal-pajjiż tal-oriġini u kif ukoll dak tad-destinazzjoni. Tista’ wkoll tikkontribwixxi b’mod effettiv biex tnaqqas il-migrazzjoni irregolari minħabba li tagħmel alternattivi legali disponibbli għall-migranti. L-UE u l-Istati Membri tagħha ħadmu flimkien mal-pajjiżi tas-SL biex jiffaċilitaw il-migrazzjoni legali fuq il-bażi ta’ inizjattivi u ftehimiet bilaterali u fil-qafas tas-Sħubiji għall-Mobilità.

Sabiex twaqqaf il-bażi għal azzjoni futura f’dawn l-oqsma, bħalissa l-UE qiegħda tagħmel studju dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-migrazzjoni tax-xogħol mill-pajjiżi tas-SL għall-UE.

B’konformità mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol għall-Istati Membri individwali tal-UE, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jikkunsidraw aktar ftuħ ta ’ kanali għall-migrazzjoni legali għal migranti mill-imsieħba tas-SL. B’mod parallel, għandhom jidħlu fis-seħħ miżuri biex tiġi indirizzata l-“ħela tal-imħuħ” u t-telf ta’ ħiliet u kapital uman, inkluż mekkaniżmi għal tqabbil tal-impjiegi, migrazzjoni ċirkulari , kooperazzjoni rrinfurzata għall- portabilità tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali , u r- rikonoxximent ta ’ ħiliet u kwalifikazzjonijiet . Ir-rwol tal-ETF għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward.

L-Isħubiji għall-Mobilità huma qafas partikularment utli, fejn tista’ tiġi favorita ż-żieda fil-mobilità u l-migrazzjoni tkun ġestita aħjar. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw b’mod partikulari l-faċilitazzjoni tal- migrazzjoni legali u l-mobilità intra-UE tal-istudenti, l-akkademiċi u r-riċerkaturi.

Għandhom ukoll jittieħdu miżuri biex jiġi evitat li pajjiżi tas-SL isofru minn eżodu ta' mħuħ. F’dak il-kuntest, l-UE u l-Istati Membri tagħha flimkien mal-imsieħba tas-SL għandhom jesploraw bis-sħiħ l-opportunitajiet offruti minn migrazzjoni ċirkulari u l-appoġġ għall-involviment tad-dijaspora fl-iżvilupp tal-pajjiż tal-oriġini tagħhom.

L-integrazzjoni ta’ migranti fis-soċjetajiet li qed jilqgħuhom hija sfida li jaffaċċjaw kemm l-Istati Membri tal-UE kif ukoll il-pajjiżi tas-SL. Titlob kooperazzjoni bejn l-aworitajiet fil-livelli kollha – lokali, reġjonali u nazzjonali, - kif ukoll mas-soċjeta ċivili, anke mal-assoċjazzjonijiet tal-migranti.

L-UE għandha tipprovdi aktar appoġġ sabiex tkabbar il-kapaċitajiet tal-pajjiżi msieħba biex jindirizzaw b’mod effettiv il-ħtiġijiet tal-migranti fil-politiki pubbliċi tagħhom, speċjalment il-politiki soċjali tagħhom. Barra minn hekk, l-UE għandha tinkoraġġixxi lill-pajjiżi tas-SL biex titqajjem kuxjenza fost il-popolazzjonijiet lokali u fost il-komunitajiet tal-immigranti biex tiġi miġġielda l-ksenofobija u jiġu nfurzati d-drittijiet. It-tfassil ta’ politiki li jfittxu li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal- familji li l-migranti jkunu ħallew warajhom u impatti soċjali oħra tal-emigrazzjoni fuq il-komunitajiet lokali għandhom ukoll ikunu suġġett għal aktar kooperazzjoni.

Ir-rimessi huma sors ta’ dħul importanti għall-pajjiżi tas-SL. Fl-2009 ir-rimessi tal-ħaddiema mibgħuta l-Ażerbajġan, l-Armenja, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina ammontaw għal total ta' kważi EUR 4 biljuni.[6]

Minħabba r-rwol li għandhom ir-rimessi fl-ekonomija tal-pajjiżi tas-SL, l-EU u l-imsieħba tas-SL għandhom jibnu fuq l-isforzi li saru s’issa biex jitnaqqsu l-ispejjeż tar-rimessi u jiġi promoss l-użu sostenibbli tagħhom. Il-punt fokali tradizzjonali dwar ir-rimessi għandu jiġi kkumplimentat b’inizjattivi li jimmiraw lejn it-tfaddil tal-migranti u l-ikkanalar tat-tfaddil lejn l-investimenti fil-pajjiżi tal-oriġini ħalli l-fondi jistgħu isiru disponibbli bħala kapital inizjali għall-investituri u l-intraprendituri, b’mod partikulari l-SMEs.

Il-pajjiżi tas-SL jiffaċċjaw sfidi simili fir-rigward tal-migrazzjoni legali, u l-kooperazzjoni f’dak il-qasam tista’ tiffaċilita aktar l-adozzjoni ta’ risposti xierqa.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni bejn il-pajjiżi tas-SL stess , l-appoġġ għal numru ta’ inizjattivi possibbli fuq il-livell reġjonali jista’ jkun ikkunsidrat, inkluż il-ġbir, l-armonizzazzjoni, l-analiżi u l-iskambju ta’ dejta relevanti għall-migrazzjoni jew it-twaqqif ta' netwerk ta' informazzjoni dwar il-migrazzjoni li għandu l-għan li jżid il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiċi bejn l-awtoritajiet tal-migrazzjoni tal-pajjiżi tas-SL. Għandhom jiġu inkoraġġati wkoll inizjattivi li għandhom l-għan li jżidu l-mobilità tan-nies bejn il-pajjiżi tas-SL.

Il-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari u l-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni, ir-ritorn u r-reintegrazzjoni

Ir-riammissjoni fil-pajjiż tagħhom stess ta’ ċittadini li m’humiex awtorizzati legalment biex jidħlu jew jibqgħu f’pajjiż ieħor huwa prinċipju tad-dritt konswetudinali internazzjonali li miegħu għandhom iżommu l-pajjiżi kollha. Ftehimiet ta ’ riammissjoni tal-UE jinkludu proviżjonijiet biex jiġu ffaċilitati u mgħaġġla l-proċeduri tar-riammissjoni ta’ persuni li joqogħdu mingħajr awtorizzazzjoni fit-territorju tal-Istati Membri tal-UE. Dawn it-tipi ta’ ftehimiet jikkostitwixxu għodda importanti fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari u, b’hekk, jikkostitwixxu pass importanti lejn iż-żieda fil-mobilità. Bħalissa tlitt imsieħba tas-SL (l-Ukraina, il-Moldova u l-Ġeorġja) iffirmaw ftehim ta' riammissjoni b’mod parallel mal-ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-viża mal-UE.

L-UE għandha tkompli tiżviluppa l-kooperazzjoni tagħha dwar ir-riammissjoni mal-bqija tal-pajjiżi tas-SL u għandu jkollha l-għan li tagħlaq il-ftehimiet tar-riammissjoni b’mod parallel mal-ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-viża mal- Armenja, l-Ażerbajġan u l-Belarus. Il-Kummissjoni diġà ġiet awtorizzata biex tinnegozja ftehim ta’ riammissjoni mal-Belarus u qed tippreżenta proposti għal awtorizzazzjonijiet simili għall-Armenja u l-Ażerbajġan b’mod parallel mal-Komunikazzjoni preżenti. Id-direttivi meħtieġa għan-negozjati għandhom jiġu adottati mill-Kunsill malajr kemm jista’ jkun.

B’żieda ma’ dan, l-UE għandha tkompli tappoġġja lill-pajjiżi msieħba fis-SL fl-isforzi tagħhom għall- bini tal-kapaċità biex jipprevjenu u jiġġieldu kontra l-migrazzjoni irregolari u biex jgħinu lill-persuni li jirritornaw fir-reintegrazzjoni sostenibbli tagħhom.

Mobilità ffaċilitata fuq medda qasira ta’ żmien

L-ivjaġġar bla viża huwa għan għas-sitt pajjiżi tas-SL u b’hekk għandu jiġi rikonoxxut u l-kooperazzjoni lejn dak l-għan għandha tiġi attivament żviluppata. Kooperazzjoni effettiva dwar ir-riammissjoni (inkluż l-implimentazzjoni effettiva tal-ftehim tar-riammissjoni tal-UE), implimentazzjoni korretta u effiċjenti tal-ftehim tal-faċilitazzjoni tal-viża u impenn attiv tal-pajjiż imsieħeb fi djalogu u kooperazzjoni fl-oqsma kollha koperti b’din il-komunikazzjoni għandhom jippermettu għal ftuħ tad-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża.

Il-ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-viża (VFA) huma għodda importanti li għandha l-għan li tiffaċilita l-mobilità fuq medda qasira ta’ żmien u hija l-ewwel pass lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża. S’issa daħlu fis-seħħ tliet VFAs - mal-Moldova, l-Ukraina u l-Ġeorġja.

Kemm l-UE kif ukoll il-pajjiż imsieħeb rispettiv għandhom jassiguraw l-implimentazzjoni effiċjenti u korretta tal-VFAs. Għall-Moldova u l-Ukraina b’mod partikulari, huwa importanti li jiġu konklużi malajr in-negozjati li għaddejjin għal VFAs ġodda u akbar.

B’konformità mal-impenji politiċi tagħha, l-UE għandha tikkonkludi ftehimiet simili anke mal-bqija tal-pajjiżi tas-SL, jiġifieri l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Belarus. Id-direttivi ta’ negozjati għall-Belarus kienu diġà ġew adottati u d-direttivi ta’ negozjati meħtieġa għall-Armenja u l-Ażerbajġan għandhom jiġu adottati mill-Kunsill malajr kemm jista’ jkun.

B’mod parallel, l-Istati Membri tal-UE għandhom jirrinfurzaw ix-xogħol li għaddej fi ħdan il-qafas tal- kooperazzjoni lokali ta ’ Schengen fil-pajjiżi kollha tas-SL. Dan għandu jsir bil-ħsieb li tiġi assigurata l-armonizzazzjoni massima tal-proċeduri tal-ħruġ tal-viża u l-użu sħiħ tal-opportunitajiet offruti mill- Kodiċi dwar il-Viża , bħall-eżenzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ nies mill-ħlas tal-viża u l-ħruġ ta’ viżi għal dħul multiplu u b’validità twila għal kategoriji bħal studenti, akkademiċi, riċerkaturi, u negozjanti. Barra minn hekk, sabiex jiġi ffaċilitat aktar il-proċess tal-applikazzjoni għall-viża, l-Istati Membri tal-UE għandu jkollhom l-għan li jtejbu l-kopertura konsulari fiż-żona tas-SL.

Id-djalogu dwar il-viża huwa qafas li jindirizza l-kundizzjonijiet li jwasslu għal-liberalizzazzjoni tal-viża, billi jippermetti vjaġġi bla viża fuq medda qasira ta’ żmien bejn l-UE u l-pajjiż ikkonċernat. Jiddependi fuq l-implementazzjoni effettiva mill-pajjiż imsieħeb ta’ serje ta' parametri li jkopru firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet tal-ĠAI. Wara t-tlestija tal-fażi esploratorja, djalogi dwar il-viża huma bbażati fuq Pjanijiet ta’ Azzjoni mfassla apposta b’żewġ fażijiet. S’issa, l-UE ppreżentat żewġ Pjanijiet ta ’ Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża (PALV) lill-pajjiżi tas-SL, li huma l-Ukraina f'Novembru 2010 u l-Moldova f'Jannar 2011.

Il-Pjanijiet ta’ Azzjoni jiffokaw fuq oqsma ewlenin tal-ĠAI bħas-sigurtà tad-dokumenti, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-migrazzjoni, il-politika dwar l-asil, l-ordni u s-sigurtà pubblika, inkluż il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-traffikar ta’ persuni, kif ukoll ir-relazzjonijiet esterni relevanti u d-drittijiet fundamentali. Jinkludu l-ewwel sett ta’ kriterji li jikkonċernaw il- qafas tal-politika (il-leġiżlazzjoni u l-ippjanar) u t- tieni sett ta’ parametri aktar speċifiċi, li jkopru l- implementazzjoni effettiva u sostenibbli ta’ miżuri relevanti biex jiġu prodotti riżultati konkreti fuq il-post.

Dawn it-tipi ta’ PALV jistgħu jservu bħala mudelli utli għal Imsieħba oħra tal-Lvant, meta titqies in-natura speċifika u l-progress indipendenti ta ’ kull pajjiż u l-koerenza fir-reġjun.

L-UE se tkompli tappoġġja lill-Ukraina u l-Moldova fl-isforzi tagħhom biex jimplementaw il-Pjanijiet ta’ Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża. Il-Kummissjoni se tirraporta regolarment dwar il-prograss li jkun sar fl-implementazzjoni tal-PALV lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew. L-ewwel rapporti ta’ valutazzjoni dwar l-Ukraina u l-Moldova huma ppreżentati b’mod parallel mal-Komunikazzjoni preżenti.

Sistemi ta’ asil u protezzjoni internazzjonali li jaħdmu b’konformità ma’ obligazzjonijiet internazzjonali

Ħafna mill-pajjiżi tas-SL għamlu xi progress fl-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni relevanti għall-proviżjoni ta’ protezzjoni internazzjonali għal dawk li kellhom bżonnha. Madankollu, għad hemm nuqqasijiet importanti kemm fir-rigward ta' oqsfa leġiżlattivi kif ukoll fl-implementazzjoni tagħhom. L-UE appoġġjat lill-pajjiżi tas-SL fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ protezzjoni tagħhom, anke permezz ta’ Programm ta' Protezzjoni Reġjonali li jkopri lill-Belarus, il-Moldova u l-Ukraina. It-tieni fażi ta’ dan il-programm bdiet fl-2011.

L-UE se tkompli tinkoraġġixxi lill-pajjiżi tas-SL biex itemmu l-qafas leġiżlattiv relevanti u jassiguraw l-implimentazzjoni effettiva tiegħu. Barra minn hekk, se tkompli tappoġġja lill-pajjiżi tas-SL f’aktar żvilupp tal-istituzzjonijiet u t-taħriġ tal-istaff involut fil-proċessi ta’ determinazzjoni tal-istat ta’ refuġjat. L-UE se tgħin ukoll fl-iżvilupp ta’ politiki nazzjonali dwar l-integrazzjoni tar-refuġjati. Fejn hu relevanti, l-għajnuna se tkun provduta b’kooperazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO) li għandu jappoġġja lill-pajjiżi msieħba fl-oqsma kollha ta’ kooperazzjoni prattika dwar kwistjonijiet relatati mal-asil.

Ġestjoni integrata tal-fruntieri

L-UE, flimkien ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (OIM) u pajjiżi donaturi oħra, appoġġjat lill-pajjiżi tas-SL permezz ta’ numru ta’ inizjattivi dwar il-ġestjoni tal-fruntieri bħall- Missjoni tal-Għajnuna fil-Fruntieri tal-UE (EUBAM) fl-Ukraina u l-Moldova u l-proġett tal- Programm ta ’ Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri tal-Kawkażu tan-Nofsinhar (SCIBM) fin-Nofsinhar tal-Kawkażu.l Barra minn hekk, l-inizjattiva emblematika tas-SL ipprovdiet il-qafas politiku għall-proġetti għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri ffinanzjati mill-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI). Dawn il-proġetti għandhom l-għan li jżidu l-kapaċitajiet operazzjonali billi jipprovdu attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità speċifiċi għall-pajjiż u billi jikkontribwixxu għat-twaqqif ta’ sistemi ta’ taħriġ modern f’dawn il-pajjiżi.[7] Għalkemm sar progress sinifikanti f’dan il-qasam, l-iżvilupp ta’ strateġiji komprensivi ta ’ taħriġ għal dan is-settur kif ukoll it-titjib għal kapaċità istituzzjonali , b’mod partikulari sabiex jiġu ġestiti punti tal-qsim tal-fruntiera b’mod effettiv, jitolbu aktar sforzi.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-ġestjoni effettiva tal-fruntieri, il- FRONTEX għandha rwol importanti u l-kooperazzjoni operazzjonali qed titmexxa 'l quddiem fl-oqsma tal-iskambju tal-informazzjoni, l-analiżi tal-perikli, it-taħriġ, l-operazzjonijiet konġunti u l-proġetti piloti. S’issa, il-FRONTEX iffirmat arranġamenti ta ’ xogħol mal-awtoritajiet kompetenti tal-Moldova, il-Ġeorġja, l-Ukraina u l-Belarus. B’riżultat ta’ dan, uffiċjali tal-gwardja tal-fruntieri ta’ dawn il-pajjiżi diġà pparteċipaw bħala osservaturi f’Operazzjonijiet Konġunti kkordinati mill-FRONTEX u jibbenefikaw minn xi prodotti ta’ taħriġ żviluppati mill-FRONTEX b’kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE.

Għandu jiġi pprovdut appoġġ għall-abbozzar u l-implimentazzjoni sussegwenti ta’ strateġiji nazzjonali għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri fil-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant, fil-qafas ta’ inizjattivi eżistenti.

L-għeluq ta’ arranġamenti ta ’ xogħol bejn il-FRONTEX u l-awtoritajiet kompetenti tal- Armenja u l- Ażerbajġan se jikkontribwixxi għaż-żieda tal-implimentazzjoni tal-kunċett tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri u għat-tkattir fl-interoperabilità bejn il-gwardji tal-fruntieri tal-Istati Membri tal-UE u dawk minn dawn iż-żewġ pajjiżi.

Fil-qasam tal- analiżi tal-perikli , it-twaqqif ta’ netwerks reġjonali simili għan-netwerks tal-Balkani tal-Punent (WEBRAN) jistgħu ikunu esplorati u żviluppati aktar.

Ordni u sigurtà pubblika

Ma tistax tinkiseb sigurtà interna b’iżolament mill-bqija tad-dinja, u b’mod partikulari mhux b’iżolament mill-viċinat Ewropew immedjat. Għalhekk huwa importanti li tiġi assigurata koerenza u komplimentarjetà bejn l-aspetti interni u esterni tas-sigurtà tal-UE. Kif inhu rikonoxxut kemm mill-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà[8] kif ukoll mill-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna[9], ir-relazzjonijiet mal-imsieħba tagħna huma ta’ importanza fundamentali fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata u t-terroriżmu.

Sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar u tal-identità

L-iżvilupp tas-sigurtà tad-dokumenti huwa pass meħtieġ għall-ibbenefikar mill-faċilitazzjoni tal-viża mal-UE. Xi pajjiżi tas-SL bdew joħorġu passaporti bijometriċi għaċ-ċittadini tagħhom u ħadmu fuq l-assigurazzjoni tal-proċess tal-ħruġ , speċjalment fir-rigward ta’ dokumenti oriġinaturi, is-sħubija u l-personalizzazzjoni, li huma essenzjali għall-kredibilità internazzjonali u nazzjonali tad-dokumenti personalizzati.

L-UE għandha tintensifika l-iskambju tal-aħjar prattiċi mal-pajjiżi tas-SL fil-qasam tas-sigurtà tad-dokumenti, billi tiffoka b’mod partikulari fuq id-dħul tal-bijometrija fl-IDs u fid-dokumenti tal-ivvjaġġar, b’hekk tassigura l-effiċjenza u l-integrità tal-proċess tal-personalizzazzjon u l-arranġamenti tal-protezzjoni tad-dejta meħtieġa . L-UE għandha tinkoraġġixxi u tappoġġja lill-pajjiżi tas-SL biex jiġu assigurati l-proċeduri għall-ħruġ tad-dokumenti u l-ġestjoni ġenerali tal-identitajiet, inkluż ir-reġistri xierqa.

L-indirizzar tat-traffikar tal-persuni

Skont l-aktar rapport reċenti tan-Nazzjonijiet Uniti[10], numru sostanzjali tal- vittmi u t-traffikanti għal raġunijiet ta ’ sfruttament sesswali fl-Ewropa għandhom nazzjonalità mill-pajjiżi tas-SL. Il-valutazzjoni reċenti tal-Europol[11] turi l-importanza tal-involviment tal-gruppi kriminali bbażati fil-pajjiżi tas-SL fit-traffikar tal-persuni, flimkien ma' attivitajiet kriminali oħra.

L-indirizzar ta’ traffikar ta’ persuni hija ta ’ prijorità għolja għall-UE u d-djalogu u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi tas-SL f’dan il-qasam huma diġà żviluppati sew. Dawn l-oqsma ta’ kooperazzjoni jinkludu l-prevenzjoni, il-ġlieda kontra t-traffikar u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu u l-UE u l-Istati Membri tagħha, kif ukoll il-Europol, appoġġjaw numru ta’ proġetti biex jgħinu lill-pajjiżi msieħba tas-SL fil-ġlieda kontra dan it-tip ta’ reat.

L-UE għandha tinkoraġġixxi lill-pajjiżi tas-SL li għadhom ma rratifikawx il-Protokoll ta ’ Palermo dwar it-Traffikar ta ’ Persuni tan-NU u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin sabiex jagħmlu dan u biex jagħmlu l-aħjar użu ta’ strumenti internazzjonali fil-ġlieda kontra l-forom varji kollha ta’ traffikar ta’ persuni bħal traffikar għal raġunijiet ta’ sfruttament sesswali u ta’ xogħol, servitù domestika u talb furzat.

L-UE għandha tfittex li tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni fl-indirizzar tat-traffikar ta' persuni. B’mod partikulari, l-UE għandha tikkoopera mill-qrib mal-pajjiżi tas-SL biex isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom li jipprovdu protezzjoni u għajnuna lill-vittmi ta ’ traffikar ta ’ persuni . Dan għandu jsir b’mod partikulari billi jinħolqu sħubiji bejn il-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet non-governattivi u s-settur privat fit-twaqqif ta’ mekkaniżmi u proċeduri li jipproteġu u jappoġġjaw aħjar lill-vittmi ta' traffikar ta' persuni u jassiguraw ir-ritorn sigur lejn il-pajjiżi ta’ oriġini u fil-prevenzjoni ta’ traffikar ta’ persuni. Din il-kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-approċċ tad-drittijiet tal-bniedem meta tiġi kkunsidrata l-importanza li jiġi inkorporat approċċ ta' perspettiva tas-sessi u tad-drittijiet tat-tfal.

Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata

Iż-żieda fil-mobilità m’hijiex biss ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini; tiffaċilita indirettament ukoll l-attivitajiet ta’ netwerks kriminali transnazzjonali . Il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL biex jindirizzaw din l-isfida hija diġà żviluppata sew. Madankollu, id-dehra ta’ kanali ġodda u forom ġodda ta’ kriminalità organizzata titlob kooperazzjoni kontinwa sabiex tiġi kkonfrontata b’mod integrat. Il-fenomeni kriminali prevalenti fir-reġjun huma l-kuntrabandu tad-drogi, oġġetti li fuqhom jitħallas id-dazju (inkluż is-sigaretti), oġġetti ffalsifikati u t-traffikar ta’ persuni.

Il-kooperazzjoni, b’mod partikulari fuq il-livell operazzjonali, bejn il- Euoropol u l-pajjiżi tas-SL hija waħda mill-għodda li żżid l-effettività fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata u t-terroriżmu. Il-Europol diġà temmet Ftehimiet strateġiċi mal- Ukraina u l- Moldova [12].

Sabiex tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalita organizzata , l-UE għandha tistieden lill-pajjiżi tar-reġjun tas-SL biex iwettqu prerekwiżiti, b'mod partikulari fir-rigward ta' protezzjoni ta' dejta, sabiex ikunu lesti biex iwaqqfu kooperazzjoni strateġika bejn il-Europol u l-pajjiżi tas-SL jew biex jimmodifikaw il-ftehimiet dwar kooperazzjoni strateġika attwali fi ftehimiet dwar kooperazzjoni operazzjonali.

L-UE għandha tappoġġja l-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam tas-sigurtà u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Inizjattivi relevanti għandhom jinkludu żieda fil-kooperazzjoni bejn il-pulizija u d-dwana permezz ta’ taħriġ komuni , fost oħrajn f’kooperazzjoni maċ- CEPOL u l-Europol, skambju tal-aħjar prattiċi, investigazzjonijiet konġunti , b’mod partikulari fl-investigazzjoni ta’ reati transkonfinali, operazzjonijiet doganali konġunti kkordinati mill-Uffiċċju Ewropew ta' kontra l-Frodi (OLAF), eċċ. F’dak ir-rigward inizjattivi bħall-pulizija tal-EuroEast, li għandhom l-għan li jżidu l-kooperazzjoni fl-oqsma tat-titjib tas-sigurtà interna fil-pajjiżi tal-UE u tas-Sħubija tal-Lvant, u l-Konferenzi Annwali tal-Grupp ta' Ħidma dwar is-Sigaretti organizzati mill-OLAF, għandhom ikunu promossi u żviluppati aktar. Iċ-CEPOL għandu jikkontribwixxi permezz tal-Kurrikula Komuni eżistenti tiegħu flimkien mal-korsijiet ta’ taħriġ tiegħu. Għandhom jiġu kkunsidrati Arranġamenti dwar il-Kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet ta’ taħriġ relevanti tal-pajjiżi inkwistjoni.

L-UE għandha tikkoordina mill-qrib mas-Sħab tas-SL fl-isforzi u l-miżuri tagħhom biex jiġġieldu kontra l-kuntrabandu mal-fruntiera tal-Lvant , anke billi timplimenta b’mod komprensiv il-Pjan ta’ Azzjoni biex tiġġieled kontra l-kuntrabandu ta’ sigaretti u alkoħol tul il-Fruntiera tal-Lvant tal-UE[13].

L-UE għandha tkompli tappoġġja lill-pajjiżi tas-SL fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet tal-ġustizzja kriminali tal-pajjiżi tas-SL biex tikkoopera b ’ mod effettiv kontra l-kriminalità elettronika permezz tal-Pjattaforma dwar id-Demokrazija, il-Governanza Tajba u l-Istabiltà tas-SL mal-għajnuna tal-Kunsill tal-Ewropa. Barra minn hekk, l-UE għandha tinkoraġġixxi lill-pajjiżi imsieħba biex jirratifikaw u jimplementaw bis-sħiħ il-Konvenzjoni dwar il-Kriminalità Elettronika tal-Kunsill tal-Ewropa (Nru ETS 185) Il-Konvenzjoni għandha sservi bħala gwida u qafas għall-pajjiżi kollha li għandhom l-għan li jiżviluppaw leġiżlazzjoni nazzjonali komprensiva kontra l-kriminalità elettronika.

L-UE għandha tinkoraġġixxi lill-pajjiżi tas-SL biex ikomplu jsaħħu l-kapaċità istituzzjonali tagħhom biex jiġġieldu kontra riskji Kimiċi, Bijoloġiċi, Radjoloġiċi u Nukleari (CBRN), b'mod partikulari billi jipparteċipaw b'mod attiv fl-inizjattiva tal-UE dwar iċ-Ċentri ta' Eċċellenza ta' CBRN.

Il-ġlieda kontra reati finanzjarji, inkluż l-iffinanzjar tat- terroriżmu

Il-ġlieda kontra l-ħasil ta ’ flus hija importanti bħala mezz biex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata u tipi oħra ta’ kriminalità. Il-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali f’dan il-qasam għax il-flussi tal-flus fil-ġurnata tal-lum ma jafux fruntieri.

Il-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu hija waħda mill-elementi essenzjali fl-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. Hija diskussa b’mod regolari f’fora internazzjonali u multinazzjonali bħat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF), in-NU u oħrajn. Il-maġġoranza tal-pajjiżi tas-SL m’humiex membri tal-FATF iżda huma (bħal fil-każ ta’ 12 mill-Istati Membri tal-UE) membri ta’ korpi reġjonali fuq stil tal-FATF. L-involviment attiv f’dawn il-korpi huwa importanti biex jiġu adattati proċeduri nazzjonali Kontra l-Ħasil ta’ Flus/Kontra l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu għal livelli internazzjonali. L-UE għandha tinkoraġġixxi lill-pajjiżi tas-SL biex jaħdmu mill-qrib mal-FATF u korpi reġjonali relevanti fuq stil tal-FATF.

L- Unitajiet tal-Intelliġence Finanzjarja (UIF) huma komponenti essenzjali tas-sistema kontra l-ħasil ta’ flus u kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu. L-UE għandha tinkoraġġixxi lill-pajjiżi tas-SL biex isaħħu l-UIF tagħhom u jrawmu l-kooperazzjoni tagħhom mal-UIF tal-Istati Membri tal-UE.

L-UE għandha tinkoraġġixxi lill-pajjiżi tas-SL biex jirratifikaw u jimplementaw il-Konvenzjoni tal-2005 dwar il-Ħasil ta’ Flus, it-Tiftix, il-Qabda u l-Konfiska ta’ Profitti minn Attività Kriminali u l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu (Nru ETS 198).

L-UE għandha tippromwovi l-implementazzjoni tal-Istrateġija Globali tan-NU kontra t-Terroriżmu , adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-2006, li tirrapreżenta qafas komprensiv biex tiġi indirizzata t-theddida tat-terroriżmu.

L-UE għandha taħdem ukoll mal-pajjiżi tas-SL dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ għal attivitajiet terroristiċi.

Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni

Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni hija relevanti ħafna għall-prijoritajiet tematiċi l-oħra kollha u, sakemm ma tiġix trattata b’mod effiċjenti, tista’ ddgħajjef il-kooperazzjoni u l-fiduċja reċiproka fl-oqsma l-oħra kollha. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni fl-UE[14] saħqet li l-għajnuna għat- tisħiħ tal-kapaċità tal- pajjiżi ġirien biex jiġġieldu kontra l-korruzzjoni se tkun waħda mill-aspetti essenzjali tal-appoġġ ġenerali tal-UE mogħti lil dawn il-pajjiżi msieħba. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni Konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea dwar ‘ Risposti ġodda għal viċinat fi trasformazzjoni ’ tenfasizza li l-livelli tal-appoġġ tal-UE lill-pajjiżi msieħba se jiġu adattati skont il-progress dwar ir-riformi politiċi u l-bini ta’ demokrazija profonda, inkluż l-impenn tal-gvernijiet biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni.

Issa l-pajjiżi tas-SL saru parti mill-istrumenti relevanti Ewropej u internazzjonali kontra l-korruzzjoni. Il-pajjiżi kollha tas-SL jipparteċipaw fil-Grupp ta' Stati Kontra l-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (GRECO) u kollha rratifikaw jew aċċettaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC). Barra minn hekk, il-pajjiżi kollha tal-UE jipparteċipaw fin-Netwerk kontra l-Korruzzjoni għall-Ewropa tal-Lvant u l-Asja Ċentrali tal-OECD.

Il-parteċipazzjoni fil- mekkaniżmi ta' monitoraġġ kontra l-korruzzjoni msemmija hawn fuq għandha bżonn tkun ikkumplimentata minn implementazzjoni effettiva tal-istrumenti legali relevanti, inkluż tkomplija xierqa tar-rakkomandazzjonijiet tagħhom u tal-impenji politiċi relevanti. F’dan il-kuntest, l-UE se tkompli tinkoraġġixxi lill-pajjiżi tas-SL biex jimplementaw ir-rakkomandazzjonijiet pendenti tal-GRECO fi żmien stipulat u biex jipparteċipaw b’mod attiv fil-mekkaniżmu tar-reviżjoni tal-UNCAC, li jippromwovu t-trasparenza tal-proċess tal-evalwazzjoni u l-involviment tas-soċjetà ċivili. L-UE se tinkoraġġixxi wkoll lill-pajjiżi tas-SL biex jassumu rwol importanti fin-Netwerk kontra l-Korruzzjoni għall-Ewropa tal-Lvant u l-Asja Ċentrali u fil-każ ta' dawk li huma koperti mill-Pjan ta' Azzjoni kontra l-Korruzzjoni ta' Istanbul biex ukoll jieħdu aktar passi biex jassiguraw l-implementazzjoni effettiva ta’ dak il-pjan.

Barra minn hekk, il-promozzjoni ta ’ kultura ta ’ integrità għandha tkompli tkun parti mill-programmi ta’ kooperazzjoni tal-UE mal-pajjiżi tas-SL f’oqsma bħall-ġestjoni tal-fruntieri, id-dwana, l-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura.

Jekk tqis kollox, l-UE għandha tippromwovi aktar involviment tas-soċjetà ċivili fl-adozzjoni, l-implementazzjoni u l-monitoraġġ ta’ miżuri leġiżlattivi u politiċi għaliex huwa essenzjali għal qafas sod u effettiv kontra l-korruzzjoni.

Il-ġlieda kontra d-drogi illegali

Id-drogi llegali jibqgħu prijorità għolja għall-kooperazzjoni tal-UE mal-pajjiżi tas-SL. L-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi (2005-2012) u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi (2009-2012) jerġgħu jikkonfermaw l-impenji tal-UE biex tipprovdi għajnuna lill-pajjiżi terzi biex ikunu jistgħu ikunu aktar effettivi fit-tnaqqis kemm tad-domanda kif ukoll tal-provvista. Tingħata importanza partikulari lit-titjib tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-ENPI. Għalkemm jista’ jiġi nnutat x progress, xorta baqa' nuqqasijiet maġġuri fil-qasam tal- prevenzjoni, tan-nuqqas ta’ ħsara u tat-trattatment . Barra minn hekk, xi wħud mill-pajjiżi tas-SL huma pajjiżi ta ’ transitu importanti għad-drogi li jaslu fl-UE mill-Asja.

L-UE għandha tinkoraġġixxi lill-pajjiżi tas-SL biex jikkooperaw b ’ mod attiv mas-soċjetà ċivili , b’mod partikulari dwar il-prevenzjoni fost il-gruppi vulnerabbli u dwar l-għajnuna tas-saħħa u soċjali speċjalizzati li għandhom l-għan li jnaqqsu l-ħsara fost konsumaturi tad-droga ta’ riskju għoli. F’dan il-kuntest għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-relazzjoni bejn l-HIV/AIDS u l-użu tad-droga injettata, li hija sfida wkoll għall-Istati Membri tal-UE ġirien. Dan jista’ jsir billi jiġu appoġġjati l-pajjiżi tas-SL biex jiżviluppaw u jimplementaw politiki nazzjonali integrati u bbilanċjati dwar id-droga u pjanijiet ta ’ azzjoni integrati dwar id-droga , b’hekk jinkorporaw kemm it-tnaqqis fid-domanda u l-provvista, kif ukoll jassiguraw koordinazzjoni aħjar bejn l-aġenziji u l-korpi involuti fi kwistjonijiet relatati mad-droga u jinkludu programmi u servizzi għat-tnaqqis fid-domanda għad-droga, ibbażati fuq l-aħħar provi xjentifiċi u l-aħjar prattiċi u li jirrispettaw bis-sħiħ id-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet tal-bniedem.

Il-Kummissjoni tikkommetti ruħha wkoll li taħdem flimkien mal-pajjiżi tas-SL sabiex twaqqaf it-traffikar tad-droga, b ’ mod partikulari l-kuntrabandu ta ’ eroina mill-Afganistan u ta’ kimiki użati biex jiġu prodotti d-drogi, lejn l-Afganistan. B’hekk, l-appoġġ għall-bini tal-kapaċità tal-awtoritajiet varji tal-infurzar tal-liġi (il-pulizija, id-dwana, il-ġustizzja, eċċ.) jibqa’ kruċjali. Għandha tingħata wkoll attenzjoni kif suppost għall-prevenzjoni tad-devjazzjoni ta’ prekursuri tad-droga użati għall-manifattura llegali ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.

Fejn hu relevanti, għandu jitrawwem l-iżvilupp ta’ kapaċità fil-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-droga, fost oħrajn billli tiġi promossa l-kooperazzjoni mal- EMCDDA .

Ġustizzja u drittijiet fundamentali

L-istat tad-dritt u r-riforma tal-ġudikatura

L-istat tad-dritt huwa kemm prinċipju fundamentali kif ukoll għan ġenerali tal-UE b’kooperazzjoni mal-Imsieħba tal-Lvant. L-UE tagħti importanza konsiderevoli lir- riformi progressivi tal-istituzzjonijiet tal-istat sabiex tibni l-effettività tas-sistema ġudizzjarja u l-kunfidenza tal-pubbliku fiha. Sistema ġudizzjarja b’saħħitha tista’ ssir fattur importanti fl-appoġġ tat-tkabbir ekonomiku. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tas-SL għamlu progress sostanzjali fir-riforma tal-ġudikatura tagħhom imma għad hemm nuqqasijiet importanti .

L-UE hija lesta li tissorvelja aktar mill-qrib ir-riforma tal-ġudikatura filwaqt li tinkoraġġixxi u tappoġġja lill-pajjiżi tas-SL biex isaħħu aktar is-sistemi tal-ġustizzja u jiggarantixxu l-indipendenza tal-ġudikatura, l-imparzjalità, l-effettività u l-kontabilità tagħha kif ukoll l- aċċess għall-ġustizzja .

Drittijiet Fundamentali

L-UE tagħti importanza kbira lill-kooperazzjoni komprensiva dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Ir-rispett għal-libertajiet fundamentali, kif proklamat fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u kif definit fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, l-Att Finali ta’ Helsinki u l-Karta ta’ Pariġi għal Ewropa Ġdida, u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jiffurmaw il-bażi tal-politiki domestiċi u esterni tal-UE.

Il-kooperazzjoni mal-pajjiżi tas-SL tiffoka fuq it-tisħiħ tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tat-tfal, il-libertà tal-espressjoni, l-għaqda ta’ assoċjazzjoni, u d-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoritajiet. Il-promozzjoni u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, bħala prinċipji fundamentali tal-liġi tal-UE, għandhom ukoll jiġu inklużi fl-għanijiet tal-pjan ta’ kooperazzjoni, b’mod speċifiku meta tiġi kkunsidrata l-oriġini etnika, id-diżabilità, ir-reliġjon u t-twemmin, l-orjentazzjoni sesswali u l-età. L-implementazzjoni tal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u reġjonali hija relevanti ħafna għall-kooperazzjoni mal-pajjiżi msieħba fis-SL. Fl-aħħarnett, il-ġlieda kontra t-tortura u t-trattament inuman u degradanti hija għan ġenerali tal-kooperazzjoni tal-UE mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant.

L-UE se tkompli tinkoraġġixxi lill-pajjiżi tas-SL biex jiddiskutu kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem fuq bażi regolari fis-Sottokumitajiet tar-Rappreżentant Għoli relevanti, skont kif ikun xieraq. Il-prestazzjoni mtejba fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem hija wkoll kundizzjoni ewlenija[15] għal aktar żvilupp fir-relazzjonijiet tal-UE mal-imseħbin tal-Lvant.

Minħabba t-tisħiħ li għaddej fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi tas-SL, l-UE se tintensifika l-monitoraġġ tagħha fil-qasam tad-drittijiet fundamentali , filwaqt li tinkoraġġixxi u tappoġġja lill-pajjiżi tas-SL biex isaħħu aktar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, b’hekk ikopru kemm il-każijiet kif ukoll il-kwistjonijiet individwali li jikkonċernaw l-istrumenti tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem.

Il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kriminali[16]

Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tas-SL iffirmaw u rratifikaw numru ta’ konvenzjonijiet internazzjonali relevanti dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja u kwistjonijiet ċivili u kriminali. Madankollu, xorta hemm nuqqasijiet importanti li jirrigwardaw l-adeżjoni għall-Konvenzjonijiet u l-implementazzjoni sħiħa tal-konvenzjonijiet tibqa’ sfida f’ħafna mill-pajjiżi.

L-UE għandha tkompli tinkoraġġixxi lill-pajjiżi kollha tas-SL biex jipparteċipaw fl-oqsfa multilaterali stabbiliti, f’dak li għandu x’jaqsam mal-kooperazzjoni fi kwistjonijiet ċivili u ġudizzjarji. L-UE għandha tinkoraġġixxi u tappoġġja aktar lill-pajjiżi tas-SL f ’ implimentazzjoni sħiħa lil hinn mir-ratifikazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali relevanti dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kriminali (eż. dwar estradizzjoni, assistenza legali reċiproka),speċjalment fil-qafas tal-Kunsill tal-Ewropa u n-Nazzjonijiet Uniti. Dan jitlob b’mod partikulari sforzi kontinwi biex titjieb il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-ġudikatura u l-aġenziji kollha tal-infurzar tal-liġi , anke permezz ta' investiment fit-taħriġ, ir-riżorsi umani u l-għodda tal-IT. Aktar sforzi u monitoraġġ kontinwu fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-iżvilupp ta’ standards komuni, kif miftiehem f’fora internazzjonali komuni (bħall-Kunsill tal-Ewropa), għandhom jibqgħu għan kostanti fil-kooperazzjoni tal-UE mal-pajjiżi tas-SL.

Il-protezzjoni tad-dejta

Sistema solida biex jiġi assigurat id-dritt tal-individwu għall-protezzjoni tad-dejta personali tiegħu, kemm f’termini ta’ leġiżlazzjoni kif ukoll ta’ kapaċità istituzzjonali effettiva , hija ta’ importanza trasversali għall-oqsma kollha ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL li jinvolvu l-iskambju ta’ dejta personali. B'mod partikulari fil-qasam tal-ĠAI, ir-regoli ta' protezzjoni robusti huma prekundizzjoni bżonnjuża għall-kooperazzjoni operazzjonali, kemm ma' Stati Membri tal-UE kif ukoll ma' aġenziji tal-UE, bħall-Europol u l-Eurojust. Barra minn hekk, il-ġbir u l-iskambju ta’ numru dejjem jikber ta’ dejta personali fil-qasam tal-ĠAI, bħall-identifikaturi bijometriċi jew in-numri ta’ identifikazzjoni personali ta’ individwi f’bażijiet ta’ dejta, ukoll jitolbu regoli robusti li jassiguraw id-dritt tal-individwu għall-protezzjoni tad-dejta personali tiegħu. B’dan il-għan, hemm bżonn li tiġi adottata leġiżlazzjoni nazzjonali komprensiva dwar il-protezzjoni ta ’ dejta personali , flimkien ma’ implementazzjoni effettiva ta’ din il-leġiżlazzjoni, inkluż it-twaqqif ta’ awtorità ta’ sorveljanza tal-protezzjoni tad-dejta pubblika kompletament indipendenti.

Il-progress f’dan il-qasam fil-pajjiżi tas-SL huwa mħallat, b’uħud minnhom li diġà rratifikaw il-konvenzjonijiet internazzjonali relevanti u daħħlu fis-seħħ il-leġiżlazzjoni relevanti, filwaqt li oħrajn għadhom iridu jistabilixxu qafas legali sod għall-protezzjoni tad-dejta. L-implimentazzjoni effettiva tal-istrumenti tal-protezzjoni tad-dejta tibqa’ sfida matul ir-reġjun.

L-UE għandha tinkoraġġixxi lill-pajjiżi tas-SL biex jirratifikaw il-konvenzjonijiet internazzjonali relevanti, jadottaw il-liġijiet xierqa dwar il-protezzjoni tad-dejta u jassiguraw l-implementazzjoni effettiva tagħhom , ħalli jiggarantixxu d-dritt tal-individwu għall-protezzjoni tad-dejta tagħhom, b’mod partikulari billi jwaqqfu awtoritajiet ta ’ sorveljanza tal-protezzjoni tad-dejta indipendenti.

KONKLUżJONIJIET

Kooperazzjoni kontinwa bbażata fuq il-fiduċja fi ħdan is-Sħubija tal-Lvant, kemm fuq il-livell strateġiku kif ukoll fuq dak operazzjonali , hija essenzjali għaż- żieda fil-mobilità u l-promozzjoni ta’ kuntatti interpersonali , filwaqt li jiġu indirizzati sfidi u theddid li ma jirrispettawx il-fruntieri – bħat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u t-traffikar ta’ persuni – u jiġu mgħejjuna l-ġirien tal-UE biex jiġu ankrati l-valuri essenzjali u l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt.

L-UE u l-Istati Membri tagħha se jkabbru l-appoġġ tekniku u finanzjarju lejn l-imseħbin tal-Lvant bl-għan li jikkonsolidaw il-proċess tar-riformi fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni li ġie mniedi reċentement.

Il-Kummissjoni tinsab kunfidenti li s-sett propost ta’ orjentazzjonijiet se jippermetti lill-UE u lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant li jkomplu jkabbru l-kooperazzjoni politika u operazzjonali fi ħdan is-Sħubija tal-Lvant fil-qasam tal-ĠAI u jersqu eqreb lejn it-twaqqif ta’ Spazju Komuni tal-ĠAI , b’konformità mal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li saru fil-Kummissjoni u l-Komunikazzjoni Konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-25 ta’ Mejju 2011 dwar “ Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni " u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat ta' Ġunju 2011.

Anness

Ħarsa ġenerali lejn l-oqsfa għad-djalogu u l-kooperazzjoni fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni bejn l-UE u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant

1. Oqsfa eżistenti għal djalogu u kooperazzjoni fuq livell bilaterali

Id-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (SL) għandhom tradizzjoni twila u firxa wiesgħa. Huma bbażati prinċipalment fuq il- Ftehimiet ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) , iffirmati mal-Ukraina, il-Moldova, il-Ġeorġja, l-Armenja u l-Ażerbajġan, inkluż is-sottokumitajiet relevanti u d-djalogi settorjali regolari. Il-kwistjonijiet tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (ĠAI), inkluż id-drittijiet tal-bniedem, dejjem kienu parti importanti ta’ dak il-qafas u firxa wiesgħa ta’ inizzjattivi ġew implimentati f’dak il-kuntest. Il-fora ewlenin għad-djalogu mal-pajjiżi tas-SL huma s-Sottokumitajiet tal-ĠAI u d-djalogi tad-Drittijiet tal-Bniedem [17]. Il-FSK se jiġu ssostitwiti fil-futur bil-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni, in-negozjati ta’ liema ftehimiet huma għaddejjin bħalissa. Barra minn hekk, numru ta’ djalogi ġew żviluppati, fejn kwistjonijiet tal-ĠAI ġew diskussi, bħas- Sħubiji tal-Mobilità (fis-seħħ bħalissa mal-Moldova u l-Ġeorġja, mill-2008 u l-2009 rispettivament), Djalogi dwar il-Viża mal-Ukraina u l-Moldova u l-istrutturi u l-laqgħat relevanti mwaqqfa f’dawn il-kuntesti differenti.

Is-Sħubiji tal-Mobilità huma għodda tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u huma ispirati minnha. Jikkostitwixxu qafas politiku għal djalogu msaħħaħ u mfassal apposta u kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fil-qasam tal-migrazzjoni legali, il-migrazzjoni u l-iżvilupp, il-ġlieda kontra l-migrazzjoni llegali, inkluż ir-riammisjoni.

Id-Djalogu dwar il-Viża huwa qafas li jindirizza l-kundizzjonijiet għal-liberalizzazzjoni tal-viża, li jippermetti vjaġġar bla viża fuq medda qasira ta’ żmien bejn l-UE u l-pajjiż ikkonċernat. Jiddependi fuq l-implementazzjoni effettiva ta’ serje ta' parametri mill-pajjiż imsieħeb li jkopru firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet tal-ĠAI, wara pjan ta’ azzjoni dettaljat u mfassal apposta b’żewġ fażijiet. S’issa, l-UE ppreżentat żewġ Pjanijiet ta ’ Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża lill-pajjiżi tas-SL, lill-Ukraina f'Novembru 2010 u lill-Moldova f'Jannar 2011. Il-Pjanijiet ta’ Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża jiffukaw fuq oqsma ewlenin bħas-sigurtà tad-dokumenti, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-migrazzjoni, il-politika dwar l-asil, l-ordni u s-sigurtà pubblika, inkluż il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-traffikar ta’ persuni, kif ukoll ir-relazzjonijiet esterni relevanti u d-drittijiet fundamentali. Jinkludu l-ewwel sett ta’ kriterji li jikkonċernaw il-qafas tal-politika (il-leġiżlazzjoni u l-ippjanar) u t-tieni sett ta’ parametri aktar speċifiċi, li jkopru l-implementazzjoni effettiva u sostenibbli ta’ miżuri relevanti biex jiġu prodotti riżultati konkreti fuq il-post.

Kien hemm qbil fuq Pjan ta ’ Azzjoni tal-ĠAI speċifiku bejn l-UE u l-Ukraina fl-2001 u rivedut fl-2007. Barra minn hekk, l-UE u l-Ukraina jiltaqgħu kull sena fuq livell Ministerjali biex jiddiskutu kwistjonijiet tal-ĠAI.

Regolarment iseħħ djalogu politiku bilaterali dwar id-drogi mal-Ukraina. Ġew organizzati djalogi politiċi mal-Armenja, il-Moldova, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja għall-ewwel darba mill-Presidenza Pollakka.

Barra minn hekk, l-UE żviluppat relazzjonijiet kuntrattwali speċifiċi ma’ xi pajjiżi fis-Sħubija tal-Lvant mal-qasam tal-ĠAI billi ġew konklużi il- Ftehimiet dwar ir-Riammissjoni u l-Faċilitazzjoni tal-Viża (il-Moldova, il-Ġeorġja u l-Ukraina[18]) u waqqfu Kumitati Konġunti taħt dawk il-ftehimiet. Negozjati dwar Ftehimiet ġodda u akbar dwar il-Faċilitazzjoni tal-Viża mal-Moldova u l-Ukraina ġew imnedija f’Mejju 2011.

Il-Belarus qed tipparteċipa fl-attivitajiet multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant. Qed jiġi mfassal Pjan Interim Konġunt għall-Belarus. B’żieda ma’ dan, il-kwistjonijiet tal-ĠAI qegħdin fuq l-aġenda ta’ numru ta’ fora fuq livell reġjonali, u jinvolvu uħud mill-pajjiżi tal-UE u tas-SL jew kollha kemm huma.

L-analiżi tal-oqsfa differenti għal djalogu u kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL fuq livell bilaterali fil-qasam tal-ĠAI tikxef dehra b'diversi aspetti , bl-istess kwistjonijiet diskussi f’aktar minn qafas wieħed. Il-kumplessità tikber iżjed minħabba li uħud mill-oqsfa għandhom karattru vinkolanti (il-ftehimiet ta’ sħubija u kooperazzjoni, il-ftehimiet ta’ riammissjoni, il-ftehimiet ta’ faċilitazzjoni tal-viża) u oħrajn huma aktar operazzjonali (pereżempju l-pjattaformi ta' kooperazzjoni) jew ta ' natura politika (id-djalogi fuq livell ministerjali) u operazzjonali mħallta (is-sħubiji għall-mobilità, id-djalogu dwar il-viża u l-pjan ta’ azzjoni tiegħu). Uħud ikopru biss parti mill-aġenda tal-ĠAI (is-sħubiji għall-mobilità) u oħrajn huma parti minn struttura ta’ djalogu aktar wiesgħa (is-Sottokumitajiet tal-ĠAI).

2. Oqsfa eżistenti għal djalogu u kooperazzjoni fuq il-livell reġjonali u multilaterali

Numru ta’ fora reġjonali li jiġbru flimkien l-Istati Membri tal-UE u l-Imsieħba tal-Lvant joffru pjattaformi għall-iskambju tal-informazzjoni u l-aħjar prattiċi kif ukoll jimplimentaw inizjattivi transkonfinali konkreti. Madankollu, hemm xi ripetizzjoni bejniethom fir-rigward tal- ambitu topiku u ġeografiku .

Fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta ’ migrazzjoni , kemm l-UE kif ukoll il-pajjiżi tas-SL huma involuti f’numru sostanzjali ta’ proċessi. Wieħed li jinkludi l-pajjiżi kolha tas-SL u uħud mill-Istati Membri tal-UE huwa l-proċess ta ’ Söderköping , li ġie maħluq fl-2001 u għandu l-għan li jservi għall-iskambju ta' esperjenzi dwar l-asil, il-protezzjoni internazzjonali, il-migrazzjoni u l-kwistjonijiet dwar il-ġestjoni tal-fruntieri bejn uħud mill-pajjiżi tal-UE u, inizjalment, il-Moldova, l-Ukraina u l-Belarus, u sussegwentement anke l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja.

L-Imseħbin kollha tal-Lvant jipparteċipaw ukoll fil- Proċess ta ’ Praga (Bini ta ’ Sħubiji ta ’ Migrazzjoni) , li jiġbor ukoll l-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u tax-Xlokk kif ukoll il-Pajjiżi tal-Asja Ċentrali. Għandu l-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-istati li jipparteċipaw fil-ġestjoni tal-migrazzjoni fid-dimensjonijiet differenti kollha tiegħu. Konferenza Ministerjali ewlenija hija ppjanata fit-3 u l-4 ta’ Novembru 2011 f’Poznan, fejn l-Istati parteċipanti huma mistennija jadottaw Pjan ta’ Azzjoni.

Il-Proċess ta ’ Budapest huwa forum konsultattiv li jinvolvi l-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u tax-Xlokk u l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali, kif ukoll l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Kanada u l-Awstralja. Ir-raġuni ewlenija tiegħu hija l-iskambju tal-informazzjoni u tal-esperjenzi li għandhom x'jaqsmu mal-migrazzjoni regolari u rregolari, l-asil, il-viża, il-ġestjoni tal-fruntieri, it-trraffikar ta’ persuni u l-kuntrabandu ta’ migranti, ir-riammissjoni u r-ritorn.

Il-ġlieda kontra r-reati transnazzjonali hija waħda mis-suġġetti diskussi fil-kuntest tas- Sinerġija tal-Baħar l-Iswed , li għandha l-għan li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi madwar il-Baħar l-Iswed. Wieħed mill-Imseħbin tal-Lvant – il-Moldova – jipparteċipa fiċ- Ċentru Reġjonali għall-Ġlieda Kontra l-Kriminalità Transkonfinali tal-Inizjattiva ta' Kooperazzjoni tal-Ewropa tax-Xlokk (SECI) , li hija organizzazzjoni reġjonali li tiġbor flimkien l-awtoritajiet tal-pulizija u tad-dwana minn 13-il pajjiż fl-Ewropa tax-Xlokk. Tappoġġja lill-aġenziji nazzjonali tad-dwana u tal-infurzar tal-liġi permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni, żvilupp tat-tagħrif, ippjanar konġunt u azzjoni komuni fil-qasam tar-reati transkonfinali.

Fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant, ġew imwaqqfa numru ta’ pjattaformi multilaterali . Tlieta minn dawn il-pjattaformi, dwar id-demokrazija, il-governanza tajba u l-istabilità (pjattaforma 1), dwar l-integrazzjoni ekonomika u l-konverġenza mal-politiki tal-UE (pjattaforma 2) u l-kuntatti interpersonali (pjattaforma 4) jindirizzaw uħud mill-kwistjonijiet dwar il-ġustizzja u l-affarijiet interni. Tliet kumitati ddedikati, jiġifieri l-Kumitat dwar il-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, il-Kumitat dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni u l-Kumitat dwar il-Ħidma Mtejba tas-Setgħat Ġudizzjarji, ġew imwaqqfa taħt pjattaforma 1.

Il-Kumitat dwar il-Ġestjoni Integrata tal - Fruntieri jippermetti lill-pajjiżi tas-SL u l-Istati Membri tal-UE li jaqsmu l-esperjenzi u jirrapurtaw dwar il-progress li jkun sar lejn l-istrateġiji dwar il-ġestjoni integrata tal-fruntieri u l-pjanijiet ta’ azzjoni. Jassigura li l-attivitajiet tat-taħriġ huma żviluppati fi ħdan approċċ strateġiku u programmatiku għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri u huma distinti kif xieraq, ibbażati fuq il-livell ta’ progress ta' kull imsieħeb fl-iżvilupp ta' strateġija dwar il-ġestjoni integrata tal-fruntieri. Biex jgħin it-titjib tal-prattiċi dwar il-ġestjoni integrata tal-fruntieri, il-kumitat appoġġja wkoll azzjonijiet biex jiġi mkejjel il-livell ta’ sodisfazzjon pubbliku bl-operazzjoni ta' kontrolli mal-fruntieri fil-pajjiżi tas-SL.

Il-Kumitat dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni għandu l-għan li jiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni u l-aħjar prattiċi dwar il-bini tal-integrità, kif ukoll il-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni tal-korruzzjoni fil-pajjiżi tas-SL permezz ta’ approċċ multilaterali u bil-ħsieb li tiġi promossa implimentazzjoni aħjar tal-impenji internazzjonali, u b’mod partikulari dawk imwaqqfa mill-Kunsill tal-Ewropa u l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni. Il-parteċipanti jinkludu l-pajjiżi tas-SL, l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE, il-Kunsill tal-Ewropa u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. Il-“Faċilità dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, id-Demokrazija u l-Istat tad-Dritt”, iffinanzjata mill-Kummissjoni Ewropea u implimentata mill-Kunsill tal-Ewropa, tinkludi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni bħala wieħed mill-oqsma ta’ kooperazzjoni.

Il-Kumitat dwar il-Ħidma Mtejba tas-Setgħat Ġudizzjarji ġie mwaqqaf bl-għajnuna tal-Kunsill tal-Ewropa taħt il-qafas multilaterali tas-SL biex jirrispondi għal dawn il-ħtiġijiet. Il-Kumitat u l-attivitajiet konkreti tiegħu se jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiċi dwar it-twettiq effettiv tal-ġustizzja bil-ħsieb li tiġi promossa l-aderenza tal-pajjiżi mseħbin mal-livelli internazzjonali, b’mod partikulari dawk ifformulati fil-konvenzjonijiet relevanti tal-Kunsill tal-Ewropa u n-NU.

[1] “Il-Programm ta' Stokkolma - Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini”, 17024/09.

[2] Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni, 25 ta’ Mejju 2011, KUMM(2011) 303.

[3] S’issa, żewġ SM ġew iffirmati ma’ pajjiżi tas-SL (il-Moldova u l-Ġeorġja) u għandu jiġi ffirmat ieħor dalwaqt (l-Armenja) (ara l-Anness).

[4] Il-Kumitat dwar il-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, il-Kumitat dwar il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni u l-Kumitat dwar il-Ħidma Mtejba tas-Setgħat Ġudizzjarji.

[5] Il-proġett tal-HIMS (Stħarriġ mal-Familji dwar il-Migrazzjoni Internazzjonali - Household International Migration Surveys ) ġie żviluppat waqt il-programm ta' għajnuna teknika lill-pajjiżi tal-PEV tan-Nofsinhar MEDSTAT, u l-għan tiegħu hu li jiġbor informazzjoni dwar il-migrazzjoni, inkluż id-determinanti u l-konsegwenzi tal-migrazzjoni

[6] World Bank Migration and Remittances Factbook 2011 .

[7] B’żieda ma’ dan, fl-2011 l-ENPI se twaqqaf żewġ proġetti piloti li għandhom l-għan li: (a) jsaħħu l-kapaċità ta’ sorveljanza u l-kooperazzjoni transkonfinali fuq il-fruntiera bejn ir-Repubblika tal-Belarus u l-Ukraina u (b) jżidu l-kapaċitajiet tat-tmexxija tal-fruntiera bejn il-Ġeorġja u l-Armenja.

[8] Strateġija Ewropea ta’ Sigurtà : Ewropa sigura f'dinja aħjar" ġiet adottata fl-2003 u riveduta fl-2008.

[9] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ‘L-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni: Ħames passi lejn Ewropa aktar sikura’ KUMM/2010/0673 finali.

[10] http://www.unodc.org/documents/Global_Report_on_TIP.pdf.

[11] EU Organised Crime Threat Assessment OCTA 2011.

[12] Iffirmati fl-4 ta’ Diċembru 2009 u t-12 ta’ Frar 2007 rispettivament.

[13] Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigaretti u l-alkoħol tul il-fruntiera tal-Lvant tal-UE, 24 ta’ Ġunju 2011, SEC(2011) 791 finali.

[14] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: ‘Nissieltu kontra l-Korruzzjoni fl-UE’, 6 ta’ Ġunju 2011, COM(2011) 308 finali

[15] Pereżempju l-iżburżar tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-UE hija kkundizzjonata mir-rispett kontinwat tal-Istat tad-Dritt, id-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem mill-awtoritajiet tal-pajjiżi msieħba.

[16] L-aspetti ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant f’dan il-qasam se jiġu żviluppati aktar f’Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-ġustizzja ppjanta għall-aħħar tal-2011.

[17] L-UE żviluppat djalogi sħaħ iddedikati għad-Drittijiet tal-Bniedem ma’ xi pajjiżi fis-Sħubija tal-Lvant (l-Armenja, il-Belarus, il-Ġeorġja u l-Moldova). Filwaqt li kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem huma koperti mis-Sottokumitat konġunt ĠAI&HR fil-każ tal-Ażerbajġan b’ġurnata sħiħa ddedikata għal diskussjonijiet tal-HR, fil-każ tal-Ukrajna ġurnata sħiħa fi ħdan is-Sottokumitat tal-ĠAI ġet iddedikata għar-riżorsi umani mill-2011.

[18] Iffirmati fl-10 ta’ Ottubru 2007, it- 22 ta’ Novembru 2010 u t-18 ta’ Ġunju 2007 rispettivament. Il-Kummissjoni hija awtorizzata wkoll biex tinnegozja l-istess ftehimiet mal-Belarus u dalwaqt tippreżenta proposta għal dawn l-awtorizzazzjonijiet għall-Ażerbajġan u l-Armenja.