52011DC0450

/* KUMM/2011/0450 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet strateġiċi nazzjonali u l-lingi gwida nazzjonali Komunitarji għall-iżvilupp rurali (2007-2013)


WERREJ

1. Kuntest u ħarsa ġenerali 2

2. L-implimentazzjoni tal-prijoritajiet Komunitarji 6

3. Kwistjonijiet orizzontali 11

4. Prospetti 14

Dan ir-rapport tal-2011 huwa l-ewwel rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi Nazzjonali (NSP)[1] u tal-Linji gwida strateġiċi komunitarji (CSG) għall-iżvilupp rurali (2007-2013)[2].

Ir-rapport tal-Kummissjoni[3] huwa bbażat fuq l-analiżi u l-evalwazzjoni tar-rapporti fil-qosor imressqa mill-Istati Membri fl-2010[4] kif ukoll minn informazzjoni oħra disponibbli, l-iktar l-indikaturi tal-monitoraġġ finanzjarju u fiżiku komuni u xi riżulati minn Netwerk Ewropev għall-Iżvilupp Rurali.

Dan jipprovdi ġabra fil-qosor tal-iżviluppi ewlenin ta' bħalissa, xejriet u sfidi marbutin mal-implimentazzjoni tal-pjaniijiet strateġiċi nazzjonali u tas-CSG.

Huwa importanti li wieħed jinnota li d-dejta użata fir-rapporti fil-qosor tal-2010 mill-Istati Membri huma ġabra mill-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni fl-2007 sal-aħħar tal-2009. L-aġġustamenti tal-Programmi Strateġiċi Nazzjonali (NSP) ul-Programm ta' Żvilupp Rurali (PŻR) marbutin miegħu li saru wara l-kontroll tas-saħħa (HC) tal-PAK u l-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku (EERP)[5] ma tqiesux f'dan ir-rapport. Fil-fatt il-modifiki ġew finalizzati biss fil-bidu tal-2010.

1. Kuntest u ħarsa ġenerali

1.1 Il-prijoritajiet tal-Komunità għall-iżvilupp rurali għall-perjodu 2007-2013

Fi Frar 2006 il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta Linji Gwida Strateġiċi għall-iżvilupp rurali għall-perjodu 2007-20132, ibbażati fuq it-tliet prijoritajiet tematiċi ewlenin stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewopew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR[6]):

Titjib fil-kompetittività tas-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija . L-FAEŻR għandu jikkontribwixxi għal settur Ewropew agroalimentari b'saħħtu u dinamiku billi jiffoka fuq il-prijoritajiet ta' trasferiment ta' għarfien, immodernizzar, innovazzjoni u kwalità fil-katina alimentari u fuq is-setturi ta' prijorità għall-investiment kapitali fiżiku u dak uman. Il-miżuri miġbura fl-"assi 1" għandhom jikkontribwixxu l-iktar għal-għan tal-kompetittività tal-PŻR

Titjib tal-ambjent u l-kampanja. Sabiex jipproteġu u jtejbu r-riżorsi naturali u l-pajsaġġi f'żoni rurali tal-UE, ir-riżorsi dedikati għal din il-prijorità għandhom jikkontribwixxu għal tliet oqsma ta' prijorità fi tliet livelli tal-UE: il-bijodiversità u l-preżervazzjoni u l-żvilupp ta' biedja ta' valur naturali għoli u ta' sistemi ta' forestrija u ta' pajsaġġi agrikoli tradizzjonali; l-ilma; u l-bidla fil-klima. Il-miżuri miġbura fl-"assi 2" għandhom jikkontribwixxu l-iktar għal-għan tal-ambjent tal-PŻR.

It-titjib tal-kwalità tal-ħajja f'żoni rurali u l-inkoraġġiment tad-diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali. Ir-riżorsi dedikati għall-oqsma tad-diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali u tal-kwalità tal-ħajja f'żoni rurali għandhom jikkontribwixxu għall-prijorità prevalenti tal-ħolqien ta' opportunitajiet ta' xogħol u ta' kondizzjonijiet għat-tkabbir. L-interventi għandhom jintużaw partikolarment biex jippromwovu l-bini ta' kapaċitajiet, l-akkwist ta' snajja' u organiżazzjoni għall-iżvilupp ta' strateġija lokali u jgħinu wkoll biex jiżguraw li dawk ż-żoni rurali jibqgħu sbieħ għall-ġenerazzjonijiet futuri. Fil-promozzjoni ta' taħriġ, tal-informazzjoni u tal-intraprenditorija, għandhom jiġu kunsidrati l-ħtiġijiet partikolari ta' ħaddiema nisa, ħaddiema żgħażagħ u ta' ħaddiema li jkunu akbar fl-età. Il-miżuri miġbura fl-"assi 3" tal-PŻR għandhom jikkontribwixxu l-aktar għall-usa' għanijiet tal-iżvilupp rurali flimkien mal-‘assi 4’ (ara hawn taħt).

Lil hinn mill-prijoritajiet tematiċi, il-Linji Gwida Strateġiċi enfasizzaw ukoll il-ħtieġa għal:

- Il-bini tal-kapaċità lokali għall-impjiegi u għad-diversifikazzjoni - filwaqt li jikkontribwixxu għall-prijoritajiet tematiċi. Dan l-assi orizzontali, imsejħa wkoll "l-Assi Leader" (Assi 4) għandu jkollha rwol importanti fit-titjib tal-governanza u għall-mobilizzazzjoni tal-potenzjal tal-iżvilupp endoġenu taż-żoni rurali, permezz ta' Strateġiji ta' Żvilupp Lokali.

- L-assigurazzjoni tal-konsistenza fil-programmazzjoni. Is-Sinerġiji bejn assi u ieħor u u fi ħdan l-istess assi għandhom jiġu massimizzati. Fejn xieraq, għandhom jitqiesu strateġiji oħra fuq livell Ewropew. Il-mezzi sabiex titjieb il-governanza u titwettaq il-politika għandhom ikunu mobilizzati. B'mod partikolari għandhom jiġu stabbiliti netwerks Ewropej u nazzjonali għall-iżvilupp rurali, bħala pjattaforma għall-iskambju tal-aqwa prattika u kompetenza mill-aspetti kollha tat-tfassil ta' politika, ta' ġestjoni u ta’ implementazzjoni bejn dawk kollha involuti.

- Il-komplementarjetà bejn strumenti Komunitarji. Sabiex jitrawmu s-sinerġija bejn il-politika strutturali, il-politika tal-impjiegi u dik tal-iżvilupp rurali, l-Stati Memrbi għandhom jiżguraw komplementarjetà u koerenza bejn l-azzjonijiet li jridu jiġu ffinanzjati minn fondi differenti tal-UE.

Dawn il-Linji Gwida Strateġiċi pprovdew qafas li abbażi tiegħu s-Stati Membri ħejjew l-NSP tagħhom, li jittraduċi l-prijoritajiet tal-UE fi prioritajiet nazzjonali, u jservu ta’referenza għall-PŻR. Dawn jimplimentaw il-prijoritajiet permezz ta’ settijiet ta’ miżuri magħżula miġbura skont assi (ara t-Tabella 1[7] mal-lista ta' miżuri għal kull assi). Il-programmi jistgħu jkunu nazzjonali jew reġjonali u ġew approvati mill-Kummissjoni fl-2007 u l-2008. L-implimentazzjoni tagħhom hija mmonitorjata u evalwata abbażi tal-Qafas Komuni ta’Monitoraġġ u Evalwazzjoni (CMEF).

[pic]

1.2 Ħarsa ġenerali tal-baġit inizjali u miri operattivi

Il-baġit kumplessiv tal-FAEŻR ammonta għal EUR 90.98 biljun (qabel il-modifiki tal-HC tal-EERP)[8] għall-perjodu sħiħ ta’programmazzjoni 2007-2013. Biex tkun żgurata strateġija bbilanċjata l-FAEŻR għandu livelli minimi tal-infiq għal kull assi tematiku li għandhom jiġu applikati f' kull PŻR (10%, 25% u 10% rispettivament għall-assi 1, 2 u 3). Għall-assi tal-Leader huwa rriservat talanqas 5% (2.5% għall-Istati Membri l-ġodda) tal-fondi tal-UE għal kull programm. Kontribuzzjonijiet tal-FAEŻR lill-PŻR huma kkumplimentati minn fondi pubbliċi nazzjonali (kofinanzjament[9]). Dawn il-kontribuzzjonijiet tal-FAEŻR huma ffinanzjati fil-kuntest tat-tmexxija maqsuma bejn l-Istati Membri u l-Unjoni[10].

Ladarba l-ipprogrammar kien magħmul fil-livell tal-Istati Membri, it-tqassim finanzjarju bejn l-assi differenti, kif ukoll d-definizzjoni ta' miri ewlenin għall-2013, irriżultaw kif ġej, f’Ġunju tal-2008[11]:

- Assi 1 "titjib fil-Kompetittività fis-Settur tal-agrikoltura u l-forestrija" jammonta għal 36% tal-fond tal-FAEŻR. Sal-2013, dan l-assi huwa mistenni, li jikkontribwixxi għal 590 000 proġett ta’ investiment għall-modernizzazzjoni ta' azjendi agrikoli, li jappoġġa 68 000 intrapriża għal żieda fil-valur tal-prodotti agrikoli u tal-forestrija, u li jirriżulta fi 2.2 miljun parteċipant li lestew b’suċċess attività ta’ taħriġ relatata mal-agrikoltura u/jew mal-forestrija.

- Assi 2 "it-titjib tal-ambjent u l-kampanja" hija predominanti ma’ 46% tat-total tal-FAEŻR. Ir-riżultat huwa ppjanat li jkollu 45 miljun ettaru ta’art agrikola taħt ġestjoni agroambjentali ġodda, 600 000 ettaru ta’ art ġdida għat-tisġir, 1.1 miljun ettaru ta’art agrikola appoġġata biex tilħaq ir-rekwiżiti Natura 2000 u żieda fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli ta’20 500 ktoe[12].

- Assi 3 "il-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali u d-diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali" għandha sehem ta' inqas minn 18% tat-total tal-FAEŻR. Sal-2013, huwa mistenni li jikkontribwixxi biex jipprovdi servizzi mtejba lill-71 miljun abitant taż-żoni rurali u biex jappoġġa 32 400 proġett ta’tiġdid tal-irħula.

Is-sehem tal-assi Leader huwa ta' 6% tat-total tal-finanzjament tal-FAEŻR. L-appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ strateġiji għall-iżvilupp lokali huwa magħdud proporzjonalment taħt it-tliet assi ewlenin li għalihom jikkontribwixxi dan l-appoġġ.

Fil-livell tal-miżura, il-miżura ewlenija tibqa 'pagamenti agroambjentali (214) li tirrappreżenta EUR 20.3 biljun għall-perjodu kollu. F'termini tal-baġit, l-aktar miżuri importanti li jmiss huma l-appoġġ għaż-żona żvantaġġata (211+212) bi EUR 12.6 biljun, u l-modernizzazzjoni tal-miżura tal-azjendi agrikoli (121) li tammonta għal EUR 9.7 biljun.

Grafika 1 : Baġit Ġenerali għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) qabel l-HC u l-EERP, imqassam skont il-miżura (EUR biljuni)[13]

[pic]

2. L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PRIJORITAJIET KOMUNITARJI

2.1 Ħarsa ġenerali tar-riżultati, diffikultajiet u soluzzjonijiet

It-total tal-pagament tal-FAEŻR li sar mill-Istati Membri tal-UE27, għall-perjodu ta' programmar 2007-2009 jammonta għal EUR 19.4 biljun[14], li jirrappreżenta 21.3% tal-baġit ġenerali għall-2007-2013 ta' EUR 90.98 biljun. Minħabba li l-iskeda taż-żmien li qed tiġi kkunsidrata tirrapreżenta 33% taż-żmien tal-ħlas (3 snin minn 9[15]), dan in-numru jindika li l-adozzjoni saret kemxejn tard. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-programm normalment teħtieġ aktar żmien fl-ewwel snin qabel tilħaq veloċità normali, speċjalment peress li ħafna PŻR ġew approvati lejn tmiem l-2007 u 41 PŻR (minn 94) kienu biss approvati fl-2008.

Fost l-Istati Membri, l-istampa xejn mhi omoġenja (Fig 2.): 2 Stati Membri biss għandhom l-livelli tal-infiq 'il fuq minn 40%, filwaqt li 3 Stati Membri nefqu inqas minn 10%. Għandu jiġi nnutat li f' bosta każijiet il-pagamenti saru għal impenji tal-perijodu preċedenti tal-ipprogrammar 2000-2006 kif previsti fir-regoli tranżizzjonali. Dan jista' jwassal għal distorsjoni żgħira fl-istampa rigward il-livell ta' eżekuzzjoni ta' ċerti miżuri mill-Istati Membri.

Grafika 2 : L-eżekuzzjoni ġenerali tal-baġit tal-FAEŻR sa tmiem l-2009 meta mqabbla mal-allokazzjoni ġenerali għall-2007-2013

[pic]

Xi wħud mill-miżuri tal-assi 2 kienu laħqu l-quċċata aktar malajr minn oħrajn minħabba l-miżuri tranżizzjonali msemmija hawn fuq. Min-naħa l-oħra, l-assi 1 u 3 naqqsu r-ritmu b'mod sinifikanti minħabba l-kriżi finanzjarja li naqqset d-disponibbiltà tal-fondi nazzjonali min-naħa tal-Istati Membri. Dan għamilha aktar diffiċli għall-benefiċjarji sabiex jiksbu l-finanzjament privat meħtieġ. Rigward l-assi 4, ġie osservat bidu tipikament bil-mod, li huwa spjegat bl-istabbiliment ta' strateġiji lokali u l-għażla tal-gruppi ta’ Azzjoni Lokali qabel kwalunkwe implimentazzjoni ta' proġett (ara t-Tabella 3).

Grafika 3 : Baġit Ġenerali għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) qabel l-HC skont l-assi (EUR biljun) u s-sehem ta' eżekuzzjoni sal-aħħar tal-2009[16]

[pic]

L-eżekuzzjoni tal-indikaturi tal-produzzjoni, meta mqabbla mal-miri ġenerali għall-2013 stabbiliti mill-Istati Membri fil-Programmi tagħhom, b'mod ġenerali hija konformi mal-livell finanzjarju tal-implimentazzjoni. L-eżekuzzjoni sħiħa tal-indikaturi tal-produzzjoni hija rrappreżentata fit-Tabella 2.

Id-diffikultajiet fl-implimentazzjoni ġenerali, is-soluzzjonijiet misjuba

Minbarra d-dewmien fiż-żmien meħtieġ biex jiġu approvati l-PŻR, l-aktar kwistjoni frekwenti li tqajmet mill-Istati Membri kienet il-kriżi ekonomika. Dan wassal għal diffikultajiet fl-eżekuzzjoni tal-miżuri tal-investiment minħabba n-nuqqas tar-riżorsi proprji tal-benefiċjarji, id-diffikultajiet mill-applikanti biex jiksbu self u għar-restrizzjonijiet tal-baġit li jirrestrinġu inizjattivi pubbliċi. B'mod ġenerali is-settur privat kien inqas ħerqan fit-teħid ta’ riskji, u xi investimenti setgħu ġew ittrasferiti lejn proġetti inqas ambizzjużi, jew sempliċement posposti. Is-sitwazzjoni diffiċli fis-settur tal-ħalib fl-2009 kellu wkoll effett negattiv fuq l-implimentazzjoni tal-PŻR.

Xi Stati Membri enfasizzaw li l-ispejjeż amministrattivi għoljin u l-kumplessità proċedurali bħala impedimenti għal implimentazzjoni bla xkiel. Barra minn hekk, uħud mill-PŻR esperjenzaw nuqqas ta’ kapaċità suffiċjenti tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, xi diffikultajiet fit-twaqqif tas-sistema ta’monitoraġġ u inċertezzi legali. Partikolarment, xi Stati Membri semmew nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali (bħad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, NATURA 2000 …) fil-livell tal-Stat Membru, relevanti għal ċerti miżuri (pereżempju 213) u l-bżonn biex jiksbu interpretazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (l-iktar għall-proġetti dwar il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli ).

In-nuqqas ta' għarfien u ta' esperjenza minn benefiċjari potenzjali jista' jirriżulta wkoll f'eżekuzzjoni li ssir bil-mod speċjalment fi wħud mill-Istati Membri tal-UE-12 (jiġifieri l-progress bil-mod fil-miżuri dwar kapital uman; applikazzjonijiet mhux adegwati), jew fl-UE-27 inġenerali meta jiddaħħlu miżuri ġodda. Xi Stati Membri jipprevedu li joffru biżżejjed massa kritika ta’ attivitajiet ta' taħriġ/Servizzi Konsultattivi għall-Biedja biex jingħelbu dawn il-kwistjonijiet.

Is-soluzzjonijiet instabu jew inkella qed jinstabu u b'mod sostanzjali diġà ġew introdotti fil-programmi permezz ta' modifiki. Fid-dawl tal-kriżi finanzjarja, l-Istati Membri diġà introduċew adattamenti differenti għall-programm bħal pereżempju: bidla fil-kopertura tal-għajnuna mill-Istat, il-livell ta’ għotjiet, ir-rati ta' intervent għal miżuri li huma anqas attraenti, l-aġġustament tal-kriterji tal-għażla, żieda fir-rata ta’ kofinanzjament tal-UE u/jew riallokazzjoni tal-fondi. Fir-rigward diffikultajiet amministrattivi u legali inizjali, ħafna minnhom issa ġew trattati.

2.2. Titjib fil-kompetittività tas-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija

It-total tal-infiq tal-Assi 1 tal-FAEŻR irreġistrat għall-perjodu 2007-2009 jammonta għal 16.3% tal-allokazzjoni totali 2007-2013 tiegħu (medja tal-UE27).

Ir-riżultati ewlenin għal dan l-għan, fi tmiem l-2009, huma:

1. Numru ta’ parteċipanti li temmew b’suċċess taħriġ relatata mal-agrikoltura u/jew mal-forestrija 696 000 (32% tal-mira stmata għall-2013.)

2. In-numru ta’ azjendi li jintroduċu prodotti ġodda u/jew tekniki ġodda: 33 400 (10% tal-mira stmata għall-2013.)

Implimentazzjoni tal-miżuri[17]

Il-miżura 121 (Modernizzazzjoni ta' azjendi agrikoli) hija l-akbar miżura tal-assi 1 f'termini ta' allokazzjoni tal-baġit (EUR 9.7 biljun). Il-perċentwal tal-eżekuzzjoni tal-pagamenti ta 'din il-miżura huwa 23% tal-baġit totali tagħha flimkien ma' 106 000 proġett ta' modernizzazzjoni li huma diġà appoġġati (18% tal-mira għall-2013.) Is-suċċess ta' din il-miżura juri l-interess kbir fl-investimenti mill-bdiewa. Fejn ir-rati tal-implimentazzjoni kienu inqas mill-istimi l-ġustifikazzjoni ewlenija mogħtija mill-Istati Membri kienet il-kriżi ekonomika li kellha influwenza negattiva fuq il-kapaċità għall-investiment fl-azjendi. F' uħud mill-Istati Membri l-oħra, r-rata tal-implimentazzjoni donnha hija iktar mgħaġġla milli mistenni, u għandha bżonn li jiżdied il-baġit stmat għal M121 (ara t-Tabella 3).

Il-miżura 123 (Żieda fil-valur għal prodotti agrikoli u tal-forestrija), li hija t-tieni l-akbar miżura tal-assi 1 f’termini ta’ allokazzjoni, għandha perċentwal ta’ eżekuzzjoni ta' 9.6% u 7,060 azjenda apoġġata (minn 68,000 bħala l-mira għall-2013). Fost miżuri oħrajn tal-Assi 1, nosservaw il-livell ta' eżekuzzjoni li ġej: 141 (Biedja tas-semisussistenza, 29% u 8 885 azjendi agrikoli ta' semisussistenza appoġġati), 113 (Irtirar bikri, 28% u 17,385 benefiċjarji) u 112 (L-istabbiliment ta' bdiewa żgħażagħ, 20% b'36 660 bidwi żagħżugħ appoġġati).

2.3. It-titjib tal-ambjent u tal-kampanja

It-total tal-infiq tal-assi 2 tal-FAEŻR għall-perjodu 2007-2009 jirrappreżenta 32.6 % tal-allokazzjoni totali tiegħu. Intlaħaq livell ta' implimentazzjoni ferm ogħla mill-medja tal-UE-27 f’bosta Stati Membri (ara t-Tabella 3). Stati Membri oħrajn għandhom rata taħt l-20% partikolarment fejn il-miżuri tal-assi 2 huma ġodda jew relattivament ġodda għal benefiċjarji u amministrazzjonjiet f’dawn il-pajjiżi.

Ir-riżultati ewlenin miksuba għal dan l-għan, fi tmiem l-2009, notevolment huma:

- 43 miljun ettaru taħt ġestjoni tal-artijiet b’suċċess li tikkontribbwixxi għall-bijodiversità;

- 27 miljun ettaru biex tittejjeb il-kwalità tal-ilma;

- 25 miljun ettaru biex tindirizza kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima;

- 30 miljun ettaru biex tittejjeb il-kwalità tal-ħamrija[18];

L-implimentazzjoni tal-miżuri

L-akbar tliet miżuri f'termini ta' allokazzjoni ta' baġit huma wkoll dawk bl-ogħla livell ta' eżekuzzjoni fost il-miżuri tal-assi 2: 211 (Pagamenti għal żvantaġġi naturali lill-bdiewa f’żoni muntanjużi, b' livell ta' eżekuzzjoni ta' 42%), 212 (Pagamenti lill-bdiewa f’żoni żvantaġġati, barra minn żoni muntanjużi, b'livell ta' eżekuzzjoni ta' 40%) u 214 (Pagamenti agroambjentali, b'livell ta' eżekuzzjoni ta' 33%).

Il-miżuri 211 u 212 flimkien jappoġġaw 50.9 miljun ettaru, u l-agroambjent qed jappoġġa 21.5 miljun ettaru[19]. Dan l-interess qawwi f'dawn il-miżuri huwa appoġġat fl-UE 15 minn esperjenza akkumulata permezz ta' perjodi twal ta' programmazzjoni suċċessiva. Il-livell għoli ta' eżekuzzjoni huwa spjegat ukoll mill-pagamenti ta' impenji minn perjodu ta' programmazzjoni preċedenti, li kien sinifikanti f'ħafna Stati Membri.

It-tliet miżuri huma segwiti f'termini ta' eżekuzzjoni mill-miżuri 215 (Benessri tal-annimali, b'livell ta' eżekuzzjoni finanzjarja ta' 33% u 126 700 kuntratt appoġġati s'issa), u 221 (l-ewwel afforestazzjoni ta' art agrikola b'20% bħala livell ta' eżekuzzjoni finanzjarja, u 72 500 ettaru afforestat s’issa).

2.4. It-titjib tal-kwalità tal-ħajja f'żoni rurali u l-inkoraġġiment tad-diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali

It-total tal-infiq tal-assi 3 tal-FAEŻR għall-perjodu 2007-2009 jirrappreżenta 6% tal-allokazzjoni totali tiegħu għall-2007-2013 b’differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri (ara t-Tabella 3). Skont l-Istati Membri, il-kwistjonijiet ewlenin li jispjegaw din l-eżekuzzjoni b'ritmu bil-mod huma l-kriżi finanzjarja (l-iskarsezza ta’ fondi privati u nazzjonali/lokali) u xi diffikultajiet amministrattivi (dewmien fid-definizzjoni ta' regoli nazzjonali għall-implimentazzjoni, l-obbligi tal-kontroll, l-kumplessità tal-applikazzjonijiet …). Barra minn hekk, f 'xi Stati Membri, l-implimentazzjoni ta' assi 3 ssir esklussivament permezz tal-Leader, u għalhekk id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-Leader kellu wkoll impatt fuq l-eżekuzzjoni tal-assi 3.

Ir-riżultati ewlenin miksuba għal dan l-għan, fi tmiem l-2009, huma:

3. L-Assi 3 ikkontribwixxa sabiex jinħolqu l-impjiegi (aktar minn 4 000) f'kuntest tal-qgħad li qed jiżdied fiż-żoni rurali[20]

4. Popolazzjoni f’żoni rurali li tibbenifika mit-titjib ta’ servizzi appoġġati mill-FAEŻR: 23 miljun[21]

5. Żieda ta' 1 miljun dar f’żoni rurali li għandhom aċċess għall-Internet.

Implimentazzjoni tal-miżuri[22]

L-akbar l-miżuri tal-assi 3 f'termini ta' allokazzjonijiet totali huma 322 (Tiġdid tal-irħula u żvilupp, livell ta' eżekuzzjoni finanzjarja ta’5% u 12 800 raħal fejn saru attivitajiet ta' tiġdid) u 321 (Servizzi bażiċi għall-ekonomija u għall-popolazzjoni rurali, eżekuzzjoni finanzjarja fil-livell ta’7% u 8 700 proġett appoġġat).

L-ogħla livell ta' eżekuzzjoni fost il-miżuri tal-Assi 3 ġie rreġistrat għal 341 (Akkwist ta’ ħiliet, animazzjoni u implimentazzjoni ta’ strateġiji għall-iżvilupp lokali) b’livell ta' eżekuzzjoni ta' 14% u 5 500 proġett appoġġat, segwita mill-miżura 323 (konservazzjoni u titjib tal-wirt rurali) tirreġistra it-tieni l-ogħla eżekuzzjoni b’10% u 23 500 proġetti appoġġat s'issa.

2.5. Il-bini tal-kapaċità lokali għall-impjiegi u għad-diversifikazzjoni

L-Istati Membri kellhom jagħżlu Gruppi ta' Azzjoni Lokali (GAL) sa mhux iktar tard minn sentejn wara l-approvazzjoni tal-PŻR[23]. Fi tmiem l-2009 l-għażla tlestiet f'20 Stat Membru b'madwar 2000 GAL. L-għadd ta’ GAL irdoppja meta mqabbel gћal-Leader+ u nofs it-territorji qed jimplimentaw l-approċċ Leader għall-ewwel darba.

Minħabba l-fatt li l-proċess tal-għażla tal-GAL kien għadu kif spiċċa fl-Istati Membri, ħafna mill-GAL magħżula ma kinux għadhom bdew jimplimentaw proġetti marbuta mal-istrateġija għall-iżvilupp lokali tagħhom. Dan jispjega l-livell baxx ta' eżekuzzjoni finanzjarja tal-assi 4 tal-FAEŻR li jirrappreżenta biss 2.9% tal-allokazzjoni totali ta' dan l-assi għall-perjodu ta’ programmazzjoni iżda għadd sostanzjali ta’ proġetti ġew approvati dan l-aħħar.

Uħud mill-Istati Membri ġibdu l-attenzjoni fuq xi diffikultajiet speċifiċi. L-integrazzjoni tal-Leader affettwat notevolment il-flessibilità tal-approċċ minħabba li ħafna Stati Membri illimitaw l-għażla tal-proġetti għall-miżuri predefiniti filwaqt li l-proġetti tal-Leader spiss ma jidħlux fil-kriterji ta’ eliġibilità tal-miżuri predefiniti. Dan implika adattamenti amministrattivi importanti (ir-riorganizzazzjoni amministrattiva, it-taħriġ tal-persunal).

3. Kwistjonijiet orizzontali

3.1. L-assigurazzjoni tal-konsistenza fil-programmazzjoni

Is-Sinerġiji bejn Assi u ieħor u fi ħdan l-istess assi ġew żgurati matul il-proċess tal-programmazzjoni, bis-saħħa ta':

- ir-rekwiżit ġenerali għal konsistenza mas-CSG għall-iżvilupp rurali;

- id-dipendenza tal-PŻR fuq analiżi tas-sitwazzjoni f’termini ta’punti b'saħħithom u dawk dgħajfin;

- il-provvdediment ta' informazzjoni speċifika fil-PŻR dwar l-assi u l-miżuri proposti għal kull assi u d-deskrizzjoni tagħhom, inklużi l-objettivi u l-indikaturi speċifiċi verifikabbli li jippermettu l-progress tal-PŻR, u li l-effiċjenza u l-effikaċja jiġu mkejla;

- evalwazzjoni ex-ante tal-PŻR.

Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-PŻR tippermetti kontrolli li għandhom jitwettqu biex jiġi żgurat li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu rispettati.

Madankollu, is-sistema ta’ monitoraġġ fis-seħħ, ma tkejjilx attwalment l-effetti inkroċjati u l-kontribuzzjonijiet indiretti ta’ miżura għal assi ieħor minnbarra dak li għalih tappartjeni, (pereżempju, l-kontribuzzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament mill-assi kollu). L-evalwazzjonijiet biss jistgħu jipprovdu indikazzjonijiet aktar fil-fond ta’dawn is-sinerġiji addizzjonali u r-rabtiet ta' bejniethom.

Strateġiji oħra fuq livell Ewropew ġew ikkunsidrati fl-NSP u fil-PŻR, bħall-Istrateġija tal-UE għall-Forestrija u s-Sitt Programm ta’Azzjoni Komunitarju għall-Ambjent. L-użu akbar ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima ġew indirizzati b' mod ċar fl-istrateġiji u l-programmi, notevolment permezz tal-istabbiliment ta’ miri kkwantifikati[24]. Il-kontribuzzjoni tal-PŻR għall-biedja organika qed tiġi eżaminata permezz ta' studju speċifiku tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-appoġġ pubbliku għall-biedja organika.

Ta' min wieħed jinnota li kien hemm aktar enfasi fuq l-enerġija rinovabbli u t-tibdil tal-klima – kif ukoll il-biodiversità, il-ġestjoni tal-ilma u l-appoġġ għar-ristrutturar tal-prodotti tal-ħalib - permezz tal-PAK HC, filwaqt li kontribut għall-Istrateġija tal-UE ġiet ipprovduta permezz tal-broadband fil-PŻR skont il-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku (EERP). Ġew definiti miri ġodda għall-2010[25].

In-Netwerks Nazzjonali Rurali (NRNs) u n-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (ENRD) taw kontribut sinifikanti għall-konsistenza fil-programmazzjoni, notevolment billi żguraw skambju ta’ informazzjoni u prattiki bejn id-diretturi u l-partijiet interessati tal-PŻR u permezz tat-twettiq ta' analiżi konġunta[26].

L-azzjonijiet koordinati tal-NRNs u tal-ENRD flimkien jaħdmu sabiex titjieb il-governanza u titwettaq il-politika. Sar aktar xogħol fl-implimentazzjoni tal-Leader, u Grupp Tematiku ta' Ħidma qed jeżamina l-mekkaniżmi eżekuttivi differenti. permezz ta’ studji ta’ każijiet Permezz ta’ dawn in-netwerks, id-djalogu bejn l-amministrazzjonijiet u l-partijiet interessati huwa msaħħaħ.

Madankollu, in-netwerking huwa, relattivament proċess fit-tul. L-istabbiliment ta' dawn in-netwerks kien relattivament bil-mod, bi skedi differenti ta' żmien fil-pajjiżi differenti. It-tħaddim bis-sħiħ tal-maġġoranza tal-NRNs u tal-ENRD inkiseb biss dan l-aħħar.

L-azzjonijiet ta' informazzjoni u pubbliċità tal-Istati Membri huma ġeneralment immexxija separatament mill-attivitajiet tal-NRNs permezz tal-użu ta' Assistenza Teknika. Dawn jimmiraw lejn il-partijiet interessati rurali bħala benefiċjarji potenzjali, lejn dawk li huma benefiċjarji reali, kif ukoll lejn il-pubbliku inġenerali sabiex jinfurmawh dwar is-sehem importanti tal-Komunità fil-programmi u r-riżultati tagħhom.

3.2. Il-komplementarjetà bejn strumenti Komunitarji

Fondi Strutturali tal-UE barra dawk tal-FAEŻR jista' jkollhom ukoll rwol importanti fiż-żoni rurali bħal perżempju il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, b'iffukar fuq l-iżvilupp reġjonali, il-kompetittività ekonomika u l-infrastruttura, il-Fond Soċjali Ewropew, b' iffukar fuq l-iżvilupp tar-riżorsi umani u l-Fond Ewropew għas-Sajd.

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-iżgurar tal-komplimentarità bejn dawn il-fondi ħa s-sura ta' stabbiliment ta' linji ta' demarkazzjoni u l-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni. F'xi każijiet biss intgħażlet viżjoni aktar strateġika għall-użu koordinat tal-fondi tal-UE minn Stati Membri. Il-prinċipji gwida kienu stabbiliti fl-NSP, filwaqt li l-PŻR jipprovdi deskrizzjoni dettaljata.

Demarkazzjoni

L-Istati Membri użaw kriterji ta’ demarkazzjoni biex jindirizzaw l-esiġenza stretta tal-UE li għandu jiġi evitat finanzjament doppju u li l-ebda proġett ma jista' jibbenefika minn iktar minn fond wieħed tal-UE. Il-kriterji tad-demarkazzjoni kienu ta' tipi differenti skont l-assi u l-miżuri speċifiċi: tip ta’ benefiċjarji; tip ta’proġetti (id-daqs, l-iskala territorjali); tip ta’operazzjoni jew it-tip ta’settur ekonomiku

Id-demarkazzjoni irnexxielha tiżgura li tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-fondi. Kien hemm biss ftit diffikultajiet li rriżultaw minn interpretazzjonijiet differenti tal-kriterji f'ċerti pajjiżi. Il-kriterji ta’ demarkazzjoni jistgħu jiġu adattati matul il-perjodu ta’ programmazzjoni biex jiġu indirizzati nuqqasijiet jew diffikultajiet potenzjali.

Mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni

Jeħtieġ li jkun hemm koordinazzjoni effettiva biex tiżgura l-applikazzjoni tal-linji ta' demarkazzjoni u l-aħjar użu ta' fondi permezz ta' mekkaniżmi bħall-kumitati interministerjali jew rappreżentanza trasversali fil-Kumitati ta’ Monitoraġġ, u f’xi każijiet jeħtieġ li jkun hemm għodda tal-IT komuni.

Ċerti stati jiddelegaw parti tal-kontroll lill-awtoritajiet – jew saħansitra lill-Gruppi ta' Azzjoni Lokali – f'livelli pjuttost lokali. Dan jista’ jgħin biex min jieħu d-deċiżjonijiet lokalment jiżgura li l-għamliet tad-demarkazzjoni u l-komplementarjetà ikunu addattati għaċ-ċirkostanzi u l-bżonnijiet partikolari fit-territorji tagħhom.

L-eżistenza ta’ korp ta' koordinazzjoni speċifiku (pereżempju korp interministerjali) ġeneralment jħaffef il-proċess tal-koordinazzjoni. Id-differenza fil-livell ta' programmazzjoni, hija sors ta' diffikultà pereżempju fejn hija meħtieġa koordinazzjoni bejn programm nazzjonali wieħed u bosta programmi reġjonali.

Il-kumplementarjetà u s-sinerġiji

Xi Stati Membri rnexxielhom joħolqu komplementarjetajiet effettivi, iżda ġeneralment, l-approċċ strateġiku ġenerali li jiżgura bis-sħiħ kumplimentaritajiet u sinerġiji bejn Fondi Strutturali kien nieqes.

Fil-livelli lokali, hemm iktar eżempji ta’ approċċ sinerġiku. Pereżempju, f’xi pajjiżi, l-istrateġija tal-iżvilupp lokali ta' GAL tista' tmur lil hinn mill-għanijiet tal-PŻR u parti mill-ambizzjonijiet tagħhom jistgħu jitwettqu permezz tal-fondi strutturali; xi drabi ġie stabbilit GAL komuni uniku għall-FAEŻR u għall-programmi tal-Fond Ewropew għas-Sajd; f'ċerti Stati Membri ġew stabbiliti gruppi tal-Leader bħala kumpaniji għall-iżvilupp lokali, li jimplimentaw mhux biss il-miżuri tal-PŻR iżda wkoll elementi ta' programmi nazzjonali oħrajn li jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-popolazzjoni rurali.

Skont xi rapporti Nazzjonali, elementi li jistgħu jgħinu biex jappoġġjaw sinerġiji bejn il-fondi huma:

- l-armonizzazzjoni tar-regoli bejn id-diversi fondi tal-UE rigward l-ispejjeż eliġibbli (V.A.T. eċċ.);

- il-konsistenza bejn is-sistemi differenti ta' monitoraġġ u evalwazzjoni biex jippermettu valutazzjoni ġenerali tal-fondi tal-UE fuq livell reġjonali u tematiku.

Aktar informazzjoni mill-Awtoritajiet Amministrattivi għal benefiċjarji (potenzjali) fuq kriterji ta’ demarkazzjoni tista' tkun utli wkoll sabiex tiggwidahom lejn il-Fond rilevanti tal-UE.

4. Prospetti

Fil-verità, l-implimentazzjoni ta' bosta programmi bdiet biss fl-2008. Madankollu, iċ-ċifri għall-2009 diġà juru aċċelerazzjoni, minkejja xi kondizzjonijiet sfavorevoli bħas-sitwazzjoni ekonomika.

Il-kwistjonijiet tal-implimentazzjoni ta' programmi individwali ġew diskussi regolarment bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Fil-Kumitat tal-Iżvilupp Rurali u permezz tan-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali sar skambju ulterjuri dwar il-kwistjonijiet implimentattivi. Diġà saru ħafna modifiki tal-PŻR biex jikkoreġu l-ewwel diffikultajiet li ltaqgħu magħhom, u ġew introdotti adattamenti oħra biex jinkorporaw fondi addizzjonali li jindirizzaw sfidi ġodda (kontroll tas-saħħa) u l-kriżi ekonomika (il-pakkett tal-Irkupru tal-Ekonomija Ewropea).

Il-Qafas Komuni ta' Monitoraġġ u Evalwazzjoni ipprovda informazzjoni utli għar-rappurtar u sabiex jiġi segwit il-progress tal-implimentazzjoni tal-programm u l-ksib tal-għanijiet fuq bażi kontinwa. Ċifri preliminari għall-2010 jindikaw li l-maġġoranza tal-programmi laħqu veloċità kostanti. Is-sinteżi tal-evalwazzjonijiet ta' nofs il-perjodu fil-PŻR li għandhom ikunu disponibbli fl-2012 se jipprovdu aktar informazzjoni fir-rigward ta' safejn il-programmi jinsabu fit-triq it-tajba biex jilħqu l-għanijiet tagħhom u biex jirrispondu għall-prijoritajiet Komunitarji.

[1] Ara it-Titolu II, il-Kapitolu II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta' Settembru 2005, dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).

[2] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2006 dwar il-linji gwida strateġiċi Komunitarji għall-iżvilupp rurali (Perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013) (2006/144/KE).

[3] Ara l-Artikolu 14 tar-"Rapport tal-Kummissjoni" tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005

[4] Ara l-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 Dawn ir-rapporti fil-qosor jistabbilixxu l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet strateġiċi nazzjonali, u l-kontribuzzjoni tal-ilħiq tal-linji gwida ta' strateġija Komunitarji.

[5] Ara http://ec.europa.eu/agriculture/healthcheck/index_en.htm għal informazzjoni dwar il-kontroll tas-saħħa u l-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku, u għall-aċċess għall-leġiżlazzjoni relatata adottata fl-2009.

[6] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta' Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR);

[7] It-tabelli kollha huma ppreżentati fid-Dokument ta Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni

[8] Il-baġit tal-FAEŻR għall-perjodu ta’programmazzjoni 2007-2013 żdied minn dakinhar, (notevolment bil-HC u l-EERP) għal EUR 96.2 biljun

[9] Id-dejta finanzjarja kollha fir-rapport jirrelataw għall-FAEŻR biss.

[10] L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni.

[11] Parti mill-fondi allokati għal Leader, l-assistenza teknika u l-pagamenti diretti ġew attribwiti proporzjonalment lit-tliet assi ewlenin fil-figuri u l-grafika ta' hawn taħt.

[12] Il-miri tal-2013 għall-agrikoltura u l-forestrija stabbiliti mill-Istati Membri fil-Programmi tagħhom.

[13] ara l-leġġenda tal-miżuri fil-Grafika 1 tad-Dokument ta’Ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni

[14] Pagamenti minn Stati Membri relatati mas-snin kalendarji 2007, 2008 u 2009.

[15] Il-pagamenti jkunu jistgħu jsiru sentejn (2) wara l-aħħar impenn (tmiem l-2013), għalhekk sa tmiem l-2015.

[16] Parti mill-fondi allokati għal LEADER, l-assistenza teknika u pagamenti diretti ġew attribwiti proporzjonalment lit-tliet assi ewlenin fil-figuri u l-grafika ta' hawn taħt.

[17] Ara l-Grafika 4 għat-tqqassim skont is-sess u l-età kif previst taħt l-art.81(§3) tar-Reg. 1698/2005

[18] Indikatur ta’riżultat mis-CMEF, l-istess żona tista’ tikkontribwixxi biex tindirizza bosta sfidi.

[19] Impenji mill-2007 'l quddiem biss

[20] Żieda ġenerali fil-qgħad minn 7.1% fl-2007 għal 8.9% fl-2009 fl-iktar f’żoni rurali u minn 7% fl-2007 għal 9% fl-2009 f'żoni intermedji rurali (sors:) Eurostat)

[21] Dan jinkludi l-popolazzjoni li tibbenefika indirettament mis-servizzi

[22] Ara l-Grafika 4 għat-tqassim skont is-sess u l-età kif previst taħt l-art.81(§3) tar-Reg. 1698/2005

[23] Bl-eċċezzjoni tal-Bulgarija u r-Rumania li għandhom 3 snin biex jagħżlu l-gruppi

[24] Ara lista tal-miri fl-Anness VIII tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005

[25] Skeda informattiva: Ħarsa ġenerali lejn il-kontroll tas-saħħa tal-PAK u l-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku: http://enrd.ec.europa.eu/app_templates/filedownload.cfm?id=5ACE6F64-F5FA-701C-70FD-E059E8462395

[26] Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara enrd.ec.europa.eu