KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Dwar ir-reviżjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 1999/32/KE relatata mal-Kontenut ta’ Kubrit ta’ Ċerti Karburanti [Fjuwils] Likwidi u dwar it-tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu mit-trasport marittimu INTRODUZZJONI L-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja mit-trasport marittimu qegħdin jikkontribwixxu dejjem aktar għal problemi fil-kwalità tal-arja tal-UE. L-impatti ewlenin huma marbuta mas-saħħa tal-bniedem u mal-aċidifikazzjoni, u jestendu lil hinn mir-reġjuni kostali. L-Istrateġija Tematika dwar it-tniġġis tal-arja tal-2005[1] kkonkludiet li l-emissjonijiet ta’ kubrit mit-trasport marittimu kienu previsti li jaqbżu dawk mis-sorsi kollha bbażati fuq l-art fl-UE sal-2020. Għalhekk, hemm bżonn li tittieħed aktar azzjoni sabiex is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent jitjiebu. Minħabba d-dimensjoni internazzjonali tal-industrija tat-trasport marittimu, il-Kummissjoni talbet għal azzjoni fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) sabiex ikomplu jitnaqqsu l-emissjonijiet. Din is-sejħa ġiet imtennija mill-koleġiżlaturi waqt il-konklużjoni tal-emenda l-aktar reċenti għad-Direttiva 1999/32/KE dwar it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit ta' ċerti karburanti [fjuwils] likwidi (id-Direttiva) li tirregola l-kwalità tal-fjuwils tal-baħar użati fiż-żoni tal-baħar u l-portijiet tal-UE[2]. Din il-Komunikazzjoni tirrapporta dwar il-progress li sar fl-IMO mill-2005 sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-arja, kif ukoll dwar l-azzjonijiet ta’ segwitu fil-livell tal-UE kif proposti mill-Kummissjoni. Din tal-aħħar hija responsabbli wkoll għal ċerti miżuri proposti fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba bl-implimentazzjoni tad-Direttiva mill-2005 kif mitlub mill-koleġiżlaturi. Hija tiddiskuti l-bażi loġika sabiex il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE tiġi allinjata mal-aħħar regoli tal-IMO, l-emenda tal-2008 għall-Anness VI tal-MARPOL li tistabbilixxi standards ġodda għal fjuwils b’livell aktar baxx ta’ kubrit globalment, iżda wkoll limiti aktar stretti fiż-Żoni ta’ Kontroll tal-Emissjonijiet SOx stabbiliti. Barra minn hekk, hija tippreżenta sett ta’ miżuri ta’ akkumpanjament sabiex jippromwovu u jiffaċilitaw il-konformità. Dawn il-miżuri jinkludu metodi ekwivalenti, li jippermettu lill-industrija tat-trasport marittimu biex tikseb konformità b’mod teknoloġikament newtrali. PROGRESS FL-ORGANIZZAZZJONI MARITTIMA INTERNAZZJONALI DWAR IT-TNIġġIS TAL-ARJA It-tniġġis mit-trasport marittimu huwa rregolat mill-Anness VI tal-Konvenzjoni għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis tal-Baħar mill-Vapuri (MARPOL 73/78) irregolata mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO)[3]. Sal-2008, il-Konvenzjoni ppermettiet l-użu ta’ fjuwils tal-baħar b’kontenut ta’ kubrit sa massimu ta' 4.5 % fiż-żoni kollha tal-baħar bl-eċċezzjoni taż-żoni ta’ kontroll tal-emissjonijiet tal-kubrit (SECAs) speċifikati fejn il-kontenut massimu ta’ kubrit kien ristrett għal 1.5 %[4]. Minħabba l-kontribuzzjoni partikolari tal-emissjonijiet mit-trasport marittimu għall-problemi ta’ aċidifikazzjoni fit-Tramuntana tal-Ewropa, l-IMO ddeżinjat il-Baħar Baltiku, il-Baħar tat-Tramuntana u l-Fliegu Ingliż bħala SECAs fl-UE. Wara talbiet internazzjonali għal aktar azzjoni sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet mit-trasport marittimu, fl-aħħar tal-2008, il-Partijiet għall-IMO kkonkludew reviżjoni sinifikanti tal-Anness VI tal-MARPOL[5]. Din ir-reviżjoni tippreskrivi tnaqqis fi stadji tal-kontenut tal-kubrit tal-fjuwils użati fl-ibħra kollha għal 0.50 % mill-2020 u għal 0.10 % fis-SECAs minn Jannar 2015[6]. Id-dispożizzjonijiet sabiex tintlaħaq il-konformità huma teknoloġikament newtrali u jistgħu jiġu ssodisfati wkoll permezz ta’ metodi alternattivi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet, bħal sistemi ta’ tindif tal-gass tal-egżost jew fjuwils nodfa alternattivi bħal-LNG[7]. Id-dispożizzjonijiet il-ġodda maqbula fl-2008 kienu pass kbir ’il quddiem sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet mis-settur tat-trasport marittimu li qiegħed jikber b’pass mgħaġġel. B'riżultat ta' dan, l-emissjonijiet ta’ SO2 mit-trasport marittimu mistennija jonqsu b’aktar minn 90 % fis-SECAs u b’aktar minn 75 % f’żoni oħrajn tal-baħar li jmissu mal-UE[8]. Bl-istess mod, huwa mbassar li l-emissjonijiet tal-materja partikulata (PM2.5) jonqsu b’aktar minn 60 % u 75 % fis-SECAs u f’żoni oħrajn tal-baħar, rispettivament. Il-benefiċċji assoċjati tal-ftehim MARPOL 2008 huma stmati li mill-inqas ivarjaw bejn EUR 15 sa EUR 34 biljun fis-sena fl-2020 minħabba t-titjib fis-saħħa u t-tnaqqis fil-mortalità fl-UE. L-ispejjeż tal-implimentazzjoni tar-reviżjoni jvarjaw minn EUR 2.6 sa EUR 11-il biljun. Il-firxa ta’ spejjeż ogħla tassumi strateġija ta’ konformità bbażata fuq il-fjuwils, filwaqt li l-firxa ta’ spejjeż baxxi tassumi l-użu tal-metodi ta’ konformità alternattivi msemmija hawn fuq. Il-proporzjonijiet għolja bejn il-benefiċċji u l-ispejjeż jirriflettu l-kosteffettività ogħla tal-miżuri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet immirati lejn sorsi tal-baħar meta mqabbla mas-sorsi bbażati fuq l-art fejn diġà nkiseb tnaqqis konsiderevoli tal-emissjonijiet. REVIżJONI TAD-DIRETTIVA 1999/32/KE Id-Direttiva 1999/32/KE, kif emendata, tirregola, fost l-oħrajn, il-kontenut tal-kubrit tal-fjuwils użati mit-trasport marittimu, kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ u l-ispezzjoni applikabbli biss fil-livell tal-UE. Wara l-emenda tal-Anness VI tal-MARPOL tal-IMO maqbula fl-aħħar tal-2008, fid-Direttiva hemm diskrepanzi sinifikanti li jeħtieġ li jiġu indirizzati. Abbażi tal-valutazzjoni tal-impatt imwettqa b’appoġġ għal din ir-reviżjoni, huwa propost allinjament sħiħ tad-Direttiva mad-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-IMO relatati mal-kontenut ta’ kubrit tal-fjuwils[9]. Dan jinkludi l-inkorporazzjoni tal-istandards aktar stretti tal-kubrit li japplikaw fis-SECAs u f’żoni oħrajn tal-baħar, kif ukoll l-adattament tar-regoli tal-UE għad-dispożizzjonijiet tal-IMO dwar metodi ta’ konformità alternattivi. Tali miżuri alternattivi jew ekwivalenti sejrin jippermettu lill-operaturi biex jagħżlu l-aktar soluzzjoni xierqa, inkluż l-użu ta’ sistemi ta’ tindif tal-gass tal-egżost jew fjuwils alternattivi bħal-LNG, bil-kundizzjoni li jwasslu l-istess benefiċċji ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet imqabbla mal-fjuwils tal-baħar b’livell baxx ta’ kubrit. Barra minn hekk, hija ser tkompli tinkoraġġixxi l-innovazzjoni f’teknoloġiji ekoloġiċi kif affermat mill-istrateġija 2020 tal-UE, filwaqt li tippermetti lill-operaturi tal-vapuri jnaqqsu l-ispejjeż tal-konformità sa massimu ta' 90 %[10]. Il-miżuri ta’ salvagwardja addizzjonali sejrin jiżguraw li l-metodi alternattivi ta’ konformità, bħall-użu ta’ apparat ta' tisfija mill-impuritajiet, ma jikkawżawx ħsara lis-saħħa tal-bniedem, lis-sikurezza u lill-ambjent. Barra minn hekk, u fuq il-bażi tar-reviżjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva, ġew proposti ċerti aġġustamenti mmirati għas-sistemi ta’ monitoraġġ u infurzar tal-UE fid-dawl tar-riskji akbar jekk ma jiġux osservati r-regoli internazzjonali stretti dwar il-kontenut ta’ kubrit tal-fjuwils[11]. Il-proposta leġiżlattiva mehmuża tipprevedi l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tiżviluppa regoli vinkolanti dwar kif l-Istati Membri jissorveljaw u jirrapportaw lill-Kummissjoni, għalkemm fl-ewwel istanza l-Kummissjoni tħejji gwida għall-Istati Membri dwar l-aħjar mod li bih jistgħu jtejbu l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Aktar azzjonijiet armonizzati u msaħħa ta’ monitoraġġ u infurzar tal-UE jgħinu sabiex jinkisbu benefiċċji importanti għas-saħħa u l-ambjent, kif ukoll sabiex jikkontribwixxu għall-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ekwi u kompetizzjoni ġusta fuq livell internazzjonali[12]. Barra minn hekk, u abbażi tal-eżitu tal-valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni tipproponi li żżomm standards aktar stretti għall-vapuri tal-passiġġieri li joperaw barra s-SECAs bil-għan li tinżamm ir-rabta bejn l-istandards aktar stretti tal-fjuwils fis-SECAs (li issa jeħtieġu kontenut massimu ta’ kubrit tal-fjuwils tal-baħar ta’ 1.5 % u mill-2015 ta’ 0.1 %) u dawk li japplikaw għall-vapuri tal-passiġġieri fuq servizz regolari barra s-SECAs (bħalissa 1.5 %). L-introduzzjoni ta’ standard aktar strett fuq il-fjuwils għall-vapuri tal-passiġġieri sejra tiġi ttardjata b’ħames (5) snin meta mqabbla mas-SECAs, sabiex jiġu evitati l-problemi potenzjali bid-disponibbiltà tal-fjuwils. MIżURI TA’ AKKUMPANJAMENT Filwaqt li l-benefiċċji assoċjati mal-introduzzjoni ta’ dan l-istandard ambjentali internazzjonali huma sinifikanti, il-konformità mar-regoli l-ġodda toħloq għadd ta’ sfidi għas-setturi tal-industrija li l-aktar huma affettwati direttament. Il-Kummissjoni sejra tkompli tissorvelja l-impatti possibbli fuq is-settur tat-trasport marittimu, speċjalment is-settur tat-Trasport Marittimu fuq Distanzi Qosra (Short Sea Shipping, SSS) bil-għan li tiżgura rispons politiku adegwat f’każ ta’ tgħawwiġ fil-katina loġistika jew f’każ ta’ backshift modali sinifikanti mit-trasport bil-baħar għal dak ibbażat fuq l-art. L-użu tal-konformità addizzjonali bbażata fuq it-teknoloġija pprovduta mill-Anness VI rivedut tal-MARPOL, u sussegwentement mid-Direttiva riveduta, bħal apparat ta' tisfija mill-impuritajiet, fjuwils alternattivi (LNG) u netwerk tal-elettriku terrestri (shore side electricity), jeħtieġ investimenti kapitali mis-settur privat u mis-settur pubbliku. Investimenti bħal dawn jistgħu jkunu jeħtieġu li jiġu inċentivati b’mod notevoli meta jkun qed jiġi segwit sett usa’ ta’ għanijiet ta’ trasport marittimu sostenibbli li jmorru lil hinn mill-konformità mal-Anness VI ta’ Marpol. Għal dan il-għan, ġew identifikati għadd ta’ miżuri ta’ akkumpanjament fuq perjodu ta’ żmien qasir sabiex jgħinu lis-settur. Fuq perjodu ta’ żmien qasir, skont il-perspettiva finanzjarja attwali, l-appoġġ huwa diġà disponibbli permezz tal-istrumenti eżistenti tal-UE għall-finanzjament tat-trasport, jiġifieri l-Programmi tan-Netwerks Trans-Ewropej tat-Trasport (TEN-T) u Marco Polo II. Skont dan, il-Programm TEN-T ser ikompli jappoġġa proġetti ta’ benefiċċji usa’, eż. l-indirizzar ta’ kwistjonijiet ambjentali, bħal proġetti ta’ implimentazzjoni, studji u azzjonijiet pilota li jintroduċu teknoloġiji ġodda, infrastruttura innovattiva u faċilitajiet li jappoġġaw l-iskjerament tal-LNG. Taħt il-Programm Marco Polo II, tingħata prijorità lil dawk il-proġetti li jimmiraw lejn l-implimentazzjoni u l-użu ta’ teknoloġiji innovattivi jew prattiki operattivi li jnaqqsu b’mod sinifikanti l-emissjonijiet fl-arja mill-vapuri, bħall-użu ta’ fjuwils b’livell baxx ta’ kubrit, fjuwils alternattivi bħal-LNG, teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet (apparat ta' tisfija mill-impuritajiet), jew bastimenti li jagħmlu użu min-netwerk tal-elettriku terrestri. Barra minn hekk, l-investimenti mmirati lejn ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-vapuri u tiġi promossa l-effiċjenza enerġetika jistgħu jiġu ffinanzjati permezz tal-Faċilità Ewropea għal Trasport Nadif (ECTF), programm ta' self speċifiku tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI). L-użu tal-fondi tal-Istati Membri jista’ jiġi previst ukoll sabiex jiġu appoġġati miżuri bħal apparat ta’ kontroll tat-tniġġis tal-arja li jitwaħħal wara (retro-fitting) jew magni tal-baħar fuq bastimenti qabel id-dħul fis-seħħ tal-istandards il-ġodda, jew l-iżvilupp ta’ infrastruttura onshore għat-trattament ta’ residwi jew stazzjonijiet ta’ riforniment tal-fjuwil LNG fuq il-baħar. Kwalunkwe appoġġ bħal dan għandu jkun konformi mal-Linji Gwida Komunitarji eżistenti dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali[13] u mal-Linji Gwida Komunitarji dwar l-Għajnuna Reġjonali Nazzjonali għall-2007-2013[14] rispettivament. Fir-rigward tal-formulazzjoni ta’ miżuri ta’ akkumpanjament fuq perjodu ta’ żmien medju u twil, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tiżviluppa approċċ ta’ azzjoni multidimensjonali, pereżempju "sett ta' għodod għal trasport sostenibbli fuq l-ilma" li jindirizza, minn perspettiva usa’, u b’mod integrat, l-isfidi ambjentali li qiegħed jaffronta s-settur. Din l-istrateġija politika sejra tesplora miżuri bħal miżuri regolatorji flessibbli u riġidi, teknoloġija tal-vapuri ekoloġika u fjuwils alternattivi, infrastruttura ekoloġika adegwata, strumenti ekonomiċi u ta’ finanzjament, ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali. Dawn il-miżuri sejrin jiġu implimentati wara l-adozzjoni tal-White Paper li tiddeskrivi Pjan Direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport[15], il-Politika l-ġdida tat-TEN-T u l-Linji Gwida bbażati fuq konsultazzjonijiet ulterjuri mal-partijiet interessati, inklużi l-awtoritajiet tal-Istati Membri rilevanti. Dan is-sett ta’ miżuri integrati jista’ jkompli jiġi elaborat fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jmiss li jikkumplimenta din il-Komunikazzjoni. KONKLUżJONIJIET U L-PASSI LI JMISS Il-miżuri l-ġodda (kif maqbula fid-dispożizzjonijiet tal-Anness VI tal-MARPOL tal-IMO fl-2008) huma pass kbir ’il quddiem sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet fl-arja mis-settur tat-trasport marittimu li qiegħed jikber b’pass mgħaġġel. Din il-proposta għall-emendar tad-Direttiva 1999/32/KE sejra tallinja l-liġi tal-UE mar-regoli tal-IMO l-aktar reċenti applikabbli fis-SECAs u f’żoni oħrajn tal-baħar u mad-dispożizzjonijiet dwar il-metodi ta’ konformità ekwivalenti. Barra minn hekk, sejra tallinja l-istandards eżistenti tal-fjuwils għall-vapuri tal-passiġġieri li joperaw barra s-SECAs ma’ dawk li japplikaw fis-SECAs, filwaqt li ssaħħaħ is-sistema ta’ monitoraġġ u infurzar. Il-proposta sejra tikkontribwixxi għall-ksib tal-għanijiet iddikjarati fl-Istrateġija Tematika eżistenti tal-UE dwar it-Tniġġis tal-Arja għall-istrateġija Ewropa 2020. B’hekk, il-proposta ser tiżgura li jiġu sfruttati l-benefiċċji għaċ-ċittadini tal-UE u l-ambjent, filwaqt li fl-istess ħin tippromwovi teknoloġiji ekoloġiċi u tkabbir immexxi minn sistemi ta’ trasport sostenibbli b’livell baxx ta’ karbonju. Barra minn hekk, is- Sett ta' Għodod għal Trasport Sostenibbli fuq l-Ilma sejjer jgħin biex isiru sforzi kollaborattivi mill-partijiet interessati kollha sabiex ikomplu resqin lejn settur tat-trasport marittimu tassew innovattiv u sostenibbli li jkun jista’ jappoġġa tkabbir ekonomiku b’impatti ambjentali minimizzati. Il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni inizjali tal-miżuri addizzjonali maħsuba biex inaqqsu l-emissjonijiet ta’ SOx, materja partikulata u NOx, pereżempju permezz ta’ SECAs estiżi u żoni ġodda ta’ kontroll tal-emissjonijiet ta’ NOx (NECAs). Dawn urew proporzjonijiet promettenti bejn il-benefiċċji u l-ispejjeż, iżda l-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tagħmel proposti formali sabiex tistabbilixxi żoni addizzjonali ta’ kontroll tal-emissjonijiet. Iż-żoni ta’ kontroll tal-emissjonijiet jistgħu jiġu stabbiliti biss fil-liġi tal-UE ladarba jkunu ġew maqbula internazzjonalment mill-IMO wara l-proċeduri speċifikati fil-Konvenzjoni MARPOL. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma għandhiex il-kompetenza li tissottometti proposti lill-IMO, għalhekk, il-Komunikazzjoni attwali u l-proposta leġiżlattiva tirrestrinġi lilha nnifisha għaż-żoni ta’ kontroll tal-emissjonijiet stabbiliti qabel u għall-emenda tal-2008 tal-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota b’apprezzament li ċerti Stati Membri jinsabu fil-proċess li jitolbu d-deżinjazzjoni tan-NECAs. Il-Kummissjoni sejra taħdem mill-qrib ma’ dawk l-Istati Membri u Stati Membri oħrajn sabiex jappoġġaw dawn il-miżuri u miżuri addizzjonali oħrajn, fejn xieraq, bħala parti mir-reviżjoni li għaddejja tal-Istrateġija Tematika tal-UE dwar it-Tniġġis tal-Arja, li mistennija titlesta mhux aktar tard mill-2013[16]. Anness 1: Sommarju tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 1999/32/KE dwar il-kontenut ta’ kubrit ta' ċerti fjuwils likwidi Sfond Id-Direttiva 1999/32/KE dwar il-kontenut ta’ kubrit ta' ċerti karburanti [fjuwils][17] ġiet adottata fis-26 ta’ April 1999 u ġiet emendata diversi drabi. L-aktar emenda sinifikanti relatata mal-istandards tal-fjuwils tal-baħar tmur lura għall-2005[18]. Id-data tal-iskadenza sabiex il-leġiżlazzjoni nazzjonali tinġieb f’konformità kienet il-11 ta’ Awwissu 2006. Abbażi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 1999/32/KE kif emendata, il-Kummissjoni rrevediet għadd ta’ kwistjonijiet ġenerali u speċifiċi wara l-esperjenza tagħha bl-implimentazzjoni tad-Direttiva. Ir-reviżjoni qieset b’mod sħiħ l-istandards il-ġodda relatati mal-kwalità tal-fjuwils tal-baħar u l-kontrolli tal-emissjonijiet relatati adottati mill-IMO fl-aħħar tal-2008. Dan l-Anness jiġbor fil-qosor ir-riżultati ewlenin tar-reviżjoni b’aktar dettalji pprovduti fir-rapport ta’ akkumpanjament dwar il-valutazzjoni tal-impatt[19]. Traspożizzjoni L-Istati Membri huma obbligati li jittrasponu d-Direttiva f’leġiżlazzjoni nazzjonali sal-11 ta’ Awwissu 2006. Kienu biss tliet Stati Membri li rrapportaw miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali f’dan il-qafas ta’ żmien. Seba’ Stati Membri ppreżentaw l-informazzjoni tat-traspożizzjoni tagħhom fi żmien sena u nofs (1.5), filwaqt li l-aħħar traspożizzjoni kienet irrapportata f’April 2010. B’reazzjoni għat-traspożizzjonijiet tard u/jew nieqsa, il-Kummissjoni bdiet 16-il proċedura ta’ ksur, li issa huma kollha magħluqa. Rappurtar mill-Istati Membri Skont l-Artikolu 7.1 tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw kull sena lill-Kummissjoni informazzjoni dwar it-teħid tal-kampjuni u l-analiżi mwettqa bil-għan li jiġi żgurat li l-kontenut tal-kubrit tal-fjuwils ikun konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva. Dan l-artikolu jesiġi wkoll li l-Istati Membri jirrapportaw dwar il-kontenut medju ta’ kubrit fil-fjuwils tal-baħar użati fit-territorju tagħhom li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva. Il-Kummissjoni rċeviet 26 rapport li jkopru s-sena 2007, jiġifieri l-ewwel sena kalendarja sħiħa wara d-data tal-iskadenza għat-traspożizzjoni. Għas-snin 2008 u 2009, sal-lum ġew irċevuti 25 u 26 rapport, rispettivament. Sakemm tittieħed id-deċiżjoni li jiġu mnedija proċeduri ta’ ksur, bejn l-2008 u l-2010 intbagħtu serje ta’ noti ta’ tfakkir. Ir-rapporti tal-Istati Membri ġew analizzati fuq bażi annwali mill-Kummissjoni megħjuna mill-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima (EMSA). L-analiżi wriet li r-rapporti rċevuti mill-Istati Membri jvarjaw b’mod sinifikanti fl-istruttura u l-kontenut, u ħafna rapporti juru nuqqasijiet sinifikanti ta’ informazzjoni li jagħmlu l-valutazzjoni diffiċli. L-aktar kwistjonijiet importanti jidhru li huma: - Ftit rapporti li jiddistingwu bejn it-teħid tal-kampjuni u r-riżultati relatati mal-fjuwils għall-użu fuq il-baħar u fjuwils simili li jintużaw f’installazzjonijiet ibbażati fuq l-art; - L-għadd ta’ kampjuni meħuda u l-frekwenza tat-teħid tal-kampjuni fl-UE huma baxxi ħafna (tipikament kampjun wieħed għal kull 1000 vapur) u mhumiex biżżejjed sabiex jiżguraw stampa rappreżentattiva tal-kwalità tal-fjuwils użati u mibjugħa, kif ukoll sabiex jiżguraw li d-Direttiva hija implimentata kif suppost; - Il-kampjuni ntużaw kważi esklussivament sabiex jissorveljaw il-kontenut ta’ kubrit tal-fjuwils koperti bid-Direttiva. Dan ma jilħaqx dak li huwa mistenni mir-rekwiżit kollu stabbilit bl-Artikolu 7.1 tad-Direttiva; - Il-problemi bit-teħid tal-kampjuni u l-analiżi jidher li jirriżultaw ukoll minn nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ċari dwar il-frekwenza u l-metodi analitiċi li jridu jintużaw; - L-informazzjoni relatata mal-ispezzjonijiet tar-reġistri abbord u n-noti ta’ kunsinna tal-fjuwils għall-bastimenti kienet ugwalment limitata. Madankollu, studju separat li sar mill-EMSA wera li, b’mod ġenerali, in-noti ta’ kunsinna tal-fjuwils għall-bastimenti huma pjuttost affidabbli. Il-kontenut tal-kubrit tal-fjuwils tal-baħar Wara t-talbiet tal-operaturi tal-vapuri, il-kunsinni tal-fjuwils għall-bastimenti jiġu ttestjati sistematikament minn korpi indipendenti. L-EMSA kisbet informazzjoni statistika anonimizzata dwar kampjuni tal-fjuwils li ġew analizzati fl-2008. Barra minn hekk, l-EMSA kkummissjonat studju dwar il-fjuwils użati mill-vapuri tal-passiġġieri li joperaw fil-Mediterran u fil-Bajja ta’ Biscay. Dawn mhumiex żoni SECA u l-vapuri tal-passiġġieri fuq servizz regolari huma obbligati li jużaw fjuwil b’kontenut massimu ta’ kubrit ta’ 1.5 %. Ir-riżultati ewlenin jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej: - standard ta’ 1.5 % fiż-żoni SECA: 5-10 % tal-kampjuni ttestjati qabżu l-kontenut ta’ kubrit permess. Madankollu, madwar 60 % tal-kampjuni li qabżu l-kontenut huma fi ħdan il-limitu tal-kunfidenza statistika. - standard ta’ 0.1 % "fl-irmiġġ": 25 % tal-kampjuni ma rrispettawx il-limitu massimu ta’ kubrit. - standard ta’ 1.5 % għall-vapuri tal-passiġġieri barra miż-żoni SECA: Bl-eċċezzjoni ta’ Franza u sa ċertu punt ta' Spanja, il-kontenut medju ta’ kubrit fil-fjuwil kien bejn 2.3 u 3.3 %. Ir-rata ta’ konformità tvarja b’mod konsiderevoli u għadha mhijiex sodisfaċenti. B’mod partikolari, il-fjuwils użati mill-vapuri tal-passiġġieri f’xi partijiet tal-Baħar Mediterran huma kawża prinċipali ta’ tħassib. Konklużjonijiet Il-prattika attwali ta’ rappurtar mill-Istati Membri tagħmel il-valutazzjoni tal-konformità mad-Direttiva 1999/32/KE waħda diffiċli ħafna. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar ir-rappurtar u t-teħid tal-kampjuni tal-fjuwils jeħtieġu kjarifika u gwida. [1] COM(2005) 446 finali [2] Id-Direttiva 2005/33/KE li temenda d-Direttiva 1999/32/KE [3] http://www.imo.org/about/conventions/listofconventions/pages/international-convention-for-the-prevention-of-pollution-from-ships-(Marpol). [4] Limitu tal-kubrit ta’ 4.5 % huwa daqs 45 000 ppm u jitqabbel ma’ 10 ppm li bħalissa huwa permess fil-fjuwils li jintużaw fit-trasport. Madankollu, il-livell medju ta’ kubrit attwalment użat globalment fil-fjuwils tal-baħar sal-ġurnata tal-lum huwa aktar baxx mill-istandard massimu, jiġifieri 2.7 %. [5] http://www5.imo.org/SharePoint/mainframe.asp?topic_id=233 [6] Id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjoni "globali" jista’ jiġi ttardjat sal-2025 soġġett għal analiżi dwar id-disponibbiltà tal-fjuwils meħtieġa. [7] Intlaħaq qbil dwar miżuri oħrajn maħsuba biex jillimitaw l-emissjonijiet ta’ fjuwils oħrajn bħall-NOx bħala parti mill-Anness VI rivedut tal-MARPOL. [8] Gassijiet serra u sustanzi li jniġġsu l-arja fl-Unjoni Ewropea: Tbassir bażi sal-2030, EC4MACS Valutazzjoni Interim (2010). [9] Referenza SEC tal-Valutazzjoni tal-Impatt [10] AEA et al., Diċembru 2009. [11] Sommarju dwar il-valutazzjoni tar-rapporti sottomessi huwa pprovdut fl-Anness 1. Aktar dettalji huma pprovduti fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta għal emenda tad-Direttiva. [12] Aktar dettalji dwar il-proposta leġiżlattiva jinsabu fil-memorandum ta’ spjegazzjoni ta' akkumpanjament. [13] ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1. [14] ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13. [15] White Paper tal-Kummissjoni – Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti, COM(2011) 144 tat-28.3.2011 [16] SEC(2011) 342 finali [17] ĠU L 121, 11.5.1999, p. 13. [18] ĠU L 191, 22.7.2005, p. 59. [19] [referenza SEC]