RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL dwar il-klawsola tal-eċċezzjoni (L-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal) /* KUMM/2011/0440 finali */
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL dwar il-klawsola tal-eċċezzjoni (L-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal) SOMMARJU EżEKUTTIV Matul id-diskussjonijiet dwar l-aġġustament annwali tal-2010 tar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-persunal tal-UE, il-Kunsill iddikjara li l-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi ta' dan l-aħħar kienu rriżultaw f'deterjorament serju u f'daqqa tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-UE u talab lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposti xierqa fuq il-bażi tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal. Fis-sentenza mogħtija fl-24 ta' Novembru 2010 fil-Kawża C-40/10, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-klawsola ta' eċċezzjoni tippermetti li jitqiesu l-konsegwenzi ta' deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali li jkun serju u jkun ġie f'daqqa fejn, taħt il-'metodu normali', ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali ma tiġix aġġustata malajr biżżejjed. Il-Qorti kjarifikat li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal tikkostitwixxi l-uniku mod kif jista' jittieħed kont ta' kriżi ekonomika fl-aġġustament tar-remunerazzjoni u għalhekk titneħħa l-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(2) ta' dak l-Anness. Il-metodu jkejjel bir-reqqa, permezz tal-prinċipju tal-parallelliżmu, is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali relevanti fi ħdan l-Unjoni, kif riflessa fid-deċiżjonijiet tal-Istati Membri dwar is-salarji tal-impjegati pubbliċi nazzjonali. Il-leġiżlatur għażel bir-reqqa l-kriterji li għandhom jitqiesu għall-aġġustament tar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet; dawn il-kriterji jistgħu jiġu applikati kemm matul perjodi pożittivi kif ukoll matul perjodi negattivi għall-ekonomija. Il-klawsola ta' eċċezzjoni mhix klawsola dwar iċ-ċiklu ekonomiku: u għalhekk qiegħda hemm sabiex tintuża meta jkun hemm żviluppi estremi fl-UE u biss jekk il-metodu ma jkunx jista' jkejjilhom. Hija ma għandhiex tintuża kull meta l-UE tkun f'fażi negattiva taċ-ċiklu ekonomiku. Il-Kummissjoni użat 15-il indikatur sabiex tivvaluta jekk hux meħtieġ li tuża l-klawsola tal-eċċezzjoni fl-2011. F'konformità mal-Previżjonijiet Ekonomiċi Ewropej maħruġa mid-DĠ ECFIN fit-13 ta' Mejju 2011, huma juru li l-irkupru ekonomiku fl-UE qiegħed ikompli javvanza. Ir-rapport jikkonkludi li ma kien hemm l-ebda deterjorament serju u f'daqqa fis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni matul il-perjodu ta' referenza mill-1 ta' Lulju 2010 sa nofs Mejju 2011, u li mhux xieraq li titressaq proposta taħt l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, fid-29 ta' Ġunju 2011, il-Kummissjoni ħadet nota ta' abbozz ta' proposta għal metodu ġdid, inklużi emendi possibbli għall-mekkaniżmu tal-klawsola tal-eċċezzjoni, sabiex l-applikazzjoni tiegħu ssir awtomatika taħt ċerti kundizzjonijiet fil-futur. INTRODUZZJONI Matul id-diskussjonijiet dwar l-aġġustament annwali tal-2010 tar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u l-impjegati l-oħra tal-UE, il-Kunsill għamel id-dikjarazzjoni li ġejja. Il-Kunsill jinnota li l-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi li seħħew dan l-aħħar fi ħdan l-UE u li qegħdin jirriżultaw f'aġġustamenti fiskali sostanzjali u f'żieda fl-inċertezza tal-impjieg f'bosta Stati Membri jwasslu għal deterjorament serju u f'daqqa fis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-UE. F'dan il-kuntest, il-Kunsill jitlob lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 241 TFUE, sabiex tippreżenta, fuq il-bażi tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal u fid-dawl tad-dejta oġġettiva pprovduta mill-Kummissjoni, proposti xierqa li jaslu fil-waqt sabiex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jeżaminawhom u jadottawhom qabel tmiem l-2011. Taħt l-Artikolu 241 tat-TFUE, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi, jista' jitlob lill-Kummissjoni sabiex twettaq studji li l-Kunsill iqis bħala mixtieqa sabiex jintlaħqu għanijiet komuni, u sabiex tippreżentalu proposti xierqa. Jekk il-Kummissjoni ma tippreżentax proposta, hija għandha tinforma lill-Kunsill bir-raġunijiet. Dan ir-rapport jikkonforma mat-talba tal-Kunsill u mal-Artikolu 241 tat-TFUE. Huwa jkopri l-perjodu li jibda mid-data effettiva tal-aħħar aġġustament annwali tar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet (l-1 ta' Lulju 2010) sal-mument meta kienet disponibbli l-aħħar dejta għall-finijiet ta' dan ir-rapport (nofs Mejju 2011). SFOND LEGALI Skont l-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal, '… il-Kunsill għandu kull sena jirrevedi r-remunerazzjoni tal-uffiċjali u l-impjegati l-oħra tal-Unjoni. Din ir-reviżjoni għandha sseħħ f'Settembru fid-dawl ta' rapport konġunt mill-Kummissjoni bbażat fuq indiċi konġunt imħejji mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea bi qbil mal-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika tal-Istati Membri; l-indiċi għandu jirrifletti s-sitwazzjoni fl-1 ta' Lulju f'kull wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni. Matul din ir-reviżjoni l-Kunsill għandu jqis, jekk, bħala parti mill-politika ekonomika u soċjali tal-Unjoni, għandhiex tiġi aġġustata r-remunerazzjoni. Għandu jittieħed kont partikolari ta' kull żieda fil-pagi fis-servizz pubbliku u l-ħtiġijiet tar-reklutaġġ.' Skont l-Artikolu 65a tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-regoli għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 64 u 65 huma stabbiliti fl-Anness XI. L-Artikolu 3(1) u (2) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal jgħid: 1. Skont l-Artikolu 65(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni u fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fl-1 Taqsima ta' dan l-Anness, għandu jieħu deċiżjoni qabel it-tmiem ta' kull sena li biha jaġġusta r-remunerazzjoni u l-pensjonijiet, b'effett mill-1 ta' Lulju. 2. L-ammont tal-aġġustament għandu jinħadem billi jiġi mmultiplikat l-Indiċi Internazzjonali ta' Brussell bl-indikatur speċifiku. L-aġġustament għandu jkun f'termini netti bħala persentaġġ uniformi ġenerali. L-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal (il-klawsola tal-eċċezzjoni) jistipula: Jekk ikun hemm deterjorament serju u f'daqqa fis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni, ivvalutata fid-dawl ta' dejta oġġettiva pprovduta għal dan l-għan mill-Kummissjoni, din tal-aħħar għandha tippreżenta proposti xierqa li fuqhom il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiddeċiedu f'konformità mal-Artikolu 336 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 3 tal-Anness XI u l-klawsola tal-eċċezzjoni ġiet analizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-40/10 il-Kummissjoni v il-Kunsill. Il-Qorti rrimarkat li l-klawsola tal-eċċezzjoni '…jippermetti, f’ sitwazzjoni straordinarja , li jitwarrab fuq bażi ad hoc, il-metodu previst fl-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti, mingħajr madankollu ma jinbidel jew jiġi abrogat għas-snin segwenti' (paragrafu 74, is-sottolinear miżjud). Minbarra dan, il-Qorti spjegat li '…kif ikkunsidrat il-Kummissjoni fir-rapport tagħha tas-27 ta’ Ġunju 1994 dwar l-applikabbilta tal-klawżola ta’ eċċezzjoni [SEC(94) 1027 finali, punt II.3, p. 5 u 6], din il-klawżola tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni konsegwenzi ta’ deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali kemm gravi kif ukoll mhux mistennija meta, skont il-metodu “normali”, il-pagi tal-uffiċjali ma jiġux aġġustati malajr biżżejjed' (paragrafu 75, is-sottolinear miżjud). Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li: '… il-proċedura prevista fl-Artikolu 10 [tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal] tiegħu tikkostitwixxi l-unika possibbiltà li jittieħed kont ta’ kriżi ekonomika fil-kuntest tal-adattament tal-pagi u, konsegwentment, li tiġi miċħuda l-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tal-imsemmi anness' (paragrafu 77, is-sottolinear miżjud). Din il-konklużjoni ma tistax tiġi mminata bil-fatt li l-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tiddependi minn proposta tal-Kummissjoni. B’mod partikolari mill-Artikolu 17(2) TUE jirriżulta li huwa konformi mal-ekwilibriju istituzzjonali previst mit-trattati li jagħti, għal proċeduri leġiżlattivi, bħala prinċipju, il-monopolju tal-proposta tal-Kummissjoni' (paragrafu 78). L-GħANIJIET U L-PRINċIPJI TA' BAżI TAL-METODU. Il-Kummissjoni tqis li hu xieraq li tirrikapitula l-prinċipji li fuqhom huwa bbażat il-metodu għall-aġġustamenti tas-salarju u tal-pensjonijiet, li diġà ġew spjegati fir-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-Anness XI tar-Regolament tal-Persunal (COM(2008) 443). Id-dispożizzjonijiet tal-metodu kurrenti għall-aġġustament tar-remunerazzjoni u tal-pensjonijiet japplikaw mill-1 ta' Lulju 2004 sal-31 ta' Diċembru 2012 u huma stabbiliti fl-Artikoli 64, 65 u 65a tar-Regolamenti tal-Persunal u fl-Anness XI tiegħu. L-għanijiet ewlenin tal-metodu huma: - aġġustament awtomatiku tas-salarji sabiex jiġi evitat li l-ħidma tal-Istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-Unjoni tiġi interrotta minn negozjati ta' kull sena u possibilment strajks; - regoli trasparenti, effiċjenti, u relattivament sempliċi sabiex jiġu stabbiliti l-aġġustamenti għas-salarji tal-uffiċjali u l-impjegati l-oħra tal-Istituzzjonijiet kollha tal-UE. Sabiex jiġi żgurat li l-metodu jiffunzjona kif jixraq, ġew stabbiliti dawn il-prinċipji li ġejjin: - l-ugwaljanza tal-kapaċità tal-akkwist bejn l-impjegati tal-UE f'postijiet tax-xogħol differenti; - parallelliżmu ma' uffiċjali nazzjonali f'termini ta' tibdiliet fil-kapaċità tal-akkwist. Żewġ aspetti tal-metodu għandhom jiġu studjati aktar bir-reqqa: - il-prinċipju tal-parallelliżmu; - id-dewmien fiż-żmien. Il-prinċipju tal-parallelliżmu Skont l-Artikolu 1(4) tal-Anness XI, l-indikatur speċifiku (globali) huwa kkalkulat sabiex jirrifletti l-bidla medja fir-remunerazzjoni netta tal-uffiċjali nazzjonali fil-gvern ċentrali f'termini reali, jiġiferi wara li titqies l-inflazzjoni fil-pajjiż fejn jaħdmu. Imbagħad, kif stabbilit fl-Artikolu 3(2) tal-Anness XI, l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-konsumatur fi Brussell, li huwa l-post ta' referenza fejn jaħdmu l-biċċa l-kbira tal-uffiċjali tal-UE, titkejjel permezz tal-Indiċi Internazzjonali ta' Brussell (BII). Fl-aħħar nett, il-BII jiġi mmultiplikat bl-indikatur globali speċifiku sabiex jiġi kkalkulat l-aġġustament nominali annwali għall-pagi bażiċi tal-uffiċjali tal-UE, li jista' jkun kemm pożittiv kif ukoll negattiv. Għaldaqstant, il-bidla fil-kapaċità tal-akkwist tal-uffiċjali tal-UE hija ddeterminata b'mod sħiħ mill-indikatur speċifiku globali, li jiżgura ekwivalenza mal-iżviluppi fil-kapaċità tal-akkwist tal-uffiċjali nazzjonali. Dan huwa l-prinċipju tal-parallelliżmu. Id-dewmien fiż-żmien inerenti fil-metodu F'konformità mal-Artikoli 1(2) u (4) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Indiċi Internazzjonali ta' Brussell għandu jqis il-bidliet fil-prezzijiet tal-konsumatur bejn Ġunju tas-sena ta' qabel u Ġunju tas-sena preżenti, u l-Eurostat għandu jikkalkula l-indikaturi speċifiċi li jirriflettu l-bidliet fir-remunerazzjoni reali tal-impjegati pubbliċi fil-gvern ċentrali, għall-pajjiżi fil-kampjun bejn l-1 ta' Lulju tas-sena ta' qabel u l-1 ta' Lulju tas-sena preżenti. Taħt l-Artikolu 3(1) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jieħu deċiżjoni qabel it-tmiem ta' kull sena u jaġġusta r-remunerazzjoni u l-pensjonijiet, b'effett mill-1 ta' Lulju. Għaldaqstant, l-aġġustament annwali japplika b'dewmien massimu ta' sena. Hemm dewmien addizzjonali ta' mhux aktar minn sitt xhur sakemm jiġi adottat ir-regolament tal-aġġustament tas-salarju, li jrid isir qabel il-31 ta' Diċembru, u li japplika retrospettivament. Il-leġiżlatur qies li l-metodu jista' jiffunzjona b'dan id-dewmien, u l-uffiċjali u l-impjegati l-oħra tal-UE jkunu jistgħu jġorru l-impatt tal-inflazzjoni tas-sena. Huwa għalhekk li l-Artikolu 65 jistabbilixxi limitu taż-żmien annwali wieħed biss għall-aġġustament tar-remunerazzjoni. Madankollu, hemm il-possibilità li jsir aġġustament intermedju tar-remunerazzjoni, stipulat fl-Artikoli 4-8 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, jekk ikun hemm bidla sostanzjali fl-għoli tal-ħajja bejn Ġunju u Diċembru. IL-KLAWSOLA TAL-EċċEZZJONI Madankollu, il-leġiżlatur adotta klawsola ta' eċċezzjoni. Din il-klawsola tistabbilixxi numru ta' kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati qabel ma tittieħed azzjoni: - id-deterjorament irid ikun kemm serju u kif ukoll f'daqqa, irid ikun jaffettwa s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fil-livell tal-Unjoni, u jrid jiġi vvalutat fid-dawl ta' dejta oġġettiva pprovduta mill-Kummissjoni; - id-deterjorament irid ikun tali li l-metodu ma jkunx jista' jqisu b'mod xieraq minħabba n-natura eċċezzjonali tiegħu f'termini ta' żmien u ta' daqs. Il-klawsola ta' eċċezzjoni tistipula li, jekk ikun hemm raġunijiet oġġettivi sabiex huwa jiskatta, il-Kummissjoni hija marbuta li tippreżenta proposta xierqa li fuqha jiddeċiedu l-Parlament Ewropew u l-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 336 tat-TFUE. Il-kundizzjonijiet sabiex tiskatta l-klawsola tal-eċċezzjoni It-test tal-klawsola tal-eċċezzjoni għandu jiġi eżaminat bir-reqqa ladarba, sabiex tiskatta l-klawsola, il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal iridu jiġu ssodisfati. 'Deterjorament' huwa terminu użat sabiex jiddeskrivi tiħżin fis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali. Jekk ikunx seħħ deterjorament 'serju' tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali għandu jiġi ddeterminat b'referenza kemm għad-dimensjoni kif ukoll għad-dewmien tal-impatti ekonomiċi u soċjali identifikati. Jekk ikunx seħħ deterjorament 'f'daqqa' tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali għandu jitqies fid-dawl tal-veloċità u l-prevedibbiltà tal-impatti ekonomiċi u soċjali. F'dan il-kuntest, huwa partikolarment importanti li ssir distinzjoni bejn iċ-ċaqliq normali taċ-ċiklu ekonomiku u dak ikkawżat minn żviluppi esterni. Jekk jiġux issodisfati dawn il-kundizzjonijiet għandu jiġi vvalutat bl-użu ta' numru ta' indikaturi oġġettivi, li jkopru kemm il-qasam ekonomiku kif ukoll dak soċjali. Dawn l-indikaturi għandhom ikunu konformi mas-sett segwenti ta' prinċipji relevanti u ġeneralment aċċettati[1]. - Indikatur għandu jirrifletti l-essenza tal-problema u jkollu interpretazzjoni normattiva ċara u aċċettata. - Indikatur għandu jkun robust u statistikament ivvalidat. - Indikatur għandu jkun f'waqtu u suxxettibbli għal reviżjoni - L-enfasi tal-indikaturi għandu jkun fuq l-UE kollha kemm hi u mhux fuq Stati Membri individwali. - L-indikaturi għandhom ikunu reċiprokament konsistenti. - Is-sett ta' indikaturi għandu jkun kemm jista' jkun trasparenti u aċċessibbli għaċ-ċittadini tal-UE. - Għandhom jintużaw settijiet eżistenti ta' indikaturi fejn possibbli. F'konformità ma' dawn il-prinċipji, il-15-il-indikatur li ġejjin huma xierqa: - L-attività ekonomika: it-tkabbir fil-PDG, id-domanda domestika, l-inventarji, l-esportazzjonijiet netti, il-konsum privat, il-konsum pubbliku, l-investiment totali, u l-inflazzjoni (HICP) fi ħdan l-Unjoni; - Il-finanzi pubbliċi: il-bilanċ tal-gvern ġenerali u d-dejn pubbliku fi ħdan l-Unjoni; - Is-suq tax-xogħol: l-impjieg totali, ir-rata tal-qgħad u l-kumpens lill-impjegati fi ħdan l-Unjoni; - L-indikaturi tas-sentiment: l-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku u l-aspettattivi tal-impjieg fi ħdan l-Unjoni. Sabiex jiġi vvalutat jekk il-kriterji stabbiliti fil-klawsola tal-eċċezzjoni humiex issodisfati fil-preżent, l-analiżi tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali trid issir għall-perjodu minn Lulju 2010 sa nofs Mejju 2011 (suġġett għad-disponibbiltà tad-dejta jew il-previżjonijiet relevanti), billi l-aġġustament annwali tal-2010 diġà kopra l-perjodu sal-1 ta' Lulju 2010. Dan huwa konformi mad-definizzjoni ta' deterjorament 'f'daqqa', imsemmi fl-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, huwa ppreżentat perjodu itwal sabiex tingħata stampa globali fejn huwa xieraq. Iż-żamma tal-prinċipju tal-parallelliżmu Il-metodu jkejjel bir-reqqa, permezz tal-prinċipju tal-parallelliżmu, is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali relevanti fi ħdan l-Unjoni, kif riflessa fid-deċiżjonijiet tal-Istati Membri dwar is-salarji tal-impjegati pubbliċi nazzjonali. Il-leġiżlatur għażel bir-reqqa l-kriterji li għandhom jitqiesu għall-aġġustament tar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet; dawn il-kriterji jistgħu jiġu applikati kemm matul perjodi pożittivi kif ukoll matul perjodi negattivi għall-ekonomija. Il-metodu għall-aġġustament tar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet ilu fis-seħħ għal kważi erbgħin sena. Matul dan il-perjodu twil ta' żmien, l-ekonomija tal-UE esperjenzat perjodi ta' tkabbir mgħaġġel kif ukoll perjodi ta' tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Il-prinċipju tal-parallelliżmu mal-uffiċjali nazzjonali f'termini ta' tibdil fil-kapaċità tal-akkwist, li ilu mnaqqax fir-Regolamenti tal-Persunal sa mill-1962, għandu jinżamm ukoll fi żmien ta' tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fl-Unjoni Ewropea. Dan huwa għal kollox konsistenti mal-Artikolu 65, li jiddikjara li għandhom jitqiesu b'mod partikolari ż-żidiet fis-salajri fis-servizz pubbliku fil-valutazzjoni annwali. Madankollu, jekk ikun hemm deterjorament f'daqqa u serju li l-metodu ma jkunx jista' jirriflettih b'mod xieraq, minħabba n-natura eċċezzjonali tiegħu f'termini jew ta' żmien jew ta' dimensjoni, għandha tintuża l-klawsola tal-eċċezzjoni. Interpretazzjoni differenti twassal għal riżultati mhux koerenti: minkejja l-abilità tal-metodu sabiex jirrifletti b'mod xieraq l-iżviluppi ekonomiċi u soċjali fi ħdan l-UE permezz tal-effett tagħhom fuq is-salarji tal-impjegati pubbliċi nazzjonali, il-leġiżlatur ikollu jadotta miżuri eċċezzjonali fir-rigward tal-aġġustament annwali tar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-ħaddiema tal-UE. Din l-interpretazzjoni ma tkunx konsistenti mal-politika ekonomika u soċjali tal-Unjoni Ewropea, kif jirreferi għaliha l-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal. L-istess japplika għad-dewmien fiż-żmien inerenti fil-metodu. Il-perjodu ta' referenza, min-natura stess tiegħu, jinvolvi dewmien ta' mhux aktar minn sena fl-aġġustamenti għas-salarji (għalkemm fil-prattika huwa probabbli li d-dewmien ikun iżgħar). Filwaqt li l-leġiżlatur ikkunsidra li l-metodu għandu jiffunzjona b'dan id-dewmien, huwa evidenti li l-klawsola tal-eċċezzjoni tagħmilha possibbli li dan jitnaqqas, jekk l-Istati Membri jieħdu miżuri estremi sabiex jaġġustaw is-salarji tal-uffiċjali nazzjonali, li għandhom jiġu applikati għall-ħaddiema tal-UE mingħajr ma jistennew l-eżerċizzju annwali tal-aġġustament li jkun imiss. Għaldaqstant, il-proposti xierqa, fejn meħtieġ, għandhom ikunu tali li jirriflettu l-iżviluppi eċċezzjonali li ma ġewx riflessi korrettament mill-metodu. Dawn il-proposti ma għandhomx imorru lil hinn ir-regoli tal-implimentazzjoni stabbiliti fl-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal: ma hemm l-ebda raġuni oġġettiva sabiex jiġu applikati kriterji oħra għajr il-bidla fil-kapaċità tal-akkwist fis-servizzi ċivili tal-Istati Membri, għaliex dak jimmina l-effetti tal-metodu u jimponi miżuri addizzjonali fuq il-persunal tal-UE li ma kinux ġew applikati għall-persunal fl-Istati Membri. Fl-aħħar nett, il-klawsola tal-eċċezzjoni mhix klawsola dwar iċ-ċiklu ekonomiku. Kif spjegat aktar 'il fuq, il-leġiżlatur għażel bir-reqqa l-kriterji ekonomiċi u soċjali li għandhom jitqiesu għall-aġġustamenti tas-salarji u l-pensjonijiet; dawn il-kriterji jistgħu jiġu applikati kemm fi żmien ta' tkabbir ekonomiku kif ukoll fi żmien ta' tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Il-metodu jista' jiġi applikat ugwalment kemm meta s-salarji fl-Istati Membri jiżdiedu kif ukoll meta jonqsu, u ż-żieda jew it-tnaqqis fil-kapaċità tal-akkwist tal-impjegati pubbliċi nazzjonali se jiġu riflessi direttament fis-salarji u fil-pensjonijiet tal-impjegati tal-UE. Għaldaqstant, il-klawsola tal-eċċezzjoni għandha tintuża meta jkun hemm żviluppi estremi fl-UE u biss jekk il-metodu ma jkunx jista' jkejjilhom. Hija ma għandhiex tintuża kull meta l-UE tkun f'fażi negattiva taċ-ċiklu ekonomiku. IS-SITWAZZJONI EKONOMIKA U SOċJALI FL-UE Bħall-biċċa l-kbira tal-episodji ta' kriżi kkawżati minn stress finanzjarju, il-kriżi riċenti kienet preċeduta minn perjodu relattivament twil ta' tkabbir rapidu fil-kreditu, primjums tar-riskju baxxi, żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-assi u fuq kollox l-iżvilupp ta' bżieżaq spekulattivi fis-settur tal-proprjetà immobbli. In-nuqqas ta' xi banek li jivvalutaw il-fondi ta' investiment tagħhom diġà fl-2007 kkonferma s-suspett li kienet se sseħħ kriżi finanzjarja, dovuta għall-fatt li l-banek kienu esposti ħafna għas-self ipotekarju Amerikan ta' kwalità baxxa, ftit xhur qabel ma l-kriżi fil-fatt faqqgħet fl-2008. L-awtoritajiet pubbliċi baqgħu jipperċepixxu l-kriżi li kienet qiegħda tiżviluppa bħala problema ta' likwidità u qiesu li kollass sistemiku ma kienx probabbli, sakemm l-iżviluppi ta' Settembru 2008 wassluhom sabiex jirreaġixxu b'mod vigoruż sabiex jerġgħu jistabbilixxu l-kalma fis-swieq finanzjarji. Sadittant, reazzjonijiet xierqa ta' politika makroekonomika għenu sabiex it-tul tal-kriżi jiġi limitat u stabbilixxew il-kundizzjonijiet għall-irkupru ekonomiku[2]. Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-perjodu ta' referenza magħżul (l-1 ta' Lulju 2010 sa nofs Mejju 2011) hux l-aktar wieħed xieraq sabiex jiġi vvalutat jekk il-klawsola tal-eċċezzjoni għandhiex tiġi applikata, għandhom jiġu eżaminati fil-qosor l-iżviluppi qabel dan il-perjodu. Il-perjodu preċedenti Aġġustamenti annwali fl-2009 u fl-2010 Matul il-perjodu bejn Lulju 2008-Lulju 2009, l-indikatur globali speċifiku wera żieda ta' 2,7 % fil-kapaċità tal-akkwist tal-impjegati pubbliċi nazzjonali fil-gvern ċentrali (ara t-Tabella 1). Din iż-żieda u l-Indiċi Internazzjonali ta' Brussell (BII) (0,9 %) ammontaw għal valur ta' aġġustament ta' 3,7 % għal Lulju 2009-Lulju 2010, minħabba d-distakk taż-żmien inerenti fil-metodu (ara t-Tabella 2). Permezz tal-parallelliżmu, iż-żieda fil-kapaċità tal-akkwist tal-uffiċjali Ewropej matul il-perjodu Lulju 2009-Lulju 2010 hija ugwali għal dik tal-uffiċjali nazzjonali matul il-perjodu preċedenti ta' sena (2,7 %). [pic] Matul il-perjodu Lulju 2009-Lulju 2010, sitta mit-tmien Stati Membri użati fil-kampjun adottaw żidiet fis-salarji nominali (ara t-Tabella 3). Bħala medja, dawn ammontaw prattikament għal iffriżar tas-salarji nominali (-0,6 % inkluża l-korrezzjoni Franċiża; -0,3 % fir-realtà[3]). L-aktar minħabba l-inflazzjoni (1,7 %), dan irriżulta fi tnaqqis fil-kapaċità tal-akkwist tal-uffiċjali nazzjonali (-2,2 %). Permezz tal-parallelliżmu, dan ġie awtomatikament rifless fir-reviżjoni tal-2010 fejn ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali Ewropej ġiet ukoll iffriżata[4] (ara t-Tabella 4). [pic] L-Istati Membri li jikkostitwixxu l-kampjun adottaw aġġustamenti fis-salarji matul il-perjodu 2007-2010 li ma jistgħux raġonevolment jitqiesu bħala li huma probabbli li jikkawżaw riżultati eċċessivi minħabba d-distakk fiż-żmien mibni fil-metodu: dawn l-aġġustamenti wasslu għal tnaqqis ta' mhux aktar minn 2,2 % fil-kapaċità tal-akkwist matul il-perjodu Lulju 2009-Lulju 2010. Fl-istess waqt, Stati Membri oħra, b'mod partikolari dawk ġodda, għamlu tnaqqis fis-salarji (ara t-Tabella 5). Globalment, l-indikatur speċifiku għas-27 Stat Membru kien jammonta għal -2,0 % li kienu jirriżultaw f'valur tal-aġġustament saħansitra ogħla għas-salarji tal-UE. Skont l-estimi tal-Eurostat ta' Marzu 2011, tnaqqis ulterjuri ta' 1,3 % huwa proġettat għall-perjodu Lulju 2010-Lulju 2011. Kieku tnaqqis fis-salarji ġie implimentat minn bosta Stati Membri, li jirrappreżentaw proporzjon sinifikanti tal-PDG tal-UE u għalhekk, min-natura stess tal-affarijiet, ġie rifless fl-indikatur speċifiku globali, il-Kummissjoni kienet tippreżenta proposta xierqa sabiex tantiċipa t-tnaqqis fil-kapaċità tal-akkwist għall-uffiċjali tal-UE. [pic] Madankollu, l-effett ta' distakk fiż-żmien li seħħ f'dan il-perjodu ma tqiesx bħala wieħed eċċessiv. Id-dimensjoni tal-effett ta' distakk fiż-żmien jista' jiġi vvalutat billi tiġi ddeterminata d-differenza bejn il-kapaċità tal-akkwist tal-uffiċjali nazzjonali u dik tal-uffiċjali tal-UE, f'sena partikolari. Din id-differenza kienet ugwali għal -4,0 % matul il-perjodu Lulju 2008-Lulju 2009: jiġifieri l-bidla fil-kapaċità tal-akkwist tal-uffiċjali nazzjonali kienet 4,0 punti akbar minn dik tal-uffiċjali tal-UE. Il-kapaċità tal-akkwist tal-uffiċjali nazzjonali fil-fatt żdiedet b'2,7 % matul il-perjodu, filwaqt li l-kapaċità tal-akkwist tal-uffiċjali tal-UE naqset b'1,3 %. Matul il-perjodu Lulju 2009-Lulju 2010, ġara prattikament l-oppost, b'differenza li ammontat għal 4,9 %, billi l-uffiċjali tal-UE bbenefikaw, permezz tal-parallelliżmu, miż-żieda fil-kapaċità tal-akkwist li ngħatat lill-uffiċjali nazzjonali matul il-perjodu preċedenti (ara t-Tabella 6). [pic] L-applikazzjoni tal-metodu fl-2009 wasslet għal aġġustament annwali ta' 3,7 % għall-uffiċjali tal-UE, li l-Kunsill ma qiesx bħala xierqa f'dak iż-żmien. Madankollu, din iż-żieda rriżultat mill-prinċipju tal-parallelliżmu (billi s-salarji fis-servizzi ċivili nazzjonali kienu żdiedu), u l-effett ta' distakk fiż-żmien, għalkemm kien notevoli, xorta waħda kien raġonevoli u ma kienx hemm probabbiltà li dan ifixkel il-funzjonament tajjeb tal-metodu. Għaldaqstant, ma kien hemm l-ebda ħtieġa li tiġi applikata l-klawsola tal-eċċezzjoni fl-2009. Tbegħid mill-prinċipju tal-parallelliżmu Sabiex jiġi applikat il-prinċipju tal-parallelliżmu stabbilit fil-metodu għall-aġġustament tar-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-UE, il-bidla fis-salarji tal-uffiċjali nazzjonali hija ssorveljata, u l-bidla medja fil-kapaċità tal-akkwist tagħhom hija applikata sabiex jiġu ddeterminati l-iżviluppi fil-kapaċità tal-akkwist tas-salarji tal-uffiċjali tal-UE. Madankollu, l-aġġustament annwali kkalkulat b'referenza għal perjodu partikolari ta' 12-il xahar jitqies sabiex jiġu aġġustati s-salarji fis-servizz ċivili tal-UE matul is-sena ta' wara. Għaldaqstant, il-kapaċità tal-akkwist tal-uffiċjali tal-UE ssegwi l-kapaċità tal-akkwist medja tal-uffiċjali nazzjonali fi ħdan l-Istati Membri li jikkostitwixxu l-kampjun rappreżentattiv, b'distakk ta' żmien sistematiku inerenti fil-metodu (ara l-Figura 1, it-Tabella 7 u t-Tabella 8). [pic] [pic] [pic] Madankollu, kif diġà indikat mill-Kummissjoni fl-2008[5], il-prinċipju tal-parallelliżmu huwa parzjalment invalidat, potenzjalment a skapitu tal-uffiċjali tal-UE, għal żewġ raġunijiet. Minkejja li s-salarji tagħhom huma affettwati mit-tibdil fil-kontribuzzjonijiet soċjali nazzjonali permezz tal-indikatur speċifiku, il-kontribuzzjonijiet soċjali mħallsa mill-uffiċjali tal-UE huma aġġustati perjodikamenti fuq bażi indipendenti. L-imposta speċjali, li hija tnaqqis addizzjonali mir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-UE, tintroduċi element ieħor ta' għadd doppju. Sabiex isir tqabbil xieraq bejn il-kapaċità tal-akkwist tal-uffiċjali nazzjonali u tal-UE, dawn l-elementi għandhom jitqiesu (ara l-Figura 2, it-Tabella 9 u t-Tabella 10). [pic] [pic] [pic] B'konsegwenza ta' dan, il-kapaċità tal-akkwist kumulattiva[6] tal-uffiċjali nazzjonali waqgħet b'1,8 % bejn l-2004 u l-2010, filwaqt li dik tal-uffiċjali tal-UE waqgħet b'4,3 % matul l-istess perjodu. Il-prinċipju tal-parallelliżmu għandu jinżamm tul iċ-ċikli ekonomiċi. Dan joriġina mill-premessa li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri xierqa fir-rigward tal-uffiċjali pubbliċi nazzjonali tagħhom, li jkollu impatt dirett fuq is-salarji tal-uffiċjali tal-UE. Minkejja dan il-prinċipju, ir-remunerazzujoni tal-uffiċjali tal-UE tbiegħdet b'mod sinifikanti mir-remunerazzjoni tal-uffiċjali nazzjonali mill-2004 'il quddiem, a skapitu tas-servizz ċivili tal-UE. Valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tal-UE matul il-perjodu ta' referenza L-irkupru ekonomiku fl-UE qiegħed iseħħ Ir-reċessjoni ntemmet fil-ħarifa tal-2009 u ħejjiet it-triq għal irkupru msaħħaħ minn aċċellerazzjoni ekonomika qawwija fit-tieni tremestru tal-2010, fejn l-attività ekonomika espandiet b'1 % (fuq il-bażi ta' tremestru fuq it-tremestru ta' qablu fiż-żona tal-euro), l-aktar minħabba rkupru fl-industrija mmexxi mill-esportazzjoni. Billi l-pass tat-tkabbir naqas fit-tielet u r-raba' tremestru (0,3 %), l-irkupru fl-UE mexa b'pass inqas mgħaġġel fit-tieni nofs tal-2010, hekk kif l-ekonomija dinjija għaddiet minn perjodu ta' tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u l-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp fl-Ewropa laqtu t-tkabbir fl-investiment fir-raba' trimestru tal-2010. Globalment, għall-2010 kollha kemm hi, il-PDG żdied b'1,8 % kemm fiż-żona tal-euro kif ukoll fl-UE. Il-previżjoni tar-rebbiegħa tad-DĠ ECFIN tikkonferma li l-irkupru tal-ekonomija tal-UE qiegħed ikompli[7]. It-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa huwa mistenni li jkompli b'xejra ta' madwar 1,7 % (għaż-żona tal-euro) u 1,8 % (għall-UE) kemm fl-2011 kif ukoll fl-2012 (ara l-Figura 3). [pic]Wara li laħaq l-aktar valur baxx tiegħu sa mill-1990 f'Marzu 2009 (66,9), l-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku[8] qabeż il-valur medju tiegħu tal-1990-2010 f'April 2010 (li bilfors irid ikun 100). Sa minn dak iż-żmien, huwa żdied b'mod kostanti sa 107,4 f'Marzu 2011, iżda naqas xi ftit f'April u Mejju 2011 (ara l-Figura 4). Din iż-żieda sinifikanti osservata sa minn Marzu 2009 hija dovuta l-aktar għas-sentiment fl-industrija[9]. [pic]L-irkupru ekonomiku li jinsab għaddej ġie xprunat mill-esportazzjoni, li żdiedet b'4,4 % (trimestru fuq ieħor) fit-tieni trimestru tal-2010 qabel ma naqset għal 2,2 % u 1,8 % fit-tielet u r-raba' trimestri rispettivament. Il-kontributuri ewlenin għat-tkabbir fil-PDG fit-tieni nofs tal-2010 kienu l-esportazzjonijiet netti, filwaqt li l-iżviluppi fl-investiment naqsu li jieħdu post l-esportazzjoni bħala l-mutur ewlieni tat-tkabbir. L-inventarji kkontribwixxew negattivament għat-tkabbir tal-PDG fl-ewwel nofs tal-2010, filwaqt li matul l-aħħar trimestru tal-2010, il-konsum privat wera xi sinjali inkoraġġanti (ara l-Figura 5). Il-finanzi pubbliċi fl-UE ddeterjoraw ħafna fis-snin riċenti. Id-defiċit aggregat fil-baġit tal-gvern ġenerali kiber minn anqas minn 1 % tal-PDG fl-2007 għal kważi 7 % tal-PDG fl-2009. Dan wassal għal żieda qawwija fil-proporzjon tad-dejn mal-PDG għall-UE. Madankollu, id-deterjorament fil-pożizzjonijiet fiskali mhux dovut biss għal fatturi ċikliċi iżda jmur lura għal ħafna qabel it-tnaqqis qawwi fl-attività ekonomika fl-2008-09. Fl-2010, ir-riżultat tal-baġit mhux se jiddeterjora ulterjorment u jista' wkoll jitjieb ftit b'riżultat ta' tkabbir ekonomiku aħjar milli mistenni u hekk kif l-istimolu fiskali sabiex jiġi appoġġjat it-tkabbir gradwalment jintemm. [pic] Il-finanzi pubbliċi jibdew jaġġustaw ruħhom Ir-rispons tal-UE għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku kien rapidu u deċiżiv. Minbarra l-intervent sabiex jiġi stabbilizzat, imsewwi u rriformat is-settur bankarju, il-Pjan Ewropew tal-Irkupru Ekonomiku (EERP) tnieda f'Diċembru 2008. L-għan tal-EERP kien li terġa' tiġi stabbilita l-kunfidenza u li tissaħħaħ id-domanda permezz ta' injezzjoni kkoordinata ta' kapaċità tal-akkwist fl-ekonomija flimkien ma' investimenti strateġiċi u miżuri sabiex jissaħħu l-impriżi u s-swieq tax-xogħol. Dawn l-interventi għaljin kellhom impatt sinifikanti fuq il-finanzi pubbliċi: il-proporzjon tad-dejn mal-PDG tal-akbar erba' ekonomiji Ewropej jaqbeż il-75 %, li huwa ħafna ogħla mil-limitu massimu stipulat fil-Patt tal-Istabbilità u t-Tkabbir. Globalment, id-dejn pubbliku laħaq it-80,2 % tal-PDG fi ħdan l-UE u huwa mistenni li jibqa' fuq xejra ta' tkabbir matul il-perjodu tal-previżjoni (2011-2012), u jilħaq it-83,3 % tal-PDG fl-2012 (ara l-Figura 6). [pic] F'dan il-kuntest, il-gvernijiet diġà bdew imexxu l-finanzi pubbliċi lejn aġġustamenti fiskali u riformi strutturali: aktar minn nofs l-Istati Membri mistennija li jirreġistraw defiċit tal-gvern ġenerali fl-2010 anqas minn dak tal-2009; id-defiċit tal-gvern ġenerali fi ħdan l-UE huwa projettat li jiżdied minn 6,4 % tal-PDG fl-2010 sa 4,7 % fl-2011 u 3,8 % fl-2012. Livelli persistentement għolja ta' dejn jistgħu tassew jimminaw l-irkupru ekonomiku, l-aktar permezz ta' tliet modi: aktar tfaddil mill-unitajiet domestiċi, il-finanzjament tad-defiċit permezz ta' taxxi li jikkawżaw distorsjonijiet u żidiet fil-primjums tar-riskju tal-gvernijiet. Minbarra dan, l-effett tal-kredibilità jista' jegħleb l-impatt negattiv tal-konsolidament, li jinvolvi effett kontradittorju. Il-preokkupazzjoni prinċipali hija li jiġi evitat li jerġa' jkun hemm taqlib fis-swieq tad-dejn sovran kif ġara fil-bidu tal-2010. Kollox ma' kollox, l-irkupru ekonomiku fl-UE jidher li qiegħed jaqbad sewwa, u qegħdin jitwettqu miżuri sabiex jiġu aġġustati l-finanzi pubbliċi, filwaqt li l-inflazzjoni għadha fil-biċċa l-kbira taħt kontroll[10]. L-inflazzjoni għadha baxxa Minkejja proporzjonijiet għolja ta' dejn, l-inflazzjoni għadha baxxa: l-inflazzjoni tal-HICP hija mistennija li tilħaq medja ta' 2,1 % fl-2010 fi ħdan l-UE u li titla' għal 3,0 % fl-2011 qabel ma' taqa' għal 2,0 % fl-2012 (ara l-Figura 7). [pic] F'dan il-kuntest, ma hu mistenni li jseħħ l-ebda spirall ta' inflazzjoni fil-futur qrib. Madankollu, biża' ta' interruzzjonijiet tal-provvista taż-żejt minħabba żviluppi fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq qiegħda tagħmel pressjoni fuq il-prezzijiet tal-prodotti bażiċi. Effetti sekondarji miż-żidiet fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi fuq l-inflazzjoni jseħħu jekk dawk li jistabbilixxu l-prezzijiet u dawk li jaqilgħu l-pagi ma jkunux lesti jassorbu l-piż sħiħ taż-żieda. Hekk kif dawk li jistabbilixxu l-prezzijiet jgħaddu parti mill-ispejjeż lejn l-ispejjeż tal-produzzjoni u hekk kif dawk li jaqilgħu l-pagi jitolbu pagi ogħla (sabiex jiġu kkumpensati għal kont tal-enerġija aktar għoli), jista' jibda spirall tal-pagi u l-prezzijiet. B'dan il-mod, l-impatt inizjali fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi jiġi pperpetwat. Minbarra dan, dan il-mekkaniżmu jwassal għal żieda simultanja fl-aspettattivi tal-inflazzjoni, u dan jinfluwenza kemm l-istrateġija tal-kumpaniji dwar l-istabbiliment tal-prezzijiet u n-negozjati dwar il-pagi. Madankollu, fil-punt preżenti ma nosservaw l-ebda sinjali ta' effetti sekondarji fl-ekonomija Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew, li qiegħed jissorvelja s-sitwazzjoni, huwa lest sabiex jissikka l-politika monetarja fi sforz sabiex iżomm l-inflazzjoni qrib tal-mira. Fil-fatt, f'dan il-punt l-aspettattivi tal-inflazzjoni huma qrib tal-mira, u l-ftehimiet dwar il-pagi u l-istabbiliment tal-prezzijiet barra mis-swieq tal-ikel u l-enerġija mhumiex preokkupanti. Ma hemm l-ebda sinjali ta' talbiet esaġerati għal pagi fl-aktar negozjati riċenti dwar il-pagi fi ħdan l-UE. Il-probabbiltà li jitfaċċaw effetti sekondarji fix-xhur li ġejjin ma jidhirx li hi għolja ħafna. Is-sitwazzjoni li qiegħda tiffaċċja l-ekonomija tal-UE fil-futur qrib hija differenti ħafna minn dik li kien hemm fiż-żmien tax-xokkijiet taż-żejt fis-snin sebgħin, meta f'sena waħda biss ix-xokk oriġinali fil-prezzijiet tal-enerġija xtered fl-inflazzjoni bażika. Il-politika monetarja issa hija aktar kredibbli, dawk li jaqilgħu l-pagi qegħdin jiffaċċjaw aktar flessibilità fis-suq tax-xogħol, u dawk li jbigħu l-oġġetti u s-servizzi qegħdin jiffaċċjaw aktar kompetizzjoni. Il-potenzjal mhux użat li hemm fl-ekonomija Ewropea se jgħin ukoll sabiex iżomm l-inflazzjoni taħt kontroll. Is-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol bdiet tistabbilizza ruħha. It-tnaqqis fl-impjiegi waqaf fit-tieni trimestru tal-2010. Wara li laħqet id-9,6 %, li kien l-ogħla punt tagħha, ir-rata tal-qgħad fl-UE hija projettata li tonqos bi ftit fl-2011, għal 9,5 %, u fl-2012 b'ammont aktar sinifikanti, għal 9,1 % (ara l-Figura 8). [pic] Aktar partikolarment, is-suq tax-xogħol taż-żona tal-euro deher aktar sod milli mistenni matul ir-riċessjoni, meta mqabbel mal-esperjenza storika, partikolarment għaliex miżuri politiċi meħuda matul il-kriżi rnexxielhom iżommu ħaddiema ta' età ogħla u ħaddiema nisa jaħdmu. L-aspettattivi tal-impjiegi kellhom xejra pożittiva sa mill-bidu tal-2010, partikolarment fis-settur tal-manifattura iżda wkoll fis-servizzi, fejn waslet biex tinqabeż il-medja fit-tul (LTA) (ara l-Figura 9). [pic]Madankollu, wieħed jista' josserva differenzi konsiderevoli fir-reazzjonijiet għall-qgħad fil-pajjiżi differenti, minħabba s-sitwazzjonijiet u l-istrutturi differenti tas-swieq tax-xogħol nazzjonali. Xi pajjiżi ntlaqtu b'mod partikolarment qawwi, b'rati tal-qgħad li jaqbżu l-10 % f'disa' Stati Membri. Il-kumpens għas-settur pubbliku meta mqabbel mal-ekonomija totali Il-Kummissjoni tqis ukoll li jista' jkun utli li titqabbel is-sitwazzjoni tal-impjegati fis-settur pubbliku mal-ekonomija totali fl-UE. Għal dan il-għan, nistgħu nikkunsidraw il-kumpens għall-impjegati, li jkejjel l-ispejjeż totali tal-ħaddiema għall-ħaddiema kollha, definiti bħala pagi grossi inklużi l-overtime u l-bonusijiet, flimkien mal-benefiċċji riċevuti in natura u l-kontribuzzjonijiet soċjali ta' min iħaddem[11], kemm fis-settur pubbliku (is-settur tal-gvern ġenerali[12]) kif ukoll fl-ekonomija totali. Wieħed għandu jinnota li d-dejta dwar l-ekonomija totali tinkludi dik għas-settur pubbliku. Il-piż tas-settur pubbliku fl-ekonomija totali huwa ta' 22 %. Wieħed jista' ġeneralment josserva li l-kumpens fis-settur privat għandu korrelazzjoni għolja maċ-ċikli ekonomiċi: il-kumpens tal-impjegati fl-ekonomija totali żdied b'5,3 % fl-2007 u b'4,3 % fl-2008 iżda naqas b'0,2 % fl-2009 fil-qalba tat-taqlib finanzjarju, filwaqt li l-PDG waqa' b'4,2 % (ara l-Figura 11). Madankollu, minkejja li l-kumpens fis-settur pubbliku mhux bilfors isegwi ċ-ċikli ekonomiċi, iż-żieda annwali fil-kumpens tal-impjegati fis-settur pubbliku waqgħet minn 3,7 % għal 1,2 % fl-2010. Skont il-previżjonijiet tad-DĠ ECFIN, din ix-xejra hija mistennija li tkompli fl-2011 (0,6 %) u fl-2012 (1,3 %), filwaqt li l-kumpens fl-ekonomija totali huwa probabbli li jiżdied bi 2,4 % fl-2011 u bi 3,2 % fl-2012 (ara l-Figura 10). Minbarra dan, filwaqt li l-irkupru ekonomiku beda fl-2010, tibdiliet kumulattivi fil-kumpens fl-ekonomija totali mill-2004 'il quddiem diġà waslu biex jgħaddu t-tibdiliet kumulattivi fil-kumpens fis-settur pubbliku matul l-istess perjodu (ara l-Figura 11): mill-2004 sal-2010, il-kumpens fl-UE żdied f'termini nominali bi 28 % fis-settur pubbliku meta mqabbel ma' 25 % fis-settur privat, l-aktar minħabba t-tnaqqis fir-ritmu tal-attività ekonomika. Skont il-previżjonijiet tad-DĠ ECFIN, huwa probabbli li dan jiżdied għal 31 % sal-2012 (meta mqabbel mal-2004) fis-settur pubbliku meta mqabbel ma' 32 % fis-settur privat. Kollox ma' kollox, l-impatt tal-kriżi fis-settur pubbliku wasal aktar tard u kien inqas qawwi milli fis-settur privat. Madankollu, il-konsegwenzi tal-kriżi se jkomplu jinħassu għal żmien twil mill-impjegati pubbliċi, kemm fl-Istati Membri kif ukoll fl-istituzzjonijiet tal-UE, minħabba l-ħtieġa li jsir tnaqqis sinifikanti fl-infiq pubbliku fis-snin li ġejjin. [pic] [pic] [pic] KONKLUżJONI Il-klawsola tal-eċċezzjoni ma għandhiex tiġi applikata waqt kull tnaqqis fir-ritmu tal-attività ekonomika. Il-leġiżlatur għażel bir-reqqa l-kriterji ekonomiċi u soċjali li għandhom jitqiesu għall-aġġustamenti tas-salarji u tal-pensjonijiet; dawn il-kriterji jistgħu jiġu applikati kemm matul perjodi pożittivi kif ukoll matul perjodi negattivi għall-ekonomija. Il-metodu jista' jiġi applikat ugwalment kemm meta s-salarji fl-Istati Membri jiżdiedu kif ukoll meta jonqsu, u ż-żieda jew it-tnaqqis fil-kapaċità tal-akkwist tal-impjegati pubbliċi nazzjonali se jiġu riflessi direttament fis-salarji u l-pensjonijiet tal-impjegati tal-UE. Għaldaqstant, il-klawsola tal-eċċezzjoni għandha tintuża meta jkun hemm żviluppi estremi fl-UE u biss jekk il-metodu ma jkunx jista' jkejjilhom. Hija ma għandhiex tintuża kull meta l-UE tkun f'fażi negattiva taċ-ċiklu ekonomiku. Il-kunsiderazzjonjiet u l-analiżi ta' hawn fuq juru li ma kien hemm l-ebda deterjorament serju jew f'daqqa fis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni matul il-perjodu ta' referenza mill-1 ta' Lulju 2010 sa nofs Mejju 2011. Minbarra dan, ma ġie identifikat l-ebda żvilupp li ma ġiex rifless mill-metodu jew li ma setax jiġi rifless mill-metodu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li mhux xieraq li titressaq proposta taħt l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, fid-29 ta' Ġunju 2011, il-Kummissjoni ħadet nota ta' abbozz ta' proposta għal metodu ġdid, inklużi emendi possibbli għall-mekkaniżmu tal-klawsola tal-eċċezzjoni, sabiex l-applikazzjoni tagħha ssir awtomatika f'kundizzjonijiet speċifiċi fil-futur. [1] Il-biċċa l-kbira minnhom huma prinċipji miftiehma għall-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni (OMC) dwar l-inklużjoni u l-protezzjoni soċjali. L-OMC hija użata mill-Istati Membri sabiex tappoġġja d-definizzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki soċjali tagħhom u biex tiżviluppa l-koperazzjoni reċiproka tagħhom. Il-metodu, li huwa għodda ta' governanza bbażata fuq objettivi u indikaturi komuni, jissupplimenta l-istrumenti leġiżlattivi u finanzjarji tal-politika soċjali. Huwa parti mill-implimentazzjoni tal-proċess ta' koordinazzjoni tal-politiki soċjali, partikolarment fil-kuntest tal-Istrateġija ta' Lisbona (u issa l-Ewropa 2020). [2] Sors: Il-kriżi ekonomika fl-Ewropa: Kawżi, konsegwenzi u reazzjonijiet , Lulju 2009, DĠ ECFIN. [3] L-impatt ta' żball fiċ-ċifri ta' Franza fir-rigward tal-aġġustament tal-2009 tqies fl-aġġustament tal-2010, billi l-korrezzjoni tal-aġġustament tal-2009 ma kenitx possibbli minħabba l-ħtieġa li tiġi rrispettata s-sentenza fil-Kawża C-40/10. [4] Żieda żgħira fis-salarji bażiċi ta' 0,1 %, li, meta titqies iż-żieda fir-rata tal-kontribuzzjoni għall-pensjoni u l-imposta speċjali, irriżultat fi tnaqqis fis-salarji netti. [5] Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, COM(2008) 443 finali, 10.7.2008. [6] Dan jinħadem billi t-tibdil ta' sena fuq oħra fil-kapaċità tal-akkwist jiżdied bir-rata komposta mill-2004 sal-2010. [7] Fit-taqsimiet li ġejjin, iċ-ċifri tal-2011 u tal-2012 jiġu mill-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2011 tad-DĠ ECFIN. [8] L-istħarriġ tal-impriżi u l-konsumaturi jipprovdi opinjonijiet u aspettattivi ta' kull xahar dwar diversi aspetti tal-attività ekonomika fis-setturi differenti tal-ekonomija: l-industrija, is-servizzi, il-kostruzzjoni u l-kummerċ bl-imnut, kif ukoll il-konsumaturi. Għal kull wieħed mill-ħames setturi mistħarrġa, huma prodotti 'indikaturi tal-kunfidenza' li jirriflettu l-perċezzjonijiet u l-aspettattivi globali fil-livell tas-settur individwali f'indiċi b'dimensjoni waħda. Sabiex ikun jista' jsegwi l-attività ekonomika b'mod globali, l-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku (ESI) aktar wiesa' ilu jiġi kkalkulat mill-1985, bħala somma bil-piż differenzjat ta' dawn il-ħames indikaturi. [9] Sors : Riżultati tal-istħarriġ tal-impriżi u l-konsumaturi , Mejju 2011, DĠ ECFIN. [10] Sors : Previżjoni Ekonomika Ewropea – ir-rebbiegħa tal-2011 , DĠ ECFIN. [11] Bħala konsegwenza, huwa jirrifletti l-bidliet fir-rata tal-qgħad u l-bidliet fil-politika tal-welfare flimkien mal-livell tal-pagi. [12] Is-settur pubbliku jfisser il-gvern ġenerali f'din it-taqsima kollha. Is-settur tal-gvern ġenerali jinkludi l-unitatjiet istituzzjonali kollha li huma produtturi oħra mhux tas-suq li l-produzzjoni tagħhom hija intenzjonata għall-konsum individwali u kollettiv, u li huma ffinanzjati l-aktar permezz ta' pagamenti obbligatorji magħmula minn unitajiet li jappartjenu għal setturi oħra, u/jew l-unitajiet istituzzjonali kollha involuti fir-ridistribuzzjoni tad-dħul u l-ġid nazzjonali. L-unitajiet isituzzjonali jinkludu entitajiet tal-gvern ġenerali u xi istituzzjonijiet mhux għall-profitt u fondi tal-pensjonijiet awtonomi. Is-settur tal-gvern ġenerali huwa maqsum f'erba' sub-setturi: il-gvern ċentrali, il-gvern tal-istati, il-gvern lokali u l-fondi tas-sigurtà soċjali.