KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar id-Dimensjoni Esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd /* KUMM/2011/0424 finali */
WERREJ 1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 5 2........... Il-kontribut lejn sostenibbiltà
fit-tul mad-dinja kollha........................................................ 5 2.1........ Trasformazzjoni tad-djalogi
tagħna f’sħubijiet ta' ħidma.................................................... 5 2.2........ Żamma u tisħiħ
tal-arkitettura globali għall-governanza tas-sajd........................................ 7 2.3........ Kontribut lejn tħaddim aktar
effettiv tal-RFMOs.............................................................. 8 3........... Lejn Ftehimiet dwar is-Sajd
Sostenibbli......................................................................... 10 3.1........ Ftehimiet ta' Sħubija dwar
is-Sajd attwali u n-nuqqasijiet tagħhom.................................. 10 3.2........ Promozzjoni aħjar
tar-riżorsi ta' konservazzjoni u tas-sostenibbiltà fit-tul......................... 11 3.3........ Rinfurzar tal-governanza ta’
ftehimiet bilaterali tas-sajd................................................... 12 3.4........ Aktar appoġġ effettiv
għas-sajd sostenibbli fil-pajjiżi msieħba......................................... 13 4........... Koerenza ma’ politiki oħrajn
tal-UE.............................................................................. 14 ANNESS I................................................................................................................................. 16 ANNESS II............................................................................................................................... 17 SOMMARJU EŻEKUTTIV Skont l-aktar valutazzjoni riċenti
magħmula mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti
għall-Alimentazzjoni u l-Agrikoltura[1] kważi
85 % tal-istokkijiet tal-ħut fid-dinja li għalihom hemm
informazzjoni disponibbli huma rrapurtati bħala sfruttati għalkollox
jew sfruttati żżejjed. L-UE trid taħdem bis-sħiħ biex
treġġa’ lura din is-sitwazzjoni permezz ta’ inizjattivi malajr u ta'
kuraġġ. L-UE hija waħda mill-ftit partijiet ewlenin
bi preżenza qawwija fl-oċeani tad-dinja kollha permezz tal-flotot u
l-investimenti tagħha, tal-ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi terzi u
l-parteċipazzjoni f’Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni
tas-Sajd (RFMOs) ta' rilevanza kbira. L-UE hija wkoll suq ewlieni
għall-prodotti tas-sajd f’termini ta’ konsum u importazzjonijiet. L-UE tikkonsma 11 %
tar-riżorsi tas-sajd fid-dinja f’termini ta’ volum u timporta 24 %
tal-prodotti tas-sajd f’termini ta' valur. Dan ipoġġi responsabbiltà
kbira fuq l-UE sabiex timpenja ruħha aktar fil-ħidmiet ta’ konservazzjoni
u ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet internazzjonali tal-ħut. Il-kontribut lejn sostenibbiltà fit-tul
mad-dinja kollha Biex tiżgura l-ġestjoni sostenibbli u
l-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u ttejjeb il-prestazzjoni tal-RFMOs,
l-UE għandha tfittex li: ·
Tmexxi ’l quddiem l-aġenda globali u
multilaterali li tippromwovi s-sajd sostenibbli mad-dinja kollha filwaqt li
twassal id-djalogi tagħha għal sħubijiet ta’ ħidma biex
tindirizza kwistjonijiet kruċjali bħall-qerda tas-sajd illegali, mhux
irrappurtat u mhux irregolat (IUU) jew it-tnaqqis tal-kapaċità żejda. ·
Tkun fuq quddiem fil-proċess
tat-tisħiħ tal-prestazzjoni tal-RFMOs biex ikunu f'pożizzjoni
aħjar biex jikkonservaw u jimmaniġġjaw ir-riżorsi
ħajjin tal-baħar taħt il-mira tagħhom permezz ta': –
L-għoti ta’ dejta aktar affidabbli u x-xjenza
biex isostnu t-teħid ta’ deċiżjonijiet; –
Żieda fil-konformità u fil-kontroll; –
Tnaqqis tal-kapaċità għal livelli
proporzjonati mar-riżorsi; –
Tħaddim aktar effettiv tal-RFMOs permezz ta’
teħid ta’ deċiżjonijiet aħjar; –
Introduzzjoni ta’ tariffi
għall-aċċess għall-ibħra miftuħa mill-membri
tal-RFMO. ·
Tintegra aħjar is-sajd, l-iżvilupp,
l-ambjent, il-kummerċ u politiki oħra għal aktar avvanz
fl-għanijiet ta' governanza sostenibbli u responsabbli. Ftehimiet bilaterali tas-sajd Ftehimiet internazzjonali bejn l-UE u pajjiżi
terzi individwali għandhom jibqgħu l-qafas għall-attivitajiet
tas-sajd tal-flotta tal-UE fl-ilmijiet ta' pajjiżi terzi. Sabiex
tippromwovi l-konservazzjoni fit-tul tar-riżorsi, il-governanza tajba ta'
relazzjonijiet bilaterali tas-sajd, u l-iżvilupp sostenibbli fis-settur
tas-sajd tal-pajjiżi msieħba, fil-ftehimiet tas-sajd futuri l-UE
għandha: ·
Tibbaża l-ftehimiet fuq l-aqwa parir
xjentifiku disponibbli u l-informazzjoni dwar l-isforz kumulattiv tas-sajd
fl-ilmijiet ikkonċernati; ·
Twettaq verifiki xjentifiċi dwar ftehimiet ta’
speċijiet diversi (“imħallta"); ·
Tqis ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem
bħala kundizzjoni essenzjali għall-konklużjoni u
ż-żamma ta' ftehimiet tas-sajd; ·
Timxi lejn kontribuzzjoni akbar tas-sidien tal-vapuri
għall-ispiża tad-drittijiet tal-aċċess; ·
Tiżgura li l-ftehimiet tas-sajd
jappoġġaw governanza aħjar tas-settur tas-sajd fil-pajjiż
imsieħeb, b’mod notevoli f’termini ta’ sorveljanza, spezzjoni u
kapaċità amministrattiva kif ukoll dik xjentifika; ·
Tiżgura ġestjoni finanzjarja soda u
effiċjenti tal-fondi ta’ appoġġ settorjali skont il-ftehimiet, u
tipprevedi sospensjoni tal-pagamenti jekk ma jinkisbux riżultati. Xi wħud minn dawn l-elementi għandhom
diġà jkunu integrati fi ftehimiet tranżitorji nnegozjati qabel
l-adozzjoni tar-riforma tal-PKS. Ladarba r-riforma tidħol
fis-seħħ, in-negozjati kollha se jirriflettu orjentazzjonijiet
ġodda. Fit-tmiem tal-proċess, se jkun hemm fis-seħħ
ġenerazzjoni ġdida ta' Ftehimiet Dwar is-Sajd Sostenibbli (SFAs –
Sustainable Fisheries Agreements).
1.
Introduzzjoni
Din il-Komunikazzjoni tippreżenta
orjentazzjonijiet ġodda għad-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni
tas-Sajd (PKS)[2] wara r-riforma u hija
bbażata fuq għadd kbir ta' konsultazzjonijiet u valutazzjonijiet
imwettqa mis-servizzi tal-Kummissjoni fil-kuntest tar-riforma. Ir-riforma
tal-PKS għandha l-għan li tiżgura l-isfruttar sostenibbli
tar-riżorsi ħajjin tal-baħar waqt li taħdem lejn
prestazzjoni ekonomika soda, tkabbir inklussiv u koeżjoni mtejba
fir-reġjuni kostali. L-orjentazzjonijiet ġodda għad-dimensjoni
esterna tal-PKS wara r-riforma jimmiraw lejn il-projezzjoni ta' dawn
il-prinċipji fuq livell internazzjonali u li jikkontribwixxu għal
governanza aktar responsabbli tas-sajd internazzjonali filwaqt li jwasslu għal
sfruttar sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut fuq livell globali billi
jinkisbu livelli ta’ mortalità kompatibbli mar-Rendiment Massimu Sostenibbli
(MSY[3]
– Maximum Sustainable Yield) sal-2015, filwaqt li jnaqqsu l-impatt
tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar. Fl-aħħar
mill-aħħar, dan ifisser futur vijabbli kemm għas-sajjieda
Ewropej kif ukoll dawk tal-pajjiżi terzi. Dawn l-orjentazzjonijiet se joffru wkoll
sinerġiji akbar mal-Politika Marittima Integrata (IMP) tal-UE, li se
tippermetti lill-UE tieħu approċċ orjentat aktar lejn
l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd kif ukoll tindirizza
l-kwistjonijiet globali tal-impatt fuq l-istokkijiet internazzjonali
tal-ħut, bħat-tibdil fil-klima u t-tniġġis.
2.
Kontribut lejn sostenibbiltà fit-tul mad-dinja kollha
2.1.
Trasformazzjoni tad-djalogi tagħna
f’sħubijiet ta' ħidma
L-UE hija impenjata fi djalogi bilaterali
mal-imsieħba internazzjonali ewlenin tagħha, bħall-Istati Uniti
tal-Amerika, il-Kanada, il-Ġappun, l-Awstralja, in-New Zealand kif ukoll
ir-Russja u ċ-Ċina. L-għan ta' dawn it-tipi ta' djalogu huwa
l-iżgurar tas-sostenibbiltà tas-sajd globali, il-ħolqien ta’ alleanzi
dwar kwistjonijiet ta' governanza tas-sajd u s-soluzzjoni ta’ problemi fuq
bażi bilaterali. Tradizzjonalment hemm relazzjonijiet sodi
mal-ġirien tat-Tramuntana tal-UE, b'mod partikolari n-Norveġja, skont
l-hekk imsejħa Arranġamenti tat-Tramuntana. Dawn l-arranġamenti
jipprovdu għal ġestjoni kondiviża tar-riżorsi fl-ilmijiet
tat-Tramunatana tal-Atlantiku, l-Artiku, il-Baltiku u l-Baħar tat-Tramuntana.
Iktar riċenti, fl-2009 daħal fis-seħħ ftehim bilaterali
bejn l-UE u r-Russja għall-ġestjoni konġunta tal-Baħar
Baltiku. Fir-rigward tal-istokkijiet li jpassu ħafna u transżonali
(inklużi l-kavalli u l-istokkafixx) fil-Grigal tal-Atlantiku, l-UE
tikkoopera mal-istess ġirien tat-Tramuntana fil-forums tal-Istati Kostali.
Il-Kummissjoni se tqis l-aqwa strateġiji għat-tisħiħ ta’
din il-kooperazzjoni sabiex tqis l-iżviluppi fi proċessi
reġjonali li ser tfittex li timmaniġġja r-riżorsi fuq
il-livell tal-baċir tal-baħar. Fl-istess ħin, ir-relazzjoni tal-UE
mal-pajjiżi tal-viċinat għada ggwidata mill-prinċipji
tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) li permezz tagħha l-UE toffri
relazzjoni privileġġata lill-ġirien tagħha filwaqt li tibni
fuq impenn reċiproku lejn valuri komuni (id-demokrazija u d-drittijiet
tal-bniedem, ir-regola tal-liġi, governanza tajba, prinċipji
tal-ekonomija tas-suq u l-iżvilupp sostenibbli).
Il-PEV hija wkoll mod adattat ħafna biex titwassal il-Politika
Marittima Integrata tal-UE lill-pajjiżi msieħba ġirien tal-PEV,
filwaqt li tinkoraġġixxi l-parteċipanti fil-Baħar Baltiku,
il-Mediterran u l-Baħar l-Iswed biex jibnu u jsaħħu
mekkaniżi għal skambju bejn il-pari li għalih l-UE tista'
tipprovdi kemm l-inizjattiva kif ukoll appoġġ. Intemmu s-sajd illegali Sabiex il-problemi prinċipali tas-sajd illum
jiġu indirizzati b’mod effettiv bħall-ġlieda kontra s-sajd
illegali, mhux irregolat u mhux irrappurtat (IUU) u t-tnaqqis tal-kapaċità
żejda, l-UE għandha bżonn li tiżgura l-appoġġ
minn partijiet globali oħrajn. Il-Kummissjoni tipproponi li, sal-aħħar
tal-2013, jiġu varati diskussjonijiet ma’ Stati oħra ewlenin
tal-importazzjoni tas-sajd, b’mod partikolari l-Istati Uniti tal-Amerika u
l-Ġappun[4], biex timplimenta
approċċ komuni biex jiġi evitat dħul ta' prodotti IUU
f'dawn is-swieq. Inizjattiva bħal din tista’ titwettaq skont ir-Regolament
IUU tal-UE[5] u twitti t-triq lejn
il-qerda tas-sajd IUU matul l-għaxar snin li ġejjin, speċjalment
jekk jingħaqdu partijiet kbar oħrajn. Il-Kummissjoni tkun miftuħa
fil-futur qarib biex timplimenta mekkaniżmi konġunti
għall-iskambju tal-informazzjoni u l-armonizzazzjoni ta'
approċċi lejn il-parteċipanti fl-IUU (Stati tal-bandiera jew
flotot) mal-imsieħba tagħha. AZZJONI · Sħubija ta’ ħidma ma' kontrapartijiet ewlenin bl-għan li jiġi żviluppat approċċ komuni kontra s-sajd IUU. Kapaċità żejda – kwistjoni globali Fil-qafas tal-kisba ta’ livelli tal-mortalità
mis-sajd li huma kompatibbli ma' MSY sa mhux aktar tard mill-2015,
il-Kummissjoni biħsiebha tvara inizjattiva politika ta' livell għoli
biex jiġu diskussi modi għal tnaqqis fil-kapaċità fuq livell
globali sal-2013. Inizjattiva bħal din għandha tqis
l-aspirazzjonijiet tal-Istati li qegħdin jiżviluppaw u għandha
tkun konsistenti mar-riforma tal-PKS li se tipproponi ġestjoni
bbażata fuq id-drittijiet tas-sajd bħala waħda
mill-mekkaniżmi ewlenin biex jinkiseb it-tnaqqis fil-kapaċità. AZZJONI · L-UE se ssejjaħ konferenza ta' livell għoli li tiddiskuti modi ta’ tnaqqis tal-kapaċità sal-2013 biex twitti t-triq għal proċess immirat lejn l-indirizzar tal-kapaċità żejda fuq il-livell globali.
2.2.
Żamma u tisħiħ
tal-arkitettura globali għall-governanza tas-sajd
Fuq livell globali, l-UE tipparteċipa
fil-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti, bħala Parti għall-Konvenzjoni
tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Liġi tal-Baħar[6]
kif ukoll bħala Parti għall-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar
l-Istokkijiet tal-Ħut[7] . L-UE hija wkoll Membru
attiv tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Alimentazzjoni u
l-Agrikoltura (FAO) u tipparteċipa fil-ħidma tal-Organizzazzjoni
għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). Dawn huma organizzazzjonijiet ewlenin biex
javvanzaw id-diskussjonijiet dwar il-protezzjoni u l-konservazzjoni
tar-riżorsi ħajjin tal-baħar. Ladarba kienu ntlaħqu
ftehimiet f'dawn il-forums (eż. dwar il-protezzjoni ta’ Ekosistemi
tal-Baħar Vulnerabbli fin-NU), dawn l-istrumenti ġew implimentati
b’suċċess fuq livell aktar operattiv permezz tal-adozzjoni ta'
miżuri konkreti ta' konservazzjoni minn Organizzazzjonijiet Reġjonali
tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs). Għalhekk, l-involviment tal-UE f'dawn
l-ispazji għandhom ikunu ffokati u mtejba, fuq dawn il-linji: –
Tkompli tippromwovi inizjattivi li
jikkonċentraw fuq ir-rwol tal-Istati tal-port u tal-Istati tal-bandiera
fil-ġlieda kontra l-attivitajiet IUU fil-qafas tal-FAO, bħall-Ftehim
tal-Istat tal-Port tal-2009 jew konsultazzjonijiet tekniċi dwar
il-prestazzjoni tal-Istat tal-bandiera; –
Tkompli tippromwovi t-tqajjim ta’ kwistjonijiet
kbar ta’ tħassib, bħall-kapaċità żejda, il-ħut
skartat, il-qbid inċidentali jew l-impatt ta’ ċertu rkaptu tas-sajd
fuq l-ekosistemi tal-baħar, fuq il-livell tan-NU; –
Tippromwovi l-istabbiliment ta' kundizzjonijiet
ekwi għal bastimenti li jistadu f'ilmijiet ta’ RFMO jew ta’ pajjiżi
terzi, biex tiġi evitata "tellieqa sal-qiegħ" fejn qafas
aktar laxk fil-ġestjoni jista’ jiġi abbużat għad-detriment
tar-riżorsi. Tali azzjoni tkun implimentata mingħajr preġudizzju
għar-responsabbiltà primarja tal-Istati tal-bandiera għal imġiba
responsabbli tal-bastimenti tagħhom. AZZJONIJIET Il-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill: · It-tkomplija tat-tressiq ta’ proposti ambizzjużi għar-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali annwali tan-NU dwar is-sajd sostenibbli; · It-tisħiħ tal-appoġġ għall-iżvilupp ta' strumenti internazzjonali għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut fil-kuntest tal-FAO; · Il-varar ta’ inizjattiva fuq il-livell tan-NU għal Skema ta' Ċertifikazzjoni Globali biex jinqered is-sajd IUU; · Il-promozzjoni tal-ħarsien ta’ standards għolja ta’ sostenibbiltà minn partijiet terzi fl-ilmijiet tal-ibħra miftuħa u ta’ pajjiżi terzi.
2.3.
Kontribut lejn tħaddim aktar effettiv
tal-RFMOs
L-RFMOs huma forums ewlenin
għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut
kondiviżi u li jpassu ħafna. Skont l-UNCLOS kif ukoll il-Ftehim dwar
l-Istokkijiet tal-Ħut tan-NU, l-UE impenjat ruħha biex
tipparteċipa fil-ħidmiet ta’ RFMOs varji, sakemm ikollha interess
reali[8] fis-sajd taħt
il-ġestjoni ta’ dawn l-Organizzazzjonijiet bħala nazzjon tas-sajd jew
Stat tas-suq. Ir-rwol tal-UE f’dawn il-forums kiber b’mod sinifikanti
mill-1999, meta ġiet ippubblikata l-aħħar "Komunikazzjoni
dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-Organizzazzjonijiet Reġjonali
tas-Sajd (RFOs)"[9] [Traduzzjoni mhux
uffiċjali]. Madankollu, minkejja l-isforzi tal-RFMOs li jimmaniġġjaw
b’mod sostenibbli r-riżorsi taħt il-kompetenza tagħhom,
l-istokkijiet tal-ħut baqgħu jonqsu. Skont l-aktar stima riċenti
magħmula mill-FAO[10] kważi 85 %
tal-istokkijiet tal-ħut fid-dinja li dwarhom hemm informazzjoni
disponibbli huma rrapurtati bħala sfruttati b’mod sħiħ jew
sfruttati żżejjed. Din it-tendenza ġiet esperjenzata għal
bosta għexur ta’ snin u tirrifletti żieda fl-isfruttar
tal-istokkijiet tal-ħut, partikolarment minħabba żieda
fid-domanda tal-konsumatur għall-prodotti tas-sajd. Fuq żmien qasir sa medju, l-UE għandha
tindirizza l-isforzi tagħha biex issolvi d-diffikultajiet ewlenin li qed
ifixklu lill-RFMOs fit-twettiq tal-mandati tagħhom, billi tindirizza
l-azzjonijiet skont il-linji ta' politika li ġejjin: ·
It-tħaddim tal-RFMOs għandu jittejjeb
permezz ta’ analiżi tal-prestazzjoni mwettqa sistematikament, skont
ir-riżoluzzjonijiet tan-NU x-xierqa; ·
Għandhom ikunu disponibbli aktar dejta
xjentifika u pariri affidabbli għall-RFMOs permezz taż-żieda
fl-investiment mill-UE fil-ġbir tad-dejta, fir-riċerka applikata,
fl-għarfien xjentifiku u fl-attivitajiet xjentifiċi tal-RFMOs filwaqt
li tinkoraġġixxi Membri oħrajn tal-RFMOs biex jagħmlu
l-istess. L-UE għandha tippromovi wkoll ambitu usa’ ta' pariri
xjentifiċi, l-aktar permezz tal-implimentazzjoni ta' approċċi
ta’ prekwazjoni u ekosistemiċi u tikkumplimentahom bl-għodda ta'
analiżi soċjoekonomika; ·
Biex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni attwali ta’
konformità fqira ta’ xi Membri mal-miżuri ta’ konservazzjoni u
ġestjoni tal-RFMOs, l-UE għandha tippromwovi dan li ġej: –
Reviżjoni perjodika tar-rekords ta’ konformità
ta' kull Parti individwali fl-RFMOs rispettivi; –
L-identifikazzjoni ta' raġunijiet
għan-nuqqas ta' konformità (eż. in-nuqqas tal-kapaċità
f’pajjiżi li qed jiżviluppaw) u l-indirizzar tagħhom b’mod
xieraq u ffukat; –
L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’
sanzjonijiet trasparenti u mhux diskriminatorji f' każi ċari ta'
nuqqas ta' konformità jew impenn politiku mill-Partijiet. Dan il-proċess
jista’ jkun akkumpanjat minn inċentivi li jippremjaw il-partijiet
"konformi" u "trasparenti" (l-Istati tal-bandiera jew
il-flotot). ·
Il-kapaċità żejda hija kwistjoni li
għandha tiġi indirizzata kemm fuq livell multilaterali (l-UE tvara
inizjattiva flimkien mal-imsieħba prinċipali tagħha) kif ukoll
fuq livell ta’ RFMO. L-UE għandha ssostni l-indirizzar tal-kapaċità
żejda permezz ta' reviżjoni tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli fuq
livelli sostenibbli tal-qabdiet u l-kunsiderazzjoni tal-miżuri li
jindirizzaw din il-kapaċità żejda. Tali miżuri jistgħu
jinkludu l-iffriżar jew it-tnaqqis tal-kapaċità filwaqt li jitqiesu
l-aspirazzjonijiet tal-Istati li qed jiżviluppaw biex jiżviluppaw
is-settur tas-sajd tagħhom stess. ·
L-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar
miżuri ta’ ġestjoni permezz ta' kunsens hija l-aħjar garanzija
għall-ogħla livell ta’ konformità. Madankollu, l-UE għandha
ssostni r-riforma tas-sistemi tat-teħid tad-deċiżjoni fl-RFMOs,
b’mod partikolari biex tipperfmetti l-votazzjoni, fejn ikun meħtieġ,
f’konformità mal-proċedura l-aktar progressiva u effiċjenti adottata
riċentement fl-RFMO tal-Konvenzjoni tan-Nofsinhar tal-Paċifiku[11].
·
Sabiex tissaħħaħ il-bażi
finanzjarja tal-RFMOs u jitħeġġeġ aktar l-użu
responsabbli tar-riżorsi mill-flotot, l-UE għandha tippromwovi
l-kunċett li operaturi li l-bastimenti tagħhom itajru l-bandiera ta'
Membru ta’ RFMO iħallsu tariffa lill-RFMOs għall-aċċess
għal sajd fl-ibħra miftuħa. Reġim maħsub tajjeb ta’
ħlas għall-aċċess żviluppat f’konformità
sħiħa ma’ UNCLOS iservi bħala fattur addizzjonali lejn
il-prevenzjoni tat-"traġedja tar-riżorsi komuni"[12].
AZZJONIJIET Il-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill: · L-inkoraġġiment ta' reviżjoni tal-prestazzjoni tal-RFMOs, bl-għan li l-Organizzazzjonijiet kollha jlestu l-ewwel reviżjonijiet sa tmiem l-2013 u sussegwentement jagħmluhom f 'intervalli regolari (3 sa 5 snin); · Il-promozzjoni tal-kunċett ta reġim ta’ ħlas għall-aċċess permezz tal-introduzzjoni ta’ tariffi għat-tqegħid tal-bastimenti f’listi tal-bastimenti awtorizzati tal-RFMO f’għadd limitat ta RFMOs; · Il-promozzjoni ta' azzjonijiet deskritti f'dan il-Kapitolu b’mod koerenti u strutturat, biex jippermettu li dawn l-organizzazzjonijiet jipproduċu riżultati effettivi skont il-mandat tagħhom. Dan jiżgura livell regolat u sostenibbli ta' attivitajiet tas-sajd (abbażi tal-MSY) fuq l-istokkijiet taħt il-kompetenza tal-RFMO u l-ħarsien tal-bijodiversità tal-baħar.
3.
Lejn Ftehimiet dwar is-Sajd Sostenibbli
3.1.
Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd
attwali u n-nuqqasijiet tagħhom
Il-Ftehimiet bilaterali dwar is-sajd bejn l-UE u
pajjiżi terzi ilhom għal żmien twil fattur tal-Politika Komuni
tas-Sajd. Ir-riforma tal-2002 tal-PKS introduċiet bidliet importanti
għall-ftehimiet bilaterali billi poġġiet enfażi fuq
l-approċċ tas-sħubija u l-iżvilupp tas-sajd sostenibbli
fil-pajjiżi msieħba. Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd (FPAs)
attwali għandhom l-għan li jippermettu lill-bastimenti tal-UE li
jistadu, f’ambjent regolat u sikur legalment, riżorsi żejda[13]
fiż-żoni ekonomiċi esklussivi (ŻEE) ta' għadd ta'
pajjiżi terzi[14]. L-FPAs għandhom l-għan li jappoġġaw
l-iżvilupp ta' settur tas-sajd sostenibbli fil-pajjiżi msieħba.
Permezz ta’ dan, dawn għandhom tendenza li jkollhom impatt ekonomiku u
soċjali pożittiv. B’mod partikolari, huma jikkontribwixxu pożittivament
biex l-ekonomiji lokali permezz tal-għoti ta' mpjieg lill-baħrin,
il-ħatt l-art u l-industriji tal-ipproċessar tal-ħut filwaqt li
jikkontribwixxu wkoll għall-provvista tal-ikel fil-pajjiżi
msieħba. Minkejja t-titjib varju li sar, it-tħaddim
tal-FPAs għadu affettwat minn nuqqasijiet sostanzjali, kif ġie
enfasizzat dan l-aħħar mill-konsultazzjoni dwar il-Green Paper
tal-2009[15]: ·
L-għarfien xjentifiku dwar ċerti
stokkijiet f’ilmijiet barranin huwa insuffiċjenti biex jiġi stabbilit
id-daqs globali tal-istokk żejjed; ·
It-termini u l-kundizzjonijiet tal-ftehimiet
tas-sajd konklużi minn pajjiżi msieħba ma' pajjiżi
oħra (mhux fl-UE) mhumiex normalment magħrufa lill-UE; ·
Konsegwentement ħafna drabi huwa impossibbli
li ssir valutazzjoni tal-isforz ġenerali tas-sajd immirat lejn
l-istokkijiet, u biex jiġi stabbilit is-sehem ta’ stokk żejjed li
jista’ tistad għalih il-flotta tal-UE; ·
Hemm limiti fuq il-kapaċità ta’ assorbiment
ta’ bosta pajjiżi msieħba meta jasal il-waqt biex effettivament
jintużaw il-fondi tal-FPA allokati għall-appoġġ tas-settur. Il-Kummissjoni tqis li l-FPAs attwali
għandhom jiġu ttrasformati fi Ftehimiet dwar is-Sajd Sostenibbli
(SFAs) li jiffukaw fuq il-konservazzjoni tar-riżorsi u s-sostenibbiltà
ambjentali, governanza mtejba u l-effettività tal-appoġġ settorjali.
3.2.
Promozzjoni aħjar tar-riżorsi ta'
konservazzjoni u tas-sostenibbiltà fit-tul
L-SFAs għandhom dejjem ikunu bbażati fuq
l-aqwa parir disponibbli bl-użu tal-kunċett tar-rendiment massimu
sostenibbli (MSY) bħala referenza. Il-Kummissjoni se tvara verifiki xjentifiċi
sabiex tevalwa l-ftehimiet eżistenti għal diversi speċijiet li
jikkonsistu f’reviżjonijiet minn pari indipendenti tad-dejta xjentifika
disponibbli. Abbażi ta' dawn, u f'konformità mal-approċċ
ekosistemiku, se tiddeċiedi jekk hux meħtieġ li jkun hemm
iffukar mill-ġdid ta' dawn il-ftehimiet fuq speċijiet fejn il-livell
tal-għarfien xjentifiku huwa suffiċjenti u l-isforz totali tas-sajd
huwa magħruf[16]. Fejn jidħlu
l-ftehimiet dwar it-tonn, id-dejta xjentifika mogħtija mill-RFMOs
rilevanti se tintuża b'mod aktar rigoruż. Għandu jkun hemm
konformità sħiħa mill-Istati Membri mad-dispożizzjonijiet dwar
ir-rappurtar tal-qbid. Il-Kummissjoni se tittratta allegazzjonijiet ta' nuqqas
ta' konformità malajr u b’mod ġust. Il-Kummissjoni se tagħmel li tista’ biex
l-SFAs jinkludu klawżola ta’ trasparenza, li biha l-isforz kumulattiv
tas-sajd f’pajjiż imsieħeb partikolari jkun magħruf lill-UE. AZZJONIJIET Il-Kummissjoni se: · tvara b’mod sistematiku verifiki xjentifiċi biex tivvaluta l-istokkijiet qabel ma tinnegozja protokolli ġodda għal ftehimiet għal diversi speċijiet; · tiżgura l-konformità tal-Istati Membri mar-regoli dwar ir-rappurtar tal-qbid li japplikaw fl-ilmijiet tal-pajjiżi msieħba, inkluż permezz tal-użu sħiħ ta’ strumenti legali eżistenti bħar-Regolament IUU; · issaħħaħ it-trasparenza tal-isforzi tas-sajd globali fl-ilmijiet tal-pajjiżi terzi permezz ta’ klawżoli speċifiċi fi ftehimiet u l-kuntatti bilaterali ma' pajjiżi terzi oħra.
3.3.
Rinfurzar tal-governanza ta’ ftehimiet
bilaterali tas-sajd
Hemm bżonn li jkun hemm riforma tal-FPAs attwali
biex ikun provdut qafas żviluppat b’mod sħiħ ta’ governanza
għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-UE f’ilmijiet ta’
pajjiżi terzi. L-implimentazzjoni tal-ftehimiet trid tkun simplifikata,
dawn iridu jipprovdu mezzi aħjar ta' reazzjoni għall-ksur
tad-drittijiet tal-bniedem u l-kontribuzzjonijiet pubbliċi
għall-kostijiet tal-aċċess iridu jonqsu. L-implimentazzjoni tal-SFAs u l-konformità
magħhom iridu jkun aktar faċli. Għal dan il-għan l-SFAs
għandhom ikunu bbażati fuq "ftehimiet mudelli", u għandhom
jiġu introdotti klawżoli standard. Fir-rigward
tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd maħruġa u mmaniġġjati
skont il-ftehimiet, il-proċess amministrattiv għandu jsir aktar
faċli. Fl-2012 il-Kummissjoni se tagħmel proposta
għar-reviżjoni tar-Regolament dwar l-Awtorizzazzjonijiet tas-Sajd[17].
Għandha tiddaħħal klawżola
tad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kollha futuri, kif hu diġà
l-każ mal-protokolli li ġew inizjalati riċentement, biex b’hekk
il-ksur ta' elementi essenzjali u fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem u ta’
prinċipji demokratiċi jirriżulta, fl-aħħar
mill-aħħar, f'sospensjoni tal-protokoll għall-ftehim. Din
il-klawżola għandha ssegwi l-eżempju tad-dispożizzjonijiet
stabbiliti mill-Ftehim ta’ Cotonou[18], fejn applikabbli, jew
strumenti u ftehimiet internazzjonali oħra rilevanti. Il-klawżola ta' esklussività fl-FPAs attwali
ma tippermettix li bastimenti tal-UE jistadu barra mill-qafas regolatorju
tal-ftehim, fejn jeżisti ftehim, u tiggarantixxi li l-bastimenti kollha
tal-UE jkunu suġġetti għall-istess regoli. Biex tiġi
evitata l-evażjoni tal-klawżola tal-esklussività permezz tal-bdil
tal-bandiera, ftehimiet tas-sajd fil-futur għandhom jipprevedu li
bastiment tal-UE li jbiddel il-bandiera biex jaħrab l-obbligi tiegħu
jew biex jikseb opportunitajiet tas-sajd addizzjonali mhux se jkollu l-permess
jistad aktar fiż-ŻEE tal-pajjiż imsieħeb. L-industrija tas-sajd tal-UE għandha tħallas
sehem ġust mill-kosti tal-aċċess għar-riżorsi
żejda tal-pajjiżi terzi. Il-kontribut mill-baġit tal-UE
għandu jitnaqqas kif xieraq. AZZJONIJIET Il-Kummissjoni se: · tagħmel proposta sal-2012 biex tirrevedi r-Regolament dwar l-Awtorizzazzjonijiet tas-Sajd biex tissimplifika l-ġestjoni tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd; · tfittex li tistabbilixxi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem bħala kundizzjoni meħtieġa għall-konklużjoni ta’ SFAs għaż-żamma tal-kooperazzjoni dwar is-sajd ma' pajjiżi terzi; · tfittex li tintroduċi dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali għall-prevenzjoni tal-abbuż tal-bdil tal-bandiera; · timmira li żżid il-kontribuzzjoni tas-sidien tal-bastimenti għall-kosti tal-aċċess għall-ilmijiet ta' pajjiżi terzi.
3.4.
Aktar appoġġ effettiv
għas-sajd sostenibbli fil-pajjiżi msieħba
L-appoġġ finanzjarju tal-UE
lill-politika settorjali tal-pajjiżi terzi għandu jirriżulta
f’benefiċċji konkreti u li jistgħu jiġu kkwantifikati
għall-pajjiżi msieħba inkluż fid-dominju tas-sajd lokali
sostenibbli. Għandu jimmira sabiex jappoġġa l-kapaċità
amministrattiva u xjentifika tagħhom u jkun indirizzat b’mod notevoli lejn
l-attivitajiet ta' monitoraġġ, kontroll u sorveljanza, inkluża
l-ġlieda kontra s-sajd IUU. It-titjib tal-pariri xjentifiċi u l-bini
tal-kapaċità għandhom ikunu prijorità ukoll
għall-appoġġ tal-UE lill-pajjiżi msieħba skont l-SFAs.
Fl-istess ħin, l-appoġġ settorjali
għandu jsir aktar effettiv, immirat aħjar u vvalutat regolarment.
Għandha tiġi mfittxija garanzija ta’ riżultati mill-pajjiżi
msieħba u l-kundizzjonalità għandha tissaħħaħ biex ma
jsir ebda pagament meta l-kundizzjonalità ma tirnexxix. Il-Kummissjoni se
tiżviluppa linji gwida ġenerali għall-monitoraġġ
tal-fondi ta’ appoġġ settorjali skont il-ftehimiet tas-sajd kollha li
wara jistgħu jiġu adattati għal ftehimiet speċifiċi. Il-Kummissjoni se tfittex ukoll li tkabbar
il-valur miżjud tal-appoġġ settorjali għall-iżvilupp
sostenibbli tas-settur tas-sajd tal-pajjiżi msieħba b’kunsiderazzjoni
aħjar tal-istrateġiji u l-prijoritajiet ġenerali ddefiniti
f'kull wieħed minnhom. AZZJONIJIET Il-Kummissjoni se: · tipproponi d-diżakkoppjar fil-każijiet kollha tal-pagamenti tal-appoġġ settorjali mill-pagamenti tad-drittijiet tal-aċċess għas-sajd u se tiddefinixxi l-appoġġ settorjali fid-dawl tal-ħtiġijiet u tal-kapaċità ta' assorbiment tal-pajjiżi msieħba; · tfittex li tintroduċi kundizzjonalità aktar b’saħħitha għall-parti settorjali, biex il-pagamenti jkunu marbuta mal-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali; · tappoġġa l-isforzi tal-pajjiżi msieħba biex itejbu l-ġbir tad-dejta u l-għoti ta' pariri xjentifiċi preċiżi.
4.
Koerenza ma’ politiki oħrajn tal-UE
Sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija
f’din il-Komunikazzjoni, jeħtieġ li l-vuċi tal-UE tkun aktar
qawwija f’diversi forums globali permezz ta’ sinerġiji akbar bejn
l-azzjonijiet tagħha u l-politiki fil-qasam tal-governanza internazzjonali
tas-sajd u l-oqsma tal-iżvilupp, il-kummerċ, l-ambjent,
ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-politika barranija u oħrajn. Dan se
jsir inter alia fuq dawn il-linji: –
Il-koordinazzjoni tal-politiki tas-sajd u
tal-iżvilupp għandha tiżgura li r-rikonoxximent
tal-aspirazzjonijiet tal-Istati li qed jiżviluppaw biex jibnu s-settur
tas-sajd tagħhom stess huwa marbut mat-tqajjim tal-kuxjenza tad-dmirijiet
tagħhom lejn governanza tas-sajd sostenibbli. –
L-insegwiment ta' sinerġiji bejn il-ftehimiet
tas-sajd futuri u l-politiki u l-istrumenti ta’ żvilupp, b’mod partikolari
il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF) u politiki oħra bħalma
huma l-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni. –
Fil-kuntest tal-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea,
l-UE se tkompli tappoġġa strateġiji u programmi ta'
appoġġ relatati mas-sajd, bħas-sikurezza marittima u
l-ġlieda kontra l-piraterija, skont l-istrateġiji ġenerali
tagħha ta' sħubija u kooperazzjoni. –
L-UE, bħala importatur ewlieni ta' prodotti
tas-sajd, diġà twaqqaf lill-prodotti IUU milli jilħqu s-suq
tagħha. Il-politika tal-kummerċ tal-UE tista’ wkoll tikkontribwixxi
għall-iżgurar ta' sajd sostenibbli madwar id-dinja permezz
tal-promozzjoni tal-aderenza ma’ konvenzjonijiet u ftehimiet internazzjonali
rilevanti rigward il-governanza tas-sajd fil-qafas tal-ftehimiet kummerċjali
preferenzjali. –
Il-koerenza tal-għanijiet ambjentali u
tas-sajd se tkun żgurata permezz tal-integrazzjoni kontinwa ta' politiki
żviluppati minn korpi u konvenzjonijiet internazzjonali ambjentali
fid-deċiżjonijiet ta’ konservazzjoni u ġestjoni tal-RFMOs. AZZJONIJIET Il-Kummissjoni se: · tiżviluppa u timplimenta strateġiji reġjonali bbażati fuq l-oċeani u l-baħar għal sajd sostenibbli, eż. fl-Oċean Paċifiku u dak Indjan kif ukoll fil-Baħar Mediterran. · sa tmiem l-2011, tadotta proposta għal qafas legali, inklużi miżuri marbutin mal-kummerċ, biex tiżgura s-sostenibbiltà tar-riżorsi tas-sajd. ANNESS I Organizazzjonijiet Reġjonali
għall-Ġestjoni tas-Sajd ANNESS II Ftehimiet Bilaterali tas-Sajd Tip ta' ftehim || pajjiż ImsieħEb || Protokoll fis-seħħ saL- || Kontribuzzjoni finanzjarja annwali tal-UE Ftehimiet dwar diversi speċijiet ("imħallta") || Il-Groenlandja || 31 ta' Diċembru 2012 || 14 307 244 € Il-Ginea Bissaw || 15 ta' Ġunju 2011 || 7 500 000 € Il-Mawritanja || 31 ta' Lulju 2012 || Minn EUR 86 000 000 (fl-ewwel sena) sa EUR 70 000 000 (fir-raba’ sena) Il-Marokk || 27 ta' Frar 2012 || 36 100 000 € Ftehimiet dwar it-tonn – Il-Punent tal-Afrikat || Il-Kap Verde || 31 ta' Awwissu 2011 || 385 000 € Il-Gabon || 2 ta’ Diċembru 2011 || 860 000 € Il-Côte d'Ivoire || 30 ta' Ġunju 2013 || 595 000 € São Tomé u Príncipe || Tmiem l-2013 || 682 500 € Ftehimiet dwar it-Tonn - l-Oċean Indjan || Il-Komoros || 31 ta' Diċembru 2013 || 615 250 € Il-Madagaskar || 31 ta' Diċembru 2012 || 1 197 000 € Il-Możambik || 31 ta' Diċembru 2011 || 900 000 € Is-Seychelles || 17 ta' Jannar 2014 || 5 600 000 € Ftehimiet dwar it-tonn – il-Paċifiku || Kiribati || 15 ta' Settembru 2012 || 478 400 € Il-Mikroneżja || 25 ta' Frar 2010 (Protokoll ġdid b’tul ta’ 5 snin fil-proċess ta’ ratifikazzjoni) || 559 000 € Il-Gżejjer Solomon || 8 ta' Ottubru 2012 || 400 000 € Ftehimiet inattivi || || || Il-Gambja || Ebda Protokoll fis-seħħ || Il-Ginea || Ebda Protokoll fis-seħħ || Il-Ginea Ekwatorjali || Ebda Protokoll fis-seħħ || il-Mawrizju || Ebda Protokoll fis-seħħ || Is-Senegal || Ebda Protokoll fis-seħħ || [1] Il-Qagħda tas-Sajd u l-Akkwakultura fid-Dinja fl-2010,
FAO, Ruma 2010, p. 35. Aktar minn nofs (53 %) tal-istokkijiet
tal-baħar immonitorjati mill-FAO kienu stmati bħala sfruttati
bis-sħiħ, 28 % bħala sfruttati żżejjed, 3 %
bħala fi stat ta’ eżawriment u 1 % bħala li qed jirkupraw
minn tnaqqis komplet 3 % tal-istokkijiet ġew stmati bħala mhux
sfruttati biżżejjed u 12 % bħala sfruttat b’mod moderat. [2] L-orjentazzjonijiet għad-dimensjoni esterna
tal-Politika Marittima Integrata ġiet stipulata fil-Komunikazzjoni
mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u
Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Niżviluppaw
id-dimensjoni internazzjonali tal-Politika Marittima Integrata
għall-Unjoni Ewropea (COM(2009)0536 finali) [3] MSY hija l-akbar
rendiment (jew qabda) li jista’jittieħed mill-istokk ta’ speċi matul
perjodu indefinit. Il-kunċett
tal-MSY huwa fundamentali għall-idea ta’ ħsad sostenibbli u jimmira
lejn iż-żamma tad-daqs tal-popolazzjoni fil-punt massimu tar-rata
tat-tkabbir billi jsir il-ħsad ta’ individwi li normalment jiġu
miżjuda mal-popolazzjoni, u b’hekk il-popolazzjoni tkun tista’ tkompli
tkun produttiva b’mod indefinit [4] Dawn
il-pajjiżi flimkien mal-UE jirrappreżentaw żewġ terzi
tas-suq dinji fil-prodotti tas-sajd,
ara Il-Qagħda tas-Sajd u l-Akkwakultura fid-Dinja fl-2010 FAO,
Ruma 2010 [5] Ir-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li
jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u
telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda
r-Regolament (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE)
Nru 601/2004 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE)
Nru 1447/1999. [6] UNCLOS,
1982, magħrufa ukoll bħala l-Konvenzjoni tal-Bajja ta’ Montego. [7] Il-Ftehim
li jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-UNCLOS dwar il-konservazzjoni u
l-ġestjoni ta’ stokkijiet transżonali u stokkijiet ta’ ħut li
jpassi ħafna, UNFSA, 1995, magħruf ukoll bħala il-Ftehim ta’ New
York. [8] "Interess
reali" jista’ joħroġ mill-attivitajiet tas-sajd fl-ibħra
miftuħa kemm jekk huwa Stat kostali b’ŻEE inkluża f’żona
ta’ kompetenza ta’ RFMO, kif ukoll jekk huwa importatur sinifikanti
tal-prodotti tas-sajd li jinqabdu fiż-żona taħt il-ġestjoni
ta’ RFMO. [9] COM(1999)
613 finali, 08.12.1999 [10] Il-Qagħda
tas-Sajd u l-Akkwakultura fid-Dinja fl-2010, FAO, Ruma 2010, p. 35. Aktar minn nofs (53 %) tal-istokkijiet
tal-baħar immonitorjati mill-FAO kienu stmati bħala sfruttati
għalkollox, 28 % bħala sfruttati żżejjed, 3 %
bħala fi stat ta’ eżawriment u 1 % bħala li qed jirkupraw
minn tnaqqis komplet, 3 % tal-istokkijiet ġew stmati bħala mhux
sfruttati biżżejjed u 12 % bħala sfruttat b’mod moderat. Mill-istokkijiet
ta' tonn u stokkijiet li jixbħu t-tonn fejn huwa magħruf l-istat ta’
sfruttar, possibbilment sa 60 % tal-istokkijiet huma sfruttati għalkollox,
sa 35 % tal-istokkijiet huma kklassifikati bħala sfruttati
żżejjed jew fi stat ta’ eżawriment, bi ftit jidhru li qed
jiġu sfruttati inqas milli suppost (prinċipalment il-palamit). [11] Il-Konvenzjoni
dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd f’Ibħra
Miftuħa fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku, l-Artikoli 16 u
17. [12] It-traġedja
tar-riżorsi komuni hija dilemma li toħroġ mis-sitwazzjoni li
fiha individwi multipli, li jaġixxu indipendentment u li jikkonsultaw
l-interess tagħhom stess b'mod razzjonali, fl-aħħar nett se jeżawrixxu
risorża limitata kondiviża, anke fejn huwa ċar li dan mhu
fl-interess ta' ħadd fuq żmien twil. [13] Is-sehem
tal-qabda permessa li l-Istat Kostali ma jistax jew ma jixtieqx jisfrutta hu
stess; ara l-Artikolu 62(2)
tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar. [14] Ara
l-Anness 2 għal ħarsa ġenerali attwali tal-UE rigward
ftehimiet bilaterali tas-sajd u l-karatteristiċi ewlenin tagħhom. Biex isiru kompletament operattivi,
il-ftehimiet bilaterali tas-sajd għandhom ikunu akkumpanjati minn
Protokoll li jiddetermina l-ispeċifiċitajiet tal-opportunitajiet
tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja. Ftehimiet mingħajr Protokoll
fis-seħħ jew fil-proċess ta’ ratifika huma magħrufa
bħala "inattivi”. [15] Sinteżi
tal-Konsultazzjoni dwar ir-Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd,
SEC(2010)428 finali, 16.4.2010. [16] L-FPAs
attwali jistgħu jinqasmu fi (a) dawk li jkopru esklussivament it-tonn u
speċijiet li jpassu ħafna relatati (ftehimiet dwar it-tonn), u (b)
dawk li jkopru wkoll speċijiet oħra (magħrufa wkoll bħala
ftehimiet imħallta). Minħabba
l-kopertura tagħhom minn RFMOs, l-informazzjoni xjentifika dwar
l-istokkijiet tat-tonn hija ġeneralment aħjar minn dik dwar
speċijiet oħra. [17] Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta' Settembru 2008
dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti
tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta'
bastimenti ta' pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità, li jemenda
r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93 u (KE) Nru 1627/94 u li jħassar
ir-Regolament (KE) Nru 3317/94. [18] Il-Ftehim ta'
Cotonou huwa l-aktar ftehim komprensiv ta’ sħubija bejn il-pajjiżi li
qed jiżviluppaw u l-UE. Mill-2000,
kien il-qafas għar-relazzjonijiet tal-UE ma' 79 pajjiż
mill-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (AKP).