52011DC0417

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd /* KUMM/2011/0417 finali */


WERREJ

1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 2

2........... Għanijiet tar-riforma........................................................................................................ 3

2.1........ Iktar ħut għas-sajd b'mod sostenibbli............................................................................... 3

2.2........ Futur għall-industrija u l-impjiegi tas-sajd u l-akkwakultura.............................................. 5

2.3........ Komunitajiet kostali b'saħħithom..................................................................................... 6

2.4........ Issodisfar tal-ħtiġijiet reali ta' konsumaturi infurmati.......................................................... 7

2.5........ Governanza aħjar permezz tar-reġjonaliżmu..................................................................... 7

2.6........ Finanzjament iktar intelliġenti........................................................................................... 8

2.7........ L-ipproġettar tal-prinċipji tal-PKS b'mod internazzjonali.................................................. 8

1. Introduzzjoni

Il-Green Paper dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd[1] (PKS) ikkonkludiet li l-politika mhix tikseb l-għanijiet ewlenin tagħha: l-istokkijiet tal-ħut huma mistada żżejjed, is-sitwazzjoni ekonomika ta' partijiet mill-flotta hija fraġli minkejja li qed tirċievi livelli għolja ta' sussidji, l-impjiegi fis-settur tas-sajd mhumiex attraenti u s-sitwazzjoni ta' ħafna komunitajiet kostali li jiddependu mis-sajd hija prekarja. Ir-riżultat ta' proċess ta' konsultazzjoni wiesa' li sar wara li ħarġet il-Green Paper jikkonferma din l-analiżi[2].

F'dan l-isfond, il-Kummissjoni qed tipproponi riforma ambizzjuża tal-politika. Din ir-riforma tinvolvi d-dħul fis-seħħ ta' kundizzjonijiet għal futur aħjar kemm għall-ħut kif ukoll għas-sajd, u anke l-ambjent tal-baħar li jappoġġhom. Il-PKS għandha potenzjal enormi għall-finijiet ta' sajd sostenibbli li jirrispetta l-ekosistema kif ukoll jipprovdi prodotti tal-ħut ta' kwalità tajba u tajbin għas-saħħa għaċ-ċittadini Ewropej, komunitajiet kostali b'saħħithom, industriji profitabbli li jipproduċu u jipproċessaw il-ħut u impjiegi attraenti u iktar sikuri.

Ir-riforma sa tikkontribwixxi għall-Istrateġija Ewropa 2020[3] billi taħdem biex tikseb tkabbir inklussiv u sostenibbli, koeżjoni mtejba fir-reġjuni kostali, u prestazzjoni ekonomika soda fl-industrija. Billi timmira li tiżgura li r-riżorsi tal-baħar ħajjin jiġu sfruttati b'mod sostenibbli, ir-riforma hija wkoll komponent ewlieni tal-inizjattiva ewlenija tal-Ewropa[4] li tuża r-riżorsi b'effiċjenza.

Is-sostenibbiltà tinsab fil-qalba tar-riforma proposta. Is-sostenibbiltà tas-sajd tfisser sajd f'livelli li ma jipperikolawx ir-riproduzzjoni tal-istokkijiet u li jipprovdu rendiment għoli fit-tul. Dan jitlob li jkun immaniġġjat il-volum tal-ħut li jinqabad permezz tas-sajd. Il-Kummissjoni tipproponi li sal-2015, l-istokkijiet għandhom jiġu sfruttati f'livelli sostenibbli li jipproduċu r-"rendiment massimu sostenibbli". Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li sal-2016 telimina l-prattika li l-ħut mhux mixtieq jintrema fil-baħar. Dan il-ħut skartat huwa skart mhux aċċettabbli tar-riżorsi.

Skont l-aqwa stimi[5], jekk l-istokkijiet jiġu sfruttati b'rendiment massimu sostenibbli, dan iżid id-daqsijiet tal-istokkijiet b'madwar 70 %. Il-qabdiet tal-ħut b'mod kumplessiv jiżdiedu b'madwar 17 %, il-marġni tal-qligħ jista' jimmultiplika b'fattur ta' tlieta, id-dħul fuq l-investimenti jkun sitt darbiet ogħla, u l-valur miżjud gross għall-industrija tal-qbid tal-ħut jiżdied bi kważi 90 %.

Is-sostenibbiltà tas-sajd teħles lis-settur tal-qbid tal-ħut mid-dipendenza fuq l-appoġġ pubbliku. Kieku tagħmilha wkoll iktar faċli biex jinkisbu prezzijiet stabbli b'kundizzjonijiet trasparenti, li jġibu benefiċċji ċari lill-konsumaturi. Industrija b'saħħitha, effiċjenti u vijabbli ekonomikament li topera b'kundizzjonijiet tas-suq għandu jkollha rwol iktar importanti u attiv fil-ġestjoni tal-istokkijiet. Dan għandu jgħin ukoll biex titnaqqas il-kapaċità żejda tal-flotta, li hija waħda mill-kawżiet ta' sajd żejjed illum.

Is-sostenibbiltà tas-sajd hija essenzjali għall-futur tal-komunitajiet kostali, li f'ċerti każijiet se jkollhom il-ħtieġa ta' miżuri speċifiċi biex jiġu megħjuna fil-ġestjoni tal-flotot kostali tagħhom ta' skala żgħira. Il-Kummissjoni tipproponi li tiżviluppa l-PKS bħala parti mill-usa' ekonomija marittima. Dan se jirriżulta f'iktar politiki koerenti għall-ibħra u ż-żoni kostali tal-UE, u kontribuzzjoni aħjar biex ir-reġjuni kostali jiġu megħjuna jiddiversifikaw is-sorsi tad-dħul tagħhom sabiex jiżguraw kwalità aħjar tal-ħajja hemmhekk.

Il-ħut huwa l-bażi tar-riżorsa tal-industrija. Huwa wkoll sors ta' proteina tajba għall-konsum uman. Li s-sajd u l-akkwakultura f'żoni kostali u rurali jsiru sostenibblli huwa fl-interess tas-soċjetà kollha, u jgħinu biex tintlaħaq id-domanda tal-konsumaturi li dejjem qed tikber għal ħut u frott tal-baħar ta' kwalità.

Il-pakkett ta' riforma tal-PKS jikkonsisti fil-komponenti li ġejjin:

· Proposta leġiżlattiva għal Regolament Bażiku (li jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002),

· Proposta leġiżlattiva għal Politika tas-Suq (li tissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000),

· Komunikazzjoni dwar id-Dimensjoni Esterna tal-PKS,

· Rapport dwar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002, dwar il-kapitoli Konservazzjoni u Sostenibbiltà u Aġġustament tal-Kapaċità tas-Sajd, u dwar l-Artikolu 17(2) dwar ir-restrizzjoni tal-aċċess tal-flotta għal 12-il mil nawtiku.

Fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali u l-Perspettivi Finanzjarji, il-Kummissjoni skedat proposta leġiżlattiva għall-istrument finanzjarju tal-futur 2014-2020 bħala appoġġ għall-PKS għall-adozzjoni iktar tard fl-2011.

2. Għanijiet tar-riforma 2.1. Iktar ħut għas-sajd b'mod sostenibbli

L-istokkijiet tal-ħut għandhom jinġiebu f'livelli tajbin għas-saħħa u jinżammu f'kundizzjonijiet tajbin. Għandhom jiġu sfruttati f'livelli ta' rendiment massimu sostenibbli. Dawn il-livelli jistgħu jiġu identifikati bħala l-ogħla qabda tal-ħut li tista' ssir sena wara sena u li żżomm id-daqs tal-popolazzjoni tal-ħut fi produttività massima. Dan l-għan ġie stabbilit fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Ibħra, u ġie adottat fis-Sammit Dinji tal-2002 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli bħala mira li d-dinja għandha tilħaq sal-2015. Dan l-għan ikun jippermetti wkoll lill-PKS irriformata biex tagħti kontribuzzjoni aħjar biex jinkiseb Status Ambjentali Tajjeb fl-ambjent tal-baħar, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marina (tal-Baħar)[6]. L-għan li sal-2015 jintlaħqu livelli ta' rendiment massimu sostenibbli issa ġie ppreżentat b'mod ċar fir-Regolament Bażiku.

Il-ħut skartat ma għadux aċċettabbli. Ir-rimi jixħet immaġni negattiva fuq l-industrija u għandu impatti ta' ħsara fuq l-isfruttament tal-istokkijiet sostenibbli, l-ekosistemi tal-baħar, il-vijabbiltà finanzjarja tas-sajd, u jista' jinfluwenza l-kwalità tal-parir xjentifiku. L-eliminazzjoni tal-ħut skartat għandha tkun parti mill-għanijiet tal-PKS irriformata. Fir-Regolament Bażiku propost ġie introdott obbligu għall-industrija li tħott l-art il-qabdiet tal-ħut ta' speċijiet regolati. Dan l-obbligu se jidħol fis-seħħ minn gruppi ta' speċijiet bi skeda ta' żmien ambizzjuża imma realistika, u se jkun akkumpanjat minn miżuri ta' protezzjoni. L-ispeċijiet b'rata għolja ta' sopravivenzata meta jerġgħu jitpoġġew fl-ilma wara li jkunu nqabdu, ma għandhomx ikunu koperti bl-obbligu li jinħattu l-art.

Il-pjanijiet ta' ġestjoni multiannwali jibqgħu l-mezz għal impenn politiku fit-tul għall-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi. Dawn il-pjanijiet se jissostitwixxu l-approċċ attwali msejjes fuq stokk uniku, billi jġibu l-maġġoranza tal-istokkijiet skont il-pjanijiet ta' ġestjoni b'għadd ta' stokkijiet (multi-stock management plans). L-Istati Membri fil-Mediterran għandhom jiżviluppaw pjanijiet ta' ġestjoni nazzjonali għas-sajd li jsir fl-ilmijiet territorjali tagħhom. Dan għandu jwassal għall-iżvilupp ta' pjanijiet tal-UE għal dak is-sajd Mediterranju li għandu dimensjoni internazzjonali. L-UE għandha tfittex impenji simili fit-tul mill-imsieħba mhux Ewropej.

Il-ġestjoni tas-sajd għandha tkun imsejsa fuq parir xjentifiku sod u għandha ssegwi l-ekosistema u l-approċċ prekawzjonarju. Il-Kummissjoni se tkompli tfittex parir minn entitajiet konsultattivi xjentifiċi skont l-istandards garantiti ta' kwalità. Se jitneħħa l-irduppjar tax-xogħol minn entitajiet konsultattivi xjentifiċi differenti sabiex tiġi razzjonalizzata u massimizzata s-sinerġija fil-proċess tal-konsultazzjoni.

L-imsieħba tal-industrija u x-xjenza jistgħu jtejbu l-kwalità u d-disponibbiltà tad-dejta u l-għarfien. Jistgħu wkoll jinkoraġġixxu fehim komuni reċiproku bejn l-operaturi u x-xjenzjati mingħajr ma tiġi kompromessa l-indipendaza ta' dawn tal-aħħar. Għalhekk, dawn is-sħubijiet għandhom jiġu inkuraġġuti.

Id-Dejta kompluta u ta' min joqgħod fuqha hija essenzjali għat-tfassil tal-politika kemm fil-fażijiet preparatorji u implimentattivi kif ukoll fil-fażijiet tal-infurzar tal-politika[7]. Il-politika rriformata se tistabbilixxi obbligi ċari u mġedda għall-Istati Membri rigward il-ġbir u d-disponibbiltà tad-dejta. Il-Kummissjoni tipprevedi sistema ta' informazzjoni Ewropea integrata għall-ġestjoni tas-sajd. Din se tirrispondi b'mod effettiv għall-ħtiġijiet tal-utenti, ittejjeb il-kwalità tad-dejta u tippermetti ġestjoni tas-sajd avvanzata. Fejn possibbli, se tissimplifika r-regoli u l-obbligi tar-rappurtar u tnaqqas il-kostijiet. L-Istati Membri se jkunu jeħtieġu jadottaw u jikkoordinaw il-kollezzjoni tad-dejta tas-sajd nazzjonali, ir-riċerka xjentifika u l-programmi tal-innovazzjoni biex jużaw il-programmi qafas tar-riċerka tal-UE bl-aħjar mod.

2.2. Futur għall-industrija u l-impjiegi tas-sajd u l-akkwakultura

Il-PKS għandha tipprovdi l-kundizzjonijiet għal industrija b'saħħitha, vijabbli u kompetittiva li toffri impjiegi attraenti. L-industriji tas-sajd u l-akkwakultura għandhom joperaw b'mod effiċjenti u jkunu sodi finanzjarjament, mingħajr il-ħtieġa tal-appoġġ pubbliku.

Ir-Regolament Bażiku propost jintroduċi forza msejsa fuq is-suq għal industrija tas-sajd b'saħħitha u profitabbli billi jiddaħħlu bil-mod konċessjonijiet tas-sajd trasferibbli biex jikkontribwixxu għall-ksib tal-effiċjenza taħt kundizzjonijiet li huma sikuri legalment. Il-konċessjonijiet trasferibbli tas-sajd jistgħu jnaqqsu l-kapaċità tas-sajd u jżidu l-vijabbiltà eknomika mingħajr kost għal min iħallas it-taxxa, kif uriet l-esperjenza kemm f'xi Stati Membri kif ukoll lil hinn minnhom. Skont il-proposta tal-Kummissjoni, il-konċessjonijiet ikunu trasferibbli, imma fi Stat Membru biss. L-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu l-kriterji kompatibbli mal-liġi tal-UE biex jistabbilixxu rabta ekonomika reali rigward l-operat tas-sajd tal-bastiment u l-popolazzjonijiet li jiddependu fuq is-sajd u industriji relatati. L-Istati Membri jistgħu jirregolaw konċessjonijiet tas-sajd trasferibbli sabiex jiżguraw rabta mill-qrib bejniethom u l-komunitajiet tal-Istat (pereżempju, billi jillimitaw it-trasferibbiltà bejn segmenti tal-flotot) u jevitaw l-ispekulazzjoni. Il-karatteristiċi speċifiċi ta' flotot kostali ta' skala żgħira, ir-rabta partikolari tagħhom mal-komunitajiet kostali u l-vulnerabbiltà ta' wħud minn dawn l-intrapriżi żgħar jew ta' daqs medju jiġġustifikaw il-limitazzjoni tal-applikazzjoni obbligatorja tal-konċessjonijiet trasferibbli tas-sajd għal bastimenti ikbar. L-Istati Membri jistgħu jeskludu bastimenti sa massimu ta' 12-il metru, għajr għal-bastimenti li jużaw tagħmir irmunkat.

Il-kapaċità żejda tal-flotta tibqa' waħda mill-ostakoli ewlenin biex jinkiseb sajd sostenibbli. L-iskema l-ġdida, li fiha l-flotot se jitnaqqsu fuq bażi industrijali permezz ta' konċessjonijiet trasferibbli tas-sajd, mhux se tkun teħtieġ finanzjament pubbliku u hija tneħħi l-forzi għall-kapaċità żejda. L-operaturi se jkollhom inċentiv biex iżidu l-konċessjonijiet tagħhom, filwaqt li oħrajn jistgħu jiddeċiedu li jitilqu mill-industrija. B'din l-iskema, id-dħul huwa proġettat li jiżdied b'iktar minn 20 % u l-pagi tal-ekwipaġġ jiżdiedu b'bejn 50 % u iktar minn 100 % sal-2022. Ir-ristrutturar tal-qasam tal-qbid tal-ħut skont dawn il-linji se jtejjeb ukoll il-prestazzjoni tal-industrija tal-ipproċessar u jżid il-valur miżjud gross b'mod sinifikanti, filwaqt li joħloq iktar opportunitajiet tax-xogħol[8]. L-għan tar-riforma huwa li jittejjeb ukoll l-iżvilupp tal-industrija tas-sajd fil-futur kif ukoll li t-telf tal-impjieġi jiġi limitat. Ir-riforma se twassal għal ristrutturar fl-industrija tas-sajd u se jkun jeħtieġ li jkun hemm miżuri għall-ġestjoni tad-dimensjoni tal-impjiegi ta' dan ir-ristrutturar. Għal dan il-għan, l-involviment tal-imsieħba soċjali fil-livelli kollha se jkun ta' importanza massima.

Il-konċessjonijiet trasferibbli tas-sajd joffru wkoll soluzzjoni soċjali għal dawk li jridu jitilqu mis-settur minħabba li jistgħu jbigħu d-drittijiet tagħhom lil ħaddieħor bil-valur tas-suq.

L-attrazzjoni tal-impjieg u l-kundizzjonijiet diċenti tax-xogħol huma kwistjonijiet importanti għall-flotot inġenerali, u huma partikolarment importanti għal ħafna flotot kostali ta' skala żgħira. Flimkien mal-iżvilupp fil-livelli kollha tad-djalogu soċjali, li s-settur tal-qbid tal-ħut jerġa' jibda jagħmel il-qligħ huwa l-iktar mod effettiv li jagħmel il-bastimenti tas-sajd sikuri u l-postijiet tax-xogħol aħjar[9], kif ukoll jagħmel is-sajd mod attraenti u sikur ta' kif wieħed jista' jikseb l-għajxien tiegħu. Jeħtieġ li l-PKS irriformata tikkontribwixxi għall-immodernizzar tal-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord il-bastimenti, sabiex jiġi żgurat li jkunu issodisfati l-istandards moderni dwar is-saħħa u s-sigurtà. Il-Kummissjoni u l-Kunsill ħeġġew lill-Istati Membri sabiex jirratifikaw "il-konvenzjoni dwar ix-xogħol fis-sajd" tal-2007 tal-ILO. Fil-kuntest ta' dan, il-Kummissjoni se timpenja ruħha b'mod attiv mal-imsieħba soċjali.

Il-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura hija essenzjali biex tintlaħaq id-domanda globali li dejjem qed tikber għall-ħut u l-frott tal-baħar. Fl-UE, l-akkwakultura hija attività varjata, li tvarja minn akkwakultura tradizzjonali kostali u dik tat-tkabbir fil-vaski għal waħda li tinvolvi attività industrijalizzata b'teknoloġija avvanzata, partikolarment l-akkwakultura tal-ħut tal-baħar. L-akkwakultura hija wkoll attività ekonomika importanti għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli fil-komunitajiet rurali u kostali u l-attività tal-akkwakultura tista' tikkontribwixxi għall-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-karatteristiċi ambjentali, bħall-akkwakultura estensiva fl-artijiet mistagħdra.

Is-sostenibbiltà tal-akkwakultura kif ukoll il-kwalità u s-sikurezza tal-prodotti tagħha huma fatturi kruċjali li fuqhom jinbena l-potenzjal tal-industrija u biex jittejjeb il-vantaġġ kompetittiv tagħha[10]. L-UE għandha tippromwovi akkwakultura sostenibbli, kompetittiva u diversa, appoġġata mill-iktar riċerka u teknoloġija avvanzata, billi ssolvi l-problemi tal-aċċess u l-ostakoli amministrattivi.

Hemm dimensjoni ċara tal-UE minħabba li l-għażliet strateġiċi fil-livell nazzjonali jistgħu jħallu impatt fuq l-iżvilupp fl-Istati Membri ġirien. Ir-riforma se tkun teħtieġ li l-Istati Membri jippreparaw pjan strateġiku nazzjonali msejjes fuq sett ta' linji gwida strateġiċi tal-UE biex jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli li jinkuraġġixxu l-attività ekonomika u jtejbu l-kompetittività tagħha, li jappoġġaw l-iżvilupp sostenibbli u l-innovazzjoni tagħha, u li jistimulaw id-diversifikazzjoni. Il-metodi miftuħa tal-koordinazzjoni jistgħu jmexxu pass 'il quddiem l-iskambju tal-informazzjoni u tal-aqwa prassi fost l-Istati Membri (pereżempju aċċess għat-territorju u l-ilmijiet, il-ħruġ ta' liċenzji).

2.3. Komunitajiet kostali b'saħħithom

Il-Kummissjoni kkommettiet ruħha li taħdem b'mod attiv biex tippromwovi t-tkabbir u l-impjiegi fil-komunitajiet tas-sajd kostali u li jiddependu mill-akkwakultura. Is-settur tas-sajd ta' spiss ikollu rwol kruċjali fiż-żoni kostali tal-UE kontinentali u fir-reġjuni l-iktar imbegħdin tagħha.

L-importanza soċjali u ekonomika ta' flotot kostali ta' skala żgħira u l-akkwakultura f'ċerti reġjuni titlob miżuri speċifiċi għal dawn il-flotot. Il-miżuri għandhom jappoġġaw tkabbir ekoloġiku, intelliġenti u inklussiv u għandhom jikkontribwixxu għal sajd u akkwakultura sostenibbli u b'impatt baxx, innovazzjoni, diversifikazzjoni fid-dħul, konverżjoni mill-ġdid, titjib tax-xjenza u kultura ta' konformità.

2.4. Issodisfar tal-ħtiġijiet reali ta' konsumaturi infurmati

Il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura għandha tagħmel sforz ikbar biex tikkunsidra l-interessi tal-konsumaturi u biex tirrinforza l-kunfidenza f'dawn il-prodotti. Il-proposta se ttejjeb l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni għall-konsumaturi dwar il-karatteristiċi tal-prodott u tal-produzzjoni, u fejn ikun meħtieġ jista' jiġi ffaċilitat it-tikkettar volontarju, pereżempju fuq it-tekniki tal-produzzjoni jew l-ilmenti ambjentali.

L-organizzazzjonijiet tal-produtturi se nkunu mgħammra biex jippjanaw il-produzzjoni tagħhom b'iktar suċċess bi pjanjiiet annwali li jirrikonċiljaw attivitajiet sostenibbli tas-sajd billi jaġġustaw il-forniment b'mod iktar eżatt għad-domanda, kemm f'dak li għandu x'jaqsam mal-kwantità kif ukoll mal-kwalità. Dan se jgħin biex jintlaħqu d-domandi speċifiċi u titjieb il-kwalità tal-prodott. Il-ġbir u t-tixrid imtejbin tal-informazzjoni permezz tas-suq intelliġenti se jtejbu l-fehim tas-swieq tas-sajd u l-akkwakultura u d-domandi tal-konsumaturi.

2.5. Governanza aħjar permezz tar-reġjonaliżmu

Approċċ ċentralizzat u minn fuq għal isfel jagħmilha diffiċli biex il-PKS tiġi adattata għall-speċifiċitajiet tal-baċiri tal-ibħra differenti fl-UE. L-Istati Membri u l-partijiet interessati se jkollhom iktar responsabbiltà għall-ġestjoni tar-riżorsi fil-livell tas-sajd, kif ukoll għall-koerenza ta' din il-ġestjoni ma' azzjonijiet oħra f'kull baċir tal-baħar.

Il-Kummissjoni tipproponi aġenda li hija ambizzjuża fir-rigward tar-reġjonalizzazzjoni u s-simplifikazzjoni. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sajd adottata ċentralment għandha tiffoka fuq l-għanijiet, il-miri, l-istandards u r-riżultati minimi komuni, u skeda bid-dati ta' meta għandhom jinkisbu dawn il-miri. Filwaqt li d-deċiżjonijiet ewlenin jibqgħu fil-livell tal-UE, l-Istati Membri se jkollhom il-flessibbiltà jiddeċiedu dwar miżuri oħra għall-ġestjoni tas-sajd, taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni, b'konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-UE.

Biex jiżguraw ġestjoni effettiva, l-Istati Membri jistgħu, pereżempju, jadottaw it-taħlita mixtieqa ta' miżuri tekniċi ta' konservazzjoni u miżuri kontra r-rimi. Imbagħad jimplimentaw individwalment dawn il-miżuri fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Ir-reġjonalizzazzjoni titkompla fil-livelli kollha sal-inqas wieħed, u għandha tinkludi iktar awtoġestjoni għall-industrija tas-sajd billi żżid l-involviment tas-sajjieda fil-politiki u l-aċċettazzjoni tagħhom, u għalhekk tikkontribwixxi għal konformità aħjar mar-regoli. Il-Kummissjoni tipproponi li tagħti spinta lir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-sajjieda, u li tipprovdilhom opportunitajiet addizzjonali għall-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi, kemm fl-ippjanar kif ukoll fl-eżekuzzjoni. L-organizzazzjonijiet effettivi tal-produtturi se jkollhom rwol attiv fl-ippjanar tal-attivitaiet tas-sajd tal-membri tagħhom u fl-istabbilizzazzjoni tas-swieq, fil-ġestjoni tal-kwoti, tal-isforz tas-sajd u tal-flotot tagħhom biex jisfruttaw l-użu tal-kwota tagħhom u biex iwaqqfu l-iskartar tal-ħut billi jbiddlu u jikru l-kwoti u jaraw x'jagħmlu fil-qabdiet tal-ħut mhux mixtieqa.

Abbażi tal-esperjenza eżistenti, il-Kummissjoni tbassar li żżomm u testendi r-rwol tal-Kunsilli Konsultattivi fl-għoti tal-pariri dwar il-konservazzjoni tal-politika skont il-mudell tar-reġjonalizzazzjoni. B'mod simili għal dan, il-Kunsilli Konsultattivi jistgħu jestendu l-attivitajiet tagħhom għal oqsma oħra tal-ġestjoni tal-baħar li jaffettwaw l-attivitajiet tas-sajd. B'kunsiderazzjoni għall-aspetti speċifiċi tal-Baħar l-Iswed, li huwa baċir tal-baħar magħluq maqsum bejn erba' stati li mhumiex membri tal-Unjoni, il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi Kunsill Konsultattiv għall-Baħar l-Iswed. Dan il-korp jkun jista' jagħti parir lill-Kummissjoni dwar ir-riċerka tal-politika ta' konservazzjoni, il-ġbir tad-dejta u l-innovazzjoni sabiex tingħata spinta lill-kooperazzjoni bejn ir-Rumanija, il-Bulgarija u l-ġirien tal-baċir tal-baħar tagħhom. Dan jista' jkollu rwol essenzjali fit-trawwim tal-mudell reġjonali ta' kooperazzjoni adattata għall-aspetti speċifiċi tal-Baħar l-Iswed.

In-natura speċifika tas-settur tal-akkwakultura teħtieġ entità ffukata fuq il-konsultazzjonu u l-pariri tal-partijiet interessati dwar elementi definiti tal-politika li jistgħu jaffettwaw l-akkwakultura. Għal din il-fini, Il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi Kunsill Konsultattiv għall-Akkwakultura ġdid.

Għal kwistjonijiet li mhumiex koperti mill-Kunsilli Konsultattivi, il-Kummissjoni trid tiżgura l-usa' involviment possibbli tal-partijiet interessati kollha b'mod kosteffikaċi. Se jiġi żviluppat ukoll mekkaniżmu flessibbli u simplifikat biex jipprovdi parir u kompetenza lill-Kummissjoni.

Is-suċċess tar-riforma proposta tal-PKS jiddependi ħafna mill-kumbinazzjoni rebbieħa ta' konformità mill-operaturi u infurzar effettiv mill-awtoritajiet pubbliċi. Il-proposti tar-riformi jimxu fuq ir-Regolamenti tal-Kontroll u tal-IUU[11]. Barra minn hekk, ir-Regolament Bażiku propost jintroduċi l-prinċipju tal-kundizzjonalità, li skontu hija marbuta d-disponibbiltà ta' ċerti riżorsi finanzjarji u riżorsi oħra għall-Istat Membru jew għall-operaturi individwali mal-konformità mar-regoli tal-PKS.

2.6. Finanzjament iktar intelliġenti

Filwaqt li l-appoġġ finanzjajru tal-UE tal-futur ikopri s-sensiela kollha tal-attivitajiet, mill-produzzjoni primarja sal-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni, dan għandu jkun immirat strettament għall-ksib tal-għanijiet tal-PKS irriformata. Il-finanzjament pubbliku futur għas-settur se jkun riformat u simplifikat sew, u jirrifletti l-għanijiet tal-PKS proposta. Se jkun allinjat mal-għanijiet tal-Ewropa 2020. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li timmodernizza s-sistema ta' intervenzjoni skont l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq. Din is-sistema ma għadhiex tirrifletti iktar il-bilanċ li jinbidel fil-forniment u fid-domanda. L-infiq tal-flus tal-pubbliku għall-qrid tal-ħut ma għadux iġġustifikat. Is-sistema attwali se tiġi sostitwita b'mekkaniżmu ta' ħżin simplifikat biex jinħoloq livell minimu ta' stabbilità tas-suq.

2.7. L-ipproġettar tal-prinċipji tal-PKS b'mod internazzjonali

L-azzjonijiet esterni tal-UE għandhom ikunu konsistenti mal-prinċipji u l-għanijiet tal-PKS, jiġifieri s-sostenibbiltà u l-ħtieġa li jiġu salvagwardjati l-ekosistemi tal-baħar. L-azzjoni meħuda se tiġi gwidata billi jiġu żviluppati u użati l-aqwa għarfien xjentifiku disponibbli, u kooperazzjoni iktar qawwija biex tkun żgurata l-konformità. Il-Kummissjoni ppreżentat l-orjentazzjonijiet il-ġodda għal dimensjoni esterna tal-PKS irriformata f'Komunikazzjoni separata.

L-UE se jkollha rwol iktar b'saħħtu fl-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd sabiex issaħħaħhom. Se tagħmel l-istess ħaġa fl-entitajiet multilaterali bħan-NU jew l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura, għall-istess fini. L-UE se tippromwovi wkoll ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi permezz ta' djalogu mtejjeb mal-imsieħba ewlenin u iktar ħidma mill-qrib mal-pajjiżi mhux tal-UE. Se żżid ukoll l-azzjonijiet, partikolarment fir-rigward tal-ġlieda kontra attivitajiet illegali, mhux rappurtati u mhux regolati u t-tnaqqis tal-kapaċità tal-flotta.

Il-Ftehim dwar is-Sajd Sostenibbli (SFAs) mal-pajjiżi mhux tal-UE jeħtieġ li jkun orjentat mill-ġdid lejn il-ksib ta' ġestjoni iktar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd permezz ta' klawżola trasparenti li tiżgura li l–bastimenti tal-UE biss jistadu għal riżorsi li l-pajjiż imsieħeb ma jkunx jista' jew ma jkunx jixtieq jistad hu stess. L-SFAs għandhom jiffukaw iktar fuq ix-xjenza, il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza. Għandha tiddaħħal klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kollha tal-ġejjieni.

L-UE se tkompli tippromwovi u tapplika l-għanijiet tal-PKS għal dawk li huma msejħa l-ftehimiet tat-Tramuntana li jipprovdu għall-ġestjoni kondiviża tar-riżorsi bejn l-UE u l-pajjiżi mhux tal-UE li magħhom l-UE taqsam l-istokkijiet fl-ilmijiet tal-Atlantiku tat-Tramuntana, tal-Artiku, tal-Baltiku u tal-Baħar tat-Tramuntana.

Sommarju tal-miżuri proposti fil-pakkett ta' riforma tal-PKS

Konservazzjoni u sostenibbiltà || L-Ogħla Rendiment Sostenibbli bħala mira ta' konservazzjoni bi skadenza (2015)

|| Eliminazzjoni tal-ħut skartat permezz ta' obbligu li jinħatt l-art u regoli meħtieġa tal-ġestjoni bi skeda għall-introduzzjoni

|| Pjanijiet multiannwali ffukati fuq għanijiet, miri, limiti u skedi bl-iskadenzi taż-żmien essenzjali, imsejsa fuq approċċ imsejjes fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd

|| Awtorizzazzjoni għall-Istati Membri biex jieħdu miżuri skont il-liġi tal-UE dwar pjanijiet multiannwali u miżuri tekniċi ta' konservazzjoni

|| Proċeduri mgħaġġla biex jiġu adottati miżuri tas-sajd meħtieġa skont il-ġestjoni ambjentali (Natura 2000)

Dejta u Xjenza || Obbligi għall-Istati Membri biex jiġbru u jipprovdu d-dejta, u biex jippreparaw programmi multiannwali (regjonali) tal-ġbir tad-dejta

|| Programmi nazzjonali għar-riċerka tas-sajd b'koordinazzjoni regjonali fost l-Istati Membri

|| L-iffukkar tax-xogħol tal-STECF (il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd) fuq dak li huwa essenzjali

Aċċess għar-riżorsi u l-kapaċità tal-flotta || Konċessjonijiet trasferibbli tas-sajd obbligatorji għall-flotot ta' skala kbira – bit-trasferibbiltà fil-livell nazzjonali

|| Nersqu lil hinn mis-sussidji relatati mal-flotta

L-akkwakultura || Pjanijiet strateġiċi nazzjonali 2014-2020 dwar il-promozzjoni tal-akkwakultura.

|| Stabbiliment ta' Kunsil Konsultattiv ġdid għall-Akkwakultura

Politika tas-suq || L-awtorizzazzjoni lill-Organizzazzjonijiet tal-Produtturi u l-Organizzazzjonijiet Intersettorjali biex iżidu r-rwol u r-responsabbiltà tagħhom fl-ippjanar tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni b'enfasi fuq ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd u tnaqqis tal-impatt tal-attivitajiet tal-akkwakultura.

|| Modifikazzjoni tas-sistema ta' intervenzjoni, billi jiġi stabbilit mekkaniżmu uniku ta' intervenzjoni għall-ħżin

|| Iffissar tal-prezzijiet ta' intervenzjoni f'livell deċentralizzat u adegwat

|| Informazzjoni tal-konsumaturi iktar b'saħħitha u analiżi tal-istandards tas-suq.

Governanza || Espansjoni tar-rwol tal-Kunsilli Konsultattivi fl-implimentazzjoni tal-PKS fil-livell reġjonali

|| Approċċ ġdid għall-involviment tal-partijiet interessati fi kwistjonijiet orizzontali mhux koperti mill-Kunsilli Konsultattivi

Strument finanzjarju || Allinjament sħiħ mal-Istrateġija tal-Ewropa 2020

|| Dispożizzjonijiet ta' kundizzjonalità dwar il-konformità mar-regoli – applikabbli kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-operaturi individwali

Dimensjoni esterna || L-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd – involviment imtejjeb tal-UE fl- Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd biex jissaħħu x-xjenza, il-kontroll u l-konformità ma' dawn il-fora sabiex tittejjeb il-prestazzjoni tagħhom.

|| Multilaterali — azzjonijiet konġunti mal-imsieħba l-iktar importanti tal-UE mmirati biex jiġġieldu s-sajd IUU u jnaqqsu l-kapaċità żejda.

|| Koerenza aħjar bejn il-politiki dwar is-sajd, l-iżvilupp, il-kummerċ u l-ambjent tal-UE.

|| Ftehimiet dwar is-Sajd Sostenibbli – bażi tax-xjenza mtejba u identifikazzjoni ċara tar-riżorsi żejda fil-pajjiżi msieħba biex jiġu żgurati prattiki sostenibbli tas-sajd f'dawn il-pajjiżi mill-flotta tagħna. Kontribuzzjoni finanzjarja ikbar mill-industrija u l-istabbiliment ta' qafas ta' governanza ta' kwalità għolja. Għandha tiddaħħal klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kollha tal-ġejjieni.

[1]               COM(2009) 163 finali tat-22 ta’ April 2009.

[2]               Ara wkoll SEC(2010)428 finali tas-16 ta' April 2010 Sinteżi tal-Konsultazzjoni dwar ir-Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd.

[3]               Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni UE 2020 Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (COM(2010)2020 tat-3 ta' Marzu 2010) tistabbilixxi l-istrateġija biex tgħin lill-UE toħroġ mill-kriżi b'mod tajjeb u tbiddel l-UE f'ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklussiva li jkollha livelli għolja ta' impjieg, produttività u koeżjoni soċjali. L-istrateġija Ewropa 2020 tistabbilixxi viżjoni tal-ekonomija soċjali tas-suq tal-Ewropa għas-seklu 21.

[4]               Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza — Inizjattiva ewlenija skont l-Istrateġija Ewropa 2020, COM(2011) mill-21 sas-26 ta' Jannar 2011.

[5]               Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni - Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd [li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002][traduzzjoni mhux uffiċjali]

[6]               Kif definit skont id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (tal-Baħar) (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina(tal-Baħar)

[7]               RAPPORT SPEĊJALI Nru 7/2007 dwar is-sistemi ta’ kontroll, spezzjoni u sanzjoni relatati mar-regoli dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd tal-Komunità flimkien mar-risposti tal-Kummissjoni.

[8]               Dokument ta' Ħidma mill-Persunal tal-Kummissjoni - Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd [li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002][traduzzjoni mhux uffiċjali]

[9]               Ir-ratifika mħaffa mill-Istati Membri tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-2007 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol hija pass importanti ieħor lejn l-iżgurar ta' kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti abbord il-bastimenti tas-sajd. Din il-Konvenzjoni se tidħol fis-seħħ meta tiġi ratifikata minn 10 mill-180 Stat Membru tal-ILO (inkluż tmien nazzjonijiet kostali). Il-Konvenzjoni timmira li ttejjeb is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali u s-saħħa medika fuq il-baħar, biżżejjed serħan għas-saħħa u s-sikurezza tagħhom, il-protezzjoni ta' ftehim dwar ix-xogħol, u l-istess protezzjoni tas-sigurtà soċjali bħall-ħaddiema l-oħra.

[10]             Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: Il-bini ta' futur sostenibbli għall-akkwakultura - Spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea — COM(2009) 162 finali tat-8 ta' April 2009.

[11]             Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, u R-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.