52011DC0414




Ambjent diffiċli

Id-dinja bdiet irkupru fraġli fl-2010 mill-kriżi finanzjarja u ekonomika tal-2008-2009. Il-progress ma kienx uniformi u pjuttost okkażjonali. Ekonomiji avvanzati bħal dawk tal-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Unjoni Ewropea rreġistraw tkabbir modest. Il-pajjiżi emerġenti mmexxija miċ-Ċina, l-Indja, ir-Russja u l-Brażil avvanzaw b’pass iżjed sostnut. Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b’mod partikolari dawk bi dħul baxx li ġew milquta l-agħar mill-kriżi, kellhom ambitu limitat fejn ikabbru l-ekonomiji tagħhom. Xi wħud minnhom kienu wkoll l-ewwel li sofrew minn żieda ġdida fil-prezzijiet tal-komoditajiet, l-enerġija u l-ikel li seħħet matul is-sena madwar id-dinja. Ma kinux kapaċi li joħolqu jew jisfruttaw possibbiltajiet ekonomiċi ġodda f’darhom jew barra minn pajjiżhom. Fl-istess ħin, il-popolazzjoni dinjija żdiedet b’79.3 miljun ruħ, l-iżjed fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. L-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDGs) sal-iskadenza miftiehma tal-2015 m’għadux possibbli.

Bħala riżultat ta’ dan, il-livelli tal-qgħad u l-faqar żdiedu fil-pajjiżi l-foqra, fejn ġew affettwati 120-150 miljun persuna oħra madwar id-dinja kollha fl-2009-2010. L-impatt affettwa b’mod partikolari liż-żgħażagħ, li żiedu t-tensjoni soċjali u l-pressjonijiet migratorji. Il-parti l-kbira tal-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma kellhomx ir-riżorsi sabiex japplikaw politiki antiċikliċi. Għalhekk huma kellhom inaqqsu d-defiċits tal-baġits billi jnaqqsu l-infiq. Dan affettwa b’mod negattiv il-programmi soċjali, tas-saħħa u dawk edukattivi u kabbar id-distanza bejn il-foqra u l-għonja. In-nuqqas ta’ ugwaljanza fid-dħul żdied ukoll kemm fil-pajjiżi avvanzati kif ukoll f’dawk li qed jiżviluppaw.

Dan kien l-isfond għall-isforzi tal-UE fl-2010 sabiex tipprovdi iktar għajnuna u ta’ kwalità aħjar u sabiex tipprovdiha iżjed malajr u b'iktar effikaċja. Fattur kostanti tal-assistenza għall-iżvilupp tal-UE matul din is-sena kien li jiġi pprovdut l-appoġġ massimu għall-isforzi globali u lokali sabiex jintlaħqu l-MDGs. L-għan kien li jiġi prevenut li l-progress magħmul jintilef minħabba l-kriżi u li jiġu konsolidati r-riżultati miksuba. L-UE kienet parteċipant ewlieni fis-summit dwar il-MDGs tan-NU f’Settembru fejn ġie miftiehem li jiġu rduppjati l-isforzi għall-ilħuq tal-firxa kollha tal-MDGs sal-2015.

Iż-żamma tal-mira tal-MDGs

Dan kien l-ikbar avveniment tal-2010 għall-MDGs. L-UE kellha rwol importanti fil-preparazzjoni għal u waqt is-summit. Sabiex tenfasizza l-impenn tagħha li tappoġġja l-isforzi globali, waqt is-sessjoni l-UE ħabbret inizjattiva għall-MDGs ta’ EUR 1 biljun sabiex tintensifika l-assistenza tagħha ħalli tgħin lill-imsieħba tagħha fil-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (AKP) jilħqu l-MDGs, b’mod speċjali dawk li kienu l-aktar diffiċli li jintlaħqu.

L-UE hija impenjata li ssostni l-appoġġ għall-politiki tal-MDGs tagħha fi żmien meta l-għajnuna tal-UE qed tkun taħt pressjoni billi l-gvernijiet qegħdin inaqqsu l-infiq sabiex inaqqsu d-defiċits tal-baġits tagħhom.

Il-progress fuq it-tmien MDGs varja b’mod sinifikanti. Sar progress tajjeb pereżempju fuq l-edukazzjoni primarja universali (MDG2) u l-aċċess għall-ilma (MDG7). Madankollu 1.4 biljun persuna għadhom jgħixu f’faqar estrem, u ħafna MDGs għadhom lura b’mod serju milli jintlaħqu. Is-saħħa materna (MDG5) u l-aċċess għas-sanità (parti mill-MDG7) jeħtieġu iżjed attenzjoni. L-Afrika Sub-Saħarjana waqgħet lura f’ħafna mill-MDGs.

F’April tal-2010, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat sett ta’ proposti konkreti għal azzjoni tal-UE sabiex tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jilħqu l-MDGs tagħhom fil-ħin. Dan il-pjan ta’ 12-il punt jagħti prijorità lill-pajjiżi li l-iżjed għadhom lura milli jilħqu l-għanijiet, inklużi dawk involuti f’kunflitt jew f’sitwazzjonijiet fraġli oħra. Il-pjan kien akkumpanjat minn ħames dokumenti ta’ ħidma li analizzaw fl-ordni li ġej il-progress lejn il-MDGs, il-finanzjament għall-iżvilupp, l-effikaċja tal-għajnuna, l-għajnuna għall-kummerċ, u l-koerenza tal-politika. Kontributi oħra tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà tal-ikel, is-saħħa globali, it-taxxa għall-iżvilupp, l-edukazzjoni u l-inugwaljanza bejn is-sessi ġew inklużi fid-dokument ta’ pożizzjoni tal-UE għas-summit ta’ reviżjoni tan-NU.

Fid-dokument finali, il-parteċipanti tas-summit impenjaw ruħhom li jirduppjaw l-isforzi sabiex jilħqu l-miri tal-MDGs sal-iskadenzi tal-2015. L-impenji ġew kemm mill-pajjiżi żviluppati kif ukoll minn dawk li qed jiżviluppaw, sabiex b'hekk il-proċess tal-MDGs kiseb momentum ġdid. Waħda mit-toroq promettenti li jistgħu jittieħdu hija dik fejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġu mħeġġa biex jimmobilizzaw iżjed dħul domestiku sabiex jgħinu fil-finanzjament tal-iżvilupp tagħhom, pereżempju billi jżidu l-kapaċità tagħhom li jżidu d-dħul tat-taxxa b'konformità mal-prinċipji tal-governanza tajba fil-kwistjonijiet rigward it-taxxi. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni[1] f’April tal-2010 sabiex issaħħaħ il-konnessjoni bejn il-politiki tat-taxxa u l-iżvilupp, u ttejjeb il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxi (trasparenza, skambju ta’ informazzjoni u kompetizzjoni ġusta fil-qasam tat-taxxa). Hija qiegħda taħdem sabiex twaqqaf sħubija mal-Forum Afrikan tal-Amministrazzjoni tat-Taxxa. L-UE hija impenjata wkoll li tappoġġja t-tkabbir tas-settur privat fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Kooperazzjoni iżjed effettiva

It-Trattat ta’ Lisbona jirrikjedi li l-UE tikkunsidra fil-politiki kollha tagħha l-għanijiet tal-kooperazzjoni tal-iżvilupp. F’April il-Kummissjoni ppublikat programm ta’ ħidma dwar il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp għall-perjodu 2010-2013[2]. L-għan huwa li tittejjeb iżjed il-koerenza bejn l-assistenza tal-iżvilupp u oqsma rilevanti oħra tal-politika tal-UE b’rilevanza fuq ir-relazzjonijiet esterni bħall-kummerċ, it-taxxa u l-finanzi, is-sigurtà tal-ikel, it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni u s-sigurtà.

Il-Kummissjoni Ewropea ħadet ħafna inizjattivi maħsuba sabiex itejbu l-politiki tal-iżvilupp tagħha. Dawn jinkludu konsultazzjonijiet pubbliċi dwar ir-rwol tal-għajnuna tal-UE bħala appoġġ tat-tkabbir inklużiv u l-iżvilupp sostenibbli (ara l-kaxxa) u dwar ir-rwol tal-istrumenti finanzjarji esterni tal-UE. L-għan tal-konsultazzjoni ta’ dawn l-istrumenti kien li jinġabru ideat u opinjonijiet fuq firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet, bħall-valur miżjud tal-intervent finanzjarju tal-UE f’ċertu oqsma, l-opzjonijiet għal forom ġodda ta' kooperazzjoni u mekkaniżmi ta’ kunsinna mal-pajjiżi msieħba, kif ukoll l-effiċjenza, l-impatt u l-viżibbiltà tal-assistenza esterna tal-UE.

Il-futur tal-politika tal-iżvilupp tal-UE

F’Novembru tal-2010, il-Kummissjoni nediet dibattitu pubbliku bil-pubblikazzjoni tal- green paper tagħha “Il-politika ta’ żvilupp tal-UE b’appoġġ tat-tkabbir inklużiv u sostenibbli[3]". Din ippreżentat opzjonijiet dwar modi sabiex il-politika ta’ żvilupp tal-UE ssir katalist għall-bini tal-kapaċitajiet proprji tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jiġġeneraw tkabbir inklużiv u sostenibbli u jimmobilizzaw ir-riżorsi ekonomiċi, naturali u umani tagħhom sabiex jappoġġjaw l-istrateġiji għat-tnaqqis tal-faqar. Hija kkunsidrat l-iżvilupp possibbli ta’ sħubijiet għal tkabbir inklużiv li jinvolvi s-setturi pubbliċi u privati u tagħti ħarsa lejn it-tibdil fil-klima, il-politiki tal-enerġija u l-ambjent bħala muturi ta’ żvilupp sostenibbli kif ukoll ir-rwol tal-agrikoltura u l-bijodiversità fl-ilħuq tas-sigurtà tal-ikel u t-tqawwija tat-tkabbir.

Ir-riżultati ta’ din il-konsultazzjoni se jiġu inklużi fil-proposti tal-politika tal-Kummissjoni iktar tard fl-2011, inklużi dawk għall-modernizzazzjoni tal-politika Ewropea għall-iżvilupp.

Il-Kummissjoni nediet ukoll konsultazzjoni pubblika dwar l-użu tal-appoġġ tal-baġit sabiex tingħata assistenza tal-UE[4]. L-għan tagħha kien li jinġabar tagħrif minn iżjed minn deċennju ta’ provvista ta’ appoġġ baġitarju u għamlet stedina sabiex jingħataw opinjonijiet u evidenza kemm dwar l-opportunitajiet ta’ din l-għodda kif ukoll dwar il-modi kif tista’ tittejjeb il-kwalità, il-valur għall-flus u l-impatt tagħha.

L-appoġġ baġitarju huwa mekkaniżmu għat-trasferiment ta’ fondi ta’ għajnuna għat-teżor nazzjonali tal-pajjiż benefiċjarju jekk dan jilħaq il-kundizzjonijiet miftiehma għall-ħlas. Matul l-2010, l-appoġġ baġitarju kien jirrappreżenta 24% (EUR 1.8 biljun) mill-impenji kollha mill-baġit tal-UE u l-FEŻ. Appoġġ baġitarju ġenerali huwa meta l-UE tappoġġja l-implimentazzjoni ta’ strateġija nazzjonali ta’ żvilupp u appoġġ baġitarju ta’ settur huwa meta l-fondi tal-UE jgħinu l-pajjiż sieħeb f'settur speċifiku.

Qasam ieħor li qed jiġi żviluppat huwa t-taħlita ta’ għotjiet u self fil-finanzjament tal-assistenza għall-iżvilupp sabiex jiġi inkluż iżjed finanzjament permezz ta’ self, b’mod partikolari mill-Bank Ewropew tal-Investiment. Minħabba l-iskarsezza attwali ta’ riżorsi ta’ għotjiet, dawn il-mekkaniżmi ta’ taħlit jistgħu jkunu ta’ benefiċċju kemm għall-benefiċjarji kif ukoll għad-donaturi fl-għajnuna sabiex ikun hemm aċċess iżjed faċli għall-finanzjament b’effett għoli ta’ ingranaġġ. Eżempju wieħed huwa l-istrument ta’ taħlit innovattiv imniedi taħt il-faċilità tal-enerġija. Ammont ta’ EUR 40 miljun, li għandu jitħallat ma’ finanzjament minn Stati Membri u l-BEI, issa huwa disponibbli għall-kofinanzjament tal-proġetti ta’ daqs medju mmirati sabiex iżidu l-aċċess għas-servizzi ta’ enerġija sostenibbli fil-pajjiżi AKP. Il-Kummissjoni qiegħda tippjana li tkabbar iżjed il-finanzjament innovattiv fl-azzjoni esterna sabiex ittejjeb l-ingranaġġ finanzjarju u politiku tal-baġit tal-UE billi tattira istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi u privati oħra.

L-għajnuna effikaċi hija għodda essenzjali għall-ilħuq tal-MDGs. Kull ewro mfaddal għall-iżvilupp għandu jintuża b’mod effiċjenti u effikaċi. L-UE hija impenjata sabiex iżżid l-effikaċja tal-għajnuna tagħha.

Min-naħa ta’ barra, il-Kummissjoni tikkoordina l-pożizzjonijiet tal-UE dwar l-effikaċja tal-għajnuna f’livelli varji, inkluż l-OECD, in-NU, il-G8 u l-G20. Dan ix-xogħol għandu jkun rilevanti waqt li l-preparazzjonijiet javvanzaw għar-raba’ Forum ta’ Livell Għoli tan-NU dwar l-effikaċja tal-għajnuna f’Busan, il-Korea t’Isfel fl-aħħar ta’ Novembru 2011.

Fl-OECD, il-Kummissjoni kienet il-kopresident fl-2010 tal-grupp ta’ ħidma għall-effikaċja tal-għajnuna tal-Kumitat għall-Għajnuna fl-Iżvilupp (DAC), li jfittex li jiżviluppa l-aħjar prattika u l-koerenza tal-politika fost il-pajjiżi donaturi. Il-Kummissjoni għamlet kontribut ta’ inputs sabiex iżżid l-effikaċja tal-operat tal-użu tas-sistemi tal-pajjiżi, il-qsim tax-xogħol, għajnuna iżjed trasparenti u responsabbli, u kooperazzjoni teknika aħjar.

Flimkien mas-27 Stat Membru tal-UE, il-Kummissjoni implimentat il-qafas tal-operat dwar l-effikaċja tal-għajnuna miftiehem fl-2009 li jinkludi grupp ta’ impenji għat-tisħiħ tal-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna. Fost oħrajn, dan jiffoka fuq il-qsim tax-xogħol bejn id-donaturi sabiex titnaqqas il-frammentazzjoni tal-isforzi tal-għajnuna. Il-Kummissjoni qiegħda tipprepara proposta sabiex tissinkronizza ċ-ċikli tal-programmazzjoni tal-UE u dawk nazzjonali fuq livell ta’ pajjiż sieħeb u bbażata fuq l-istrateġiji tal-pajjiżi msieħba u ċ-ċikli tal-programmazzjoni tagħhom.

Mekkaniżmu ieħor għat-titjib tal-qsim tax-xogħol huwa s-sistema li biha l-Kummissjoni tiddelega lil Stat Membru, jew viċi versa, it-twettiq ta' proġett partikolari jekk ikun f'pożizzjoni aħjar sabiex jimplimentah.

Il-Kummissjoni pproponiet ukoll għaxar azzjonijiet ta’ impatt għoli għat-titjib tal-effikaċja tal-għajnuna, bl-indirizzar ta’ tliet prijoritajiet ewlenin: it-tqassim tax-xogħol, l-użu tas-sistemi tal-pajjiżi u l-kooperazzjoni teknika mtejba.

F’termini tal-kwalità tal-ġestjoni tal-għajnuna, il-Kummissjoni sostanzjalment żiedet ukoll in-numru ta’ proġetti għaddejja u lesti li sar monitoraġġ fuqhom matul l-2010. Għamlet proposti, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew, sabiex jiġu simplifikati l-proċeduri tas-sejħa għall-offerti u l-għotjiet għall-konċessjoni u t-twettiq ta’ proġetti. It-taħriġ tal-persunal ġie intensifikat ukoll.

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni pproponiet li ssaħħaħ il-kapaċità tal-Bank Ewropew tal-Investiment li jappoġġja l-għanijiet ta’ żvilupp tal-UE.

Kooperazzjoni iżjed mill-qrib mad-donaturi internazzjonali

Matul is-sena, l-UE saħħet il-kooperazzjoni tagħha mad-donaturi tradizzjonali u l-imsieħba ġodda emerġenti. L-UE u l-Istati Uniti qablu fis-samit tagħhom f’Novembru li jiżviluppaw pjan ta’ ħidma konġunt dwar il-qsim tax-xogħol, it-trasparenza u r-responsabbiltà ta’ ġewwa pajjiż u li jimplimentawh f’pajjiżi msieħba magħżula matul l-2011. L-ewwel djalogu annwali tal-politika dwar l-iżvilupp mal-Ġappun sar f’April. Fl-ewwel inizjattiva ta’ dan it-tip, ekonomiji emerġenti u avvanzati qablu fis-summit tal-G20 f’Novembru f’Seoul dwar pjan ta’ azzjoni multiannwali sabiex jiġi megħlub it-tfixkil ewlieni għat-tkabbir, b'mod partikolari fil-pajjiżi bi dħul baxx. Il-pajjiżi ġodda, iċ-Ċina, il-Brażil u xi pajjiżi Għarab, ingħaqdu mal-komunità donatriċi, billi ġabu riżorsi addizzjonali kif ukoll approċċi ġodda.

Il-Kummissjoni żammet il-kuntatt, il-kooperazzjoni u d-djalogu man-NU u l-Bank Dinji. Il-Kummissjoni u n-NU issa qegħdin jaħdmu flimkien f’iżjed minn 100 pajjiż, fuq proġetti li jvarjaw mit-tindif ta’ majns għas-sanità. Fl-2010, l-UE ikkontribwiet EUR 597 miljun lin-NU u l-aġenziji tagħha u EUR 192 miljun lill-Bank Dinji. Permezz tal-kooperazzjoni man-NU u l-Bank Dinji iżjed proġetti u proġetti aktar kbar isiru possibbli, b'impatt pożittiv għall-benefiċjarji u għall-kunsinna effikaċi u effiċjenti tal-għajnuna. Il-kompetenza tal-Bank Dinji kienet partikolarment prezzjuża għall-appoġġ baġitarju, il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, it-tnaqqis tad-dejn u l-iżvilupp tas-settur privat.

Ir-regolamenti finanzjarji tal-UE jippermettu lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li jiġġestixxu l-fondi tal-UE skont il-proċeduri tagħhom stess, sakemm dawn jilħqu l-istandards tal-UE għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ, u sakemm l-UE tkun tista’ twettaq verifiki fuq il-post fis-sit partikolari fejn ikun meħtieġ.

L-UE tikkoopera wkoll mal-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (OIM).

Il-kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet mal-imsieħba

L-effiċjenza tal-għajnuna u l-MDGs kienu inklużi fil-kooperazzjoni tal-UE mal-imsieħba tagħha madwar id-dinja matul l-2010. Serje ta' samits reġjonali u bilaterali kkulminaw fis-summit tal-UE-Afrika fi Tripli f’Novembru. Is-samit adotta t-tieni pjan ta’ azzjoni (2011-2013) tal-Istrateġija Konġunta Afrika-UE, sabiex jinkisbu f’qasir żmien riżultati konkreti f’oqsma li jinkludu l-MDGs, il-kummerċ, l-enerġija, il-paċi u s-sigurtà, il-governanza u d-drittijiet tal-bniedem, l-integrazzjoni reġjonali, u l-migrazzjoni. B’mod parallel, tniedu jew tkomplew ukoll proġetti konkreti. Il-lista ta’ proġetti tinkludi azzjoni fuq armi żgħar u armi ħfif, l-osservatorju AKP dwar il-migrazzjoni, il-programm Nyerere, l-interkonnettur tal-elettriċità Caprivi, is-sistema tal-kejbil sottomarin tal-Afrika tal-Lvant, il-popolarizzazzjoni tax-xjenza u t-teknoloġija, esibizzjoni li ddur minn pajjiż għall-ieħor dwar l-arti Afrikana u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni pubblika.

L-inizjattiva ewlenija tal-UE għall-kooperazzjoni tal-iżvilupp – is-sħubija tagħha ma’ 79 pajjiż fl-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku - daħlet f'fażi ġdida meta l-Ftehim Cotonou rivedut daħal fis-seħħ f'Novembru. Ir-reviżjoni tadatta s-sħubija għat-tibdil globali u l-importanza li qiegħda tikber tal-integrazzjoni reġjonali, l-interdipendenza bejn is-sigurtà u l-iżvilupp, u l-isfidi persistenti tal-HIV/AIDS u s-sigurtà tal-ikel. Il-ħlasijiet mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), is-sors ewlieni tal-finanzjament ta' għajnuna tal-AKP, laħqu rekord ta’ EUR 3.32 biljun fl-2010, meta mqabbla ma’ EUR 3.13 biljun fl-2009. Dan ipoġġi lill-10 FEŻ, li beda fl-2008, fit-triq it-tajba sabiex jimpenja riżorsi sħaħ ipprogrammati sal-aħħar tal-2013.

Matul l-2010, il-Kummissjoni pprovdiet programmi ta’ appoġġ baġitarju (EUR 495 miljun) lill-Afrika għat-tnaqqis tal-faqar b’iffokar kontinwu qawwi fuq l-MDGs. Kompliet ukoll l-isforzi fil-ġlieda kontra l-impatt fiskali fuq perjodu qasir tal-kriżi ekonomika fuq il-pajjiżi l-iżjed vulnerabbli permezz tal-istrument FLEX ta’ Vulnerabbiltà li jippermetti ż-żamma ta’ programmi ffokati fuq il-faqar minkejja restrizzjonijiet fiskali iżjed stretti. L-UE kienet attiva fil-ġlieda kontra l-ġuħ fl-Afrika permezz tal-faċilità tal-ikel u l-proġetti speċifiċi tas-sigurtà tal-ikel tagħha. Ħafna proġetti tal-UE fir-reġjun għandhom ukoll fil-mira tagħhom b’mod dirett MDGs relatati mas-saħħa. L-UE kompliet l-azzjoni tagħha f’pajjiżi fraġli u għandha rwol ewlieni f’setturi bħall-governanza demokratika, il-ġustizzja, ir-riforma tas-settur tas-sigurtà, l-infrastruttura, il-ġestjoni tal-finanza pubblika u l-iżvilupp rurali.

Ir-relazzjonijiet mal-ġirien tal-UE fl-Ewropa tal-lvant u l-Mediterran tan-nofsinhar imxew ‘il quddiem fl-2010 f’termini ekonomiċi, iżda mhux biżżejjed f’termini ta’ riformi demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem. Din kienet il-konklużjoni ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u r-raba’ grupp ta’ rapporti tal-PEV[5] adottati f’Mejju. Dawn juru biċ-ċar il-benefiċċji li l-pajjiżi msieħba jiksbu mir-relazzjoni mal-UE. Il-prograss kien sinifikanti fit-trasport, l-enerġija, it-tibdil fil-klima, ir-riċerka u l-iżvilupp u s-saħħa u l-edukazzjoni. Fir-reġjun tas-sħubija tal-Lvant, in-negozjati dwar ftehim imtejjeb ta’ assoċjazzjoni u tal-kummerċ ħieles mal-Ukrajna tkomplew waqt li nfetħu negozjati għal ftehimiet ta’ assoċjazzjoni mal-Moldova, l-Armenja, l-Azerbajġan u l-Ġeorgja. Is-seba’ sessjoni tan-negozjati li qegħdin jimxu bil-mod għal ftehim ġdid mar-Russja, li mhijiex parti mill-PEV, intemmet f'Diċembru. Fil-viċinat tan-Nofsinhar, sar summit mal-Marokk f’Marzu sabiex jimmarka l-“istat avvanzat” tiegħu bħala sieħeb tal-UE. Żewġ tentattivi sabiex jinżamm samit tal-Unjoni tal-Mediterran, l-ewwel f'Ġunju u wara f'Novembru, fallew.

L-assistenza tal-UE għar-reġjun tal-PEV iffokat fuq il-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-klima tal-investiment, il-governanza tajba, l-iżvilupp tal-infrastrutturi soċjali u l-appoġġ għal riformi amministrattivi, ekonomiċi u soċjali. L-iżjed sitwazzjoni soċjali diffiċli għadha dik tat-territorju okkupat Palestinjan fejn, minkejja l-assistenza umanitarja, l-indikaturi soċjo-ekonomiċi ma tjibux fl-2010, u minħabba dan iżjed minn 30% tal-popolazzjoni Palestinjana għadha tgħix fil-faqar.

Matul l-2008-2010, il-Faċilità tal-Investiment tal-Viċinat (FIV) appoġġjat 35 proġett fit-trasport, l-ambjent, u l-enerġija kif ukoll fis-setturi soċjali u privati b’għotjiet tal-FIV li ttotalizzaw EUR 260 miljun. Dan għen sabiex jiġu mobilizzati EUR 9.4 biljun ta’ investimenti minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali.

Ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Asja qegħdin isiru iżjed kumplessi. L-iżvilupp ekonomiku u politiku tal-pajjiżi Asjatiċi qed jipproduċi tibdil drammatiku li jaffettwa l-bilanċ tar-relazzjonijiet globali. L-UE żammet laqgħat ta’ summit maċ-Ċina f’Ottubru u mal-Indja f’Diċembru. Saru ħafna kuntatti fuq livell reġjonali pereżempju mal-ASEAN (Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja) u dak bilaterali. Suġġetti importanti kienu l-kwistjonijiet trasversali bħall-ambjent u t-tibdil fil-klima. Ġew iffirmati jew qiegħdin jiġu nnegozjati ftehimiet ta’ sħubija jew kummerċ ħieles mal-Indja, l-Indoneżja, il-Mongolja, il-Filippini u l-Vjetnam.

Il-vitalità ekonomika u l-industrijalizzazzjoni rapida tal-Asja kif inkarnati miċ-Ċina u l-Indja huma impressjonanti. Iżda għalkemm il-klassi medja li qiegħda tikber ibbenefikat b’mod konsiderevoli, fl-Asja għad hemm żewġ terzi tal-foqra tad-dinja. Għalhekk l-assistenza tal-iżvilupp għad għandha pożizzjoni għolja fl-aġenda Asjatika tal-UE, u l-mira tagħha huwa t-tnaqqis tal-faqar, is-saħħa u l-edukazzjoni.

Il-pajjiżi fi tranżizzjoni tal-Asja Ċentrali kellhom rati ta’ żvilupp sinifikanti matul dawn l-aħħar deċennju iżda ġew affettwati b’mod konsiderevoli mill-kriżi riċenti. L-assistenza tal-UE iffokat fuq it-titjib tal-istandards tal-għixien, l-iżvilupp tas-settur soċjali u l-provvista ta' xibka ta' sigurtà soċjali. Tfittex ukoll li ttejjeb l-istat tad-dritt u l-governanza pubblika. Inħolqot Faċilità ta’ Investiment għall-Asja Ċentrali, li tiffoka fit-taħlit tal-għotjiet u s-self fl-oqsma tal-enerġija, l-ambjent, l-impriżi ta’ daqs żgħir u medju u l-infrastruttura soċjali.

Is-samit annwali tal-UE mal-Amerika Latina u l-Karibew inżamm f’Madrid f’Mejju. Wara sitt snin ta’ waqfien, in-negozjati dwar ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur inbdew mill-ġdid, b’ħafna sessjonijiet ta’ negozjati u orarju tal-ħinijiet stabbilit għall-2011. Is-summit nieda l-faċilità tal-investiment tal-Amerika Latina (LAIF) u approva l-konklużjoni tan-negozjati għal ftehim ta’ assoċjazzjoni mal-Amerika Ċentrali u ta’ ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Kolombja u l-Perù. Il-ġlieda kontra d-drogi kienet inkluża wkoll fil-lista ta’ kuntatti tal-UE mal-imsieħba tal-Amerika Latina, b’mod parikolari l-ispiża tal-operazzjonijiet u l-miżuri kontra d-droga sabiex tiġi solvuta l-problema tat-tranżitu tad-drogi mill-Amerika Latina lejn l-Ewropa permezz tal-Afrika tal-Punent. F’Mejju, il-Kummissjoni Ewropea adottat l-ewwel dokument tagħha ta’ strateġija tal-pajjiż għall-Kuba, sabiex iservi bħala bażi għall-kooperazzjoni bilaterali tal-ġejjieni.

Medja ta’ 40% tal-popolazzjoni tal-Amerika Latina għadhom jgħixu fil-faqar. Fl-2010, il-Kummissjoni adottat 24 azzjoni fl-Amerika Latina b’valur total ta’ EUR 356 miljun. L-oqsma l-iżjed importanti jikkonċernaw il-ġlieda kontra l-faqar, il-koeżjoni soċjali, l-għarfien u l-fehim reċiproku, l-iżvilupp sostenibbli, il-ġlieda kontra d-drogi, u l-kummerċ u s-settur privat.

L-integrazzjoni tal-kwistjonijiet trasversali

Matul is-sena, l-UE ħadmet mal-imsieħba tal-iżvilupp fuq kwistjonijiet trasversali li jaffettwaw l-aspetti kollha tal-politika ta’ żvilupp tal-UE. Il-mira tal-UE hija li tagħmel dawn il-kwistjonijjiet parti integrali mill-attivitajiet kollha tal-iżvilupp. Tnejn minn dawn ġew indirizzati f’konferenzi f’Nagoya u Cancun dwar reġimi ġodda għall-bijodiversità u t-tibdil fil-klima. In-negozjati ta’ Nagoya spiċċaw bi protokoll dwar l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi u pjan strateġiku għall-2011-2020. Il-konferenza ta’ Cancun adottat pakkett ta’ deċiżjonijiet, fejn in-negozjati għal reġim klimatiku internazzjonali ġdid post-Kjoto bdew jiġu indirizzati mill-ġdid wara l-laqgħa inkonklużiva ta’ Kopenħagen fl-2009.

Il-governanza demokratika hija kwistjoni trasversali oħra fejn l-UE ipprovdiet appoġġ speċifiku għal settur u wettqet attivitajiet ta’ informazzjoni u żieda fl-għarfien. Il-governanza hija suġġett rikorrenti fid-djalogu tal-politika mal-pajjiżi msieħba. Hija essenzjali għal klima ta' investiment sod, il-ġestjoni tajba tal-finanza pubblika, it-tnaqqis tal-korruzzjoni u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet.

L-ugwaljanza bejn is-sessi hija waħda mill-ħames prinċipji sottostanti tal-politika ta' żvilupp tal-UE. F’Ġunju, ġie adottat pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħat lin-nisa fl-iżvilupp. L-għan tiegħu huwa t-tisħiħ tal-isforzi tal-UE għat-tmexxija ‘l quddiem tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-kisba tal-MDGs. Il-pjan t'azzjoni, li jkopri l-perjodu 2010-2015, se jiżgura li l-kwistjonijiet dwar is-sessi jkunu parti mill-ippjanar annwali u multiannwali għall-programmi u l-proġetti ta' żvilupp tal-UE.

L-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) jiffinanzja proġetti u inizjattivi għad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja fil-kuntest tal-politiki rilevanti tal-UE. Huwa l-espressjoni konkreta tal-intenzjoni tal-UE li tintegra l-appoġġ għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fil-politiki esterni kollha tagħha. L-EIDHR iwarrab parti mill-baġit tiegħu għal proġetti ta’ skala żgħira f’pajjiżi individwali. Fost il-kwistjonijiet prijoritarji tiegħu hemm id-drittijiet tan-nisa u t-tfal u l-ħarsien tal-minoritajiet. L-EIDHR jorganizza wkoll missjonijiet ta’ osservazzjoni ta’ elezzjonijiet u proġetti ta’ assistenza għall-elezzjonijiet. Fl-2010, din l-attività kkonċernat kważi 20 pajjiż, prinċipalment fl-Afrika, għal spiża totali ta’ EUR 100 miljun.

Is-sigurtà tal-ikel

F’Mejju, l-UE adottat qafas ta’ politika ġdid għas-sigurtà tal-ikel[6]. Huwa bbażat fuq l-għajnuna lill-bdiewa lokali u l-proprjetarji żgħar fil-pajjiżi fil-bżonn madwar id-dinja, billi jassisti gruppi ta' popolazzjonijiet vulnerabbli u jfassal politiki agrikoli u tas-sigurtà tal-ikel reġjonali. Il-qafas tal-politika ġdid imexxi ‘l quddiem is-suġġetti tal-faċilità tal-ikel għal rispons ta’ malajr tal-UE li qiegħda tipprovdi EUR 1 biljun għal 50 pajjiż fil-mira tal-qafas fl-2009-2011. L-ammont sħiħ kien ġie impenjat sal-aħħar tal-2010, bi 80% li diġà ġew żborżati.

Fl-2010, l-UE ipprovdiet ukoll ikel u assistenza oħra ta’ emerġenza lil iżjed minn 150 miljun persuna li ntlaqtu minn diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem fi 80 pajjiż madwar id-dinja. Il-baġit finali kien ta' iżjed minn EUR 1 biljun.

It-triq ‘il quddiem

Il-ħruġ bil-mod mill-kriżi globali, il-prezzijiet ogħla tal-ikel u l-enerġija, u l-pressjonijiet popolari għal tibdil demokratiku, b’mod speċjali f’ċertu pajjiżi tal-Mediterran/il-Lvant Nofsani, ħolqu kuntest ġdid għall-politika tal-iżvilupp tal-UE għall-2011 u ‘l quddiem. It-tweġiba għal dawn l-isfidi, waqt li jiġu implimentati l-prijoritajiet ta’ għajnuna, għandha tkun l-ikbar biċċa xogħol fl-2011.

Fost dawn il-prijoritajiet hemm is-segwitu għas-samit tal-MDGs sabiex jiġi żgurat li l-politika ta’ żvilupp tal-UE u l-Istati Membri tagħha jkollha l-ikbar impatt possibbli fl-ilħuq ta' dawn l-għanijiet. L-UE hija impenjata li tħaffef il-proċess sabiex l-ilħuq tal-MDGs ikun iżjed fil-qrib bejn il-mument attwali u l-2015. Dwar it-tibdil fil-klima, l-UE ser tagħmel segwitu fuq il-Ftehim ta' Cancun u tikkoopera mal-pajjiżi msieħba li qed jiżviluppaw fil-preparazzjonijiet għan-negozjati post-Kjoto li jmiss f’Durban f’Diċembru tal-2011. L-UE qiegħda tiffoka l-finanzjament tagħha għal bidu ta’ malajr tal-mitigazzjoni tal-klima u tal-appoġġ għall-isforzi ta’ adattament tal-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs) u l-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw. Il-Konferenza tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli f’Ġunju tal-2012 għandha tipprovdi lill-UE b’okkażjoni sabiex tavvanza l-għan tagħha fil-promozzjoni ta' tranżizzjoni lejn ekonomija iżjed ekoloġika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

L-UE se tħejji wkoll il-pożizzjoni tagħha għal-laqgħa dwar l-effikaċja tal-għajnuna ta' livell għoli f'Busan f'Novembru u r-raba' konferenza tan-NU dwar il-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati f'Istanbul f'Mejju.

Minbarra t-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-għajnuna tagħha mal-Istati Uniti, il-Ġappun u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, l-UE se tappoġġja bis-sħiħ lill-ekonomiji emerġenti bħala msieħba tal-iżvilupp. Ir-rwol tagħhom jinkludi programmi u proġetti Nofsinhar-Nofsinhar kif ukoll kooperazzjoni trijangolari mad-donaturi tradizzjonali. Il-Kummissjoni Ewropea se tipparteċipa fl-attivitajiet ta’ segwitu għas-summit tal-G20 f’Seoul f’Novembru permezz tal-grupp ta' ħidma tal-iżvilupp tagħha. Se tippromwovi wkoll iżjed kooperazzjoni dwar l-iżvilupp maċ-Ċina u l-Afrika.

Internament, il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet programm ambizzjuż ta’ riforma għall-2011 permezz ta’ serje ta’ inizjattivi ta’ politika, inkluż is-segwitu għall-konsultazzjonijiet dwar il-ġejjieni tal-politika ta’ żvilupp tal-UE. L-għan huwa li dan isir katalist għall-bini tal-kapaċità interna tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jiġġeneraw tkabbir inklużiv u sostenibbli u jimmobilizzaw ir-riżorsi ekonomiċi, naturali u umani tagħhom stess f'din id-direzzjoni. Komunikazzjoni iżjed tard fl-2011 se tistabbilixxi l-qafas għall-assistenza tal-iżvilupp tal-UE sal-2020.

Il-Kummissjoni se toħroġ ukoll komunikazzjonijiet dwar appoġġ baġitarju u dwar l-investiment u t-tkabbir fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Se tippubblika rapporti dwar għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) min-naħa tal-UE u l-Istati Membri, u dwar il-koerenza tal-politika tal-iżvilupp ma’ politiki oħra tal-UE, billi tevalwa l-prestazzjoni tal-UE f’ħames kwistjonijiet ewlenin: l-integrazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-ekonomija dinjija, is-sigurtà tal-ikel, it-tibdil klimatiku, il-migrazzjoni u s-sigurtà. Matul l-2011, il-Kummissjoni se tħejji wkoll proposti għall-istruttura tal-infiq tal-baġit tal-UE, inkluż l-allokazzjoni għall-assistenza tal-iżvilupp, għall-perjodu finanzjarju 2014-2020.

Istituzzjonalment, it-tibdil magħmul fit-Trattat ta’ Lisbona għandu jikkontribwixxi għal programmazzjoni u ġestjoni aħjar tal-għajnuna tal-UE. L-iżjed rilevanti huma:

- in-nomina ta’ Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà li, bħala Viċi-President tal-Kummissjoni, huwa responsabbli sabiex jiżgura l-konsistenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u li jippresiedi wkoll il-Kunsill għall-Affarijiet Barranin;

- il-ħolqien tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) li jservi lill-HR/VP, il-President tal-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni;

- possibbiltajiet ġodda għal kooperazzjoni mtejba fost l-Istati Membri u programmazzjoni konġunta.

Din l-istruttura ġdida, flimkien ma’ riżorsi finanzjarji adegwati għall-perjodu 2014-2020, għandha ssaħħaħ l-istatus tal-UE bħala attur internazzjonali ewlieni u wieħed li jappoġġja l-iżvilupp globali.

[pic]

[pic]

[pic]

[pic]

[1] COM(2010)163 finali, 21.04.2010

[2] SEC(2010) 421 finali, 21.04.2010

[3] COM(2010) 629 finali

[4] COM(2010) 586 finali, 19.10.2010

[5] COM(2010) 207, 12.05.2010

[6] COM(2010) 126 finali, 31.3.2010 u COM(2010) 127 finali 31.3.2010