52011DC0393

GREEN PAPER Is-sistema tal-Unjoni Ewropea ta' kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju: l-iżgurar tas-sigurtà u tal-kompetittività f'dinja li qiegħda tinbidel /* KUMM/2011/0393 finali */


GREEN PAPER

Is-sistema tal-Unjoni Ewropea ta' kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju: l-iżgurar tas-sigurtà u tal-kompetittività f'dinja li qiegħda tinbidel

INTRODUZZJONI

Il-kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju, jiġifieri oġġetti li jistgħu jintużaw kemm għal finijiet ċivili kif ukoll dawk militari, jinsab fuq quddiemnett fl-isforzi ta' nonproliferazzjoni. Iggwidati mill-għanijiet ta' sigurtà, il-kontrolli tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju huma implimentati permezz ta' miżuri kummerċjali li jieħdu l-għamla ta' rekwiżiti ta' awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju lejn pajjiżi terzi. In-natura teknoloġikament avvanzata ta' tali oġġetti u teknoloġiji, u l-volum konsiderevoli ta' kummerċ tagħhom, ifissru li s-settur tal-użu doppju huwa element kruċjali tal-isforzi tal-UE favur l-innovazzjoni u l-kompetittività.

Konsegwentement, meta jiġu kkontrollati l-esportazzjonijiet, għandha tingħata attenzjoni partikolari lejn l-ilħuq tal-aħjar bilanċ bejn l-għan ta' sigurtà li qed jipprova jiġi milħuq u l-ħtieġa li jiġu appoġġati l-attivitajiet tan-negozji. Din ir-rabta stretta bejn is-sigurtà u l-kummerċ tinsab fil-qofol tal-kontrolli tal-esportazzjoni tal-oġġetti b'użu doppju. Hija toħloq ukoll sfidi partikolari għall-implimentazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Mill-1995[1], huwa komunement aċċettat li l-kontrolli tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju jikkostitwixxu kompetenza esklussiva tal-Unjoni Ewropea u jiffurmaw parti integrali tal-Politika Kummerċjali Komuni tal-UE. Din il-kompetenza esklussiva teskludi l-kompetenza tal-Istati Membri għajr fejn l-Unjoni tagħtihom awtorizzazzjoni speċifika[2]. Tali awtorizzazzjoni għal miżuri nazzjonali eċċezzjonali kienet mogħtija fil-fatt lill-Istati Membri fir-Regolament dwar l-Esportazzjoni[3] u hija preżenti wkoll fil-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi is-sistema tal-UE ta' kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju (ir-Regolament (KE) Nru 428/2009 – Ir-Regolament dwar l-Oġġetti b'Użu Doppju).

Il-kontrolli tal-esportazzjoni fl-UE, bħala konsegwenza, huma funzjoni tal-konsiderazzjonijiet kummerċjali u dawk marbuta mas-sigurtà, fuq naħa, u l-miżuri tal-UE u dawk nazzjonali fuq in-naħa l-oħra. Ovvjament, kull meta jseħħu ċirkostanzi eċċezzjonali li jistgħu jkollhom impatt fuq l-interessi essenzjali marbuta mas-sigurtà ta' Stat Membru, dawn tal-aħħar għandhom jieħdu l-preċedenza. Madankollu, din l-eċċezzjoni għas-sigurtà ma għandhiex tiġi interpretata bħala awtorizzazzjoni mifruxa li tippermetti approċċi nazzjonali independenti kull meta Stat Membru jixtieq jieħu azzjoni[4].

L-iżvilupp tas-sistema tal-UE ta' kontroll tal-esportazzjoni matul l-aħħar għaxar snin kellu jaffronta tħabbil ta' dawn il-konsiderazzjonijiet kummerċjali u dawk ta' sigurtà. Minflok approċċ armonizzat tal-UE għall-kontrolli tal-esportazzjoni fejn il-konsiderazzjonijiet tas-sigurtà huma applikati abbażi ta' każijiet individwali sabiex jiġu protetti interessi ta' sigurtà essenzjali u ssir prevenzjoni kontra tranżazzjonijiet ta' riskju għoli, għandna approċċi differenti li qiegħdin jiġu applikati għal kontrolli tal-esportazzjoni madwar l-UE. Dawn ivarjaw bejn restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni li huma estremament stretti u li jiġu applikati fuq esportaturi stabbiliti f'xi Stati Membri, għall-użu ta' miżuri nazzjonali mifruxa ta' faċilitazzjoni li jippermettu lil ċerti esportaturi fi Stati Membri partikolari li jesportaw oġġetti b'użu doppju bl-inqas diffikultà.

L-GĦAN TAL-GREEN PAPER

L-Artikolu 25 tar-Regolament dwar l-Oġġetti b'Użu Doppju jesiġi li l-Kummissjoni tħejji rapport dwar l-implimentazzjoni tas-sistema tal-UE ta' kontroll tal-esportazzjoni u oqsma possibbli ta' riforma. Konsegwentement, l-għan ta' din il-Green Paper huwa li tvara dibattitu pubbliku mifrux li jikkonċerna l-funzjonament tas-sistema attwali tal-UE ta' kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju[5]. Din il-konsultazzjoni qed titwettaq bl-għan li jinġabru kontribuzzjonijiet mis-soċjetà ċivili, l-NGOs, l-industrija, l-akkademja u l-gvernijiet tal-Istati Membri dwar:

- id-dispożizzjonijiet dettaljati tal-qafas attwali ta' kontroll tal-esportazzjoni sabiex tiġi mħejjija reviżjoni tas-sistema;

- ir-riforma progressiva tas-sistema tal-UE ta' kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju sabiex tiġi adattata għaċ-ċirkostanzi dejjem jinbidlu tad-dinja moderna.

Għaldaqstant, ir-riżultati tal-konsultazzjoni se jgħinu fl-identifikazzjoni tal-aspetti b'saħħithom u d-dgħufiji tas-sistema attwali u fit-tfassil ta' viżjoni aktar fit-tul tal-qafas tal-UE ta' kontroll tal-esportazzjoni . Dawn ir-riżultati se jiġu tradotti f'emendi konkreti għas-sistema attwali u t-tħejjija ta' strateġija fit-tul dwar l-iżvilupp tal-kontrolli tal-esportazzjoni fl-UE.

STRUTTURA TA' DIN IL-GREEN PAPER

Sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess ta' konsultazzjoni u jinżammu separati l-elementi għall-medda ta' żmien qasir tal-proċess ta' reviżjoni mid-diskussjonijiet fuq il-viżjonijiet għall-medda ta' żmien medju u twil, din il-Green Paper se tinqasam fi tliet partijiet separati:

- l-ewwel parti tkopri il-kuntest usa' tal-kontrolli tal-esportazzjoni;

- it-tieni parti tkopri d-dettalji tas-sistema tal-UE ta' kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju kif stipulati fir-Regolament 428/2009;

- it-tielet parti tkopri d-direzzjoni possibbli ta' evoluzzjoni fil-qafas tal-UE tal-kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju.

KONTROLLI TAL-ESPORTAZZJONI TAL-UE F'DINJA DEJJEM TINBIDEL

L-importanza tas-settur tal-oġġetti b'użu doppju għall-ekonomija tal-UE

L-industrija tal-oġġetti b'użu doppju fl-UE hija waħda estensiva b'madwar 5000 kumpanija involuti fl-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju kkontrollati li jammontaw għal perċentwal mhux insinifikanti tal-esportazzjonijiet tal-UE[6]. L-industrija tal-oġġetti b'użu doppju hija wkoll mifruxa ħafna u tkopri esportaturi attivi f'tali setturi bħal dak: nukleari, bijoloġiku, kimiku, tat-tagħmir tal-ipproċessar tal-materjali, elettroniku, tal-kompjuters, tat-telekomunikazzjonijiet, tal-kriptaġġ, tas-sensers u tal-lejżers, tan-navigazzjoni u tal-avjoniċi, tat-tagħmir marittimu u dak tat-tagħmir aerospazjali u tal-propulsjoni. Minħabba n-natura ta' dawn l-attivitajiet, l-oġġetti b'użu doppju ta' spiss jinvolvu l-aktar teknoloġija avvanzata u huma riflessjoni tat-tmexxija teknoloġika tal-UE fid-dinja. L-industrija tal-oġġetti b'użu doppju timpjega ammont kbir ta' persunal b'livell għoli ta' kwalifiki, li huma essenzjali għall-kompetittività tal-UE.

Mistoqsijiet:

Lill-esportaturi:

1. Fil-fehma tiegħek, x'inhi l-importanza tas-settur tal-oġġetti b'użu doppju għall-ekonomija tal-UE?

2. X'inhi l-importanza tal-esportazzjonijiet ta' oġġetti b'użu doppju għan-negozju tiegħek? X'inhuma l-ispejjeż ta' konformità assoċjati? Jekk jogħġbok ipprovdi ċifri.

Lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri:

3. X'inhu l-valur tal-esportazzjonijiet ta' oġġetti b'użu doppju mill-Istat Membru tiegħek (f'termini assoluti u bħala perċentwali tal-esportazzjonijiet kollha tagħkom)?

Kontrolli tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju f'dinja li qiegħda dejjem tevolvi

Minħabba n-natura proprja tal-oġġetti b'użu doppju, l-aktar oġġetti avvanzati huma disponibbli biss mingħand għadd limitat ta' pajjiżi fornituri. Dawn il-fornituri jikkooperaw bejniethom fi ħdan l-erba' sistemi internazzjonali ta' kontroll tal-esportazzjoni: il-Grupp tal-Awstralja (AG), is-Sistema ta' Kontroll tat-Teknoloġija tal-Missili (MTCR), il-Grupp tal-Fornituri Nukleari (NSG) u l-Arranġament ta' Wassenaar (WA). Dan isir bl-għan li jiġi limitat ir-riskju li oġġetti sensittivi huma ddevjati għall-użijiet militari jew għall-produzzjoni ta' armi ta' qerda tal-massa (WMDs)[7].

Mhux il-fornituri kollha tal-oġġetti b'użu doppju huma membri tas-sistemi internazzjonali ta' kontroll tal-esportazzjoni u mhux il-membri kollha tas-sistemi għandhom sistemi ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-istess livell ta' effiċjenza. Għaldaqstant, għadd ta' oġġetti sensittivi jistgħu ma jkunu soġġetti għall-ebda kontroll tal-esportazzjoni jew ikunu soġġetti biss għal livelli minimi ta' kontroll. Il-kwistjoni tad-disponibbiltà esterna ta' oġġetti kkontrollati hija element ewlieni tal-konsiderazzjonijiet marbuta mal-kontroll tal-esportazzjoni peress li tinfluwenza, b'mod sinifikanti, deċiżjonijiet dwar jekk għandhomx jiġu kkontrollati ċerti oġġetti jew le. Jekk hemm disponibbiltà esterna wiesgħa ta' oġġetti partikolari, ir-raġunijiet għall-kontrolli tagħhom jonqsu ħafna peress li d-deċiżjonijiet rispettivi dwar il-kontroll tal-esportazzjoni jistgħu potenzjalment jinfluwenzaw, b'mod negattiv, il-prestazzjoni tan-negozji mingħajr ma jintlaħqu l-miri tas-sigurtà.

Il-kwistjoni tad-disponibbiltà esterna hija waħda mill-bosta kwistjonijiet marbuta mal-kummerċ li għandhom impatt qawwi fuq l-isforzi internazzjonali relatati mal-kontroll tal-esportazzjoni u huma marbuta strettament mal-iżvilupp ekonomiku dinamiku li qed jidher madwar id-dinja. Progress ekonomiku b'saħħtu, modernizzazzjoni mgħaġġla, it-tixrid esponenzjali tat-teknoloġija kollha kkontribwew sabiex tiżdied il-prosperità globali, iżda alteraw ukoll, b'mod fundamentali, il-prinċipji bażiċi li fuqhom hija msejsa l-politika ta' kontroll tal-esportazzjoni. Filwaqt li sa ftit deċennji ilu kien mistenni, b'mod raġonevoli, li jinsabu oġġetti kkontrollati f'sett limitat ħafna tal-pajjiżi l-aktar avvanzati, illum il-provvista hija ħafna iktar abbundanti. Il-progress teknoloġiku u l-avvanzi fl-edukazzjoni jfissru li bosta oġġetti sensittivi jistgħu issa jiġu mmanifatturati f'ambjenti ferm aktar eteroġenji u, b'hekk, jikkontribwixxu lejn iż-żieda fil-provvista globali.

Bosta pajjiżi fornituri madwar id-dinja rrealizzaw dawn ix-xejriet u bdew jaħdmu fuq riformi ambizzjużi bl-għan li tissaħħaħ il-kompetittività tal-industriji u l-esportazzjonijiet tagħhom filwaqt li jiżguraw li jinżammu livelli aċċettabbli ta' sigurtà. Dawn ir-riformi huma primarjament imsejsa fuq ċerta prijoritizzazzjoni tal-isforzi ta' kontroll fuq dawk l-oġġetti li jippreżentaw l-ogħla riskju, li jfisser li l-aktar livelli stretti ta' kontrolli huma kkonċentrati fuq l-aktar oġġetti u destinazzjonijiet sensittivi. Bħala parti minn dawn ir-riformi, miżuri ambizzjużi ta' faċilitazzjoni tal-esportazzjoni qiegħdin jiġu proposti għal esportazzjonijiet anqas sensittivi li jistgħu jagħtu vantaġġ kompetittiv konsiderevoli għall-esportaturi lokali.

Hemm ir-riskju li l-kombinazzjoni tad-disponibbiltà esterna ta' ċerti oġġetti u s-simplifikazzjoni ta' ċerti proċeduri ta' kontroll tal-esportazzjoni li qed tiġi mwettqa f'ċerti pajjiżi terzi, jistgħu jagħmluha aktar diffiċli għal esportaturi tal-UE biex jikkompetu fuq swieq globali.

Mistoqsijiet

Lill-partijiet interessati kollha:

4. X'inhu l-impatt tad-disponibbiltà esterna ta' ċerti oġġetti kkontrollati fuq il-kompetittività tal-eportazzjonijiet ta' oġġetti b'użu doppju tal-UE?

5. Kemm huma kompetittivi l-esportaturi ta' oġġetti b'użu doppju tal-UE meta mqabbla ma' esportaturi minn pajjiżi terzi? Kif inhi affettwata l-kompetittività minn riformi fuq il-kontroll tal-esportazzjoni li qed jitwettqu f'pajjiżi terzi?

6. X'valutazzjoni tagħti lis-sistema attwali tal-UE ta' kontroll tal-esportazzjoni meta mqabbla mas-sistemi ta' kontroll tal-esportazzjoni ta' pajjiżi terzi?

7. X'inhu l-impatt tal-kontrolli tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju fuq l-attivitajiet ta' kollaborazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni? Il-qafas leġiżlattiv tal-UE għandu jinkludi dispożizzjonijiet speċjali għal tali attivitajiet?

Differenzi fl-approċċi nazzjonali lejn il-kontrolli tal-esportazzjoni tal-oġġetti b'użu doppju

Ir-Regolament dwar l-Oġġetti b'Użu Doppju jipprovdi qafas ġenerali għall-attivitajiet ta' kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju fl-Unjoni Ewropea. Madankollu, l-implimentazzjoni prattika titħalla kważi kompletament f'idejn l-Istati Membri, bil-konsegwenza li jiġu applikati approċċi differenti madwar l-UE. Dawn id-differenzi bejn approċċi nazzjonali jistgħu jinqasmu fi tliet kategoriji wiesgħa:

- Amministrattiva – L-Istati Membri għandhom approċċi ferm differenti għal tali kwistjonijiet bħal rekwiżiti ta' reġistrazzjoni għall-esportaturi u għall-irrappurtar. Aktar importanti minn hekk, jidher li ċerti Stati Membri jesiġu li l-esportaturi tagħhom ikollhom programmi interni ta' konformità qabel ma jkunu eliġibbli biex jesportaw oġġetti b'użu doppju, filwaqt li oħrajn ma għandhomx.

- Sostantiva - L-Istati Membri jagħmlu użu differenti tal-awtorizzazzjonijiet varji disponibbli fl-ambitu tar-Regolament dwar l-Oġġetti b'Użu Doppju. Pereżempju, ftit Stati Membri implimentaw Awtorizzazzjonijiet Ġenerali Nazzjonali ta' Esportazzjoni mifruxa biex b'hekk iffaċilitaw l-esportazzjonijiet għall-esportaturi tagħhom, filwaqt li esportaturi minn Stati Membri oħra ma għandhomx aċċess għal tali miżuri ta' faċilitazzjoni.

- Operazzjonali – L-Istati Membri għandhom interpretazzjonijiet differenti għall-entrati fil-lista ta' kontroll u jagħmlu użu differenti tad-dispożizzjonijiet li jkopru kollox tar-Regolament dwar l-Oġġetti b'Użu Doppju u b'hekk jippermettu l-impożizzjoni ta' rekwiżiti ta' awtorizzazzjoni fuq oġġetti mhux elenkati fil-lista ta' kontroll tal-UE[8].

Dawn id-differenzi jwasslu għal sitwazzjoni fejn l-esportazzjoni ta' oġġett speċifiku minn Stat Membru tista' tiġi mdewma sew jew saħansitra pprojbita, filwaqt li l-esportazzjoni tal-istess oġġetti minn Stat Membru ieħor tista' titwettaq mingħajr l-ebda problema. Tista' titqies ukoll il-kwistjoni dwar jekk għandhomx jiġu limitati l-aktar differenzi sinifikanti fl-applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Oġġetti b'Użu Doppju.

Mistoqsijiet:

Lill-partijiet interessati kollha:

8. Qatt kellek taffronta xi problema minħabba d-differenzi fl-applikazzjoni tal-kontrolli tal-esportazzjoni madwar l-Istati Membri tal-UE? X'inhi n-natura ta' dawn il-problemi?

Kundizzjonijiet indaqs għall-esportaturi tal-UE

Il-prosperità tal-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq għadd ta' prinċipji fundamentali, inklużi l-moviment liberu tal-oġġetti, il-libertà ta' stabbiliment u kompetizzjoni, li flimkien joħolqu l-ambjent neċessarju għat-tkabbir ekonomiku, l-istabbiltà u l-prosperità. Dawn il-prinċipji jinsabu fil-qofol tas-Suq Uniku. Il-Politika Kummerċjali Komuni tal-UE hija riflessjoni loġika ta' dawn il-prinċipji fil-qasam tal-kummerċ, fejn l-UE titkellem b'vuċi waħda u tiżgura trattament ugwali għall-esportaturi mis-27 Stat Membru kollha, biex b'hekk tipprovdi l-bażi meħtieġa biex dawn jikkompetu b'suċċess fis-suq globali.

Il-qasam tal-kontroll tal-esportazzjoni jidher li jippreżenta sfida partikolari f'dan ir-rigward bil-konsegwenza li minkejja li hemm ħidma li ilha għaddejja għal aktar minn għaxar snin fil-livell tal-UE, is-sistema tal-UE ta' kontroll tal-esportazzjoni tibqa' waħda framentata u ma tiżgurax standards simili għall-esportaturi bl-istess mod li tagħmel dan f'oqsma oħra.

Ovvjament, il-kontrolli tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju ma jistgħux jiġu indirizzati bl-istess mod li jiġu indirizzati oqsma kummerċjali oħra. Il-kontrolli tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju jiġbru flimkien u jippruvaw isibu bilanċ bejn l-isforzi marbuta mas-sigurtà kif ukoll in-nonproliferazzjoni u l-ħtieġa li jingħata appoġġ lill-kompetittività tal-industrija tal-UE. F'dan ir-rigward, l-applikazzjoni tal-kontrolli tal-esportazzjoni tista' tfisser jew telf qawwi għal esportatur (jekk ma tistax tinkiseb liċenzja ta' esportazzjoni) jew kisbiet kbar ħafna (jekk liċenzja tista' tinkiseb malajr jew, tal-anqas, aktar malajr mill-kompetizzjoni). Il-kwistjoni tal-piż amministrattiv imqiegħed fuq l-esportaturi biex jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni dwar kontroll tal-esportazzjoni u l-ħin meħtieġ biex jinkisbu l-liċenzji, bħala konsegwenza, huma tal-akbar importanza. Fid-dawl tal-loġika tas-Suq Uniku tal-UE u l-Politika Kummerċjali Komuni, tali mistoqsijiet għandhom jiġu indirizzati b'mod xieraq fil-livell tal-UE sabiex in-negozji Ewropej jistgħu jikkonċentraw fuq il-kompetizzjoni fis-swieq globali minflok jallokaw riżorsi ta' valur sabiex jikkonformaw ma' regoli differenti u kultant kontradittorji fis-seħħ madwar l-Istati Membri. Hija r-responsabbiltà tal-UE u tal-Istati Membri kollha li jaħdmu flimkien sabiex iressqu din l-aġenda komuni 'l quddiem.

Mistoqsijiet:

Lill-partijiet interessati kollha:

9. Taħseb li l-qafas attwali tal-UE ta' kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju jipprovdi kundizzjonijiet indaqs għall-esportaturi tal-UE? Jekk le, kif tista' tintwera kwalunkwe inugwaljanza? Jekk jogħġbok ipprovdi eżempji.

KONTROLLI TAL-UE TAL-ESPORTAZZJONI TA' OĠĠETTI B'UŻU DOPPJU FL-AMBITU TAR-REGOLAMENT 428/2009

Ħarsa ġenerali lejn is-sistema tal-UE ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-oġġetti b'użu doppju

Ir-Regolament 428/2009 jistipula l-elementi ewlenin tas-sistema tal-UE ta' kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju filwaqt li jħalli l-biċċa l-kbira tal-implimentazzjoni prattika u d-definizzjoni tal-miżuri addizzjonali fi ħdan il-kompetenza tal-Istati Membri. Il-qafas jistabbilixxi inter alia t-tipi ta' awtorizzazzjoniet li jistgħu jinħarġu, il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu imposti kontrolli fuq oġġetti mhux elenkati, il-proċeduri ta' konsultazzjoni u skambju ta' informazzjoni u r-rekwiżiti għal trasferiment intra-UE ta' ċerti oġġetti kkontrollati.

L-elementi ewlenin tal-qafas ta' kontroll ta' esportazzjoni huma indirizzati aktar fid-dettall hawn taħt. Kull subtaqsima hija segwita minn sensiela ta' mistoqsijiet bl-għan li jinġabru l-fehmiet ta' partijiet interessati partikolarment ikkonċernati fir-rigward tal-implimentazzjoni prattika tar-Regolament dwar l-Oġġetti b'Użu Doppju.

Tipi ta' awtorizzazzjonijiet disponibbli

Erba' tipi ta' awtorizzazzjonijiet huma attwalment disponibbli fl-ambitu tar-Regolament dwar l-Oġġetti b'Użu Doppju, li tlieta minnhom jinħarġu mill-Istati Membri (liċenzji individwali, globali u dawk ġenerali ta' esportazzjoni nazzjonali ). L-Awtorizzazzjoni Ġenerali ta' Esportazzjoni tal-UE (EU GEA) EU001 li tinsab fl-Anness II għar-Regolament tinħareġ mill-UE. Il-Kummissjoni hija konxja li l-ħin u r-rekwiżiti tal-ipproċessar għad-diversi liċenżji jvarjaw bejn l-Istati Membri u għaldaqstant tixtieq tiġbor informazzjoni speċifika ulterjuri mill-partijiet interessati dwar kif jiġu applikati dawn il-liċenzji madwar l-UE.

L-użu tal-Liċenzji Ġenerali ta' Esportazzjoni Nazzjonali (NGAs) madwar l-UE huma ta' interess partikolari minħabba l-impatti sinifikanti tagħhom fuq l-esportazzjonijiet. Mil-lat pożittiv, l-NGAs jistgħu jiffaċilitaw, b'mod konsiderevoli, l-esportazzjoni ta' oġġetti f'sitwazzjonijiet ta' riskju baxx. Mil-lat negattiv, l-NGAs huma disponibbli biss għal esportaturi f'ċerti Stat Memri u b'hekk hemm ir-riskju li jfixklu s-Suq Uniku. F'7 Stati Membri biss kienu disponibbli l-NGAs għall-esportaturi tagħhom.

Mistoqsijiet:

Lill-partijiet interessati kollha:

10. Il-qafas tal-liċenzji disponibbli fl-UE huwa biżżejjed? Jekk le, kif għandu jinbidel?

11. X'inhuwa ż-żmien meħtieġ biex tinkiseb liċenzja individwali jew globali?

12. It-tipi eżistenti ta' awtorizzazzjonijiet ta' esportazzjoni jiżguraw trattament ġust ta' esportaturi madwar l-UE u kundizzjonijiet indaqs?

13. B'liema mod huma utli l-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali Nazzjonali ta' Esportazzjoni meta mqabbla mal-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali ta' Esportazzjoni tal-UE?

14. Kif jistgħu jiġu estiżi l-benefiċċji tal-NGAs lill-esportaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra?

Lill-esportaturi:

15. X'tip/i ta' liċenzja/i tuża l-aktar? Hemm xi problemi partikolari biex tikseb tipi speċifiċi ta' liċenzji?

Lill-awtoritajiet li joħorġu l-liċenzji:

16. Kemm il-liċenzja ħriġt fl-2010 (skont it-tip ta' liċenzja)?

Kontrolli li jkopru kollox

L-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Oġġetti b'Użu Doppju jippermetti lill-Stati Membri li, f'ċerti ċirkostanzi, jesiġu awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni ta' oġġetti mhux inklużi fil-lista ta' kontroll tal-UE. Dan ir-rekwiżit ta' awtorizzazzjoni huwa biss validu fl-Istat Membru li joħroġha u jikkonċerna tranżazzjoni jew tip ta' tranżazzjoni partikolari (pereżempju, l-esportazzjoni ta' ċerti oġġetti lil destinazzjoni jew utent aħħar speċifiċi). Minħabba l-ambitu limitat tiegħu, il-mekkaniżmu attwali li jkopri kollox jista' jkollu effetti negattivi fuq is-sigurtà u l-kummerċ. Mil-lat tas-sigurtà, dan l-ambitu limitat jista' jfisser li l-istess oġġetti jew oġġetti simili jibqgħu disponibbli minn Stati Membri oħra. Mil-lat kummerċjali, din il-validità limitata tista' tfisser li l-kompetituri fi Stati Membri oħra jistgħu jkomplu jagħmlu negozju liberament ta' oġġett partikolari anke jekk ir-rekwiżit ta' awtorizzazzjoni jkun ġie impost fi Stati Membri oħra.

Mistoqsijiet:

Lill-partijiet interessati kollha:

17. Int sodisfatt bil-mod li jaħdem il-mekkaniżmu attwali li jkopri kollox? Jekk le, x'inhuma l-problemi li affrontajt?

18. Is-sistema attwali ta' kontrolli li jkopru kollox wasslu għal distorsjonijiet fi ħdan is-Suq Uniku u għal kundizzjonijiet mhux indaqs għall-esportaturi tal-UE?

19. Kif kont ittejjeb l-applikazzjoni ta' mekkaniżmi li jkopru kollox madwar l-UE?

Lill-esportaturi:

20. Qatt affrontajt sitwazzjoni fejn kontroll li jkopri kollox ġie impost fuq it-tranżazzjoni tiegħek ta' esportazzjoni, filwaqt li l-kompetituri tiegħek komplew jinnegozjaw l-istess oġġetti u dan, possibilment, lill-istess utent aħħari jew destinazzjoni? Jekk jogħġbok spjega.

Kontrolli ta' transitu u senserija

Ir-Regolament 428/2009 introduċa kontrolli kompletament ġodda fuq servizzi ta' senserija u transiti. Fir-rigward tas-senserija, hija meħtieġa awtorizzazzjoni għal attivitajiet imwettqa mill-UE jekk it-tranżazzjoni tikkonċerna oġġetti b'użu doppju li sejrin minn pajjiż terz għal ieħor. F'termini ta' kontrolli ta' transitu, l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jipprojbixxu transitu speċifiku ta' oġġetti li mhumiex mill-UE, iżda l-validità territorjali tal-projbizzjoni hija limitata għall-Istat Membru li joħroġha.

Mistoqsijiet:

Lill-partijiet interessati kollha:

21. X'inhi l-utilità tal-kontrolli attwali fuq is-senserija?

22. Hemm bżonn li jiġi estiż l-ambitu ta' dawn il-kontrolli sabiex jiġu koperti wkoll tranżazzjonijiet mill-UE lil pajjiżi terzi?

23. Kif qed tiffunzjona s-sistema attwali ta' kontroll tat-transitu? X'inhu l-impatt tal-validità territorjali limitata tal-projbizzjonijiet?

Kontrolli addizzjonali imposti mill-Istati Membri

Ir-Regolament dwar l-Oġġetti b'Użu Doppju jippermetti lill-Istati Membri jintroduċu ċerti miżuri nazzjonali addizzjonali li jikkonċernaw l-oġġetti b'użu doppju. Tali miżuri addizzjonali huma previsti inter alia fir-rigward tal-kontrolli li jkopru kollox (l-Artikolu 4(5)), is-senserija, it-transitu u l-kontrolli ta' trasferimenti intra-UE, kif ukoll fir-rigward ta' listi addizzjonali ta' oġġetti kkontrollati minħabba konsiderazzjoniet ta' sigurtà pubblika jew ta' drittijiet umani (l-Artikolu 8).

L-oqsma mifruxa li fihom huma permessi miżuri nazzjonali addizzjonali jidhru li qed jindikaw diverġenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-ambitu tal-kontrolli meħtieġa fuq oġġetti b'użu doppju.

Mistoqsijiet:

Lill-partijiet interessati kollha:

24. X'impatt għandhom fuqek id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar Oġġetti b'Użu Doppju li jippermettu li jiġu introdotti kontrolli addizzjonali mill-Istati Membri?

25. X'inhu l-impatt ta' dawn il-kontrolli nazzjonali addizzjonali fuq il-kompetittività, il-flussi kummerċjali u s-sigurtà?

Kriterji użati biex tittieħed deċiżjoni dwar awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni

Fl-Artikolu 12 tar-Regolament dwar l-Oġġetti b'Użu Doppju hija inkluża lista ta' kriterji li għandhom jintużaw biex jiġu vvalutati talbiet għal awtorizzazzjoni. Mil-lat pożittiv, ir-Regolament jinkludi sett flessibbli ta' kriterji applikabbli madwar l-UE kollha. Mil-lat negattiv, dawn il-kriterji jistgħu jkollhom natura ġenerali wisq u b'hekk iħallu spazju għal interpretazzjonijiet differenti.

Mistoqsijiet:

Lill-partijiet interessati kollha:

26. Fil-fehma tiegħek, il-kriterji stipulati fl-Artikolu 12 huma ċari u preċiżi biżżejjed jew le?

27. Hemm bżonn li jiġu armonizzati aktar il-kriterji użati mill-Istati Membri biex jivvalutaw applikazzjonijiet ta' esportazzjoni? Jekk iva, kif?

Ċaħdiet

L-Artikolu 13 tar-Regolament dwar l-Oġġetti b'Użu Doppju jinkludi għadd ta' dispożizzjonijiet dettaljati li jikkonċernaw il-ħruġ ta' ċaħdiet ta' awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni, il-konsultazzjonijiet u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri. Skont ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jirrevedu ċ-ċaħdiet tagħhom kull tliet snin bl-għan li dawn jiġu revokati, emendati jew imġedda.

Mistoqsijiet:

Lill-awtoritajiet li joħorġu l-liċenzji:

28. X'inhuma l-fehmiet tiegħek fir-rigward tas-sistema attwali ta' ċaħdiet u l-mekkaniżmu ta' konsultazzjoni dwar iċ-ċaħdiet? Kif jista' jittejjeb dan il-mekkaniżmu?

29. Jekk titqies il-ħidma meħtieġa biex titwettaq reviżjoni u l-għadd ta' ċaħdiet fis-seħħ, x'inhuma l-fehmiet tiegħek dwar l-introduzzjoni ta' perjodu ta' validità ta' 3 snin għal kull ċaħda - li warajh iċ-ċaħda tiġi rrevokata awtomatikament f'każ li ma jkunx hemm emenda u tiġdid?

Kontrolli ta' trasfermimenti intra-UE

Ir-Regolament dwar l-Oġġetti b'Użu Doppju jinkludi dispożizzjonijiet li jesiġu kontrolli li jikkonċernaw it-trasferiment ta' ċerti oġġetti elenkati fl-Anness IV għar-Regolament bejn l-Istati Membri tal-UE. Madankollu, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament jeżentaw ċerti proġetti tal-UE mill-ambitu ta' dawn il-kontrolli. Minbarra dan, jidher li ftit Stati Membri ma japplikawx bis-sħiħ dawn il-kontrolli minħabba l-eżistenza ta' impenji internazzjonali li ġew iffirmati qabel u li għadhom fis-seħħ.

F'għadd ta' okkażjonijiet, il-Kummissjoni rċeviet reazzjonijiet minn partijiet interessati li dawn il-kontrolli intra-UE jfixxklu, bla bżonn, il-kooperazzjoni fuq proġetti varji bejn l-Istati Membri tal-UE, hekk kif mhux biss oġġetti fiżiċi jkunu soġġetti għall-kontrolli, iżda wkoll it-teknoloġija rilevanti. Kontrolli ta' trasferimenti intra-UE jikkumplikaw ħafna l-inklużjoni, fi proġetti, ta' fornituri u sottokuntratturi bbażati barra l-Istat Membru ewlieni. Dan japplika wkoll għall-fażi tal-offerti. Bħala konsegwenza ta' dan, tbati l-kooperazzjoni bejn in-negozji li jinsabu fi Stati Membri differenti. Dan huwa l-każ partikolarment fi ħdan is-settur tat-teknoloġija nukleari[9].

Kontrolli fuq trasferimenti intra-UE jistgħu jkollhom l-effett pervers li jnaqqsu l-kompetittività tal-kumpaniji tal-UE li joperaw f'aktar minn Stat Membru wieħed meta mqabbel ma' kompetituri minn pajjiżi terzi.

Mistoqsijiet:

Lill-partijiet interessati kollha:

30. X'inhi l-fehma tiegħek fir-rigward tas-sistema attwali tal-kontrolli fuq trasferimenti intra-UE? Osservajt xi differenzi proċedurali bejn l-Istati Membri?

31. Huwa xieraq li jiġi applikat l-istess livell ta' valutazzjoni għat-trasferimenti intra-UE fuq esportazzjonijiet lil pajjiżi terzi?

32. Kif jistgħu jiġu rriformati d-dispożizzjonijiet dwar il-kontrolli ta' trasferimenti intra-UE?

Lill-esportaturi:

33. X'inhu l-impatt tal-kontrolli intra-UE fuq in-negozju tiegħek u s-Suq Uniku? Dawn il-kontrolli għandhom impatt fuq il-kompetittività tiegħek meta mqabbla ma' esportaturi minn pajjiżi li jesportaw lill-UE? Jekk jogħġbok spjega.

34. X'inhu l-ħin approssimattiv meħtieġ biex tinkiseb liċenzja għal trasferimenti intra-UE ta' oġġett inkluż fl-Anness IV?

Lill-awtoritajiet li joħorġu l-liċenzji:

35. X'inhuma l-miżuri li jistgħu jittieħdu biex jiġu llaxkati l-kontrolli ta' trasferimenti intra-UE filwaqt li tiġi żgurata l-konformità mal-obbligi internazzjonali?

Lista ta' Kontroll tal-UE

Il-lista tal-UE ta' oġġetti kkontrollati stipulata fl-Anness I għar-Regolament dwar l-Oġġetti b'Użu Doppju hija l-bażi għall-identifikazzjoni ta' liema oġġetti huma soġġetti għal kontrolli fuq l-esportazzjoni, u liema oġġetti mhumiex. Il-lista tal-UE tikkostitwixxi verżjoni konsolidata tal-listi ta' kontroll miftiehma bejn is-sistemi internazzjonali ta' kontroll tal-esportazzjoni flimkien ma' ftit oġġetti addizzjonali. Il-lista tinkludi sett ta' kriterji u parametri li jiddeċiedu jekk oġġett partikolari għandux ikun soġġett għal kontrolli tal-esportazzjoni jew le. Fid-dawl tar-rwol fundamentali tagħha fil-proċess ta' kontroll tal-esportazzjoni, il-lista ta' kontroll tal-UE għandha tiġi applikata b'mod uniformi madwar l-Istati Membri kollha tal-UE, sabiex jinkiseb livell identiku ta' kontroll madwar l-UE.

Mistoqsijiet:

Lill-partijiet interessati kollha:

36. Kif tivvaluta l-kwalità tal-lista ta' kontroll tal-UE? Din tiġa aġġornata regolarment biżżejjed?

37. Qatt kellek xi esperjenza ta' interpretazzjonijiet differenti tal-entrati fil-lista ta' kontroll madwar l-Istati Membri tal-UE? Jekk jogħġbok spjega.

38. Il-lista ta' kontroll tal-UE hija notevolment aktar stretta mill-listi ta' kontroll ta' pajjiżi terzi? Dan qatt ikkaġunalek xi problemi?

L-EVOLUZZJONI TAL-KONTROLLI TAL-ESPORTAZZJONI TA' OĠĠETTI B'UŻU DOPPJU FL-UE

Lejn mudell ġdid ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-UE

Il-qafas ta' kontroll attwali tal-UE għandu vantaġġi u żvantaġġ ċari. Mingħajr ma jitqiesu d-differenzi possibbli li jikkonċernaw il-prinċipji ewlenin tal-kontrolli tal-esportazzjoni fl-UE, huwa ċar li dan il-qafas se jkollu jevolvi fis-snin li ġejjin sabiex jirreaġixxi għall-isfidi li jinħolqu minn dinja li qed tiżviluppa dejjem aktar malajr. Theddid ġdid għas-sigurtà tagħna flimkien mal-progress teknoloġiku li jwasslu għal disponibbiltà akbar ta' oġġetti sensittivi, ifisser li ċerti tibdiliet gradwali iridu jsiru fi ħdan is-sistema tal-UE.

Xi drabi ideat ġodda jieħdu ħin konsiderevoli biex jiġu implimentati. L-opportunità offruta minn din il-Green Paper għandha tintuża biex jinġabru fehmiet dwar oqsma possibbli ta' riforma u forzi ta' azzjoni, sabiex il-ħidma preparatorja meħtieġa tkun tista' titwettaq kemm jista' jkun malajr.

Dan il-qasam tal-Green Paper jipprova jibda dibattitu dwar alternattivi strateġiċi futuri għall-kontrolli tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju fil-livell tal-UE.

Għan strateġiku u kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE mmexxija mir-riskju

Il-kontrolli tal-esportazzjoni se jkomplu jkunu mmexxija fil-futur skont il-ħtieġa li jiġi evitat l-użu ta' oġġetti sensittivi għall-proliferazzjoni jew finijiet militari kemm minn entitajiet tal-istat kif ukoll dawk li mhumiex. Għaldaqstant, l-għan strateġiku tal-kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE se jkompli jkun orjentat lejn l-iżgurar tal-konformità sħiħa mal-isforzi internazzjonali tan-nonproliferazzjoni. L-għodda meħtieġa biex jintlaħaq dan l-għan jistgħu, madankollu, ikunu meħtieġa jevolvu matul iż-żmien.

L-iżviluppi matul dawn l-aħħar snin urew li ċerta prijoritizzazzjoni ta' miżuri hija meħtieġa fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni. Id-dinja moderna hija kkaratterizzata minn disponibbiltà dejjem akbar ta' ċerti oġġetti, globalizzazzjoni aktar mgħaġġla u metodi kummerċjali ġodda li jinvolvu ktajjen ta' provvista mifruxa madwar bosta kontinenti. Fin-natura tagħhom, il-kumpaniji li jiżviluppaw oġġetti jew teknoloġija kkontrollati jew li għandhom aċċess għalihom, ta' spiss huma multinazzjonali u jeħtieġu trasferimenti rapidi ta' teknoloġija kkontrollata għall-operazzjonijiet kummerċjali ta' kuljum. Anke fil-każ tal-kumpaniji iżgħar li jinsabu f'pajjiżi wieħed, ir-realtajiet tan-negozju li jsir fid-dinja ta' llum jinvolvu kompetizzjoni madwar id-dinja. Forniment rapidu u fil-ħin huwa element ewlieni għad-dinja kummerċjali dinamika ta' llum.

Huwa leġittament mistenni li esportazzjonijiet ta' oġġetti b'użu doppju se jkomplu jammontaw għal sehem sostanzjali tal-kummerċ tal-UE fil-futur u dan il-kummerċ se jkompli jitwettaq, fil-biċċa il-kbira tal-każijiet, għal finijiet leġittimi. Madankollu, fl-istess waqt, xorta se jibqa' grupp żgħir ta' pajjiżi u organizzazzjonijiet kriminali li jkunu interessati li jiksbu aċċess għal dawn l-oġġetti minħabba l-użi militari potenzjali tagħhom. Is-soluzzjoni għal din l-enigma għandha tiddependi fuq miżuri u approċċi adattati għad-dinja ta' llum. L-iżvilupp teknoloġiku u l-għadd dejjem akbar ta' tranżazzjonijiet li qed isiru jitfgħu piż dejjem akbar fuq ir-riżorsi limitat tal-awtoritajiet responsabbli għall-kontroll tal-esportazzjoni. Jidher li kontrolli bbażati b'mod sħiħ fuq ir-riskju, fil-livelli kollha tal-proċess ta' kontroll ta' esportazzjoni, huma l-unika soluzzjoni prospettiva.

Fl-istess waqt, il-benefiċċji tas-Suq Uniku tal-UE u l-Politika Kummerċjali Komuni għandhom jinħasdu bis-sħiħ. L-UE tipprovdi ambjent ekonomiku uniku li jippermetti lill-kumpaniji joperaw bla xkiel f'bosta Stati Membri jew f'kollha kemm huma u b'hekk tipprovdilhom bażi li ttihom s-setgħa li jikkompetu globalment. Jidher li hemm il-ħtieġa li jiġu kkonċentrati l-isforzi biex jiġi żgurat li d-differenzi varji fl-approċċi madwar l-Istati Membri ma jipperikolawx din il-kompetittività.

Bħala konsegwenza, jista' jkun meħtieġ li tibda l-ħidma favur mudell immexxi mir-riskju żviluppat b'mod sħiħ għall-kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE, fejn riżorsi limitati huma investiti fil-kontroll ta' oġġetti ta' riskju għoli. Sabiex dan jaħdem, għandhom jiġu żgurati dawn li ġejjin:

- approċċ ta' valutazzjoni komuni tar-riskju jkun irid jiġi użat mill-awtoritajiet kollha ta' kontroll tal-esportazzjoni;

- skambju ikbar ta' informazzjoni dwar tranżazzjonijiet suspettużi u liċenzji maħruġa jrid isir b'mod sistematiku;

- Awtorizzazzjonijiet Ġenerali Nazzjonali ta' Esportazzjoni jridu jiġu eliminati progressivament favur Awtorizzazjonijiet Ġenerali ta' Esportazzjoni tal-UE;

- approċċ komuni jrid jiġi żviluppat għal kontrolli li jkopru kollox;

- trid tinsab soluzzjoni sodisfaċenti għall-problema tal-kontrolli ta' trasferimenti intra-UE;

- irid isir infurzar koordinat madwar l-UE flimkien aċċess imtejjeb għall-informazzjoni rilevanti għad-dwana.

Skont dan il-mudell, l-Istati Membri jżommu l-kontroll tal-politiki tagħhom ta' kontroll tal-esportazzjoni peress li dawn iżommu s-setgħa li jipprevjenu esportazzjonijiet milli jsiru jekk hemm involuti l-interessi ta' sigurtà tagħhom. Kumplessivament, madankollu, ikun irid jiġi varat approċċ komuni ġenwin għall-kontrolli ta' esportazzjoni madwar l-UE kollha li jwassal għal:

- trattament ugwali għall-esportaturi;

- klima mtejba għan-negozji biex joperaw fiha;

- kontroll imsaħħaħ fuq dawk it-tranżazzjonijiet bl-ogħla riskju;

- esportazzjonijiet imsaħħa mill-UE.

Bħala konsegwenza ta' dan, jiżdiedu kemm is-sigurtà kif ukoll il-kompetittività tal-UE. Il-kunċett għal mudell ġdid tal-UE għall-kontroll tal-esportazzjoni hija diskussa aktar fid-dettall hawn taħt.

Organizzazzjoni tal-kontrolli ta' esportazzjoni tal-UE fil-futur

L-approċċ organizzattiv għall-kontrolli tal-esportazzjoni skont il-mudell deskritt hawn fuq irid ikun fundamentalment simili għas-sistema attwali tal-UE ta' kontroll tal-esportazzjoni b'tali mod li għadd ta' awtoritajiet nazzjonali ta' kontroll tal-esportazzjoni jkunu responsabbli għal deċiżjonijiet dwar ħruġ ta' liċenzji li jittieħdu fl-Istati Membri rispettivi tagħhom. Dan l-approċċ jiżgura li l-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa rispettat filwaqt li tibqa' r-rabta stretta bejn l-esportaturi li joperaw fi Stat Membri partikolari u l-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ ta' awtorizzazzjonijiet ta' esportazzjoni u għall-kontroll tal-konformità.

Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-kontrolli tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju jkunu qiegħdin sistematikament jaħdmu aktar flimkien mill-qrib permezz ta' użu akbar tal-għodod komuni tat-teknoloġija tal-informazzjoni, skambju aħjar tal-informazzjoni u proċeduri komuni ta' valutazzjoni tar-riskju. Din l-arkitettura tkun, f'ħafna modi, simili għal-livelli attwali ta' kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tad-dwana madwar l-UE. Il-livell ta' kooperazzjoni sistematika eżistenti bejn l-awtoritajiet tad-dwana tal-UE huwa tassew mudell li l-awtoritajiet ta' kontoll tal-esportazzjoni għandhom jaspiraw għalih.

Mistoqsijiet:

39. X'inhuma l-fehmiet tiegħek fir-rigward ta' mudell ġdid ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-UE bbażat fuq netwerk ta' awtoritajiet eżistenti tal-għoti tal-liċenżji li joperaw fl-ambitu ta' regoli aktar komuni?

Valutazzjoni komuni tar-riskju u proċeduri ta' reviżjoni xierqa

Sabiex jintlaħaq il-livell meħtieġ ta' armonizzazzjoni fir-rigward tal-proċeduri ta' kontroll tal-esportazzjoni, jeħtieġ li jintlaħaq ftehim fuq approċċ ta' valutazzjoni komuni tar-riskju, li jintuża madwar l-UE kollha għall-fini ta' deċiżjonijiet dwar il-kontroll tal-esportazzjoni. Essenzjalment, tali approċċ ta' valutazzjoni komuni tar-riskju għandu jwassal għal deċiżjonijiet simili meħuda fir-rigward ta' sitwazzjonijiet simili, inklużi każijiet li jkopru kollox. Dan ifisser li jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn awtoritajiet tal-ħruġ tal-liċenzji jaslu għal konklużjonijiet differenti f'sitwazzjonijiet simili.

Flimkien mal-approċċ ta' valutazzjoni tar-riskju nnifsu, jista' jeħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' reviżjoni xierqa sabiex jiġu żgurat li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet indaqs għall-esportaturi tal-UE.

Mistoqsijiet:

40. X'inhuma l-fehmiet tiegħek fir-rigward tal-istabbiliment ta' approċċ komuni għall-valutazzjoni tar-riskju, li jintuża mill-awtoritajiet tal-ħruġ tal-liċenzji għall-fini ta' proċeduri ta' ħruġ ta' liċenzji?

Skambju sistematiku ta' informazzjoni

Informazzjoni affidabbli hija l-bażi ta' kontrolli tal-esportazzjoni effiċjenti u b'saħħithom. Mingħajr aċċess għall-informazzjoni xierqa, l-awtoritajiet tal-ħruġ tal-liċenzji ma jkollhomx bażi solida biżżejjed biex jieħdu deċiżjonijiet kwalifikati dwar tranżazzjonijiet speċifiċi ta' esportazzjoni. Għandha ssir distinzjoni ċara bejn żewġ tipi ta' informazzjoni:

- L-ewwel, l-informazzjoni relatata mas-sigurtà - din it-tip ta' informazzjoni tinġabar mill-Istati Membri skont il-prerogattivi nazzjonali ta' sigurtà tagħhom. Din tibqa' barra l-ambitu tal-Green Paper attwali u l-iskambju tagħha ssir biss kif meqjus xieraq mill-Istati Membri. Madankollu, kif indikat fid-dokument tal-Linji Ġodda ta' Azzjoni adottat mill-Kunsill, jista' jsir użu aħjar tal-kapaċitajiet ta' analiżi fil-livell tal-UE.

- It-tieni, l-informazzjoni ħierġa direttament mill-proċeduri ta' kontroll tal-esportazzjoni – dan it-tip ta' informazzjoni tinkludi dejta fuq esportaturi, deċiżjonijiet meħuda dwar ħruġ ta' liċenzji, entitajiet suspettużi u ċaħdiet. It-titjib ta' dan it-tip ta' skambju ta' informazzjoni għandu jkun fiċ-ċentru tal-attenzjoni tal-isforzi tal-UE.

Bħalissa, l-informazzjoni rilevanti għall-kontrolli tal-esportazzjoni tiġi skambjata primarjament fuq bażi bilaterali informali. Skambju sistematiku ta' dejta jsir biss fir-rigward ta' ċaħdiet maħruġa minn awtoritiajiet tal-ħruġ tal-liċenzji u anke dan isir b'livell minimu ta' dettall. L-iskambju taċ-ċaħdiet isir sabiex jiġi evitat li jsir xi imminar, b'mod partikolari, meta Stat Membru wieħed jawtorizza esportazzjoni, li tkun simili għal tranżazzjoni oħra mċaħħda minn Stat Membru differenti. Punt interessanti huwa li l-livell ta' skambju sistematiku ta' dejta li jikkonċerna ċaħdiet madwar is-27 Stat Membru tal-UE ma jissuperax l-iskambju li jsir fost il-pajjiżi parteċipanti tas-sistemi internazzjonali ta' kontroll tal-esportazzjoni, li jinkludu madwar 50 stat. F'ċerti każijiet, isir aktar skambju ta' informazzjoni ma' ċerta organizzazzjoni internazzjonali milli ma' sħab tal-UE. Pereżempju, fil-qasam nukleari, l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni dwar trasferimenti nukleari liċenzjati lill-Aġenzija Internazzjonali dwar l-Enerġija Atomika (IAEA), u xi Stati Membri saħansitra jipprovdu lill-IAEA informazzjoni fuq stħarriġ dwar akkwisti. Għaldaqstant jidher li hemm ċertu nuqqas ta' proporzjoni fl-iskambju sistematiku ta' informazzjoni jekk jitqies il-livell ta' integrazzjoni milħuq fl-UE u l-eżistenza ta' dik li tidher bħala politika komuni ta' esportazzjoni.

Sabiex jiġi żgurat li arkitettura futura tal-UE ta' kontroll tal-esportazzjoni taħdem kif mistenni, l-iskambju sistematiku ta' informazzjoni jkun irid isir fir-rigward ta' aspetti varji tal-kontrolli ta' esportazzjoni. Mill-inqas, din tista' tinkludi:

- id-dettalji tal-liċenzji maħruġa mill-Istati Membri tal-UE;

- id-dettalji tal-esportaturi involuti fl-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju;

- id-dettalji tal-esportaturi rreġistrati biex jużaw awtorizzazzjonijiet ġenerali ta' esportazzjoni;

- l-entitajiet suspettużi li jippruvaw jakkwistaw oġġetti b'użu doppju.

Il-qsim ta' tali informazzjoni tiżgura li, min-naħa waħda, l-uffiċċji għall-ħruġ ta' liċenzji jkollhom l-isfond meħtieġ fir-rigward ta' kwistjonijiet marbuta mal-ħruġ ta' liċenzji sabiex jiżguraw applikazzjoni uniformi tal-kontrolli tal-esportazzjoni madwar l-UE. Min-naħa l-oħra, aċċess għal din l-informazzjoni jippermetti infurzar aktar effiċjenti mal-fruntieri tal-UE hekk kif tranżazzjonijiet varji jkunu jistgħu jiġi kontroverifikati ma' listi ta' liċenzji u esportaturi validi.

Mistoqsijiet:

41. X'inhi l-opinjoni tiegħek dwar il-mudell ta' skambju ta' informazzjoni deskritt hawn fuq?

42. X'tipi oħra ta' informazzjoni jkunu jridu jiġu skambjati fost l-awtoritajiet tal-ħruġ tal-liċenzji sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tal-kontrolli tal-esportazzjoni madwar l-UE?

Estensjoni tal-ambitu tal-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali ta' Esportazzjoni tal-UE

Sabiex jiġu żgurati kontrolli tal-esportazzjoni effiċjenti skont il-mudell ġdid ta' kontroll tal-esportazzjoni, għandu jintlaħaq ftehim dwar il-prijoritizzazzjoni tal-isforzi. Bosta Stati Membri tal-UE kif ukoll bosta pajjiżi terzi diġà jipprojiritizzaw il-ħidma tagħhom billi t-tranżazzjonijiet ta' riskju baxx ikunu eligibbli għal proċeduri iffaċilitati ta' esportazzjoni fl-ambitu ta' liċenzji ġenerali. Fl-UE nfisha, mhux anqas minn 7 Stati Membri għandhom fis-seħħ Awtorizzazzjonijiet Ġenerali Nazzjonali ta' Esportazzjoni (NGAs), li jippermettu l-esportazzjoni ta' bosta oġġetti kkontrollati lejn firxa wiesgħa ta' destinazzjonijiet b'formalitajiet mill-inqas. Ovvjament, tali awtorizzazzjonijiet ġenerali jiffaċilitaw ħafna l-esportazzjonijiet għan-negozji li għandhom aċċess għalihom u permezz tagħhom l-uffiċċji tal-ħruġ tal-liċenzji jkunu jistgħu jiddedikaw riżorsi għal valutazzjoni f'aktar dettall tat-tranżazzjonijiet ta' riskju għoli.

Fil-livell tal-UE, bħalissa hemm Awtorizzazzjoni Ġenerali ta' Esportazzjoni tal-UE fis-seħħ li tippermetti l-esportazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-oġġetti kkontollati lil 7 destinazzjonijiet. Sabiex jiġu estiżi l-benefiċċji tal-liċenzi ġenerali lill-esportaturi fl-UE kollha, fl-2008 il-Kummissjoni pproponiet l-introduzzjoni ta' 6 Awtorizzazzjonijiet Ġenerali ta' Esportazzjoni ġodda.

Il-Kummissjoni temmen li jrid isir sforz ulterjuri fil-futur sabiex tiġi estiża d-disponibbiltà tal-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali ta' Esportazzjoni tal-UE, b'mod partikolari, f'oqsma fejn ċerti Stati Membri diġà għandhom l-NGAs fis-seħħ. Din il-kwistjoni hija relatata mill-qrib mal-mod li jiġi vvalutat ir-riskju madwar l-UE. Bħalissa, approċċi differenti għar-riskju jwasslu għal konklużjonijiet dijametrikament differenti fost l-Istati Membri fir-rigward tal-ambitu potenzjali tal-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali ta' Esportazzjoni tal-UE. Tranżazzjonijiet li huma meqjusa ta' riskju baxx biżżejjed li jkun jistħoqqilhom li jiġu inklużi fl-NGAs f'ċerti Stati Membri, huma meqjusa minn oħrajn li huma wisq riskjużi u għaldaqstant jeħtieġu liċenzji individwali. Madankollu, mill-perspettiva tal-Kummissjoni tali sitwazzjonijiet ma għandhomx iseħħu fis-Suq Uniku – hekk kif, fuq naħa waħda, jiftħu l-bieb għal min ikun irid idur mar-regoli u, fuq naħa oħra, joħolqu kundizzjonijiet mhux indaqs għall-operaturi tal-UE. Konsegwentement, għandu jkun possibbli li jintlaħqu ftehimiet mifruxa fuq esportazzjonijiet ta' riskju baxx, B'mod partikolari, fid-dawl tal-ambitu wiesa' ta' bosta NGAs diġà fis-seħħ u l-ambitu wiesa' tal-liċenzji ġenerali disponibbli f'pajjiżi terzi, l-UE għandha tkun kapaċi tiftiehem fuq Awtorizzazjonijiet Ġenerali ta' Esportazzjoni tal-UE ġodda u wiesgħa. Sabiex jiġu salvagwardjati l-prerogattivi nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà, ċerti klawżoli ta' sikurezza jistgħu jiġu introdotti f'tali Awtorizzazjonijiet Ġenerali ta' Esportazzjoni tal-UE wiesgħa, li jippermettu lill-Istati Membri jimblukkaw ċerti tranżazzjonijiet abbażi ta' każijiet individwali, kieku dawn kellhom jippreġudikaw l-interessi essenzjali ta' sigurtà tagħhom. Jekk jintlaħaq ftehim fuq tali approċċ komuni, l-użu tal-NGAs ikunu jista' jiġi eliminat progressivament.

F'nuqqas ta' ftehim dwar Awtorizzazjonijiet Ġenerali ta' Esportazzjoni tal-UE wiesgħa u ġodda u dwar l-eliminazzjoni progressiva tal-NGAs, trid titqies il-possibbiltà li tiġi estiża d-disponibbiltà tal-NGAs lill-esportaturi mill-Istati Membri kollha tal-UE.

Mistoqsijiet:

43. X'inhuma l-fehmiet tiegħek dwar l-idea li jiġu eliminati progressivament l-NGAs jekk dawn jinbidlu b'Awtorizzazjonijiet Ġenerali ta' Esportazzjoni tal-UE? Tali Awtorizzazjonijiet Ġenerali ta' Esportazzjoni tal-UE jkollhom ambitu simili għall-oġġetti u d-destinazzjonijiet, iżda jkunu disponibbli għall-esportaturi fl-Istati Membri kollha tal-UE.

44. X'tipi ġodda ta' Awtorizzazjonijiet Ġenerali ta' Esportazzjoni tal-UE tixtieq tara implimentati fl-UE?

45. Kif tqabbel l-Awtorizzazjoni Ġenerali ta' Esportazzjoni tal-UE EU001 u l-NGAs attwalment disponibbli ma' tipi simili ta' awtorizzazzjonijiet disponibbli f'pajjiżi terzi (pereżempju eċċezzjonijiet ta' liċenzji fl-Istati Uniti)?

Approċċ komuni għall-kontrolli li jkopru kollox

Il-possibbiltà li tiġi pprojbita tranżazzjoni ta' esportazzjoni li tikkonċerna oġġett mhux speċifikament elenkat fil-lista ta' kontroll tal-UE, iżda li, madankollu, ikun jista' jintuża għal finijiet ta' proliferazzjoni, huwa element fundamentali tas-sistemi ta' kontroll tal-esportazzjoni madwar id-dinja. Tali kontrolli li jkopru kollox huma meħtieġa sabiex jiġi żgurat li oġġetti li jistgħu jikkontribwixxu għal programmi ta' proliferazzjoni jew militari ma jaslux għand tali programmi f'sitwazzjoni fejn il-parametri tekniċi tagħhom huma kemmxejn inqas mill-livelli limitu kkontrollati jew l-oġġetti ma jkunux għadhom ma ġewx inklużi fil-lista ta' kontroll. Bħala konsegwenza, kontrolli li jkopru kollox huma estensjoni loġika tal-kontrolli fuq oġġetti elenkati.

L-użu ta' kontrolli li jkopru kollox huwa dejjem diffiċli iżda joħloq sfidi partikolari fi ħdan il-kuntest tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs għall-esportaturi tal-UE. Żewġ problemi speċifiċi tfaċċaw fl-applikazzjoni fl-UE tal-kontrolli li jkopru kollox:

- L-ewwel, jekk Stat Membru jimponi kontroll li jkopri kollox u sussegwentement jesiġi awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni ta' oġġett speċifiku, tranżazzjonijiet simili fi Stati Membri oħra mhumiex affettwati. Dan ifisser li esportatur fi Stat Membru wieħed jista' jkun meħtieġ li jgħaddi minn proċess ta' awtorizzazzjoni, filwaqt li kompetituri fi Stati Membri oħra jkomplu jesportaw mingħajr restrizzjonijiet. Ir-Regolament dwar l-Oġġetti b'Użu Doppju jipprovdi biss, lill-Istati Membri, il-possibbiltà li jinfurmaw lil xulxin dwar kontrolli li jkopru kollox imposti, iżda mhumiex meħtieġa li jaġixxu fuq tali informazzjoni. Bħala konsegwenza, mhumiex żgurati kundizzjonijiet indaqs għall-esportaturi tal-UE u l-għanijiet ta' sigurtà mhumiex milħuqa hekk kif partijiet interessati jistgħu jfittxu alternattivi oħra madwar l-UE sabiex jiksbu aċċess għall-oġġetti.

- It-tieni, jekk Stat Membru joħroġ ċaħda ta' esportazzjoni wara impożizzjoni ta' kontroll li jkopri kollox, Stati Membri oħra mhux neċessarjament iwettqu l-passi meħtieġa biex jimplimentaw il-prinċipju li ma jkun hemm l-ebda imminar. Anke jekk ir-Regolament dwar l-Oġġetti b'Użu Doppju jesiġi li l-Istati Membri jikkonsultaw il-lista taċ-ċaħdiet validi qabel ma joħorġu awtorizzazzjoni u li jikkonsultaw lil xulxin f'każ ta' tranżazzjonijiet simili, fil-każ ta' sitwazzjonijiet li jkopru kollox, jista' ma jkun hemm l-ebda proċess ta' awtorizzazzjoni implimentat f'ċerti Stati Membri. Bħala konsegwenza, anke jekk ċaħda ta' esportazzjoni tista' tinħareġ minn Stat Membru wieħed, il-kompetituri fi Stati Membri jistgħu jkomplu jagħmlu negozju mingħajr restrizzjonijiet, bi ksur ċar tal-prinċipju li jkun hemm kundizzjonijiet indaqs għall-esportaturi tal-UE u li tqajjem il-kwistjoni dwar jekk għandhomx jiġu imposti tali kontrolli mill-bidu.

Il-problemi identifikati hawn fuq huma marbuta mill-qrib mal-kwistjoni dwar jekk għandux ikun hemm approċċi ta' valutazzjoni tar-riskju użati madwar l-UE. Essenzjalment, għandhom jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn Stat Membru wieħed iqis li tranżazzjoni tkun wisq riskjuża biex jagħti awtorizzazzjoni minħabba tħassib ta' proliferazzjoni filwaqt li Stati Membri oħra jkomplu jesportaw oġġetti f'sitwazzjonijiet simili jew identiċi.

Fil-futur, l-Istati Membri jistgħu jkunu soġġetti għal skambju mandatorju ta' informazzjoni dwar kontrolli li jkopru kollox imposti u dwar ir-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħhom. Minbarra dan, trid tingħata konsiderazzjoni lill-kunċett tal-ħolqien ta' kontroll li jkopri kollox li jsir madwar l-UE kollha. Fl-ambitu ta' tali mekkaniżmu u f'sitwazzjonijiet speċifiċi, Stat Membru jew grupp ta' Stati Membri kkonċernati jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex toħroġ rekwiżit ta' awtorizzazzjoni applikabbli madwar is-27 Stat Membru kollha tal-UE u li jkun validu għal ċertu perjodu ta' żmien. Awtoritajiet tad-dwana madwar l-UE jistgħu imbagħad jiġu mitluba li jagħtu attenzjoni partikolari lil ċerti tipi speċifiċi ta' tranżazzjonijiet. L-introduzzjoni ta' tali approċċ komuni tfisser li s-sitwazzjoni tal-esportaturi madwar l-UE tkun aktar stabbli filwaqt li, fl-istess ħin, sforzi ta' sigurtà jirċievu spinta qawwija hekk kif proliferaturi potenzjali jkunu effettivament imblukkati milli jfittxu alternattivi oħra madwar l-UE għal ċerti oġġetti.

Irid isir ħsieb ulterjuri dwar il-kwistjoni dwar kif jiġi żgurat li l-ebda imminar ma jseħħ ladarba Stat Membru jkun ħareġ ċaħda wara l-impożizzjoni ta' kontroll li jkopri kollox. F'dan ir-rigward, tista' tingħata konsiderazzjoni lejn it-tisħiħ tar-rwol tal-awtoritajiet tad-dwana jew possibbilment jinħolqu listi temporanji ta' oġġett addizzjonali kkontrollati li jkunu bbażati fuq deċizjonijiet dwar ċaħdiet maħruġa reċentament. Tali lista temporanja tkun tintroduċi rekwiżit ta' liċenzja għall-esportazzjoni ta' ċerti oġġetti (mhux elenkati fil-lista ta' kontroll tal-UE) għal ċerti destinazzjonijiet u għaldaqstant tobbliga lill-Istati Membri biex jivvalutaw dawn it-tranżazzjonijiet ta' esportazzjoni msejsa fuq sett ta' regoli komuni.

Mistoqsijiet:

46. Lest tappoġġa l-idea li l-Istati Membri jiġu obbligati jagħmlu skambju ta' informazzjoni dwar il-kontrolli li jkopru kollox imponuti (rekwiżiti ta' awtorizzazzjoni), li jieħu post l-approċċ attwali ta' skambju volontarju ta' informazzjoni?

47. Lest tappoġġa l-idea ta' ħolqien ta' mekkaniżmu għall-ħruġ ta' kontroll, madwar l-UE kollha, li jkopri kollox?

48. X'inhi l-opinjoni tiegħek dwar l-idea li jinħolqu listi temporanji ta' ċerti oġġetti u destinazzjonijiet li jkunu soġġetti għal kontrolli fl-ambitu tad-dispożizzjonijiet li jkopru kollox?

Ħidma favur suq intern integrat bis-sħiħ għall-oġġetti b'użu doppju

Diskussjoni dwar il-mudell futur tal-UE għall-kontroll tal-esportazzjoni ma jkunx komplet mingħajr ma titqies il-kwistjoni dwar it-trasferimenti intra-UE, li għadhom wieħed mill-ftit eċċezzjonijiet għall-prinċipju taċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta' oġġetti fl-UE. F'mument fejn ċerti miżuri ta' faċilitazzjoni jistgħu jiġu miftiehma dwar trasferimenti intra-UE ta' oġġetti militari, ir-raġunijiet biex jinżammu kontrolli fuq trasferimenti intra-UE li jikkonċernaw oġġetti b'użu doppju jidhru xi ftit jew wisq arkani. Li trasferimenti intra-UE jkunu soġġetti għal proċeduri ta' ħruġ ta' liċenzji essenzjalment identiċi ta' dawk għal esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi huwa diffiċli biex tiġġustifikahom f'suq intern. Il-problema ssir agħar minħabba n-nuqqas ta' proċeduri armonizzati ċari għall-ħruġ ta' liċenzji għal awtorizzazzjonijiet ta' trasferimenti intra-UE. Għal bosta snin, oqfsa legali tal-UE sussegwenti relatati mal-kontrolli tal-esportazzjoni ħallew miftuħa l-possibbiltà li tali kontrolli jitneħħew wara li jkunu saru passi ulterjuri lejn l-armonizzazzjoni ta' kontrolli ta' esportazzjoni fl-UE. Sfortunatament, s'issa għadu ma sar l-ebda progress.

Kontrolli ta' trasferimenti intra-UE jrażżnu l-iżvilupp hekk kif kumpaniji jippruvaw jevitaw, kemm jista' jkun, kooperazzjoni transfruntiera li tesiġi l-ikkompletar ta' proċeduri tedjanti ta' ħruġ tal-liċenzji u żamma tar-rekords. B'mod ġenerali, hemm għadd ta' proġetti ta' skala kbira, li attwalment jeħtieġu għadd għoli ta' liċenzji, li jistgħu jibbenefikaw konsiderevolment minn approċċ aktar issemplifikat għall-kontrolli tat-trasferimenti intra-UE.

Fi ħdan il-kunċett ta' mudell ġdid tal-UE għall-kontroll tal-esportazzjoni, għandu jsir sforz serju biex jintlaħaq l-għan li jitneħħew il-kontrolli ta' trasferimenti intra-UE għal oġġetti b'użu doppju. Kull meta tkun meħtieġa minħabba raġunijiet ta' sigurtà, tista' tingħata konsiderazzjoni għal modi alternattivi ta' kif jiġi żgurat li ma tkun saret l-ebda devjazzjoni, inklużi:

- Użu akbar ta' mekkaniżmi ta' verifika wara li tkun saret il-kunsinna;

- Listi ta' utenti aħħara ċċertifikati fl-UE li jistgħu jirċievu oġġetti/teknoloġiji speċifiċi li attwalment huma elenkati fl-Anness IV.

Tal-anqas u bħala l-ewwel fażi tal-ħidma f'dan il-qasan, ir-rekwiżiti ta' żamma tar-rekords jistgħu jiġu llaxkati u jistgħu jiġu introdotti liċenzji ġenerali għal ċerti oġġetti.

Mistoqsijiet:

49. Tkun lest tappoġġa l-għan li jitnaqqsu progressivament il-kontrolli fuq trasferimenti intra-UE?

50. Tkun lest tappoġġa l-idea li jinbidlu r-rekwiżiti ta' liċenzja għal trasferimenti intra-UE b'mekkaniżmu ta' verifika wara l-kunsinna?

51. Tkun lest taqbel mal-idea li r-rekwiżiti ta' liċenzja għal trasferimenti intra-UE jinbidlu bl-introduzzjoni ta' utenti aħħara ċċertifikati kif deskritt hawn fuq?

52. Għandek xi ideat oħra li jippermettu tnaqqis progressiv tal-kontrolli fuq trasferimenti intra-UE?

Infurzar imtejjeb tal-kontrolli tal-esportazzjoni

L-infurzar ta' leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tal-esportazzjoni jsir mid-dwana f'żewġ stadji, b'mod partikolari fis-sit fejn l-oġġett jitqiegħed fil-proċedura ta' esportazzjoni u mal-fruntiera tal-UE. Attwalment dan isir abbażi ta' informazzjoni limitata ħafna disponibbli għall-awtoritajiet tal-infurzar.

Bit-titjib tal-mekkaniżmi ta' skambju tal-informazzjoni kif deskritt hawn fuq, l-awtoritajiet ta' infurzar jista' jkollhom aċċess għal informazzjoni maqsuma li tikkonċerna liċenzji validi, esportaturi reġistrati kif ukoll entitajiet suspettużi, li jistgħu jintużaw biex jiġu iddentifikati aħjar tranżazzjonijiet ta' riskju għoli u jikkonċentraw l-isforzi ta' infurzar fuqhom.

Konsiderazzjoni ulterjuri trid tingħata wkoll lill-kwistjoni ta' kif jista' jsir użu aħjar mill-istatus ta' Operatur Ekonomiku Awtorizzat (AEO) fil-proċess ta' kontroll tal-esportazzjoni.

Mistoqsijiet:

53. X'tip ta' informazzjoni jkunu jeħtieġu l-awtoritajiet tad-dwana biex jinfurzaw b'mod xieraq il-kontrolli tal-esportazzjoni mal-fruntieri tal-UE?

54. Tkun utli għad-dwana li jkollhom aċċess għall-informazzjoni maqsuma li tikkonċerna liċenzji maħruġa fl-UE u listi ta' esportaturi li jkunu rċevew il-liċenzji?

55. Kif jista' jintuża status ta' AEO fi ħdan il-qafas ta' kontroll ta' esportazzjoni?

KONKLUŻJONIJIET

Il-passi li jmiss

Din il-konsultazzjoni permezz ta' Green Paper hija ddisinjata li tibda l-proċess ta' reviżjoni tas-sistema tal-UE ta' kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju kif meħtieġ skont l-Artikolu 25 tar-Regolament 428/2009. L-iskeda ta' żmien approssimattiv għall-passi sussegwenti hija stabbilita hawn taħt:

- 31 ta' Ottubru 2011 – tmiem il-konsultazzjoni;

- Jannar 2012 – rapport dwar ir-riżultati tal-Green Paper;

- Settembru 2012 – rapport formali lill-PE u lill-Kunsill skont l-Artikolu 25;

- 2013-2014 – proposti ta' emendi għar-Regolament dwar l-Oġġetti b'Użu Doppju.

Perjodu ta' konsultazzjoni

Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna li jippreżentaw il-fehmiet tagħhom li jikkonċernaw il-kwistjonijiet u l-mistoqsijiet imressqa hawn fuq. Il-kontribuzzjonijiet għandhom jintbagħtu f'format elettroniku mhux aktar tard mill- 31 ta' Ottubru 2011 lill-indirizz li ġej: TRADE-F1-DU-CONSULT-2011@ec.europa.eu.

Pubblikazzjoni tal-kontribuzzjonijiet

Il-Kummissjoni tipprevedi l-possibbiltà li jiġu ppubblikati jew imqassma l-kontribuzzjonijiet dettaljati li tirċievi għal din il-konsultazzjoni ta' din il-Green Paper. Jekk tixtieq li l-kontribuzzjoni tiegħek tibqa' kunfidenzjali, dan għandu jiġi indikat b'mod ċar fit-tweġiba tiegħek.

[1] Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ħarġet żewġ sentenzi fundamentali fl-1995 fil-każ C-70/94 - Fritz Werner Industrie-Ausrüstungen GmbH v ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u fil-każ C-83/94 – Proċedimenti kriminali kontra Peter Leifer, Reinhold Otto Krauskopf u Otto Holzer .

[2] Ara l-Artikolu 2(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

[3] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2603/69.

[4] Ara l-każijiet C-70/94 u C-83/94 imsemmija hawn fuq. Fil-każ C-83/94, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja speċifikat li kwalunkwe miżura eċċezzjonali meħuda f'dan ir-rigward għandha tkun proporzjonata mal-għan li qed jipprova jintlaħaq.

[5] Din il-Green Paper tikkonċerna esklussivament il-kontrolli fuq l-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju. Sanzjonijiet tal-UE u esportazzjonijiet ta' tagħmir militari huma speċifikament esklużi.

[6] Analiżi tal-kodiċijiet NM rilevanti (li jkopru oġġetti li, bħala karatteristiċi, jistgħu jkollhom kemm użu doppju kif ukoll le) tindika li l-esportazzjonijiet ta' oġġetti b'użu doppju jistgħu jammontaw sa 10 % tal-esportazzjoni tal-UE (limitu superjuri).

[7] Il-ħidma tas-sistemi internazzjonali ta' kontroll tal-esportazzjoni hija strettament marbuta mal-kisba tal-għanijiet ta' bosta strumenti internazzjonali inklużi t-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari, il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi, il-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (BTWC) u r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti bħal UNSCR 1540.

[8] Madankollu, hemm ċerti oqsma operazzjonali, b'mod partikolari fil-qasam tad-dwana, fejn jintuża approċċ uniku tal-UE. Pereżempju, il-korrelazzjoni bejn l-oġġetti tal-lista ta' kontroll u n-nomenklatura tal-oġġetti tad-dwana hija unifikata fil-livell tal-UE permezz tal-bażi tad-dejta TARIC.

[9] Għandu jiġi nnotat li l-kontrolli fuq trasferimenti intra-UE ta' oġġetti nukleari huma marbuta wkoll mal-Protokoll Addizzjonali tal-IAEA.