52011DC0376




KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-QORTI TAL-AWDITURI

DWAR L-ISTRATEĠIJA TAL-KUMMISSJONI KONTRA L-FRODI

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Strateġija komprensiva tal-Kummissjoni kontra l-frodi 5

2.1. Prinċipji bażiċi u prijoritajiet 8

2.2. Prevenzjoni u sejba tal-frodi 9

2.2.1. L-istrateġiji kontra l-frodi fil-livell tas-Servizzi tal-Kummissjoni 10

2.2.2. Ir-rwol tal-OLAF fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji 11

2.2.3. Kontrolli sistematiċi u analiżi tar-riskju 12

2.2.4. Trawwim ta' għarfien u taħriġ 13

2.3. Investigazzjonijiet 14

2.3.1. Investigazzjonijiet tal-OLAF 14

2.3.2. Informaturi u whistleblowers 15

2.4. Sanzjonijiet 15

2.5. L-Irkupru 16

2.6. Strumenti oħra orizzontali għall-prevenzjoni tal-frodi 16

2.6.1. Standards leġiżlattivi internazzjonali 16

2.6.2. Etika u integrità 17

2.6.3. Trasparenza u aċċess għall-informazzjoni 17

2.6.4. Appalti u għotjiet 17

3. Monitoraġġ ta' implimentazzjoni u rappurtar dwarha 18

INTRODUZZJONI

B'din il-Komunikazzjoni l-Kummissjoni qed ittejjeb u timmodernizza l-Istrateġija tagħha Kontra l-Frodi. L- għan ġenerali ta' din l-Istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi huwa li ttejjeb il- prevenzjoni, is-sejba u l-kundizzjonijiet għall-investigazzjonijiet tal-frodi u li tikseb reparazzjoni adegwata u deterrent, b'sanzjonijiet proporzjonati u dissważivi, u li tirrispetta l-proċess dovut , speċjalment bl-introduzzjoni ta' strateġiji kontra l-frodi fil-livell tas-Servizz tal-Kummissjoni li jirrispetta u jiċċara r-responsabbiltajiet differenti tal-partijiet interessati varji.

L-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jobbliga lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiġġieldu l-frodi u kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Il-prevenzjoni u s-sejba tal-frodi hija għalhekk obbligu ġenerali tas-Servizzi kollha tal-Kummissjoni fil-qafas tal-attivitajiet ta' kuljum tagħhom li jinvolvu l-użu tar-riżorsi.

Il-Kummissjoni Ewropea timplimenta l-baġit tal-UE skont il-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja soda (l-Artikolu 317 tat-TFUE). Hija tinsab impenjata biex tiżgura li l-qafas, il-politiki, ir-regoli u l-proċeduri fis-seħħ jippermettu l-prevenzjoni effettiva u s-sejba tal-frodi[1].

Il-ġestjoni u r-responsabbiltà finanzjarja ġew imsaħħa. Is-Servizzi tal-Kummissjoni[2] huma responsabbli mill-ġestjoni tar-riżorsi operazzjonali u amministrattivi allokati lilhom biex jimplimentaw il-politiki tal-UE jew biex jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet tal-UE b'mod li jkun ta' benefiċċju għall-ispejjeż u billi jitnaqqas il-piż amministrattiv kemm jista' jkun. F'dan ir-rigward is-Servizzi tal-Kummissjoni[3] huma responsabbli biex jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jipprovdu sikurezza raġonevoli biex jinkisbu l-prevenzjoni u sejba tal-frodi u l-irregolaritajiet[4].

L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (l-OLAF) iwettaq investigazzjonijiet amministrattivi. Huwa juża l-esperjenza u l-għarfien tiegħu biex jappoġġja Servizzi tal-Kummissjoni oħra fil-prevenzjoni u s-sejba tal-frodi[5] u l-irregolaritajiet[6].

Il-prevenzjoni u s-sejba tal-frodi huma fil-qalba tal-politiki tal-Kummissjoni kontra l-frodi. Madanakollu, fatturi oħra huma daqstant importanti, l-aktar l-investigazzjoni effettiva u effiċjenti, irkupru fil-pront ta' flus li ma kellhomx jitħallsu mill-baġit tal-UE, u sanzjonijiet li jservu bħala deterrent.

L-Istati Membri jamministraw kważi d-dħul kollu mill-baġit tal-UE. Huma jaqsmu wkoll il-ġestjoni ta' madwar madwar 80 % tan-nefqa tal-baġit mal-Kummissjoni. L-20% li jifdal huma ġestiti direttament mis-Servizzi tal-Kummissjoni, parzjalment flimkien mal-amministrazzjonijiet ta' pajjiżi li mhumiex fl-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Il-Parlament Ewropew (il-PE)[7], il-Kunsill[8] u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri[9] għamlu sejħa, fil-kuntest tar-rakkomandazzjonijiet tal-proċeduri ta' rilaxx u riżoluzzjonijiet u rapporti varji oħra, għal protezzjoni aħjar tal-interessi finanzjarji tal-UE kontra l-irregolaritajiet u l-frodi. Madanakollu, il-Kunsill[10] u l-Parlament[11] ukoll talbu għas-simplifika u l-evitar tal-piżijiet amministrattivi fil-programmi Ewropej. Il-Kummissjoni għalhekk għandha bżonn li ssib bilanċ bejn kontroll ta' spiża effettiva u simplifikazzjoni.

Fl-2010 l-Kunsill adotta l-Programm multiannwali ta' Stokkolma[12] għall-politiki fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertajiet ċivili u s-sigurtà. Huwa jsejjaħ lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u forom oħra ta' kriminalità finanzjarja. Dan jinkludi l-bini tal-kapaċità għall-investigazzjonijiet finanzjarji u biex jiġi ċċarat min huma 's-sidien benefiċjarji' tal-assi.

Fl-2011, se jittieħdu għadd ta' inizjattivi biex titħarrax il-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni li taffettwa l-flus pubbliċi tal-UE:

Il-proposta tal-Kummissjoni għall- emendar tal-qafas legali tal-OLAF[13] għandha l-għan li żżid l-effiċjenza u l-ħeffa tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, li ssaħħaħ il-garanziji proċedurali, kif ukoll li tirrinforza l-kooperazzjoni tal-OLAF mal-Istati Membri u li ittejjeb il-governanza tiegħu.

Il- Komunikazzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE permezz tal-liġi kriminali u l-investigazzjonijiet amministrattivi[14] tistabbilixxi kif il-Kummissjoni biħsiebha tissalvagwardja l-flus ta' dawk li jħallsu t-taxxa fil-livell tal-UE kontra attivitajiet illegali, inkluż theddid impost mill-korruzzjoni minn ġewwa u minn barra l-istituzzjonijiet tal-UE. Il-Komunikazzjoni tindika opportunitajiet għat-titjib tal-qafas legali kriminali, ta' għodod proċedurali għall-investigaturi u l-prosekuturi, kif ukoll żviluppi istituzzjonali possibbli bħat-twaqqif tal-Uffiċċju Ewropew tal-Prosekutur Pubbliku.

Il- Komunikazzjoni dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni fl-UE[15] , li tikkumplimenta dawn l-inizjattivi, tistabbilixxi mekkaniżmu għar-rappurtar tal-korruzzjoni għal valutazzjoni perjodika tal-Istati Membri ('Rapport tal-UE Kontra l-Korruzzjoni').

Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2011 jinkludi wkoll Proposta għal qafas legali ġdid dwar il-konfiska u l-irkupru ta' assi kriminali taħt l-intestatura "Inizjattivi għall-Ħarsien tal-Ekonomija Leċita".[16]

Din l-Istrateġija Kontra l-Frodi, li tikkumplimenta dawn l-inizjattivi, tittratta prinċipalment l-aspetti ta' amministrazzjoni tajba. Dawn il-komunikazzjonijiet kollha, flimkien jiżviluppaw il-politiki futuri tal-UE kontra l-frodi u kontra l-korruzzjoni b'qafas koerenti u komprensiv.

L-Istrateġija ta' Kontra l-Frodi tal-Kummissjoni hija primarjament indirizzata lis-Servizzi tal-Kummissjoni u se tirrinforza l-politiki tal-UE u se tikkontribwixxi għall-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-UE. Hija tikkumplimenta l-orjentazzjonijiet tal-politika fundamentali tal-Kummissjoni li ġew preżentati fil-Komunikazzjonijiet riċenti tagħha dwar Ewropa 2020[17] u fir-Reviżjoni tal-Baġit,[18] u li kienu ssottolineaw għanijiet importanti għas-simplifikazzjoni u l-koerenza tar-regoli tal-UE, filwaqt li fl-istess ħin iżżomm standards għoljin ta' responsabbiltà u tkun konxja mir-riskji finanzjarji.

STRATEġIJA KOMPRENSIVA TAL-KUMMISSJONI KONTRA L-FRODI

Il-frodi jaffettwaw il-baġit tal-UE — fejn ninsabu u x'inhuma l-isfidi li qed naffaċċjaw?

L-aħħar strateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi ġiet adottata fis-sena 2000[19] u l-Pjanijiet ta' Azzjoni li segwewha għall-2001-2003 u l-2004-2005 ħolqu bażi għal politika komprensiva tal-UE kontra l-frodi.[20] Il-Kummissjoni rrappurtat dwar l-implimentazzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni u dwar il-progress fl-iżvilupp tal-politiki kontra l-frodi fir-rapporti annwali tagħha dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet u l-ġlieda kontra l-frodi mill-2001 sal-2005.[21] Fl-2007, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-frodi[22] flimkien ma' Komunikazzjoni dwar id-diviżjoni tar-responsabbiltajiet bejn l-OLAF u s-Servizzi tal-Kummissjoni għan-nefqa taħt ġestjoni maqsuma, fejn is-Servizzi assumew ir-responsabbiltà għall-insegwiment finanzjarju tal-irregolaritajiet u l-frodi.[23] L-implimentazzjoni ta' dawn il-Komunikazzjonijiet turi li l-esperjenza tal-OLAF, miksuba mill-esperjenza investigattiva, tista' tipprovdi kontribut prezzjuż lill-Kummissjoni.

Il-kuntest kurrenti tat-tħejjija ta' qafas finanzjarju multiannwali ġdid (MFF) jagħti lill-Kummissjoni l-opportunità li tirrinforza l-istrateġiji kontra l-frodi fil-politiki differenti kollha tal-UE. L-MFF għall-perjodu wara l-2013 se jiġi appoġġjat mill-proposti leġiżlattivi speċifiċi ġodda għall-programmi tal-UE. Filwaqt li jikkumplimentaw l-għan ġenerali ta' simplifikazzjoni, dawn għandhom jinkludu miżuri adatti kontra l-frodi. Il-Kummissjoni tinsab impenjata li ttejjeb aktar id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi kontra l-frodi b'mod proporzjonat u kost effettiv. Dan il-proċess se jagħti kas tal-azzjonijiet li diġà qegħdin jittieħdu mis-Servizzi tal-Kummissjoni.

Dawk li jwettqu l-frodi, b'mod partikolari l-kriminalità organizzata, jadattaw malajr għal ċirkostanzi ġodda. Il-Kummissjoni trid tkun f'pożizzjoni li taffaċċja tali sfidi ġodda. Il-kuntest li qed jinbidel tal-frodi jirrikjedi aġġustament kontinwu għall-politiki tal-UE kontra l-frodi. Il-prevenzjoni u s-sejbien tal-frodi huma kwistjoni ewlenija tal-governanza li l-Kummissjoni tinsab impenjata li tindirizza fil-livelli kollha u matul iċ-ċiklu sħiħ ta' nefqa/dħul.

Il-baġit tal-UE jiġi mill-flus ta' dawk li jħallsu t-taxxi u jrid jintuża biss għall-implimentazzjoni tal-politiki li tkun approvat il-leġiżlatura tal-UE. Minkejja dan, fl-2009, l-Istati Membri rrappurtaw valur ta' EUR 279.8 miljun ta' każijiet ta' frodi suspettati li jinvolvu fondi tal-UE maniġġjati fil-pajjiżi rispettivi tagħhom[24].

Dan huwa biss indikatur tal-impatt finanzjarju tal-kwistjoni, u ma jfissirx li se jkun hemm biżżejjed provi, jew li l-flus ma jistgħux jiġu irkuprati. Imma juri li jridu jsiru sforzi ta' prevenzjoni u li l-miżuri fis-seħħ iridu jiġu adottati regolarment biex jipprevedu skemi ġodda ta' frodi.

Min-naħa l-oħra, il-kontrolli addizzjonali li l-Kummissjoni qed tissuġġerixxi li ddaħħal fis-seħħ għandhom ikunu proporzjonali, effiċjenti u kost effettivi. Minħabba li l-frodi spiss jinvolvi skemi organizzati bir-reqqa u sofistikati biex jinżammu mistura, ir-riskju li jibqgħu mistura huwa ogħla milli għal irregolaritajiet oħra u għalhekk is-sistemi ta' kontra l-frodi, biex ikunu effiċjenti, iridu jkunu aktar intelliġenti u aktar sofistikati u għalhekk x'aktarx li jiswew aktar. Il-valur marġinali tal-frodi li x'aktarx jinstab u jiġi korrett mill-Istati Membri u l-Kummissjoni b'riżultat tal-kontrolli addizzjonali kontra l-frodi jridu jaqbżu l-ispiża marġinali tal-kontrolli u l-ispejjeż addizzjonali, filwaqt li jingħata kas ukoll tar-riskju għar-reputazzjoni.

Barra minn hekk, il-miżuri kontra l-frodi jridu jinkisbu f'konformità mal-għan dikjarat tal-Kummissjoni li ma jkunx hemm żieda fir-riżorsi u li jitnaqqsu l-appoġġ amministrattiv u l-funzjonijiet tal-koordinazzjoni.[25] Fil-każ ta' investimenti addizzjonali, dawn iridu jinkisbu permezz ta' riallokazzjoni tal-persunal fi ħdan is-Servizzi f'konformità ma' dawn il-prinċipji.

Il-Kummissjoni diġà żviluppat u qed tiżviluppa miżuri kontra l-frodi. L-eżempji segwenti tal-aħjar prattiki juru l-potenzjal ta' miżuri mfassla tajjeb kontra l-frodi:

Għal azzjonijiet strutturali,[26] il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ Strateġija Konġunta għall-Prevenzjoni tal-Frodi li l-għanijiet tagħha huma li ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tindirizza l-frodi, li tqajjem kuxjenza fl-Istati Membri u fis-Servizzi tal-Kummissjoni dwar l-importanza tal-prevenzjoni tal-frodi u li ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-OLAF. Din l-Istrateġija Konġunta għall-Prevenzjoni tal-Frodi ssaħħaħ il-miżuri eżistenti għall-Fondi konċernati, u se tiffaċilita l-implimentazzjoni ta' din l-Istrateġija Kontra l-Frodi f'dan il-qasam tal-baġit. Servizzi oħra tal-Kummissjoni, bħal dawk responsabbli mill-politiki ta' riċerka, ukoll adottaw strateġiji speċifiċi kontra l-frodi li jisfruttaw id-dejta disponibbli għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-frodi.

Madanakollu, mhux is-Servizzi kollha tal-Kummissjoni li jimmaniġġjaw il-fondi tal-UE jsegwu strateġija sistematika bħal din, sa issa.

L-iżvilupp tal-istrateġija 'Pluto' għas-sejba u l-prevenzjoni tal-frodi :

Il-proġett Pluto twaqqaf biex jgħin lid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Soċjetà tal-Informazzjoni biex itejjeb il-kapaċitajiet ta' verifika u l-funzjonijiet ta' kontroll tiegħu permezz tal-provvediment ta' għodod analitiċi qawwija u informazzjoni dwar indikaturi tal-frodi bażati fuq l-esperjenza operazzjonali tal-OLAF. B'din l-istrateġija kien possibbli li jinstabu ħafna aktar każijiet ta' frodi suspettati.[27]

Minħabba s-suċċess tal-proġett, notevolment f'termini ta' sejbien fil-ħin ta' każijiet ta' frodi, kien hemm interess kbir minn Servizzi tal-Kummissjoni operazzjonali oħra fl-implimentazzjoni ta' tali strateġija. Dan se jiġi faċilitat.

Pjattaforma unika teknika għall-iskambju sigur tad-dejta bejn l-awtoritajiet doganali u oħrajn nazzjonali relevanti, inkluż l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja tal-UE[28] (awtoritajiet ta' kontra l-ħasil tal-flus), aċċessibbli bl-użu ta' browser tal-internet ġie żviluppat mill-Kummissjoni Ewropea bl-isem " Mutual Assistance Broker (MAB)". Hija tippermetti skambju sigur tal-informazzjoni rigward movimenti illeċiti stabbiliti jew suspettati ta' oġġetti jew flus kontanti li jidħlu jew iħallu l-UE u hekk ma jibqax il-bżonn ta' kontribut ta' dejta dupplika u li tinvolvi ħafna xogħol, filwaqt li jiġu rispettati r-regoli tal-protezzjoni tad-dejta.

Regoli ġodda tal-IT jistgħu jnaqqsu b'mod konsiderevoli l-piż amministrattiv biex jinstabu l-frodi u l-irregolaritajiet anke għall-ġestjoni tad-dħul tal-baġit.

Il-Kummissjoni żviluppat kors ta' taħriġ biex tqajjem kuxjenza dwar il-frodi bażat fuq każijiet reali li ltaqgħu magħhom is-servizzi tal-Kummissjoni.

Dan it-tip ta' taħriġ imfassal apposta se jiġi żviluppat bl-użu ta' każijiet reali li ltaqgħu magħhom ukoll servizzi oħrajn tal-Kummissjoni, u se jiġi offrut fuq bażi regolari kif indikat fit-Taqsima 2.2.4.

Prinċipji bażiċi u prijoritajiet

X'inhuma l-prinċipji bażiċi tal-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi?

L-Istrateija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi tapplika kemm għan-nefqa kif ukoll għad-dħul tal-baġit.

Il- prinċipji ta' gwida ewlenin u l-istandards fil-mira f'dan il-qasam ta' politika tal-Kummissjoni huma dawn segwenti:

Etika. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet l-oħra responsabbli mill-ġestjoni tal-fondi tal-UE jridu josservaw l-ogħla standards ta' komportament etiku u integrità. Il-persunal tagħhom irid jikkonforma ma' dawn l-istandards u jrid jiġi mħarreġ b'mod adegwat kemm dwar ir-riskji tal-frodi kif ukoll dwar il-bżonn tal-ġlieda kontra l-frodi.

Żieda fit-trasparenza. Din hija għodda importanti fil-ġlieda kontra l-frodi. L-informazzjoni relevanti dwar l-użu tal-fondi tal-UE għandha kemm jista' jkun tkun disponibbli fil-format li jista' jiġi verifikat, imqabbel u analizzat għall-finijiet ta' kontra l-frodi, soġġett għar-regoli relevanti tal-protezzjoni tad-dejta.[29]

Prevenzjoni tal-frodi. It-tfassil tal-programmi tal-infiq huwa l-ewwel stadju għal prevenzjoni effettiva tal-frodi. Għalhekk, l-analiżi tal-potenzjal tal-vulnerabbiltà għall-frodi se tkun inkluża fi studji tal-fattibbiltà u valutazzjonijiet tal-impatt, fejn ikun relevanti. Fl-istadju tal-implimentazzjoni tal-programmi, monitoraġġ kost effettiv u bażat fuq ir-riskju u mekkaniżmi ta' kontroll għandhom jiżguraw mitigazzjoni tajba tar-riskju tal-frodi.

Kapaċità ta' investigazzjoni effettiva. Għodod u inċentivi adegwati huma importanti għas-sejba u l-investigazzjoni effettiva tal-frodi. Meta jkun hemm suspett ta' frodi, il-korpi ta' kontra l-frodi jeħtieġu aċċess diskret għall-informazzjoni neċessarja, f'kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet u l-korpi konċernati b'rekord tal-verifika u f'konformità mar-regolamenti fis-seħħ. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet u l-korpi konċernati jeħtieġu informazzjoni adegwata u fil-ħin mill-korp investigattiv sabiex jieħdu miżuri ta' prekawzjoni u jipprevjenu l-kontinwazzjoni ta' irregolaritajiet jew frodi li jkollhom impatt fuq il-baġit tal-UE. Whistleblowers, xhieda u informaturi għandhom bżonn ta' proċeduri faċli, siguri u mgħaġġla biex jirrapportaw il-frodi.

Sanzjonijiet . Il-ġustizzja trid tinkiseb permezz ta' smigħ xieraq u fi żmien raġonevoli. Il-proċeduri jridu jipprovdu għal standards imtejba ta' smigħ xieraq u jużaw mekkaniżmi li jippermettu azzjoni mgħaġġla u indipendenti. Barra s-sanzjonijiet adegwati, persuni misjuba ħatja u sanzjonati amministrattivament jeħtieġ li jitteħdilhom b'mod effettiv id-dħul mir-reat li jkunu wettqu u r-riżorsi miksuba bi frodi jridu jinkisbu lura.

Kooperazzjoni tajba bejn atturi interni u esterni. B'mod partikulari, kooperazzjoni tajba bejn l-UE u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli, u bejn is-Servizzi tal-istituzzjonijiet kollha konċernati, hija prerekwiżit sabiex issir ġlieda effiċjenti kontra l-frodi. Il-Kummissjoni tagħti kas tar-rwol importanti tas-sħab tal-implimentazzjoni tagħha, notevolment fi ħdan is-sistemi ta' ġestjoni maqsuma.

Fejn jiġu stabbiliti l-prijoritajiet tal-Kummissjoni?

L-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi se tipprovdi l-miżuri kontra l-frodi fl-oqsma tal-prevenzjoni u s-sejba (2.2.), tal-investigazzjonijiet (2.3.), sanzjonijiet (2.4.), irkupru (2.5.) u politiki oħra orizzontali ta' prevenzjoni tal-frodi bħall-etika u l-integrità; it-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni; u l-appalti u l-għotjiet (2.6.).

Il-kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati bħala materja ta' prijorità huma relatati mal-prevenzjoni tal-frodi:

1. Dispożizzjonijiet adegwati kontra l-frodi fil-proposti tal-Kummissjoni dwar programmi ta' nfiq taħt il-qafas finanzjarju multiannwali ġdid, fid-dawl tal-analiżi tal-impatt, kif imsemmi fit-taqsima 2.2.1;

2. L-iżvilupp ta' strateġiji kontra l-frodi fil-livell tas-Servizz tal-Kummissjoni bl-għajnuna tal-OLAF (taqsima 2.2.2.) u tas-Servizzi ċentrali, u l-implimentazzjoni tagħhom (taqsimiet 2.2.1 sa 2.2.3 u 2.2.4); kif ukoll

3. Ir-reviżjoni tad-direttivi tal-akkwisti pubbliċi bil-għan li jiġi indirizzat il-bżonn għas-simplifikazzjoni filwaqt li jiġu limitati r-riskji tal-frodi fl-appalti fl-Istati Membri (taqsima 2.6.4).

Dawn il-prijoritajiet se jidħlu fis-seħħ mhux aktar tard mill-aħħar tal-2013. Il-miżuri l-oħra stabbiliti f'din l-Istrateġija Kontra l-Frodi se jiġu implimentat mhux aktar tard minn tmiem l-2014.

Prevenzjoni u sejba tal-frodi

Il-prevenzjoni u s-sejba tal-frodi u l-irregolaritajiet[30] huma għanijiet li jridu jinkisbu permezz tal-proċess tal-kontroll intern fi ħdan il-Kummissjoni li huwa applikabbli fil-livelli kollha tal-ġestjoni.[31] L-entitajiet kollha li jimmaniġġjaw il-fondi tal-UE huma marbuta legalment li jipprevjenu l-irregolaritajiet u l-frodi li jaffettwaw il-baġit tal-UE. F'termini prattiċi, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u sħab implimentattivi oħrajn għandhom l-obbligu li jdaħħlu fis-seħħ proċeduri tal-kontroll intern imfassla biex jipprevjenu u jsibu l-irregolaritajiet, l-iżbalji u l-frodi.[32]

Il-kontrolli mmirati biex jipprevjenu u jsibu l-frodi huma parti minn dawk intenzjonati biex jiżguraw il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet. Din l-Istrateġija Kontra l-Frodi m'għandhiex għalhekk tirriżulta f'livell addizzjonali ta' kontrolli. Minkejja dan, huwa neċessarju li jiġi żgurat li s-sistemi ta' kontrolli interni fis-seħħ ikopru r-riskju tal-frodi b'mod adegwat.

Filwaqt li l-qafas legali jipprovdi sett sħiħ ta' kundizzjonijiet biex jiżguraw ir-regolarità u l-legalità tal-proċeduri, humwa meħtieġ li jsir aktar titjib sabiex tiġi indirizzata b'mod sodisfaċenti l-vulnerabbiltà speċifika għall-frodi. Is-Servizzi ċentrali, u ċerti servizzi tal-ġestjoni, tal-Kummissjoni żviluppaw għodod ta' analiżi tar-riskju li huma adatti wkoll għar-riskji tal-ġestjoni tal-frodi, imma dawn iridu jiġu riveduti regolarment sabiex jindirizzaw aħjar dawn is-suġġetti.[33] Il-Kummissjoni se tippromwovi b'mod attiv il-ġestjoni tar-riskju tal-frodi u se tissorvelja r-riżultati prattiċi tal-miżuri tal-prevenzjoni tal-frodi li huma diġà fis-seħħ.

L-istrateġiji kontra l-frodi fil-livell tas-Servizzi tal-Kummissjoni

Ir-responsabbiltajiet tal-atturi jvarjaw u dan jiddependi fuq il-mod ta' ġestjoni u l-qasam ta' politika. Dan jirrikjedi strateġija mfassla apposta: strateġiji kontra l-frodi fil-livell tas-Servizzi tal-Kummissjoni jridu jitfasslu fuq bażi individwali b'xi fatturi komuni, u dan jiddependi fuq il-qasam ta' politika u s-Servizz tal-Kummissjoni konċernat. Soluzzjoni waħda u uniformi għal kulħadd ma tkunx l-aktar waħda effiċjenti. Fejn applikabbli, l-implimentazzjoni trid tkun bażata fuq strateġiji settorjali speċifiċi kontra l-frodi , li jridu jiġu adottati mis-Servizzi kollha li jimmaniġġjaw jew jissorveljaw il-fondi tal-UE.

F'dak li għandu x'jaqsam mal- ġestjoni diretta , is-Servizzi tal-Kummissjoni responsabbli mill-politiki differenti huma primarjament responsabbli għall-prevenzjoni tal-frodi, għall-insegwiment finanzjarju ta' każijiet ta' frodi fl-oqsma tar-responsabbiltà tagħhom u, fejn adatt u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-OLAF, għall-adozzjoni ta' miżuri ta' mitigazzjoni biex tiġi evitata t-tkomplija tal-frodi jew tal-irregolaritajiet.[34]

Fil-qasam tal- ġ estjoni maqsuma , l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà primarja għal implimentazzjoni ta' parti sinifikanti tal-baġit tal-UE (xi 80%).[35] Dan iġib sfidi speċifiċi għas-Servizzi tal-Kummissjoni konċernati f'relazzjoni mal-prevenzjoni u sejbien tal-frodi. F'relazzjoni mal-ġestjoni maqsuma, l-Istati Membri huma responsabbli fl-ewwel istanza għat-twaqqif ta' sistemi ta' ġestjoni u kontroll għal programmi operazzjonali li huma konformi mal-qafas regolatorju. L-Istati Membri huma obbligati li joperaw dawn is-sistemi b'mod effettiv biex jipprevjenu, jsibu u jikkoreġu l-irregolaritajiet, inkluż il-frodi. Il-Kummissjoni trid imbagħad tapplika l-proċeduri tal-approvazzjoni tal-kontijiet jew mekkaniżmi ta' korrezzjoni finanzjarja li jippermettulha tassumi responsabbiltà finali għall-implimentazzjoni tal-baġit taħt ġestjoni maqsuma.

Rigward ġestjoni indiretta, konġunta u deċentralizzata[36] u maqsuma, is-Servizzi tal-Kummissjoni jiddependu fuq sħab esterni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. Strateġija kontra l-frodi fil-livell tas-Servizzi tal-Kummissjoni jkollha tirrispetta l-proporzjonalità u l-benefiċċju tal-ispiża tal-miżuri li jridu jiġu implimentati, fejn possibbli billi wieħed ikompli jibni fuq l-istrateġija eżistenti. Il-partikolaritajiet tal-ġestjoni mis-sħab esterni jvarjaw, u għalhekk is-Servizzi tal-Kummissjoni jridu jiddeterminaw kif ikun l-aħjar biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-UE f'kull qasam, filwaqt li wieħed jieħu inkonsiderazzjoni l-benefiċċju tal-ispiża. L-OLAF se jappoġġja s-Servizzi tal-Kummissjoni kif stabbilit fit-Taqsima 2.2.2. Fejn xieraq, il-Kummissjoni se tipproponi jew tirrinforza l-leġiżlazzjoni, timmodifika ftehimiet jew tinnegozja bidliet meħtieġa mal-Istati Membri jew ma' sħab oħra esterni. Tali proposti se jagħtu kas ukoll tal-valutazzjonijiet relevanti ta' riskju ta' frodi u analiżijiet oħra.

Liema elementi huma meħtieġa fl-istrateġiji kontra l-frodi fil-livell tas-Servizzi tal-Kummissjoni?

Is-Servizzi tal-Kummissjoni se jaġġustaw is-sistemi u l-proċeduri tal-kontroll intern tagħhom b'mod koerenti, b'attenzjoni xierqa lill-prinċipju tal-proporzjonalità.

L-istrateġiji settorjali għandhom jindirizzaw iċ-ċiklu sħiħ ta' kontra l-frodi, jiġifieri l-prevenzjoni u s-sejba, il-kooperazzjoni bejn l-OLAF u s-Servizzi tal-Kummissjoni, l-irkupru u l-penalitajiet. Għandhom jaġġustaw dawn l-elementi għall-bżonnijiet u ċ-ċirkostanzi speċifiċi tas-settur tal-politika individwali, inkluż ir-riskju ta' frodi f'dak is-settur.

L-istrateġiji settorjali eżistenti jistgħu jintużaw bħala bażi, awmentati jew supplimentati kif xieraq.

Il-Kummissjoni tista' ddaħħal ukoll fis-seħħ strateġiji reġjonali li jkopru tipi speċifiċi ta' frodi. Eżempju ġdid tal-istrateġija orizzontali huwa l-Pjan ta' Azzjoni għall-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigaretti u l-alkoħol tul il-fruntieri tal-Lvant tal-UE, li jakkumpanja din l-Istrateġija bħala dokument ta' ħidma.[37]

Il-Kummissjoni se tiżviluppa kooperazzjoni u sinerġiji mill-qrib u se tippromwovi wkoll l-istandards relevanti stabbiliti f'din l-Istrateġija Kontra l-Frodi fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE, inklużi s-SEAE, l-uffiċċji, l-aġenziji u l-korpi, inklużi l- impriżi konġunti .

Ir-rwol tal-OLAF fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 l-OLAF 'għandu jikkontribwixxi lejn it-tfassil u l-iżvilupp ta' metodi tal-ġlieda kontra l-frodi u kull attività oħra illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea.'[38] L-OLAF għandu jkun involut f'dan l-eżerċizzju fi stadju bikri. Filwaqt li l-prevenzjoni u s-sejba huma primarjament responsabbiltà ta' kull Kap ta' Servizz tal-Kummissjoni (kif adatt f'kull rwol maniġerjali), l-OLAF għandu rwol importanti matul il-proċess.

OLAF se jkollu rwol proattiv u rinfurzat, li jassisti lis-Servizzi billi jipprovdi, inter alia, metodoloġija u gwida dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji settorjali kontra l-frodi.

Bħalissa hemm biss skambju tal-aħjar prattiki bejn ċerti Servizzi tal-Kummissjoni li jimmaniġġjaw fondi tal-UE, imma dan ma jinvolvix is-Servizzi tal-Kummissjoni kollha. Il-grupp Bejn is-Servizzi ta' Korrispondenti Kontra l-Frodi se jiġi żviluppat f'Netwerk organizzat mill-OLAF għall-Prevenzjoni u s-Sejba tal-Frodi. Dan in-netwerk se jintuża bħala ċentru ta' tagħrif espert li jipprovdi appoġġ u pariri. Huwa se jxerred l-aħjar prattiki (pereżempju l-proġett tal-ġbir tad-dejta 'Pluto' msemmi hawn fuq) u valutazzjonijiet tar-riskju tal-frodi bażati fuq l-esperjenza operazzjonali tal-OLAF kif ukoll fuq l-informazzjoni relevanti mill-Istati Membri, pajjiżi li mhumiex tal-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali li jkollu l-OLAF. Dan in-netwerk għandu jgħin ukoll biex jiġu żviluppati u aġġornati regolarment l-istrateġiji settorjali adottati mis-Servizzi tal-Kummissjoni.

L-OLAF jikkontribwixxi għall-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni tal-Istati Membri kontra l-frodi f'konformità mal-Artikolu 325(3) tat-TFUE u l-qafas regolatorju applikabbli[39]. L-azzjoni tal-Istati Membri hija appoġġjata b'konsultazzjoni regolari, notevolment fi ħdan il-Kumitat dwar il-koordinazzjoni tal-ġlieda kontra l-frodi (COCOLAF).[40] Dan il-Kumitat jista' jkollu aktar sottogruppi settorjali, biex tiġi żgurata l-preżenza tal-esperti għas-setturi ta' politika differenti. Dawn is-sottogruppi għandhom jistimulaw il-kooperazzjoni fost is-servizzi ta' kontra l-frodi tal-Istati Membri, u jinkoraġġuhom jaqsmu l-esperjenzi operazzjonali tagħhom u jqajmu kuxjenza dwar il-prattiki frodulenti misjuba fl-Istati Membri differenti.

Dan jirrifletti r-rwol tal-OLAF, li huwa li jinvestiga l-allegazzjonijiet ta' frodi u li jassisti b'mod attiv lis-Servizzi tal-Kummissjoni kollha biex jiżviluppaw politiki għall-prevenzjoni tal-frodi.

Kontrolli sistematiċi u analiżi tar-riskju

Skont kif ikun adatt f'kull rwol maniġerjali, is-Servizzi tal-Kummissjoni, bl-assistenza tal-OLAF, se jdaħħlu fis-seħħ sistemi li jagħtuhom ċertezza raġonevoli li jippermettulhom isibu irregolaritajiet ewlenin u frodi. B'mod partikolari, għandhom jinħolqu kundizzjonijiet għall-identifikazzjoni ta' operazzjonijiet jew operaturi suspettużi permezz tal-preżenza ta' indikaturi speċifiċi ('bnadar ħomor').

Is-Servizzi se jevalwaw il-bżonn li tittejjeb il- valutazzjoni tar-riskji billi jiġi żviluppat proċess aktar sistematiku u formali għall-identifikar tal-oqsma li fihom hemm riskju ta' frodi. B'mod parallel, billi jagħmlu użu mill-aktar effiċjeni tar-riżorsi eżistenti, għandhom jintroduċu kontrolli intelliġenti bl-użu tal-għodod tal-IT, adottati kif dovut għall-bżonnijiet tagħhom, li ġew żviluppati minn xi Servizzi b'kollaborazzjoni mal-OLAF[41]. Tali għodod jippermettu, pereżempju, il-ġbir ta' dejta eżistenti marbuta ma' proġetti finanzjati mill-UE li ngħalqu jew li għadhom għaddejjin. Dan huwa utli għal skopijiet ta' prevenzjoni tal-frodi, imma jista' jgħin biex jinstab ukoll plaġjariżmu u finanzjament doppju frodulenti. Dawn l-għodod se jkunu effettivi kompletament biss jekk is-sistemi ta' informazzjoni relevanti jkun fihom dejta kompleta, konsistenti u affidabbli dwar il-fondi tal-UE. Il-possibbiltà ta' analiżi tad-dejta għal skopijiet ta' prevenzjoni tal-frodi għandha tittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġu definiti l-kundizzjonijiet tan-negozju għal sistemi ġodda tal-IT.

Il-Komunikazzjoni bejn is-Servizzi tal-Kummissjoni dwar ir-riskji ta' frodi tista' tittejjeb. L-użu li jsir mis-Sistema ta' Twissija Bikrija (Early Warning System - EWS)[42] interna tal-Kummissjoni se jiġi rivedut sabiex din issir għodda tal-prevenzjoni tal-frodi aktar effettiva għall-ġestjoni diretta. Għandhom jiddaħħlu fis-seħħ kundizzjonijiet għal skambju aktar estensiv tal-informazzjoni mal-partijiet interessati esterni via l-Bażi tad-Dejta Ċentrali għall-Esklużjoni ,[43] bażat fuq leġiżlazzjoni relevanti u r-rispett tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta.

Il-monitoraġġ effettiv jista' jiġi mfixkel minn aċċess inadegwat għad-dokumenti u l-informazzjoni f'xi oqsma tal- ġestjoni konġunta li tinvolvi organizzazzjonijiet internazzjonali.[44] Il-Kummissjoni se tkompli taħdem biex ittejjeb l-istrumenti legali għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, u biex tiżgura li dawn jiġu implimentati u applikati kif suppost. Dan jista' jinkludi li fil-ftehimiet u memoranda ta' ftehim internazzjonali, f'konformità mar-regolament eżistenti dwar l-investigazzjonijiet, jiddaħħlu dispożizzjonijiet dwar l-iskambju ta' informazzjoni u dwar il-kooperazzjoni fuq livell operazzjonali, inklużi investigazzjonijiet konġunti.

Trawwim ta' għarfien u taħriġ

Il-Kummissjoni regolarment se żżid l-għarfien dwar frodi potenzjali fost il-persunal tagħha, b'mod partikolari l-maniġers tal-proġetti, il-persunal finanzjarju u l-awdituri, u l-persunal ippustjat fid-delegazzjonijiet tal-UE. Hija se taħdem mill-qrib mas-SEAE u ma' korpi oħra tal-UE biex tippromwovi din il-politika. Hija se xxerred informazzjoni dwar is-Sistema ta' Twissija Bikrija, dwar il- proċeduri għar-rappurtar tal-frodi u dwar miżuri biex jikkumbattu l-frodi. Dawn jinkludu l-limitar tal-impatt tal-frodi u l-irregolaritajiet billi tittieħed azzjoni adatta u fil-ħin biex ma jkomplux, u billi inizjalment ikun hemm iffokar fuq il-korpi u l-entitajiet l-aktar konċernati. L-informazzjoni mqassma għandha tinkludi informazzjoni dwar miżuri ta' kontra l-frodi u dwar l-OLAF.

Il- persunal kollu li jaħdem fuq il-ġestjoni tal-proġetti u f'operazzjonijiet finanzjarji għandu responsabbiltà fil-prevenzjoni u s-sejba tal-frodi u għandu jkun imħarreġ biżżejjed, inkluż f'materji ta' kontra l-frodi. L-OLAF se jipprovdi websajt interna dedikata tal-Kummissjoni kontra l-frodi bi gwida metodoloġika biex tgħin lis-servizzi u lill-aġenziji jiżviluppaw strateġiji kontra l-frodi, inkluż l-aqwa prattiki u tendenzi tal-frodi, u se tipprovdi l-għarfien tagħha għall-iżvilupp ta' programmi tat-taħriġ.

In- Netwerk tal-Prevenzjoni u s-Sejba tal-Frodi tal-OLAF u, possibbilment, gruppi oħra eżistenti ta' esperti, se jikkontribwixxu biex iżidu l-kuxjenza u t-taħriġ.

Il-Kummissjoni, u b'mod partikolari l-OLAF, se tkompli wkoll tiskambja l-aqwa prattiki, tassisti u lil organizzazzjonijiet internazzjonali u korpi esperti oħra fl-iżvilupp ta' politiki kontra l-korruzzjoni u kontra l-frodi, u tikkoopera magħhom. L-attivitajiet relatati ma' dan tal-aħħar se jiġu koordinati mal-mekkaniżmu ta' rappurtar kontra l-korruzzjoni tal-UE.

Investigazzjonijiet

Investigazzjonijiet tal-OLAF

Il-Kummissjoni preżentat il-proposta emendata tagħha biex tirriforma lill-OLAF.[45] Din il-proposta tirrinforza l-effiċjenza tal-OLAF fit-twettiq tal-investigazzjonijiet tagħha.[46] Il-proposta tipprovdi wkoll għal kooperazzjoni aħjar ma' awtoritajiet oħra. Hija tipprovdi drittijiet proċedurali speċifiċi u tiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet individwali f'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

Il-fluss tal-informazzjoni bejn is-Servizzi tal-Kummissjoni u l-OLAF qabel, matul u wara l-investigazzjonijiet għandhom jippermettu lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri prekawzjonarji adatti, bħas-sospensjoni tal-għotjiet, kuntratti jew ħlasijiet u twaqqif ta' prattiki irregolari li jkunu qed isiru. Dan se jgħin ukoll lill-OLAF biex ikollu aċċess għall-informazzjoni relevanti kollha għall-fini tal-investigazzjonijiet tiegħu.

Fejn l-investigazzjonijiet ikunu jinvolvu membri tal-persunal tal-Istituzzjonijiet tal-UE ('investigazzjonijiet interni'), kooperazzjoni intensiva bejn l-OLAF u servizzi oħra ta' investigazzjoni hija kundizzjoni essenzjali għas-suċċess. Tali kooperazzjoni għandha tkun rinfurzata kull meta jkun meħtieġ, b'mod partikolari bejn l-OLAF u s-servizzi l-oħra ta' investigazzjoni u spezzjoni tal-Istituzzjonijiet tal-UE. [47]

Għall-modi kollha ta' ġestjoni, għandhom jiġu identifikati fi ħdan l-Istati Membri,[48] pajjiżi li mhumiex fl-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali, l-awtoritajiet tal-punt ta' kuntatt ċentrali. L-OLAF jista' mbagħad juża dawn il-punti ta' kuntatt bħala rabta diretta għal skopijiet ta' investigazzjoni, kif propost fil-proposta emendata għar-riforma tal-OLAF.

Fejn adatt, u għall-finijiet tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, il- kooperazzjoni bejn l-OLAF u l-awdituri esterni tas-Servizzi tal-Kummissjoni għandha tittejjeb aktar biex tapprofitta mill-għarfien espert rispettiv tagħhom. Għal dan il-għan, l-awdituri tal-Kummissjoni jistgħu jieħdu parti fil-missjonijiet tal-OLAF u fl-ispezzjonijiet li jsiru fil-post.

L-OLAF jippromwovi u jaqsam mal-Istati Membri l-esperjenza operazzjonali u l-aqwa prattiki tiegħu fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Huwa għandu jappoġġja miżuri konġunti kontra l-frodi li jieħdu l-Istati Membri.[49] Is-sħab għandhom jinfurmaw lill-OLAF dwar każijiet ta' frodi li jinstabu fi stadju bikri u jaġġornaw din l-informazzjoni hekk kif jiġi segwit il-każ, filwaqt li jiġi rispettat il-qafas legali applikabbli.

Filwaqt li jżommu f'moħħhom il-Qafas Finanzjarju Multiannwali, il-programmi tal-infiq u d-deċiżjonijiet, kuntratti u ftehimiet ta' għotjiet kollha relatati li huma finanzjati mill-UE jridu jiddikjaraw li l- OLAF għandu l- kompetenza li jinvestiga każijiet suspettati ta' frodi fi programmi u proġetti ffinanzjati mill-UE.[50] Il-klawsoli konċernati għandhom jagħtu r-responsabbiltà lill-kuntratturi u lill-benefiċjarji kollha tal-għotjiet u lill-persunal tagħhom li jagħtu lill-OLAF, fuq talba tiegħu, l-aċċess kollu għall-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programmi u l-proġetti. Il-kuntratturi u l-benefiċjarji kollha tal-għotjiet għandhom ikunu obbligati jinkludu fil-kuntratti ffirmati mas-sottokuntratturi tagħhom il-klawsoli meħtieġa li jagħtu lill-OLAF l-istess drittijiet ta' aċċess f'relazzjoni mas-sottokuntratturi kollha.

Informaturi u whistleblowers

Il-qafas għar-rappurtar ta' suspett ta' frodi u korruzzjoni u għall- protezzjoni tal-informaturi kollha li jaġġixu bona fide huwa importanti għas-sejba tal-frodi. Il-leġiżlazzjoni tal-UE tistabbilixxi regoli tal-whistleblowing għall-persunal tal-UE.[51] Il-partijiet l-oħra kollha (l-informaturi) għandu jkollhom aċċess faċli għall-awtoritajiet tal-investigazzjoni, bħall-OLAF.[52] Il-Kummissjoni se tikkunsidra kif il-whistleblowers jistgħu jirċievu gwida u protezzjoni aħjar mill-awtoritajiet konċernati, u kif jistgħu jinkoraġġixxu lill-informaturi aktar biex jikkomunikaw l-irregolaritajiet, il-frodi u l-korruzzjoni (pereżempju miżuri biex jimmotivaw lill-informaturi u biex jinkoraġġixxu l-kxif volontarju).

Sanzjonijiet

Il-Kummissjoni se tirranġa u tirrinforza l-użu tal- penalitajiet finanzjarji u/jew amministrattivi , inkluża esklużjoni mill-finanzjament tal-UE fil-każ ta' irregolaritajiet, frodi u korruzzjoni serji. Meta tiddeċiedi liema penalitajiet għandhom jiġu imposti fuq entitajiet legali, għandu jingħata kas tal-miżuri li dawn l-entitajiet ikunu ħadu kontra persuni responsabbli mill-frodi u l-korruzzjoni. Dawn il-penalitajiet għandhom jirċievu l-pubbliċità xierqa, f'konformità mal-qafas legali eżistenti.

L-Istati Membri huma obbligati li jirrappurtaw ċerti każijiet ta' frodi kontra l-baġit tal-UE li jistgħu jipprovdu bażi għall-esklużjoni tal-benefiċjarji minn aktar finanzjament tal-UE.[53] Madanakollu, m'għandhom ebda obbligu milli jżommu din l-informazzjoni f'sistema ċentralizzata li tgħaddi l-informazzjoni lil awtorità responsabbli unika, u b'hekk is-sistema ssir aktar effettiva. Il-Kummissjoni għalhekk se tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jadottaw linjigwida għall-awtoritajiet fuq livell nazzjonali biex jiżguraw li n-notifiki jiġu komunikati sewwa lill-Bażi tad-Dejta Ċentrali għall-Esklużjoni (CED) tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi azzjoni fi ħdan l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-korpi tal-UE biex tqajjem kuxjenza dwar is-CED.

Biex jiġi żgurat livell ugwali madwar l-UE,[54] il-Kummissjoni se tevalwa jekk il-penalitajiet finanzjarji u/jew amministrattivi applikati mill-Istati Membri taħt ir-regoli nazzjonali humiex effettivi, proporzjonati u dissważivi biżżejjed. Hija se tħejji wkoll inizjattivi leġiżlattivi relevanti, b'mod partikolari fil-qasam doganali kif previst fil-Pjan ta' Azzjoni ta' Stokkolma.[55]

Biex iżżid l-effett ta' deterrent ta' sanzjonijiet dixxiplinarji , ir-riżultat tal-proċedimenti dixxiplinarji għandhom jiġu komunikati b'mod aktar effettiv, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet tal-persuni konċernati u l-protezzjoni tad-dejta. L-informazzjoni dwar persunal sanzjonat għandha tinżamm u tinqasam ma' awtoritajiet oħra skont il-bżonn għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-frodi, f'konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta u soġġetti għal salvagwardji speċifiċi adatti.[56]

L-Irkupru

Fil-każ ta' ġestjoni maqsuma, l-Istati Membri huma fil-prim' istanza responsabbli mill-investigazzjoni tal-irregolaritajiet u l-frodi u għall-irkupru ta' fondi mħallsa b'mod żbaljat, inkluż bħala insegwiment tal-investigazzjonijiet tal-OLAF.[57] Fil-każ ta' ġestjoni diretta, is-Servizzi tal-Kummissjoni għandhom mingħajr dewmien joħorġu ordnijiet ta' irkupru bħala insegwiment tal-investigazzjonijiet tal-OLAF. Huwa importanti li l-informazzjoni dwar dawn l-irkupri tiġi mgħoddija lura b'mod sistematiku lill-attivitajiet operazzjonali tal-OLAF. Il-Kummissjoni se ttejjeb aktar il-kompletezza, il-kwalità u l-preżentazzjoni tad-dejta dwar l-irkupri fir-rapport tagħha dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.[58]

Strumenti oħra orizzontali għall-prevenzjoni tal-frodi

Standards leġiżlattivi internazzjonali

Il-Kummissjoni se tiżgura li jiġu implimentati kif dovut il- konvenzjonijiet internazzjonali u l-istandards relatati mal-politiki kontra l-frodi, b'iffokar partikolari fuq il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni (il-UNCAC), l-istrumenti tal-Kunsill tal-Ewropa (il-GRECO) u r-rakkomandazzjonijiet u l-istandards tal-OECD u l-G20.[59]

Etika u integrità

Il-Kummissjoni hija mgħammra b'sistema komprensiva ta' regoli dwar l-etika u l-integrità għall-persunal[60] kif ukoll għall-Membri tal-Kummissjoni.[61] Dawn ir-regoli ġew riveduti reċentement. Il-Kummissjoni tipprovdi taħriġ lil dawk kollha li jibdew jaħdmu magħha, u huma disponibbli wkoll korsijiet ta' aġġornament.

Il-Kummissjoni se tiżgura li r-regoli u l-valuri etiċi tas-servizz pubbliku tal-UE jiġu komunikati sewwa u regolarment mill-ogħla livelli lill-persunal kollu tagħha u li jiġi provdut taħriġ adatt.

Il-Kummissjoni trid tiżgura li, fil-politiki tagħha dwar il-persunal u r-reklutaġġ, ikun hemm fis-seħħ biżżejjed miżuri effiċjenti għall-prevenzjoni tal-frodi. Dawn għandhom jinkludu verifiki effettivi dwar il-passat ta' kandidat.

Trasparenza u aċċess għall-informazzjoni

It-trasparenza tikkontribwixxi għall-prevenzjoni u għas-sejbien tal-frodi. Biex jiġi żgurat li l-finanzi tal-UE jiġu ġestiti b'mod trasparenti, u soġġett għall-kundizzjonijiet legali applikabbli, iċ-ċittadini għandhom igawdu aċċess għall-informazzjoni relevanti.

Wara l-Inizjattiva Ewropea favur it-Trasparenza,[62] , il-Kummissjoni introduċiet ukoll reġim volontarju għal aktar trasparenza fir-rappreżentanza tal-interessi fil-livell tal-UE. Twaqqaf reġistru u ġie żviluppat kodiċi tal-kondotta. Fit-23 ta' Ġunju 2011, il-Kummissjoni ffirmat ftehim interistituzzjonali mal-Parlament Ewropew dwar reġistru komuni.[63]

Appalti u għotjiet

Bħalissa l-Kummissjoni qed tirrevedi d-direttivi tal-appalti tal-UE.[64] Din għandha tissimplifika u żżid it-trasparenza tal-proċeduri tal-appalti fil-livelli kollha, tal-UE u l-Istati Membri. Fil-kuntest tar-riforma, il-Kummissjoni se teżamina mezzi ta' prevenzjoni addizzjonali possibbli ta' komportament frodulenti u kunflitti tal-interess fid-distribuzzjoni tal-fondi pubbliċi.

Il-Kummissjoni qed tikkunsidra wkoll li tipproponi regoli fir-rigward tal-għoti ta' konċessjonijiet ta' servizz, li jistgħu jinvolvu l-użu tal-fondi tal-UE fi sħubiji pubbliċi privati, u li llum mhumiex koperti b'rekwiżit ċar dwar it-trasparenza.

Entitajiet li jirċievu fondi tal-UE għandhom ikunu kapaċi juru, fuq talba, sjieda trasparenti . L-entitajiet kollha fl-istruttura tas-sjieda għandhom ikunu verifikabbli mill-awtoritajiet fuq bażi ta' bżonn ta' tagħrif. Dan japplika wkoll għas-sħab f'konsorzju u għal partijiet terzi li jirċievu appoġġ finanzjarju meta tiġi implimentata għotja.

MONITORAġġ TA' IMPLIMENTAZZJONI U RAPPURTAR DWARHA

Ir-referenza għall-implimentazzjoni ta' din l-Istrateġija Kontra l-Frodi għandha tkun integrata fiċ-ċiklu ta' Programm u Pjanar Strateġiku eżistenti tal-Kummissjoni, li jipprovdi sett sħiħ ta' mekkaniżmi għall-ippjanar, monitoraġġ u rappurtar. L-istrateġiji kontra l-frodi ma jeħtiġux livelli addizzjonali ta' piżijiet amministrattivi u ta' kontroll, imma jridu jiġu integrati tajjeb fil-mekkaniżmi eżistenti ta' pjanar, kontroll u rappurtar.

Fil-livell tas-Servizzi tal-Kummissjoni, il-Pjanijiet ta' Ġestjoni Annwali huma użati għall-attivitajiet ta' pjanar u monitoraġġ; għandhom jinkludu wkoll l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tagħhom kontra l-frodi. Ir-Rapport Annwali tal-Attività huwa l-għodda ta' rappurtar li tispjega dak li kull servizz ikun kiseb matul dik is-sena, inkluż dwar kif tejjeb is-sistemi ta' ġestjoni u kontroll tiegħu u l-ġestjoni finanzjarja, inklużi kwistjonijiet kontra l-frodi. Ir-Rapporti Annwali tal-Attività [65] għandu jkun fihom informazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-frodi bħala parti mill-valutazzjoni tas-sistemi interni ta' kontroll tagħhom , li tirrifletti l-implimentazzjoni tal-istrateġija settorjali u miżuri li jiddeskrivu tnaqqis tar-riskji tal-frodi.[66] Għandhom jinkludu wkoll aġġornamenti regolari dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġiji settorjali kontra l-frodi.

Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta' din l-Istrateġija Kontra l-Frodi u se tibda mir-rapport tal-Kummissjoni tal-2013 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE.

Dawn l-arranġamenti se jiżguraw li l-miżuri kontra l-frodi jibqgħu fuq nett tal-aġenda tal-Kummissjoni u se jenfasizzaw ir-relevanza tagħhom għall-proċedura ta' rilaxx.

[1] Id-definizzjoni ta' frodi tinsab fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni mfassla fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 316 , 27/11/1995, p. 49).

[2] Referenzi għas-Servizzi tal-Kummissjoni jkopru d-Direttorati Ġenerali u s-Servizzi tal-Kummissjoni kollha kif ukoll l-aġenziji eżekuttivi.

[3] Uffiċjali Awtorizzanti permezz ta' Delegazzjoni skont it-tifsira tat-TFUE (l-Artikolu 322) u r-Regolament Finanzjarju (Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).).

[4] Ara l-Artikoli 28 u l-Artikolu 28a tar-Regolament Finanzjarju.

[5] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Prevenzjoni tal-frodi bil-bini ta' riżultati operazzjonali: strateġija dinamika biex ma jkunx hemm frodi (COM(2007)806 finali).

[6] Irregolarità hija kull ksur ta' dispożizzjoni tal-UE minn operatur ekonomiku li għandu, jew ikollu, l-effett li jippreġudika l-interessi finanzjarji tal-UE, l-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 312, 23.12.1995).

[7] Eżempju: ir-Rapporti dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet u l-ġlieda kontra l-frodi - Rapporti Annwali 2008 (2009/2167(INI)) and 2009 (2010/2247(INI)).

[8] Ara, pereżempju, ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill rigward politika komprensiva tal-UE kontra l-korruzzjoni – 14 ta' April 2005; il-konklużjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Uffiċċju Ewropew tal-Prosekutur Pubbliku organizzat mill-Presidenza Spanjola (l-ewwel nofs tal-2010), u d-dikjarazzjoni tal-Presidenza Belġjana (it-tieni nofs tal-2010) dwar il-Programm ta' Stokkolma.

[9] L-Opinjoni Nru 1/2010 tal-Qorti tal-Awdituri –It-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-baġit tal-UE: Riskji u sfidi, ĠU C35, 12.2.2010, p. 4; Rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar is-sena finanzjarja 2009, ĠU C 303, 9.11.2010, p. 10, 11, 26.

[10] Ara pereżempju EUCO 2/1/11 REV1, 8 ta' Marzu 2011 "huwa kruċjali għall-istrumenti tal-UE mmirati biex irawmu r-Riċerka u l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni li jiġu simplifikati biex ikun aktar faċli li jintużaw mill-aqwa xjentisti u mill-kumpaniji l-aktar innovattivi, b'mod partikolari billi jsir qbil bejn l-istituzzjonijiet relevanti ta' bilanċ ġdid bejn il-fiduċja u l-kontroll u bejn it-teħid tar-riskji u l-evitar tar-riskji")

[11] Reżoluzzjoni tal-PE tal-11 ta' Novembru 2010 P7 TA(2010)0401 - (li tissottolinea r-regoli kumplessi u li jieħdu ħafna ħin dwar il-parteċipazzjoni tal-gvern, spejjeż għolja tal-persunal u burokrazija)

[12] ĠU 4.5.2010, C 115, p.1

[13] COM(2011) 135 finali

[14] Komunikazzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea mil-liġi kriminali u investigazzjonijiet amministrattivi: Politika integrata biex tissalvagwardja l-flus ta' dawk li jħallsu t-taxxa, COM(2011)293 finali.

[15] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni fl-UE (COM(2011 308 finali).

[16] http://ec.europa.eu/atwork/programmes/index_en.htm.

[17] COM(2010) 2020.

[18] COM(2010) 700.

[19] COM(2000) 358 finali

[20] COM(2001)254 finali; COM(2004) 544 finali

[21] Ara COM(2006)378, p.5-12 għal aktar dettalji (valutazzjoni tal-istrateġija għas-snin 2000-2005).

[22] COM(2007) 806 finali

[23] C(2007)5709.

[24] COM(2010)382, p.6. Din iċ-ċifra tirreferi għal stadju bikri, wara l-ftuħ ta' investigazzjonijiet dwar l-irregolaritajiet, fejn ikun hemm suspett inizjali ta' reat kriminali.

[25] SEC(2007) 530.

[26] B'mod partikolari, il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali (l-ERDF), il-Fond Soċjali Ewropew (l-FSE) u l-Istrument Finanzjarju ta' Gwida dwar is-Sajd (l-FIFG).

[27] Rapport Annwali tal-OLAF 2010, p.30.

[28] Dan l-iżvilupp huwa partikolarment immirat biex tiġi sodisfatta l-kundizzjoni għall-iskambju tal-informazzjoni ffissata mit-Task Force għall-Azzjoni Finanzjarja (FATF) fir-Rakkomandazzjoni IX dwar dawk li jġorru l-flus, li hija implimentata mill-UE bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru1889/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar kontrolli ta' flus kontanti deħlin fl-UE jew ħerġin minnha (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 9-12).

[29] Ara l-Artikoli 29 u 30 tar-Regolament Finanzjarju (il-prinċipju tat-trasparenza).

[30] Il-frodi huwa kwalifikazzjoni tal-liġi penali mogħtija minn imħallef. Fil-kuntest ta' din il-komunikazzjoni, is-sejba tal-frodi u l-irregolaritajiet tirreferi għas-sejba ta' fatti jew ċirkostanzi suspettużi ferm li jindikaw irregolaritajiet u għalhekk potenzjal ta' frodi (pereżempju minn persunal tal-finanzi jew minn awdituri) li jeħtieġ li jiġu trażmessi lill-OLAF bil-għan li jinvestigahom .

[31] L-Artikolu 28a tar-Regolament Finanzjarju.

[32] L-Artikolu 60(4) flimkien mal-Artikolu 48 tar-Regoli Implimentattivi tar-Regolament Finanzjarju (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1-71).

[33] Ara l-Komunikazzjoni lill-Kummissjoni 'Lejn ġestjoni tar-riskji effikaċi u koerenti fis-servizzi tal-Kummissjoni' SEC(2005)1327).

[34] F'ġestjoni diretta, taħt l-Artikolu 53a tar-Regolament Finanzjarju, il-ħidmiet ta' implimentazzjoni jridu jitwettqu direttament mis-Servizzi tal-Kummissjoni jew mid-Delegazzjonijiet tal-UE.

[35] Artikolu 53b tar-Regolament Finanzjarju.

[36] L-Artikoli 54, 53, 56 u 163 tar-Regolament Finanzjarju.

[37] SEC (2011)791

[38] L-Artikolu 1; fil-proposta emendata għar-riforma tal-OLAF (COM(2011)135 din il-parti ġiet adattata ftit u issa l-OLAF irid jikkontribwixxi lejn it-tfassil u l-iżvilupp ta' metodi ta' prevenzjoni u tal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività oħra illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

[39] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta' Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri ( ĠU L 82, 22.3.1997, p. 1) u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF, l-Artikolu 1 ( ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1).

[40] Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/140/KE, ĠU L 61, 4.3.1994, p. 27.

[41] Bħall-proġett għall-estrazzjoni tad-dejta 'Pluto' msemmi taħt it-Taqsima 1, żviluppat mis-Servizzi involuti fl-iffinanzjar tal-riċerka u fl-OLAF.

[42] Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 3872 tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar is-Sistema ta’ Twissija Bikrija għall-użu mill-uffiċjali awtorizzanti tal-Kummissjoni u tal-aġenziji eżekuttivi ĠU L 344, 20.12.2008, p.125.

[43] L-Artikolu 95 tar-Regolament Finanzjarju.

[44] L-Opinjoni tal-ECA Nru 1/2010 - It-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-baġit tal-UE: riskji u sfidi, ĠU C35, 12.2.2010, punt 14.

[45] COM(2011) 135.

[46] Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tissottolinea wkoll il-bżonn li tittejjeb l-effiċjenza. Ara r-Rapport Speċjali Nru 2/2011 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri 'Segwitu tar-Rapport Speċjali Nru 1/2005 dwar il-ġestjoni tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi'.

[47] Il-proposta emendata għar-riforma tal-OLAF (COM(2011)135) tipprevedi għalhekk li l-OLAF jagħti prijorità lix-xogħol investigattiv tiegħu, ara l-Artikolu 5(1) u l-Memorandum ta' Spjegazzjoni, p.4.

[48] L-Artikolu 3 tal-proposta emendata għar-riforma tal-OLAF (COM(2011)135 jipprovdi għal dan. Ara wkoll il-Memorandum ta' Spjegazzjoni, p.4.

[49] Skont l-Artikolu 1 tal-proposta emendata għar-riforma tal-OLAF (COM(2011)135), l-OLAF għandu 'jagħti fuq bażi volontarja l-appoġġ tiegħu għal azzjonijiet konġunti kontra l-frodi minn Stati Membri'.

[50] F'dan il-kuntest ara SEC(2007)1676 dwar attivitajiet ta' prekawzjoni kontra l-frodi fir-rigward ta' programmi ta' infiq taħt il-Perspettivi Finanzjarji 2001-2006.

[51] Regolamenti tal-Persunal, l-Artikolu 22a u 22b (ĠU 45, 14.6.1962, p. 1385).

[52] Pereżempju, Is-Sistema għan-Notifika tal-Frodi (FNS) tista' tintuża għal rappurtar kunfidenzjali: https://fns.olaf.europa.eu/.

[53] L-Artikolu 95(2) tar-Regolament Finanzjarju.

[54] Ara l-inizjattivi relevanti, li huma kkunsidrati fil-Komunikazzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE mil-liġi kriminali u mill-investigazzjonijiet amministrattivi, COM(2011)293.

[55] COM(2010)171, p.22.

[56] Ara l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 10(5) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

[57] L-Artikolu 53b(2)(c) tar-Regolament Finanzjarju

[58] http://ec.europa.eu/anti_fraud/reports/anti-fraud_en.html.

[59] Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni fl-UE' (COM(2011)308), p. 9-10.

[60] Regolamenti tal-Persunal (ĠU 45, 14.6.1962, p. 1385), Kodiċi ta' Imġieba Amministrattiva Tajba (ĠU L 267, 20.10.2000), il-Gwida Prattika għall-Etika u l-Kondotta tal-Persunal u regoli speċifiċi oħra.

[61] Kodiċi tal-Kondotta għall-Kummissarji (C(2011)2904): http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/pdf/code_conduct_en.pdf).

[62] SEC(2005)1300 u SEC(2005)1301.

[63] http://ec.europa.eu/transparency/index_en.htm.

[64] Green Paper dwar il-modernizzazzjoni tal-politika tal-appalti pubbliċi tal-UE (COM(2011)15).

[65] Dawn ir-rapporti huma pubblikati fil-websajt tal-UE: http://ec.europa.eu/atwork/synthesis/aar/index_en.htm.

[66] Għal rappurtar ġenerali dwar din l-Istrateġija Kontra l-Frodi ara t-Taqsima 3.