52011DC0366

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Tiġdid tal-Arranġament bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Uffiċċju tal-Politika dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija tal-Istati Uniti tal-Amerika li jistabbilixxi Task Force dwar ir-Riċerka Bijoteknoloġika /* KUMM/2011/0366 finali */


Fil-komunikazzjoni tagħha SEC(90)1661 finali tas-6 ta' Settembru 1990, il-Kummissjoni għarrfet lill-Kunsill bl-intenzjoni tagħha li tiffirma l-Arranġament imsemmi hawn fuq. Fis-7 ta' Settembru 1990, il-Viċi President Filippo M. Pandolfi u Dr. David Allan Bromley, L-Assistent tal-President George H.W. Bush għax-Xjenza u t-Teknoloġija, iffirmaw id-dokument li jistabbilixxi t-Task Force għal perjodu ta' ħames snin. Minn dakinhar, l-Arranġament iġġedded tliet darbiet, fl-1996, fl-2001 u fl-2006..

L-Arranġament għat-Task Force jikkonċerna forom differenti għall-iskambju ta' informazzjoni u koordinazzjoni rigward l-aspetti xjentifiċi tar-riċerka bijoteknoloġika. Matul is-snin, din it-Task Force kellha rwol ewlieni fl-istabbiliment ta' firxa diversa ta' oqsma xjentifiċi emerġenti, inklużi sistemi bijoloġiċi, ġenomiki tal-baħar, applikazzjonijiet ta' bijoteknoloġija għall-enerġija sostenibbli u bijoloġija sintetika Kien indirizzat ukoll tħassib ewlieni tas-soċjetà bħall-mard infettiv emerġenti, in-nutrizzjoni, l-obeżità, il-bijoteknoloġija għat-tindif tat-tniġġis, kif ukoll il-bijoetika, ir-rwol tan-nisa fix-xjenza u l-perċezzjoni tal-pubbliku tal-bijoteknoloġija.

F'Ġunju 2010, it-Task Force iċċelebrat l-20 anniversarju tagħha bil-konferenza fil-livell għoli "Riċerka Bijoteknoloġika għal Dinja Kumplessa", organizzata taħt il-Presidenza Spanjola tal-UE. Pubblikazzjoni konġunta[1] bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tenfasizza r-rwol tal-UE-Stati Uniti. It-Task Force tlaqqa' flimkien riċerkaturi miż-żewġ naħat tal-Atlantiku biex tantiċipa l-ħitġijiet tax-xjenza ta' għada mil-lum.

Il-ħtieġa għall-kollaborazzjoni transatlantika f'dan il-forum uniku fil-futur qrib, mhijiex qed turi sinjali ta' nuqqas ta' progress, u jista' jkun li l-attivitajiet tat-"Task-Force dwar ir-Riċerka Bijoteknoloġika se jkomplu jżidu fl-importanza tagħhom. Il-pjan strateġiku dwar dak li tixtieq tagħmel it-Task Force fil-ħames snin li ġejjin jinkludi sensiela ta' attivitajiet ta' kooperazzjoni dwar oqsma xjentifiċi importanti bħall-bijoloġija sintetika, il-ġenomika tal-baħar, il-bijoteknoloġija ambjentali, is-saħħa tal-annimali, il-prodotti organiċi sostenibbli u l-bijoteknoloġija tal-pjanti, u l-bijoinformatika.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni biħsiebha ġġedded għar-raba' darba l-Arranġament bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Uffiċċju tal-Politika dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija tal-Istati Uniti.

Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-tiġdid effettiv, u bil-ħidma li għandha titwettaq fil-futur fil-kuntest tat-tiġdid propost.

ANNESS

ARRANĠAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI BEJN IL-KUMMISSJONI EWROPEA U L-UFFIĊĊJU TAL-POLITIKA DWAR IX-XJENZA U T-TEKNOLOĠIJA TAL-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA

GĦALL-UE – STATI UNITI TASK FORCE DWAR IR-RIĊERKA BIJOTEKNOLOĠIKA

L-Uffiċċju tal-Politika dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kummissjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejħa "il-Partijiet"):

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-Ftehim dwar Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika bejn il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea, iffirmat f'Washington fil-5 ta' Diċembru 1997, kif estiż u emendat, (minn issa 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim"):

Filwaqt li jkomplu jibnu fuq l-Arranġament Amministrattiv bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika, għal Task Force tal-UE-Stati Uniti dwar ir-Riċerka Bijoteknoloġika, li ġie iffirmat fis-7 ta' Settembru 1990, u mġedded fl-1996, 2001 u 2006 (minn issa 'l quddiem imsejjaħ "l-Arranġament"),

Laħqu l-ftehim li ġej:

L-għan

L-Arranġament ta' Implimentazzjoni għandu jservi ta' tiġdid tal-Arranġament u għandu jkun stabbilit bħala arranġament ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim. Dan l-Arranġament ta' Implimentazzjoni huwa intenzjonat li jkun konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim.

L-għan tat-Task Force UE-Stati Uniti dwar ir-Riċerka Bijoteknoloġika huwa li jiżdied il-fehim reċiproku tal-attivitajiet u l-programmi tal-UE u tal-Istati Uniti relatati mar-riċerka bijoteknoloġika. F'dan il-kuntest, it-Task Force hija intiża biex isservi bħala mekkaniżmu għall-iskambju ta' informazzjoni u l-koordinazzjoni dwar l-aspetti xjentifiċi tal-bijoteknoloġija u r-riċerka f'dixxiplini oħra li jappoġġjaw l-iżvilupp tal-bijoteknoloġija.

Il-funzjonijiet

Il-grupp ta' ħidma UE – Stati Uniti It-Task Force dwar ir-Riċerka Bijoteknoloġika għandha:

- tirrevedi programmi tar-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tal-bijoteknoloġija, u f'oqsma xjentifiċi relatati oħra;

- tiffaċilta l-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni fir-riċerka bijoteknoloġika;

- tippjana symposia konġunti, workshops u attivitajiet oħra ta' qsim ta' informazzjoni mhux kunfidenzjali dwar kwistjonijiet ta' prijorità għolja u ta' interess reċiproku rigward ir-riċerka bijoteknoloġika;

- tistudja b'mod konġunt l-attivitajiet possibbli biex tgħarraf lill-pubbliku dwar il-bijoteknoloġija;

- tidentifika u tiddefinixxi l-ħtiġijiet tar-riċerka sabiex tippromwovi l-iżvilupp sikur tal-bijoteknoloġija;

- tindirizza kwistjonijiet programmatiċi u operazzjonali speċifiċi li jaffettwaw l-iżvilupp tar-riċerka bijoteknoloġika; u

- tipprovdi reviżjonijiet, analiżi, pariri u suġġerimenti lill-Kumitat Permanenti dwar il-Bijoteknoloġija (Biotechnology Steering Commitee - BSC) tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Nazzjonali tax-Xjenza u t-Teknoloġija (National Science and Technology Council - NSTC) tal-Istati Uniti.

Struttura

Il-komponent tal-UE tat-Task-Force UE-Stati Uniti se jinkludi Chairperson u rappreżentanti tas-servizzi tal-Kummissjoni interessati.

Il-komponent tal-Istati Uniti għandu jinkludi membri magħżula mill-Aġenziji tal-Gvern tal-Istati Uniti interessati fir-riċerka dwar il-bijoteknoloġija. Il-ħatriet għan-Naħa tal-Istati Uniti, u Chairperson għall-Istati Uniti, għandhom isiru mid-Direttur tal-Uffiċċju tal-Politika dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġiia (Office of Science and Teknology Policy - OSTP).

Il-kariga taċ-Chairperson tat-Task Force għandha talterna kull sena bejn l-UE u l-Istati Uniti. Chairpersons.

Is-sħubija fis-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma tat-Task Force ma għandhiex tkun ristretta għar-rappreżentanti permanenti għat-Task Force, u għandha tkun stabbilita skont kif jidhrilhom li huwa xieraq iċ-Chairpersons ta' kull parti.

L-attivitajiet tat-Task Force għandhom ikunu kkoordinati minn Segretarju/a Eżekuttiv/a għall-Kummissjoni Ewropea u minn Segretarju/a Eżekuttiv/a għall-Istati Uniti li għandhom jinħatru miċ-Chairpersons rispettivi. Jekk ikun meħtieġ, għandha tintalab assistenza addizzjonali għall-persunal miċ-Chairpersons mid-Direttorati Ġenerali u l-Aġenziji rrappreżentati fit-Task Force.

Ir-responsabbiltajiet taċ-Chairpersons

Ir-responsabbiltajiet taċ-Chairpersons huma li:

- jiżviluppaw pjan ta' ħidma annwali inklużi suġġetti li għandhom ikunu diskussi, informazzjoni li għandha tkun skambjata u attivitajiet konġunti li għandhom jiġi ppjanati.

- jorganizzaw laqgħat regolari (għall-inqas darba fis-sena) tat-Task Force;

- japprovaw l-istabbiliment, il-kontinwazzjoni jew it-terminazzjoni ta' sottokumitati u gruppi ta' ħidma kif meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-pjan ta' ħidma annwali; u

- jippreparaw rapport u jippreżentawh lill-BSC u l-OSTP fil-konklużjoni ta' kull laqgħa tat-Task Force.

Iffinanzjar

Kull Parti għandha ġġarrab l-ispejjeż rispettivi tal-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tagħha fil-laqgħat u l-attivitajiet kollha tat-Task Force.

Dispożizzjonijiet oħra

It-Task Force ma għandhiex titratta informazzjoni ta' negozju kunfidenzjali, u lanqas ma għandha twettaq attivitajiet li jiġġeneraw proprjetà intellettwali.

Interfaċċja tas-Settur Privat

Fid-diskrezzjoni taċ-Chairpersons, it-Task Force tista' titlob parir ad hoc minn diversi individwi mhux governattivi. Individwi mhux governattivi jistgħu jipparteċipaw f'laqgħat u attivitajiet oħra tat-Task Force jekk jintalbu miċ-Chairpersons.

Id-dokumentazzjoni

L-aġendi u r-rapporti tal-laqgħat tat-Task Force jistgħu jkunu ppreparati u mqassma mis-Segretarji Eżekuttivi lill-membri tat-Task Force, u jekk awtorizzati miċ-Chairpersons, lil kwalunkwe persuna oħra interessata jekk ikun hemm talba. Il-proċedimenti tal-workshops u l-laqgħat xjentifiċi tat-Task Force għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

It-tul ta' żmien

Dan l-Arranġament tal-Implimentazzjoni huwa maħsub li jibda' malli jiffirmaw iż-żewġ Partijiet. Huwa għandu jibqa' operattiv sakemm il-Ftehim jibqa' fis-seħħ jew sakemm Parti ma tkomplix tieħu sehem f'dan l-Arranġament. Jekk Parti biħsiebha ma tkomplix tieħu sehem f'dan l-Arranġament, għandha tagħmel minn kollox biex tavża 90 jum bil-quddiem bl-intenzjoni tagħha lill-Parti l-oħra.

GĦALL-KUMMISSJONI EWROPEA: GĦALL-UFFIĊĊJU TAL-POLITIKA DWAR IX-XJENZA U

T-TEKNOLOĠIJA

TAL-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA:

Data: Data:

[1] It-Task Force SU-KE dwar Riċerka Bijoteknoloġika 1990-2010: Riċerka Bijoteknoloġika għal Dinja Kumplessa.