52011DC0346

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL DWAR L-IŻVILUPP TAS-SISTEMA TA' INFORMAZZJONI TAL-VISA (VIS) FL-2010 (ippreżentata skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE) /* KUMM/2011/0346 finali */


RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

DWAR L-IŻVILUPP TAS-SISTEMA TA' INFORMAZZJONI TAL-VISA (VIS) FL-2010 (ippreżentata skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE)

1. Introduzzjoni 2

2. Qafas legali għall-VIS 2

3. Progress li sar matul il-perjodu li qed jiġi analizzat 2

3.1. L-Iżvilupp tas-Sistema Ċentrali 2

3.2. L-Iżvilupp tas-Sistema ta' Tqabbil Bijometriku (BMS) 3

3.3. Il-mekkaniżmu ta' komunikazzjoni VIS Mail 3

3.4. Preparazzjonijiet tas-Siti u Netwerk 3

3.5. Ppjanar Nazzjonali tal-Istati Membri 4

3.6. Skedar mill-ġdid tal-VIS 4

4. Kampanja ta’ Informazzjoni 5

5. Ġestjoni tal-proġett 5

5.1. L-ippjanar u l-baġit 5

5.2. Maniġġar tar-riskju 6

6. Il-Ħbieb tal-VIS 6

7. Konklużjoni 7

8. Anness: Il-Gruppi ta' Ħidma VIS 8

8.1. Il-Kumitat tal-SISVIS 8

8.2. Il-laqgħat tal-Maniġers tal-Proġett Nazzjonali (NPM) tal-VIS 8

8.3. Grupp Konsultattiv dwar it-Testijiet (TAG) 8

8.4. Grupp Espert tal-VIS Mail (VIS MEG) 8

1. INTRODUZZJONI

Il-Kummissjoni, b'konformità mal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE tat-8 ta’ Ġunju 2004 li tistabbilixxi s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża[1], b'dan tippreżenta lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew is-seba' rapport ta’ progress dwar l-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS)[2]. Ir-rapport ikopri l-ħidma li saret mill-Kummissjoni bejn Jannar u Diċembru 2010.

2. Qafas legali għall-VIS

Fil-5 ta' April 2010, il-Kodiċi dwar il-Viżi[3] sar applikabbli. Il-Kodiċi dwar il-Viżi ħassar L-istruzzjonijiet Konsulari Komuni, li qabel kienu ġew emendati sabiex jiġi stabbilit qafas legali biex jinġabru l-identifikaturi bijometriċi. Il-Kodiċi dwar il-Viżi jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni tal-wasla u l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-viża.

Fl-4 ta' Mejju 2010, il-Kummissjoni adottat Pjan ta’ Sigurtà għall-operar tas-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża[4]. Din id-Deċiżjoni għandha ssir applikabbli mid-data ddeterminata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 48(1) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, jiġifieri d-data li l-VIS se tibda l-operazzjonijiet, u għandha tiskadi meta l-Awtorità tat-Tmexxija tassumi r-responsabbiltajiet tagħha.

Ma ġew adottati l-ebda strumenti legali oħra rigward tal-VIS fl-2010.

3. Progress li sar matul il-perjodu li qed jiġi analizzat

3.1. L-Iżvilupp tas-Sistema Ċentrali

Ix-xogħol rigward it-tlestija b'suċċess tat-Testijiet tas-Soluzzjonijiet tas-Sistema (SST) – it-tieni minn erba' kampanji kbar ta' testijiet tas-sistema ċentrali – li tkomplew fl-ewwel nofs tal-perjodu rrappurtat. Saru taħdidiet estensivi mal-Istati Membri dwar il-miżuri korrettivi proposti mill-Kuntrattur Ewlieni tal-Iżvilupp (KEŻ) fi tmiem l-2009, meta ħareġ ċar li l-kuntrattur ma kienx f'pożizzjoni li jissodisfa r-rekwiżiti oriġinali kollha tal-Ftehim dwar il-Livell ta' Servizz (FLS) waqt it-TSS. Kien hemm ftehim dwar FLA rivedut f'Ġunju tal-2010 li jiżgura li l-operazzjonijiet jistgħu jibdew kif ippjanat u jibqgħu sostenibbli sat-tlestija tal-mobilizzazzjoni reġjonali.

L-ispeċifikazzjonijiet li jiddefinixxu l-komunikazzjoni bejn l-Istati Membri u l-VIS kienu adattati f'xi aspetti individwali wara t-testijiet li saru sa issa. Id-Dokument tal-Kontroll tal-Interface (DKI) 1.85 ġie rrilaxxat f'Marzu tal-2010, li jimplimenta ftehimiet mal-Istati Membri dwar servizzi ta' tiftix. Wara aġġornamenti minuri l-verżjoni finali 1.87 intbgħatet lill-Istati Membri f'Settembru tal-2010. Dawn huma speċifikazzjonijiet tekniċi użati mill-Istati Membri biex jiżviluppaw is-sistemi nazzjonali tagħhom stess sabiex ikunu jistgħu jaqbdu mal-VIS. Il-verżjoni tal-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi Ddettaljati (STD) 1.46 intbgħatet f'Marzu 2010. Il-verżjoni finali (1.48) saret disponibbli lill-Istati Membri f’Settembru 2010.

Wara t-tlestija b'suċċess tal-SST, l-ittestjar tas-sistema bl-involviment tal-Istati Membri beda f'Awwissu 2010 u kienu għadu għaddej sa tmiem il-perjodu rrappurtat. Minħabba din it-tibdila fit-tħejjija tat-testijiet, id-data fil-mira ta' Diċembru 2010 għall-bidu tal-operazzjoni tal-VIS ma setgħetx tibqa' l-istess. Ġiet ikkomunikata skeda riveduta li twassal għall-bidu tal-operazzjonijiet f'Ġunju tal-2011 lill-Kunsill tal-ĠAI fis-7 ta' Ottubru 2010 u l-Parlament Ewropew[5] (ara taqsima 3.6).

3.2. L-Iżvilupp tas-Sistema ta' Tqabbil Bijometriku (BMS)

L-iżvilupp tal-BMS, li se jipprovdi servizzi ta' tqabbil tal-marki tas-swaba' lill-VIS, tlesta fl-2010 bl-għeluq tat-Test ta’ Aċċettazzjoni Proviżorja tas-Sistema (PSAT). Matul il-perjodu rrappurtat is-sistema kienet qed tappoġġja l-TSS tal-VIS u t-Testijiet tas-Sistema Operazzjonali (OST) mingħajr ma ltaqgħet ma' xi problemi. L-Istati Membri komplew jużaw il-kits tas-software pprovduti mill-kuntrattur BMS fit-tagħmir tagħhom li jaħżen il-marki tas-swaba'. Uħud mill-Istati Membri tejbu b'mod sinjifikanti l-kwalita tal-marki tas-swaba' bħala riżultat ta' proġetti pilota fil-konsulati. Wara li jkunu tlestew it-testijiet finali mat-tim tal-operazzjonijiet, skedati għal Mejju tal-2011, is-sistema tkun lesta biex titħaddem u tidħol fis-seħħ.

3.3. Il-mekkaniżmu ta' komunikazzjoni VIS Mail

Inkiseb progress sinjifikanti matul l-2010 bl-ittestjar u l-konnessjoni tal-Istati Membri mal- mekkaniżmu ta' komunikazzjoni VIS Mail u għad baqa' biss ftit pajjiżi tax-Schengen biex jiġu ttestjati. Ġew implimentati karatteristiċi addizzjonali fil-Mail Relay Ċentrali matul dan il-perjodu rrappurtat (statistika u rrappurtar, kapaċità avvanzata tal-anti-virus). Għall-biċċa l-kbira, il-parteċipanti fil-Grupp ta' Esperti tal-VIS Mail qablu li l-mekkaniżmu kien ittestjat u ppruvat biżżejjed biex isir operazzjonali skont ir-rekwiżiti bażiċi.

Matul dan il-perjodu rrappurtat, ġie ssagrifikat ammont sinjifkanti ta' ħin u sforz f'dan il-grupp biex jiġu abbozzati l-ispeċifikazzjoni tal-Fażi 2 tal-VIS Mail. F'din il-fażi, li se tibda sentejn wara l-bidu tal-operazzjonijiet tal-VIS, il-VIS Mail se tinkorpora l-funzjonalità tan-Netwerk ta’ Konsultazzjoni ta’ Schengen u bħala tali, l-abbozzat tal-ispeċifikazzjonijiet relatati hu kumpless u jieħu l-ħin. Madankollu, sar progress kbir fl-abbozzar u mistenni jintemm fiż-żmien skedat.

3.4. Preparazzjonijiet tas-Siti u Netwerk

Matul l-2010, il-membri tal-persunal fl-Unità Ċentrali u fl-Unità Ċentrali tal-Appoġġ, fi Strasburgu u f’Salzburg rispettivament, ingħataw taħriġ dwar l-użu u l-manutenzjoni tat-tagħmir tal-VIS. Il-Bulgarija kienet imqabbda man-netwerk tal-sTESTA matul l-2010, filwaqt li baqa' għaddej ix-xogħol fir-Rumanija. L-attvitajiet ewlenin fejn għandu x’jaqsam in-netwerk matul il-perjodu rrappurtat kienu (a) li jkunu żgurati l-oeprazzjonijiet tal-“mekkaniżmu ta’ sostituzzjoni” mis-sit primarju għas-sit ta’ appoġġ u (b) li jiġi ttestjat il-Mail Relay tal-VIS (ara taqsima 3.3). Il-mekkaniżmu ta' sostituzzjoni" jippermetti lill-Istati Membri li għandhom sistema nazzjonali ta' appoġġ li jiżguraw il-kontinwità tal-operazzjonijiet f'każ li tfalli s-sistema nazzjonali. L-"eżerċiżżju ta' sostituzzjoni" tlesta b'suċċess fi tliet Stati Membri fl-2010, li tella' n-numru totali għal tmienja. L-eżerċizzju se jkompli għal dawk l-Istati Membri li huma interessati li jimplimentaw din is-soluzzjoni.

3.5. Ppjanar Nazzjonali tal-Istati Membri

Minbarra d-disponibbiltà tal-VIS ċentrali, il-fattur ewlieni li tiddependi fuqu s-sistema biex issir operattiva huwa l-progress tal-proġetti nazzjonali. L-istat ta’ progress ivarja minn Stat Membru għall-ieħor, minħabba ċ-ċirkustanzi differenti fuq il-livell nazzjonali.

Permezz tal-mekkaniżmu ta’ rrapportar ta’ kull xahar li ġie żviluppat fil-qafas tal-Ħbieb tal-VIS (ara t-Taqsima 6), l-Istati Membri kollha konsistentement irrapportaw il-progress tagħhom bħala li kien f’waqtu sabiex jintlaħqu l-miri ppjanati.

Rigward l-ittestjar tal-konformità mal-Istati Membri u l-iżvilupp tal-parti l-kbira tas-sistemi nazzjonali, il-proġett tal-VIS avvanza mingħajr wisq problemi matul il-perjodu rrappurtat. Sa tmiem il-perjodu ta’ rapportar, 23 mill-25 Stat Membru u Pajjiż Assoċjat max-Schengen attwali kienu lestew it-testijiet ta’ konformità tagħhom kif kien ippjanat fil-bidu.[6] Għad baqa' biss ftit pajjiżi parteċipanti biex iettqu t-testijiet ta' konformità li ġew allokatti spazji biex jagħmlu dan fl-ewwel parti tal-2011.

Filwaqt li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri indikat li s-sistemi nazzjonali kollha se jkunu żviluppati bis-sħiħ sakemm is-sistema ċentrali tkun lesta, ħarġu regolarment fid-dieher numru ta' inċertezzi matul id-diversi eżerċizzji ta' rrappurtar (ara taqsima 5.2) rigward it-tħejjijiet kemm fil-livell ta' konsulat kif ukoll f'dak tal-fruntieri.

Għandu jiġi nnutat li Stat Membru li kien iltaqa' ma' diffikultajiet kuntrattwali serji fl-2009 finalment kien kapaċi jibda jiżviluppa s-sistema nazzjonali tiegħu fl-2010. L-ittestjar tal-konformità għal dan l-Istat Membri kien previst li jsir f'Jannar 2011.

Sabiex jiġu eżaminati t-tħejjijiet konsulari fl-ewwel reġjun tal-mobilizzazzjoni (l-Afrika ta' Fuq), ġiet organizzata missjoni fil-Kajr f'Diċembru tal-2010. L-iskop tal-missjoni kien li tinkiseb informazzjoni minn "fuq il-post" dwar il-livell ta' tħejjija fil-konsulati tal-Istati Membri, speċjalment fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li jiġbru u jitrażmettu dejta bijometrika tal-applikanti għall-viża lill-VIS. Matul iż-żjara, il-Presidenza u l-Kummissjoni ltaqgħu mal-Istati Membri f'laqgħa ta' Kooperazzjoni Lokali ta' Schengen u ħadu l-opportunità li jżuru stallazzjonijiet lokali konsulari. Deher li kien hemm bżonn li jkunu intensifikati s-sessjonijiet tekniċi ta' taħriġ u l-isforzi ta' komunikazzjoni. Għal din ir-raġuni, il-missjonijiet ta' dan it-tip se jkunu organizzati ulterjorment fl-2011 fi bliet oħra fl-Afrika ta' Fuq.

3.6. Skedar mill-ġdid tal-VIS

It-tlestija tard, għalkemm b'suċċess tat-Test tas-Soluzzjonijiet tas-Sistema inevitabbilment wassal lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jivvalutaw mill-ġdid l-iskeda globali tal-proġett. Dan l-eżerċizzju twettaq fuq il-bażi ta' valutazzjoni realistika kemm tal-abbiltà tal-kuntrattur tal-Kummissjoni li jlesti s-sistema ċentrali kif ukoll ta' kemm l-Istati Membri huma lesti li jħejju l-mobilizzazzjoni nazzjonali fil-konsulati u l-fruntieri esterni tagħhom. Jinkludi wkoll xi marġini f'każ li jinqalgħu kwistjonijiet ġodda mhux previsti.

Wara preżentazzjoni lill-Maniġiers tal-Proġetti Nazzjonali (24 ta' Ġunju 2010), il-Ħbieb tal-VIS (7 ta' Lulju 2010) u waqt laqgħa tal-Kumitat Strateġiku dwar l-Immigrazzjoni, il-Fruntieri u l-Ażil (22 ta' Lulju 2010), l-iskeda globali li ġejja ġiet ikkomunikata lill-Kunsill tal-ĠAI fis-7 ta' Ottubru 2010 u lill-Parlament Ewropew[7].

- Testijiet tas-Sistema Operattiva (Operational System Tests (OST)): 23 ta’ Awwissu 2010 – 14 ta’ Frar 2011

- Test ta’ Aċċettazzjoni Proviżorja tas-Sisitema (Provisional System Acceptance Tests (PSAT)): 23 ta’ Marzu 2011 – 15 ta’ Ġunju 2011

- It-tlestija tas-sistema ċentrali biex jibdew l-operazzjonijiet: 24 ta' Ġunju 2011.

Fi tmiem tal-perjodu tal-irrappurtar, il-proġett huwa konformi mal-iskeda globali l-ġdida.

4. Kampanja ta’ Informazzjoni

Ġie ffirmat kuntratt bejn il-Kummissjoni u l-kuntrattur li jispeċjalizza fl-informazzjoni u l-komunikazzjoni fl-20 ta' Diċembru 2010 biex iwettaq it-tfassil u l-istampar tal-materjal tal-informazzjoni għall-VIS. Il-kuntrattur estern, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni se jfassal, jistampa u jittraduċi ktejjeb, posters u materjal ieħor ta' informazzjoni biex jiġu użati mill-Istati Membri u l-Kummissjoni għal skopijiet relevanti qabel il-bidu tal-operazzjoni tal-VIS u minn hemm 'il quddiem. L-Istati Membri se jiġu kkonsultati dwar it-test u d-disinn tal-materjal fl-istadji kritiċi. Dan hu ppjanat għall-ewwel nofs tal-2011.

5. Ġestjoni tal-proġett

5.1. L-ippjanar u l-baġit

L-approprjazzjonijiet totali ta’ impenn li kienu disponibbli għall-VIS fl-2010 kienu jlaħħqu EUR 30,3 miljun. Minħabba dewmien li kien hemm waqt l-SST, partijiet mill-attivitajiet tal-proġett oriġinarjament ippjanati għall-2010 kienu posposti għall-2011, ħaġa li rriżultat f'tibdila korrispondenti ta' impenji: 63,06% tal-approprjazzjonijiet totali tal-VIS kienu ġew impenjati u 85,10% tal-approprjazzjonijiet ta' ħlasijiet kienu tħallsu sa tmiem il-perjodu tar-rappurtar. Il-linja baġitarja għall-VIS hija 18.02.05.

L-approprjazzjonijiet ta’ Impenn u ta’ Pagament tal-VIS għall-2010

Approprijazzjonijiet għall-impenji disponibbli | Użati | Total % | Approprijazzjonijiet għall-ħlasijiet disponibbli | Użati | Total % |

€ 30.327.909,00 | € 19.124.611,00 | 63,06% | € 27.619.392,52 | € 23.503.936,08 | 85,10% |

Ordni ta' rkupru għall-pieni kuntrattwali ta' EUR 7,6 miljuni għad-dewmien li kien hemm minħabba l-SST tal-2009 inħarġet f'Marzu tal-2010.

5.2. Maniġġar tar-riskju

Il-metodoloġija għall-imminiġġjar tar-riskju baqgħet l-istess matul il-perjodu rrappurtat. Kull xahar il-Kummissjoni tidentifika l-aktar riskji importanti fil-proġett (fil-livell ċentrali u nazzjonali) u tippreżentahom lill-Istati Membri fil-laqgħat tal-Maniġers Nazzjonali tal-Proġetti tal-VIS. F'din il-ħidma, il-Kummissjoni hija megħjuna mill-kuntrattur tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità.

Bħal ma ġara fis-snin ta' qabel, ir-riskji ġew diskussi wkoll fil-kuntest tal-Ħabieb tal-VIS. Il-Kummissjoni ħadmet flimkien mal-Presidenza biex tivvaluta r-riskji ewlenin u biex tikkategorizzahom skont l-impatt tagħhom fuq il-proġett. Għal kull riskju jiġu identifikati azzjonijiet sabiex dawn jiġu mitigati. Il-Kummissjoni żżomm ukoll aġġornat reġistru ta’ livell għoli u ssegwi l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet.

Fi tmiem l-2010, l-iktar riskji kritiċi identifikati kienu dawn li ġejjin: (i) dewmien fit-tlestija tat-Testijiet Operazzjonali tas-Sistema skont l-iskeda riveduta, (ii) it-tħejjijiet tal-Istati Membri għall-parteċipazzjoni tagħhom fit-Testijiet tal-Aċċettazzjoni Proviżorja tas-Sistema, (iii) Dewmien f'xi Stati Membri bi tħejjijiet konsulari u tal-fruntieri għall-bidu tal-operazzjonijiet u (iv) dewmien fit-tħejjijiet tal-Ġestjoni Operazzjonali. Għar-riskji kollha, ġew identifikati azzjonijiet u l-Kummissjoni, l-Istati Membri, u l-Kuntrattur Ewlieni tal-Iżvilupp jaħdmu flimkien mill-qrib biex jillimtaw l-impatt ta' dawn ir-riskju fuq il-proġett b'mod ġenerali.

6. IL-ĦBIEB TAL-VIS

Il-Ħbieb tal-VIS iltaqgħu seba' darbiet matul il-perjodu ta’ rapportar – tliet darbiet taħt il-Presidenza Spanjola (2010/I) u erba' darbiet taħt il-Presidenza Belġjana (2010/II). Il-laqgħat informali ta’ livell għoli pprovdew forum fejn seta’ jkun hemm diskussjonijiet trasparenti rigward il-kwistjonijiet kollha relatati mal-VIS. L-aġenda kienet iffissata mill-Presidenza f’koordinazzjoni mal-Kummissjoni u mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Is-suġġetti ġeneralment kienu jinkludu aġġornament mill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tal-VIS, ir-riżultati mill-mekkaniżmu ta' rrappurtar dwar il-progress nazzjonali u rapport dwar ir-riskji.

Fl-ewwel nofs tal-2010, l-Istati Membri intalbu biex jibagħtu tweġibiet aġġornati għal kwestjonarju qabel kull laqgħa tal-Ħbieb tal-VIS. Il-mistoqsijiet koprew t-tħejjija teknika ġenerali rigward l-iżvilupp tas-sistema nazzjonali tagħhom, it-tħejjijiet konsulari għat-tnedija fl-ewwel reġjuni u t-tħejjijiet konfinali b’relazzjoni għall-verifiki b'paragun mal-VIS bil-verifika bijometrika u mingħajrha. Fil-kwestjonarju kienu inklużi anki mistoqsijiet iktar speċifiċi dwar it-taħriġ u miri oħrajn. Madankollu, diversi Stati Membri ma pprovdewx dati ċari meta se jintlaħqu l-miri speċifiċi, u minħabba f’hekk il-Presidenza u l-Kummissjoni ma setax ikollhom stampa ċara tal-progress fl-Istati Membri kollha.

Għalhekk, ġie introdott kwestjonarju aġġornat fit-tieni nofs tal-2010, li jiffoka esklużivament fuq l-ewwel reġjun ta' skjerament u l-pinti tal-qsim tal-fruntieri esterni. Għal darba oħra, it-tweġibiet li waslu xi drabi ma kinux ċari, speċjalment fir-rigward tat-tħejjijiet tal-fruntiera. Konsegwentement, fi tmiem il-perjodu ta' rrappurtar, il-Presidenza talbet lill-Istati Membri biex jippreżenta pjanijiet tal-iskjerament fil-fruntieri nazzjonali, biex ikun jista' jsir monitoraġġ estensiv tas-sitwazzjoni f'kull punt ta' qsim tal-fruntieri esterni ta' kull Stat Membru. Din id-darba, ir-riżultati kienu aktar sodisfaċenti. Il-Presidenza li se tieħu postha ddeċiet li tkompli tuża dan il-mekkaniżmu ta' rrappurtar fl-2011.

7. Konklużjoni

Is-sena kienet ikkaratterizzata mit-tlestija b'suċċess tat-tieni fażi maġġuri ta' ttestjar tas-sistema ċentrali (l-SST) u l-bidu tat-tielet fażi (l-OST) li tinvolvi seba' Stati Membri.

Fil-livell nazzjonali, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għamlu progress sinjifikanti bl-iskjerament tas-sistemi nazzjonali tagħhom matul is-sena. Fi tmiem il-perjodu ta' rrappurtar, il-pajjiżi kollha jirrappurtaw li se jkunu lesti li jaqbdu mal-VIS sa Ġunju tal-2011. Għalhekk se jissokta l-monitoraġġ intensiv fl-2011 ki fukoll taż-żjarat "fuq il-post" fil-lokalitajiet konsulari fl-ewwel reġjun tal-iskjerament biex jiġu mmonitorjati t-tħejjijiet amministrattivi mill-Istati Membri.

Ġiet ippreżentata skeda globali ġdida lill-Kunsill tal-ĠAI f'Ottubru tal-2010, li tipprevedi t-tlestija teknika tal-VIS biex tibda bl-operazzjonijiet f'Ġunju tal-2011. L-imsieħba interessati kollha tennew l-impenn tagħhom li jaħdmu mill-qrib flimkien biex il-VIS tibda taħdem u biex jindirizzaw ir-riskji msemmija b'mod ġenerali fit-taqsima 5.2.

B'mod parallel, il-Kummissjoni infurmat lill-Kumitat LIBE tal-Parlament Ewropew fuq bażi regolari rigward l-iżvilupp u l-istat tal-proġett VIS u se tkompli tagħmel dan fil-futur.

8. Anness: Il-Gruppi ta' Ħidma VIS

8.1. Il-Kumitat tal-SISVIS

Ma kien hemm l-ebda laqgħa tal-Kumitat SISVIS fil-formazzjoni tal-VIS[8] fl-2010. Il-Kumitat se jibqa’ responsabbli mix-xogħol tal-komitoloġija relatata mal-VIS fl-2011.

8.2. Il-laqgħat tal-Maniġers tal-Proġett Nazzjonali (NPM) tal-VIS

Matul il-perjodu ta’ rapportar, is-servizzi tal-Kummissjoni organizzaw għaxar laqgħat ta’ gruppi esperti għall-Maniġers tal-Proġett Nazzjonali (NPM) tal-Istati Membri sabiex ikunu diskussi: fiex wasal il-proġett tal-VIS, kwistjonijiet tekniċi dettaljati, kwistjonijiet ta’ ppjanar riskji u attivitajiet fuq il-livell ċentrali u l-livell nazzjonali tal-proġett.

8.3. Grupp Konsultattiv dwar it-Testijiet (TAG)

Matul il-perjodu ta’ rapportar, it-TAG, grupp ta’ ħidma konsultattiv tal-Kumitat SISVIS (il-formazzjoni tal-VIS), iltaqa’ pjuttost ta’ sikwit jew organizza telefonati konferenza minħabba l-perjodu ta’ attivitajiet ta' ttestjar. It-TAG jiżgura li sabiex ikunu indirizzati u solvuti kwistjonijiet relatati mal-ittestjar jintuża proċess strutturat u jagħti pariri dwar l-ikkompletar tal-kampanji ta’ ttestjar tal-VIS. Il-parteċipanti tal-grupp jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar l-ittestjar tal-VIS matul il-fażijiet kollha tat-testijiet speċjalment fejn l-Istati Membri jipparteċipaw b’mod dirett.

8.4. Grupp Espert tal-VIS Mail (VIS MEG)

Il-grupp iltaqa’ darba kull xahar matul il-perjodu ta’ rapportar kollu sabiex isostni l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ komunikazzjoni tal-(VIS Mail).

Il-ħidma tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fuq il-VIS Mail qed issir f’kooperazzjoni mal-Kuntrattur tan-Netwerk u hija sostnuta mill-Kuntrattur tal-Assistenza tal-Appoġġ u tal-Kwalità.

[1] ĠU L 213, tal-15.6.2004, p. 5.

[2] Għas-sitt rapport, ara r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-iżvillupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) fl-2009, COM(2010) 588 finali tat-22.10.2010.

[3] Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15 ta' Settembru 2008, p. 1.)

[4] Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/260/UE tal-4 ta' Mejju 2010 dwar il-Pjan ta' Sigurtà għall-operazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-VIżi (ĠU L 112 tal-5 ta' Mejju 2010, p.25)

[5] Ittra mill-Kummissarju Malmström lis-Sur Lopez Aguilar, il-President tal-Kumitat LIBE (PE), 12 ta' Ottubru 2010.

[6] Teknikament, il-Liechtenstein wkoll kien lesta t-testijiet ta’ konformità tiegħu, imma għadu ma japplikax l- acquis ta’ Schengen.

[7] Ittra mill-Kummissarju Malmström lis-Sur Lopez Aguilar, il-President tal-Kumitat LIBE (PE), 12 ta' Ottubru 2010.

[8] Imwaqqaf mill-Artikolu 51(1) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, l-operazzjoni u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II).