RAPPORT MILL-KUMMISSJONI DWAR IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ (it-18-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jkopri s-sena 2010) /* KUMM/2011/0344 finali */
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI DWAR IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ (it-18-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jkopri s-sena 2010) INTRODUZZJONI Dan huwa t-tmintax-il rapport annwali dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità fit-tfassil tal-liġijiet tal-UE. Skont il-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji (minn issa ’l quddiem ‘il-Protokoll’) anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Kummissjoni għandha tressaq dan ir-rapport kull sena lill-Kunsill Ewropew, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Parlamenti nazzjonali[1]. Ir-rapport jagħti ħarsa lejn il-mod dwar kif il-prinċipji qegħdin jiġu implimentati minn istituzzjonijiet differenti – il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat tar-Reġjuni, - u jippreżenta f’aktar dettall ċerti inizjattivi li qajmu kwistjonijiet ta’ sussidjarjetà. Huwa jeżamina wkoll kif ġie implimentat il-mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sussidjarjetà tal-Parlamenti nazzjonali, li kien wieħed mill-innovazzjonijiet introdotti mit-Trattat ta’ Lisbona[2]. IL-PRINċIPJI TAS-SUSSIDJARJETÀ U TAL-PROPORZJONALITÀ Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huma inklużi fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Is- sussidjarjetà hija prinċipju ta’ gwida li permezz tiegħu tiġi definita l-linja li tissepara r-responsabbiltajiet ta' Stat Membru minn dawk tal-UE - jiġifieri, min għandu jaġixxi ? Jekk l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva f'qasam partikolari[3], huwa ċar li hija l-Unjoni li għandha taġixxi. Jekk l-Unjoni u l-Istati Membri jaqsmu l-kompetenza bejniethom[4], il-prinċipju jistabbilixxi preżunzjoni favur l-Istati Membri li jieħdu azzjoni. L-Unjoni għandha taġixxi biss jekk l-Istati Membri ma jistgħux jiksbu l-għanijiet b'mod suffiċjenti u jekk l-Unjoni tkun tista' tiksibhom aħjar minħabba d-dimensjonijiet jew l-effetti. Il- proporzjonalità hija prinċipju ta’ gwida sabiex jiġi ddefinit kif l-Unjoni għandha teżerċita l-kompetenzi tagħha, sew b'mod esklużiv kif ukoll b'mod kondiviż – x'għandha tkun il-forma u n-natura tal-azzjoni tal-UE ? It-TUE jipprovdi li l-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni ma għandhomx jeċċedu dak li jkun neċessarju sabiex jinkisbu l-għanijiet tat-Trattati. Kwalunkwe deċiżjoni trid tkun favur l-għażla l-anqas restrittiva. APPLIKAZZJONI TAL-PRINċIPJI MILL-ISTITUZZJONIJIET Id-deċiżjonijiet dwar jekk għandhiex tiġi proposta azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà) u, jekk dan isir, il-firxa tal-azzjoni (proporzjonalità) huma fundamentali għar-regolamentazzjoni inteliġenti1. Il-livell xieraq tal-azzjoni xi drabi joħroġ bħala parti mill-mod kif tkun imfassla l-politika u l-proċess leġiżlattiv interistituzzjonali. Huwa ta’ importanza imperattiva li l-argumenti dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità jsiru b’mod trasparenti , għax dan jippermetti lill-atturi differenti sabiex jirriflettu b’mod kostruttiv dwar il-validità tal-pożizzjonijiet tagħhom. Għaldaqstant, indipendentament minn fejn toriġina l-inizjattiva, l-abbozz ta’ att leġiżlattiv għandu jinkludi ‘dikjarazzjoni’ dettaljata li tagħmilha possibbli għall-atturi l-oħrajn biex jivvalutaw il-konformità mal-prinċipju. Skont il-Protokoll, din id-dikjarazzjoni għandha tinkludi xi valutazzjoni tal-impatt finanzjarju tal-proposta, tqis il-piżijiet finanzjarji jew amministrattivi, u fil-każ ta’ direttivi, issemmi kwalunkwe implikazzjonijiet għar-regoli nazzjonali u reġjonali. Il-konklużjonijiet għandhom jiġu ġġustifikati b’indikaturi kwalitattivi u, fejn ikun possibbli, kwantitattivi. Is-sussidjarjetà ma tistax tiġi vvalidata faċilment bi kriterji operazzjonali. Il-Protokoll , kif rivedut mit-Trattat ta’ Lisbona, m’għadux isemmi testijiet ta’ konformità, bħal ‘neċessità’ u ‘valur miżjud tal-UE’. Minflok iddirezzjona l-metodu ta’ applikazzjoni lejn l-aspetti proċedurali li jiżguraw li l-atturi ewlenin kollha jkunu jistgħu jgħidu l-opinjoni tagħhom. Il-Kummissjoni kompliet tuża t-testijiet tan-‘neċessità’ u l-‘valur miżjud tal-UE’ bħala parti mill-qafas analitiku tagħha u tirrakkomanda lill-atturi l-oħrajn sabiex jagħmlu l-istess. Huwa importanti ġudizzju politiku ġust fil-fażi preleġiżlattiva sabiex jiġi żgurat li l-proposti japplikaw kwistjonijiet tas-sussidjarjetà b’mod tajjeb mill-bidu nett . Fl-istadju postleġiżlattiv, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tintalab sabiex tivverifika l-legalità tal-leġiżlazzjoni adottata. Il-Qorti s’issa għadha ma annullat l-ebda miżura minħabba ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-Kummissjoni Il-Kummissjoni, bħala l-awtur ewlieni tal-proposti leġiżlattivi skont id-dritt tagħha ta’ inizjattiva, għandha tiżgura li jsiru l-għażliet it-tajba, dwar jekk issirx proposta ta’ azzjoni Ewropea u kif għandha ssir, fi stadju bikri tal-iżvilupp ta’ politika. Il-Kummissjoni tippubblika pjanijiet direzzjonali[5] għall-inizjattivi ewlenin kollha. Il-pjanijiet direzzjonali jiddeskrivu l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni, inkluża ġustifikazzjoni inizjali rigward is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Dawn l-ideat jiġu vverifikati aktar tard matul ħidma ta’ konsultazzjoni tal-partijiet interessati u dwar il-valutazzjoni tal-impatt (VI). Id-dikjarazzjoni ta’ sussidjarjetà għal kull proposta leġiżlattiva hija ppreżentata fil-memorandum ta’ spjegazzjoni u mfakkar fil-premessi tal-proposta. Il-valutazzjonijiet tal-impatt, li jakkumpanjaw il-proposti b’impatti sinifikanti, jagħtu l-analiżi l-aktar dettaljata tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Il-kwalità ta’ din l-analiżi hija eżaminata bir-reqqa mill-Bord tal-VI. Fl-2010, il- Bord ikkumenta fuq kwistjonijiet tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità f’aktar minn nofs il-każijiet li eżamina[6], u identifika tliet oqsma ewlenin li għandhom bżonn titjib: - Il-bżonn ta’ aktar evidenza qawwija tal-valur miżjud tal-UE . Pereżempju, għall-inizjattiva tad- Dimensjoni Ewropea fl-Isport [7] , il-Bord kien imħasseb dwar il-bażi ta’ evidenza limitata għal programm ppjanat ta’ finanzjament. Bl-istess mod, il-Bord qajjem dubji dwar il-valur miżjud tal-miżuri fil-livell tal-UE dwar l-idea ta’ tikketta għal prodott tal-muntanja (li inizjalment kienet inkluża fil- Pakkett dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli [8]). Fiż-żewġ każijiet is-servizzi rilevanti ddeċidew li jwettqu aktar analiżi qabel ma jipproponu azzjoni tal-UE. - Il-bżonn ta’ analiżi bir-reqqa tas-sussidjarjetà għal inizjattivi li jestendu l-ambitu tal-intervent tal-UE. Dan kien il-każ għal bosta inizjattivi adottati wara l-kriżi finanzjarja – emendi lid-Direttivi dwar l-Iskemi ta' Garanzija tad-Depożiti[9] u l-Iskemi ta' Kumpens għall-Investitur[10], inizjattiva dwar il-Bejgħ bin-Nieqes u s-Swaps ta' Inadempjenza tal-Kreditu[11], u l-White Paper dwar Skemi ta' Garanzija tal-Assigurazzjoni[12]. - Il-Bord qajjem dubji dwar il- livell ippreferut ta’ armonizzazzjoni f’bosta okkażjonijiet, minħabba d-differenzi fis-sitwazzjonijiet nazzjonali. Dan kien il-każ tal-emendi lir-Regolament dwar is-Sentenzi fi Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali[13] u Regolament propost dwar Kwistjonijiet tal-Effetti Patrimonjali ta’ Sħubijiet Reġistrati[14]. Parlamenti nazzjonali Il-mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sussidjarjetà li ġie introdott mit-Trattat ta’ Lisbona jsaħħaħ ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali, li jistgħu jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar jekk abbozzi ta’ proposti leġiżlattivi jikkonformawx mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Fuq il-bażi tan-numru ta’ opinjonijiet motivati li jikkonkludu li proposta tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà it-Trattat jipprovdi għal żewġ mekkaniżmi – l-hekk imsejħa ‘karta safra’ u ‘karta oranġjo’[15]. Iż-żewġ mekkaniżmi jeħtieġu reviżjoni tal-abbozz ta' leġiżlazzjoni u jistgħu jwasslu għall-emenda jew l-irtirar tal-proposta. Mill-2006 l-Kummissjoni, fi ħdan il-qafas tad-djalogu politiku[16], bdiet tibgħat il-proposti l-ġodda kollha lill-Parlamenti nazzjonali, u twieġeb għall-opinjonijiet tagħhom[17]. Mill-1 ta’ Diċembru 2009, dan il-qafas qed jintuża b’mod parallel mal-mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sussidjarjetà. Sat-tmiem tal-2010, il-Kummissjoni kienet bagħtet 82 abbozz ta’ proposti leġiżlattivi li jaqgħu fl-ambitu tal-Protokoll u rċeviet 211-il opinjoni. Filwaqt li bosta mill-opinjonijiet ikkonċentraw fuq il-kontenut tal-proposta, kien hemm 34 opinjoni li qajmu tħassib dwar is-sussidjarjetà. Għal ħames proposti leġiżlattivi l-Kummissjoni rċeviet aktar minn opinjoni motivata waħda[18], iżda f’dawn il-każijiet kollha l-limitu għal ‘karta safra’ kien għadu ’l bogħod milli jintlaħaq. Xi tweġibiet mill-Parlamenti nazzjonali enfasizzaw ukoll l-insuffiċjenza jew in-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni rigward is-sussidjarjetà f’numru ta’ proposti tal-Kummissjoni. Dan deher li kien b’mod partikolari l-każ għal proposti ta’ emendi minuri għal leġiżlazzjoni eżistenti. Il-Kummissjoni se tieħu miżuri sabiex tiżgura ġustifikazzjoni xierqa dwar is-sussidjarjetà f’memoranda ta’ spjegazzjoni tal-proposti leġiżlattivi kollha, inklużi, pereżempju, billi tfakkar u tikkonferma mill-ġdid l-analiżi dwar is-sussidjarjetà li saret fil-passat. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Il-leġiżlaturi – il-Parlament Ewropew u l-Kunsill – jaġixxu fl-istadju finali tal-fażi preleġiżlattiva. Huma jridu jivvalidaw il-konformità tal-proposta mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, u jagħtu ġustifikazzjoni rilevanti jekk xi emenda li huma jagħmlu taffetwa l-ambitu tal-azzjoni tal-Unjoni[19]. Fil-Kunsill, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti ta' kull Stat Membru (Coreper) jiżgura li l-prinċipji huma rispettati[20]. Fil-Parlament Ewropew, il-konformità hija vverifikata mill-kumitati inkarigati mid-dossiers leġiżlattivi speċifiċi, flimkien mal-Kumitat għall-Affarijiet Legali. Kemm il-Kunsill u l-Parlament Ewropew stabbilixxew il-proċeduri propji tagħhom sabiex jimplimentaw il-mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sussidjarjetà. Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament ġew emendati sabiex jiġi żgurat li l-opinjonijiet raġunati tal-Parlamenti nazzjonali jitqiesu fid-diskussjonijiet parlamentari[21]. Il-Kunsill żgura li l-Parlamenti nazzjonali ġew ikkonsultati fir-rigward tal-inizjattivi li oriġinaw minn grupp ta’ Stati Membri[22]. Il-Kumitat tar-Reġjuni Il-Kumitat tar-Reġjuni jesprimi l-opinjonijiet tiegħu jew meta jiġi kkonsultat jew meta jagħti opinjonijiet fuq inizjattiva proprja. It-Trattat ta’ Lisbona jagħti s-setgħa lill-Kumitat sabiex jikkontesta ex post il-validità ta’ leġiżlazzjoni li tista’ tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà, iżda f’dawk l-oqsma biss fejn il-Kumitat għandu jiġi kkonsultat. Mill-2010 l-Kumitat adatta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu[23] sabiex l-opinjonijiet kollha tiegħu jkunu jinkludu referenza espliċita għall-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Sa tmiem is-sena 2010 n-Netwerk għall-Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà (NMS) tal-Kumitat kien jinkludi 113-il msieħeb reġjonali. Fl-2010 n-NMS mexxa ħames konsultazzjonijiet immirati. Huwa ta wkoll bidu għall-ewwel Pjan ta’ Azzjoni sabiex jiġu identifikati l-aħjar prattiki fl-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà fir-reġjuni u fl-ibliet tal-Ewropa. Barra minn hekk, il-Kumitat qiegħed jippjana li jiżviluppa ulterjorment l-funzjonalità tan-NMS sabiex jagħti appoġġ lill-parteċipazzjoni tal-parlamenti reġjonali fil-mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sussidjarjetà. Il-Kumitat ħareġ l-ewwel Rapport Annwali tiegħu dwar is-Sussidjarjetà[24]. Il- Qorti tal-Ġustizzja Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 263 tat-TFUE, hija kompetenti sabiex tirrevedi l-legalità tal-atti leġiżlattivi, fir-rigward tal-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-Protokoll jiddikjara b’mod partikolari li l-Kumitat tar-Reġjuni jew l-Istati Membri jistgħu, jew huma nfushom jew f’isem il-Parlamenti nazzjonali tagħhom, iressqu kawża quddiem il-Qorti. Apparti mid-deċiżjoni dwar ir- Regolament dwar ir-Roaming [25] , li diġà ġiet koperta fir-rapport tal-2009, ma hemm l-ebda ġurisprudenza ġdida li għandha tiġi nnutata . KAżIJIET EWLWNIN FEJN TQAJJEM TħASSIB DWAR IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ Din it-taqsima tagħti ħarsa lejn il-proposti tal-Kummissjoni li qajmu l-aktar diskussjoni fost il-leġiżlaturi u l-partijiet interessati fir-rigward tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Segwitu tal-każijiet imsemmija f’rapporti preċedenti Għal xi wħud mill-każijiet imsemmija f’rapporti preċedenti, bħad- Direttivi dwar l-Imposti tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni[26], il-Protezzjoni tal-Ħamrija [27] , it-Trattament Ugwali barra mill-Impjieg[28] u d-Drittijiet tal-Konsumatur [29] , ma kien hemm l-ebda żviluppi sinifikanti fil-proċeduri leġiżlattivi li hemm għaddejjin. Dwar is-suġġett tad-Drittijiet tal-Pazjenti fil-Kura tas-Saħħa Transkonfinali [30] , imsemmi fir-rapport tal-2009, intlaħaq ftehim fit-tieni qari wara negozjati twal fil-bidu tal-2011. Matul il-proċedura kollha t-tħassib ewlieni kien il-bilanċ delikat li għandu jinstab bejn l-irrispettar tal-kompetenzi nazzjonali sabiex tiġi organizzata u tiġi ffinanzjata l-kura tas-saħħa, minn naħa, u l-kodifikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti kif rikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja, min-naħa l-oħra. Fir-rigward tad- Direttiva dwar il-Liv tal-Maternità [31] , imsemmija fir-rapport tal-2008, il-leġiżlaturi għadhom ma waslux għal ftehim. Fl-2008, wara li kkonsultat lill-imsieħba soċjali Ewropej, il-Kummissjoni pproponiet li testendi d-dritt tal-liv tal-maternità minn 14 sa 18-il ġimgħa, fil-prinċipju b’salarju sħiħ. Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament adottata f’Ottubru 2010 ssuġġeriet approċċ aktar ambizzjuż: li d-dritt minimu jsir għal liv tal-maternità ta’ 20 ġimgħa mħallas kollu kemm huwa u li jkun hemm ukoll dritt għal ġimagħtejn liv tal-paternità. Konxji mill-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-maġġoranza kbira tal-Membri vvutaw favur ‘ klawsola passerelle ’ li tagħti lill-gvernijiet nazzjonali d-dritt li jiddeċiedu huma kif jadottaw din il-politika fis-sistemi soċjali tagħhom. Madankollu, id-delegazzjonijiet fil-Kunsill rrakkomandaw approċċ aktar flessibbli. Huma qiesu wkoll li l-miżuri kienu jiswew ħafna fi żmien ta' awsterità ekonomika. Il-Presidenza Belġjana kitbet lill-imsieħba soċjali u talbet għall-opinjonijiet tagħhom. Każijiet oħrajn fejn ġiet diskussa s- sussidjarjetà Ħaddiema Staġjonali Il-Kummissjoni ressqet proposta għal Direttiva dwar il-Ħaddiema Staġjonali [32] fi ħdan pakkett dwar il-migrazzjoni legali. S’issa din il-proposta kellha l-ogħla numru ta’ opinjonijiet motivati mill-Parlamenti nazzjonali[33] – b’kollox, disa’ kmamar esprimew tħassib dwar is-sussidjarjetà[34]. Huma sabu li din il-kwistjoni hija diġà suffiċjentament regolata fil-livell nazzjonali u li l-UE ma tistax tindirizza b’mod xieraq is-speċifiċitajiet nazzjonali. Barra minn hekk, peress li l-Istati Membri jibqa’ jkollhom il-kontroll fuq il-volumi taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi ammessi, il-proposta tista’ ma tiksibx l-għan tagħha li tiġġestixxi l-flussi migratorji. Fl-istess ħin, disa’ kmamar[35] ressqu opinjonijiet pożittivi, li fihom innotaw li l-proposta tgħin sabiex jiġi żgurat ħarsien, kriterji komuni ta' ammissjoni u kundizzjonijiet ta’ residenza uniformi madwar l-UE kollha. Huma apprezzaw il-fatt li l-Istati Membri ngħataw id-dritt li jistabbilixxu l-kwoti ta' ammissjoni. Xi kmamar, kemm dawk li qajmu dubji dwar is-sussidjarjetà u dawk li ma qajmux, sabu li l-proposta kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba li jista’ jkollha impatt fuq is-sistemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali. Abbażi ta’ dawn ir-raġunijiet, żewġ kmamar[36] opponew b’mod formali din il-proposta. Fit-tweġibiet tagħha[37], il-Kummissjoni enfasizzat li li l-ħolqien ta’ qafas komuni tal-UE huwa neċessarju sabiex tiġi evitata distorsjoni tal-flussi migratorji u tad-daħliet irregolari, sabiex jitħarsu l-ħaddiema staġjonali minn pajjiżi terzi u jitwaqqaf id-dumping soċjali. Hija enfasizzat ukoll li l-proposta tinkludi dispożizzjonijiet li għandhom jippermettu lill-Istati Membri jaġġustaw l-ispeċifiċitajiet nazzjonali tagħhom dwar is-suq tax-xogħol. Il-Kumitat tar-Reġuni, fl-opinjoni tiegħu, innota l-opinjonijiet u l-argumenti tal-Parlamenti nazzjonali. Il-Kumitat madankollu kkonkluda li l-proposta hija kompatibbli mal-prinċipju tas-sussidjarjetà minħabba li twaqqaf lis-sistemi nazzjonali milli jikkompetu bejniethom biex joffru l-anqas protezzjoni lill-ħaddiema staġjonali. L-eżami tal-proposta mil-leġiżlaturi għadu fi stadju bikri. L-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti F’Lulju 2010, il-Kummissjoni ressqet proposta sabiex issaħħaħ il-qafas tal- Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti [38] fl-UE bħala riżultat tan-nuqqasijiet li nkixfu bil-kriżi finanzjarja. Il-proposta rċeviet 11-il reazzjoni mill-Parlamenti nazzjonali. Minn dawn, ħamsa[39] qajmu tħassib espliċitu dwar is-sussidjarjetà; prinċipalment li d-Direttiva ma kinitx se tqis suffiċjentament il-karatteristiċi tas-sistemi nazzjonali jew li tista’ tnaqqas il-livell ta’ ħarsien attwali. Punt kontraversjali ieħor kien il-faċilità reċiproka proposta ta’ teħid ta’ self bejn l-iskemi, li tqieset bħala li ser iżżid potenjalment il-periklu morali u taġixxi bħala diżinċentiv sabiex tiġi stabbilita kopertura nazzjonali xierqa. Fl-istess ħin, sitt ikmamar[40] ddikjaraw li l-proposta kienet skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, peress li tgħin sabiex tingħeleb il-frammentazzjoni tar-regoli nazzjonali. Fit-tweġibiet tagħha l-Kummissjoni nnotat li l-armonizzazzjoni tista’ tgħin sabiex tiġi promossa l-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji. L-iskemi, li ma jiggarantux depożiti iżda li jħarsu b’mod reċiproku l-banek kontra nuqqas (l-iskemi ta’ garanzija reċiproka), jistgħu jibqgħu jissodisfaw il-funzjoni tagħhom. Fir-rigward tal-faċilità ta’ teħid ta’ self reċiproku, il-Kummissjoni kkjarifikat li se tintuża biss bħala l-aħħar possibbiltà, li hija suġġetta għal salvagwardji sabiex jiġi evitat periklu morali u li, fl-aħħar mill-aħħar, għandha tnaqqas il-bżonn li jintużaw il-flus ta' min iħallas it-taxxa. Bħalissa l-Parlament Ewropew u l-Kunsill qegħdin jiddiskutu din il-proposta. Distribuzzjoni tal-Ikel lin-Nies l-Aktar fil-Bżonn Fl-2008 l-Kummissjoni pproponiet reviżjoni tal-programm għad-Distribuzzjoni tal-Ikel lin-nies fil-bżonn[41], li ilu fis-seħħ mill-1987. Il-Parlament Ewropew wera’ appoġġ għall-proposta u għamel bosta modifiki, li bosta minnhom kienu tekniċi. Fil-Kunsill, id-diskussjonijiet ma rnexxewx minħabba li minoranza li timblokka ta’ Stati Membri argumentaw li din l-iskema mhijiex relatata mal-Politika Agrikola Komuni, minħabba li d-distribuzzjoni tal-ikel tagħmel parti mill-politiki dwar l-għajuna soċjali li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà nazzjonali. Fl-2010 l-Kummissjoni adottat proposta emendata[42], sabiex tadatta l-mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni tal-proposta tal-2008 għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona. Bosta Parlamenti nazzjonali ddikjaraw li l-proposta mhijiex skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Bl-istess mod bħal fid-diskussjonijiet tal-Kunsill, huma argumentaw li l-għanijiet kienu ċċaqalqu minn politika agrikola għal politika soċjali. Uħud mill-Parlamenti nazzjonali nnutaw ukoll li mal-proposta tal-2010 ma kien hemm l-ebda dikjarazzjoni ta’ sussidjarjetà. Fit-tweġibiet tagħha, il-Kummissjoni spjegat li l-iskop ta’ din il-proposta huwa doppju. Filwaqt li ċertament tipprova tissodisfa l-għan tat-Trattat dwar is-sigurtà tal-ikel, hija għandha rwol primarju fil-ġestjoni ta’ stokkijiet pubbliċi ta’ intervent tal-prodotti agrikoli. Il-Kummissjoni enfasizzat li ġiet ipprovduta analiżi kompleta tas-sussidjarjetà fil-VI li kienet takkumpanja l-proposta tal-2008. Kemm il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali kkunsidraw il-proposta bħala aċċettabli. Bħalissa qiegħda tiġi diskussa mil-leġiżlaturi. Appoġġ għall-Iżvilupp Rurali mir-Regolament FAEŻR u L-Istabbiliment ta’ regoli Komuni għal Skema ta’ Appoġġ Dirett għall-Bdiewa L-għan ta’ dawn il-proposti kien li s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 u r-Regolament (KE) Nru 73/2009 jiġu allineati mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona[43]. Barra minn hekk il-Kummissjoni introduċiet xi elementi ta’ simplifikazzjoni. Skont bosta Parlamenti nazzjonali, l-argumenti dwar is-sussidjarjetà mogħtija fil-memoranda ta’ spjegazzjoni ma kinux suffiċjenti. Uħud mill-kmamar ħasbu wkoll li d-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar is-setgħat delegati u dawk ta’ implimentazzjoni jistgħu jagħtu de facto setgħat addizzjonali lill-Kummissjoni. Fit-tweġibiet tagħha, il-Kummissjoni kkjarifikat il-prinċipji tad-dispożizzjonijiet ta’ Lisbona dwar l-atti delegati u dawk ta’ implimentazzjoni u spjegat kif dawn il-proposti jkopru biss adattamenti u simplifikazzjoni tekniċi. Għal dawn ir-raġunijiet, ma saret l-ebda analiżi eżawrijenti ġdida dwar il-kwistjoni tas-sussidjarjetà. Il-Kummissjoni għandha bosta atti simili ta’ allinjament ippjanati għall-2011. Sabiex takkomoda t-tħassib tal-Parlamenti nazzjonali, il-Kummissjoni se tagħmel l-aħjar li tista’ sabiex issaħħaħ id-dikjarazzjonijiet ta’ sussidjarjetà għal dawn il-proposti. Il-Kultivazzjoni ta’ Organiżmi Ġenetikament Modifikati (GMOs) Dan il-pakkett, li jinkludi Komunikazzjoni, Rakkomandazzjoni u proposta għal Regolament [44] , ġie adottat mill-Kummissjoni f’Lulju 2010. Il-pakkett huwa reazzjoni għat-talbiet ripetuti tal-Istati Membri sabiex deċiżjonijiet dwar il-kultivazzjoni ta’ GMOs awtorizzati jkunu jistgħu jittieħdu f’livell nazzjonali, filwaqt li jżomm is-sistema tal-UE ta’ awtorizzazzjoni, abbażi tal-evalwazzjoni tar-riskji għas-saħħa u l-ambjent. Filwaqt li xi delegazzjonijiet fil-Kunsill laqgħu t-test, l-approċċ qiegħed jiġi kkritikat minn oħrajn, li jippreferu approċċ Ewropew ċentralizzat għal kollox, bosta drabi għal raġunijiet marbuta mill-qrib mas-sensittività tas-suġġett. Żona Ferrovjarja Unika Ewropea F’Settembru 2010 l-Kummissjoni pproponiet Direttiva li tistabbilixxi ‘Żona Ferrovjarja Unika Ewropea’ [45] bl-iskop li jiġi rrivitalizzat is-settur ferrovjarju. Ix- Chambre des Députés tal-Lussemburgu ppreżentat opinjoni motivata li fiha kkonkludiet li, filwaqt li normalment hemm ambitu għal azzjoni mill-UE, bosta dispożizzjonijiet konkreti qegħdin jiksru l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. F’Diċembru 2010 l-Kunsill kellu l-ewwel dibattitu ta’ orjentazzjoni dwar il-proposta, li enfasizza ċertu tħassib dwar is-sussidjarjetà. Wieħed mill-Isati Membri talab li jkun hemm prudenza dwar il-proposta li jiġu żviluppati u ppubblikati strateġiji multiannwali għall-infrastrutturi ferrovjarji nazzjonali, minħabba li qies li l-ippjanar fit-tul għall-infrastruttura hija kwistjoni ta’ kompetenza nazzjonali. Fir-rigward tat-tnaqqis temporanju tat-tariffi għall-aċċess għall-binarji għal ferroviji mgħammra bis-sistema Ewropea ta’ kontroll tal-ferroviji, bosta delegazzjonijiet enfasizzaw li huma jridu jibqgħu jżommu d-dritt li jimponu tariffi ġodda jew li jżidu dawk eżistenti sabiex jikkumpensaw għal telf ta’ dħul kkawżat minn tali tnaqqis. Il-proposta għad trid tgħaddi mill-ewwel qari tagħha fil-Parlament Ewropew. Il-Kumitat tar-Reġjuni, filwaqt li għadu ma tax l-opinjoni tiegħu dwar is-sussidjarjetà, indika li l-kwistjoni hija ta’ tħassib kbir għall-awtoritajiet reġjonali u lokali[46]. Id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ Fl-2008 l-Kummissjoni pproponiet li r-Regolament, li kellu l-għan li jiżgura l-kwalità tas-servizzi u tad-drittijiet tal-passiġġieri, għandu japplika għas-servizzi kollha tax-xarabank, inklużi dawk f’żoni reġjonali, urbani u suburbani[47]. Din l-opinjoni ġiet kondiviża mill-Parlament Ewropew. Madankollu, maġġoranza kbira mill-Istati Membri fil-Kunsill insistew, fuq il-bażi tas-sussidjarjetà, fuq l-esklużjoni tas-servizzi reġjonali, urbani u suburbani mill-ambitu tar-Regolament. Fil-ftehim finali, li ġie konkluż fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni f’Novembru 2010, il-Parlament Ewropew fl-aħħar qabel li l-applikazzjoni tar-Regolament, inġenerali, tkun limitatat għal servizzi b'distanza ta' vvjaġġar ta' aktar minn 250 kilometru. Min-naħa tiegħu, il-Kunsill qabel mal-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet għas-servizzi kollha. Miżuri sabiex tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà tal-provvista tal-gass B’reazzjoni għall-kriżi tal-gass bejn ir-Russja u l-Ukraina f’Jannar 2009, il-Kummissjoni pproponiet[48] li l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass tiġi riveduta sabiex titjieb l-azzjoni preventiva kif ukoll bħala reazzjoni għal interruzzjonijiet speċifiċi. Fil-prinċipju l-Kunsill laqa’ l-proposta, għalkemm bosta delegazzjonijiet talbu għal aktar kjarifiki dwar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-atturi tas-suq, l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Il-Kunsill insista wkoll li l-Istati Membri għandhom jibqgħu dawk li jiddeċiedu liema klijenti ta’ prijorità għandhom l-ewwel servizz matul perjodu ta’ nuqqas ta’ gass. Eventwalment dawn il-punti għamlu parti mill-ftehim dwar l-ewwel qari tal-Parlament Ewropew f’Ottubru 2010. KONKLUżJONIJIET Il-kunċetti ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità huma elementi fundamentali tal-proċess tal-iżvilupp ta’ politiki tal-Istituzzjonijiet tal-UE. Il-mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sussidjarjetà tal-Parlamenti nazzjonali, kif introdott mit-Trattat ta’ Lisbona, għamel il-proċess aktar trasparenti u saħħaħ aktar id-diskussjonijiet. Il-fatt li l-maġġoranza tal-proposti tal-Kummissjoni ma qajmu l-ebda tħassib dwar is-sussidjarjetà fost il-Parlamenti nazzjonali, u ġew adottati mil-leġiżlaturi minghajr diskussjonijiet kbar dwar sussidjarjetà jindika li l-kontrolli ta’ sussidjarjetà fi stadju bikri tal-proċess tal-iżvilupp ta’ politiki huma normalment effettivi. Madankollu, f’numru limitat ta’ każijiet, kien hemm dibattitu estensiv bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar kif għandha tiġi interpretata s-sussidjarjetà. Diskussjonijiet politiċi bir-reqqa għenu sabiex jinstab bilanċ xieraq bejn ir-responsabbiltajiet tal-UE u tal-Istati Membri. ANNESS Lista tal-inizjattivi tal-Kummissjoni li dwarhom il-Parlamenti nazzjonali ressqu opinjonijiet motivati fir-rigward tar-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà Titlu | Kmamar nazzjonali li ressqu opinjonijiet motivati[49] | 1. | Direttiva dwar il-Ħaddiema Staġjonali, COM(2010) 379 | In-Nationalrat u l-Bundesrat tal-Awstrija Is-Senát u l-Poslanecká sněmovna tar-Repubblika Ċeka L-Eerste Kamer u t-Tweede Kamer tal-Pajjiżi l-Baxxi Is-Senat tal-Polonja Il-House of Commons u l-House of Lords tar-Renju Unit | 2. | Direttiva dwar Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti, COM(2010) 368 | Il-Bundesrat u l-Bundestag tal-Ġermanja Il-Riksdag tal-Isvezja Il-Folketinget tad-Danimarka Il-House of Commons tar-Renju Unit | 3. | Distribuzzjoni ta’ Prodotti tal-Ikel għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn fl-Unjoni, COM(2010) 486 | Il-House of Commons tar-Renju Unit Is-Sénat ta’ Franza Il-Folketinget tad-Danimarka Il-Riksdag tal-Isvezja L-Eerste Kamer u t-Tweede Kamer tal-Pajjiżi l-Baxxi | 4. | Appoġġ għall-Iżvilupp Rurali mir-Regolament FAEŻR, COM(2010) 537 | Is-Sejm u s-Senat tal-Polonja Is-Sejm tal-Litwanja Ix-Chambre des Députés tal-Lussemburgu | 5. | Direttiva dwar l-Iskema ta’ Appoġġ Dirett għall-Bdiewa COM(2010) 539 | Is-Sejm u s-Senat tal-Polonja Is-Seimastal-Litwanja Ix-Chambre des Députés tal-Lussemburgu | 6. | Skemi ta’ Kumpens għall-Investitur, COM(2010)371 | Il-Riksdag tal-Isvezja Il-House of Commons tar-Renju Unit | 7. | Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew, COM(2010) 76 | Is-Sénat ta’ Franza | 8. | Regolament dwar il-Frontex COM(2010) 61 | Is-Senat tal-Polonja | 9. | Traduzzjoni u Interpretazzjoni fi Proċedimenti Kriminali, COM(2010) 82 | Il-Bundesrat tal-Awstrija | 10. | Importazzjoni ta’ prodotti tas-Sajd mill-Groenlandja lejn l-UE, COM(2010) 176 | Is-Senato della Repubblica tal-Italja | 11. | Programm tal-Politika tal-Ispettru tar-Radju, COM(2010) 471 | Is-Sénat ta’ Franza | 12. | Żona Ferrovjarja Unika Ewropea, COM(2010)475 | Ix-Chambre des Députés tal-Lussemburgu | [1] Fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Regolamentazzjoni Intelliġenti (COM(2010) 543) ġew indirizzati kwistjonjiet usa’ dwar regolamentazzjoni intelliġenti . [2] It-Trattat ta’ Lisbona daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009. [3] Skont l-Artikolu 3 tat-TFUE dawn l-oqsma huma l-unjoni doganali, ir-regoli tal-kompetizzjoni neċessarji għall-funzjonament tas-suq intern, il-politika monetarja taż-żona tal-euro, il-konservazzjoni tar-riżorsi marittimi, u l-politika kummerċjali komuni. [4] Skont l-Artikolu 4 tat-TFUE dawn l-oqsma huma s-suq intern, il-politika soċjali, il-koeżjoni, l-agrikoltura u sajd, l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, it-trasport, in-netwerks transEwropej, l-enerġija, il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, u ċerti kwistjonijiet tas-saħħa pubblika. [5] L-aċċess għall-pjanijiet direzzjonali huwa permezz tal-Websajt tal-Kummissjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt (VI): http://ec.europa.eu/governance/impact/index_en.htm. [6] http://ec.europa.eu/governance/impact/key_docs/docs/sec_2011_126_en.pdf. [7] COM(2011) 12, minn issa 'l quddiem l-aċċess għall-VI u l-opinjonijiet tal-Bord tal-VI huwa permezz tal-Websajt tal-Kummissjoni dwar il-VI: http://ec.europa.eu/governance/impact/ia_carried_out/cia_2011_en.htm. [8] COM(2010) 733. [9] COM(2010) 368. [10] COM(2010) 371. [11] COM(2010) 482. [12] COM(2010) 370. [13] COM(2010) 748 (riformulazzjoni). [14] COM(2011) 127. [15] Ara wkoll l-Artikolu 7 tal-Protokoll. [16] COM(2006) 211. Ara wkoll ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2010 dwar ir-Relazzjonijiet mal-Parlamenti nazzjonali. [17] Ara wkoll http://ec.europa.eu/dgs/secretariat_general/relations/relations_other/npo/index_mt.htm. [18] Ara wkoll l-Anness, aktar dettalji peremezz tal-IPEX (websajt dedikata għall-iskambju interparlamentari): http://www.ipex.eu/ipex/. [19] Ara l-Ftehim Interistituzzjonali dwar is-sussidjarjetà (ĠU C 329, 6.12.1993, p. 132). [20] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE, ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35. [21] Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, http://www.europarl.europa.eu/sides/getLastRules.do?language=MT&reference=TOC [22] Fl-2010: Id-Direttiva dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (2010/0801 (COD)), id-Direttiva dwar l-Ordni ta' Protezzjoni Ewropea (2010/0802 (COD)) u d-Direttiva dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea (2010/0817 (COD)). [23] ĠU L 6, 9.1.2010, p. 14. [24] http://portal.cor.europa.eu/subsidiarity/news/Pages/CoRSubsidiarityAnnualReport2010.aspx. [25] Kawża C-58/8 Vodafone Ltd, Telefónica O2 Europe plc, T-Mobile International AG, Orange Personal Communications Services Ltd vs is-Segretarju tal-Istat għan-Negozju, l-Intrapriża u r-Riforma Regolatorja dwar ir-Regolament tal-KE Nru 717/2007. [26] COM(2009) 217. Minn hemm ‘il quddiem, id-dettalji dwar diskussjonijiet interistituzzjonali jistgħu jinsabu fid-database tal-PreLex: http://ec.europa.eu/prelex/apcnet.cfm. [27] COM(2006) 232. [28] COM(2008) 426. [29] COM(2008) 614. [30] COM(2008) 414. [31] COM(2008) 637. [32] COM(2010) 379. [33] Minn issa 'l quddiem, id-dettalji dwar opinjonijiet tal-Parlamenti nazzjonali jistgħu jinsabu fid-database tal-IPEX: http://www.ipex.eu/ipex/cms/home/Documents/dossier_COD20100210/lang/mt. [34] Ara l-Anness għad-dettalji [35] Is- Saeima tal-Latvja, is- Seimas tal-Litwanja, il- Bundesrat tal-Ġermanja, is- Senato u l- Camera dei Deputati tal-Italja, l- Eduskunta tal-Finlandja, l- Assembleia tal-Portugall u l- Congreso de los Diputados u s- Senado ta’ Spanja. [36] Is- Saeima tal-Latvja u s- Seimas tal-Litwanja . [37] Minn issa ’l quddiem, id-dettalji dwar it-tweġibiet tal-Kummissjoni lill-Parlamenti nazzjonali jistgħu jinsabu fuq: http://ec.europa.eu/dgs/secretariat_general/relations/relations_other/npo/index_mt.htm. [38] COM(2010) 368 (riformulat). [39] Ara l-Anness għad-dettalji [40] L- Assembleia tal-Portugall, il- Camera dei Deputati u s- Senato tal-Italja, in- Nationalrat u l- Bundesrat tal-Awstrija u s- Senát tar-Repubblika Ċeka. [41] COM(2008) 563. [42] COM(2010) 486. [43] COM (2010) 537 u COM (2010) 539. [44] COM (2010) 380 u COM (2010) 375. [45] COM(2010) 475 (riformulat). [46] Opinjoni COR/2010/297. [47] COM(2008) 817. [48] COM(2009) 363 [49] Dawn jinkludu erba' opinjonijiet li waslu wara l-iskadenza ta' 8 ġimgħat jew li ma ġewx adottati mill-kmamar rispettivi skont ir-regoli interni tagħhom.