52011DC0323

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-QORTI TAL-AWDITURI Sinteżi tal-kisbiet amministrattivi tal-Kummissjoni fl-2010 /* COM/2011/0323 final */


KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-QORTI TAL-AWDITURI

Sinteżi tal-kisbiet amministrattivi tal-Kummissjoni fl-2010

1. Introduzzjoni

F'konformità mal-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Kummissjoni Ewropea timplimenta l-baġit fuq responsabbiltà tagħha stess u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet, wara li tikkunsidra l-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba.  Bl-adozzjoni ta’ dan ir-Rapport ta' Sinteżi, il-Kummissjoni tassumi r-responsabbiltà politika kollha tal-maniġment min-naħa tad-Diretturi-Ġenerali u l-Kapijiet tas-Servizz tagħha, abbażi tal-assigurazzjonijiet u r-riżervi li dawn tal-aħħar għamlu fir-Rapporti Annwali tal-Attività (RAA) tagħhom. Fir-Rapport ta' Sinteżi, il-Kummissjoni tidentifika wkoll il-kwistjonijiet amministrattivi ewlenin li għandhom jiġu indirizzati bi prijorità u l-azzjoni li għandha tittieħed biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet identifikati.

Fl-2009, għat-tielet sena konsekuttiva, il-Qorti tat opinjoni pożittiva mhux ikkwalifikata dwar il-kontijiet ikkonsolidati. Għaldaqstant, issuktat ix-xejra pożittiva ta' tnaqqis tar-rata globali ta' żbalji. Għall-ewwel darba, il-Qorti stmat li l-aktar rata ta' żbalji probabbli fil-baġit kollu kienet ta' bejn it-2% u l-5%. Il-valutazzjoni tal-Qorti[1] tal-kwalità tar-RAA tjiebet ukoll.

Ir-rapportar dwar il-kisbiet amministrattivi tal-Kummissjoni jinvolvi iżjed xogħol milli sempliċement rapportar tar-rati tal-iżbalji. L-ambjent ekonomiku ta' bħalissa jfisser li l-infiq b'valur miżjud u ta' kwalità aħjar huma fost l-aktar prijoritajiet importanti għaċ-ċittadini. Fil-parti I tar-RAA tagħhom, l-Uffiċjali Awtorizzanti b'Delega jippreżentaw kif huma użaw ir-riżorsi finanzjarji u umani biex jinksibu l-għanijiet stabbiliti mill-Kulleġġ, b'manjiera finanzjarja tajba, u juru lill-qarrej kif il-politiki ġġeneraw valur miżjud għas-soċjetà tal-UE.

Fl-iffinalizzar tal-proposti tagħha għall-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss, il-Kummissjoni ser tipproponi titjib, prinċipalment fil-ġestjoni kondiviża, fejn l-Istati Membri jimplimentaw madwar 80% tal-baġit. It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea saħħaħ ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, li għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-baġit, u enfasizza l-obbligi ta' kontroll u awditjar[2].

2. It-Tisħiħ tas-sisien tal-assigurazzjoni

L-implimentazzjoni operazzjonali tal-baġit hija ddelegata mill-Kulleġġ lid-Diretturi Ġenerali u l-Kapijiet tas-Servizz, li, bħala 'Uffiċjali Awtorizzanti b’Delega' (AOD), huma responsabbli mill-ġestjoni tajba u effiċjenti tar-riżorsi u mill-iżgurar tas-sistemi ta' kontroll adegwati u effettivi fis-servizzi tagħhom. Id-Diretturi-Ġenerali u l-Kapijiet tas-Servizz jirrapportaw dwar il-prestazzjoni tad-doveri tagħhom fir-RAA[3], li jinkludu dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni ffirmata li tkopri l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet finanzjarji. L-assigurazzjoni hija analiżi oġettiva ta' evidenza bl-iskop li tingħata valutazzjoni indipendenti tal-effikaċja tal-ġestjoni tar-riskju u tal-proċessi ta' kontroll u governanza. L-analiżi ssir mill-maniġment, li twettaq monitoraġġ tas-sistemi ta' kontroll intern fuq bażi kontinwa, u minn awdituri interni u esterni. Ir-riżultati jiġu rrappurtati f'kull RAA, li huwa l-kanal ewlieni li d-Direttorati Ġenerali għandhom biex jiddokumentaw ir-responsabbiltà tagħhom lill-Kulleġġ.

2.1. L-impatt ta' riorganizzazzjoni interna fuq l-assigurazzjoni

Fl-2010 saret l-implimentazzjoni ta' għadd ta' bidliet u riorganizzazzjonijiet importanti. It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009, ħoloq il-kariga[4] tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u Viċi-President tal-Kummissjoni, u speċifika li r-Rappreżentant Għoli għandu jkun assistit mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). It-tħejjijiet għall-ħolqien tas-SEAE saru matul l-2010, u s-servizz inħoloq fl-1 ta' Jannar tal-2011. Ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju ġew emendati[5]. Il-Kummissjoni għadha responsabbli mill-implimentazzjoni tal-baġit, fosthom tal-approprjazzjonijiet operazzjonali implimentati mill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet li huma uffiċjal awtorizzanti b'sottodelega tal-Kummissjoni.

Wara li ġie stabbilit il-Kulleġġ il-ġdid u l-allokazzjoni tal-portafolli, għadd ta' Direttorati Ġenerali ġew ristrutturati[6]. Dan kien jinkludi l-ħolqien tad-Direttorati Ġenerali ġodda għall-Ġustizzja, għall-Affarijiet Interni, għall-Azzjoni Klimatika, għall-Enerġija u għall-Mobbiltà u t-Trasport, u kif ukoll it-trasferiment ta' għadd ta' Direttorati bejn id-Direttorati Ġenerali. F'konformità mal-politika tal-Kummissjoni li lill-awtorità baġitarja ma titlobhiex postijiet ġodda, inħolqu Direttorati tar-Riżorsi Kondiviżi u Kapaċitajiet Kondiviżi ta' Awditjar Intern (SIACs). Dan ippermetta l-akkomunament ta' għarfien professjonali espert u ġġenera ekonomiji ta' skala.

Il-Kummissjoni implimentat dan it-tibdil mingħajr intoppi. Is-Servizzi Ċentrali taw il-kontribut tagħhom billi aġġornaw iċ-ċirkolari[7] dwar kif seta' jissokta x-xogħol fuq ir-RAA f'dawn iċ-ċirkostanzi. Id-Diretturi Ġenerali l-ġodda ngħaddew noti mingħand il-predeċessuri tagħhom. Is-Servizz tal-Awditjar Intern eżamina aspetti minn dawn ir-riorganizzazzjonijiet, u għaldaqstant ikkontribwixxa għal ġestjoni u governanza mtejba.

2.2. Id-djalogu bejn id-Diretturi Ġenerali u l-Kulleġġ

Kull[8] RAA jikkonferma b'mod espliċitu li l-Kummissarju/i responsabbli ġie/ġew informat(i) dwar l-aspetti ewlenin tar-RAA, fosthom dwar ir-riżervi previsti, qabel l-aħħar firma tad-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni.

Ir-RAA huma l-kanal ewlieni li permezz tiegħu l-AODs jiddokumentaw ir-responsabbiltà tagħhom lill-Kulleġġ u huma għajn ta' evidenza għad-DAS. Il-Kummissjoni tat struzzjonijiet lis-Segretarjat Ġenerali u lid-Direttorat Ġenerali għall-Baġit sabiex ikomplu jagħtu gwida lid-Direttorati Ġenerali u lis-Servizzi, permezz permezz ta' reviżjoni regolari tal-Istruzzjonijiet Permanenti, noti ta' gwida, miżuri ta' taħriġ u laqgħat ta' reviżjoni bejn il-pari. Id-Diretturi Ġenerali u l-Kapijiet ta' Servizzi kollha huma mistiedna jagħtu l-appoġġ attiv tagħhom għall-miżuri kollha li jiġu promossi mis-Servizzi Ċentrali bil-għan li titjieb il-kwalità tal-istrumenti ta' rapportar.

2.3. L-Awditjar Intern

Il-Kumitat dwar il-Progress tal-Awditjar (APC) iffoka ħidmietu fuq ir-riskji ewlenin li ġew identifikati minn ħidma ta' awditjar u tejjeb il-fluss ta' informazzjoni lill-Kulleġġ dwar kwistjonijiet tal-awditjar, fosthom dwar kwistjonijiet ta' dimensjoni korporattiva u anke l-informazzjoni kwalitattiva dwar kif il-pjani ta' azzjoni jtejbu l-ambjent globali tal-kontroll. Fir-rapport annwali u fin-noti ta' informazzjoni, l-APC informa lill-Kulleġġ li kien sar progress fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta' awditu li kienu ġew aċċettati iżda baqgħu pendenti u li kienu kkunsidrati 'kritiċi' jew 'importanti ħafna', kif kien intalab fir-Rapport ta' Sinteżi tal-2009. Fl-2010, ma kien għad fadal l-ebda rakkomandazzjoni 'kritika', u 26 rakkomandazzjoni 'importanti ħafna', pendenti sitt xhur wara li kellha ssir azzjoni fuqhom. Ġew aċċettati 97 rakkomandazzjoni 'importanti ħafna' iżda ilhom pendenti għal anqas minn sitt xhur.

Abbażi tal-informazzjoni mill-APC, il-Kummissjoni ħadet nota tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta' awditu u qiegħda tagħti struzzjonijiet lis-Servizzi biex jissuktaw b'dan ix-xogħol. Id-Diretturi Ġenerali u l-Kapijiet ta' Servizzi għandhom jiżguraw li r-rakkomandazzjonijiet pendenti jingħataw l-attenzjoni meħtieġa.

F'Marzu tal-2011, is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni ppreżenta r-Rapport Annwali tal-Awditjar Intern tal-2010 kif inhu stipulat skont l-Artikolu 86(3) tar-Regolament Finanzjarju.

F'Mejju tal-2011, is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni ħareġ l-ewwel Opinjoni Globali tiegħu. Din hija msejsa fuq il-ħidma li saret mill-Kapaċitajiet tal-Awditjar Intern u mis-Servizz tal-Awditjar Intern matul il-perjodu bejn l-2008 u l-2010 bħala parti mill-pjan tal-awditjar strateġiku kkoordinat. L-opinjoni tiffoka fuq il-ġestjoni finanzjarja. 'L-Awditur Intern tal-Kummissjoni jikkunsidra li fl-2010 l-Kummissjoni stabbilixxiet proċeduri ta' governanza, ġestjoni tar-riskju u ta' kontroll intern li huma xierqa sabiex jagħtu assigurazzjoni raġonevoli fir-rigward tal-ksib tal-għanijiet finanzjarji tagħha, bl-eċċezzjoni ta' dawk l-oqsma ta' ġestjoni finanzjarja li d-Diretturi Ġenerali esprimew riżervi dwarhom fid-dikjarazzjonijiet ta' assigurazzjoni u li huma suġġetti għal kummenti dwar il-ġestjoni tar-riskji li jikkonċernaw żbalji fit-tranżazzjonijiet sottostanti. Din l-opinjoni ma tkoprix il-programm tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita, li sal-2010 ma kienx għadu tlesta l-awditjar tiegħu. B'mod partikolari, din tqis li l-maniġment adotta pjani li l-IAS tikkunsidra bħala xierqa għall-indirizzar tar-riskji residwali identifikati mill-awdituri fuq dawn l-aħħar tliet snin, u għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li saru, u li l-implimentazzjoni ta' dawn il-pjani qed tiġi segwita permezz ta' rapporti mill-maniġment u permezz ta' awditi ta' segwitu.

Il-Kummissjoni ħadet nota ta' dawn ir-rapporti, li huma ta' serħan il-moħħ għall-Kulleġġ f'dak li għandu x'jaqsam mal-prestazzjoni tal-governanza u l-kontroll intern li jinsabu fis-seħħ fis-Servizzi tiegħu, filwaqt li jagħtu assigurazzjoni raġonevoli dwar il-kapaċità tiegħu li jiskeb għanijietu.

2.4. It-titjib ulterjuri taċ-ċarezza u tal-koerenza tar-RAA

Ir-RAA huma sors ewlieni ta' evidenza għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) u għall-awtoritajiet ta' kwittanza. Fil-fehma tal-Qorti, f'dawn l-aħħar snin il-kwalità ta' dawn ir-rapporti tjiebet. Fir-Rapport Annwali għall-2009, il-QEA tat gradi ta' 'A' u 'B'[9] għar-RAA tad-Direttorati Ġenerali u s-Servizzi kollha tal-Kummissjoni.

L-Istruzzjonijiet Permanenti għar-RAA ġew irfinuti aktar biex tittejjeb il-kwalità tal-evidenza ppreżentata bħala sostenn tal-assigurazzjonijiet li jsiru u l-eġġibbiltà tar-rapporti. Is-Servizzi Ċentrali komplew jagħmlu intervent minn kmieni fil-proċess tal-abbozzar tar-RAA, jiddiskutu kwistjonijiet ewlenin mad-Direttorati Ġenerali u s-Servizzi u jipprovdu gwida kif meħtieġ biex tittejjeb il-kwalità tat-testi finali. Għal darba oħra, il-(pre)reviżjoni  bejn il-pari wriet li hija pjattaforma effettiva għas-Servizzi differenti sabiex, bħala pari, jikkondividu fehmithom dwar il-formulazzjoni ta' kwistjonijiet trasversali fir-RAA tagħhom, kif tiġi żgurata l-koerenza u kif id-dgħufijiet identifikati jkunu jistgħu jiġu indirizzati b'mod xieraq.

Matul il-proċess tar-reviżjoni bejn il-pari, ġew identifikati għadd ta' aspetti biex tittejjeb il-preżentazzjoni, partikolarment l-argumentazzjoni ġenerali li ssostni l-assigurazzjoni u d-deskrizzjoni tal-kontribut tal-elementi konstitwenti individwali. Dawn jinkludu: a) ir-raġunar li għandu jintuża fejn ikun hemm biss id-disponibbiltà ta' kampjun ta' kontroll ibbażat fuq ir-riskju; b) id-deskrizzjoni tal-metodoloġija li tintuża għat-teħid ta' kampjuni u c) il-metodi matematiċi użati għall-estrapolazzjoni tar-riżultati mill-kampjun ta' awditu għall-popolazzjoni kollha.

Il-Kummissjoni hija impenjata li tibqa' ttejjeb il-leġġibbiltà u l-komparabbiltà tar-RAA.

3. L-assigurazzjoni miġbura permezz tar-RAA u r-riżervi li saru mid-Diretturi Ġenerali

Wara li eżaminat ir-RAA, b'mod partikolari d-dikjarazzjonijiet iffirmati minn kull Direttur Ġenerali, il-Kummissjoni tinnota li huma kollha taw assigurazzjoni raġonevoli fir-rigward tal-użu adegwat ta' riżorsi għall-iskop intenzjonat tagħhom, tar-rispett għall-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba u tal-fatt li l-proċeduri ta' kontroll li ntużaw jagħtu l-garanziji meħtieġa rigward il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti. Uħud mid-Diretturi Ġenerali żvelaw dgħufijiet residwali u għamlu riżervi fir-RAA tagħhom, mingħajr ma xeħtu dubju fuq il-livell ġenerali tal-assigurazzjoni li ngħatat.

Tnax-il Direttur Ġenerali u Direttur wieħed ta' Aġenzija Eżekuttiva ħarġu total ta' sbatax-il riżerva fir-RAA tagħhom tal-2010. Dawn kienu jinkludu ħmistax mill-wieħed u għoxrin[10] riżerva li kienu diġà saru fl-2009 u li sa tmiem l-2010 kienet għadha għaddejja azzjoni dwarhom, flimkien ma' żewġ riżervi ġodda.

L-aktar tħassib komuni jikkonċerna r-regoli ta' eliġibbiltà kumplessi għal benefiċjarji ta' għotjiet (kwistjoni li tolqot il-fondi ġestiti b'mod ċentralizzat dirett) u l-applikazzjoni ta' regoli tal-akkwist pubbliku (kawża frekwenti ta' żbalji fil-politika ta' Koeżjoni). Kull wieħed mid-Diretturi Ġenerali u Kapijiet ta' Servizz identifika r-raġunijiet ewlenin għar-riżervi tiegħu u ħa azzjoni ta' rimedju biex jindirizzahom.

Wara valutazzjoni tar-riżultati tal-kontroll, tneħħew sitt riżervi li kienu ġew riportati mis-snin ta' qabel. Biex titneħħa riżerva, l-AOD intalbu jippreżentaw miżuri li ttieħdu għall-inidirizzar tad-dgħufijiet li ġew identifikati, li l-miżuri kienu tassew effettivi u li d-dgħufijiet ġew indirizzati b'mod effettiv. Fil-parti l-kbira tal-każi, dan jimplika evidenza għall-awditjar li r-rati ta' żball kienu naqsu għal livell aċċettabbli jew li s-sistemi ssaħħew u qegħdin jiffunzjonaw b'mod xieraq.

3.1.   L-agrikoltura u r-riżorsi naturali

Għall-Agrikoltura u r-Riżorsi Naturali, żieda ċkejkna fir-rata ta' żball għal ftit aktar minn 2% wasslet sabiex fir-rapport annwali tal-2009 tagġha, il-qorti kkonkludiet li dan il-kapitolu ġie affettwat minn żball materjali. Il-Qorti tenniet li meħtieġ li jsiru aktar sforzi sabiex ir-regoli u l-kundizzjonijiet fil-qasam tal-Iżvilupp Rurali jiġu ssimplifikati.

Fir-RAA tal-2010, id-Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali għamel riżerva waħda. Minħabba fl-importanza tas-Sistema Integrata ta' Ġestjoni u Kontroll (IACS) għall-ġestjoni u l-kontroll tan-nefqa agrikola, u d-dgħufijiet serji fl-IACS fil-Bulgarija, fil-Portugall u fir-Rumanija, saret riżerva għal raġunijiet ta' reputazzjoni, anke jekk l-impatt finanzjarju tad-dgħufijiet ma kienx jaqbeż il-limitu ta' materjalità. Dan id-Direttorat Ġenerali neħħa 'r-riżerva għal nefqa fuq miżuri ta' żvilupp Rurali taħt l-Ass 2 (it-titjib tal-ambjent u l-kampanja), li kienet ilha teżisti sa mill-2007. Fl-2010, b'riżultat tal-ħidma tad-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali li investiga l-iżbalji fir-rapportar tal-Istati Membri dwar il-miżuri taħt l-Ass 2 u pprovda linji gwida ddetaljati għal tali rapportar, il-kwalità u l-affidabbiltà tal-istatistika ta' kontroll tal-Istati Membri u l-limitu safejn ġew ikkwantifikati u rraportati żbalji tjiebu konsiderevolment. Dan it-titjib jippermetti lid-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali li jikkalkula r-rata tal-iżbalji residwali b'mod aktar preċiż milli fis-snin ta' qabel, meta d-Direttorat Ġenerali ma kellux l-assigurazzjoni neċessarja li l-Istati Membri kienu qegħdin jikkumpilaw l-statistika tagħhom bid-dixxiplina meħtieġa. Abbażi taċ-ċifri li ġew irrapportati mill-Istati Membri, ir-rata ta' żbalji residwali li ġiet stmata għall-2010 tammonta għal 1.84%, u għaldaqstant taqa' taħt il-limitu ta' materjalità ta' 2% li qed jintuża mill-Qorti tal-Awdituri. Ir-rata ta' żbalji residwi għall-iżvilupp rurali kollu kemm hu, li tammonta għal 1.13% (fl-2009 kienet ta' 2.1%), hija ferm taħt il-limitu ta' materjalità. Barra minn hekk, il-pjan ta' azzjoni stabbilit fir-riżerva ta' snin preċedenti issa tlesta għalkollox. Kwalunkwe tnaqqis ulterjuri fl-iżbalji jista' jinkiseb biss billi jiżdied il-livell ta' kontrolli fuq il-post, proċess li ma jkunx kosteffikaċi.

Is-sena li għaddiet, id-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd għamel riżerva dwar programmi operazzjonali u miżuri differenti relatati mal-Istrument Finanzjarju għall-Gwida tas-Sajd (SFGS). Tfassal ukoll pjan ta' azzjoni li sussegwentement ġie implimentat b'suċċess. B'riżultat ta' dan, ir-riżerva setgħet titneħħa minn fuq in-nefqa kollha għajr għal programm wieħed fil-Ġermanja. F'dan il-każ tqies li kellha isir analiżi ulterjuri u kontrolli addizzjonali u dawn qegħdin isiru bħalissa.

Ir-riżultati ta studju addizzjonali dwar il-qafas legali u l-argumenti li saru mill-Istati Membri dwar ir-regoli ta' eliġibbiltà għal pagamenti li jsiru lil Stati Membri bħala kumpens ta' kostijiet addizzjonali fl-ikkummerċjalizzar ta' ċerti prodotti tas-sajd mir-Reġjuni l-Aktar Imbiegħda, wrew li r-riżerva setgħet titneħħa.

Id-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent rnexxielu jimplimenta pjan ta' azzjoni li nħareġ is-sena li għaddiet wara li għamel riżerva dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa ddikjarata mill-benefiċjarji tal-għotja. Għaldaqstant ir-riżerva setgħet titneħħa.

Id-Direttur Ġenerali għall-Azzjoni Klimatika ħareġ riżerva b'riżultat tal-ħsara ta' reputazzjoni fuq il-Kummissjoni minħabba ksur sinifikanti tas-sigurtà fir-reġistri nazzjonali tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS).

Il-Kummissjoni tfakkar dwar il-ħtieġa għal implimentazzjoni xierqa tal-IACS fil-Bulgarija, fir-Rumanija u fil-Portugall. L-awtoritajiet Portugiżi qegħdin jiġu mħeġġa jsaħħu l-pjan ta' azzjoni tagħhom. Il-pjan Bulgaru ser jiġi segwit mill-qrib sabiex jitlesta fil-ħin. Ir-Rumanija diġà lestiet il-pjan ta' azzjoni tagħha u dan ser jiġi segwit mill-qrib sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-elementi l-ġodda fit-trattament tat-talbiet tal-2011.

3.2.   Il-koeżjoni

Il-Politika ta' Koeżjoni tiġi implimentata abbażi ta' ġestjoni kondiviża u għal ħafna snin l-istima tal-livell ta' żbalji kienet konsiderevolment ogħla minn dik ta' gruppi ta' politika oħrajn. Fl-2009 sar tnaqqis sinfikanti fl-istima tal-Qorti dwar l-iżbalji probabbli. Il-Kummissjoni tqis[11] li dan it-titjib jirrefletti parzjalment id-dispożizzjonijiet dwar it-titjib tal-kontroll skont il-qafas regolatorju ta' koeżjoni 2007-2013, u l-impatt tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni tal-2008 li implimentat sabiex issaħħaħ ir-rwol superviżorju tagħha. Madanakollu, il-varjazzjonijiet minn sena għal sena fir-rati ta' żbalji li nstabu huma influwenzati wkoll mill-istadju relattivi fiċ-ċiklu tal-implimentazzjoni multiannwali. L-2010 kienet l-ewwel sena fejn il-parti l-kbira tal-programmi taħt il-qafas regolatorju attwali kienu għaddejjin bis-sħiħ, u bosta mill-awtoritajiet nazzjonali implimentaw proġetti u ddikjaraw nefqa, b’hekk żiedu r-riskju inerenti ta' żbalji.

Għaldaqstant, fir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju l-Kummissjoni pproponiet li l-awtoritajiet nazzjonali jiiprovdu dikjarazzjoni amministrattiva annwali għall-programmi kollha b'ġestjoni kondiviża. Dan huwa l-aħjar mod biex tingħata assigurazzjoni kredibbli u affidabbli li l-baġit tal-UE inġenerali qiegħed jintuża u jiġi kkontrollat sew.

Madanakollu, il-Politika ta’ Koeżjoni għadha l-qasam ta' nefqa bl-ogħla rata ta' żbalji fid-DAS tal-2009 u hija l-unika qasam ta' politika fejn l-istimi tal-Qorti juru li r-rata ta' żbalji probabbilment tkun ogħla minn 5%. Il-Kummissjoni tqis li huma meħtieġa aktar sforzi biex titnaqqas ir-rata ta' żbalji.

Id-Direttur Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni daħħal żewġ riżervi: waħda hija dwar is-sistemi ta' ġestjoni u kontroll għal programmi operazzjonali identifikati taħt l-FSE 2000-2006 (fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Italja u fi Spanja) u l-oħra taħt l-FSE 2007-2013 (fl-Awstrija, fil-Belġju, fil-Bulgarija, fil-Ġermanja, fl-Irlanda, fl-Italja, fis-Slovakkja, fi Spanja u fir-Renju Unit). L-ewwel riżerva hija kkwantifikata għal 0.14%  tal-pagamenti interim għall-perjodu bejn l-2000 u l-2006; It-tieni hija kwantifikata għal 1.13% tal-pagamenti interim għall-perjodu 2007-2013. Iż-żewġ riżervi inħarġu għal raġunijiet ta' reputazzjoni, minħabba n-nuqqasijiet serji fl-aspetti ewlenin tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll tal-programmi operazzjonali identifikati.

Id-Direttur Ġenerali għall-Politika Reġjonali ħareġ żewġ riżervi: waħda dwar is-sistemi ta' ġestjoni u kontroll taħt il-FEŻR/Fond ta' Koeżjoni fil-perjodu bejn l-2000 u l-2006 (fil-Bulgarija, fil-Ġermanja, fl-Ungerija, fl-Italja, fil-Latvja, u fil-Pajjiżi l-Baxxi u dwar 9 programmi Interreg), u l-oħra dwar is-sistemi ta' ġestjoni u kontroll tal-FEŻR/Fond ta' Koeżjoni għall-perjodu bejn l-2007 u l-2013 (fil-Bulgarija, fir-Repubblika Ċeka, fil-Ġermanja, fil-Greċja, fl-Italja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fir-Rumanija, fi Spanja, fir-Renju Unit, dwar 13-il programm tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea u 6 programmi għall-IPA/kooperazzjoni transkonfinali).

B'mod ġenerali, l-istima tal-ammont ta' riskju għall-programmi operattivi rrapportati għall-Politika ta' Koeżjoni jikkorrispondu għal bejn 0.8% u 1.5% tal-pagamenti tal-2010 għall-Koeżjoni kollha kemm hi. Din l-istima tar-rati ta' żbalji medji hija bla ħsara għal varjazzjonijiet sottostanti wiesa' bejn l-Isati Membri u, f'ċerti każi, fost programmi operazzjonali u reġjuni fi Stat Membri wieħed. Filwaqt li r-riskju ta' irregolaritajiet f'għadd ta' programmi jista' jitqies li qiegħed taħt kontroll mil-lat ta' bażi multiannwali, dan jista' jkun ferm ogħla mill-istimi tal-medji f'għadd ta' programmi u Stati Membri meta dawn jinħadmu fuq bażi annwali. Il-Kummissjoni ser tissokta teżerċita b'mod rigoruż ir-rwol superviżorju tagħha billi tagħmel pressjoni fuq l-Istati Membri biex dawn jindirizzaw id-dgħufijiet li jinstabu fis-sistemi ta' ġestjoni u kontroll tagħhom, u kif ukoll billi tapplika twaqqif u sospensjonijiet ta' pagamenti, u anke korrezzjonijiet finanzjarji kull fejn meħtieġ.

Il-Kummissjoni ser tiffoka l-isforzi tagħha l-aktar fuq dawn is-sistemi, permezz ta' azzjonijiet preventivi u korrettivi konġunti. L-ammonti tar-riskju jvarjaw minn rata ta' żbalji kkalkolata mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri għad-DAS fir-Rapport Annwali tagħha. Id-differenza bejn l-assigurazzjoni raġonevoli li tingħata mill-AODs u l-valutazzjoni li tagħmel il-Qorti tas-sistemi ta' kontroll toriġina minn diversi fatturi. Dawn jinkludu l-fatt li l-Kummissjoni timplimenta strateġiji ta' kontroll multiannwali f'għadd ta' oqsma ta' politika. Għaldaqstant, l-AODs jivvalutaw l-iffunzjonar tas-sistemi ta' kontroll f'konformità ma' dan, filwaqt li l-Qorti hija obbligata tagħti opinjoni kull sena. L-ammont ta' riskju rrapportat fir-RAA mis-servizzi tal-Kummissjoni għal azzjonijiet strutturali jieħu inkunsiderazzjoni d-diversi azzjonijiet ta' mitigazzjoni u korrezzjoni li huma stabbiliti fis-sistemi multiannwali ta' ġestjoni u kontroll (u b'hekk ikunu jistgħu jsiru korrezzjonijiet sa snin wara l-ħlas ta' fondi mill-Istat Membri lill-benefiċjarju u mill-Kummissjoni lill-Istat Membru) u l-analiżi tkopri s-sitwazzjoni speċifika għal kull programm.

Għaldaqstant, ir-rata ta' żbalji fid-DAS tal-Qorti x'aktarx li tkun ogħla għaliex tinkludi żbalji li jkunu jistgħu jiġu kkoreġuti fis-snin ta' wara ladarba jkunu intervjenew l-atturi kollha involuti fil-katina ta' kontroll. Fattur ieħor ta' differenza huwa l-fatt li r-rata ta' żbalji li tiġi rrapportata kull sena mill-Qorti tiġi kkalkolata abbażi ta' żbalji identifikati matul is-sena f'kampjun ta' programmi u tiġi estrapolata għan-nefqa kollha li taqa' taħt il-Koeżjoni. Dan jista' jiġi spjegat mill-fatt li l-parti l-kbira tal-programmi u l-awtoritajiet issa implimentaw proġetti abbażi tan-nefqa ddikjarata, li jwassal għal żieda fir-rati inerenti ta' żbalji.

Ir-riżervi għall-perjodu ta' programmar 2007-2013 li saru mid-Direttur Ġenerali għall-Politika Reġjonali għandhom ambitu usa' minn tas-snin ta' qabel, u jikkonċernaw aktar programmi operazzjonali f'aktar Stati Membri u r-riskju jolqot stimi ta' ammonti ogħla. Ir-riżervi għall-perjodu ta' programmar 2007-2013 mdaħħla mid-Direttur Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni jikkonċernaw anqas programmi operazzjonali milli fl-2009, iżda f'għadd akbar ta' Stati Membri u b'riskju li globalment jolqot stimi aktar baxxi ta' rati ta' ammonti.

Mhux hekk biss, l-2010 kienet l-ewwel sena fejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-awditjar ġew mitluba jirrapportaw ir-rata ta' żbalji li sabu wara awditi ta' kampjuni rappreżentattivi ta' operazzjonijiet. Minn din is-sena, id-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni qiegħed jiddependi fuq dawn ir-rati għall-istima tal-impatt finanzjarju tar-riżerva, minflok fuq stimi predefiniti ta' rati ta' żbalji[12], kull meta dawn iċ-ċifri tqiesu ta' kwalità xierqa. L-approċċ għall-ġejjieni huwa li, jekk dawk jitqiesu ta' kwalità xierqa, kemm jista' jkun issir dipendenza fuq rati ta' żbalji rrapportati mill-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Awditjar.

Ir-RAA jispjegaw b'mod ċar in-natura tal-problemi li jinqalgħu u jippreżentaw pjanijiet ta' azzjoni b'saħħithom. L-oqsma ta' azzjoni li ġejjin huma eżempji ta' min jissemmew:

– L-użu ta' proċeduri ta' interruzzjoni u sospensjoni u ta' korrezzjonijiet finanzjarji (ara t-taqsima 4.2.1).

– Is-servizzi li jibqgħu jagħtu gwida u appoġġ addizzjonali lill-awtoritajiet nazzjonali tal-awditjar, speċjalment dwar il-kopertura u l-kwalità tal-awditi u dwar it-tfassil ta' rapporti ta' kontroll u opinjonijiet ta' awditu annwali biex is-siwi tagħhom jiġi mmassimizzat.

– Is-Servizzi ser jikkonċentraw l-isforzi ta' kontroll, iżda anke l-attivitajiet ta' ggwidar u ta' bini ta' kapaċità amministrattiva, dwar l-eliġibbiltà tal-kostijiet u dwar l-applikazzjoni ta' regoli tal-akkwist pubbliku, li huma l-oqsma fejn huwa stmat li nstabet l-ogħla rata ta' żbalji fl-2008 u l-2009. Il-Kummissjoni qiegħda tieħu inizjattivi biex tissimplifika aktar il-proċessi tal-akkwist pubbliku (ara t-taqsima 4.4.2).

– F'konformità mal-istrateġiji ta' awditjar tagħhom, is-servizzi ser ikomplu jwettqu , jew fejn xieraq iżidu, awditi fuq il-post ta' operazzjonijiet u sistemi permezz ta' approċċ ibbażat fuq ir-riskju.

Il-Kummissjoni hija mħassba wkoll dwar l-effikaċja tal-fondi tal-UE li ntefqu minn reġjuni/Stati Membri bħala rimbors ta' proġetti li jkunu diġà tlestew u tħallsu mill-baġits nazzjonali qabel ma tkun bdiet id-data għall-eliġibbiltà u 'l barra mill-qafas tar-regoli applikabbli għall-għażla ta' proġetti. ('proġetti retrospettivi'). F'kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni ser tiċċara r-regoli ta' eliġibbiltà, il-kundizzjonijiet u l-prerekwiżiti għall-inklużjoni ta' proġetti retrospettivi, kemm dawk legali u kif ukoll dawk regolari, fil-programmi kkonfinanzjati. Minbarra dan ser tipproponi regoli ġodda dwar dan fil-pakkett għall-Fondi Strutturali ta' wara l-2013.

Fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni pproponiet li tintroduċi dikjarazzjonijiet ta' assigurazzjoni annwali tal-ġestjoni. Dawn isiru mill-korpi akkreditati għall-programmi kollha permezz ta' ġestjoni kondiviża.

Il-Kummissjoni ssejjaħ lill-Istati Membri kollha sabiex juru l-impenn tagħhom li jtejbu r-responsabbiltà billi jsaħħu l-miżuri ta' kontroll kull fejn ikun meħtieġ. Dan partikolarment fir-rigward ta' kontrolli amministrattivi tal-ewwel livell, qabel ma n-nefqa tiġi ċċertifikata lill-Kummissjoni, u billi jsegwu l-gwidi tagħha dwar is-sommarji annwali biex dawn ikunu għajn siewja oħra ta' assigurazzjoni. Filwaqt li l-bażi legali għas-sommarji annwali ma titlobx jagħmlu dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni globali, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha biex isegwu l-eżempju ta' dawk il-ħdax-il Stat Membru li fl-2010 inkludew dikjarazzjonijiet ta' assigurazzjoni u kif ukoll biex jieħdu miżuri li juru l-impenn tagħhom għal ġestjoni tajba tal-fondi tal-UE.

Il-Kummissjoni tat struzzjonijiet lid-Direttorati Ġenerali involuti fil-Politika ta' Koeżjoni biex jiżguraw livell għoli ta' trasparenza fir-rigward tal-valutazzjoni taghħom tas-sistemi ta' kontroll f'kull Stat Membru, u kif ukoll informazzjoni dwar twaqqif u sospensjonijiet ta' pagamenti u korrezzjonijiet finanzjarji, billi jirrapportawhom b'mod sistematiku fir-RAA tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tathom struzzjonijiet biex ikomplu japplikaw proċeduri ta' twaqqif u ta' sospensjoni b'mod sistematiku u fil-ħin kull meta jiġu identifikati nuqqasijiet serji fil-kontroll jew irregolaritajiet.

3.3.   Ir-riċerka, l-enerġija u t-trasport

L-Istrateġija Komuni għall-Awditjar tad-DĠ għar-Riċerka għas-Sitt Programm Qafas (FP6) (2007-2010) wriet li kienet ta' suċċess f'termini ta' kopertura tal-awditjar u fir-riżultati li nkisbu fil-qasam tal-awditjar. Fi tmien dan il-perjodu, ir-rata multiannwali ta' żbalji residwali[13] naqset b'mod sostanzjali, u għal xi Direttorati Ġenerali l-livell qarreb ħafna lejn il-mira ta' 2%. Ir-riżervi rikorrenti fir-rigward tal-FP6 ma tneħħewx, għajr dawk tad-Direttur Ġenerali għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja, li ddeċieda li ma jikkwalifikax id-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni tiegħu, minkejja li sab rata ta' żbalji residwali ta' ftit aktar mil-limitu ta' 2%. Fir-RAA, id-Direttur Ġenerali spjega għaliex qiegħed jistenna li r-rata multiannwali ta' żbalji (jiġifieri dik imkejla għall-FP6 kollu kemm hu) taqa' taħt il-mira matul l-2011.

Is-Seba' Programm Kwadru għar-riċerka (FP7) qiegħed iżid fil-momentum. B'riżultat ta' dan, l-ammont ta' prefinanzjament ser jaqa' taħt l-ammont ta' pagamenti meta mqabbel mad-dikjarazzjonijiet tal-kost. Jitqies li dawn tal-aħħar jirrapreżentaw riskju inerenti ogħla (u b'hekk hemm potenzjal ta' rati ta' żbalji ogħla). Il-kampjun tal-awditjar li sar sa issa mhuwiex rappreżentattiv biżżejjed biex jippermetti kalkolu preċiż tar-rata ta' żbalji residwali u biex jinġibdu konklużjonijiet dwar l-assigurazzjoni f'dan l-istadju. Mill-2011 huwa mistenni li l-kampjun awditjat ser ikun biżżejjed biex l-AODs ikunu jistgħu jserrħu wkoll fuq il-kriterju ta' żbalji residwi u biex ikunu jistgħu jiddeċiedu jekk tkunx meħtieġa riżerva għal dan il-Program Qafas. Ir-rati ta' żbalji provvożorji (bejn l-4% u l-5%) fl-awditjar li tlesta sa issa jindikaw li r-rata ta' żbalji għall-popolazzjoni kollha jista' jkun li tiżboq il-limitu ta' 2%.

Id-dispożizzjonijiet dwar il-kostijiet eliġibbli għal finanzjament huma kumplessi u l-awditi żvelaw li d-differenzi fl-interpretazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet ikkawżaw il-parti l-kbira tal-iżbalji li nstabu fil-Kapitolu 'Riċerka, enerġija u trasport'. Fl-2010, Task Force ta' livell għoli eżaminat kwistjonijiet ta' maniġment u organizzazzjoni fil-qasam tar-riċerka u tat rakkomandazzjonijiet fosthom modi kif il-governanza tal-awditi u tal-kontroll f'dan il-qasam tkun tista' tittejjeb.

Sadanittant, ġew introdotti azzjonijiet korrettivi ulterjuri għall-FP7. Dan sar billi ġie stabbilit qafas komuni għaċ-ċertifikati tal-awditi tal-awdituri esterni, inkluża id-definizzjoni ta' sensiela ta' proċeduri obbligatorji. Barra minn hekk, il-miżuri ta' simplifikazzjoni[14] li ġew introdotti fl-24 ta' Jannar tal-2011 huma mistennija jnaqqsu aktar ir-rata ta' żbalji. Id-deċiżjoni li l-benefiċjarji jitħallew japplikaw il-metodi ta' awditjar statutorji tagħhom meta jagħmlu t-talba għar-rimbors ta' kostijiet medji tal-persunal u l-possibbiltà ta' rimobrsi lil sidien ta' impriżi żgħar u medji (IŻM) (u persuni fiżiċi oħrajn li ma jirċevux salarju) permezz ta' pagament b'rata fissa hija mistennija li tħalli effett pożittiv fuq ir-rati ta' żbalji. Minkejja l-effetti pożittivi tal-miżuri ta' simplifikazzjoni, is-sitwazzjoni ser tiġi riveduta għal darba oħra ladarba, f'paragun mad-dikjarazzjonijeit tal-kostijiet, l-ammont tal-pagamenti jkun ogħla filwaqt li l-kampjun tal-awditjar fuq il-livell ta' statistika jkun wiesa' biżżejjed.

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2010, 'is-Simplifikazzjoni tal-Implimentazzjoni tal-Programmi Qafas ta' Riċerka'[15], il-Kummissjoni ppreżentat miżuri u għażliet biex tissimplifika l-finanzjament ta' riċerka tal-UE u sejħet l-istituzzjonijiet tal-UE biex jikkontribwixxu għad-dibatitu u jagħtu rispons dwar l-għażliet.

3.4.   L-għajnuna esterna, l-iżvilupp u t-tkabbir

Globalment, fl-2010 s-sitwazzjoni tal-kontroll intern fir-rigward tal-Azzjoni kienet waħda sodisfaċenti. Sabiex l-assigurazzjoni fil-qasam tal-għajnuna esterna tiġi ssostanzjata aħjar, id-Direttorat Ġenerali EuropeAid qiegħed jiżviluppa indikatur għall-istima tal-impatt tal-iżbalji residwali b'impenn li matul l-2011 tiddaħħal metodoloġija ġdida f'dan ir-rigward.

Id-Direttorat Ġenerali għar-Relazzjonijiet Esterni neħħa r-riżerva li kien għamel għal raġunijiet ta' reputazzjoni fuq il-ġestjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) u tal-Istrument ta' Stabbiltà wara li sar titjib fil-metodoloġija u l-kapaċità fit-twettiq ta' kontrolli ex post.

Il-Kummissoni ħolqot is-Servizzi għall-Istrument ta' Politika Barranija responsabbli mill-iżgurar ta' kontroll finanzjarjju ta' strumenti differenti, fosthom il-baġit tal-PESK u tal-Istrument ta' Stabbiltà. Is-servizz tal-Kummissjoni jirrapporta direttament lill-Viċi-President u Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

Il-Kummissjoni tat struzzjonijiet lill-Kap tas-Servizz responsabbli mill-Istrumenti ta' Politika Barranija biex isegwi mill-qrib l-implimentazzjoni ulterjuri tal-pjan ta' azzjoni li nbeda qabel mid-Direttur Ġenerali għar-Relazzjonijiet Esterni.

3.5.   L-edukazzjoni u ċ-ċittadinanza

Għal raġunijiet ta' reputazzjoni, d-Direttur Ġenerali għall-Komunikazzjoni żamm ir-riżerva tal-2008 fuq in-nuqqas ta' konformità potenzjali ma' leġiżlazzjoni applikabbli fuq id-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali mis-servizzi tal-Kummissjoni. Ittieħdu bosta mill-azzjonijiet korrettivi li ssemmew fil-pjan ta' azzjoni, partikolarment fir-rigward tat-taħriġ, is-sensibilizzazzjoni u l-koordinazzjoni internazzjonali. Id-Direttur Ġenerali għall-Komunikazzjoni ħabbar li din ir-riżerva ser titneħħa ladarba jidħlu fis-seħħ il-ftehimiet dwar id-drittijiet tal-awtur relatati mat-tħejjija ta' analiżi tal-istampa kkumpilata minn dan id-Direttorat Ġenerali.

Id-Direttur Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura żamm ir-riżerva dwar rata ta' żbalji għolja fil-ġestjoni ċentralizzata diretta, minħabba l-okkorrenza sinifikanti ta' żbalji fit-tranżazzjonijiet sottostanti li nstabu permezz ta' kontrolli ex post. Din ir-riżerva ġiet estiza b'riżerva mid-Direttur tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura. Ir-rata ta' żbalji fid-Direttorat Ġenerali ewlieni kienet ta' 3.4%, filwaqt li r-rata ta' żbalji ta' żewġ programmi mis-seba' programmi ewlenin ġestiti mill-aġenzija eżekuttiva, il-programm tal-Kultura u l-programm taż-Żgħażagħ rispettivament, tammonta għal 4,28% u 7,38%. L-iżbalji osservati jikkonċernaw l-aktar l-inabbiltà tal-benefiċjarji li jipproduċu dokumenti ta' ġustifikazzjoni jew dokumenti ta' kwalità biżżejjed. Id-Direttorat Ġenerali ewlieni u l-Aġenzija kkoordinaw pjan ta' azzjoni għat-titjib tal-informazzjoni lill-benefiċjarji u strateġiji ta' desk control imsejsa fuq valutazzjoni tar-riskju.

Id-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet Interni għamel żewġ riżervi fir-RAA tal-2010. It-tnejn li huma jikkonċernaw ħsara ta' reputazzjoni minħabba dewmien fl-implimentazzjoni ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira, u ta' proġetti tal-VIS u l-SIS II. Fl-2010 sar progress sinifikanti sabiex dawn jibdew joperaw b'suċċess. Il-pjan ta' azzjoni dettaljat ġie implimentat bis-sħiħ iżda seħħew avvenimenti ġodda li kkawżaw aktar dewmien, bħal pereżempju li xi Stati Membri kien għadhom mhumiex imħejjija totalment u s-sitwazzjoni politika fl-Afrika ta' Fuq li ħalliet impatt fuq l-introduzzjoni tal-VIS.

Id-Direttur Ġenerali għall-Ġustizzja seta' jneħħi r-riżervi fuq ir-riskju finanzjarju li jikkorrispondi għar-rata ta' żbalji residwali li, fil-popolazzjoni ta' għotjiet mhux awditjati taħt l-attività ABB 1804 - drittijiet fundamentali u ċittadinanza, kienet stmata li tammonta għal 2,15%.

Il-Kummissjoni hija sodisfatta bil-ħidma li saret biex jiġi indirizzat il-ksur potenzjali tad-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali mis-Servizzi tagħha.

Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li l-kontrolli ex post mid-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura juru żieda fir-rati ta' żbalji u li r-riżerva ġiet estiża għal żewġ programmi ġestiti mill-Aġenzija Eżekuttiva, minkejja li saret ħidma li l-benefiċjarji jiġu informati aħjar dwar ir-rekwiżiti. Hija tistieden lis-Servizzi biex iżidu l-isforzi tagħhom.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-iżvilupp u l-ġestjoni ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira bħal pereżempju SIS II u VIS jippreżentaw sfidi partikolari. Hija ser tissokta bl-isforzi tagħha biex ittejjeb il-governanza u l-kooperazzjoni mal-partijiet interessati f'dak li għandu x'jaqsam mal-SIS II, u biex issegwi s-sitwazzjoni politika fl-Istati Membri u fl-Afrika ta' Fuq sabiex ittaffi r-riskju ta' dewmien fuq il-VIS.

3.6. L-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Għall-2010 wkoll, id-Direttorat Ġenerali għall-Impriżi u l-Industrija ħareġ riżerva dwar l-affidabbiltà tar-rappurtar finanzjarju ta' korp iddelegat. L-azzjonijiet relatati mat-titjib tal-monitoraġġ u l-qafas finanzjarju u kif ukoll id-dgħufijiet fil-proċeduri ta' akkwist ġew indirizzati fl-2009 kif kien tħabbar qabel. Iżda l-evidenza għall-awditjar tal-kontijiet nazzjonali tal-2009 indikat dgħufijiet oħrajn fis-sistemi ta' kontroll intern tal-korp iddelegat u enfasizzat tħassib dwar l-affidabbiltà tar-rapportar finanzjarju għall-2010. Mhuwiex possibbli li ssir kwantifikazzjoni tal-impatt, jekk hemm xi impatt, għaliex dan ser isir magħruf biss wara l-awditi tar-rapporti finanzjarji tal-2010, li huma skedati għall-2011.

Il-ġestjoni kondiviża tippreżenta sfidi partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġestjoni ta' fondi tal-UE. Il-Kummissjoni tat struzzjoni lis-Segretarjat Ġenerali u lid-Direttorat Ġenerali għall-Baġit biex jibdew, flimkien mas-servizzi relevanti, reviżjoni tal-problemi li l-iktar jiltaqgħu magħhom u, fejn xieraq, jipproponu titjib fil-qasam tal-ġestjoni konġunta.

4. Kwistjonijiet u soluzzjonijiet trasversali 4.1. Il-kosteffikaċja tal-kontroll

L-infiq pubbliku jeħtieġ kontrolli effettivi, effiċjenti u proporzjonati, li jipprovdu assigurazzjonijiet liċ-ċittadini u lir-rappreżentanti tagħhom. Madanakollu, hemm livell ta' kontroll li, ladarba jinqabeż, kull kontroll addizzjonali jkun jikkunfliġġi mal-għan tal-effikaċja tal-programm (jekk dan iwassal biex applikanti potenzjali jiddeċiedu li ma japplikawx għall-għajnuna tal-UE) u/jew mal-għanijiet ta' ġestjoni finanzjarja tajba.

Fl-2010, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tipproponi Riskju Tollerabbli ta' Żball (TRE) għall-politiki tar-Riċerka, l-Enerġija u t-Trasport u għall-Iżvilupp Rurali[16]. Il-ħtieġa għall-inizjattiva TRE nħasset b'riżultat tal-bżonn li tiġi stabbilita komprensjoni ċara u kondiviża tar-riskju proporju/kontroll tal-bilanċ, b'kunsiderazzjoni tal-valur miżjud li l-UE tinvesti f'ċeri oqsma, filwaqt li l-kost tas-sistemi ta' kontroll jinżammu f'livell aċċettabbli. Bħalissa jinsabu għaddejjin diskussjonijiet interistituzzjonali dwar dan il-kunċett.

Sadanittant, id-Direttorati Ġenerali ta' dawk l-oqsma ta' politika li fir-rigward tagħhom diġà ġiet ippubblikata proposta mill-Kummissjoni, qegħdin jipprovdu aktar informazzjoni dwar il-kosteffikaċja tal-kontrolli fir-RAA tagħhom. L-analiżi tagħhom tqabbel il-kostijiet ta' kontrolli addizzjonali potenzjali u l-benefiċċji tagħhom, jiġifieri l-vaur tal-iżbalji li x'aktarx jinqabdu u jiġu kkoreġuti. Din l-analiżi ma tbiddilx il-livell ta' materjalità ta' 2% li bħalissa huwa applikabbli għal-legalità u r-regolarità, iżda tipprovdi informazzjoni siewja lill-AOD dwar jekk il-kontrolli addizzjonali humiex iġġustifikati fid-dawl tar-riskju, b'kunsiderazzjoi tal-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba.

Il-Kummissjoni qiegħda tagħti struzzjonijiet lis-Servizzi Ċentrali biex jassistu lil servizzi oħrajn fl-iżviluppar ulterjuri tal-analiżi u r-rappurtar tagħhom dwar il-kosteffikaċja tal-kontrolli fir-RAA li jmiss, u biex jestendu din l-analiżi għal oqsma ta' politika oħrajn.

Il-Kummissjoni qiegħda tappella lill-AOD biex jikkonverġu s-sistemi ta' kontroll mar-riskji identifikati fil-kosteffikaċja tal-kontrolli, f'konformità mar-rekwiżiti proposti fir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju[17], li mistennija jidħlu fis-seħħ mill-2012. Il-Kummissjoni ser tibqa' taħdem flimkien mal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri sabiex ittejjeb kemm jista' jkun il-(kost)effikaċja tas-sistemi ta' kontrolli.

4.2. It-titjib tal-informazzjoni f'ġestjoni kondiviża dwar is-sospensjoni ta' pagamenti, irkupri u korrezzjonijiet finanzjarji 4.2.1. Informazzjoni dwar it-twaqqif ta' proċeduri ta' pagament u s-sospensjoni ta' pagamenti

Il-Kummissjoni inkoraġġiet is-servizzi tagħha sabiex iwaqqfu l-proċeduri ta' pagamenti u li jipproponu proċeduri ta' sospensjoni kull fejn ikun meħtieġ u ladarba jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet legali.

F'rabta mal-ġestjoni kondiviża, il-Kummissjoni żiedet l-għadd ta' interruzzjonijiet jew sospensjoni ta' proċeduri ta' pagament, hekk kif ikun hemm evidenza li turi nuqqasijiet sinifikanti fis-sistemi ta' ġestjoni u kontroll skont l-Artikoli 91 u 92 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

Dawk is-servizzi li joperaw tranżazzjonijiet permezz ta' ġestjoni kondiviża rrapportaw fuq id-deċiżjonijiet ta' interruzzjoni/sospensjoni fir-RAA tagħhom. Din l-informazzjoni tinkludi l-programmi operazzjonali kkonċernati, l-Istat Membru affettwat, it-tip ta' dgħufija misjuba, il-fatti prinċipali li wasslu għad-deċiżjoni u l-impatt baġitarju tad-deċiżjoni. Din l-informazzjoni tikostitwixxi aspett importanti ta' assigurazzjoni raġonevoli.

Wara l-introduzzjoni tal-istrument ta' interruzzjoni ġdid għall-perjodu ta' programmar ta' bejn l-2007 u l-2013, fl-2010 d-Diretturi Ġenerali li joperaw b'ġestjoni kondiviża ħadu deċiżjoni formali li jwaqqfu pagamenti li t-total tagħhom jammonta għal EUR 2.6 biljun. ll-Kulleġġ adotta wkoll sitt deċiżjonijiet ta' sospensjoni ta' pagamenti.

Il-Kummissjoni tikkonferma li, kull fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet applikabbli, l-Uffiċjali Awtorizzanti b'Delega għandhom iwaqqfu l-proċeduri ta' pagament b'mod sistematiku u jipproponu li l-Kunsill jissospendi l-proċeduri sakemm l-awtoritajiet nazzjonali jimplimentaw il-miżuri finanzjarji korrettivi.

4.2.2. Informazzjoni mill-Istati Membri dwar il-korrezzjonijiet u l-irkupri finanzjarji li jsiru fil-livell tagħhom

Il-korrezzjoni ta' ammonti mħallsa bi żball hija aspett maġġuri tal-ġestjoni finanzjarja tajba. Fl-2010, issuktaw l-isforzi sabiex jiġu imposti korrezzjonijiet finanzjarji fejn meħtieġ, tittejjeb il-kwalità tad-dejta tal-Istati Membri dwar il-korrezzjonijiet u l-irkupri finanzjarji u l-promozzjoni tal-użu tal-aħjar prassi sabiex jiġi żgurat mekkaniżmu ta' rkupru ta' kwalità aħjar fil-livell tal-Istati Membri u fil-livell tal-UE.

Dwar il-ġestjoni kondiviża, ir-RAA jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji li jiġu implimentati u rrapportati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u valutazzjoni tas-sistemi nazzjonali ta' kontroll (ara t-taqsima 4.2.4). Din l-informazzjoni addizzjonali ngħatat bħala tweġiba għat-talbiet li saru mir-rapporteur tal-kwittanza matul id-diskussjoni dwar ir-riżoluzzjoni tal-kwittanza tal-2009.

Fil-qasam tal-politika tal-Koeżjoni, l-Istati Membri jimplimentaw il-korrezzjonijiet finanzjarji li jirriżultaw minn awditi tagħhom stess u minn awditi tal-UE. Dan jiġu rrapportati sena tard, u għalhekk fl-2010 huma rraportaw dwar il-korrezzjonijiet tal-2009.

Fir-rigward tal-Politika Reġjonali, l-Istati Membri rrapportaw li sa tmiem l-2009, huma kienu għamlu korrezzjonijiet finanzjarji kumulattivi ta' EUR 3.6 biljuni fuq il-programmi ta' bejn l-2000 u l-2006 (inkluż irkupri ta' EUR 1.7 biljun u rtirar ta' EUR 1.9 biljun).

F'rabta mal-Impjiegi, l-Istati Membri rrapportaw l-implimentazzjoni ta' korrezzjonijiet finanzjarji kumulattivi ta' EUR 1.2 biljun għall-perjodu bejn l-2000 u l-2009 (li minnhom, l-irkupri kien jammontaw għal EUR 0,2 biljuni u rtirar ta' EUR 1.0 biljun).

4.2.3. Il-korrezzjonijiet finanzjarji imposti mill-Kummissjoni fuq l-Istati Membri

Il-korrezzjonijiet finanzjarji l-oħrajn li ġew irrapportati kienu dawk li ġew imposti mill-Kummissjoni fuq l-Istati Membri. Id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali rrapporta korrezzjonijiet finanzjarji kumulattivi ta' EUR 6.7 biljuni li rriżultaw minn awditi tal-UE fil-perjodu bejn l-2000 u l-2006. Aktar minn nofs il-korrezzjonijiet totali saru fl-aħħar snin ta' dan il-perjodu (EUR 3.9 biljuni għall-perjodu bejn l-2008 u l-2010). Id-Direttorat Ġenerali għall-impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni rrapportaw korrezzjonijiet finanzjarji kumulattivi ta' EUR 1.5 biljun li rriżultaw minn awditi tal-UE. Fis-sena finanzjarja tal-2010, id-DĠ AGRI eżegwixxa korrezzjonijiet finanzjarji ta' EUR 834 miljun minn awditi tal-UE. 97% tal-korrezzjonijiet finanzjarji maqbula/deċiżi għal programmmi taħt il-Politika ta' Koeżjoni inġenerali diġà ġew implimentati sa tmiem l-2010 (permezz ta' ordnijiet ta' rkupru jew irtirar min-naħa ta' Stati Membri minn talbiet għal pagamenti sussegwenti).

Mill-2009, in-noti tal-kontijiet annwali tal-Unjoni Ewropea fihom aktar informazzjoni estensiva dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji deċiżi mill-Kummissjoni u li ġew implimentati matul is-sena, u anke fuq l-irkupri. Din l-informazzjoni ser tiġi estiża għall-kontijiet tal-2010.

4.2.4. Il-valutazzjoni ta' sistemi ta' kontroll fl-Istati Membri

Għall-ewwel darba, ir-RAA tal-2010 żvelaw il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tas-sistema ta' kontroll ta' kull Stat Membru b'kunsiderazzjoni tad-diversi livelli ta' assigurazzjoni għal kull programm f'kull wieħed mill-Istati Membri. L-għadd ta' Stati Membri li l-valutazzjoni tagħhom irriżultat f'riżerva varja minn qasam ta' politika għall-oħra: 12-il Stat Membru u kif ukoll diversi programmi transkonfinali għall-Politika dwar l-għajnuna reġjonali, meta mqabbel ma' 10 Stati Membri għall-Politika dwar l-Impjiegi, 4 Stati Membri għall-Politika tas-Sajd u 3 Stati Membri għall-Agrikoltura. Qiegħda tingħata wkoll informazzjoni dwar kif il-valutazzjoni tas-sistemi ta' kontroll twassal biex id-Diretturi Ġenerali jikkwantifikaw l-ammont totali fir-riżerva.

4.3. Iż-żieda tal-valur għad-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi responsabbli

L-2010 kienet l-ewwel sena fejn is-sistema ta' awditu uniku fil-Politika ta' Koeżjoni għall-perjodu ta' pprogrammar ta' bejn l-2007 u l-2013 ġiet implimentata bis-sħiħ. Fir-rigward tas-sistemi l-ġodda kollha, kien hemm xi problemi fil-bidu f'dak li għandu x’jaqsam mal-affidabbiltà tal-informazzjoni li tressqet mill-awtoritajiet tal-awditjar fl-Istati Membri. Ir-rapport ta' kontroll annwali li tressaq fi tmiem l-2010 kopra r-riżultati tal-awdtiti li saru matul il-perjodu ta' 12-il xahar ta' qabel li ntemm fit-30 ta' Ġunju tal-2010. Mill-460 opinjoni mill-awditi nazzjonali li kellhom jidħlu, 14 minnhom kienu jinkudu dikjarazzjoni ta' ċaħda ta' responsabbiltà (fl-2009 kienu 207), 265 kienu mingħajr kwalifika (fl-2009 kienu 108), 175 kienu bi kwalifika (fl-2009 kienu 93) u 5 kienu avversi (fl-2009 kienu 2)[18], u opinjoni waħda ma waslitx. Il-Kummissjoni għamlet analiżi bir-reqqa tal-opinjonijiet tal-awdtijar li ġew irrapportati u fejn xieraq żiedet il-valutazzjonijiet tagħha. Fis-snin li ġejjin, il-partijiet kollha ser ikunu kisbu aktar esperjenza, u l-affidabbiltà tar-rati ta' żbajli li jiġu rrapportati hija mistennija titjieb.

Iż-żieda fir-responsabbiltà tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' fondi taħt ġestjoni kondiviża ġiet proposta wkoll fir-reviżjoni triennali tar-Regolament Finanzjarju, li tintroduċi rekwiżit li l-entitajiet kollha fdati bil-ġestjoni kondiviża[19] ta' fondi tal-UE jipprovdu dikjarazzjonijiet ta' assigurazzjoni.

F'dak li jikkonċerna l-Politika Agrikola u ta' Żvilupp Rurali, it-82 aġenzija ta' pagament pprovdew dikjarazzjoni tal-assigurazzjoni annwali li tkopri l-kompletezza, ir-reqqa u l-veraċità tal-kontijiet u kif ukoll dikjarazzjoni li hemm fis-seħħ sistema li tipprovdi assigurazzjoni raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti. Barra minn hekk, dawk l-Istati Membri b'aktar minn aġenzija tal-pagamenti waħda (għajr ir-Rumanija) pprovdew sommarju annwali skont ir-rekwiżiti legali. Il-limitu tal-kwalifiki ta' dawn id-dikjarazzjoni u s-sommarji huwa ppreżentat fir-RAA relatat u mhuwiex element totalment kostitwenti.

Il-Kummissjoni bdiet evalwazzjoni esterna tas-sommarji annwali tal-Istati Membri, li dan l-aħħar tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet l-oħrajn. Dan l-istudju jikkonkludi li s-sommarju annwali fis-sura attwali tiegħu ftit li xejn ipprovda valur miżjud.

Il-Kummissjoni ser tkompli torganizza laqgħat annwali bħal-laqgħat annwali tal-'Grupp tal-Omologi'[20] u laqgħat bilaterali dwar il-koordinazzjoni tal-kontroll u laqgħat annwali tal-maniġment, u kif ukoll miżuri ta' taħriġ. Sabiex issaħħaħ iżjed ir-responsabbiltà tal-Istati Membri skont l-Artikolu 317 tat-TFUE, fir-rapport tagħha għar-reviżjoni triennali tar-Regolament Finanzjarju l-Kummissjoni inkludiet ir-rekwiżit għall-entitajiet responsabbli akkreditati fl-Istati Membri biex jipprovdu dikjarazzjonijiet annwali ta' ġestjoni li jkopru l-fondi kollha fil-ġestjoni kondiviża.

Għalkemm mhuwiex rekwiżit legali formali, erba'[21] Stati Membri ħarġu wkoll dikjarazzjonijiet nazzjonali maħruġa f'livell nazzjonali għoli. Dawn huma siewja sabiex l-istrutturi ta' kontroll u responsabbiltà jkunu aktar trasparenti. Huma mhumiex maħsuba biex jipprovdu informazzjoni aktar minn dik li tiġi inkluża fir-rapporti eżistenti.

4.4. Is-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv

Il-kumplessità tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu liema kostijiet huma eliġibbli għal finanzjament, fosthom ir-rekwiżit tar-rimbors tal-kostijiet reali mġarrba, kienet raġuni li ta' sikwit intużat mill-AODs fir-riżervi li għamlu. Fil-fatt din kienet il-kawża ta' riżervi mtennija fil-Kapitolu dwar 'ir-Riċerka, l-Enerġija u t-Trasport' għal diversi snin, u affettwat xi oqsma ta' nefqa fil-Kapitoli dwar 'il-Politika ta' Koeżjoni' u 'l-Edukazzjoni u ċ-Ċittadinanza'.

4.4.1. Ir-Reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju u l-Modalitajiet ta' Eżekuzzjoni tiegħu

Fl-2010 l-Kummissjoni użat reviżjoni triennali tar-Regolament Finanzjarju biex tadatta r-regoli finanzjarji. Hija kellha tliet għanijiet: is-simplifikazzjoni tar-regoli, speċjalment fil-ġestjoni tal-għotjiet billi jiġi permess l-użu estiż ta' somom f’daqqa, rati fissi u skali ta' kostijiet ta' unità; it-tisħiħ tal-influwenza tal-UE permezz tal-fondi tagħha permezz tal-użu ta' fondi fiduċjarji tal-UE, strumenti finanzjarji u sħubijiet bejn l-oqsma pubbliċi u privati u l-konsolidament tar-responsabbiltà tal-Kummissjoni u tal-imsieħba implimentattivi permezz tal-armonizzazzjoni tal-modi kurrenti ta' ġestjoni u t-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet tagħhom.

Il-pass li jmiss huwa li din l-opportunità tintuża biex isir tibdil fuq linji simili fil-leġiżlazzjoni settorjali. Twaqqaf grupp bejn is-servizzi differenti b'mandat li jiżgura l-koerenza bejn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju u tal-leġiżlazzjoni settorjali. Ir-riżultat aħħari ta' dan l-eżerċizzju għandu jissodisfa tliet kriterji: a) jitnaqqas ir-riskju ta' żbalji, b) jitnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq il-benefiċjarji (partikolarment l-SMEs) u partijiet interessati oħrajn (bħall-korpi ta' implimentazzjoni u l-kuntratturi), u c) jitnaqqas il-kost operattiv tal-kontrolli.

Il-Kummissjoni qiegħda tappella lill-istituzzjonijiet l-oħrajn biex jagħtu reazzjoni pożittiva għall-proposta tagħha dwar ir-reviżjoni triennali tar-Regolament Finanzjarju.

4.4.2. Ir-regoli dwar l-għotjiet u l-akkwist pubbliku

L-iżbalji fl-applikazzjoni tal-liġijiet li jirregolaw l-akkwist pubbliku huma kawża importanti tal-iżbalji sottostanti fil-Kapitolu dwar il-'Koeżjoni'. Il-Kummissjoni ppreżentat Green Paper[22] dwar l-aġġornament tar-regoli tal-UE li jirregolaw l-akkwist pubbliku bil-għan li jiġi żgurat li l-flus tal-kuntratt jintefqu bl-aħjar mod possibbli.

Flimkien mar-riżultati tal-evalwazzjoni ekonomika tal-effikaċja tar-regoli kurrenti, ir-riżultati tall-konsultazzjoni tal-Green Paper ser jagħtu kontribut għar-riflessjoni dwar il-mod eżatt ta' kif ir-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku jkunu jistgħu jittejbu. Tħabbret proposta leġiżlattiva fl-Att dwar is-Suq Uniku għal tmiem l-2011.

Il-politika reġjonali intlaqtet b'mod partikolari minn irregolaritajiet marbuta mal-implimentazzjoni inkorretta ta' ċerti regoli tal-akkwist pubbliku, u kif ukoll minn dgħufijiet fil-verifiki tal-maniġment sabiex jinqabdu dawn l-irregolaritajiet. Huwa mistenni li jittieħdu azzjonijiet biex tiġi indirizzata din l-għajn partikolari ta' żbalji, partikolarment permezz ta' analiżi fil-fond u diskussjonijiet sussegwenti mal-awtoritajiet amministrattivi kkonċernati fl-Istati Membri kkonċernati. Huma previst li l-awtoritajiet pubbliċi u l-benefiċjarji jingħataw gwida u taħriġ aktar immirati sabiex il-kapaċità amministrattiva tissaħħaħ kulfejn huwa meħtieġ.

4.5. L-Istrateġija Korporattiva għal Sistemi ta' Informazzjoni Amministrattiva

Il-ħidma ta' awditjar li saret f'dawn l-aħħar snin mis-Servizz tal-Awditjar Intern fuq sistemi kbar tal-IT u fuq sistemi korporattivi tal-IT ikkonfermaw il-ħtieġa li jitjieb it-teħid ta' deċiżjonijiet strateġiċi fil-qasam tal-IT, u biex jitjiebu wkoll il-proċessi ta' akkwisti u ta' ġestjoni ta' proġetti kemm fil-livell tad-Direttorati Ġenerali u kif ukoll fil-livell tal-Kummissjoni, sabiex jiġi żgurat li l-proġetti tal-IT jikkonverġu mal-għanijiet tal-Kummissjoni, ikunu kkoordinati aħjar, jipprovdu valur aħjar għall-flus filwaqt li l-implimentazzjoni tagħhom tkun ta' suċċess u ssir f'waqtha.

Fl-2010, twaqqfet Task Force bejn servizzi differenti b'mandat li teżamina s-sitwazzjoni kurrenti tal-IT fil-Kummissjoni. Ir-riżultati li waslet għalihom ġew approvati f'Komunikazzjoni tal-Kummissjoni[23]. Bħala segwitu, ġiet stabbilita governanza ġdida f'dak li jikkonċerna l-IT. Il-Kumitat ta' Tmexxija ABM+IT il-ġdid[24] ser jipproponi strateġija korporattivi tal-IT għall-Kummissjoni, jissorvelja s-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni ta' proġetti tal-IT u jistabbilixxi miri għal titjib fl-effiċjenza u sigurtà fl-IT.

Biex titjieb it-tħejjija u tkun tista' tinkiseb tweġiba aktar ikkoordinata għal attakki ċibernetiċi fuq il-Kummissjoni, id-Direttorat Ġenerali għar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà, f'kooperazzjoni mad-Direttorat Ġenerali għall-Informatika, waqqaf Tim ta' Reazzjoni għal Attakki Ċibernetiċi (CART).

4.6. Ir-riżorsi umani

Il-Kummissjoni ilha mill-2008 tagħmel monitoraġġ regolari tar-reklutaġġ permezz tal-ħolqien ta' miri skont id-Direttorati Ġenerali u skont il-gruppi ta' funzjoni. Dan għamlitu wkoll permezz tal-approvazzjoni ta' sistema ta' monitoraġġ bil-għan tar-riaġġustament tal-bilanċ ġeografiku wara t-tkabbir tal-2004 u kif ukoll li tikseb distribuzzjoni bbilanċjata madwar is-servizz differenti. Il-perjodu tranżitorju għar-reklutaġġ ta' ċittadini mill-UE-10 għalaq fil-31 ta' Diċembru tal-2010. Il-mira għar-reklutaġġ mill-UE-10 diġà nqabżet globalment fl-2008, għalkemm għad fadal proporzjoni relattivament għoli ta' aġenti temporanji. Fl-2010 is-sehem ta' aġenti temporanji naqas b'mod kostanti bħala effett tar-reklutaġġ ta' lawreati ta' kompetizzjonijiet interni u miftuħin li bħala mira kellhom ir-reklutaġġ ta' ċittadini mill-UE-10. B'analoġija mal-UE-10, ġew stabbiliti miri ta' reklutaġġ għall-UE-2 filwaqt li fl-2009 ġiet introdotta sistema ta' monitoraġġ, li baqgħet għaddejja sa tmiem il-perjodu tranżitorju għall-UE-2 (tmiem l-2011).

F'ambjent fejn mhuwiex qiegħed isir tkabbir, il-prijoritajiet politiċi ġodda għandhom jinkisbu permezz tal-aħjar allokazzjoni ta' persunal u permezz tat-trasferiment intern ta' postijiet. B'riżultat ta' miżuri mmirati f'dawn l-oqsma, ir-rapport dwar 'analiżi analitika' tal-2009 u l-aġġornamenti fl-2010 wrew tnaqqis regolari fis-sehem mill-persunal tal-Kummissjoni li jaħdmu f'funzjonijiet amministrattivi u ta' appoġġ.

Il-Kummissjoni ttenni l-impenn tagħha li tnaqqas l-ispejjeż ġenerali u tirrialloka t-tfaddil lejn attivitajiet ewlenin.

Sommarju eżekuttiv

– Il-Kummissjoni tinnota li l-Uffiċjali Awtorizzati b'Delega rnexxielhom jikkoreġu d-dgħufijiet f'25% mir-riżervi li ġew ifformulati s-sena li għaddiet. Dan it-titjib jinkludi titjib fil-konformità mar-regoli tal-elġibbiltà għal nefqa ddikjarata mill-benefiċjarji ta' għotjiet.

– Għad hemm lok għal titjib f'ċerti oqsma, b'mod partikolari f'oqsma ta' ġestjoni kondiviża. Il-Kummissjoni ser taħdem mal-Istati Membri fid-dawl tar-responsabbiltajiet ġodda li ngħataw skont l-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Hija tistedinhom jissuktaw bit-tisħiħ tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll u speċjalment il-kontrolli tal-ġestjoni fl-ewwel livell, qabel ma n-nefqa tiġi ċċertifikata lill-Kummissjoni. Hija ser tkompli teżerċita ir-rwol superviżorju tagħha b'mod rigoruż billi titlob lill-Istati Membri jindirizzaw l-aktar punti dgħajfa fis-sistemi ta' ġestjoni u kontroll tagħhom, u billi tapplika twaqqif u sospensjonijiet ta' pagamenti b'mod sistematiku u f'waqtu, u korrezzjonijiet finanzjarji kull fejn meħtieġ. Il-Kummissjoni ssejjaħ lill-istituzzjonijiet l-oħrajn biex jappoġġjaw il-proposta tagħha dwar id-dikjarazzjonijiet annwali ta' ġestjoni għan-nefqa kollha taħt ġestjoni indiretta/kondiviża fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju, u ssejjaħ lill-Istati Membri biex jantiċipaw id-dħul fis-seħħ ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

– Il-Kummissjoni tirrikonoxxi d-diffikultajiet li nħolqu minn regoli kumplessi għall-benefiċjarji ta' għotjiet. Hi diġà ressqet proposti biex tissimplifika r-regoli għall-iskemi ta' għotjiet fil-kuntest tar-reviżjoni triennali tar-Regolament Finanzjarju, u issa qiegħda taħdem biex dawn is-simplifikazzjonijiet jiġu estiżi għal-leġiżlazzjoni settorjali.

– Ir-regoli tal-akkwist pubbliku fl-UE għandhom jiġu mmodernizzati. Ġiet ippreżentata Green Paper[25] dwar l-aġġornament tar-regoli tal-UE li jirregolaw l-akkwist pubbliku li tkopri firxa wiesgħa ta' aspetti possibbli tar-riforma leġiżlattiva li ser issir fil-ġejjieni. Il-Kummissjoni ħabbret l-adozzjoni ta' proposta leġiżlattiva għar-reviżjoni tad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku fi tmien l-2011.

– Il-Kummissjoni qiegħda tistieden lill-istituzzjonijiet l-oħra u lill-Istati Membri biex jagħmlu użu mid-diskussjonijiet dwar il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss biex itejbu t-tfassil tal-iskemi ta' finanzjament, kif ukoll it-twettiq tagħhom, il-mekkaniżmi ta' ġestjoni u kontroll, sabiex itejbu l-effikaċja tagħhom u jiżguraw li l-kontroll tan-nefqa tal-UE jkun wieħed effiċjenti, proporzjonat u kosteffikaċji.

– Il-Kummissjoni tinnota li għall-Politika ta' Koeżjoni, bosta programmi u awtoritajiet implimentaw proġetti fuq il-post u ddikjaraw in-nefqa. Għalkemm il-programmi ta' Koeżjoni huma ta' natura multiannwali, din iż-żieda fil-volum ta' tranżazzjonijiet żiedet ukoll ir-riskju inerenti ta' żbalji fl-2010. Fir-rigward tal-politika ta' Koeżjoni inġenerali, din is-sena ta' rappurtar xehdet żieda sinfikanti fir-rata ta' żbalji u fil-volum ta' pagamenti bi żball. Ir-riżervi li saru mid-Direttorati Ġenerali għall-Politika Ġenerali fl-2010 jkopru għadd akbar ta' programmi operazzjonali f'għadd akbar ta' Stati Membri milli fi snin preċedenti. Dwar l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, ir-riżervi li saru jikkonċernaw għadd anqas ta' programmi operazzjonali milli kien il-każ fl-2009 iżda jikkonċernaw għadd akbar ta' Stati Membri (43 programm f'riżerva fl-2010 għall-perjodi ta' programmar 2000-2006 u 2007-2013 f'10 Stati Membri, meta mqabbel ma' 59 programmi f'7 Stati Membri fl-2009). Barra minn hekk, fl-2010 d-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni serrħu fuq ir-rati ta' żbalji li ġew irrapportati mill-awtoritajiet tal-awditjar fl-Istat Membri kull meta dawn iċ-ċifri tqiesu ta' kwalità xierqa. Din id-differenza fl-approċċ hija parti mill-ispjegazzjoni tad-differenza fir-rati rraportati mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

– Il-Kummissjoni tilqa' l-inizjattiva li ttieħdet fid-Danimarka, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fl-Isvezja u fir-Renju Unit biex jinħarġu dikjarazzjonijiet nazzjonali fuq bażi volontarja. Fl-2010, il-Kummissjoni ħarġet dokument ta' ħidma tal-persunal[26] li jeżamina fid-dettal l-ambitu u l-kontenut ta' dikjarazzjoni nazzjonali volontarji. Fl-istess dokument, il-Kummissjoni pprovdiet gwida teknika għall-awtoritajiet pubbliċi dwar iż-żieda tal-valur tad-dikjarazzjonijiet u assigurazzjoni aħjar tal-eżekuzzjoni permezz ta' ġestjoni kondiviża. Id-dokument intbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fit-23 ta' Frar tal-2011. Il-gwida tikkonkludi wkoll li, madanakollu, il-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament Finanzjarji għal dikjarazzjonijiet amministrattivi annwali ffirmati mill-korpi akkreditati, tkun tikkostitwixxi l-ewwel pass aktar prattiku u utli. Dan huwa kkonsolidat mill-evalwazzjoni esterna li saret ftit ta' żmien ilu dwar is-sommarji annwali li tikkonkludi li dawn id-dokumenti, fis-sura attwali tagħhom, ftit li xejn jipprovdu valur miżjud għall-proċess ta' assigurazzjoni tal-Kummissjoni

[1]    ĠU C 303, 9.11.2010, taqsimiet 1.27-1.31.

[2]    L-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

[3]    L-Artikolu 60 tar-Regolament Finanzjarju.

[4]    Id-Deċiżjoni tat-Twaaqif tas-SEAE tressqet lill-Kunsill fit-22 ta' April. Sussegwentement din involviet emendi fuq ir-Regolament Finanzjarju u fuq ir-Regolament tal-Persunal u l-adozzjoni ta' baġit emendatorju.

[5]    Regolament (KE) Nru 1081/2010/44/ tal-24 ta' Novembru tal-2010.

[6]    Il-President elett ħabbar id-deċiżjonijiet dwar il-portafolli fis-27 ta' Novembru tal-2009.

[7]    Iċ-Ċirkolari SEC(2002) 657 ġiet issostitwita minn SEC(2010) 13333, taqsima 3 'Tibdil ta' Diretturi Ġenerali/Kapijiet ta' Servizz/ AOD u trasferimen/qsim ta' attivitajiet bejn servizzi'.

[8]    Id-Diretturi Ġenerali għar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà u d-Direttur tal-Uffiċċju Ewropew għall-Għażla tal-Persunal ma indikawx dan fir-RAA tagħhom iżda kkonfermawh f'nota indirizzata lis-Servizzi Ċentrali.

[9]    Marka 'A' tfisser li d-dikjarazzjoni u r-RAA tad-Direttur Ġenerali jagħtu valutazzjoni ġusta tal-ġestjoni finanzjarja fir-rigward tar-regolarità, 'B' tfisser li d-dikjarazzjoni u r-RAA tad-Direttur Ġenerali jagħtu valutazzjoni parzjalment ġusta tal-ġestjoni finanzjarja fir-rigward tar-regolarità, 'C' tkun tfisser li dd-dikjarazzjoni u r-RAA tad-Direttur Ġenerali ma jagħtux valutazzjoni ġusta tal-ġestjoni finanzjarja fir-rigward tar-regolarità (ĠU C 303, 9.11.2010, p. 88.).

[10]   Dan l-għadd jinkludi aġġustament li jirrefletti l-ħolqien tad-Direttorati Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport u għall-Enerġija. Is-sena li għaddiet, ir-riżerva li saret  mid-Direttorat Ġenerali għat-Trasport u l-Enerġija kienet tgħodd biss għal riżerva waħda fir-Rapport ta' Sinteżi għall-2009.

[11]   Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri - Impatt tal-pjan ta' azzjoni biex jissaħħaħ ir-rwol ta' sorveljanza tal-Kummissjoni b'ġestjoni kondiviża tal-azzjonijiet strutturali’ - COM(2010)52, 18.2.2010.

[12]   L-hekk imsejħa 'rati fissi għal korrezzjonijiet finanzjarji'

[13]   Ir-rata multiannwali ta' żbalji residwali hija l-impatt reali tal-iżbalji fuq il-baġit tal-UE b'kunsiderazzjoni għall-korrezzjonijiet u l-irkupri, fosthom dawk li jsiru fis-snin ta' wara.

[14]   C(2001) 174 finali, 24.1.2001, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Jannar tal-2011 dwar tliet miżuri għas-simplifikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 970/2006/Euratom u d-Deċiżjonijiet ta' emenda C(2007) 1509 u C(2007) 1625.

[15]   COM(2010) 187, 29.4.2010.

[16]   COM(2010) 261, 26.5.2010.

[17]   COM(2010)815, l-Artikolu 63(2).

[18]   Kien hemm ukoll erba' każijiet 'mhux applikabbli', fejn il-valutazzjoni tal-konformità kienet għadha ma ġietx approvata.

[19]   In-nefqa permezz ta' ġestjoni kondiviża tikkonċerna l-aktar dik in-nefqa strutturali u agrikola.

[20]   Il-grupp ta' kuntatt mal-Awtoritajiet tal-Awditjar mill-Istati Membri, mill-Kummissjoni, u mill-Qorti tal-Awdituri.

[21]   Id-dikjarazzjonijiet nazzjonali (governattivi) ġew iffirmati mill-Ministri tal-Finanzi tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Isvezja rispettivament; is-Segretarju Permanenti tar-Renju Unit; u l-Awditur Ġenerali tad-Danimarka.

[22]   Li tanalizza l-implimentazzjoni tad-direttivi kurrenti tal-UE (2004/18/KE and 2004/17/KE).

[23]   SEC(2010) 1182, 7.10.2010, 'L-Aħjar Użu tal-IT fil-Kummissjoni'.

[24]   Grupp ta' Tmexxija dwar il-Ġestjoni Bbażata fuq l-Attività għall-IT, ippresedut mis-Segretarju Ġenerali.

[25]   Il-Green Paper dwar il-modernizzazzjoni futura tad-Direttivi tal-UE dwar l-akkwist pubbliku (2004/18/KE u 2004/17/KE).

[26]   Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, 'Iż-żieda fil-valur tad-Dikjarazzjonijiet: Iż-żieda tal-assigurazzjoni fl-eżekuzzjoni permezz ta' ġestjoni kondiviża’ - SEC(2011) 250, 23.2.2011.