RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar l-impmentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Istorbju Ambjentali skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2002/49/KE RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar l-impmentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Istorbju Ambjentali skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2002/49/KE /* KUMM/2011/0321 finali - */
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar l-impmentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Istorbju Ambjentali skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2002/49/KE INTRODUZZJONI Fil-25 ta’ Ġunju 2002 ġiet adottata d-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes [storbju] ambjentali (minn issa 'il quddiem, id-Direttiva dwar l-Istorbju Ambjentali, END). Dan kien pass 'il quddiem fl-iżvilupp tal-politika tal-UE dwar l-istorbju. L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tiddeffinixxi “ resqien komuni intiż biex jevita, jipprevjeni jew inaqqas fuq bażi prioritizzata tal-effetti ta' ħsara, inkluż id-dwejjaq, minħabba l-espożizzjoni [esponiment] lejn [għal] ħsejjes [storbju] ambjentali ”. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, id-Direttiva teħtieġ li l-Istati Membri jwettqu għadd ta’ azzjonijiet, b’mod partikolari li: 1. Jiġi ddeterminat l-esponiment għall-istorbju ambjentali permezz ta’ mmappjar tal-istorbju, 2. Jiġu adottati pjanijiet ta’ azzjoni bbażati fuq ir-riżultati tal-immappjar tal-istorbju, u 3. Jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar l-istorbju ambjentali tkun disponibbli għall-pubbliku. Id-Direttiva tipprovdi wkoll bażi għall-iżvilupp ulterjuri tal-miżuri tal-UE biex jitnaqqas l-istorbju emess minn sorsi differenti. Dan ir-rapport ta’ implimentazzjoni huwa mħejji skont l-Artikolu 11 tal-END li jesiġi li l-Kummissjoni tivvaluta, b’mod partikolari[1]: - il-ħtieġa ta’ azzjonijiet ulterjuri tal-UE fir-rigward tal-istorbju ambjentali (Artikolu 11.2) u - l-analiżi tal-kwalità tal-ambjent akustiku fl-UE bbażata fuq id-dejta rrappurtata mill-Istati Membri (Artikolu 11.3). Bħala tħejjija għal dan ir-rapport, il-Kummissjoni rċeviet kontribuzzjoni mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (European Environment Agency, EEA)[2] u wettqet għadd ta’ studji ta’ appoġġ[3] fejn tista’ tinstab informazzjoni addizzjonali. L-ISTORBJU AMBJENTALI U L-IMPATTI TIEGħU L-Istorbju ambjentali hija problema ambjentali sinifikanti madwar l-UE. Qed tkun dejjem iktar disponibbli informazzjoni dwar l-impatti tal-istorbju fuq is-saħħa. Pereżempju, l-aħħar pubblikazzjoni[4] tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni turi li l-istorbju relatat mat-traffiku jista’ jammonta għal madwar (1) miljun sena ta' saħħa tajba mitlufa kull sena fl-Istati Membri tal-UE u f’pajjiżi oħra tal-Ewropa tal-Punent. Flimkien ma’ dan, il-Linjigwida dwar l-Istorbju tal-UE[5] tal-WHO jirrikonoxxu l-effetti tal-istorbju ambjentali, inkluż il-fastidju, bħala problema serja għas-saħħa. Il-Linjigwida dwar l-Istorbju bil-Lejl għall-Ewropa tal-WHO[6] jipproponu valur gwida għal-livelli matul il-lejl li jinżlu sa 40 deċibel (dB, Lnight). Minbarra dan, bejn l-2009 u l-2011, l-UE ffinanzjat azzjoni kbira ta’ koordinazzjoni li nvolviet 33 istitut parteċipant mill-Ewropa[7]. Studji reċenti[8] jindikaw li l-istorbju ambjentali huwa riskju ambjentali importanti li jhedded is-saħħa pubblika u li l-esponiment għall-istorbju fl-Ewropa jippreżenta xejra li qiegħda dejjem tikber meta mqabbla ma' fatturi ta’ stress oħra. L-urbanizzazzjoni, id-domanda dejjem akbar għat-trasport motorizzat u l-ippjanar urban ineffiċjenti huma l-elementi ewlenin li jikkontribwixxu lejn l-esponiment għall-istorbju ambjentali. Minbarra dan, it-tniġġis mill-istorbju ta’ spiss huwa marbut ma’ żoni urbani fejn il-kwalità tal-arja wkoll tista’ tkun problema. It-tniġġis mill-istorbju jista' jagħti fastidju, jiddisturba l-irqad, jaffettwa l-funzjonament konjittiv tat-tfal tal-iskola, jikkaġuna reazzjonijiet ta’ stress fiżjoloġiku kif ukoll problemi kardjovaskulari f’suġġetti esposti b’mod kroniku għall-istorbju[9]. L-istress jista’ jiskatta l-produzzjoni ta’ ċerti ormoni li jistgħu jwasslu għal varjetà ta' effetti intermedji, inkluża żieda fil-pressjoni tad-demm. Fuq perjodu mtawwal ta’ esponiment, dawn l-effetti jistgħu, min-naħa tagħhom, iżidu r-riskju ta’ mard kardjovaskulari u diżordni psikjatriku. Il-WHO pproponiet bosta livelli ta’ limitu5, 6 li jvarjaw bejn 32 (LAmax[10] inside) għal 42 (Lnight, outside) dB li jindirizzw dawn l-effetti negattivi għas-saħħa. Il-konsegwenzi ekonomiċi tat-tniġġis mill-istorbju jinkludu l-iżvalutazzjoni tal-prezzijiet tad-djar, telf fil-produttività minn impatti relatati mas-saħħa u impatti distributtivi. L-ispejjeż ambjentali relatati mal-mewt qabel iż-żmien jew morbożità (konċentrazzjoni fqira, għeja, problemi ta' smigħ). L-ispejjeż soċjali tal-istorbju mit-traffiku, mill-ferroviji u mit-toroq madwar l-UE dan l-aħħar ġie stmat li jammontaw għal EUR 40 biljun fis-sena, li 90 % minnhom huma relatati mal-karozzi tal-passiġġieri u l-vetturi tal-oġġetti. Dan jammonta għal madwar 0.4 % tal-total tal-PDG tal-UE[11] inkluż l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa. Skont il-White Paper tal-Kummissjoni dwar it-Trasport tal-2011, l-ispejjeż esterni marbuta mal-istorbju jistgħu jitilgħu sa madwar EUR 20 biljun sal-2050 sakemm ma tittieħidx azzjoni ulterjuri. IT-TRASPOżIZZJONI LEGALI L-END kellha tiġi trasposta sat-18 ta’ Lulju 2004. Il-Kummissjoni rreġistrat każijiet ta’ nuqqas ta' komunikazzjoni għal 14-il Stat Membru tal-UE[12]. Fl-Istati Membri l-oħra kollha, l-END ġiet trasposta, sal-iskadenza, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Sa Ottubru 2007, ġew magħluqa l-każijiet kollha ta’ nuqqas ta' komunikazzjoni. Il-kwalità globali tat-traspożizzjoni legali kienet sodisfaċenti. S’issa, il-Kummissjoni iddentifikat żewġ Stati Membri[13] li kellhom nuqqasijiet fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-artikoli 4, 5, 6, 7 u 8. Madankollu, validazzjoni tal-valutazzjoni tan-nuqqas ta' konformità għadha pendenti. F’każ li jiġu kkonfermati dawn is-sejbiet inizjali, il-Kummissjoni se tagħmel segwitu kif xieraq. IMPLIMENTAZZJONI TAD-DIRETTIVA L-Istati Membri għandhom għadd ta’ obbligi fl-ambitu tal-END u għandhom jirrappurtaw ċertu informazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea. L-iskadenzi għal kull waħda mir-rekwiżiti jwasslu għal ċiklu ambizzjuż ta’ implimentazzjoni perjodika u rappurtar (ara t-tabella 1 hawn taħt). Skadenza tal-implimentazzjoni | Ħruġ | Referenza | Aġġornamenti | 30 ta' Ġunju 2005 | Informazzjoni dwar it-toroq, linji ferrovjarji, ajruporti u agglomerazzjonijiet ewlenin skont il-limiti aktar għolja, innominati mill-Istati Membri u li huma kkonċernati mill-ewwel (1) rawnd ta' mmappjar | Art. 7-1 | Mandatorji kull 5 snin | 18 ta' Lulju 2005 | L-istabbiliment ta’ korpi kompetenti għal mapep strateġiċi tal-istorbju, pjanijiet ta' azzjoni u ġbir ta' dejta | Art. 4-2 | Possibbli fi kwalunkwe ħin | 18 ta' Lulju 2005 | Valuri ta’ limitu għall-istorbju li huma fis-seħħ jew ippjanati kif ukoll informazzjoni assoċjata | Art. 5-4 | Possibbli fi kwalunkwe ħin | 30 ta' Ġunju 2007 | Mapep strateġiċi tal-istorbju għal toroq, linji ferrovjarji, ajruporti u agglomerazzjonijiet ewlenin skont il-limiti aktar għolja | Art. 7-1 | 18 ta' Lulju 2008 | Pjanijiet ta’ azzjoni għal toroq, linji ferrovjarji, ajruporti u agglomerazzjonijiet ewlenin | Art. 8-1 | Mandatorji kull 5 snin | 31 'ta Diċembru 2008 | Informazzjoni dwar it-toroq, linji ferrovjarji, ajruporti u agglomerazzjonijiet ewlenin skont il-limiti aktar baxxi, innominati mill-Istati Membri u li huma kkonċernati mit-tieni (2) rawnd ta' mmappjar | Art. 7-2 | Possibbli fi kwalunkwe ħin | 30 ta’ Ġunju 2012 | Mapep strateġiċi tal-istorbju għal toroq, linji ferrovjarji, ajruporti ewlenin u agglomerazzjonijiet skont il-limiti aktar baxxi | Art. 7-2 | Mandatorji kull 5 snin | In-nomina ta’ korpi amministrattivi Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrappurtaw lill-Kummissjoni fil-ħin u l-Istati Membri kollha allokaw kompetenzi għall-implimentazzjoni tal-END lill-korpi amministrattivi rilevanti. L-ambitu trasversali tal-END wassal għall-parteċipazzjoni ta’ bosta aġenziji differenti tal-gvern kif ukoll entitajiet privati għall-ġestjoni tal-infrastruttura f’uħud mill-Istati Membri. Bosta Stati Membri rrappurtaw problemi assoċjati mal-koordinazzjoni tal-korpi involuti, kemm fl-istadji bikrija tal-ġbir tad-dejta kif ukoll fl-istadji sussegwenti ta’ppjanjar tal-azzjoni u tal-implementazzjoni. Indikaturi tal-istorbju u valuri ta' limitu L-Artikolu 5 tal-END introduċa indikaturi tal-istorbju għall-irrappurtar iżda ma jistabbilixxi l-ebda valur ta' limitu jew mira, għall-istorbju, li huma vinkolanti madwar l-UE kollha. L-Istati Membri kienu meħtieġa jirrappurtaw il-valuri nazzjonali ta’ limitu fis-seħħ jew li kienu qed jiġu mħejjija. L-Istati Membri adottaw firxa ta’ approċċi. Il-biċċa l-kbira[14] stabbilxxew valuri ta' limitu fuq l-istorbju li huma legalment vinkolanti jew qiegħdin attwalment jirreveduhom[15]. Oħrajn[16] stabbilixxew valuri ta’ gwida. Il-mapep tal-istorbju żvelaw li l-valuri ta’ limitu tal-istorbju ta' spiss ġew issuperati mingħajr ma ġew implimentati miżuri suffiċjenti. Kien hemm xi evidenza li l-implimentazzjoni ta’ miżuri biex jiġi mrażżan l-istorbju jew biex jiġu protetti l-popolazzjonijiet esposti, f’xi pajjiżi, mhumiex marbuta mal-fatt jekk valur ikunx vinkolanti jew le. Kwistjoni oħra kienet il-firxa wiesgħa ta’ valuri ta' limitu, ta' intervent kif ukoll dawk ta' gwida. Meta stabbilixxew l-valuri ta’ limitu fuq l-istorbju, għadd limitat biss ta’ Stati Membri[17] indikaw speċifikament li kienu użaw valutazzjonijiet tal-aspetti tas-saħħa jew waslu għall-konklużjonijiet tagħhom permezz ta' valutazzjonijiet tal-istess tip imwettqa mill-WHO. Minħabba bażijiet, kunċetti u livelli ta’ differenzjazzjoni ta' spiss differenti, kien diffiċli li jinġabru fil-qosor u jiġu mqabbla livelli differenti fl-Istati Membri[18]. Valutazzjoni tal-istorbju B’mod ġenerali, l-isforzi tal-Istati Membri fuq l-irrappurtar wassal lill-Kummissjoni u l-EEA biex jipproduċu bażi ta’ informazzjoni li ma kienitx teżisti qabel fuq livell tal-UE. Madankollu, il-kwalità tar-rapporti u ż-żmien biex ġew ippreżentati varjaw b’mod konsiderevoli u fixxklu l-proċess ta’ valutazzjoni tal-konformità. L-END ma tispeċifikax id-dettalji għall-irappurtar tal-flussi differenti ta' dejta. Ġew iddefiniti biss r-rekwiziti tekniċi minimi (cf. anness VI tal-END). Bħala konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni u l-EEA żviluppaw Mekkaniżmu ta’ Rappurtar dwar l-END (ENDRM) [19] li ffaċilita u ssemplifika l-ġbir tad-dejta, il-kontroll tal-kwalità u l-valutazzjoni tal-konformità. Fl-2007, il-Kumitat dwar l-Istorbju ftiehem li juża l-ENDRM fuq bażi volontarja. Ir-rabta addizzjonali mar-'Reportnet'[20] tal-EEA, saħħaħ ulterjurment l-effikaċja tal-ENDRM. Agglomerazzjonijiet, toroq, linji ferrovjarji u ajruporti ewlenin Sal-2005, l-Istati Membri kienu meħtieġa li jinfurmaw il-Kummissjoni dwar toroq, linji ferrovjarji, ajruporti u agglomerazzjonijiet ewlenin u skont il-limiti aktar għolja[21] fit-territorji tagħhom. L-ewwel aġġornament kellu jsir sat-30 ta’ Ġunju 2008 mal-limiti aktar baxxi[22]. Kull ħames snin mill-2010 'il quddiem, l-Istati Membri kienu meħtieġa jaġġornaw il-lista għaż-żewġ limiti. L-esperjenza miksuba fil-proċess ta’ rappurtar wassal, b’mod progressiv, għal aktar rappurtar fil-ħin, komparabbli u li jista’ jiġi mmaniġġjat. Filwaqt li l-aħħar rapport minn Stat Membru għall-2005 kien kważi sentejn tard, fl-2010 id-dewmien tnaqqas għal ħames xhur. Fl-2010, 18 –il Stat Membru rrapporta fil-ħin, filwaqt li tmienja kienu tard. L-Italja biss għadha ma rrappurtatx. Mapep strateġiċi tal-istorbju L-Istati Membri kienu meħtieġa jħejju mapep strateġiċi tal-istorbju (Artikolu 7(1)) mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2007. Dawn ir-rekwiżti jerġgħu japplikaw fit-30 ta’ Ġunju 2012 u għal kull perjodu sussegwenti ta’ ħames snin. Tali mapep tal-istorbju għandhom isiru għat-toroq, linji ferrovjarji, ajurporti u agglomerazzjonijiet ewlenin kollha skont l-artikolu 7(1) kif iddentifikati fis-sena kalendarjia preċedenti (cf. 4.3.1) [23]. Il-mapep strateġiċi tal-istorbju għandhom jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti biex jiddentifikaw il-prijoritajiet għall-ippjanar ta' azzjoni u mill-Kummissjoni biex tivvaluta l-għadd ta' persuni esposti għall-istorbju. Tnax-il Stat Membru[24] pprovdew id-dejta mandatorja kollha għas-sorsi kollha, ħdax oħra[25] pprovdew dejta għas-sorsi kollha b’xi nuqqasijiet żgħar u tlieta[26] pprovdew dejta għal uħud mis-sorsi. Malta biss ma bagħtitx rapport lill-Kummissjoni (s'issa) u, f'dan il-każ, il-Kummissjoni varat proċedura ta' ksur. Il-valutazzjoni relatata mal-ewwel rawnd ta’ mmappjar tal-istorbju tindika li madwar 40 miljun persuna madwar l-UE huma esposti, matul il-lejl, għal storbju li jaqbeż il-50 dB minn toroq fi ħdan l-agglomerazzjonijiet (ara t-tabella 2). Aktar minn 25 miljun persuna huma esposti għal storbju fl-istess livell minn toroq ewlenin barra l-agglomerazzjonijiet. Dawn iċ-ċifri huma mistennija li jiġu riveduti 'il fuq hekk kif jintlaqgħu u/jew jiġu vvalutati aktar mapep tal-istorbju. Tabella 2: Sommarju tal-għadd totali ta’ persuni esposti għal storbju ambjentali bbażat fuq dejta ppreżentata mill-Istati Membri relatata mal-ewwel rawnd ta' mmappjar tal-istorbju Ambitu | Għadd ta’ persuni esposti għal livell ogħla minn Lden [27]> 55 dB [miljun] | Għadd ta’ persuni esposti għal livell ogħla minn Lnight > 50 dB [miljun] | Fi ħdan l-agglomerazzjonijiet (163 agglomerazzjoni fl-UE > 250 000 abitant) | It-toroq kollha | 55,8 | 40,1 | Il-linji ferrovjarji kollha | 6,3 | 4,5 | L-ajruporti kollha | 3,3 | 1,8 | Is-siti industrijali | 0,8 | 0,5 | Infrastrutturi ewlenin, barra l-agglomerazzjonijiet | It-toroq ewlenin | 34 | 25,4 | Il-linji ferrovjarji ewlenin | 5,4 | 4,5 | L-ajurporti ewlenin | 1 | 0,3 | Il-Kummissjoni qieset ukoll il-piż amministrattiv u l-ispejjeż meħtieġa biex jiġu prodotti mapep tal-istorbju. L-aktar kompiti impenjattivi kienu l-ġbir tad-dejta fuq sorsi tal-istorbju, it-topografija, il-bini fil-madwar u l-popolazzjoni. L-ispejjeż għall-immappjar tal-istorbju jvarjaw bejn EUR 0.33-1.16/abitant, b’medja ta' EUR 0.84/abitant[28]. Metodi armonizzati ta’ valutazzjoni għall-immappjar Skont l-Artikolu 6 tal-END, il-Kummissjoni ngħatalha mandat biex tistabbilixxi metodi komuni ta' valutazzjoni tal-istorbju għad-determinazzjoni tal-indikaturi tal-istorbju. Madankollu, id-Direttiva ma pprovdiet l-ebda skadenza jew skeda. Sakemm ikunu disponibbli metodi armonizzati, id-Direttiva tistabbilixxi metodi provviżjori li jistgħu jintużaw, iżda l-Istati Membri kellhom ukoll il-possibbiltà li jużaw il-metodi tagħhom stess. Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-livell ta' komparabilità tar-riżultati ġġenerati mill-metodi differenti. Il-valutazzjoni kkonkludiet li l-metodi nazzjonali ta' valutazzjoni jvarjaw mill-metodi provviżorji għal 13-il Stat Membru. Bħala riżultat ta’ dan, fl-2008 l-Kummissjoni bdiet l-iżvilupp ta' metodi armonizzati ta' valutazzjoni (CNOSSOS-EU) (cf. 0). Pjanijiet ta' azzjoni Skont l-Artikolu 8, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jfasslu pjanijiet ta’ azzjoni ddisinjati biex jimmaniġġjaw it-tniġġis mill-istorbju u l-effetti tiegħu, inkluż it-tnaqqis tal-istorbju, jekk meħtieġ. Il-miżuri fi ħdan il-pjanijiet kienu għad-diskrezzjoni tal-awtoritajiet kompetenti sakemm dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi tal-Anness V. S’issa, 20 Stat Membru ppreżentaw sommarji relatati mal-pjanijiet ta’ azzjoni. Ħames Stati Membri[29] pprovdew id-dejta meħtieġa mill-END fil-ħin[30]. Tmienja[31] ppreżentaw id-dejta b’dewmien ta' 6 xhur filwaqt li sebgħa[32] bagħtuhom aktar minn sena tard. Is-seba’ Stati Membri li ġejjin, s’issa, għadhom ma pprovdewx il-pjanijiet ta’ azzjonijiet: DK, FR, EL, HU, IT, MT u SI. L-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri kienet tvarja ħafna u d-dejta kienet imxerrda. Sussegwentement, l-analiżi komprensiva tal-pjanijiet ta' azzjoni kienet impenjattiva u għadha għaddejja. Żoni trankwilli Żoni trankwilli jagħtu kontribut siewi lis-saħħa pubblika, partikolarment għall-persuni li jgħixu f'żoni urbani storbjużi. Bħala parti mill-pjanijiet ta’ azzjoni, l-Istati Membri kienu meħtieġa jintroduċu miżuri speċifiċi u jfasslu pjanijiet ta’ azzjoni biex jipproteġu żoni trankwilli, li jinsabu f’agglomerazzjonijiet, miż-żieda fl-istorbju. Madankollu, l-istabbiliment ta' dawn iż-żoni, fil-biċċa l-kbira, tħalla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri mill-END. Il-konsegwenza ta’ din id-diskrezzjoni wasslet għal approċċi differenti madwar l-UE. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri nnominaw żoni trankwilli fl-agglomerazzjonijiet, ħafna minnhom għadhom ma għamlux dan għall-kampanja miftuħa. Informazzjoni pubblika, konsultazzjoni u ġestjoni tad-dejta Skont l-Artikoli 8 u 9, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pubbliku jkun ġie kkonsultat dwar il-pjanijiet ta' azzjoni u li l-pjanijiet ta' azzjoni kienu disponibbli għall-pubbliku u mxerrda skont id-Direttiva dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali[33]. Skont l-Artikolu 10, il-paragrafu 3, tad-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi bażi ta’ dejta tal-informazzjoni dwar il-mapep strateġiċi tal-istorbju sabiex tiġi ffaċilitata il-kumpilazzjoni tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 11 kif ukoll ħidma teknika oħra. Għal dan l-għan, ir-rapporti kollha ppreżentati mill-Istati Membri sa Diċembru 2010 kienu disponibbli pubblikament permezz tal-Kummissjoni[34]. L-użu tar-‘Reportnet’ tal-EEA wkoll ffaċilita l-ġestjoni tal-informazzjoni u naqqas il-ħin meħtieġ għall-valutazzjoni tar-rapporti. Minkejja li attwalment huma fuq bażi volontarja, madwar 80 % tar-rapporti tal-Istati Membri ġew ippubblikati fuq 'Reportnet'. Minbarra dan, l-EEA varat is-Servizz ta’ Osservazzjoni u Informazzjoni dwar l-Istorbju għall-Ewropa (Noise Observation and Information Service for Europe - N.O.I.S.E) [35] f’Ottubru 2009 għall-fini li jinforma lill-pubbliku dwar it-tniġġis mill-istorbju fl-Ewropa. AZZJONI POSSIBBLI FUQ MEDDA TA' żMIEN QASIRA U MEDJA L-END ippermettiet li jsir pass 'il quddiem fl-indirizzar tat-tniġġis mill-istorbju fuq livell tal-UE. Dan ir-rapport jiddentifika għadd ta’ kisbiet u sfidi pendenti fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Il-kisbiet mhux biss ġew rikonoxxuti mill-analiżi tal-Kummissjoni. F’evalwazzjoni, Eurocities[36] ikkonkludiet li d-Direttiva ġabet benefiċċji reali. L-ewwelnett, id-Direttiva introduċiet sistema ta’ ġestjoni tal-istorbju ambjentali fl-Istati Membri kollha. Uħud mill-Istati Membri diġà pprovdew tali sistema u kisbu esperjenza, filwaqt li oħrajn indirizzaw dawn il-kwistjonijiet b’mod sistematiku għall-ewwel darba. Filwaqt li, tradizzjonalment, il-kompetenzi dwar il-ġestjoni tal-istorbju kienu r-responsabbiltà ta' bosta awtoritajiet u livelli ta' amministrazzjoni fl-Istati Membri rispettivi, uħud mill-Istati Membru użaw l-implimentazzjoni tal-END biex jistabbilixxu strutturi ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni xierqa. Kisbiet oħra kienu, b’mod partikolari: - Il-progress fl-immappjar u l-valutazzjoni tat-tniġġis mill-istorbju fl-UE li wassal, għall-ewwel darba, għal ħarsa globali lejn il-livell tal-problemi ta' tniġġis mill-istorbju; - Passi ‘il quddiem lejn it-titjib tal-komparabilità tal-immappjar strateġiku tal-istorbju inklużi l-indikaturi komuni u l-istabbiliment ta’ sett komprensiv ta’ dejta fuq livell tal-UE li qabel ma kienx jeżisti; - L-abbozzar, madwar l-UE, ta' pjanijiet ta' azzjoni li jindirizzaw iż-żoni ta’ riskju għoli, mil-lat tal-istorbju, li ġew iddentifikati mill-Istati Membri; - L-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sorsi tal-istorbju (pereżempju vetturi, linji ferrovjajri u inġenji tal-ajru), (cf. 5.2). Fl-istess waqt, matul l-aħħar snin ġew iddentifkati bosta problemi ta’ implimentazzjoni u nuqqasijiet oħra li jeħtieġ li jiġu indirizzati fil-futur. Dawn l-isfidi ġew miġbura f’żewġ oqsma ewlenin ta’ azzjoni ta’ segwitu possibbli, jiġifieri, it-titjib tal-implimentazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-leġiżlazzjoni li tirregola s-sorsi tal-istorbju. It-titjib tal-implimentazzjoni L-analiżi tal-ewwel stadju tal-implimentazzjoni tal-END żvelat oqsma potenzjali għat-titjib li jistgħu jiġu indirizzati mill-Kummissjoni u l-Istati Membri direttament u immedjatament. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni beħsiebha tippreżenta programm ta’ ħidma lill-Kumitat dwar l-Istorbju msemmi fl-Artikolu 13 tad-Direttiva li jinkludi wħud mill-elementi iddentifikati hawn taħt. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll li tieħu azzjoni legali biex tikkumplimenta l-attivitajiet proattivi ta’ implimentazzjoni elenkati hawn taħt. L-iffinalizzar tal-qafas armonizzat għall-metodi tal-immappjar Minkejja t-titjib fil-komparabilità tal-immappjar strateġiku tal-istorbju, is-sitwazzjoni s’issa hija 'l bogħod minn dik ideali. Il-valutazzjonijiet li għaddejjin bħalissa wrew li għadu diffiċli li jiġu ppreżentati ċifri komparabbli fuq l-għadd ta’ persuni esposti għal livelli eċċessivi ta’ storbju. Id-diffikultajiet huma relatati, inter alia , mal-modi differenti marbuta mal-ġbir, il-kwalità u d-disponibbiltà tad-dejta kif ukoll il-metodi ta’ valutazzjoni użati. Dawn iwasslu għal varjetà ta’ riżultati fost l-Istati Membri tal-UE. Il-qafas ta’ armonizzazzjoni tal-metodu(metodi), li jirrefletti biżżejjed l-ispeċifiċitajiet settorjali, se jwassal, fl-aħħar mill-aħħar, għal-livell meħtieġ ta' komparabilità. Fl-2008, bdew l-isforzi tal-Kummissjoni fuq l-iżvilupp tal-metodi armonizzati għall-valutazzjoni tal-esponiment għall-istorbju (skont l-Artikolu 6.2). Proġett bl-isem "CNOSSOS-EU" (Common Noise Assessment Methods in Europe) (Metodi Komuni tal-Valutazzjoni tal-Istorbju fl-Ewropa) immexxi miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka se jipprovdi l-bażi teknika għat-tħejjija ta’ Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni. Bil-kundizzjoni li l-ħidma teknika tkun tista’ titlesta sal-2011, il-Kummissjoni qed tqis il-possibbiltà ta' reviżjoni tal-Anness II tal-END fil-bidu tal-2012 (wara opinjoni tal-Kumitat fl-2011). Il-qafas metodoloġiku armonizzat jista’ jiffoka fuq l-immappjar u jkolli jibbilanċja, b'attenzjoni, il-ħtiġijiet għall-armonizzazzjoni skont il-proporzjonalità u l-ispeċifiċitajiet settorjali, pereżempju, fir-rigward tar-rekwiżiti għad-dejta. Bħala parti minn din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni beħsiebha tipproponi programm konġunt ta’ ħidma bejn il-Kummissjoni, l-EEA u l-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-CNOSSOS-EU matul l-2012-2015 bl-għan li jagħmluh operazzjonali għat-tielet ċiklu ta’ rappurtar fl-2017. L-iżvilupp ta’ gwida tal-UE għall-implimentazzjoni Bosta aspetti tad-Direttiva ma ġewx stipulati fid-dettall jew taw ċertu lok għal interpretazzjoni u implimentazzjoni differenti. Bosta Stati Membri ssuġġerew li dawn il-kwistjonijiet jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ azzjoni dedikata li tappoġġa l-implimentazzjoni u l-konformità fuq livell tal-UE, bħall-iżvilupp ta’ dokumenti ta’ gwida, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-aħjar prattiki jew l-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet ta’ ħidma u korsijiet ta’ taħriġ speċifiċi. Għal tali azzjoni ġew iddentifikati l-kwistjonijiet li ġejjin: metodi ta’ mmappjar u l-aħjar prattiki ta’ mmappjar, valuri ta’ tbassir għal mapep ta' storbju, relazzjonijiet bejn id-doża u r-reazzjoni, kalkolu ta’ esponiment multiplu, produzzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni u intervent jew valuri ta' mira. Fir-rigward tal-pjanijiet ta’ azzjoni, bosta Stati Membri kienu tal-fehma li r-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Anness V mhumiex biżżejjed biex jiġu mħejjija dawn il-pjanijiet. Dan jinkludi, b’mod partikolari, l-aspett tan-nomina taż-żoni trankwilli (cf. 4.3.5.). L-attivitajiet ta’ implimentazzjoni li huma previsti li jiffurmaw parti mill-programm ta' ħidma għandhom jgħinu wkoll fit-titjib tal-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni fi ħdan l-Istati Membri. It-titjib tas-sinerġiji bejn il-kwalità tal-arja u l-ġestjoni tal-istorbju Il-potenzjal ta' aktar koordinazzjoni u integrazzjoni bejn il-kwalità tal-arja u l-ġestjoni tal-istorbju ġie ssuġġerit ta’ spiss. L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent (2008/50/KE) u l-predeċessuri tagħha jeħtieġu elementi simili, pereżempju l-ġbir ta’ dejta fl-agglomerazzjonijiet, it-titjib tal-metodi ta’ valutazzjoni, it-tħejjija ta’ pjanijiet ta’ azzjoni, l-informazzjoni lill-pubbliku u l-irrappurtar lill-Kummissjoni. Uħud mill-Istati Membri rrappurtaw esperjenzi pożittivi mill-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-kwalità tal-arja u l-istorbju, pereżempju, permezz ta’ ppjanar ta' azzjoni integrata, b'mod partikolari, tat-toroq ta’ riskju għoli bi problemi ta’ tniġġis tal-arja u mill-istorbju. Dawn l-aspetti jistgħu jiġu ulterjurment esplorati bl-għan li jitrawmu sinerġiji u jinħolqu esperjenzi. L-iffaċilitar ta’ kwistjonijiet ta’ rappurtar Id-Direttiva għandha bosta obbligi ta’ rappurtar ċikliku li, f’ċerti każijiet, joħolqu piż amministrattiv addizjonali mingħajr ma jiġġenera l-valur miżjud meħtieġ għal azzjoni mill-UE. Is-semplifikazzjoni tar-rappurtar u l-proċessi elettroniċi ta’ rappurtar jistgħu jkunu ottimizzati aktar u użati fuq bażi mandatorja. Nuqqasijiet oħra li tqajmu minn bosta Stati Membri kienu, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti ta’ dħul ta' dejta inklużi l-koordinazzjoni, il-ġbir u l-aċċessibbiltà tad-dejta, in-nuqqas ta’ dejta u l-gwida fuq rekwiżiti ta’ kwalità u l-problemi bil-valutazzjoni. L-attivitajiet ta’ implimentazzjoni fl-ambitu tad-Direttiva INSPIRE[37] (pereżempju, l-infrastruttura komuni għad-dejta dwar l-istorbju) jistgħu jwasslu għall-kunsiderazzjoni ta’ konverġenzi ulterjuri. Leġiżlazzjoni li tirregola s-sorsi ta’ storbju L-istorbju ambjentali huwa indirizzat fuq livell tal-UE permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ strumenti inklużi d-dispożizzjonijiet fuq ir-rekwiżiti ta’ aċċess għas-suq għal ċerti vetturi u tagħmir, speċifikazzjonijiet għall-interoperabbiltà tal-linji ferrovjarji[38] u regoli fuq restrizzjonijiet operattivi fl-ajruporti. Flimkien mal-azzjonijiet varji u t-titjib fil-leġiżlazzjon tal-UE f’dan il-qasam matul l-aħħar għaxar snin[39], il-Kummissjoni qed tqis l-iżvilupp ulterjuri ta’ dawn il-miżuri sabiex tnaqqas l-esponiment għall-istorbju u għat-tniġġis fl-UE. Fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2011, ġew inklużi għadd ta’ inizjattivi importanti fir-rigward tal-istorbju, b’mod partikolari: - Il- White Paper dwar it-Trasport [40] li tipprovdi pjan direzzjonali sal-2050 biex, fost bosta għanijiet oħra, tikkontribwixxi għat-tnaqqis ta’ tniġġis mill-istorbju mit-trasport (pereżempju, azzjoni ta’ żvilupp ta’ “standards għall-vetturi li jikkonċernaw il-livelli ta’ emissjonijiet tal-istorbju”); - Ir-reviżjoni tad-Direttiva 2002/30/KE dwar l- istorbju mill-ajruporti li, bħala parti mill-pakkett dwar l-ajruporti, se ttejjeb l-immappjar tal-istorbju abbażi ta’ dejta u metodu rikonoxxuti internazzjonalment, u tagħti spinta lill-adozzjoni ta’ miżuri kosteffikaċi ta’ mitigazzjoni tal-istorbju, billi jitqiesu standards miftiehma internazzjonalment sabiex tiġi ssemplifikata r-relazzjoni bejn id-Direttiva dwar l-istorbju mill-ajruporti u l-END. Se taġġorna wkoll id-definizzjoni ta’ inġenju tal-ajru storbjuż (“inġenju tal-ajru marġinalment konformi”) skont l-kompożiżżjoni attwali tal-flotta tal-inġenji tal-ajru. - Ir-reviżjoni li jmiss tal- istorbju minn vetturi bil-mutur b’mill-inqas erba’ roti, abbażi ta’ proċedura mtejba ta’ ttestjar, se tivvaluta l-possibbiltajiet ta’ introduzzjoni ta’ limiti aktar stretti li jiżguraw li jitqiegħdu fuq is-suq vetturi anqas storbjużi Din tista’ tinkludi proposta għal regolament relatat mal-livell permissibbli ta’ ħoss u mas-sistema ta’ egżost mill-vetturi b’mutur. L-għan ewlieni tal-iniżjattiva huwa mmirat għat-tnaqqis tal-impatt negattiv tal-esponiment għall-istorbju taċ-ċittadini Ewropej, ikkaġunat mit-traffiku ta’ vetturi bil-mutur. - Ir-reviżjoni tad- Direttiva dwar l-Istorbju ta ’ Barra [41]se tevalwa l-ambitu tat-tagħmir kopert u tirrevedi r-rekwiżiti dwar l-istorbju sabiex tirrefletti l-aktar teknoloġija avvanzata attwali. Fl-istess waqt se jiġu ssemplifikati rekwiżiti amministrattivi relatati. Flimkien ma’ dan, il-Kummissjoni beħsiebha tkompli tanalizza miżuri potenzjali oħra biex tnaqqas it-tniġġis mill-istorbju fuq livell tal-UE, pereżempju, permezz ta’ superfiċji tat-toroq bi storbju baxx, u se tressaq proposti, kif ikun xieraq. Kwistjonijiet għal kunsiderazzjoni ulterjuri Bħala parti mir-reviżjoni, il-ħidma preparatorja qieset ukoll l-elementi li possibilment jeħtieġu li jiġu indirizzati sabiex tinkiseb leġiżlazzjoni effikaċi u effiċjenti, madwar l-UE, dwar l-istorbju ambjentali. B'mod partikolari: - Valuri ta’ intervent jew mira: L-Istati Membri introduċew varjetà wiesgħa ta' approċċi u livelli ta' ambizzjoni li qiegħdin irażżnu l-konverġenza ulterjuri lejn kundizzjonijiet indaqs fis-suq intern u b’hekk jistabbilixxu livelli ta’ protezzjoni sinifikattivament differenti għaċ-ċittadini madwar l-UE (cf. 4.2). FL-istess waqt, l-iffissar ta’ valuri mandatorji ta’ limitu/mira għall-istorbju fuq livell tal-UE għandu jkollu impatt fuq kwistjonijiet ta' sussidjarjetà billi jillimitaw l-flessibbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali u lokali li jadattaw il-livell ta’ protezzjoni u l-pjanijiet/miżuri ta’ azzjoni għas-sitwazzjonijiet speċifiċi tagħhom. Alternattivi oħra jistgħu jkunu l-istabbiliment ta' valuri ta' intervent jew rekwiżiti minimi tal-UE jew rakkomandazzjonijiet tal-UE. Dawn l-approċċi jistgħu jservu bħala livelli minimi li jwasslu għal intervent fuq l-istorbju iżda ma jrażżnux l-Istati Membri milli jistabbilixxu rekwiżiti aktar stretti fejn meħtieġ. - Indikaturi tal-Istorbju: Fid-Direttiva attwali, l-Istati Membri huma meħtieġa li jużaw l-indikaturi speċifiċi tal-istorbju Lden u Lnight u jirrappurtaw l-esponiment tal-popolazzjoni għall-istorbju ta’ 55 db u 50 dB jew aktar, rispettivament (cf. 4.2.). Madankollu, l-irrappurtar attwali ma jqisx il-fatt li hemm parti konsiderevoli tal-popolazzjoni tal-UE li hija esposta għat-tniġġis mill-istorbju fil-livelli aktar baxxi li xorta jistgħu jikkaġunaw effetti ta’ ħsara għas-saħħa (cf. 2). Skont l-aħħar rakkomandazzjonijiet tal-WHO, il-meded ta' rrappurtar ta’ valuri ta’ indikaturi ta’ Lnight għandhom jitnaqqsu għal 40 dB, Lnight sabiex tinkiseb valutazzjoni ħafna aktar realistika tal-impatt tat-tniġġis mill-istorbju madwar l-UE - Infurzar : Id-Direttiva ma tipprovdix sistema ċara ta’ nfurzar fejn il-pjanijiet ta’ azzjoni huma direttament marbuta mal-issuperar tal-livelli tal-istorbju u ma’ pieni possibbli anke f’każijiet fejn l-Istati Membri għandhom valuri ta' limitu legalment vinkolamenti fuq livell nazzjonali, il-valutazzjoni ppreżentata mill-mapep tal-istorbju tiżvela li ta' spiss isir ksur tal-valuri tal-limitu tal-istorbju mingħajr ma jkun hemm konsegwenzi. Tista' tiġi kkunsidrata wkoll kjarifika dwar l-għanijiet, il-kontenut u l-infurzar tal-pjanijiet ta’ azzjoni, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità. - Definizzjonijiet, rekwiżiti u kunċetti tekniċi : Ġie iddentifikat ċertu titjib tekniku possibbli, inklużi kjarifiki tad-definizzjonijiet u l-obbligi relatati mal-agglomerazzjonijiet, iż-żoni trankwilli, it-toroq ewlenin, l-istorbju industrijali u l-pjanijiet ta’ azzjoni. Minbarra dan, il-kwistjoni tal-punti ta’ kejl baqgħet kwistjoni ta’ tħassib, inkluża l-flessibbiltà li tikkonċerna l-għoli tal-kejl li wassal għal xi tħassib fost uħud mill-Istati Membri minħabba l-istrutturi speċifiċi tal-bini tagħhom. Fl-aħħarnett, il-preżentazzjoni tal-valuri u r-riżultati tal-valutazzjoni jistgħu jibbenefikaw minn kjarifika jew armonizzazzjoni ulterjuri. - Piż amministrattiv u allinjament ta’ aspetti legali: Jista’ jkun hemm skop għas-semplifikazzjoni u l-iffaċilitar tal-iskeda ta’ rappurtar. Uħud mill-elementi ta’ rappurtar[42] ġew irrappurtati bosta drabi. Fl-istess waqt, fl-END mhuwiex biżżejjed ċar jekk l-istadji differenti fil-qafas ta' valutazzjoni (immappjar tal-istorbju u ppjanar tal-azzjoni) kienux imsejsa fuq xulxin. Minbarra dan, ġie rrappurtat li l-perjodu ta' żmien qasir bejn l-immappjar strateġiku tal-istorbju u l-finalizzazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni kien wieħed mill-ostakli ewlenin fit-twettiq ta’ konsultazzjoni pubblika adegwata. Fl-aħħarnett, jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-END jiġu allinjati, fejn rilevanti, mas-sistema ġdida ta’ atti delegati u miżuri ta’ implimentazzjoni (Artikolu 290 u 291 TFUE). KONKLUżJONIJIET L-istorbju ambjentali tibqa’ problema sinifikanti madwar l-UE, b’impatti sinfikanti fuq is-saħħa. Abbażi tal-informazzjoni li saret disponibbli fir-rigward tal-impatti tal-istorbju fuq is-saħħa, jidher li azzjonijiet ulterjuri għandhom jitqiesu biex jitnaqqas l-għadd ta' persuni affettwati minn livelli ta' ħsara tal-istorbju. Kien biss dan l-aħħar li l-implimentazzjoni tal-END daħlet fil-fażi attiva fir-rigward tal-immappjar tal-istorbju u l-ippjanar ta’ azzjoni. L-ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni jiddentifika kisbiet sinifikanti iżda wkoll bosta diffikultajiet u oqsma għat-titjib. Madankollu, il-potenzjal sħiħ tal-END għadu ma nkisibx. Huwa biss bħalissa li qed jiġu implimentati l-pjanijiet ta’ azzjoni u dawn ta’ spiss ma wasslux għall-effetti previsti (s’issa). Il-Kummissjoni se tqis azzjonijiet ulterjuri kif deskritti f'dan ir-rapport fir-rigward tat-titjib fl-implimentazzjoni u miżuri possibbli għat-tnaqqis fis-sorsi tal-istorbju. Flimkien ma’ dan, qed tiġi mħejjija l-armonizzazzjoni tal-qafas metodoloġiku għall-valutazzjoni. Bħala parti mir-reviżjoni, il-ħidma preparatorja (cf. 5.3) qieset ukoll elementi bħall-indikaturi u mekkaniżmi msaħħa tal-infurzar li possibbilment jeħtieġu li jiġu indirizzati fil-futur sabiex tinkiseb leġiżlazzjoni effikaċi u effiċjenti dwar l-istorbju ambjentali. Ir-rapport se jkun il-bażi għal diskussjonijiet ulterjuri ma' Stati Membri u partijiet interessati oħra biex jesploraw il-possibbiltajiet ta’ titjib fl-effikaċja tal-leġizlazzjoni dwar l-istorbju. Irrispettivament mill-proċess ta’ konsultazzjoni, dak li jkun għandu jiftakar li valutazzjoni aktar komprensiva u realistika tal-effikaċja tal-END tista’ ssir biss wara t-tieni rawnd ta’ mmappjar tal-istorbju fejn ikun żdied l-għarfien dwar it-tniġġis mill-istorbju. [1] Ir-rapport ġie mdewwem għal bosta raġunijiet, b’mod partikolari, minħabba d-dewmien fl-implimentazzjoni, in-nuqqas ta' dejta suffiċjenti u l-kumplessità tal-proċess ta' valutazzjoni. [2] http://www.eea.europa.eu/themes/noise [3] http://www.milieu.be/noise/index.html [4] WHO-JRC, 2011; Rapport dwar 'Il-Piż tal-mard li ġej mill-istorbju ambjentali', http://www.euro.who.int/en/what-we-do/health-topics/environmental-health/noise [5] WHO 1999. http://whqlibdoc.who.int/hq/1999/a68672.pdf [6] WHO, 2009 http://www.euro.who.int/en/what-we-do/health-topics/environmental-health/noise/publications [7] ENNAH, www.ennah.eu [8] Il-proġett “Environmental Burden of Disease in Europe” (dwar Il-Piż Ambjentali tal-Mard fl-Ewropa) kklassifika l-istorbju bħala t-tieni fattur ta’ stress ambjentali. Huwa introduċa l-metodoloġija ġenerali msejsa fuq l-użu tad-“DALY –Disability-adjusted life years” (il-kalkolu tas-snin b'saħħa tajba wara li jitqiesu mard jew diżabbiltà) bħala l-miżura użata bl-aktar mod komuni; http://en.opasnet.org/w/Ebode [9] Babisch 2006, 2008; Miedema & Vos 2007; WHO Ewropa 2009, 2010 [10] LAmax – livell massimu ta' pressjoni tal-ħoss [11] EC Delft, 2007, http://www.transportenvironment.org/docs/Publications/2008/2008-02_traffic_noise_ce_delft_report.pdf [12] AT, BE, CZ, DE, EL, FI, FR, IE, IT, LU, PT, SE, SL, UK [13] LV, PL [14] AT, BG, BE, CZ, DK, EE, ES, FR, DE, EL, IT, LV, LT, LU NL, PL, PT, SL, SI [15] LT, LV, RO [16] FI, IE, SE, UK [17] EE, LU, PT, SL u l-Amministrazzjoni ta' Brussell BE [18] Ir-Rapport Tekniku tal-EEA Nru 11/2010 u r-rapport ta’ studju (cf. nota ta’ qiegħ il-paġna 2) għal aktar dettalji. [19] http://eea.eionet.europa.eu/Public/irc/eionet-circle/eione_noise/library [20] http://www.eionet.europa.eu/reportnet [21] Limiti aktar gholja: Toroq ewlenin > 6 m. vettura/sena; linji ferrovjarji ewlenin > 60,000 ferrovija/sena; ajruport ewlenin > 50 000 moviment/sena; agglomerazzjonijiet ewlenin > 250 000 abitant. [22] Il-limiti aktar baxxi: toroq ewlenin > 3 m. vettura/sena; linji ferrovjarji ewlenin > 30,000 ferrovija/sena; u agglomerazzjonijiet ewlenin > 100 000 abitant. [23] Nota, skont l-Artikolu 7 huwa previst li l-lista tal-agglomerazzjonijiet, toroq, linji ferrovjarji u ajruporti ewlenin irrappurtata fl-2005 trid tigi riveduta meta tigi mħejjija l-ewwel mappa strateġika tal-istorbju, jiġifieri, titqies l-aħħar sitwazzjoni fl-2006. Bl-istess mod, l-istadji sussegwenti tal-immappjar tal-istorbju jridu jaġġornaw il-listi diġà rrappurtati lill-Kummissjoni sabiex jiġi evitat li jitħallew barra xi żoni ta’ riskju għoli ewlenin li, fl-istess waqt, ikunu diġà ssuperaw il-limiti. [24] BG, CZ, EE, HU, IE, LT, LV, LU, PL, PT, SI, UK [25] AT, BE CY, DK, FI, DE, NL, RO, ES, SE, SK [26] FR, EL, IT [27] Lden – indikatur tal-istorbju matul il-ġurnata-filgħaxija-bil-lejl [28] Il-Kummissjoni Ewropea – Studju tal-Ispejjeż għall-immappjar tal-istorbju u l-ippjanar tal-azzjoni; P-44581-W, 2000 [29] DE, IE, LT, SE, UK [30] 18/01/2009. [31] CY, CZ, EE, ES, FI, LU, PL, SL [32] AT, BE, BG, LV, NL, PT, RO [33] 2003/4/KE (GU L41,14.2.2003, p 26-32) [34] http://circa.europa.eu/Public/irc/env/d_2002_49/library [35] http://noise.eionet.europa.eu/ [36] Eurocities WG Noise (2009): http://workinggroupnoise.web-log.nl/ [37] GU L108, 25.04.2007, p.1-14 [38] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/66/KE dwar Speċifikazzjonijiet Tekniċi għall-“Istorbju” ta’ Interoperabbiltà għal vetturi ferrovjarji konvenzjonali (traduzzjoni mhux uffiċjali). [39] B’mod partikolari, ir-reviżjoni tal-Politika tal-UE dwar l-Istorbju Ferrovjarju bbażat fuq il-“Komunikazzjoni dwar il-miżuri għat-tnaqqis tal-istorbju ferrovjarju maħsuba għall-flotta eżistenti” tal-2008 u proposti sussegwenti tal-Kummissjoni bħad-Direttiva 2001/43/KE dwar l-istorbju mit-tajers u proposti relatati mal-istorbju mill-vetturi tal-kategorija L irregolati mid-Direttiva 97/24/KE. [40] COM(2011) 144 finali [41] Id-Direttiva 2000/14/KE dwar l-istorbju minn tagħmir għall-użu barra. [42] Pereżempju, agglomerazzjonijiet u toroq, linji ferrovjarji u ajruporti ewlenin.