52011DC0286

/* KUMM/2011/0286 finali - */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2038/2006 dwar finanzjament pluriennali [multiannwali] għall-azzjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-rispons għal tniġġis ikkaġunat minn bastimenti, fil-perjodu 2007-2009 RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2038/2006 dwar finanzjament pluriennali [multiannwali] għall-azzjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-rispons għal tniġġis ikkaġunat minn bastimenti, fil-perjodu 2007-2009


RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2038/2006 dwar finanzjament pluriennali [multiannwali] għall-azzjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-rispons għal tniġġis ikkaġunat minn bastimenti, fil-perjodu 2007-2009

INTRODUZZJONI

Ir-Regolament (KE) Nru 2038/2006[1] jipprovdi pakkett finanzjarju lill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (minn hawn ‘il quddiem, “l-Aġenzija”) biex jiġu ffinanzjati azzjonijiet fil-qasam tar-rispons għal tniġġis ikkaġunat minn bastimenti.

F'konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni qiegħda hawn tressaq rapport dwar ir-riżultati tal-użu ta’ dawn il-fondi fil-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2009.

Ir-rapport ġie mħejji b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija, li tat kontribut sostanzjali[2], fejn l-informazzjoni ttieħded mill-evalwazzjoni esterna tal-Aġenzija fl-2008, minn verifika li saret mis-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni fl-2009 u minn konsultazzjoni mal-partijiet interessati li saret f’Marzu 2010. Din il-kwistjoni ġiet diskussa wkoll waqt diversi laqgħat tal-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija.

F’konformità mal-Artikolu 15(2)(g) tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002[3], l-Aġenzija ressqet rapporti annwali dwar l-eżekuzzjoni finanzjarja tal-pjan dettaljat għall-attivitajiet tal-Aġenzija għall-istat ta' preparazzjoni u ta' rispons għat-tniġġis, għas-snin 2007 sa 2010. Dawn ir-rapporti huma disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija

Il-Kummissjoni taqbel mal-analiżi li l-Aġenzija ppreżentat fil-kontribut tagħha. Il-konklużjonijiet ewlenin li jistgħu jittieħdu għall-perjodu 2007-2009 huma dawn li ġejjin.

KOMPITI TAL-AġENZIJA FIL-QASAM TAR-RISPONS GħAT-TNIġġIS

Il-kompiti tal-Aġenzija jkopru kemm l-iskariki aċċidentali kif ukoll dawk illegali. Fil-bidu, dawn il-kompiti kienu jikkonċernaw l-aktar it-tniġġis permezz ta’ żejt. Madankollu, l-Aġenzija ilha mill-2007 attiva wkoll fil-qasam tat-tniġġis marittimu li jiġi kkawżat minn sustanzi perikolużi u noċivi (eż., is-sustanzi kimiċi).

F’konformità mar-Regolament (KE) Nru 2038/2006 u mad-Direttiva 2005/35/KE dwar it-tniġġiż ikkawżat minn bastimenti[4], it-tliet kompiti ewlenin tal-Aġenzija fil-qasam tar-rispons għal tniġġis ikkaġunat minn bastimenti huma dawn:

(a) Assistenza operazzjonali lill-Istati Membri

Biex l-Istati Membri jiksbu l-kapaċità massima meħtieġa meta jintlaqtu minn tniġġis ikkaġunat minn tixrid ta’ żejt, l-Aġenzija toffri netwerk ta’ bastimenti stand-by li jintużaw b’rispons għal dan it-tniġġis. Tipprovdi wkoll is-servizz “CleanSeaNet” li huwa servizz ta’ detezzjoni u monitoraġġ ta’ tixrid ta’ żejt, bl-użu ta' satellita, u n-netwerk “MAR-ICE” li jipprovdi informazzjoni dwar it-tixrid ta’ sustanzi kimiċi.

(b) Kooperazzjoni u koordinazzjoni

L-Aġenzija qiegħda tikkoordina mal-esperti mill-Istati Membri li huma responsabbli għar-rispons għat-tniġġis, kif ukoll mal-Ftehimiet Reġjonali eżistenti u mal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO).

(c) Informazzjoni

L-Aġenżija tiġbor, tanalizza u xxerred informazzjoni dwar l-aħjar prattiki, tekniki u innovazzjonijiet fl-ambitu tal-istat ta' preparazzjoni u ta' rispons għat-tniġġis tal-baħar.

BAġIT

Il-pakkett finanzjarju kollu li ġie allokat lill-Aġenzija biex tiffinanzja l-azzjonijiet imsemmija hawn fuq bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2013 jammonta għal EUR 154 miljun (ara l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2038/2006). Minn dan l-ammont, madwar EUR 60 miljun (jiġifieri, kważi 40 %) intużaw fl-ewwel tliet snin. Dan ifisser li l-fondi disponibbli ġew użati b’mod proporzjonat.

Bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2009, madwar 98 % tal-impenji ġew allokati għall-finanzjament ta’ assistenza operazzjonali; il-biċċa l-kbira għan-netwerk ta’ bastimenti stand-by li jintużaw b’rispons għal tniġġis ikkaġunat minn tixrid ta’ żejt. It-2 % l-oħra ġew allokati għal attivitajiet ta’ kooperazzjoni u informazzjoni (ara t-Tabella fl-Anness).

Il-pagamenti jammontaw għal madwar EUR 48 miljun. Il-fatt li l-ammonti tal-pagamenti huma inqas minn dawk tal-impenji jista’ jiġi spjegat minn għadd ta’ fatturi. Il-pagamenti għal kuntratti multiannwali jistgħu jsiru fuq għadd ta' snin, li f’xi każijiet ma jkunux fil-perjodu ta' referenza. Barra minn hekk, id-dewmien minħabba kuntratti ġodda għall-bastimenti stand-by jew minħabba servizzi mhux sodisfaċenti mill-fornituri ta’ immaġni satellitarji kien fattur ieħor li kompla jnaqqas l-ammont tal-pagamenti.

IS-SUFFIċJENZA TAL-QAFAS FINANZJARJU

Skont l-informazzjoni miġbura, il-pakkett finanzjarju li ġie allokat lill-Aġenzija huwa suffiċjenti. Bis-saħħa ta’ dan il-pakkett finanzjarju, fl-2009 l-Aġenzija setgħet tistabbilixxi netwerk ta’ 13-il bastiment stand-by li jintużaw b’rispons għal tniġġis ikkaġunat minn tixrid ta’ żejt, mgħammrin b’kollox, u li jistgħu jiġu mmobilizzati simultanjament u qegħdin ikopru l-biċċa l-kbira tal-kosta tal-UE[5]. L-aġenzija setgħet ukoll tiżviluppa s-sistema CleanSeaNet li toffri servizz ta’ monitoraġġ ta’ tixrid ta’ żejt, bl-użu ta' satellita, lil 24 Stati kostali Ewropej (inkluż il-Kroazja u n-Norveġja), li minnhom, 12 biss kellhom esperjenza preċedenti f’dan il-qasam. Il-partijiet interessati għaddew kummenti pożittivi wkoll dwar l-azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u informazzjoni li l-Aġenzija tipprovdi f’dan il-qafas.

Il-fatt li l-qafas finanzjarju huwa ta’ natura multiannwali huwa essenzjali għall-konklużjoni ta’ kuntratti multinannwali mal-industrija. Dawn it-tip ta’ kuntratti huma meħtieġa kemm fir-rigward ta’ bastimenti stand-by li jintużaw b’rispons għal tniġġis ikkaġunat minn tixrid ta’ żejt kif ukoll għall-organizzazzjoni tal-CleanSeaNet.

Fl-aħħar nett, is-suffiċjenza tal-qafas finanzjarju għal terminu ta’ żmien itwal hija kkonfermata mill-fatt li l-Aġenzija tipprevedi li sa tmiem is-sena 2013 għandu jiġi impenjat sa 97 % tal-pakkett finanzjarju globali.

L-EFFIċJENZA U L-VALUR MIżJUD TAS-SISTEMA ATTWALMENT FIS-SEħħ

Il-miżuri li ġew iffinanzjati sa issa f’dan il-qafas huma kosteffikaċi u jipprovdu valur miżjud. Barra minn hekk, l-użu ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku jiggarantixxi li jinkiseb l-aqwa valur mill-flus investiti.

Skont il-pjan dettaljat għall-attivitajiet tal-Aġenzija fl-ambitu tat-tniġġis u tal-preparazzjoni għat-tniġġis adottat mill-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija, l-Aġenzija ma bniet jew xtrat ebda bastiment li jintuża b’rispons għal tniġġis ikkaġunat minn tixrid ta’ żejt, għaliex dan mhuwiex kosteffikaċi meta jitqabbel mal-frekwenza tal-użu tagħhom. Minflok, il-bastimenti jinkrew permezz ta’ kuntratti mingħand operaturi kummerċjali b’sistema li tiżgura li dawn ikunu mgħammrin kif suppost u disponibbli x’ħin ikun meħtieġ. Iċ-ċifri juru li l-għażla ta’ din is-sistema, minflok ix-xiri ta’ bastimenti, naqqset l-ispejjeż b’madwar 60 % fis-sena minkejja li pprovdiet żieda ta’ 60 % fil-kapaċità ta’ ħżin. L-“alternattiva ta’ xiri trasferibbli” għat-tagħmir, li tippermetti li dan jiġi mgħoddi għal fuq bastiment ieħor, hija essenzjali, għaliex timminimizza t-telf ta' investiment f'każ li l-kuntrattur jiġi mibdul.

Ir-responsabbiltà prinċipali għar-rispons f’każ ta’ inċident hija, u tibqa’, tal-awtoritajiet nazzjonali, li l-investiment tagħhom ivarja b’mod konsiderevoli. Madankollu, ix-xenarji ta’ inċidenti ta’ tixrid ta’ żejt li ġew ikkunsidrati mill-Aġenzija, u li essenzjalment ġew ibbażati fuq inċidenti kbar li seħħew fl-imgħoddi (pereżempju, il-każ tal-Erika u dak tal-Prestige), jindikaw b’mod ċar li l-Istati Membri affettwati kienu jiffrankaw ħafna kieku n-netwerk ta’ bastimenti kien disponibbli f’dak iż-żmien.

L-organizzazzjoni tas-sistema ta’ detezzjoni u monitoraġġ ta’ tixrid ta’ żejt fuq livell tal-UE tiswa’ inqas (b’madwar 20 %) u hija aktar effikaċi milli kieku ssir fuq livell nazzjonali. Fil-fatt, bħala medja, kull immaġni li tinxtara tkopri l-ħtieġa ta’ kważi żewġ Stati kostali (permezz tas-6,391 immaġni li ordnat, l-Aġenzija setgħet taqdi 11,886 talba minn awtoritajiet nazzjonali). Is-sistema rigoruża ta’ kontroll tal-kwalità li ġiet stabbilita mill-Aġenzija tiżgura wkoll li l-pagamenti jsiru biss meta l-kundizzjonijiet kuntrattwali jkunu ġew issodisfati għalkollox.

LOK GħAL TITJIB LIL HINN MILL-QAFAS FINANZJARJU

Il-Kummissjoni tinnota li, lil hinn mill-qafas finanzjarju, għad jista’ jsir xi titjib.

L-ewwel nett, sabiex jinħoloq livell komuni ta’ preparazzjoni u rispons, huwa essenzjali li l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti jiġu rratifikati mill-Istati Membri kollha. Għalhekk, huwa ta’ dispjaċir li l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istat ta' Preparazzjoni, ir-Rispons u l-Kooperazzjoni għat-Tniġġis miż-Żejt, 1990 (OPRC 1990) u l-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar inċidenti ta’ tniġġis minn Sustanzi Perikolużi u Noċivi, 2000 (il-Protokoll OPRC-HNS 2000) għadhom ma ġewx ratifikati mill-Istati Membri kollha. Anke l-konvenzjonijiet li jistabbilixxu s-sistema internazzjonali ta' kumpens għall-vittmi ta' tixrid ta' żejt li jiġi kkaġunat minn aċċidenti li jinvolvu tankers (CLC 92[6], il-Fond 92[7], u il-Fond Supplimentari 2003[8]) għadhom ma ġewx ratifikati mill-Istati Membri kollha.

It-tieni nett, jidher li n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ faċilitajiet li fihom jintrema’ ż-żejt irkuprat mill-baħar hija problema komuni fl-Ewropa kollha. Il-“klawżola ta’ trasferiment għal fuq barkun” li l-Aġenzija tinkludi fil-kuntratti tal-bastimenti (jiġifieri, id-dispożizzjoni li permezz tagħha l-kuntrattur jista’ jintalab li jsib mezz xieraq ta’ trasferiment tat-tagħbija għal fuq barkun), tgħin biex tiġi indirizzata l-kwistjoni iżda ma tistax tissostitwixxi s-soluzzjonijiet fuq livell nazzjonali.

Fl-aħħar nett, xi Stati Membri jistgħu jtejbu l-azzjonijiet ta' segwitu f'każijiet potenzjali ta’ tixrid ta’ żejt li jiġu indikati mis-servizz CleanSeaNet. Filwaqt li l-Aġenzija għandha l-kompitu li tieħu ħsieb tforni s-servizz ta’ detezzjoni u monitoraġġ, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jikkonfermaw kwalunkwe tixrid potenzjali ta' żejt u li għandhom jieħdu l-azzjonijiet ta' segwitu xierqa kontra min ikun responsabbli għat-tniġġis. Ir-rata globali ta’ konfermazzjoni (27 %) ma turix id-differenzi kbar li jeżistu bejn ir-reġjuni minħabba l-mezzi ta’ verifika nazzjonali, b’mod partikolari permezz ta’ sorveljanza mill-ajru. Dan jista’ jwassal għall-perikolu li xi operaturi ta’ bastimenti, b’nuqqas ta’ skruplu, jarmu likwidi li jniġġsu b’mod illegali f’dawk ir-reġjuni fejn is-segwitu jkun anqas strett.

KONKLUżJONIJIET

Bħala konklużjoni, il-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima allokat għar-rispons għal tniġġis biż-żejt huwa suffiċjenti u l-miżuri ffinanzjati sa issa f’dan il-qafas huma kosteffikaċi u jipprovdu valur miżjud.

F’Ottubru 2010, il-Kummissjoni pproponiet emenda għar-Regolament li jistabbilixxi l-EMSA[9], li tinkludi, inter alia , id-dispożizzjoni li l-Istat Membru affettwat jista’ jitlob għall-assistenza tal-EMSA anke f’każ ta’ tniġġis tal-baħar ikkaġunat minn installazzjonijiet ta’ esplorazzjoni għaż-żejt jew gass. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li mhux meħtieġ li tiġi proposta emenda għall-qafas finanzjarju multiannwali tar-Regolament (KE) Nru 2038/2006.

Il-Kummissjoni se tuża l-kontribut tal-Aġenzija għal dan ir-rapport meta tħejji l-programm finanzjarju li jmiss.

ANNESS

Attivitajiet ta’ Preparazzjoni u Rispons għat-Tniġġis

Sommarju Finanzjarju 2007-2009

Impenji f’EUR | Pagamenti f’EUR |

Netwerk ta’ Bastimenti Stand-by li jintużaw b’Rispons għal Tniġġis ikkaġunat minn Tixrid ta’ Żejt | 46,363,654.42 | 34,559,298.86 |

Eżerċizzji | 1,157,500.00 | 1,082,555.37 |

Titjib | 5,324,730.86 | 4,547,630.50 |

Operazzjonijiet CleanSeaNet | 2,859,946.40 | 4,671,731.14 |

Appoġġ għall-Utenti tal-CleanSeaNet | 358,270.53 | 223,995.50 |

Żvilupp tas-Servizz CleanSeaNet | 2,673,615.53 | 2,283,212.01 |

Kooperazzjoni u Koordinazzjoni | 564,458.95 | 347,445.45 |

Attivitajiet fil-qasam tar-rispons għal tniġġis minn Sustanzi Perikolużi u Noċivi | 79,100.00 | 37,564.23 |

Tixrid ta’informazzjoni | 50,054.79 | 61,138.64 |

Missjonijiet relatati | 475,052.70 | 379,498.10 |

Total | 59,906,384.18 | 48,194,069.80 |

Nota: Fiż-żewġ attivitajiet li l-pagamenti għalihom huma ogħla mill-impenji, dan iseħħ peress li xi wħud mill-pagamenti huma relatati ma’ impenji li saru qabel l-2007.

Deskrizzjoni fil-qosor tal-allokazzjoni tal-finanzjament

[pic]

[1] Regolament (KE) Nru 2038/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar finanzjament pluriennali [multiannwali] għall-azzjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-rispons għal tniġġis ikkaġunat minn bastimenti u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 (ĠU L 394 tat-30.12.2006, p. 1. Ara wkoll ir-rettifika fil-ĠU L 30, tat-3.2.2007, p.12).

[2] Disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-EMSA:https://extranet.emsa.europa.eu/index.php?option=com_joomdoc&task=cat_view&gid=298&Itemid=100005

[3] Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (ĠU L 245 tad-29.03.2003, p. 10).

[4] Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri [bastimenti] u l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet għal ksur ( ĠU L 255, 30.9.2005, p. 11 ).

[5] Minn dak iż-żmien, in-netwerk ġie estiż aktar. Tkun xi tkun iż-żona li jkunu qed joperaw fiha, il-bastimenti huma għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri kollha. Il-mapep jidhru fis-sit elettroniku tal-Aġenzija msemmi fin-nota tal-qiegħ nru 2.

[6] Protokoll tal-1992 li jemenda l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għal Ħsara mit-Tniġġis biż-Żejt, 1969.

[7] Protokoll tal-1992 għall-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1971 dwar l-Istabbiliment ta' Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Ħsara mit-Tniġġis biż-Żejt

[8] Protokoll tal-2003 għall-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1992 dwar l-Istabbiliment ta' Fond Internazzjonali għal Kumpens għal Ħsara mit-Tniġġis biż-Żejt.

[9] COM(2010)611, tat-28.10.2010.