52011DC0283

/* KUMM/2011/0283 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Il-Ħames Rapport Annwali tas-sena 2010 dwar l-implimentazzjoni ta' għajnuna Komunitarja taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Ċiprijotta Torka


RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Il-Ħames Rapport Annwali tas-sena 2010 dwar l-implimentazzjoni ta' għajnuna Komunitarja taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Ċiprijotta Torka

INTRODUZZJONI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Ċiprijotta Torka[1] (minn hawn ‘il quddiem ir-"Regolament dwar l-Għajnuna") huwa l-bażi għall-implimentazzjoni tal-għajnuna għall-komunità Ċiprijotta Torka u jitlob rapportar annwali lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Dan il-ħames rapport ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2010.

IPPROGRAMMAR TAL-GħAJNUNA

Taħt il-baġit tal-2010, ġew allokati EUR 3 miljuni għall-appoġġ tal-Kumitat għall-Persuni Nieqsa (CMP)[2].

Sar eżerċizzju ta’ programmar għall-allokazzjoni ta’ EUR 28 miljun taħt il-baġit tal-2011. L-evalwazzjonijiet esterni mill-2009 u l-2010, l-evalwazzjoni interna u l-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati servew bħala l-bażi għal dan.

MEKKANIżMI TAL-IMPLIMENTAZZJONI

Il-programm hu implimentat fi Stat Membru tal-UE f’qasam li mhuwiex taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern ta' dak l-Istat Membru u fejn l-applikazzjoni tal- acquis tal-UE tinsab sospiża. L-għajnuna hi implimentata primarjament permezz ta’ ġestjoni ċentralizzata mill-Kummissjoni Ewropea. Xi proġetti huma ġestiti b'mod konġunt mal-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP).

Il-Kummissjoni topera f’kuntest politiku, legali u diplomatiku uniku. Huma meħtieġa arranġamenti ad hoc sabiex jiġi implimentat il-programm filwaqt li jitħarsu l-prinċipji ta’ tmexxija finanzjarja soda.

Fi programmi ta’ għajnuna ffinanzjati mill-UE, Ftehim ta’ Finanzjament mal-Gvern tal-pajjiż benefiċjarju ġeneralment iwaqqaf il-qafas legali taħt liema tiġi implimentata l-għajnuna. Ebda ftehim bħal dan ma jeżisti għal din l-assistenza. Għaldaqstant, il-Kummissjoni trid tiddependi fuq dak li hija tifhem li huma r-regoli u l-kundizzjonijiet attwalment applikabbli lokalment. Dan ifisser li l-Kummissjoni, meta tidħol f’arranġament kuntrattwali titgħabba b’aktar riskji milli normalment tiltaqa’ magħhom.

Minħabba l-qagħda politika, l-infurzar ta’ ordnijiet għal ġbir lura mill-entitajiet Ċiprijotti Torok f’każ ta’ nuqqas ta’ ħarsien tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt jaf ikun diffiċli. Il-Kummissjoni ħadet miżuri sabiex tnaqqas dan ir-riskju, inkluż appoġġ u monitoraġġ intensivi lill-benefiċjarji, kundizzjonijiet tal-ħlas riveduti, l-irbit tal-ħlasijiet minn qabel mal-prova ta’ kuntratti ta’ akkwist iffirmati u l-użu estensiv ta’ garanziji bankarji.

Il-Kummissjoni tiddependi fuq l-appoġġ tal-komunità Ċiprijotta Torka sabiex dan il-programm ikun suċċess u b’mod partikolari sabiex tiżgura s-sostenibilità tiegħu fuq medda twila ta’ żmien. Il-partijiet interessati Ċiprijotti Torok jiġu wkoll konsutlati dwar il-ħtiġijiet tagħhom għall-fondi fil-futur. L-esperti Ċiprijotti Torok ħadu sehem f’bordijiet għall-evalwazzjoni tal-offerti anke għall-edizzjoni tal-2009 tal-Programm li ġie kuntrattat fl-2010. Huma għandhom rwol importanti f'kumitati ta' direzzjoni tal-proġett.

Minħabba l-kundizzjonijiet partikolari tal-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Għajnuna, twaqqaf Tim għall-Programm fl-2006 fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għat-Tkabbir. B’missjoni fit-tul f’Ċipru, dan jagħmel użu mill-Uffiċċju tal-UE ta' appoġġ għall-Programmi (EUPSO) li jinsab fin-naħa ta’ fuq ta’ Nikosija. Dan l-uffiċċju jipprovdi post għal-laqgħat u seminars mal-partijiet Ċiprijotti Torok interessati. Jippermetti wkoll superviżjoni diretta tal-implimentazzjoni tal-proġetti. Il-loġistika tal-Uffiċċju tkompli ssir minn kuntrattur privat (Deutsche Gesellschaft fur Technische Zusammenarbeit GmbH - GIZ) taħt kuntratt li jkompli sa Ġunju tal-2012. Ir-Rappreżentazzjoni tal-Kummissjoni f’Ċipru tipprovdi wkoll post għal-laqgħat u seminars.

Mill-2010, l-ispejjeż tal-persunal huma ffinanzjati taħt il-baġit amministrattiv. Fil-bidu tal-perjodu ta’ rapportar, il-persunal tat-Tim tal-Programm naqas minn 29 persuna (3 uffiċjali tal-Kummissjoni u 26 aġent bil-kuntratt) għal 22 (rispettivament: 2 u 20). Dan it-tnaqqis jaffettwa b'mod partikolari t-tim tal-akkwisti u jeħtieġ li jiġu stabbiliti prijoritajiet stretti u li jiġu riallokati r-riżorsi tal-istaff biex jiġi żgurat monitoraġġ adegwat.

IMPLIMENTAZZJONI MATUL IL-PERJODU TA’ RAPPORTAR

Ħarsa ġenerali

Il-Programm ta’ Għajnuna daħal fil-fażi tal-implimentazzjoni sħiħa. L-isforzi kienu ffukati fuq il-monitoraġġ, l-iżgurar tas-sostenibbiltà tal-proġetti u l-bini tal-kapaċità tal-benefiċjarji li jieħu f’idejhom il-proġetti meta jitlestew, b’mod partikolari xogħlijiet u provvisti fuq skala kbira. In-nuqqas ta’ esperjenza fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' kuntratti ta' għotjiet mill-benefiċjarji Ċiprijotti Torok wasslet għall-bżonn ta’ taħriġ kif ukoll monitoraġġ prattiku mill-qrib.

In-numru totali ta’ kuntratti li qed jiġu implimentati fl-2010 kien jammonta għal 984 (xogħlijiet, servizzi, provvisti u għotjiet), li minnhom 200 kienu magħluqa.

Matul is-sena 2010, il-fondi mill-Programm ta’ Għajnuna provdew kontribuzzjoni ewlenija għal miżuri ta' trawwim ta' kunfidenza bħal tneħħija ta' mini, appoġġ għas-CMP u l-ftuħ ta' punt ta' qsim ġdid f'Kato Pyrgos u Karavostasi (magħruf ukoll bġala l-punt ta' qsim Limnitis/Yeşilırmak).

Progress skont l-objettivi

L-objettiv ġenerali tal-Programm għall-Għajnuna huwa sabiex tiġi faċilitata l-għaqda mill-ġdid ta’ Ċipru billi jiġi mħajjar l-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Ċiprijotta Torka b’enfażi partikolari fuq l-integrazzjoni ekonomika tal-gżira, fuq it-titjib tal-kuntatti bejn iż-żewġ komunitajiet u mal-UE, u fuq it-tħejjija għall-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE fil-każ ta’ ftehim komprensiv tal-problema ta’ Ċipru.

Objettiv 1: Żvilupp u ristrutturazzjoni tal-infrastruttura

Fis-settur tal-ilma, it-tibdil ta’ pajpijiet tad-distribuzzjoni tal-ilma qodma tal-asbestos tal-konkrit fil-parti ta’ fuq ta’ Nikosija, Kirenja, Gonjeli u Lefke/Lefka kien tlesta fil-biċċa l-kbira sal-aħħar tal-2010.F'Nikosija, abbażi tad-dejta provduta mill-benefiċjarji Ċiprijotti Torok, dan wassal għal 15% fit-tnaqqis tat-telf fl-ilma Il-provvista tal-ilma mhux interrotta setgħet tinkiseb fl-istaġun tax-xitwa għall-ewwel darba sa minn ħafna snin qabel . Tlestiet ukoll il-provvista tat-tagħmir tal-laboratorju tal-ilma.

Ix-xogħlijiet fuq l-investimenti ewlenin tal-ilma u tal-ilma skart f’Famagusta u Morphou/Güzelyurt waqa’ wara ż-żmien skedat fl-2010 iżda t-tnejn xorta huma mistennija li jitlestew u jibdew jaħdmu fl-2011. Ix-xogħlijiet bdew fl-2010 fuq il-kostruzzjoni ta’ impjant tat-trattament tal-ilma tal-iskart bi-komunali f'Mia Milia/Haspolat, li huma skedati li jitlestew fit-tieni nofs tal-2012 (implimentati mill-UNDP).

Il-kuntratt għall-kostruzzjoni ta’ impjant tad- desalinazzjoni tal-ilma baħar f’Sirianokhori/Kumköy ġie ffirmat f’Diċembru 2009 b’kundizzjoni sospensiva sabiex ikun hemm żmien ħalli tiġi żgurata mit-tmexxija Ċiprijotta Torka assigurazzjoni biżżejjed fl-ewwel lok ta’ aċċess ħieles u mhux ristrett għall-post tal-kostruzzjoni u fit-tieni lok tal-assistenza tagħhom għal implimentazzjoni bla xkiel, effiċjenti u effettiva. Wara li rċeviet dawn l-assigurazzjonijiet, is-sospensjoni tneħħiet f’Awwissu 2010 bil-bidu tal-ewwel fażi tal-kuntratt, li jinkludi provi pilota u disinn dettaljat. Madankollu f'Ottubru 2010, ġew introdotti restrizzjonijiet fuq l-aċċess li dewmu l-finalizzazzjoni tal-ewwel fażi u sfidaw il-kontinwazzjoni tagħha.

Kompla t-taħriġ dwar il-protezzjoni tan-natura . Komplew it-tħejjijiet ta' abbozz ta' pjanijiet ta' ġestjoni għaż-żoni li potenzjalment isiru Natura 2000 b'laqgħat ta' konsultanzzjoni pubblika, kmieni fl-2011. Bdew il-kostruzzjonijiet tal-faċilitajiet għall-ġestjoni u l-protezzjoni f’erba’ oqsma (li ħadu ż-żmien għal xi xhur minħabba l-iskoperta ta’ fdalijiet arkeoloġiċi) kif ukoll l-istabbiliment ta' netwerk ta' siti naturali. Il-kunsinna ta' provvisti għall-protezzjoni tan-natura inkluża sistema awtomatika għad-ditezzjoni ta' nar fil-foresti tlestiet parzjalment. Id-deċiżjoni li jiġi allokat kampus fl-Università fi ħdan żona speċjali protetta ġiet maqluba miċ-Ċiprijotti Torok.

Il-qasam tal-iskart solidu, l-attivitajiet prinċipali kienu mmirati lejn il-bidu u l-implimentazzjoni kontinwa tal-kuntratti tax-xogħol fis-siti Koutsoventis/Güngör u Famagusta . Meta l-kwistjoni tal-proprjetà ġiet riżolta, il-proġett Kato Dhikomo/Aşağı Dikmen kompla javvanza wkoll. Il-proġett dwar il-Faċilità tal-Iskart Mediku implimentat mill-UNDP kien viċin it-tlestija bit-tagħmir li kellu jiġi kkunsinnat fil-bidu tal-2011. L-assistenza teknika kienet immirata fuq iżjed ristrutturazzjoni ta’ servizzi ta’ ġestjoni tal-iskart eżistenti. L-istabbiliment ta’ entità operattiva li tieħu f’idejha t-tmexxija tas-sistema tal-ġestjoni tal-iskart solidu ma mexiex kif mistenni matul il-perjodu ta’ rapportar. Ġie provdut tagħmir għall-implimentazzjoni ta’ proġett tal-ikkompostjar tal-iskart bijodegradabbli.

Fis-settur tal- enerġija , ħafna mill-kuntratti tal-provvista ġew finalizzati b’suċċess. L-elettrometri u s-sistema tal-qari awtomatizzat relatata, it-tagħmir tal-kumpens tal-enerġija reattiva, il-laboratorju tal-kalibrazzjoni tal-miter, is-sistema tal-kontroll tat-tniġġis u tal-monitoraġġ tat-temp/riħ, is-sistema għall-Akkwist ta’ Dejta u Kontroll ta’ Superviżjoni (SCADA) u s-sistema tal-assistenza għall-klijenti għall-utilità tal-elettriku ġew ikkunsinnati u nstallati fl-2010. F'xi każijiet, l-azzjonijiet tal-benefiċjarji (li jiżguraw post aħjar, li jikkonettjaw il-provvista tal-enerġija, li jħaddmu iżjed persunal) huwa meħtieġa għal użu effettiv tal-investimenti. dew ix-xogħlijiet fuq l- Impjant tal-Enerġija Solari . Fuq kuntratti oħrajn, il-progress kien limitat. Taħt il-kuntratt tal-miters tal-interkonnessjoni, il-preparazzjoni tas-siti tal-installazzjoni mill-benefiċjarju għadha pendenti. L-assistenza teknika għar-ristrutturar tal-utilità tal-elettriku minkejja li tadatta l-objettivi tagħha għall-ħtiġijiet tal-benefiċjarju ma kellhiex il-kooperazzjoni sħiħa tal-kontrapartijiet li tippermetti tlestija fil-ħin u effettiva.

Fis-settur tat- telekomunikazzjonijiet , il-konfigurazzjoni riveduta tan-netwerk se tiġi inkorporata fil-kuntratt. Dan ġie propost mill-kuntrattur fuq il-bażi tas-sitwazzjoni attwali identifikata matul l-istħarriġ tas-siti. Il-preparazzjoni tas-siti nbdiet lejn l-aħħar tas-sena u l-progress kien jaqbel mal-ippjanar tal-installazzjoni tal-kuntrattur. Il-komponent tal-assistenza teknika għamel avvanzi iżjed bil-mod milli mistenni. Ma ttieħdu ebda deċiżjonijiet biex tiġi sseparata l-provvista tas-servizzi mill-operat tan-netwerk jew biex jiġi liberalizzat is-settur.

Taħt l-objettiv għal proġetti tas- sigurtà tat-traffiku , il-kuntratti tal-għajnuna teknika għall-preparazzjoni ta’ pjani għall-ġestjoni tat-traffiku għal komunitajiet lokali u għan-netwerk tat-toroq bejn l-ibliet lestew il-kompiti tagħhom u ġew sottomessi r-rapporti finali. L-assistenza teknika sabiex jinħoloq database effettiv ta’ tagħrif dwar aċċidenti u sistema ta’ ġbir ta’ dejta sabiex jissaħħaħ it-tagħrif dwar inċidenti tat-traffiku ffinalizzat id-disinn tas-sistema u integrata mal-ħardwer ikkunsinnat taħt kuntratt ta’ provvista separata. L-ittestjar tas-sistema u t-taħriġ għall-utenti huwa kontinwu. L-assistenzi tekniċi għat-titjib tal-ispezzjonijiet tal-vetturi u tal-proċedura tal-liċenzjar tax-xufiera provdew pariri ta’ valur. L-installazzjoni tat-tagħmir tal-ispezzjoni tal-vettura perjodika ddewmet minħabba d-deċiżjoni tal-benefiċjarju li jqiegħda fuq karreġġjata tal-ispezzjoni li għad trid tinbena. Il-kampanja edukattiva għall-promozzjoni tas-sigurtà fit-traffiku u t-tqajjim ta’ kuxjenza ġiet żviluppata u se tiġi implimentata fl-2011. Ġiet riveduta l-ispeċifikazzjoni teknika għall-proġett immirat lejn l-eliminazzjoni ta’ “postijiet perikolużi”.

Objettiv 2: Promozzjoni ta’ żvilupp soċjali u ekonomiku

L-erba' timijiet ta’ assistenza teknika (It-tim ta’ Appoġġ għall-Iżvilupp Rurali, it-Trobbija tal-Annimali, it-Tkabbir tal-Ħxejjex, l-Unità għat-Tmexxija tal-Programm), iffinanzjati bil- Programm tas-Settur għall-Iżvilupp Rurali taw assistenza teknika u taħriġ immirati lill-bdiewa, veterinarji, u esperti dwar l-iżvilupp rurali, partijiet ċentrali u lokali interessati. It-timijiet taw ukoll l-appoġġ tagħhom għal 225 benefiċjarju tal-għotjiet tal-iskemi tal-għotijiet li ġejjin “Titjib fil-produzzjoni agrikola”, “Appoġġ għall-intrapriża rurali”, “Żvilupp Komunitarju permezz ta’ Inizjattivi tal-Irħula”. It-tagħmir minn kuntratti ta’ provvista għal-laboratorji veterinarji u trobbija ta’ ħxejjex ġie kkunsinnat u qed jintuża. It-tim ta’ Appoġġ għall-Iżvilupp Rurali rreveda u ffinalizza Pjan ta’ Żvilupp Rurali u żewġ Strateġiji ta’ Azzjoni Lokali fir-rigward tal-prinċipji sottostanti tal-UE għall-iżvilupp rurali.

Taħt il-proġett Aġġornament tal-infrastruttura Urbana u Lokali implimentat fi tmexxija konġunta mal-UNDP, infetaħ is-seba’ punt tal-qsim ġdid li jgħaqqad l-irħula ta' Kato Pyrgos/Asagi Pirgo u Yeşilırmak/Limnitis. L-UE provdiet fondi għall-istudju ta’ vijabilità u kkontribwiet EUR 2.5 miljuni għax-xogħlijiet. Ġew iffinalizzati x-xogħlijiet ta’ rijabilitazzjoni f’diversi rħula fil-parti ta’ fuq ta’ Ċipru (i.e Hisarköy/Kampyli, Akincilar/Louroukina). Ġew restawrati l-faċċati tal-bini ma' ġenb wieħed tal-punt tal-qsim tat-triq f’Ledra. Bdiet ir-rinnovazzjoni tas-suq fil-belt bil-ħitan ta’ Nikosija.

Ġew iffirmati 15-il kuntratt ġdid ta’ għotjiet ma’ skejjel lokali għal valur totali ta’ madwar EUR 0.5 miljuni għall-appoġġ tal-modernizzazzjoni ta’ tekniki edukattivi. Ingħata tagħmir awtomotiv u tal-istampar lill-iskejjel vokazzjonali.

L-assistenza teknika għar- riforma kontinwa tas-settur tal-edukazzjoni primarja u sekondarja kkonċentrata fuq il-bini tal-kapaċitajiet tal-partijiet interessati ewlenin inkluż taħriġ intensiv għal tim ewlieni ta’ spetturi, żjarat fid-djar, taħriġ u appoġġ dwar edukazzjoni bbażata fuq it-tfal, l-iżvilupp ta’ standards tal-kwalità u l-input għall-iżvilupp tas-Sistema Ewropea ta' Ġestjoni tal-Informazzjoni.

Taħt il-proġett għal miżuri ta' tagħlim tul il-ħajja, inklużjoni soċjali u suq tax-xogħol attiv , tlestew uħud mill-31 għotja mogħtija lil SMEs, kmamar u għaqdiet oħra ta’ taħriġ. Ingħatat assistenza teknika għall-iżvilupp u t-tmexxija ’l quddiem tal-edukazzjoni vokazzjonali u sistemi ta’ taħriġ, miżuri ta’ tagħlim tul il-ħajja u s-suq attiv tax-xogħol, inkluż il-ftuħ ta’ ċentru tal-impjiegi f’Nikosija u żjarat ta’ studju u konferenzi barra l-pajjiż. L-isforzi kienu kkonċentrati fuq it-taħriġ lill-partijiet interessati inkluża l-konsulenza dwar il-karrieri.

B'appoġġ għall- kompetittività tal-SMEs , 32 kuntratt fi ħdan 2 skemi ta’ għotjiet li jiswew total ta’ EUR 4.5 miljuni kienu għaddejjin matul il-perjodu ta’ rapportar. Ir-riżultati mistennija mill-għotjiet tal-SMEs huma li jżidu l-kompetittività tas-settur privat Tork Ċiprijott permezz tal-aġġornament tat-tagħmir fiżiku u l-allinjament tal-prattiċi tal-ġestjoni tan-negozju ma’ dawk fl-UE. L-implimentazzjoni tal-maġġoranza ta’ dawn il-kuntratti ddewmet minħabba li n-nuqqas ta’ esperjenza tal-benefiċjarji bir-regoli tal-akkwist tal-UE u l-proċedura bil-mod għall-ħruġ ta’ garanziji tal-bank ikkawżaw pagamenti tard tal-prefinanzjament. Barra minn hekk, is-settur privat ġie appoġġjat permezz ta' kuntratt ta’ assistenza teknika (EUR 2.75 miljun) immirat lejn l-istituzzjonijiet u l-azzjonijiet ewlenin fil-qasam tal-iżvilupp ekonomiku u informatiku . L-implimentazzjoni bdiet mit-tieni nofs tal-2010. Ir-riżultat ewlieni sa issa huwa l-assistenza esperta provduta għall-abbozzar ta' Strateġija tal-Iżvilupp tas-Settur Privat .

Objettiv 3: Tħaddin tar-rikonċiljazzjoni, miżuri ta’ tisħiħ tal-kunfidenza, u appoġġ lis-soċjetà ċivili

Rikonċiljazzjoni, miżuri ta’ tisħiħ tal-kunfidenza, u appoġġ lis-soċjetà ċivili: Mill-44 proġett mogħtija, 2 ġew ikkanċellati fuq talba mill-benefiċjarju (nuqqas ta’ kapaċità għall-implimentazzjoni tal-kuntratt). Ħafna mill-benefiċjarji talbu estensjonijiet fit-tul ta’ żmien tal-proġett. Il-monitoraġġ tal-għotjiet twettqet minn esperti esterni għal monitoraġġ finanzjarju u monitoraġġ operattiv mit-Tim tal-Programm.

It- Tim ta’ Appoġġ għas-Soċjetà Ċivili (tim ta’ assistenza teknika) ipprovda gwida u appoġġ lill-applikanti fuq il-bażi ta’ konsulenza għall-ġestjoni tal-għotjiet u l-attivitajiet għall-bini tal-kapaċità.

L-UE baqgħet l-akbar donatriċi waħdanija għall-attivitajiet tal- Kumitat għall-Persuni Nieqsa li jimmira li jistabbilixxi x'sar minnhom dawk il-persuni li ġew dikjarati nieqsa miż-żewġ komunitajiet b'konsegwenza tal-avvenimenti traġiċi tal-1963-64 u l-1974: Il-kuntratt ta' EUR 3 miljuni se jiġi ffiinalizzat fi Frar 2011. Ġie preparat u mqassam dokumentarju biex jinforma dwar dawn l-attivitajiet.

Tneħħija ta’ mini : Il-buffer zone kollha mistennija tiġi dikjarata ħielsa mill-mini sa April tal-2011. Ġie suġġerit min-Nazzjonijiet Uniti li titkompla t-tneħħija tal-mini barra l-buffer zone iżda fil-preżent il-Kummissjoni la għandha mandat politiku u lanqas riżorsi biex tkompli x-xogħol.

L-attivitajiet tal-proġett Akkademja tal-Istudji Politiċi implimentat mill-Kunsill tal-Ewropa jiffukaw fuq li jiżdied il-ftehim tal-kwistjonijiet ewlenin għall-futur tal-gżira fi ħdan l-UE. Għat-tieni sena akkademika tiegħu, il-proġett ġabar 30 mexxejja żgħażagħ miż-żewġ komunitajiet Ċiprijotti.

Objettiv 4: Sabiex il-komunità Ċiprijotta Torka titqarreb lejn l-Unjoni Ewropea

Għar-raba’ sena akkademika tal-Programm Boroż ta' Studju tal-Komunità, ingħata għadd totali ta' 96 borża ta’ studju (22 għalliem, 10 sottogradwati, 64 gradwat). L-istudenti u l-għalliema kienu liberi li jagħżlu l-programmi ta’ studju u taħriġ, għalkemm ingħatat preferenza lil ċerti oqsma fil-komunità Ċiprijotta Torka fejn hemm nuqqas ta’ professjonisti ta’ ħila (l-Ekonomija, l-istudji Ewropej, l-oqsma kollha tal-Inġinerija, l-Amministrazzjoni Pubblika, il-Finanzi Pubbliċi). Il-pajjiżi ospitanti kienu r-Renju Unit, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, l-Isvezja, l-Estonja, il-Latvja, il-Greċja, il-Finlandja, ir-Repubblika Ċeka, il-Polonja u l-Ungerija.

Taħt il-“ Promozzjoni ta’ Skambji ta’ Żgħażagħ u Kuntatti personali oħra ”, ġew implimentati 15-il proġett. Uħud mill-proġetti li ngħataw fondi fit-tieni sejħa talbu estensjoni tat-tul taż-żmien tal-proġett. Il-proġetti kollha se jiġu finalizzati fl-2011.

L- InfoPoint tal-UE sar sors importanti ta’ informazzjoni għaċ-Ċiprijotti Torok fir-rigward ta' domandi u gwida relatati kemm mal-UE u mal-Programm ta' Għajnuna. Il-websajt tiegħu tnediet fl-2010. InfoPoint prepara 26 avveniment ta’ viżibilità u informattiv (żjarat ta’ studji, konferenzi, seminars, lekċers pubbliċi fuq l-istorja, l-istituzzjonijiet, proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u politiki kif ukoll korsijiet ta’ taħriġ speċifiċi dwar regoli tal-akkwist u t-tmexxija tal-proġetti tal-UE). Ospita diversi ċerimonji tal-għoti tal-premjijiet għall-Programm ta’ Għajnuna. L-Infopoint produċa/traduċa għat-Tork 7 pubblikazzjonijiet u 22 skeda informattiva dwar il-Programm ta' Għajnuna. Ġew preparati żewġ Sondaġġi Kwantitattivi sabiex jitkejlu l-perċezzjonijiet Ċiprijotti Torok tal-UE u tal-attivitajiet tal-UE li jikkonċernaw iċ-Ċiprijotti Torok. Biex jissupplimentaw din id-dejta, twettqu tliet Studji Kwalitattivi oħra. Ixxandru sittax-il avveniment fuq it-televiżjoni lokali. Hekk kif id-domandi tal-komunità benefiċjarja jsiru iżjed espliċiti, l-Infopoint jeħtieġ li jilqa' għal din l-isfida u jkompli jtejjeb il-kwalità tas-servizzi tiegħu.

Objettiv 5: Tħejjija tal-komunità Ċiprijotta Torka fl-introduzzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis communautaire

L-istrument tal-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar Assistenza Teknika (TAIEX) tal-Kummissjoni Ewropea ntuża bħala l-għodda prinċipali sabiex titwassal l-assistenza biex tipprepara l-komunità Ċiprijotta Torka għall-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE wara ftehim komprensiv għall-problema ta’ Ċipru.

TAIEX iffaċilita 365 attività ta’ asssitenza teknika bħal korsijiet ta’ taħriġ, laqgħat ta’ studju, missjonijiet esperti inkluża assistenza provduta minn esperti mill-bogħod u żjarat ta’ studju sabiex jappoġġjaw il-kisba tal-objettivi tar-Regolament tal-Għajnuna.

L-attivitajiet komplew jiffukaw primarjament fuq il-Programm għall-Applikazzjoni fil-Ġejjieni tal-Acquis (PFAA). Il-PFAA jipprovdi qafas għall-ippjanar u l-kunsinna ta’ assistenza teknika u taħriġ. Ingħatat assistenza fi 13-il settur tal-PFAA[3]. Matul l-2010, iċ-Ċiprijotti Torok wrew interess li jirċievu assistenza teknika fi 3 oqsma oħra tal-acquis [4].

Fi tmiem tal-2009, l-appoġġ tat-TAIEX liċ-Ċiprijotti Torok mexa lejn bażi ta’ proġett fuq perjodu ta’ żmien medju sabiex jikseb l-oġġettivi tiegħu b’mod iżjed effiċjenti u effettiv. Total ta’ 97 espert mill-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE ġew magħżula biex jipprovdu appoġġ għal assistenza teknika f’perjodu ta’ żmien medju.

TAIEX ipprovda taħriġ dwar it-tħejjija ta' testi legali allinjati mal- acquis sabiex dawn ikunu applikabbli minnufih mad-dħul fis-seħħ ta' ftehim komprensiv. Marbut mal-amministrazzjoni fil-ġejjieni ta’ fondi tal-UE, kompla jingħata taħriġ fil-qasam tal-amministrazzjoni tan-nefqa pubblika.

L-iżvilupp tal- kummerċ lil hinn mil-Linja l-Ħadra kien appoġġjat ukoll mit-TAIEX. L-esperti mill-Istati Membri tal-UE kienu ġew kontinwament mobilizzati sabiex iwettqu spezzjonijiet fitosanitarji/veterinarji ta’ patata u ħut, sabiex jiffaċilitaw il-kummerċ.

It-tliet kuntratti ta’ provvista ta’ tagħmir għal monitoraġġ tal-kwalità tal-arja ġew implimentati u t-tagħmir qed jintuża. Iż-żewġ kuntratti ta’ assistenza teknika kontinwi għal dan is-settur iffukaw fuq l-istabbiliment ta’ proċedura tal-kontroll tal-kwalità ta’ kuljum u l-assigurazzjoni tal-kwalità għat-tmexxija tat-tagħmir provdut, megħjuna fl-iżvilupp tal-pjanijiet ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-arja. Iċ-Ċiprijotti Torok jeħtieġu li jiżguraw li jiġu provduti persunal jew fondi adegwati għal servizzi ta’ esternalizzazzjoni għall-ġestjoni tal-istazzjonijiet tal-monitoraġġ tal-kwalità tal-arja u biex jelaboraw id-dejta.

Studji

Fond ta' Trust mal-Bank Dinji ta’ EUR 1 miljun għat-twettiq ta' "Programm ta’ analiżi ekonomika għat-tkabbir u l-iżvilupp sostenibbli" ħa fit-tul ħafna minħabba nuqqas ta' qbil bejn ir-Repubblika ta' Ċipru u l-Bank Dinji dwar it-terminoloġija li għandha tintuża.

Eżekuzzjoni finanzjarja (kuntratti u ħlasijiet)

Għoti ta' kuntratti

Għoti ta’ kuntratti EUR 2.5 miljun tal-approprjazzjonijiet tal-impenji tal-2009 kien disponibbli li minnu 78% ingħata f’kuntratti. Ġew iffirmati 106 kuntratti ġodda għal boroż ta’ studju għall-2010/2011 u skejjel.

Fl-2006-2010, l-allokazzjoni totali għal dan il-Programm ta’ Għajnuna kienet tammonta għal EUR 264.5 miljun.

Pagamenti

Il-Kummissjoni Ewropea nefqet EUR 62.7 miljuni fl-2010, madwar 18% inqas milli previst fl-ippjanar inizjali. Dan kien ikkawżat mill-bidu tard tal-proġett ta' desalinazzjoni tal-ilma tal-baħar ta' EUR 27.5 miljun u l-għotjiet tal-iżvilupp rurali ta’ total ta’ EUR 4 miljuni.

B’kollox intefqu EUR 132 miljun (52% tal-ammont globali kuntrattat) sal-aħħar tal-2010.

Monitoraġġ

Il-Mekkaniżmu ta’ Reviżjoni Provviżorja (IRM) iservi bħala forum fejn jiġi diskuss fid-dettal mal-benefiċjarji t-twettiq tal-programm. Dan iltaqa’ darbtejn fl-2010.

Fl-2010, kien hemm ukoll it-tnedija ta’ mekkaniżmu separat għall-monitoraġġ tal-għajnuna mwassla permezz ta’ TAIEX.

Fl-2010, l-attivitajiet tat-Tim tal-Programm kienu kkonċentrati fuq il-monitoraġġ. L-istrumenti ewlenin huma ż-żjarat fuq il-post u parteċipazzjoni fil-kumitati tat-tmexxija tal-proġett. Barra minn hekk, l-appoġġ estern għall-monitoraġġ finanzjarju ġie kuntrattat.

Verifika u kontrolli

It-taqsima tal-verifika operazzjonali tad-DĠ għat-Tkabbir ivverifikat kampjun ta’ tranżazzjonijiet ta’ kuntratti u pagamenti. Ir-rapport hu mistenni fl-ewwel kwart tal-2011.

Saret missjoni għal ġbir ta’ fatti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri f’Novembru 2010 bi preparazzjoni għal verifika tal-prestazzjoni fl-2011.

Evalwazzjoni.

Fl-2010, l-evalwazzjonijiet settorjali ta’ nofs it-terminu twettqu fis-setturi tas-soċjetà ċivili u l-iżvilupp rurali. Il-konklużjoni wriet il-ħtieġa ta’ fondi multiannwali kontinwi biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà ta’ proġetti li jkunu għaddejjin.

Informazzjoni, Pubbliċità u Viżibilità

Matul il-perjodu ta’ rapportar, 17-il stqarrija għall-istampa ġew ippubblikati dwar kwistjonijiet relatati mal-programmi. Il-maġġoranza tal-attivitajiet tal-viżibilità twettqu mill-InfoPoint.

L-avvenimenti ta’ viżibilità ewlenin kienu l-ftuħ tal-punt ta’ qsim Kato Pyrgos/Karavostasi u t-tnedija tad-dokumentarju bil-fondi tal-UE dwar is-CMP li għalih attenda l-Kummissarju Füle f’Ottubru 2010.

Skont is-Sondaġġ Kwantitattiv (Awwissu 2010), il-perċezzjoni Ċiprijotta Torka tal-UE kienet pożittivament affettwata u l-attivitajiet tal-Infopoint ikkontribwew għaliha.

L-attivitajiet tar-Rappreżentazzjoni KE lejn iċ-Ċiprijotti Torok kkontribwew lejn il-viżibilità tal-għajnuna tal-KE u għaż-żieda tal-fiduċja lejn l-UE.

Konsultazzjonijiet mal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru

Saru laqgħat regolari mar-rappreżentanti tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru, partikolarment meta l-Kummissarju u uffiċjali għolja tal-Kummissjoni żaru l-gżira.

Fir-rigward tal-verifika tas-sidien tal-art, il-Kummissjoni fl-2010 straħet fuq il-kooperazzjoni kontinwa mas-servizzi rilevanti tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru, partikolarment fir-rigward tal-faċilitazzjoni tat-tkomplija tar-rijabilitazzjoni tal-miżbla antika viċin ta’ Kato Dhikomo/Aşağı Dikmen li tinsab parzjalment fuq art li hija proprjetà privata ta’ Griegi Ċiprijotti.

KONKLUżJONIJIET

Matul il-perjodu ta' rappurtar, l-attivitajiet ikkonċentraw fuq:

1. Implimentazzjoni u monitoraġġ tal-proġetti.

2. Programmar tal-fondi tal-2011.

Għad hemm uħud mill-isfidi msemmija fir-rapporti ta’ qabel. Fiż-żmien imsemmi fir-rapport, l-aspetti li jolqtu l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Għajnuna kienu jinkludu:

3. Il-Kooperazzjoni bejn il-komunitajiet Ċiprijotti Torok u Griegi Ċiprijotti hi meħtieġa biex jintlaħaq l-għan tal-Programm ta’ Għajnuna, iżda jeħtieġ iż-żmien u l-appoġġ permezz ta’ attivitajiet differenti.

4. Kapaċità ta’ assorbiment baxx mill-komunità li tibbenefika: Il-bini tal-kapaċità hu proċess li jieħu ż-żmien. Madankollu, hemm titjib kontinwu bil-progress tal-implimentazzjoni tal-proġetti.

5. In-nuqqas ta’ esperjenza bir-regoli tal-akkwist tal-UE jtawwal l-implimentazzjoni tal-għotjiet. Il-benefiċjarji huma megħjuna mit-Tim tal-Programm u t-timijiet tal-assistenza teknika biex jiksbu l-esperjenza.

6. Riski għas-sostenibilità għall-infrastruttura kbira, li teħtieġ li ċ-Ċiprijotti Torok jagħmlu disponibbli l-persunal imħarreġ u l-fondi meħtieġa.

7. Preparazzjoni insuffiċjenti tas-sit fi proġetti tal-enerġija u t-telekomunikazzjoni kkawżat dewmien.

8. It-tnaqqis fil-persunal tal-Kummissjoni minħabba limiti baġitarji li ġab il-bżonn li jiġu stabbiliti l-prijoritajiet b'mod strett u li jiġu riallokati r-riżorsi tal-persunal biex jiġi żgurat monitoraġġ adegwat u li jiġu preżentati r-riskji serji għall-abbiltà li wieħed jikkomunika fuq il-kisbiet tal-programm.

[1] ĠU L65, 7.3.2006, p.5.

[2] Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010)6874 dwar l-appoġġ tal-2010 lill-Kumitat għall-Persuni Nieqsa.

[3] Moviment Ħieles tal-Kapital; Appalti Pubbliċi; Liġi tal-Kumpaniji tal-UE; Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE; Kontroll Finanzjarju, Servizzi Finanzjarji, Żvilupp Agrikolu u Rurali, Sigurtà tal-Ikel, Politika Veterinarja u Fitosanitarja, Trasport bit-Triq, Statistiċi, Impjiegi u Politika Soċjali, Ambjent, Protezzjoni tas-Saħħa u l-Konsumatur

[4] Rikonoxximent Reċiproku ta’ Kwalifiki Professonali, Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali, Moviment Ħieles tal-Oġġetti.