52011DC0257

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar in-nefqa tal-FAEGSistema ta’ twissija bikrijaNru 1-3/2011 /* KUMM/2011/0257 finali */


MT

|| IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Brussel 13.5.2011

KUMM(2011) 257 finali

 

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar in-nefqa tal-FAEG Sistema ta’ twissija bikrija Nru 1-3/2011

WERREJ

1........... Il-proċedura tal-baġit tal-FAEG għall-2011..................................................................... 3

2........... Dħul assenjat lill-FAEG................................................................................................... 3

3........... Dħul li ġej mill-ammonti temporanji għar-ristrutturar (is-settur taz-zokkor)........................ 4

4........... Kummenti dwar l-implimentazzjoni provviżorja tal-baġit tal-FAEG għall-2011.................. 5

5........... Implimentazzjoni tad-dħul assenjat għall-FAEG............................................................... 8

6........... Implimentazzjoni tad-dħul li ġej mill-ammonti temporanji għar-ristrutturar (is-settur taz-zokkor)         8

7........... Implimentazzjoni tal-Fond ta’ Ristrutturar rivedut għaz-Zokkor........................................ 9

8........... Konklużjonijiet............................................................................................................... 9

anness 1 anness 2: || Il-proċedura tal-baġit tal-FAEG għall-2011 Konsum provviżorju tal-approprjazzjonijiet tal-FAEG sal-31/01/2011

1. Il-proċedura tal-baġit tal-FAEG għall-2011

Il-proċedura tal-baġit għall-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) għall-2011 u l-ammonti korrispondenti tal-approprjazzjonijiet involuti f’kull stadju tal-proċedura qed jingħataw fil-qosor fit-tabella mogħtija fl-Anness 1.

Il-baġit tal-FAEG għall-2011 ġie adottat mill-Awtorità tal-Baġit fil-15 ta’ Diċembru 2010. Il-baġit jinkludi approprjazzjonijiet għall-impenji u approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet li jammontaw għal:

– EUR 42 508.3 miljun u EUR 42 509.0 miljun rispettivament għall-miżuri tas-suq agrikolu u għal għajnuniet diretti (il-qasam tal-politika nru 05).

– EUR 352.9 miljun u EUR 253.7 miljun rispettivament għall-miżuri veterinarji u fitosanitarji (il-qasam tal-politika nru 17).

– EUR 30 miljun u EUR 25.8 miljun rispettivament għas-sajd (il-qasam tal-politika nru 11).

L-ammont totali tal-approprjazzjonijiet għall-impenji fil-baġit għall-FAEG kienu jammontaw għal EUR 42 891.2 miljun u l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet tiegħu kienu jammontaw għal EUR 42 788.5 miljun. Id-differenza bejn l-approprjazzjonijiet għall-impenji u l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet isseħħ minħabba li, għal ċertu miżuri li huma implimentati direttament mill-Kummissjoni, jintużaw approprjazzjonijiet divrenzjati. Dawn l-iskemi għandhom x’jaqsmu prinċipalment mal-promozzjoni tal-prodotti agrikoli, mal-istrateġija politika u l-miżuri ta’ koordinazzjoni għall-agrikoltura kif ukoll mas-sajd u mal-miżuri veterinarji u fitosanitarji.

2. Dħul assenjat lill-FAEG

Abbażi tar-regoli tal-Artikolu 34 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni, id-dħul li joriġina mill-korrezzjonijiet finanzjarji taħt id-deċiżjonijiet tal-approvazzjoni tal-konformità, minn irregolaritajiet u mill-imposta fuq il-ħalib, huwa allokat bħala dħul assenjat għall-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG. Skont dawn ir-regoli, dħul assenjat jista’ jintuża biex ikopri l-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG imġarrba mill-Istati Membri. F'każ fejn parti minn dan id-dħul ma tintużax, din il-parti tiġi ttrasferita awtomatikament għas-sena tal-baġit ta' wara.[1]

Il-Baġit tal-FAEG għall-2011 inkluda kemm: l-istima l-aktar riċenti tal-Kummissjoni dwar l-ammont ta’ approprjazzjonijiet, li tkun meħtieġa biex tkun iffinanzjata n-nefqa mistennija għall-miżuri tas-suq u għall-għajnuniet diretti, kif ukoll l-istimi tad-dħul assenjat, li huwa mistenni jinġabar matul is-sena tal-baġit inkwistjoni u t-trasferiment tal-bilanċ tad-dħul assenjat li jkun għad baqa’ disponibbli mis-sena tal-baġit ta’ qabel. Fil-proposta tagħha għall-ammont ta’ approprjazzjonijiet tal-FAEG għall-Baġit tal-2011, il-Kummissjoni qieset id-dħul assenjat totali mistenni u talbet fl-2011 livell ta’ approprjazzjonijiet ikkalkolat bit-tnaqqis fl-istima tad-dħul assenjat mill-istima tagħha tan-nefqa. L-Awtorità tal-Baġit adottat il-baġit il-ġdid tal-FAEG li l-approprjazzjonijiet tiegħu kienu jinkludu d-dħul assenjat mistenni.

Fiż-żmien tal-istabbilment tal-Baġit għall-2011, l-istimi tal-Kummissjoni għad-dħul assenjat disponibbli kienu jammontaw għal EUR 1 247miljun. B’mod speċifiku:

– Ġie stmat li d-dħul assenjat li mistenni jiġi ġġenerat matul is-sena tal-baġit 2011 se jkun ta’ EUR 707 miljuni. Kienu mistennija l-ammonti ta’ EUR 600miljun u EUR 88 miljun mill-korrezzjonijiet tal-approvazzjoni tal-konformità u mill-irregolaritajiet rispettivament. Id-dħul mill-imposta fuq il-ħalib kien stmat li huwa ta’ EUR 19–il miljun.

– Ġie stmat li d-dħul assenjat li mistenni jiġi ttrasferit mis-sena tal-baġit 2010 għall-2011 se jammonta għal EUR 540 miljun.

Fil-baġit tal-2011, il-Kummissjoni assenjat dan id-dħul ta' EUR 1 247 miljun għal żewġ skemi. B’mod speċifiku:

– EUR 500 miljun ġew assenjati għall-fondi operattivi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix, u

– EUR 747 miljun ġew assenjati għall-iskema ta’ pagament uniku.

Għal dawn iż-żewġ skemi, l-Awtorità tal-Baġit eventwalment ivvutat favur approprjazzjonijiet li jammontaw għal EUR 292 miljun u EUR 30 389 miljun rispettivament, skont il-proposta tal-Kummissjoni. Is-somma tal-approprjazzjonijiet ivvutati u d-dħul assenjat imsemmi hawn fuq jikkorrispondu għal stima totali tal-approprjazzjonijiet meħtieġa ta’ EUR 792 miljun għall-fondi operattivi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix u ta’ EUR 31 136 miljun għall-iskema ta’ pagament uniku.

Fl-Anness 2, li jippreżenta l-użu provviżorju tal-baġit għall-2011 għall-perjodu sal-31 ta’ Jannar 2011, iċ-ċifri tal-approprjazzjonijiet tal-baġit għas-settur tal-frott u l-ħaxix u għas-settur ta’ għajnuniet diretti diżakkoppjati, ippreżentaw approprjazzjonijiet ivvutati għal dawn iż-żewġ skemi, li rispettivament jammontaw għal EUR 491.1 miljun u għal EUR 36 324 miljun, mingħajr ma jitqies id-dħul assenjat imsemmi hawn fuq. Wara li jiġi inkluż id-dħul assenjat lil dawn is-setturi, l-approprjazzjonijiet totali previsti fil-baġit tal-2011 jammontaw għal EUR 991.1 miljun għall-frott u l-ħaxix u għal EUR 37 071 miljun għall-għajnuniet diretti diżakkoppjati.

3. Dħul li ġej mill-ammonti temporanji għar-ristrutturar (is-settur taz-zokkor)

L-ammonti temporanji għar-ristrutturar tas-settur taz-zokkor jitqiesu bħala dħul assenjat maħsub biex jiffinanzja l-għajnuna għar-ristrutturar tas-settur taz-zokkor u l-għajnuniet l-oħra previsti mill-Fond għar-Ristrutturar għaz-Zokkor. Għal tliet snin ta’ kummerċjalizzazzjoni: 2006/07, 2007/08 u 2008/09, dawn l-ammonti li kienu relatati mal-kwoti kwantitattivi ta’ zokkor, ġulepp tal-inulina u iżoglukożju miżmuma minn operaturi f’kull Stat Membru tħallsu llil-Fond. Fiż-żmien meta kien sar il-baġit tal-2011 kien mistenni li ammont ta’ EUR 1 015 miljun ikun ittrasferit mis-sena tal-baġit 2010 għal dik tal-2011.

4. Kummenti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-FAEG għall-2011

Il-livell tal-implimentazzjoni provviżorja tal-baġit għall-perjodu bejn is-16 ta’ Ottubru 2010 u l-31 ta’ Jannar 2011 huwa mogħti fl-Anness 2. Dan il-livell ġie mqabbel mal-profil tan-nefqa bbażat fuq l-indikatur, li ġie stabbilit abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005. Hawn taħt qed jingħata kummentarju qasir dwar ċerti artikoli tal-baġit, li juru d-diverġenzi l-aktar sinifikanti bejn il-livell tal-implimentazzjoni attwali u dak mistenni għall-baġit tal-2011:

4.1. Miżuri tas-suq

L-assorbiment ta’ approprjazzjonijiet għall-interventi fis-swieq agrikoli kien ogħla meta mqabbel mal-livell tal-approprjazzjonijiet ivvutati mill-baġit, kif ikkalkulat mil-livell tal-indikatur fil-31 ta’ Jannar 2011, b’EUR 179.4 miljun. Din id-diverġenza hija attribwita primarjament għas-setturi tal-inbid u tal-frott u tal-ħaxix (ara punt 4.1.2 hawn taħt) kif ukoll għall-programmi tal-ikel. Fl-istess waqt, bħala total, setturi oħra jippreżentaw sottoimplimentazzjoni żgħira.

4.1.1. Programmi tal-ikel(+EUR 22.1 miljun)

L-assorbiment aktar mgħaġġel ta' approprjazzjonijiet imqabbel mal-livell tal-indikatur bħalissa huwa riflessjoni tan-nuqqas ta’ nfiq f’din il-linja baġitarja fl-2010. Dan jirrifletti l-fatt li l-ispejjeż amministrattivi tal-Istati Membri marbuta mal-ġestjoni tal-programmi tal-2010 ġew iddikjarati biss fis-sena tal-baġit 2011. F’dan il-mument, il-Kummissjoni tqis li l-approprjazzjonijiet se jkunu suffiċjenti sabiex ikopru n-nefqa mistennija.

4.1.2. Frott u ħaxix (+ EUR 74.4 miljun meta mqabbel mal-approprjazzjonijiet ivvutati)

Dan il-livell ta’ implimentazzjoni huwa attribwit għan-nefqa għall-fondi operattivi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi, li huma ffinanzjati kemm mill-approprjazzjonijiet ivvutati tal-baġit, kif ukoll mid-dħul assenjat għal din l-iskema fil-baġit tal-2011 (NB: Għad-dettalji jekk jogħġbok ara l-punt 2 hawn fuq). Dan il-livell ta’ implimentazzjoni huwa r-riżultat tal-applikazzjoni tal-indikatur għall-perjodu sal-31 ta’ Jannar 2011 għall-approprjazzjonijiet ivvutati tal-baġit, li ma jinkludux id-dħul assenjat għal dan is-settur.

F’dan il-mument, il-Kummissjoni tqis li l-approprjazzjonijiet totali disponibbli għal dan is-settur se jkunu suffiċjenti sabiex ikopru n-nefqa mistennija li tkun imġarrba mill-Istati Membri fl-2011.

Mill-2010, għall-benefiċċju tal-qarrej, il-Kummissjoni introduċiet nota f’qiegħ il-paġna * għat-tabella ta’ użu provviżorju li tidher fl-Anness 2. Din in-nota f’qiegħ il-paġna turi xi tkun is-sitwazzjoni, kieku fil-31 ta’ Jannar 2011, ġie applikat l-indikatur, , għall-approprjazzjonijiet totali, li huma mistennija jkunu disponibbli biex ikun iffinanzjat dan is-settur. Kif huwa nnutat fil-punt 2 hawn fuq, il-finanzjament totali li mistenni jkun disponibbli għal dan is-settur huwa kompost mill-approprjazzjonijiet ivvutati tal-baġit ta’ EUR 491.1 miljuni u mid-dħul assenjat għal dan is-settur li huwa stmat li jammonta għal EUR 500miljun. Għalhekk, kieku kien applikat l-indikatur għall-finanzjament totali ta’ EUR 991.1 miljun li mistenni jkun disponibbli għal dan is-settur, allura jkun jidher nuqqas ta’ nfiq ta’ – EUR 55.7 miljun.

Dan in-nuqqas ta’ nfiq huwa relatat ma’ fondi operattivi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi li għandhom ritmu ta’ ħlasijiet ftit aktar bil-mod mis-snin preċedenti u għall-Iskema tal-Frott fl-Iskejjel, li minħabba novità relattiva tal-miżura għadha ma ssegwix xejra ta' użu definit. It-tnejn huma meqjusa bħala ta’ natura temporanja.

4.1.3. Prodotti tas-settur tal-inbid (+EUR 96.4 miljun)

Meta mqabbla mal-livell tal-approprjazzjonijiet tal-baġit u mal-profil teoretiku ta' użu nnutat mill-indikatur fil-31 ta' Jannar 2011, dan l-użu żejjed attwali huwa dovut għat-tħaffif tar-ritmu tal-ħlasijiet mill-Istati Membri primarjament għall-programmi ta’ appoġġ nazzjonali għas-settur tal-inbid (speċjalment fl-investiment, il-promozzjoni kif ukoll ir-ristrutturar u l-konverżjoni tad-dwieli). Dan ir-ritmu aktar mgħaġġel ma jikkostitwixxix riskju li jinqabżu l-approprjazzjonijiet tal-baġit, minħabba li huwa bbażat fuq il-limiti finanzjarji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni għal dawn il-miżuri.

4.1.4. Ħalib u prodotti tal-ħalib (-EUR 10.2 miljun)

Meta mqabbla mal-livell tal-approprjazzjonijiet tal-baġit u mal-profil teoretiku ta' użu nnutat mill-indikatur fil-31 ta' Jannar 2011, huwa osservat nuqqas ta' nfiq. B'mod partikolari dan huwa relatat mal-Iskema tal-Ħalib fl-Iskejjel li l-approprjazzjonijiet tagħha żdiedu b’EUR 10 miljuni fl-Abbozz il-Ġdid ta' Baġit meta mqabbla mal-Ittra ta’ Emenda. Din iż-żieda fil-baġit mhijiex riflessa fl-implimentazzjoni tal-Istati Membri.

4.2. Għajnuniet diretti

L-użu tal-approprjazzjonijiet għal għajnuniet diretti mqabbel mal-livell innutat mill-indikatur fil-31 ta’ Jannar 2011 kien inqas minn EUR 328.5 miljun.

4.2.1. Għajnuniet diretti diżakkopjati (-EUR 231.3 miljun meta mqabbla mal-approprjazzjonijiet ivvutati)

It-total tal-approprjazzjonijiet ta' kreditu disponibbli għall-ħtiġijiet ta' dan is-settur jammontaw għal EUR 37 071 miljun inkluż id-dħul previst ta’ EUR 747 miljun assenjat għall-Iskema ta’ Pagament Uniku. (NB: għad-dettalji, jekk jogħġbok ara l-punt 2 hawn fuq).

L-iskema ta' pagament uniku (SPU) tippreżenta nuqqas żgħir ta’ nfiq. Din l-iskema, wara użu mgħaġġel ħafna fl-ewwel xahrejn tas-sena tal-baġit 2011, naqset ftit ir-ritmu f'Jannar. Madankollu, l-Istati Membri s’issa diġà ħallsu madwar 92% tal-ħtiġijiet stmati fil-baġit meta mqabbla ma’ 86% f’dak iż-żmien fl-2010.

Dan il-livell ta'implimentazzjoni għall-għajnuniet diretti diżakkopjati ġej ukoll mill-ħlasijiet magħmula mill-Istati Membri għall-Iskema ta’ Pagament Uniku skont l-Erja (SPUE), fejn jiġi osservat nuqqas ta' nfiq sinifikanti meta mqabbel mal-livell tal-indikatur. Filwaqt li għall-maġġoranza tal-Istati Membri r-ritmu tal-ħlasijiet huwa f'konformità max-xejriet stabbiliti, il-Bulgarija, sal-aħħar ta’ Jannar, għadha m’għamlet l-ebda ħlas u fil-Polonja saru ħlasijiet ħafna aktar baxxi. F’dan il-mument, il-Kummissjoni tqis li din is-sitwazzjoni hija temporanja.

Mill-2010, għall-benefiċċju tal-qarrej, il-Kummissjoni introduċiet nota f’qiegħ il-paġna * għat-tabella ta’ użu provviżorju li tidher fl-Anness 2. Din in-nota f’qiegħ il-paġna turi xi tkun is-sitwazzjoni, kieku fil-31 ta’ Jannar 2011 ġie applikat l-indikatur għall-approprjazzjonijiet totali, li huma mistennija jkunu disponibbli biex ikun iffinanzjat dan is-settur. Kif huwa nnutat fil-punt 2 hawn fuq, il-finanzjament totali li mistenni jkun disponibbli għal dan is-settur huwa kompost mill-approprjazzjonijiet tal-baġit ivvutati ta’ EUR 36 324.0 miljun u mid-dħul assenjat għal dan is-settur li huwa stmat li jammonta għal EUR 747miljun. Għalhekk, kieku l-indikatur kien applikat għall-finanzjament totali ta’ EUR 37 071 miljun li mistenni jkun disponibbli għal dan is-settur, allura jkun jidher nuqqas ta’ nfiq ta’ EUR 898.9 miljun.

4.2.2. Għajnuniet diretti oħrajn (-EUR 97.3 miljun)

Meta mqabbel mal-livell innotat mill-indikatur, jista’ jiġi osservat ritmu aktar bil-mod ta’ ħlasijiet magħmula mill-Istati Membri għal ċerti skemi (primjums għal baqar li jreddgħu, għall-qtil tal-bovini u għall-qoton) . F’dan il-mument, din is-sitwazzjoni hija meqjusa bħala temporanja.

Mill-banda l-oħra, is-sena kalendarja 2010 kienet l-ewwel sena ta’ ħlas għall-miżuri ta' appoġġ speċifiċi diżakkopjati (Art 68). Minħabba li ma kien hemm l-ebda storja minn qabel ta' din il-miżura, il-profil attwali għal din il-linja baġitarja jiddistribbwixxi n-nefqa b’mod lineari sal-aħħar ta' Ġunju, filwaqt li l-Istati Membri għamlu aktar mill-45% tal-ħlasijiet previsti għas-sena tal-baġit 2011 fil-perjodu minn Novembru sa Jannar. Dan ma jikkostitwixxi l-ebda riskju għad-disponibbiltà ta’ approprjazzjonijiet baġitarji, minħabba li dawn huma bbażati fuq il-limiti finanzjarji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni għall-miżuri speċifiċi ta' appoġġ.

4.3. Verifika tan-nefqa agrikola 4.3.1. Approvazzjoni tal-kontijiet tas-snin ta’ qabel (+ EUR 74.8 miljun)

Il-livell attwali tal-implimentazzjoni jirriżulta mit-tqabbil tal-approvazzjoni tal-korrezzjonijiet tal-kontijiet li diġà saru mal-livell korrispondenti tal-indikatur mill-31 ta’ Jannar 2011. Madanakollu, ta’ min jinnota li f’konformità mal-qafas taż-żmien leġiżlattiv, għadhom ma tteħdux id-deċiżjonijiet kollha tal-approvazzjoni tal-kontijiet mistennija matul din is-sena tal-baġit.

Ta’ min jinnota li l-Kummissjoni, fl-Ittra ta’ Emenda tagħha għall-2011, ipproponiet korrezzjonijiet li jammontaw għal – EUR 72.0 miljun. L-ammont finali inkluż fil-baġit tal-2011 kien – EUR 272 miljun.

Dan il-mument il-Kummissjoni tqis li l-korrezzjonijiet li mistennija jsiru mid-deċiżjonijiet tal-approvazzjoni tal-kontijiet tagħha u min-nuqqas ta' ħarsien tad-dati tal-iskadenzi ta’ ħlasijiet ta' għajnuna mill-Istati Membri, mhux se jkunu suffiċjenti biex ikopru l-ammont straordinarju ta’ – EUR 200miljun. Sabiex tagħlaq din il-partita tal-baġit fl-2011, il-Kummissjoni se jkollha bżonn tkopri n-nuqqas sinifikanti ta’ approprjazzjonijiet negattivi tal-baġit li jirriżulta mill-approprjazzjonijiet pożittivi tal-baġit. .

4.4. Il-qasam tal-politika Nru 17 4.4.1. Is-sikurezza tal-ikel u tal-għalf, is-saħħa tal-annimali, il-benesseri tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti (+EUR 110.1 miljun)

L-indikatur għal din il-partita tal-baġit ġie kkalkolat abbażi tal-ippjanar tal-impenji baġitarji minn servizzi responsabbli tal-Kummissjoni. Jirriżulta madankollu, li l-preparazzjoni u l-adozzjoni ta' programmi tax-xogħol f’dan il-qasam kienu aktar mgħaġġla fl-2011 milli oriġinarjament previst; dan jirriżulta fit-tħaffif tal-impenji baġitarji. F’dan il-mument il-Kummissjoni tqis li l-approprjazzjonijiet se jkunu suffiċjenti sabiex ikopru n-nefqa mistennija.

5. Implimentazzjoni tad-dħul assenjat lill-FAEG

It-tabella fl-Anness 2 turi li d-dħul assenjat li jammonta għal EUR 1 219.4 miljun, inġabar sal-31 ta’ Jannar 2011. B’mod speċifiku:

– id-dħul mill-korrezzjonijiet ibbażat fuq deċiżjonijiet tal-approvazzjoni tal-konformità kien jammonta għal madwar EUR 236.1 miljun b’ammonti addizzjonali mistennija sa tmiem is-sena tal-baġit;

– id-dħul mill-irregolaritajiet kien jammonta għal madwar EUR 57.8 miljun, b’ammonti addizzjonali wkoll mistennija sa tmiem is-sena tal-baġit, u

– f’dan il-mument, inġabar kważi d-dħul kollu mill-imposta fuq il-ħalib u dan jammonta għal madwar EUR 20.4 miljun li jaqbeż bi ftit l-istima inizjali ta’ EUR 19–il miljun;

– fl-aħħar nett, għall-kuntrarju tal-ammont ta’ EUR 540 miljun li kien stmat inizjalment, l-ammont ta’ dħul assenjat li ġie eventwalment ittrasferit mill-2010 għall-2011 ammonta għal EUR 905.1 miljun.

Għalhekk, l-ammont ta’ dħul assenjat disponibbli għall-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG, fil-31 ta’ Jannar 2011, jammonta għal EUR 1 219.4 miljun. F’dan il-mument, il-Kummissjoni tistma li l-ammont ta’ dħul assenjat li għad irid jinġabar jammonta għal EUR 392.7 miljun (id-dħul assenjat li se jiġi ġġenerat fil-baġit tal-2011 huwa stmat li hu EUR 707. miljun li minnu nġabru EUR 314.3 miljun).

6. Implimentazzjoni tad-dħul li ġej mill-ammonti temporanji għar-ristrutturar (is-settur taz-zokkor)

F’konformità mal-leġiżlazzjoni, l-ebda ammont ġdid ta’ ristrutturar temporanju ma nġabar mill-Istati Membri minn Novembru 2009. Għalhekk, l-ammont totali tad-dħul assenjat disponibbli għall-Fond ta’ Ristrutturar għaz-Zokkor huwa ugwali għall-ammont ittrasferit mill-baġit tal-2010, li għall-kuntrarju tal-estimi inizjali, jammonta għal EUR 1 044.8 miljun (ogħla mill-EUR 1 015-il miljun fil-baġit tal-2011 minħabba f’pagamenti aktar baxxi milli mistennija magħmula fl-aħħar tal-2010).

7. Implimentazzjoni tal-Fond ta’ Ristrutturar għaz-Zokkor

Sa tmiem Jannar 2011, l-Istati Membri kienu għamlu ħlasijiet insinifikanti (NB: pagamenti ta' EUR 5.7 miljun biss) għal għajnuniet li jikkonċernaw miżuri ta’ ristrutturar, għal għajnuniet għad-diversifikazzjoni jew għal għajnuniet għar-raffinar taz-zokkor.

8. Konklużjonijiet

L-użu provviżorju tal-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-FAEG tal-2011, għall-perjodu sal-31 ta’ Jannar 2011 juri li r-rimborżi ta’ kull xahar lill-Istati Membri qabżu l-profil għall-użu tal-baġit abbażi tal-indikatur, b’madwar EUR 34.5 miljun. Inġabar dħul assenjat li jammonta għal EUR 1 219.4 miljun u ammont ta’ EUR 392.7 miljun huwa mistenni li jinġabar fl-2011.

F’dan il-mument, il-Kummissjoni tistenna li l-ammont ta’ dħul assenjat li huwa disponibbli kif ukoll dak li se jsir disponibbli, matul is-sena, se jintuża biex ikopri l-finanzjament tal-fondi operattivi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-Iskema ta’ Pagament Uniku kif kien mistenni oriġinarjament meta ġie stabbilit il-baġit.

F’dak li għandu x’jaqsam maż-żieda tal-korrezzjonijiet tal-approvazzjoni tal-kontijiet b’ammont ta’ – EUR 200miljun għal ammont totali ta’ – EUR 272 miljun, il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib l-iżvilupp tal-eżekuzzjoni tal-baġit sabiex tara, jekk in-nuqqas ta’ nfiq f’partijiet oħrajn tal-baġit hux se jippermettilha tiffinanzja l-parti minn din in-nefqa negattiva li mhix se tiġi koperta mid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet u mill-korrezzjonijiet l-oħra tal-Kummissjoni għan-nuqqas ta’ ħarsien tal-iskadenzi tal-ħlasijiet għall-għajnuniet mill-Istati Membri kkonċernati.

[1]               Id-dħul assenjat ittrasferit għandu jintuża l-ewwel, u dan ifisser qabel l-appropjazzjonijiet ivvutati mill-Awtorità tal-Baġit jew id-dħul assenjat iġġenerat fis-sena (Art 10 tar-Regolament Finanzjarju).