52011DC0254

/* KUMM/2011/0254 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Report on the interim evaluation of the «Daphne III Programme 2007 – 2013 » RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Report on the interim evaluation of the «Daphne III Programme 2007 – 2013 »


WERREJ

1. INTRODUZZJONI 2

2. L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM 3

2.1. Ħarsa ġenerali lejn il-programm Daphne 3

2.2. L-implimentazzjoni tal-programm Daphne 4

3. IS-SEJBIET PRINĊIPALI TAL-EVALWAZZJONI INTERIM 5

3.1. Ir-rilevanza 5

3.2. L-effikaċja 7

3.3. L-effiċjenza 8

3.4. Is-sostenibbiltà 9

4. IR-RAKKOMANDAZZJONIJIET U L-KONKLUŻJONIJIET 10

4.1. Attenzjoni ffokata aħjar fuq il-prijoritajiet tal-politiki tal-UE 10

4.2. Tixrid u sostenibbiltà aħjar tar-riżultati tal-proġetti 11

4.3. Parteċipazzjoni bbilanċjata fil-programm Daphne 11

4.4. Ġestjoni iktar effiċjenti tal-programm Daphne 11

4.5. Konklużjonijiet 12

1. INTRODUZZJONI

Din l-evalwazzjoni interim tal-programm Daphne III għandha l-għan li tipprovdi ħarsa lejn ir-riżultati miksuba sa issa mill-programm u l-aspetti kwalitattivi u kwantittativi tal-implimentazzjoni tiegħu. L-obbligu li tiġi ppreżentata din l-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill huwa espress fl-Artikolu 15 tal-bażi legali tal-programm Daphne III[1].

L-evalwazzjoni tal-programm twettqet mill-Kummissjoni bl-appoġġ ta’ evalwatur estern indipendenti[2]. Hija ffokat fuq ir-riżultati miksuba sa issa mill-programm u fuq l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi tal-implimentazzjoni ta’ Daphne III[3].

Il-Kummissjoni wettqet analiżi dettaljata tas-saħħiet u tad-dgħufijiet tal-programm Daphne III dwar:

(1) Kif għandha tittejjeb l-implimentazzjoni matul il-bqija tal-programm kurrenti; u,

(2) Kif għandu jittejjeb it-tfassil tal-programm meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-“programm suċċessur”.

B’mod iktar speċifiku, l-evalwazzjoni tal-programm ivvalutat:

(1) Ir-rilevanza f’termini tal-għanijiet u tal-approċċ tal-programm inkluż, jekk l-għanijiet humiex rilevanti għall-ħtiġijiet u għall-problemi tal-gruppi fil-mira, il-prijoritajiet b’reazzjoni għall-iżviluppi fil-politika, u jekk il-programm jipprovdix valur miżjud tal-UE u jiżgurax sinerġiji ma’ programmi oħrajn;

(2) L-effikaċja tal-programm, mifhuma bħala kemm il-programm jirnexxilu jilħaq l-għanijiet tiegħu u joħloq sħubijiet transnazzjonali, u x’inhuma l-fatturi li jaffettwaw il-progress;

(3) L-effiċjenza tal-programm li tirreferi għal kemm il-Kummissjoni u l-organizzazzjonijiet iffinanzjati għamlu l-aħjar użu mir-riżorsi – finanzjarji, umani, tekniċi – sabiex jimplimentaw il-programm u l-attivitajiet, u sabiex jipproduċu riżultati.

Ir-Rapport jippreżenta s-sejbiet prinċipali tal-evalwazzjoni, kif ukoll il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għall-perjodu li baqa’ tal-implimentazzjoni tal-programm Daphne III.

2. L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM

2.1. Ħarsa ġenerali lejn il-programm Daphne

Il-programm Daphne III 2007-2013 “sabiex jipprevjeni u jikkumbatti l-vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa u sabiex jipproteġi l-vittmi u l-gruppi li jkunu f’riskju” kien stabbilit mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fl-2007 u huwa msejjes fuq u jservi ta’ kontinwazzjoni għall-Inizjattiva Daphne u s-suċċessuri tagħha, jiġifieri l-programmi Daphne I u Daphne II.

Diġà fl-1997, l-ewwel Inizjattiva Daphne bdiet bħala wieħed mill-elementi ta’ reazzjoni mifruxa tal-UE għall-każijiet ta’ traffikar u ta’ sfruttament sesswali tat-tfal li kienu xxokkjaw lill-Ewropa u stimolaw lill-opinjoni pubblika u politika.

Filwaqt li rrikonoxxiet ir-rabtiet bejn il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza kontra t-tfal u ż-żgħażagħ, l-Inizjattiva Daphne kellha l-għan li tippromwovi azzjonijiet sabiex tkun miġġielda l-vjolenza mhux biss kontra t-tfal, imma anki kontra ż-żgħażagħ u kontra n-nisa. Dan l-approċċ kien rifless ulterjorment fil-programmi Daphne sussegwenti.

L-għan ġenerali ta’ Daphne III huwa li l-programm jikkontribwixxi għall-protezzjoni tat-tfal, taż-żgħażagħ u tan-nisa kontra kull forma ta’ vjolenza u li jikseb livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, ta’ benesseri u ta’ koeżjoni soċjali.

Dawn l-għanijiet ġenerali jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-politiki tal-UE, b’mod partikolari dawk marbuta mas-saħħa pubblika, mad-drittijiet tal-bniedem, u mal-ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll għal azzjonijiet immirati lejn il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, u għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-isfruttament sesswali.

L-għan speċifiku ta’ Daphne III huwa li l-programm jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’, u l-ġlieda kontra, kull forma ta’ vjolenza li sseħħ fil-pubbliku jew fil-privat kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa, inklużi l-isfruttament sesswali u t-traffikar fil-bnedmin, billi jittieħdu miżuri preventivi u jingħata appoġġ u protezzjoni lill-vittmi u lill-gruppi li jkunu f’riskju.

Billi jipprovdi l-finanzjament meħtieġ, Daphne III jappoġġja t-tipi ta’ azzjonijiet li ġejjin:

(1) Proġetti transnazzjonali speċifiċi ta’ interess tal-UE li jinvolvu mill-inqas żewġ Stati Membri (għotjiet ta’ azzjoni)

(2) Appoġġ għall-attivitajiet ta’ NGOs jew ta’ organizzazzjonijiet oħrajn, f’ħidma għal għan ta’ interess Ewropew ġenerali (għotjiet operattivi)

(3) Azzjoni speċifika meħuda mill-Kummissjoni, bħal studji u riċerka, stħarriġ tal-opinjoni pubblika u servejs, seminars, konferenzi u laqgħat ta’ esperti (inizjattivi tal-Kummissjoni)

L-ativitajiet iffinanzjati minn Daphne III jinkludu l-għoti ta’ assistenza u inkoraġġiment lill-NGOs attivi fil-qasam, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni tal-kuxjenzi li jkollhom fil-mira tagħhom udjenzi speċifiċi, id-disseminazzjoni tar-riżultati miksuba taħt il-programmi Daphne I u Daphne II jew l-identifikazzjoni u t-titjib ta’ azzjonijiet li jikkontribwixxu għat-trattament pożittiv ta’ persuni li jkunu f’riskju ta’ vjolenza.

Il-programm jgħin ukoll fit-twaqqif u fl-appoġġ ta’ netwerks multidixxiplinari, biex tkun żgurata l-espansjoni ta’ informazzjoni bbażata fuq l-evidenza u tal-bażi tal-konoxxenza, it-tfassil ta’ materjali edukattivi u fl-aħħar nett l-istudju ta’ fenomeni relatati mal-vjolenza u mal-impatt tagħha.

Daphne III huwa miftuħ għall-organizzazzjoniiet u għall-istituzzjonijiet mill-Istati Membri tal-UE u mill-Istati tal-EFTA li jkunu partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (l-Islanda, il-Lichtenstein u n-Norveġja) u huwa ġestit ċentralment mill-Kummissjoni Ewropea, li hija responsabbli mill-iffissar tal-prijoritajiet annwali, mill-ġestjoni tal-baġit, mill-evalwazzjoni tal-proposti u mill-konklużjoni tal-għotjiet.

2.2. L-implimentazzjoni tal-programm Daphne

Il-pakkett finanzjarju totali previst għall-programm Daphne III huwa ta’ EUR 116.85 miljun għall-perjodu 2007-2013 b’baġits annwali ta’ EUR 14.2 miljun fl-2007, EUR 14.7 miljun fl-2008, EUR 17.8 miljun fl-2009 u EUR 18.45 miljun fl-2010.

Sa fejn għandu x’jaqsam it-tqassim tal-baġit, jiġu allokati medja ta’ 80 % tal-fondi kull sena għall-Għotjiet ta’ Azzjoni, 14 % għall-Għotjiet Operattivi u 5 % għall-inizjattivi tal-Kummissjoni.

Mill-2007, il-Kummissjoni ppubblikat tliet (3) sejħiet għal proposti għall-Għotjiet ta’ Azzjoni u erba’ (4) sejħiet għal proposti għall-Għotjiet Operattivi u għamlet kuntratti għal 14-il inizjattiva tal-Kummissjoni permezz ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku.

Is-sejħiet ippubblikati mill-Kummissjoni attiraw numru kbir ta’ proposti. Għall-Għotjiet ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni sa issa rċeviet u evalwat 697 proposta mressqa minn sħubijiet ta’ organizzazzjonijiet minn għall-inqas żewġ Stati Membri. Wara l-valutazzjoni tal-kriterji formali u tal-merti tal-proposti, il-Kummissjoni ffinanzjat 165 proġett transnazzjonali.

Għall-Għotjiet Operattivi, il-Kummissjoni rċeviet total ta’ 112 proposta (inkluża selezzjoni li għadha għaddejja) u ffinanzjat 29 minnhom wara valutazzjoni tal-kwalità tagħhom.

Il-Kummissjoni tiffinanzja sa 80 % tal-ispiża totali u tiffissa l-limiti massimi għall-ammont tal-għotja. Fil-każ tal-Għotjiet ta’ Azzjoni, l-ammont minimu ta’ għotja huwa ta’ EUR 75 000 filwaqt li dak massimu huwa ta’ EUR 600 000; min-naħa l-oħra għall-Għotjiet Operattivi hemm biss limitu massimu ta’ EUR 300 000.

Għaldaqstant, il-baġit tal-programm Daphne III jippermetti finanzjament ta’ medja ta’ 41 Għotja ta’ Azzjoni u ta’ għaxar (10) Għotjiet Operattivi fis-sena bl-ammont medju ta’ għotja tal-UE tkun ta’ EUR 362 000 u EUR 175 000 rispettivament (figuri tal-2009).

Mill-194 proġett iffinanzjat sa issa (Għotjiet ta’ Azzjoni u Għotjiet Operattivi), 55 għandhom l-għan li jikkumbattu l-vjolenza kontra n-nisa, 57 il-vjolenza kontra t-tfal, 27 il-vjolenza kontra ż-żgħażagħ, filwaqt li 55 proġett qed jindirizzaw iktar minn forma waħda ta’ vjolenza. Firxa wiesgħa ta’ attivitajiet jitwettqu mill-proġetti ffinanzjati, li ġeneralment jindirizzaw iktar minn għan speċifiku wieħed jew prijorità speċifika waħda tal-programm. L-iktar riżultati komuni huma l-produzzjoni ta’ materjali, bħal fuljetti, kotba żgħar, materjal ta’ gwida u websajts; it-tixrid ta’ prattiki tajba; it-taħriġ; u l-konferenzi jew is-seminars. Riżultati oħrajn jinkludu l-pubblikazzjonijiet akkademiċi, prodotti oħrajn tar-riċerka u l-organizzazzjoni ta’ dibattiti pubbliċi.

3. IS-SEJBIET PRINĊIPALI TAL-EVALWAZZJONI INTERIM

3.1. Ir-rilevanza

L-evalwazzjoni tikkonkludi li, b’mod ġenerali, il-programm Daphne III huwa ferm rilevanti għall-problemi li kien imfassal biex jindirizza. Il-livell ta’ vjolenza għadu prevalenti u d-domanda għall-programm hija waħda kbira. Barra minn hekk, l-għanijiet tal-programm - jipprevjeni u jikkumbatti kull forma ta’ vjolenza kontra n-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ u jiżviluppa azzjoni kkoordinata tal-UE – jibqgħu rilevanti għall-ħtiġijiet kurrenti tal-gruppi fil-mira.

L-azzjonijiet implimentati taħt Daphne III jsegwu l-għanijiet tal-programm. Skont l-immappjar tal-proġetti b’paragun mal-għanijiet tal-programm hemm rabta ċara bejn l-attivitajiet li ġew jew qed jiġu implimentati mill-proġetti u l-għanijiet deskritti fil-qosor fil-bażi legali tal-programm. Barra minn hekk, ir-riżultati tal-proġetti ta’ spiss jalimentaw jew ikollhom influwenza fuq il-politika (fuq il-livell nazzjonali u dak tal-UE). Madankollu, il-programm jista’ jagħmel iktar sabiex ikun żgurat li r-riżultati tal-attivitajiet iffinanzjati minn Daphne III jintużaw b’dan il-mod.

F’termini ta’ valur miżjud tal-UE, in-natura transnazzjonali tal-programm tfisser li l-organizzazzjonijiet differenti mill-Istati Membri jikkooperaw sabiex inaqqsu l-vjolenza u jibbenefikaw minn skambju ta’ konoxxenza u tal-aħjar prattiki. Barra minn hekk, il-programm joffri l-opportunità sabiex organizzazzjonijiet minn Stati Membri differenti jikkooperaw ħalli jkunu pprevenuti tipi ta’ vjolenza li huma speċifikatament transnazzjonali.

Fuq il-livell strateġiku, il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-vjolenza kontra n-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ tibqa’ ferm rilevanti, peress li l-problema tal-vjolenza tippersisti u dawn il-kwistjonijiet huma daqstant rilevanti llum daqskemm kienu fl-1997, meta kenet adottata l-Inizjattiva Daphne. Il-fatt li l-għanijiet jibqgħu rilevanti huwa indikat ulterjorment mid- domanda kbira għal finanzjament permezz ta’ Daphne. Kull sena jistgħu jiġu ffinanzjati biss medja ta’ 17.5 % tal-proposti għall-Għotjiet ta’ Azzjoni u ta’ 36 % tal-proposti għall-Għotjiet Operattivi.

L-ambitu kopert mill-programm Daphne III espanda sa minn meta nbeda l-programm Daphne sabiex ikopri l-vjolenza kontra grupp fil-mira usa’ u f’numru ikbar ta’ forom. Ir-raġuni għal dan hija li, hekk kif il-programm iffinanzja iktar proġetti, tfaċċaw forom differenti ta’ vjolenza. Forom ferm speċifiċi ta’ vjolenza koperti minn proġetti li għadhom għaddejjin u minn proġetti li ġew ikkompletati reċentement jinkludu vjolenza fil-kindergartens, “vjolenza waqt appuntament bejn koppja (dating violence)”, abbuż tal-anzjani u vjolenza f’relazzjonijiet intimi bejn l-adolexxenti.

Il-vjolenza per se mhijiex iddefinita fil-bażi legali ta’ Daphne – anzi huwa stipulat li l-programm Daphne III ikopri “kull forma ta’ vjolenza”[4]. F’dan ir-rigward, u fid-dawl tal-ambitu li qed jespandi tal-gruppi fil-mira u tal-kwistjonijiet koperti, saret xi kritika li l-għanijiet tal-programm jistgħu jkunu wisq estiżi u li jista’ jkun aħjar li jinħoloq programm iktar iffokat. Barra minn hekk, hemm riskju li se jiġu koperti inqas proġetti li jiffokaw fuq vjolenza transnazzjonali.

Il-mod li bih il-Kummissjoni tiżgura li l-programm jibqa’ rilevanti għall-għanijiet oriġinali tiegħu filwaqt li jingħata spazju lill-innovazzjoni u lill-flessibbiltà huwa permezz tal-adozzjoni tal-prijoritajiet tematiċi annwali. Il-prirjoritajiet tematiċi jagħmluha ta’ għanijiet speċifiċi għal kull baġit annwali tal-programm, u l-proposti jingħażlu fuq il-bażi tal-allinjament tagħhom mal-prijoritajiet.

Pereżempju, fl-2008 il-prijoritajiet kienu jkopru t-temi iktar estiżi tal-vjolenza fil-familja u tal-vjolenza kontra gruppi vulnerabbli, imma anki kemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali ssegwi l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, kif ukoll prattiki tradizzjonali dannużi. Dan jagħti l-possibbiltà li l-programm ikollu fil-mira numru ffokat ta’ kwistjonijiet, filwaqt li jibqa’ flessibbli u miftuħ għall-innovazzjoni. Madankollu, numru proporzjonalment ikbar ta’ attivitajiet iffinanzjati jaqgħu taħt l-għanijiet iktar estiżi. F’dan ir-rigward, jista’ jkun hemm lok sabiex it-temi li fuqhom jiffokaw il-proġetti ffinanzjati jkunu iktar ristretti jew ikunu ggwidati iktar mill-qrib.

Fil-programm Daphne III, hemm rabta b’saħħitha mal-politika kemm fuq il-livell tal-programm kif ukoll fuq il-livell tal-proġett bażiku. Jidher ċar li wieħed mill-għanijiet taż-żewġ livelli huwa li tiġi influwenzata l-politika. Madankollu, filwaqt li l-programm għandu l-għan li jiggwida l-politika (kif ukoll li jirriflettiha), is-sejbiet jiġbdu l-attenzjoni għall-fatt li l-Kummissjoni tista’ tagħmel iktar sabiex tuża r-riżultati tal-azzjonijiet implimentati ħalli tagħti appoġġ lill-iżviluppi fil-politika. Barra minn hekk, individwalment bosta mill-proġetti implimentati taħt Daphne III għandhom il-mira li jinfluwenzaw il-politiki nazzjonali jew Ewropej. Dan huwa rifless fis-servej tal-maniġers tal-proġetti fejn maġġoranza vasta indikaw li kienu se jipprovaw jew diġà pprovaw jagħmlu impatt fuq il-politika. Pereżempju, organizzazzjoni ffinanzjata minn Daphne qed tipproponi implimentazzjoni mal-Ewropa kollha ta’ skema b’numru wieħed tat-telefown sabiex ikunu rrapportati t-tfal neqsin.

Minħabba l-fatt li Daphne III jindirizza kwistjonijiet relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi, mad-drittijiet tal-bniedem, mal-protezzjoni tat-tfal u mas-saħħa u l-benesseri tan-nisa, tat-tfal u taż-żgħażagħ, il-programm għandu ambitu li jikkomplementa imma anki li jikkoinċidi ma’ programmi oħrajn kemm fuq il-livell tal-UE kif ukoll fuq il-livell nazzjonali.

Filwaqt li l-gruppi fil-mira u sa ċertu punt anki l-kontenut jistgħu jikkoniċidu parzjalment ma’ dawk ta’ programmi oħrajn, Daphne huwa l-uniku programm li jittratta b’mod speċifiku l-vjolenza kontra n-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ.

Dan kien ikkonfermat waqt konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati. Il-maġġoranza kbira tal-benefiċjarji tal-għotjiet indikaw li l-finanzjament għall-istess tip ta’ attivitajiet ma jistax jinkiseb minn programmi oħrajn tal-UE jew minn istituzzjonijiet nazzjonali jew internazzjonali. Huma qablu wkoll li mingħajr il-finanzjament ta’ Daphne ma kienx ikollhom il-kapaċità li jimplimentaw l-attivitajiet ippjanati tagħhom.

Fir-rigward tal-valur miżjud tal-UE, il-programm inħoloq b’reazzjoni għal żewġ tipi ferm speċifiċi ta’ vjolenza – il-pedofilija li topera fin-netwerks u t-traffikar tal-bnedmin – fejn it-tnejn li huma għandhom natura transnazzjonali. Sa issa dawn iż-żewġ tipi ta’ vjolenza għadhom jifformaw il-punt fokali tal-proġetti ffinanzjati permezz ta’ Daphne. B’mod speċifiku, sabiex ikunu miġġielda dawn it-tipi ta’ vjolenza, hija essenzjali l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi differenti.

Hemm ukoll ħtieġa għal skambju tal-aħjar prattiki u għal investigazzjoni tal-fenomeni tal-vjolenza fuq livell Ewropew. B’mod partikolari, is-sħubijiet bejn Stati Membri distinti jistgħu jżidu l-bażi tal-konoxxenza tal-organizzazzjonijiet parteċipanti u jestendu l-ambitu tat-tixrid tar-riżultati tal-proġetti.

3.2. L-effikaċja

L-effikaċja tal-programm Daphne tirreferi għal kemm il-programm jirnexxilu jilħaq l-għanijiet tiegħu. Jista’ jiġi ddikjarat li l-programm Daphne għandu impatt konsiderevoli u rnexxielu jagħmel progress sabiex jilħaq l-għanijiet tiegħu.

L-azzjonijiet iffinanzjati permezz ta’ Daphne III qed jagħtu kontribut għall-prevenzjoni tal-vjolenza kontra l-gruppi fil-mira, għall-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, għall-iżviluppi fil-politiki fuq il-livell tal-UE u dak nazzjonali. Madankollu, ġew identifikati numru ta’ sfidi proċedurali u sostantivi li jaffettwaw il-progress.

Minn meta tnieda bħala l-Inizjattiva Daphne, il-programm espanda l-kapaċità tiegħu. Il-baġit tal-programm Daphne I kien ta’ EUR 20 miljun għal perjodu ta’ finanzjament ta’ tliet snin; Daphne II kellu baġit ta’ EUR 50 miljun għal programm ta’ erba’ snin, filwaqt li Daphne III għandu baġit ta’ iktar minn EUR 116 miljun Dawn huwa rifless fiż-żieda fin-numru ta’ proġetti ffinanzjati f’dawn l-aħħar snin.

Daphne ta’ spiss jipprovdi finanzjament lill-istess organizzazzjoni iktar minn darba u dan jippermetti li l-organizzazzjonijiet jibdew jaħdmu sew u l-proġetti jibdew jevolvu. L-azzjonijiet iffinanzjati permezz ta’ Daphne taw kontribut lill-politika u pproduċew riżultati konkreti. Madankollu, jista’ jsir iktar billi jittejjeb it-tixrid tar-riżultati tal-programm Daphne lil udjenza iktar estiża.

Barra minn hekk, l-impatt ta’ wħud mill-proġetti jibqa’ dubjuż għaliex fl-approċċ tagħhom u fl-azzjonijiet proposti donnhom nieqsa mill-innovazzjoni, u huma ferm ripetittivi. Bosta applikanti għandhom it-tendenza li jikkonċentraw wisq fuq il-preżentazzjoni tal-proġett iktar milli fuq il-kwistjoni jekk l-azzjoni hijiex se ġġib xi bidliet fil-problema tal-vjolenza. Dan l-approċċ jissaħħaħ iktar bil-fatt li l-Kummissjoni ma għandhiex indikaturi affidabbli sabiex tkejjel l-impatt ta’ kwalunkwe proġett.

Fir-rigward tal-isfidi sostantivi, f’xi każijiet jidher li l-involviment tal-awtoritajiet lokali u nazzjonali kienet kwistjoni pjuttost problematika. Pereżempju, għall-iżvilupp ta’ wħud mill-attivitajiet tal-proġetti, kienet meħtieġa l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet lokali jew nazzjonali. Meta l-livell ta’ kooperazzjoni jew ta’ appoġġ minn dawn l-awtoritajiet kien wieħed baxx, dan kien fattur dirett li affettwa l-progress tal-proġetti.

Fuq nota pożittiva, il-ħolqien u ż-żamma ta’ sħubijiet transnazzjonali huma fost il-kisbiet prinċipali tal-programm Daphne u huma element tal-programm li l-iktar li rnexxielu jiżgura l-valur miżjud tal-UE. Id-dejta turi li kull proġett jinvolvi medja ta’ 4-5 imsieħba. Il-proġetti rari jinvolvu ħafna iktar msieħba, peress li huwa diffiċli li tiġġestixxi s-sħubijiet multipli, u dan ifisser li l-finanzjament ikun wisq imxerred.

Madankollu, l-evidenza tissuġġerixxi li jista’ jsir iktar sabiex ikunu promossi sħubijiet ġodda u sabiex ikun żgurat li jkun hemm firxa ġeografika raġonevoli ta’ organizzazzjoni prinċipali peress li l-parteċipazzjonijiet tal-organizzazzjoni minn uħud mill-pajjiżi tibqa’ waħda limitata. Dan huwa speċjalment il-każ fir-rigward tal-Istati Membri li ssieħbu fl-2004 u fl-2007 peress li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għad ma għandhomx l-istrutturi u l-għarfien espert sabiex jikkompetu għall-fondi taħt Daphne. L-organizzazzjonijiet mill-Italja, mir-Renju Unit, mill-Belġju u mill-Ġermanja huma l-iktar mexxejja tal-proġetti frekwenti filwaqt li hemm nuqqas notevoli ta’ proġetti mir-Rumanija, mir-Repubblika Ċeka, mill-Polonja u mill-pajjiżi Baltiċi.

3.3. L-effiċjenza

L-effiċjenza tirreferi għal kemm il-Kummissjoni u l-organizzazzjonijiet iffinanzjati għamlu l-aħjar użu mir-riżorsi sabiex jimplimentaw il-programm u l-attivitajiet u sabiex jipproduċu riżultati.

Ir-riżorsi finanzjarji attwalment ipprovduti mill-programm sabiex ikunu implimentati l-azzjonijiet huma adattati peress li jippermettu li jiġu ffinanzjati proġetti ta’ kwalità għolja u fl-istess ħin il-proporzjon ta’ suċċess fl-għażla tal-proġetti jiżgura kompetizzjoni sinifikanti fost il-proġetti.

Waqt is-servej u waqt l-intervisti, il-maġġoranza tal-benefiċjarji tal-għotjiet ikkonfermaw li r-riżorsi finanzjari disponibbli għall-proġetti magħżula ppermettewlhom jipproduċu r-riżultati ppjanati. Fl-istess ħin, sar suġġeriment li forsi għandha tiġi kkunsidrata bidla fl-iskala tal-proġetti. B’mod iktar speċifiku, il-finanzjament ta’ inqas proġetti imma li jkunu fuq skala kbira jista’ jkun iktar effiċjenti, jipprovdi valur aħjar għall-flus u jipproduċi riżultati b’impatt sinifikanti.

Il-Kummissjoni tagħmel il-finanzjament disponibbli fil-forma ta’ Għotjiet ta’ Azzjoni (sabiex ikunu ffinanzjati proġetti transnazzjonali speċifiċi) u ta’ Għotjiet Operattivi (sabiex issostni l-ispejjeż operattivi ta’ kuljum tal-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam). Il-perċentwali tal-baġit disponibbli għall-Għotjiet Operattivi u n-numru ta’ organizzazzjonijiet li jkunu eliġibbli għal dan it-tip ta’ finanzjament (ikunu attivi fuq il-livell Ewropew) madankollu huma pjuttost baxx. Għal din ir-raġuni, kien indikat li forsi l-finanzjament kollu għandu jkun ikkonċentrat fuq l-Għotijiet ta’ Azzjoni biss, li għandu jnaqqas il-piż amministrattiv relatat ma’ proċess ta’ selezzjoni separat. Barra minn hekk, jista’ jsir użu ikbar mill-inizjattivi tal-Kummissjoni sabiex jingħata appoġġ għall-amministrazzjoni tal-programm u għat-tixrid tar-riżultati.

Fir-rigward tal-proċess tal-applikazzjoni, kienu introdotti bidliet sinifikanti sabiex ikun iffaċilitat il-proċess tal-applikazzjoni ta’ Daphne. L-ewwel nett, il-Kummissjoni introduċiet sistema elettronika għas-sottomissjoni tal-proġetti permezz tal-għodda onlajn PRIAMOS. It-tieni, saret disponibbli “taħdita onlajn (online chat)” li permezz tagħha l-applikanti setgħu jindirizzaw mistoqsijiet lill-Kummissjoni f’forum miftuħ li l-applikanti kollha setgħu jaraw. It-tielet nett, il-formoli tal-applikazzjoni tbiddlu sabiex il-proċess ta’ evalwazzjoni jkun iffokat fuq ir-riżultati u l-eżiti finali tal-proġetti. Ġeneralment, ir-rispons tal-benefiċjarji tal-għotjiet juri li l-proċess tal-applikazzjoni huwa wieħed adattat, għalkemm għandhom isiru iktar sforzi sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv.

Madankollu, l-evidenza miġbura tissuġġerixxi li l-perjodu bejn is-sottomissjoni tal-proġetti u l-konklużjoni tal-kuntratti huwa twil wisq u dan għandu impatt negattiv. Dan huwa speċjalment validu għall-Għotjiet Operattivi, fejn il-finanzjament kien ipprovdut meta kienu diġà għaddew xi xhur mis-sena finanzjarja li għaliha kienet ingħata l-finanzjament, xi ħaġa li ħolqot diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet.

3.4. Is-sostenibbiltà

Is-sostenibbiltà tirreferi għal kemm is-sħubijiet, l-azzjonijiet u l-eżiti tagħhom se jkomplu malli l-finanzjament tal-UE jiġi fi tmiemu u kemm se jġibu impatt sostenibbli fuq il-gruppi fil-mira.

Sar evidenti li bosta proġetti jistrieħu ferm fuq il-finanzjament tal-UE sabiex jimplimentaw l-attivitajiet u jiksbu impatti fis-sitwazzjoni reali. B’mod partikolari, ammont sinifikanti ta’ benefiċjarji tal-għotjiet taħt Daphne III kienu rċevew finanzjament tal-UE qabel u bosta kienu qed jimplimentaw attivitajiet taħt Daphne li kienu kontinwazzjoni ta’ dawk implimentati taħt finanzjament preċedenti. Filwaqt li dan jista’ jiġi kkunsidrat bħala dgħufija tal-programm, għandu jiġi enfasizzat li l-programm Daphne ta’ spiss jiġi kkunsidrat bħala li għandu ambitu “uniku” u, filwaqt li jistgħu jkunu disponibbli riżorsi oħrajn, dawn jistgħu ma jkunux adattati daqs Daphne.

Barra minn hekk, il-ħolqien ta’ sħubijiet stabbli huwa komponent importanti ta’ Daphne III. L-istess bħal programmi oħrajn tal-UE, l-Għotjiet ta’ Azzjoni jingħataw lil organizzazzjonijiet li fformaw speċifikatament sħubijiet transnazzjonali sabiex jimplimentaw l-azzjonijiet proposti tagħhom. Tabilħaqq, il-programm Daphne III ta’ spiss jipproduċi sħubijiet li jirnexxu. Skont ir-rispons tal-benefiċjari tal-għotjiet, il-maġġoranza vasta tas-sħubijiet x’akarx li jkomplu l-kooperazzjoni b’mod strutturat.

B’hekk, il-programm Daphne III jagħti l-possibbiltà li l-organizzazzjonijiet jistabbilixxu kuntatti u netwerks futuri u dan kien enfasizzat bħala wieħed mill-benefiċċji li jiġu inklużi msieħba minn pajjiżi oħrajn. It-tipi ta’ attivitajiet iffinanzjati taħt Daphne – pereżempju, l-iskambju tal-aħjar prattiki, l-appoġġ għan-netwerks għall-protezzjoni tan-nisa u tat-tfal, il-linji ta’ għajnuna fuq il-livell Ewropew u r-riċerka komparattiva Ewropea – jaħdmu aħjar meta jitwettqu minn sħubijiet transnazzjonali. Jista’ jiġi enfasizzat li l-ħolqien ta’ sħubijiet b’saħħithom u sostenibbli huwa s-suċċess prinċipali tal-proġetti taħt Daphne III.

Kemm l-eżiti tal-proġetti se jkunu sostenibbli u kemm il-ħtiġijiet tal-gruppi fil-mira se jkomplu jiġu sodisfatti jiddependi ferm fuq l-attivitajiet li ġew implimentati taħt il-proġetti u fuq it-tip ta’ eżiti u ta’ impatti li jirriżultaw minn dawn l-attivitajiet.

L-analiżi tal-attivitajiet implimentati tissuġġerixxi li l-proġetti ffinanzjati taħt Daphne III implimentaw xi strutturi li se jkomplu jagħtu appoġġ lill-gruppi fil-mira tul perjodu itwal ta’ żmien. Min-naħa l-oħra, l-attivitajiet li jieħdu ħsieb il-ħtiġijiet immedjati u diretti tal-gruppi fil-mira jistgħu jiddependu fuq finanzjament kontinwat. Madankollu, l-istudji tal-każijiet imwettqa għall-proġetti magħżula jindikaw li wħud mill-azzjonijiet implimentati diġà ġabu riżultati konkreti li huwa ferm probabbli li jkunu sostenibbli tul perjodu twil ta’ żmien.

4. IR-RAKKOMANDAZZJONIJIET U L-KONKLUŻJONIJIET

B’risposta għall-isfidi u għall-kwistjonijiet identifikati waqt l-evalwazzjoni tal-programm, il-Kummissjoni qed tippjana li timplimenta l-miżuri li ġejjin sabiex issaħħaħ l-impatt tal-programm u ttejjeb l-implimentazzjoni tiegħu.

4.1. Attenzjoni ffokata aħjar fuq il-prijoritajiet tal-politiki tal-UE

Għalkemm il-prijoritajiet ġenerali u speċifiċi tal-programm jibqgħu rilevanti u l-programm jirreaġixxi tajjeb ħafna għall-iżviluppi l-ġodda permezz tal-adozzjoni tal-prijoritajiet annwali, l-evalwazzjoni tissuġġerixxi li l-programm Daphne III qed jirriskja li jitbiegħed mill-punt fokali u mill-gruppi fil-mira prinċipali tiegħu u f’dan ir-rigward jista’ jirriskja li jikkoinċidi ma’ programmi oħrajn tal-UE. Il-programm jista’ anki jagħmel iktar sabiex jikseb rabtiet iktar b’saħħithom mal-iżviluppi kurrenti fil-politiki.

Il-Kummissjoni għandha tkompli tidderieġi lil Daphne III permezz tal-adozzjoni tal-prijoritajiet annwali, imma għandha tiffoka fuq lista qasira ta’ prijoritajiet ta’ importanza partikolari. F’dan ir-rigward, il-prijoritajiet annwali għandhom iwasslu biex il-programm ikun flessibbli u anki jirreaġixxi għall-problemi u għall-ħtiġijiet li qed jevolvu. Dan għandu jiżgura li l-programm Daphne III jibqa’ għodda importanti tal-politika, fejn jiżviluppa kemm ideat ġodda u l-aħjar prattiki kif ukoll jinfluwenza t-tfassil tal-politiki mal-Ewropa kollha.

Sabiex tikseb impatt iktar b’saħħtu, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll l-aġġustament tal-iskala tal-proġetti ffinanzjati, biex b’hekk jiġu ffinanzjati dawk li jġibu valur miżjud tal-UE importanti u li jipproduċu eżiti li jiġu mxerrda b’mod wiesa’.

Prijoritajiet annwali iktar iffokati għandhom jippermettu wkoll li tkun evitata kwalunkwe koinċidenza possibbli ma’ sorsi oħrajn ta’ finanzjament disponibbli permezz ta’ programmi tal-UE bħall-programm PROGRESS, dak tad-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza u l-programm tal-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità. Għandu jiġi nnotat li, għalkemm bħalissa hemm xi karatteristiċi simili f’termini ta’ kontenut u ta’ attivitajiet bejn Daphne u programmi oħrajn tal-UE, b’mod ġenerali dawn jirrappreżentaw sinerġiji iktar milli koinċidenzi.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni xorta għandha tħalli possibbiltà sabiex jiġu ffinanzjati proġetti ġodda u innovattivi barra mill-prijoritajiet annwali. Il-programm għandu jibqa’ miftuħ għal ideat ġodda dwar kif tiġi miġġielda u pprevenuta l-vjolenza kontra n-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet li japplikaw għal finanzjament għandu jkollhom opportunità sabiex jiżviluppaw u jippreżentaw proġetti innovattivi. In-numru ta’ proġetti ffinanzjati barra mill-prijoritajiet madankollu għandu jibqa’ wieħed limitat sabiex ikun żgurat li l-attenzjoni tkun iffokata fuq il-prijoritajiet annwali.

4.2. Tixrid u sostenibbiltà aħjar tar-riżultati tal-proġetti

L-evalwazzjoni tal-programm Daphne III sabet li jista’ jsir iktar għat-tixrid tar-riżultati tal-proġetti ffinanzjati. Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri sabiex issaħħaħ l-impatt tal-proġetti u tas-sostenibbiltà tagħhom. L-ewwel nett, il-Kummissjoni għandha tiffoka iktar l-evalwazzjoni tal-proġetti u t-tfassil tas-sejħiet fuq ir-riżultati u l-eżiti tal-azzjonijiet iffinanzjati. Dan l-approċċ orjentat lejn ir-riżultati għandu jiżgura li l-fondi disponibbli jintefqu biss fuq proġetti li tassew jagħtu kontribut għall-għanijiet ta’ Daphne u jġibu valur miżjud importanti.

It-tieni nett, il-finanzjament ta’ inqas proġetti imma li jkunu fuq skala ikbar jista’ jkun soluzzjoni sabiex tittejjeb is-sostenibbiltà peress li ġeneralment azzjonijiet ikbar fid-daqs ikollhom possibbiltajiet aħjar għal tixrid xieraq. Il-Kummissjoni għandha wkoll tgħolli il-profil tal-“marka Daphne” li, kif semmew f’bosta okkażjonijiet il-benefiċjarji tal-għotjiet, tagħti lill-proġetti kredibbiltà importanti li tikkontribwixxi għal impatt u għal sostenibbiltà aħjar.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni għandha tagħmel użu minn xi għodod oħrajn sabiex ittejjeb id-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar il-proġetti ffinanzjati ta’ Daphne, bħat-titjib u l-aġġornament tal-websajt tas-“sett ta’ għodod ta’ Daphne” u l-finanzjament ta’ proġetti speċifiċi li jiffokaw biss fuq it-tixrid tar-riżultati miksuba sa issa mill-programmi Daphne konsekuttivi.

4.3. Parteċipazzjoni bbilanċjata fil-programm Daphne

Il-parteċipazzjoni fil-programm Daphne mhijiex ugwali fost l-Istati Membri. Hemm nuqqas notevoli ta’ applikanti mill-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant tal-Ewropa.

Il-Kummissjoni għandha żżid l-isforzi tagħha sabiex tgħolli l-profil ta’ Daphne fil-pajjiżi fejn il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet hija iktar baxxa mill-medja. Dan jista’ jinkludi kampanja ta’ informazzjoni mmirata li tikkonsisti f’laqgħat ta’ informazzjoni u fit-tqassim ta’ kotba żgħar dwar Daphne.

Il-possibbiltajiet ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali sabiex tiġi mxerrda l-informazzjoni dwar il-programm għandhom jiġu esplorati wkoll. Dan huwa partikolarment importanti għaliex minħabba d-daqs moderat tal-programm, il-Kummissjoni mhux dejjem tista’ tilħaq direttament lill-benefiċjarji potenzjali u għalhekk jeħtieġ li tistrieħ fuq miżuri oħrajn sabiex tikkomunika mal-organizzazzjonijiet interessati fil-programm Daphne.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tista’ tinvolvi iktar Stati Membri fil-Kumitat tal-Programm Daphne sabiex ixxerred l-informazzjoni rilevanti fost l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Istati Membri.

4.4. Ġestjoni iktar effiċjenti tal-programm Daphne

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-benefiċjarji tal-għotjiet, hemm ħtieġa għal ġestjoni iktar effiċjenti tal-programm f’termini ta’ żmien u ta’ appoġġ ipprovdut mill-Kummissjoni lill-applikanti u lill-benefiċjarji tal-għotjiet. Diġà ttieħdu xi miżuri sabiex jittejjeb il-proċess tal-applikazzjoni. Dawn huma l-introduzzjoni tas-sistema elettronika tal-applikazzjoni (PRIAMOS), il-formoli l-ġodda tal-applikazzjoni li jikkonċentraw fuq ir-riżultati tal-proġetti u t-taħdita onlajn sabiex jingħata appoġġ fl-istadju tal-applikazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tieħu iktar miżuri sabiex tnaqqas iż-żmien bejn il-pubblikazzjoni tas-sejħiet u l-konklużjoni tal-kuntratti, speċjalment għall-Għotjiet Operattivi li jingħataw biss għal sena baġitarja partikolari.

Għandu jiġi nnotat ukoll li n-numru kbir ta’ għotjiet mogħtija u, konsegwentement, in-numru ta’ evalwazzjonijiet finali u l-grad ta’ appoġġ mitlub mill-benefiċjarji tal-għotjiet joħolqu ammont ta’ xogħol li qed jikber b’mod kostanti. Sabiex tittejjeb l-effiċjenza tal-ġestjoni ta’ Daphne, il-Kummissjoni għandha tidentifika soluzzjonijiet sabiex tikseb ekonomiji ta’ skala, biex fl-istess ħin ittejjeb l-impatt tal-proġetti ffinanzjati taħt il-programm Daphne III.

4.5. Konklużjonijiet

L-evalwazzjoni tikkonferma s-suċċess ġenerali tal-programm Daphne sabiex jilħaq l-għanijiet tiegħu. Mill-2007, il-programm Daphne III ffinanzja kważi 200 proġett li jikkontribwixxu għall-prevenzjoni ta’, u l-ġlieda kontra, kull forma ta’ vjolenza li sseħħ fil-pubbliku jew fil-privat kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa, inklużi l-isfruttament sesswali u t-traffikar fil-bnedmin, billi jittieħdu miżuri preventivi u jingħata appoġġ u protezzjoni lill-vittmi u lill-gruppi li jkunu f’riskju.

Il-programm iffinanzja proġetti li rnexxew u li stabbilew netwerks Ewropej, ikkondividew l-aħjar prattiki, ipproduċew diversi pubblikazzjonijiet u studjaw il-fenomenu tal-vjolenza.

Il-problema tal-vjolenza tibqa’ prevalenti u l-ħtieġa għal reazzjoni Ewropea hija daqstant importanti daqskemm kienet fl-1997 meta l-Inizjattiva Daphne kienet stabbilita għall-ewwel darba. Id-domanda għal finanzjament tibqa’ ferm qawwija li juri kemm huma rilevanti l-ħtiġijiet tal-vittmi tal-vjolenza – in-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ.

Sabiex jittejbu l-firxa u l-impatt tal-programm, il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ ir-rabtiet tal-programm mal-iżviluppi fil-politiki, tiżgura parteċipazzjoni bbilanċjata u ttejjeb it-tixrid tar-riżultati tal-proġetti u l-ġestjoni tal-proċess ta’ selezzjoni. Il-lezzjonijiet mitgħallma waqt din l-evalwazzjoni għandhom jiġu integrati fir-riflessjoni u fil-ħidma preparatorja għall-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss.

[1] Id-Deċiżjoni Nru 779/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007; ĠU L 173/19 tat-3 ta' Lulju 2007

[2] L-istudju kien ippreparat mill-Konsorzju Ewropew għall-Evalwazzjoni tal-Politika (European Policy Evaluation Consortium).

[3] L-istudju mwettaq mill-evalwatur indipendenti kien magħmul minn riċerka sekondarja, minn intervisti mal-uffiċjali tal-Kummissjoni responsabbli mill-programm Daphne u minn programmi oħrajn relatati, minn servej onlajn tal-benefiċjarji tal-għotjiet u fl-aħħar nett minn studji ta’ każijiet ta’ proġetti magħżula.

[4] L-Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni 779/2007/KE li tistabbilixxi l-programm Daphne.