KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Intejbu r-Responsabbiltà tal-UE fil-Qasam tal-Finanzjament għall-Iżvilupp lejn ir-Reviżjoni minn Pari tal-UE tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp /* KUMM/2011/0218 finali 2 */
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Intejbu r-Responsabbiltà tal-UE fil-Qasam tal-Finanzjament għall-Iżvilupp lejn ir-Reviżjoni minn Pari tal-UE tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp WERREJ 1. Introduzzjoni 2 2. Finanzjament tal-UE għall-Iżvilupp fil-kuntest globali 2 3. Ir-Rendiment tal-UE fl-2010 4 3.1. Sabiex isiru disponibbli aktar riżorsi għall-iżvilupp u l-isfidi globali 4 3.1.1. Appoġġ għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi għall-iżvilupp 4 3.1.2. L-UE hija l-akbar donatur iżda l-miri tal-2010 ma ntlaħqux 5 3.1.3. Il-finanzjament tal-UE għat-tibdil fil-klima u l-bijodiversità 7 3.1.4. Fonti ta’ finanzjament u mekkaniżmi għall-iżvilupp innovattivi 8 3.1.5. L-użu tal-ODA bħala lieva għal aktar flussi privati 8 3.1.6. Appoġġ għall-kapaċità kummerċjali tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw permezz tal-Għajnuna għall-Kummerċ 9 3.1.7. Bżonn sabiex tiġi pprevenuta kriżi futura tad-dejn fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw 10 3.2. Impatt tal-għajnuna tal-UE 10 3.2.1. Użu aħjar tal-għajnuna 10 3.2.2. Governanza finanzjarja globali, li tagħti s-setgħa lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw 10 4. Konklużjonijiet 11 INTRODUZZJONI Wara l-kriżi globali u l-impenn imġedded tas-sena l-oħra sabiex il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jiġu akkumpanjati sabiex jilħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs), din il-Komunikazzjoni u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal[1] li jakkumpanjaha, janalizzaw kemm l-UE u l-Istati Membri rnexxielhom jissodisfaw l-impenji komuni dwar il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi (governanza fiskali) u internazzjonali għall-iżvilupp, iżidu l-kapaċità u l-investiment kummerċjali, l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA), fonti u mekkaniżmi innovattivi ta’ finanzjament, effikaċja tal-għajnuna, dejn, finanzjament fil-klima u l-leħen u r-rappreżentazzjoni tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali. Huma jaqsmu l-progress fuq il-kwistjonijiet ta’ hawn fuq, u juru fejn l-UE kellha suċċess u fejn għandu jsir aktar. Huma jirriflettu wkoll il-progress dwar it-trasparenza u r-responsabbiltà fil-kooperazzjoni internazzjonali: għall-ewwel darba qegħdin jiġu ppubblikati t-tweġibiet tal-Istati Membri li jaqblu li jagħmlu dan u t-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-kwestjonarju ta’ kull sena. Il-Komunikazzjoni hija wkoll kontribut għall-konferenza ta’ Istanbul tan-NU dwar il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (Least Developed Countries – LDCs)[2] u r-Reba’ Forum ta’ Livell Għoli (High Level Forum - HLF) ta’ Busan dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna[3]. Il-Komunikazzjoni tirrikapitula proposti dwar kif għandhom jintlaħqu għanijiet komuni tal-UE, tqis kif għandu jitnaqqas id-distakk ta’ EUR 50 biljun bejn il-livelli ta’ bħalissa tal-ODA u l-għan għall-2015, u tipprovdi bażi għar-rapport tal-Kunsill lill-Kunsill Ewropew għad-diskussjoni annwali tar-reviżjoni bejn il-pari tal-ODA dwar kif għandhom jintlaħqu l-għanijiet tal-UE għall-ODA sal-2015[4]. FINANZJAMENT TAL-UE GħALL-IżVILUPP FIL-KUNTEST GLOBALI L-UE kienet forza prinċipali fil-ħidma għal livelli aħjar tal-għajxien fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Meta l-mexxejja tad-dinja ltaqgħu fil-ħarifa li għaddiet fi New York għas-Summit tan-NU dwar l-MDGs, l-UE ppromoviet b’mod attiv il-kunsens globali dwar azzjoni konġunta. Il-mobilizzazzjoni ta’ aktar finanzjament għall-iżvilupp mill-fonti disponibbli kollha hija kruċjali għall-ġlieda kontra l-faqar. Madankollu, aktar flus waħedhom ma jwasslux għall-iżvilupp. Il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw għandhom ir-responsabbiltà ewlenija tal-iżvilupp proprju tagħhom u li jtejbu l-oqfsa relatati mal-politika u mal-governanza. Barra li hi donatur ġeneruż, l-UE għandha sett komprensiv ta’ azzjonijiet sabiex tappoġġa l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fit-tfittxija tagħhom għal żvilupp sostenibbli, b’mod partikolari billi tfassal politiki ta’ għajnuna ma’ pajjiżi sħab, tiżgura li l-politiki interni tal-UE jkunu konsistenti mal-għanijiet ta’ żvilupp u tgħin lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex jaffaċċjaw l-isfidi globali. Bil-kontra ta’ bosta donaturi, l-UE stabbiliet għaliha nnifisha għanijiet kwantitattivi u kwalitattivi sabiex tkun tista’ tkejjel il-progress tagħha. L-impenji tal-UE huma bbażati fuq l-aġenda globali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp[5], li tkopri fonti differenti ta’ finanzjament, għalkemm din l-aġenda ma tirriflettix suffiċjentament il-bidliet fl-isfond globali bħal donaturi u investituri uffiċjali ġodda, istituzzjonijiet ta’ karità, kooperazzjoni tan-Nofsinhar man-Nofsinhar u attività tas-settur privat. L-ODA hija l-aktar indikatur magħruf sabiex tiġi vvalutata d-determinazzjoni tad-donaturi uffiċjali u hija s-suġġett prinċipali ta’ dan id-dokument; iżda mhijiex l-unika sors ta’ fondi mobilizzati għall-iżvilupp. Matul il-perjodu 2004-2010, l-UE u l-Istati Membri tagħha kienu jirrappreżentaw 57% tal-ODA nett lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw mid-donaturi kollha tal-OECD DAC u tal-UE u għal 65% taż-żieda globali ta’ EUR 25,7 biljun fl-ODA. Fl-2010, l-ODA tad-donaturi kollha tal-OECD DAC u tal-UE laħqet EUR 97,2 biljun f’termini nominali. L-UE kollha kemm hija tagħti 58% ta’ din l-għajnuna. Għalkemm diġà huma l-akbar donaturi fid-dinja, l-UE u l-Istati Membri tagħha wegħdu li sal-2015 iżidu l-infiq tal-ODA għal 0,7% tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) totali tagħhom. Dan għandu jżid EUR 50 biljun oħrajn mal-EUR 53,8 biljun ta’ bħalissa. Graff: L-ODA tal-UE u tal-Istati Membri tagħha u ta’ pajjiżi oħrajn li mhumiex membri tal-UE jew tal-G8 [pic] Fonti: Tabella 1 tal-OECD DAC Minbarra l-ODA hemm fonti kbar oħrajn ta’ finanzjament li huma disponibbli għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Pereżempju, ir-rimessi globali mill-migranti kienu mistennija li jammontaw għal madwar EUR 245 biljun fl-2010, istituzzjonijiet privati tal-karità huma stmati li jagħtu madwar EUR 35 biljun fis-sena[6]; il-flussi tal-Investiment Dirett Barranni (FDI) globali huma kważi daqs l-ODA u setgħat ekonomiċi ġodda bħall-Brażil, ir-Russja, l-Indja u ċ-Ċina qegħdin jonfqu ammonti dejjem jiżdiedu sabiex jappoġġaw pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Filwaqt li dawn il-fondi huma ta’ natura distinta u ġestiti b’mod differenti mill-ODA, flimkien huma jistgħu, jekk jintużaw sabiex jikkumplimentaw l-ODA, jissodisfaw aħjar il-bżonn sabiex jittrawwem l-iżvilupp u jiġu affaċċjati l-isfidi globali. IR-RENDIMENT TAL-UE FL-2010 Din il-Komunikazzjoni u d-dokumentati ta' sostenn juru kif l-UE u l-Istati Membri tagħha aġixxew sabiex jissodisfaw il-bosta impenji tagħhom. Dan juri li, b’mod ġenerali, l-UE kollha kemm hija żammet il-progress sabiex twettaq il-wegħdiet tagħha, għalkemm is-sitwazzjoni tvarja ħafna bejn il-kwistjonijiet u bejn l-Istati Membri. Sabiex isiru disponibbli aktar riżorsi għall-iżvilupp u l-isfidi globali Appoġġ għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi għall-iżvilupp Li jiġu ġġenerati aktar riżorsi domestiċi jitqies minn ħafna bħala l-aktar metodu importanti sabiex matul iż-żmien jinkiseb żvilupp sostenibbli u li titnaqqas id-dipendeza fuq l-għajnuna. Il-baġits tal-istat tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw huma l-akbar font ta’ żvilupp tal-finanzi. L-indipendenza finanzjarja li qiegħda dejjem tikber mill-appoġġ estern toħloq l-ispazju fiskali neċessarju sabiex jiġu ffinanzjati l-MDGs u tissaħħaħ ir-rabta bejn l-istat u ċ-ċittadini tiegħu. Fl-2010, l-UE u l-Istati Membri tagħha komplew jirfinaw il-metodi tagħhom ta’ ħidma mal-pajjiżi sħab dwar dawn il-kwistjonijiet bil-għan li jingħata appoġġ imsaħħaħ, inkluż permezz tal-bini ta’ kapaċità, għall-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw skont il-prinċipji tal-governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali (trasparenza, skambju ta’ informazzjoni u kompetizzjoni fiskali ġusta), bħala parti mill-isforzi usa’ tagħhom sabiex isaħħu l-governanza tajba u l-ġestjoni tajba tal-finanzi pubbliċi. L-UE se tkompli tippromwovi dawk il-prinċipji u tappoġġa l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex jiġġieldu l-evażjoni tat-taxxa u prattiki fiskali dannużi sabiex jiżviluppaw ambjent fiskali internazzjonali trasparenti u kooperattiv. L-UE diġà saħħet l-appoġġ tagħha għall-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI) bħala standard globali emerġenti għat-trasparenza u r-responsabbiltà rigward id-dħul u se tinkoraġġixxi l-isforzi tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex itejbu l-governanza tal-industrji estrattivi attivi fil-pajjiżi tagħhom. L-UE qiegħda taħdem ukoll lejn koerenza politika miżjuda fir-rigward tal-iżvilupp, pereżempju billi taħdem għal żvelar potenzjali minn korporazzjonijiet multinazzjonali tad-dejta finanzjarja fuq bażi ta’ pajjiżi individwali sabiex issaħħaħ it-trasparenza u l-governanza korporattiva. Il-Kummissjoni qiegħda tqis leġiżlazzjoni dwar din il-kwistjoni, mill-anqas fir-rigward tal-kumpaniji kkwotati attivi fl-industrija tal-estrazzjoni, fil-qafas tar-reviżjoni tad-Direttiva ta’ Trasparenza, li bħalissa hija prevista għall-ħarifa. Trasparenza msaħħa u governanza korporattiva mtejba se jgħin lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex jottimizzaw il-ġbir ta’ dħul u jimmassimizzaw ir-riżorsi fiskali tagħhom sabiex jiżguraw li jitwettqu beni u servizzi pubbliċi. L-UE hija l-akbar donatur iżda l-miri tal-2010 ma ntlaħqux L-UE hija l-grupp l-aktar ambizzjuż ta’ donaturi fid-dinja, impenjata sabiex sal-2015 tagħti 0,7% tal-ING kollettiv tagħha fl-ODA, dan skont l-għan fundamentali tan-NU. Il-mexxejja tal-UE ftehmu dwar dan l-għan kollettiv fl-2005, fuq il-bażi ta’ għanijiet individwali differenzjati tal-Istati Membri. Parti mill-ftehim kien l-għan kollettiv intermedjarju ta’ 0,56% ODA/ING sal-2010. Filwaqt li laħqu l-ogħla livell sa issa ta’ EUR 53,8 biljun, li jirrappreżenta 0,43% tal-ODA/ING u mmobilizzaw ukoll aktar minn EUR 4,5 biljuni minkejja t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, l-Istati Membri ma laħqux il-mira intermedja, u naqsu li jwettqu l-wegħda tagħhom b’EUR 15-il biljun. Għad hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri: filwaqt li xi wħud qegħdin jaħdmu sabiex jagħtu s-sehem tagħhom fl-implimentazzjoni tal-ftehim komuni, oħrajn ma wettqux l-impenji individwali tagħhom fir-rigward tar-riżultati kollettivi tal-UE. Dan jimmina l-prinċipju tal-kondiviżjoni interna ġusta tal-piżijiet tal-UE u seta’ kkontribwixxa għat-tnaqqis tal-għajnuna fi wħud mill-Istati Membri b’livelli tal-ODA ta’ 0,7% tal-ING, jew aktar. L-UE mhijiex se tilħaq l-għan kollettiv tal-2015 jekk l-Istati Membri kollha tal-UE ma jwettqux il-parti miftehma tagħhom. F'dan il-kuntest, huwa ta' tħassib partikolari li xi Stati Membri ħabbru tnaqqis tal-ODA għall-2011 u lil hinn, li jisfida l-isforzi komuni tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea rrapportat EUR 14,95 biljun bħala ħruġ nett tal-ODA għall-2010. L-ammont jinkludi EUR 5,15 biljun ta’ self aġevolanti tal-BEI li mhux għotja, iffinanzjat primarjament permezz tar-riżorsi proprji tal-BEI u li jifdal permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u tal-Baġit tal-UE. Graff: Rendiment tal-ODA tal-Istati Membri fl-2010 f’% tal-ING [pic] Fonti: Kwestjonarju annwali tal-OECD DAC u tal-UE dwar il-finanzjament għall-iżvilupp ODA lill-Afrika : L-UE u l-Istati Membri tagħha flimkien jibqgħu l-akbar donaturi ta’ għajnuna lill-Afrika u fl-2009 għaddew EUR 20,5 biljun lill-kontinent Madankollu, l-impenn tal-2005 – sabiex tiżdied l-ODA lill-Afrika sub-Saħarjana u sabiex jingħadda mill-inqas 50% taż-żieda tal-għajnuna kkombinata lill-kontinent – twettaq b’mod parzjali biss. Filwaqt li l-ODA lill-Afrika sub-Saħarjana kibret b’ EUR2,7 biljuni sa mill-2004, 26% biss taż-żieda totali tal-ODA f’termini reali ġew allokati lill-kontinent Afrikan. ODA lill-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDCs) : Fi ħdan l-impenn totali tal-ODA, l-UE, fl-2008, wegħdet li sal-2010, tonfoq b’mod kollettiv mill-inqas 0,15% tal-ING ikkombinat tagħha fl-ODA lil-LDCs. Dan il-għan ma ntlaħaqx għal ftit: L-ODA ikkombinata tal-UE lil-LDCs ikkorrispondiet għal 0,13% tal-ING fl-2010, abbażi ta’ dejta preliminari disponibbli. Fl-2009 tmien Stati Membri b’mod individwali laħqu l-limitu u tlieta oħra nefqu mill-inqas terz tal-ODA totali fl-LDCs, u b'dan urew d-determinazzjoni tagħhom sabiex jgħinu lill-pajjiżi l-aktar foqra. Il-finanzjament tal-UE għat-tibdil fil-klima u l-bijodiversità Il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw għandhom bżonn appoġġ miżjud sabiex jadattaw għal u jimmitigaw l-effetti tat-tibdil fil-klima. Fit-tħejjija tal-Konferenza tal-2009 tal-UNFCCC f’Kopenħagen, l-UE impenjat lilha nnifisha sabiex tikkontribwixxi EUR 7,2 biljun matul il-perjodu 2010-2012 għal finanzjament rapidu dwar il-klima għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw [7] . Fl-2010 l-UE kollha kemm hija tat EUR 2,34 biljun skont l-għan totali tagħha għall-2010-2012[8]. L-UE qiegħda taħseb ukoll dwar metodi sabiex tissodisfa l-impenn tal-pajjiżi żviluppati taħt il-Ftehim ta’ Kankun, sabiex b’mod konġunt sal-2020 jimmobilizzaw USD 100 biljun fis-sena, minn bosta fonti (pubbliċi, privati, bilaterali, multilaterali u innovattivi), sabiex jindirizzaw il-bżonnijiet tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw[9]. L-iżvilupp ta’ metodi komparabbli u trasparenti sabiex ikun hemm kejl, rappurtar u verifika tal-finanzjament tal-klima jibqa’ sfida ewlenija. Filwaqt li l-UE u l-Istati Membri tagħha għamlu progress sinifikanti fir-rappurtar tal-implimentazzjoni tagħhom tal-finanzjament rapidu b’mod trasparenti, aktar titjib f’dan il-qasam, b’mod partikolari fid-dawl tal-finanzjament għal perjodu itwal, ser ikun vitali sabiex tinżamm fiduċja fil-proċess internazzjonali. Il-ħarsien tal-bijodiversità huwa wkoll suġġett prominenti fl-aġenda tal-UE. Fil-konferenza ta’ Nagoya tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) fl-2010, l-impenn innifsu tal-UE sabiex sal-2020 iżżid b’mod sostanzjali r-riżorsi finanzjarji, sabiex timplimenta b’mod effettiv il-Pjan Strateġiku 2011-2020 u sabiex "tieħu azzjoni effettiva u urġenti sabiex twaqqaf it-telf tal-bijodiversità … tikkontribwixxi għall-… benesseri tal-bniedem u l-qerda tal-faqar." Bosta Stati Membri ħabbru żidiet kbar fl-impenji taghom għall-konservazzjoni tal-bijodiversità fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw Fonti ta’ finanzjament u mekkaniżmi għall-iżvilupp innovattivi Peress li għajnuna qatt mhu se tkun biżżejjed sabiex tissodisfa l-bżonnijiet ta’ finanzjament tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex jiksbu l-MDGs u għanijiet oħrajn ta’ żvilupp miftehma fuq livell internazzjoni, l-UE impenjat lilha nnifisha sabiex tqis b’mod serju mekkaniżmi innovattivi ta’ finanzjament b’potenzjal sinifikanti ta’ ġenerazzjoni ta’ dħul sabiex tassigura finanzjament prevedibbli għall-iżvilupp sostenibbli[10]. Bosta Stati Membri tal-UE diġà jużaw fonti innovattivi differenti u mekkaniżmi li ġabru, s’issa, madwar EUR 13-il biljun għall-iżvilupp. Filwaqt li ċerti Stati Membri qegħdin iqisu fonti u mekkaniżmi ulterjuri, għad ma hemmx approċċ komuni tal-UE dwar il-fonti u mekkaniżmi innovattivi bl-ogħla potenzjal ta’ ġenerazzjoni ta’ dħul. Mekkaniżmi sabiex jintefaq dħul minn fonti innovattivi għandhom bżonn li jkunu konformi mal-prinċipji miftehma tal-effikaċja tal-għajnuna fuq livell internazzjoni u li jevitaw li jinħolqu metodi paralleli ta’ infiq. L-użu tal-ODA bħala lieva għal aktar flussi privati L-UE ilha tqis bħala ta’ potenzjal kbir il-possibbiltà ta’ kollaborazzjoni mas- settur privat bħala element ta’ tkabbir inklużiv u żvilupp sostenibbli. L-UE u l-Istati Membri jużaw bosta inċentivi (garanziji ta’ investiment, fondi apposta, self preferenzjali, appoġġ għal impriża konġunta, eċċ.) sabiex jinkoraġixxu flussi privati ta’ kapital lil pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u sabiex jappoġġaw qafas internazzjonali aktar b’saħħtu għal imġiba responsabbli tal-kumpaniji. L-UE u l-Istati Membri tagħha jistgħu jużaw metodi ta’ taħlit akbar ta’ self u għotjiet jew jużaw fondi fi strumenti ta’ ekwità jew kondiviżjoni tar-riskju, sabiex jimobilizzaw aktar finanzjament - inkluż mis-settur privat – sabiex ikopru l-bżonnijiet tal-investiment tal-pajjiżi sħab tagħna. Dan se jiġi indirizzat fil-proposti ta' politika li ġejjin dwar il-linja politika tal-futur tal-iżvilupp tal-UE. Ir-rimessi tal-migranti , li l-UE tenfasizza n-natura privata tagħhom, huma fluss sinifikanti ieħor għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp. Rimessi mill-UE għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, ukoll b’valutazzjoni konservattivà[11], għandhom kważi l-istess total tal-ODA tal-UE. Ċaqliq f’dawn il-flussi jista’ jkollu impatt kbir fuq il-kunduzzjonijiet tal-għajxien tar-riċevituri fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. L-UE wegħdet li tnaqqas il-kost ta’ u tiffaċilità t-trasferiment tar-rimessi[12]. Għal dan il-għan, fl-2010, l-UE u l-Istati Membri komplew jaħdmu fuq bosta oqsma, pereżempju titjib tad-dejta, żieda tat-trasparenza u tal-kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi ta’ ħlas, finanzjament ta’ proġetti relatati mar-rimessi, appoġġ tas-servizzi finanzjarji fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, u t-titjib tal-għarfien finanzjajru tal-migranti. Il-kost biex jintbagħtu r-rimessi waqa’ f’xi Stati Membri tal-UE iżda ogħla f’oħrajn[13]. L-isfidi li għadhom iridu jiġu affaċċjati huma: (i) li tinġabar dejta preċiża dwar il-kurituri ewlenin, kostijiet sabiex jintbagħtu u flussi informali mill-UE; (ii) li jiġi estiż it-tnaqqis tal-kost min-naħa tar-riċevitur fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; (iii) li jitfasslu ambjenti favorevoli; u (iv) li jitjieb l-aċċess u l-għarfien finanzjarju. Appoġġ għall-kapaċità kummerċjali tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw permezz tal-Għajnuna għall-Kummerċ Il-kummerċ fis-swieq reġjonali u internazzjonali għandu potenzjal kbir sabiex jappoġġa tkabbir inklużiv u kien ta’ kontribut importanti għal ħafna stejjer ta’ suċċess fl-iżvilupp. L-UE appoġġat b’mod konsistenti l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex jużaw il-kummerċ tagħhom bħala għodda għall-iżvilupp. Bħala parti mill-istrateġija konġunta għall-Għajnuna għall-Kummerċ, l-UE kollha kemm hija qablet sabiex tieħu azzjoni sabiex iżżid l-Għajnuna għall-Kummerċ u ssaħħaħ l-impatt tagħha. Fl-2009[14], l-għajnuna annwali għall-kummerċ kombinata tal-UE kienet ta’ EUR 10,5 biljun, ċifra ekwivalenti għal dik irreġistrata s-sena ta’ qabel. L-għajnuna tal-UE u tal-Istati Membri relatata mal-kummerċ — qasam tal-Għajnuna għall-Kummerċ — żdiedet b’mod sostanzjali fl-2009, għal total ta’ EUR 3 biljun, ħafna aktar mill-mira ta’ nfiq (għall-2010 ’il quddiem) ta’ EUR 2 biljuni fis-sena. Fl-2009, l-Afrika saret l-akbar riċevitur taż-żewġ għajnuniet ikkombinati, dik tal-għajnuna tal-UE relatata mal-kummerċ u dik tal-għajnuna għall-kummerċ. Id-dejta tal-2009 timmira wkoll għal żieda b’saħħitha fl-Għajnuna għall-Kummerċ lill-Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, ta’ EUR 3,6 biljun. Il-proporzjon tal-Għajnuna għall-Kummerċ tal-UE u l-Istati Membri tagħha lil-LDCs baqgħet stabbli għal 22% tat-total Rapporti mill-uffiċċji lokali tal-UE jimmiraw sabiex jimmoderaw it-titjib fil-proċessi li jappoġġaw kemm il-volumi u l-effikaċja tal-għajnuna għall-kummerċ, bħall-indirizzar tal-kummerċ fid-djalogu politiku bejn id-donaturi u l-imsieħba tal-UE; żieda fid-domanda tal-pajjiż sieħeb għall-għajnuna għall-kummerċ; koordinazzjoni sabiex ikun hemm żvilupp u implimentazzjoni tal-istrateġiji dwar il-kummerċ; valutazzjonijiet tal-bżonnijiet tal-kummerċ; operazzjonijiet konġunti u armonizzazzjoni, u l-inklużjoni ta’ prijoritajiet strateġiċi tal-integrazzjoni ekonomika reġjonali fil-pjanijiet tal-żvilupp u fl-istrateġija kummerċjali nazzjonali. Dawn l-elementi kollha hemm bżonn li jibqa' jkollhom attenzjoni kontinwa u intensiva. Fl-LDCs, il-Qafas Integrat Imsaħħaħ għall-għajnuna relatata mal-kummerċ joffri opportunità speċjali sabiex jgħin lil dawn il-pajjiżi sabiex isaħħu l-attenzjoni għal kwistjonijiet relatati mal-kummerċ u jżid l-għajnuna għall-kummerċ. Bżonn sabiex tiġi pprevenuta kriżi futura tad-dejn fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw L-UE u l-Istati Membri tagħha qegħdin jagħmlu l-parti tagħhom sabiex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Inizjattivi Multilaterali għall-Ħelsien mid-Dejn u Pajjiżi Foqra bi Djun Kbar. Għandhom jitqiesu s-sostenibbiltà tad-dejn u r-riskju ta’ dejn kbir possibbli fost il-pajjiżi bi dħul baxx u medju meta jiżdied l-użu ta’ metodu ta’ kombinar ta’ self u għotjiet bħala appoġġ lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Sabiex tiġi evitata krizi ġdida tad-dejn, hemm bżonn ta’ appoġġ għal kapaċità mtejba għal ġestjoni tajba tad-dejn u għall-prattiki ta’ għoti u teħid responsabbli ta’ self. Impatt tal-għajnuna tal-UE Użu aħjar tal-għajnuna L-UE kienet fuq quddiem għal sforzi internazzjonali sabiex isir użu aktar effettiv tal-għajnuna. Il-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna stabbiliti fid-Dikjarazzjoni ta' Pariġi u l-Aġenda tal-Akkra għall-Azzjoni ġew inkorporati fil-Qafas Operattiv tal-UE dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna[15], li jinkludi impenji u għanijiet li jippermettu lill-UE u l-Istati Membri tagħha sabiex ikejlu b’mod aktar effettiv il-progress tagħhom fl-infiq tal-ODA. Filwaqt li hemm xi titjib fuq bosta indikaturi, hemm bżonn ta’ aktar azzjoni sabiex jintlaħaq l-għan totali għall-immassimizzar tal-valur tal-flus. L-għan għandu jkun sabiex jitjieb l-impatt tal-iżvilupp tal-għajnuna tal-UE kollha kemm hija. Dan il-metodu se jiġi eżaminat ulterjorment fil-Komunikazzjonijiet dwar l-ipprogrammar tal-għajnuna konġunta tal-UE u dwar pożizzjoni komuni tal-UE għall-konferenza ta’ Busan aktar tard fl-2011. F’Busan, l-evidenza għall-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna se tiġi riveduta fil-kuntest usa’ tal-iżvilupp. Sfida futura se tkun dik li jinkiseb ir-rwol tal-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna fir-rigward ta’ għajnuna li tagħmel differenza kbira u sabiex tissaħħaħ l-implimentazzjoni tagħhom fil-livell tal-pajjiż. Governanza finanzjarja globali, li tagħti s-setgħa lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw L-UE appoġġjat b’mod konsistenti leħen aktar b’saħħtu għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali. Fl-2010, kemm il-FMI kif ukoll il-Bank Dinji approvaw riformi ewlenin ta’ governanza, pereżempju ż-żieda fl-ishma tal-voti u tal-kwota tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u dawk fi tranżizzjoni. L-UE trid tgħin sabiex tiżgura li dawn jiġu implimentati bil-ħeffa fiż-żewġ istituzzjonijiet. Għar-reviżjoni li jmiss tal-istruttura azzjonarja tal-Bank Dinji għall-2015, l-UE temmen li l-kontribuzzjonijiet għall-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Iżvilupp, il-fergħa tal-Bvank Dinji li jagħti self aġevolat, għandhom jiġu inklużi b’mod permanenti u b’mod suffiċjenti fil-formola dwar id-drittijiet tal-vot, u għalhekk jiġu stabbiliti l-inċentivi t-tajba sabiex l-azzjonisti kollha jiżguraw sostenibbiltà finanzjarja tal-istituzzjoni għal perjodu twil. L-UE għandha ssaħħaħ ukoll il-koordinazzjoni fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali sabiex jitkellmu b’leħen wieħed dwar kwistjonijiet ewlenin. KONKLUżJONIJIET Fuq il-bażi ta’ dawn ir-riżultati tar-Rapport, il-Kummissjoni tirrakkomanda sabiex jittieħdu dawn il-passi li jmiss. 1. L-UE u l-Istati Membri għandhom isaħħu l-appoġġ tagħhom lill-isforzi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil- mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi għall-żvilupp skont il-prinċipji tal-governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali . 2. Wara li ma laħqux l-għan intermedjarju tal-ODA għall-2010, dak ta’ 0,56% tal-ING, l-Istati Membri għandhom, skont l-impenn tagħhom tal-2005: 3. jikkonfermaw l-impenn kollettiv tal-UE sabiex sal-2015 iżżid l-ODA għal 0,7% tal-ING ikkombinat. Abbażi tal-evidenza ċara li l-politika dwar l-iżvilupp fuq il-livell tal-UE tista' toffri valur miżjud għoli, il-volumi tal-ODA tal-UE nnifisha għandhom jagħmlu l-parti tagħhom f’din iż-żieda[16]; 4. jikkonfermaw li se jilħqu l-għanijiet individwali tagħhom tal-ODA, hekk kif kull Stat Membru li jonqos milli jagħmel il-parti tiegħu tal-għanijiet miftehma jimmina l-isforzi kollettivi tal-UE għall-mira ta’ 0,7%: 5. li l-UE-15 jilħqu mill-inqas 0,51% tal-ODA/ING malajr kemm jista’jkun u 0,7% tal-ING sal-2015, filwaqt li dawk li diġà jinsabu fuq dak il-livell iwegħdu li jżommu l-istess intensità; 6. li l-UE-12 jibqgħu jaħdmu għal livelli tal-ODA ta’ mill-anqas 0,17% tal-ING malajr kemm jista’jkun u 0,33% tal-ING sal-2015; 7. jieħdu azzjonijiet nazzjonali konkreti sabiex jiksbu l-għanijiet, inkluż billi jistabbilixxu pjanijiet multiannwali ta’ azzjoni u jinkludu għanijiet tal-ODA fil-leġiżlazzjoni nazzjonali; 8. jikkondividu dejta prospettiva dwar l-azzjonijiet individwali tagħhom, li turi l-metodu għaż-żieda ta’ kull sena fil-baġits tal-ODA minn issa sal-2015, u jressqu din id-dejta bħala parti mir-rapport tal-Kunsill, li jsir kull sena dwar l-ODA, li jingħata lill-Kunsill Ewropew. 9. L -Istati Membri għandhom jikkonfermaw u jwettqu l-impenn kollettiv sabiex tiżdied l-ODA lill-Afrika : L-ODA tal-UE lill-Afrika ma żdiditx bl-istess livell bħall-ODA totali tal-UE. L-Istati Membri għandhom iżidu l-sforzi sabiex jipprovdu mill-inqas nofs iż-żieda tal-ODA lill-kontinent Afrikan. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom sabiex jipprovdu aktar ODA lill-pajjiżi Afrikani li l-aktar għandhom bżonn. 10. L -Istati Membri għandhom jikkonfermaw u jwettqu l-impenn kollettiv sabiex tiżdied l-ODA lil-LDCs : Huma għandhom jikkoordinaw l-iffokar fuq il-faqar taż-żidiet tagħhom tal-għajnuna u jilħqu l-għan tal-għoti ta' mill-inqas ta’ 0,15% tal-ING tagħhom lil-LDCs. L-Istati Membri kollha tal-UE għandhom bżonn li jikkontribwixxu għal dan il-għan. 11. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom iqisu li jsaħħu l-implimentazzjoni tal-impenji tal- effikaċja tal-għajnuna billi jiffukaw sabiex jippermettu lill-pajjiżi sħab sabiex imexxu l-iżvilupp kollu proprju u jġestixxu l-għajnuna, permezz ukoll billi: 12. jiżviluppaw ulterjorment il-possibbiltajiet għal programmar b’mod konġunt tal-għajnuna tal-UE kollha kemm hija; il-Kummissjoni se tressaq proposta aktar tard fl-2011; 13. isaħħu l-Inizjattiva eżistenti Aċċellerata tal-UE dwar it-Tqassim tax-Xogħol billi jespanduha lejn netwerk ta’ appoġġ usa’ għall-implimentazzjoni tal-Qafas Operattiv tal-UE dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna; 14. abbażi l-esperjenza tal-UE fl-implimentazzjoni tal-impenji tal-Effikaċja tal-Għajnuna, hemm bżonn li ssir ħidma flimkien sabiex f’Busan jinkiseb eżitu ffukat fuq kif tiġi mmassimizzata l-kontribuzzjoni tal-elementi tal-Effikaċja tal-Għajnuna għar-riżultati tal-iżvilupp fuq il-livell tal-pajjiż imsieħeb. Aktar tard fl-2011 il-Kummissjoni se tressaq proposta għal pożizzjoni komuni tal-UE għal Busan. 15. Fil-kuntest tal- Għajnuna għall-Kummerċ , l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom bżonn li: 16. isaħħu l-appoġġ tal- Għajnuna għall-Kummerċ lil-LDCs , pereżempju permezz taż-żieda tal-attenzjoni għall-kapaċità tal-LDCs sabiex jifformulaw u jimplimentaw strateġiji ta’ żvilupp bħala appoġġ għat-tkabbir inklużiv u sostenibbli; hemm bżonn li tingħata attenzjoni speċjali sabiex jintuża l-potenzjal tal-Qafas Integrat Imsaħħaħ għall-Għajnuna Relatata mal-Kummerċ lil-LDCs bħala għodda għall-koordinazzjoni tal-partijiet interessati u tal-iżvilupp tal-istrateġija; 17. itejbu l-effikaċja tal-għajnuna għall-kummerċ identifikata fuq il-livell tal-pajjiż, pereżempju billi jagħmlu użu aħjar mill-valutazzjonijiet tal-bżonnijiet tal-kummerċ, isaħħu l-effikaċja tal-pjattaformi maħsuba sabiex jappoġġaw l-iżvilupp tal-istrateġiji relatati mal-kummerċ; u jaġixxu dwar opportunitajiet sabiex iżidu operazzjonijiet konġunti; 18. iżidu ulterjorment l- appoġġ għal integrazzjoni reġjonali , ukoll permezz ta’ għajnuna mogħtija fuq il-livell nazzjonali; 19. jappoġġaw il-monitoraġġ proprju tal-pajjiżi sħab fir-rigward tar-rizultati u tal-impatt tal-għajnuna għall-kummerċ u l-progress tal-istrateġiji tagħhom għall-iżvilupp tal-kummerċ. 20. Fonti innovattivi ta’ finanzjament għandhom potenzjal kbir sabiex inaqqsu d-distakk tal-finanzjament għall-iżvilupp. L-Istati Membri għandhom jiffukaw l-isforzi fuq mekkaniżmi innovattivi b’potenzjal sinifikanti tal-ġenerazzjoni tad-dħul u jiżguraw li sehem sostanzjali tad-dħul li jiġi ġġenerat b'dan jintuża għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. 21. L-ODA u l- finanzjament fil-klima huma kumplimentari, it-tnejn li huma jimmiraw sabiex jappoġġaw il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex jibnu ġejjjieni ‘reżistenti għat-tibdil fil-klima’ għalihom infushom: 22. id-donaturi tal-UE u l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw għandhom bżonn li jkollhom strateġija tal-iżvilupp li hija waħda u kompatibbli mal-klima li tkopri kemm l-adattament kif ukoll il-mitigazzjoni; 23. id-donaturi tal-UE għandhom jinkoraġixxu atturi oħrajn sabiex jimplimentaw azzjonijiet tal-finanzjament għall-klima skont il-prinċipji miftehma dwar l-effikaċja tal-għajnuna. 24. Skont il-Ftehim ta’ Kankun, il-finanzjament għall-klima jrid ikun ‘ġdid u addizzjonali’ u dwar dan hemm firxa wiesgħa ta’ opinjonijiet differenti, . Hemm bżonn ta’ progress ulterjuri sabiex jiġi identifikat approċċ tajjeb li jiżgura li l-finanzjament ma jagħmilx ħsara lill-ġlieda kontra l-faqar u l-progress lejn l-MDGs, kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew fl-2009. [1] SEC(2011) 500 final « EU Accountability Report 2011 on Financing for Development » EU Rappport dwar l-Affidabbiltà tal-UE fil-Qasam tal-Finanzjament għall-Iżvilupp. [2] Il-Konferenza tal-LDC IV, Istanbul, Mejju 2011. [3] HLF IV, Busan, Novembru 2011. [4] Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17.06.2010, par. 20. [5] Il-Kunsens ta’ Monterrey tal-2002, Id-Dikjarazzjoni ta’ Doha tal-2008 dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp . [6] http://www.hudson.org/files/pdf_upload/Index_of_Global_Philanthropy_and_Remittances_2010.pdf [7] Bħala l-parti tagħha mill-impenn kollettiv tal-pajjiżi żviluppati sabiex jipprovdu riżorsi ġodda u addizzjonali ta’ kważi USD 30 biljun għal dak il-perjodu. [8] Skont it-tweġibiet tal-Istati Membri għall-istħarriġ annwali tal-Kummissjoni dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp, ara Volum II, Anness 4 tas-SEC(2011) 501 final. Iċ-ċifri mogħtija mill-Istati Membri ġew aġġustati bi ftit meta mqabbla mad-dejta preliminari mogħtija għar-Rapport tal-UE għal finanzjament rapidu għal Kankun adottat mill-Kunsill fis-6.12.2010. [9] Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC(2011)487 tal-08.4.2011 dwar "Iż-żieda tal-finanzjament internazzjonali tal-klima wara l-2012". [10] Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15.06.2010 dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju. [11] http://data.worldbank.org/data-catalog/world-development-indicators. [12] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11.11.2008, Pożizzjoni komuni tal-UE għall-Konferenza ta' Doha dwar il-Finanzjament tal-Izvilupp . [13] http://remittanceprices.worldbank.org/ [14] Id-dejta tal-2010 għadha mhijiex disponibbli. [15] Test Konsolidat tal-11.01.2011, Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill 18239/10. [16] Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE, COM(2010)700 tad-19.10.2010.