52011DC0200

/* KUMM/2011/0200 finali */ KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-KUNSILL EWRPEW, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI SĦUBIJA GĦAD-DEMOKRAZIJA U L-PROSPERITÀ KOMUNI FIN-NOFSINHAR TAL-MEDITERRAN


[pic] | KUMMISSJONI EWROPEA | HIGH REPRESENTATIVE OF THE UNION FOR FOREIGN AFFAIRS AND SECURITY POLICY |

Brussell, 8.3.2011

KUMM(2011) 200 finali

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-KUNSILL EWRPEW, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

SĦUBIJA GĦAD-DEMOKRAZIJA U L-PROSPERITÀ KOMUNI FIN-NOFSINHAR TAL-MEDITERRAN

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-KUNSILL EWRPEW, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

SĦUBIJA GĦAD-DEMOKRAZIJA U L-PROSPERITÀ KOMUNI FIN-NOFSINHAR TAL-MEDITERRAN

INTRODUZZJONI

L-avvenimenti li qegħdin iseħħu fil-viċinat tagħna fin-nofsinhar huma ta' dimensjoni storika. Huma jirreflettu proċess ta' trasformazzjoni profonda u ser iħallu konsegwenzi dejjiema mhux biss fuq in-nies u l-pajjiżi tar-reġjun iżda wkoll fuq il-bqija tad-dinja u b'mod partikolari fuq l-UE. It-tibdil li għaddej bħalissa jġorr miegħu t-tama ta' ħajja aħjar għan-nies tar-reġjun u għal aktar rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-pluraliżmu, l-istat tad-dritt u l-ġustizzja soċjali - valuri universali li huma tagħna lkoll. Il-qalba lejn id-demokrazija qatt ma hi waħda faċli - tinvolvi riskji u inċertezzi assoċjati ma' dawn it-tranżizzjonijiet. Filwaqt li tirrikonoxxi d-diffikultajiet, l-UE għandha tagħżel l-alternattiva ċara u strateġika li tappoġġja t-tfittxija għal dawk il-prinċipji u l-valuri li huma tant għal qalbha. Għal dawn ir-raġunijiet l-UE ma tistax tibqa' spettatur passiv. Jeħtieġ li hija tappoġġja bis-sħiħ ix-xewqa tan-nies fil-viċinat tagħna li jgawdu mill-istess libertajiet li aħna nqisu bħala dritt tagħna. Il-pajjiżi Ewropej infushom għaddew mill-esperjenza ta' tranżizzjoni demokratika. L-Unjoni Ewropea hija kburija bit-tradizzjoni tagħha li tappoġġja lil dawk il-pajjiżi fi tranżizzjoni minn reġimi awtokratiċi lejn id-demokrazija, l-ewwel fin-Nofsinhar u aktar reċenti fiċ-Ċentru u l-Lvant tal-Ewropa. Filwaqt li nirrispettaw dawk li pimarjament huma proċessi ta' trasformazzjoni interni, l-UE tista' toffri għarfien espert – l-għarfien tal-gvernijiet, tal-Istituzzjonijiet Ewropej (il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew), tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tal-partiti politiċi, tal-fondazzjonijiet, tat- trade unions u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Jeżisti interess komuni biex iż-żona tan-Nofsinhar tal-Mediterran ssir aktar demokratika, stabbli, prospera u mogħnija bis-sliem.

Aħna nemmu li wasal il-waqt għal qabża ta' kwalità għall-aħjar fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ġirien tagħha fin-Nofisnhar. Dan l-approċċ il-ġdid għandu jkollu għeruq ċari f'impenn konġunt biex jinkisbu valuri komuni. L-għajta għall-parteċipazzjoni politika, id-dinjità, il-ħelsien u l-opportunitajiet ta' xogħol li ħarġet f'dawn l-aħħar ġimgħat tista' tiġi indirizzata biss permezz ta' riformi politiċi u ekonomiċi aktar imgħaġġla u aktar ambizzjużi. L-UE tinsab imħejjija li tagħti l-appoġġ tagħha lil dawk il-ġirien fin-Nofsinhar li huma kapaċi u ħerqana li jaqbdu t-triq tar-riformi tagħhom permezz ta' "Sħubija għad-Demokrazija u Prosperità Komuni" . L-impenn għad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-ġustizzja soċjali u l-istat tad-dritt għandu jkun wieħed kondiviż. Is-Sħubija għandha tkun imsejsa fuq progress konkret f'dawn l-oqsma. Għandha tieħu approċċ differenzjat. Minkejja li l-pajjiżi f'dan ir-reġjun għandhom xi affarijiet li huma komuni bejniethom, l-ebda wieħed minnhom mhuwa l-istess u għaldaqstant aħna għandna nieħdu azzjoni skont l-ispeċifiċitajiet ta' kull wieħed minnhom.

Is-"Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni" għandha tinbena fuq it-tliet elementi li ġejjin: trasformazzjoni demokratika u bini ta' istituzzjonijiet, b'enfasi partikolari fuq il-libertajiet fundamentali, ir-riformi kostituzzjonali, ir-riforma tal-ġudikatura u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni sħubija aktar b'saħħitha man-nies, b'enfasi speċifika dwar l-appoġġ lis-soċjetà ċivili u dwar opportunitajiet akbar fir-rigward ta' skambji ta' kuntatti bejn il-persuni b'enfasi partikolari fuq iż-żgħażagħ tkabbir u żvilupp ekonomiku sostenibbli u inklużiv, speċjalment appoġġ lill-Impriżi Żgħar u Medji (IŻM), taħriġ vokazzjonali u edukattiv, titjib fis-sistemi tas-saħħa u tal-edukazzjoni u l-iżviluppar tal-ifqar reġjuni. |

- Din il-Komunikazzjoni tispejga x'għamlet l-UE biex tindirizza l-konsegwenzi fuq perjodu qasir b'rabta mal-avvenimenti riċenti fl-Afrika ta' Fuq. Din tispjega l-approċċ tagħna għall-proċess aktar fit-tul li ser iwassal biex it-tamiet enormi mleħħna fir-reġjun jinbidlu f'realtà. Hija ser tiġi żviluppata billi jingħata widen, mhux biss għat-talbiet għal appoġġ minn gvernijiet sħab, iżda wkoll għal dak li qiegħda titlob is-soċjetà ċivili.

Ix-xena politika fin-Nofsinhar tal-Mediterran qiegħda tinbidel radikalment u għaldaqstant tirrekjedi bidla ta' kif l-UE tħares lejn ir-reġjun – it-temi bażiċi bħal ma huma approċċ differenzjat, il-kundizzjonalità u s-sħubija bejn is-soċjetajiet tagħna huma parti mill-analiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat li qiegħda ssir bħalissa u li dwarha ser nippreżentaw Komunikazzjoni konġunta f'April.

IT-TWEĠIBA IMMEDJATA TAGĦNA

Għajnuna umantiarja (EUR 30 miljun) Iffaċilitar ta' kooperazzjoni konsulari u tal-evakwazzjoni Operazzjonijiet konġunti tal-Frontex Użu ta' EUR 25 miljun mill-Fond tal-UE għall-Fruntieri Esterni u l-Fond Ewropew għar-Refuġjati Żjajjar tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President (RGħ/VP) fit-Tuneżija u l-Eġittu; laqgħa ta' koordinazzjoni fi Brussell Appoġġ għal tranżizzjoni Demokratika |

- L-ewwel interess tagħna huwa li nwieġbu b'mod rapidu u effettiv għall-isfidi immedjati tas-sitwazzjoni li qiegħda tevolvi fil-Viċinat tan-Nofsinhar u li nindirizzawha filwaqt li nevitaw ir-riskji ta' aktar tixrid ta' demm u tbatija.

Il-Kummissjoni tat bi EUR 30 miljun f' għajnuna umanitarja sabiex ikunu jistgħu jiġu indirizzati l-aktar bżonnijiet umanitarji immedjati fil-Libja u ta' persuni spustati fil-fruntieri Tuneżini u Eġizzjani. B'din l-għajnuna, aħna qegħdin nipprovdu għajnuna medika u ikel, kenn u neċessitajiet oħrajn. L-esperti tal-Kummissjoni jinsabu fuq il-post u qegħdin jitfasslu pjanijiet ta' kontinġenza biex tiġi żgurata tweġiba rapida jekk is-sitwazzjoni tkompli tmur għall-agħar. Hija meħtieġa viġilanza hekk kif hemm ir-riskju li l-kriżi umanitarja teskala lejn pajjiżi ġirien kemm fil-Magreb u l-Afrika sub-Saħarjana u n-nies ikomplu jaħarbu mil-Libja. Il-Kummissjoni ser iżżid l-appoġġ finanzjarju jekk il-bżonnijiet fuq il-post ikunu jirrekjedu dan u aħna qegħdin inħeġġu lill-Istati Membri biex ikomplu jirrispondu bl-istess mod.

Inżammet kooperazzjoni konsolari mill-qrib bejn l-Istati Membri kollha u l-UE filwaqt li ġew attivati l-mekkaniżmi xierqa tal-UE, fosthom iċ-Ċentru ta' Sitwazzjonijiet tas-SEAE, biex ikun jista' jsir skambju rapidu ta' informazzjoni u l-aktar użu effettiv ta' riżorsi. Il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili (MIC) ġie attivat fit-23 ta' Frar biex jiffaċilita l-evakwazzjoni ċ-ċittadini tal-UE kemm bl-ajru u kif ukoll bil-baħar. Il-Persunal Militari tal-UE wkoll qiegħed jagħti l-appoġġ tiegħu għall-isforz globali. Il-Kummissjoni qiegħda tikkoopera ma' organizzazzjonijiet internazzjonali (il-UNHCR, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, OIM) biex tgħin lin-nies li jixtiequ jitilqu mil-Libja u jirritornaw lura lejn pajjiżhom. Għandu jiġi kkunsidrat l-użu ta' strumenti tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) għat-tisħiħ ta' azzjoni fuq żmien qasir.

Il-Kummissjoni mmobilizzat l-istrumenti tagħha biex toffri għajnuna lill-Italja, u lil Stati Membri oħra li jkunu jeħtiġuha, fil-każ li jimmaterjalizza influss qawwi ta' migranti mill-Afrika ta' Fuq. Ir-rispons jinkludi miżuri operazzjonali u assistenza finanzjarja. L-operazzjoni konġunta tal- Frontex , HERMES 2011, bdiet fl-20 ta' Frar bl-użu ta' assi u esperti minn għadd ta' Stati Membri. Jekk ikun meħtieġ, il-Frontex tista' tiġi msaħħa biex tkun tista' tgħin fl-eventwalità possibbli ta' influssi ġodda. Fost l-oħrajn, il-Kummissjoni tinsab lesta li timmobilizza assistenza finanzjarja minn fondi bħall-Fond għall-Fruntieri Esterni u l-Fond Ewropew għar-Refuġjati li jammontaw għal total ta' EUR 25 miljun.

Fit- Tuneżija , ammont ta' EUR 17-il miljun ġie allokat għall-appoġġ immedjat u fuq żmien qasir għat-tranżizzjoni demokratika u assistenza għal żoni interni aktar foqra. Dan jnkludi appoġġ biex jinħoloq il-qafas legali xieraq biex isiru l- elezzjonijiet u għal Missjoni tal-UE ta' Osservazzjoni Elettorali bħala għajnuna għall-Kummissjoni Nazzjonali għar-Riforma Kostituzzjonali u l-Elezzjonijiet. Dan jinkludi wkoll appoġġ addizzjonali għas-soċjetà ċivili. Ir-riforma demokratika ser tingħata aktar appoġġ permezz tal-Istrument għall-Istabbiltà. Wara ż-żjarat li għamlet fit-Tuneżija u l-Eġittu, ir-RGħ/VP sejħet laqgħa internazzjonali fit-23 ta' Frar bħala opportunità biex jiġu skambjati l-fehmiet tas-sħab ewlenin u l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali maġġuri (IFIs) dwar l-iżviluppi fir-reġjun. Il-laqgħa kkonfermat li l-isforzi tal-komunità internazzjonali għandhom jiġu kkordinati mill-qrib filwaqt li jikkonverġu mal-prijoritajiet espressi mit-Tuneżini u l-Eġizzjani.

B'rabta mal- Eġittu , ikun prematur li jitħabbar pakkett ta' appoġġ qabel mal-awtoritajiet ikunu lesti li jagħmlu talba għall-assistenza u jiddefinixxu l-ħtiġijiet prijoritarji. L-UE tinsab lesta li timmobilizza l-għajnuna f'konformità ma' dawk il-prijoritajiet ladarba jitfasslu.

Fir-rigward tal- Libja , l-UE kienet ferma fl-ikkundannar tal-azzjonijiet imwettqa mir-reġim ta' Gaddafi. Hija ssospendiet minnufih in-negozjati tal-ftehim qafas bejn l-UE u l-Libja u kif ukoll kull kooperazzjoni teknika. Minbarra s-sanzjonijiet tan-NU, fit-28 ta' Frar l-UE adottat aktar miżuri restrittivi bħall-embargo fuq it-tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna u nomini awtonomi taħt ir-restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar u l-iffriżar ta' assi. Ġew proposti wkoll miżuri addizzjonali.

NADATTAW L-APPROĊĊ TAGĦNA

- Reviżjoni u aġġustament tal-Politika tal-UE tal-Viċinat

- Progress lejn status avvanzat fil-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni

- Titjib tad-djalogu politiku

Jeħtieġ li t-tweġiba tal-UE għat-tibdil li qiegħed iseħħ fir-reġjun tkun aktar iffokata, innovattiva u ambizzjuża, bil-għan li tindirizza l-ħtiġijiet tan-nies u r-realtajiet fuq il-post. Ir-riformi politiċi u ekonomiċi għandhom jimxu id f'id u jgħinu fil-ksib ta' drittijiet politiċi, libertajiet, responsabbiltà u parteċipazzjoni. L-UE għandha tkun lesta li toffri appoġġ akbar għal dawk il-pajjiżi li huma lesti li jaħdmu fuq aġenda komuni bħal din, iżda wkoll li terġa' tikkunsidra dan l-appoġġ meta dawn il-pajjiżi jiżgarraw minn din it-triq.

Dan l-approċċ il-ġdid, "Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni" jirrapreżenta bidla fundamentali fir-relazzjoni tal-UE ma' dawk il-pajjiżi sħab li jikkommettu ruħhom li jibdew riformi speċifiċi u li jistgħu jitkejlu. Dan huwa approċċ ibbażat fuq l-inċentivi li min-naħa tiegħu huwa msejjes fuq id-differenzjar ("aktar għal aktar"): dawk li jagħmlu riformi aktar profondi u rapidi jkunu jistgħu jistennew aktar appoġġ mill-UE. L-appoġġ ser jiġi riallokat jew iffokat mill-ġdid għal dawk li jwaqqfu jew inaqqsu l-pjanijiet ta' riforma.

B'mod aktar konkret, kooperazzjoni aktar mill-qrib tfisser li jsir progress lejn standards ogħla b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem u governanza msejsa fuq sett ta' kriterji minimi li l-issodisfar tagħhom jiġi vvalutat. Il-parteċipazzjoni għas-Sħubija għandha tkun kundizzjonali għal impenn għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti, b'monitoraġġ xieraq. Dan ifisser ukoll kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-kuntest tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) u aktar ħidma konġunta f'fora internazzjonali dwar kwistjonijiet ta' interess komuni. L-UE ser tkompli toffri l-impenn u l-appoġġ tagħha għar-riżoluzzjoni paċifika ta' tilwim intern fl-Istat u bejn l-Istati fir-reġjun. Is-sħubija għandha tintrifed minn djalogu politiku msaħħaħ. L-UE ser tagħti spinta lid-djalogu politiku bilaterali tagħna fil-livelli kollha, minnufih hekk kif il-kundizzjonijiet lokali jkunu jippermettuh, b'enfasi qawwija fuq id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà politika.

Dawk il-pajjiżi sħab li jwettqu r-riformi neċessarji jistgħu jistennew li jitkomplew in-negozjati dwar Ftehim ta' Assoċjazzjoni bil-għan li jinkiseb "status avvanzat" li jwassal għal tisħiħ sinifikanti tad-djalogu politiku u rabtiet aktar b'saħħithom bejn il-pajjiż sieħeb u l-istituzzjonijiet tal-UE. Dan ser jinkludi impenn aktar profond dwar il-mobbiltà u t-titjib tal-aċċess tas-suq għall-UE.

ID-DEMOKRAZIJA U L-IŻVILUPP ISTITUZZJONALI

- Espansjoni tal-appoġġ lis-soċjetà ċivili

- Faċilità tal-Viċinat għas-Soċjetà Ċivili

- Apoġġ lil Forum ta' Djalogu Soċjali

L-UE tinsab lesta li tappoġġja l-proċessi ta' riforma demokratika u kostituzzjonali. Ir-riforma ġudizzjarja, it-tisħiħ tat-trasparenza u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni huma ta' importanza partikolari f'dan il-proċess, kemm biex jinkoraġġixxu l-investiment ekonomiku barrani u domestiku u kif ukoll biex in-nies ikunu jistgħu jaraw bidla għall-aħjar fil-ħajja tagħhom ta' kuljum. Aħna ninsabu lesti li noffru l-għarfien espert tagħna, permezz ta' strumenti bħat- twinning u t-TAIEX, bħala għajnuna għall-iżvilupp tal-kapaċità b'enfasi partikolari fuq it-tisħiħ ta' istituzzjonijiet governattivi li jkunu jistgħu jiżguraw il-konsolidazzjoni tal-bidla, inkluż fil-livell reġjonali u f'dak lokali. L-għarfien espert tagħna fl-assistenza elettorali ser jiġi mmobilizzat bis-sħiħ ukoll sabiex jakkumpanja l-proċessi elettorali fit-Tuneżija u, jekk jintalab mill-awtoritajiet Eġizzjani.

Soċjetà ċivili b'saħħitha tista' tħares id-drittijiet tal-bniedem u tikkontribwixxi għall-iżviluppar tad-demokrazija u għal governanza tajba, filwaqt li jkollha rwol importanti fil-kontroll tal-eċċessi tal-gvern. Firxa sħiħa ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CSOs) jistgħu jipprovdu l-appoġġ tant meħtieġ għar-riformi u involviment f'oqsma li jinsabu qrib tat-tħassib taċ-ċittadini bħad-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali. Dan huwa qasam fejn aħna għandna nfittxu li nagħmlu l-aħjar użu mill-assistenza li l-Istati Membri jistgħu joffru minnufih biex tiġi żviluppata pjattaforma għas-soċjetà ċivili , partiti politiċi, trade unions u assoċjazzjonijiet. Dan jista' jiġi stabbiliti permezz ta' fondi tal-UE u bl-appoġġ ta' partiti politiċi tal-UE, trade unions , fondazzjonijiet u NGOs relevanti. In-nisa kellhom rwol importanti fit-tibdiliet li qegħdin iseħħu fir-reġjun u l-aspetti tas-sess ser ikomplu jkollhom rwol importanti fl-appoġġ futur tal-UE.

L-analiżi tal-Politika Ewropew tal-Viċinat li saret f'April ser tagħmel proposti għat-tisħiħ tal-appoġġ tal-UE lil organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-viċinat tagħna. Dan ser jinkludi appoġġ delikat lis-soċjetà ċivili ( Faċilità tal-Viċinat għas-Soċjetà Ċivili ) bil-għan tal-iżvilupp tal-kapaċità ta' ħarsien tas-CSOs filwaqt li jitpoġġew f'pożizzjoni li jwettqu monitoraġġ tar-riforma u jipparteċipaw b'mod effettiv fid-djalogu wara l-oqsma ta' politika.

Id-djalogu soċjali bejn it- trade unions u min iħaddem għandu rwol importanti fl-irfid tal-isforzi ta' riforma. Issa qegħdin jinbtu trade unions u assoċjazzjonijiet ġodda. Dan jipprovdi opportunità għal djalogu soċjali aktar effettiv. Min-naħa tiegħu, dan id-djalogu soċjali għandu jintrifed minn Forum Ewro-Mediterranju għad-Djalogu Soċjali li jiffaċilita l-iskambju bejn is-sħab soċjali tal-Mediterran dwar kwistjonijiet ewlenin marbutin mal-impjiegi u mal-affarijiet soċjali u li ser isaħħaħ il-bini ta' kapaċitajiet.

L-UE diġà qiegħda tappoġġja r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika bil-mira tas-simplifikazzjoni u t-tisħiħ ta' proċessi ta' politika bażiċi, il-formulazzjoni tal-baġit u l-kapaċità biex ikunu jistgħu jinġabru fondi permezz ta' amministrazzjoni u sistemi tat-taxxi effiċjenti, ġusti u sostenibbli. Dawn il-programmi għandhom jiffokaw ukoll fuq it-trasparenza u r-responsabbiltà fl-amministrazzjoni pubblika bil-għan li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-flussi finanzjarji illegali jkunu jistgħu jiġu miġġielda aħjar filwaqt li tittejjeb il-ġestjoni finanzjarja tajba.

L-INDIRIZZAR TAL-ISIFIDI MARBUTA MAL-MOBBILTÀ

Konklużjoni ta' Sħubijiet għall-Mobbiltà Tisħiħ tal-kooperazzjoni lokali fil-Qafas ta' Schengen Użu sħiħ mit-titjib li saru fil-Kodiċi tal-UE dwar il-Viżi |

- Il-kuntatti bejn il-persuni huma importanti għall-promozzjoni tal-komprensjoni reċiproka u kif ukoll għan-negozju, li jsaħħu l-iżvilupp kulturali u ekonomiku tar-reġjun tal-Mediterran kollu kemm hu u l-integrazzjoni tal-migranti fl-UE.

Element ewlieni f'dan huwa t-tisħiħ tal- bini ta' kapaċitajiet fil-pajjżi tal-Mediterran dwar il-fruntieri/il-migrazzjoni/l-asil u kooperazzjoni aktar effettiva fil-qasam tal-infurzar tal-liġi sabiex tittejjeb is-sigurtà fil-Mediterran kollu.

Is- Sħubijiet għall-Mobbiltà għandhom jitnedew mal-pajjiżi sħab. L-għan tagħhom huwa li jipprovdu qafas li jiżgura li l-moviment ta' persuni bejn l-UE u pajjiżi terzi jkunu ġestit sew. Huma jkopru inizjattivi bħall-arranġamenti marbuta mal-viża u l-migrazzjoni legali; l-oqfsa legali għall-migrazzjoni (ekonomika); il-bini ta' kapaċitajiet għall-ġestjoni tar-rimessi u għat-tqabbil effiċjenti bejn id-domanda u l-ħtiġijiet tax-xogħol, il-programmi dwar ir-ritorn u r-riintegrazzjoni, l-aġġornament tas-sistemi tal-asil mal-istandards tal-UE eċċ. Biex igawdu minn din iż-żieda fil-mobbiltà, is-sħab għandhom ikunu lesti jsaħħu l-bini ta' kapaċitajiet u jipprovdu appoġġ finanzjarju xieraq immirat għall-ġestjoni tal-fruntieri, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin, fosthom permezz ta' aktar sorveljanza marittima; ir-ritorn ta' migranti irregolari (arranġamenti ta' ritorn u ftehimiet ta' riammissjoni) u għat-titjib tal-kapaċitajiet u l-ħiliet ta' awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata transkonfinali u l-korruzzjoni.

Fuq terminu qasir ta' żmien, il-Kummissjoni ser taħdem mal-Istati fir-rigward ta' leġiżlazzjoni dwar il-migrazzjoni legali u l-politika dwar il-viża biex jintrifed l-għan ta' mobbiltà aħjar, partikolarment għal studenti, riċerkaturi u negozjanti. Il-kooperazzjoni taħt il-Kooperazzjoni Lokali fil-Qafas ta' Schengen għandha tissaħħaħ u għandu jsir użu sħiħ minn titjib prattiku u flessibiltajet għall-applikanti għal viża fi ħdan il-Kodiċi tal-UE dwar il-Viżi, inkluż il-ħruġ ta' viżi ta' diversi dħul lil vjaġġaturi b'bona fide u lil gruppi speċifiċi (bħal riċerkaturi, studenti u negozjanti). In-negozjati dwar ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni ta' viżi għal soġġorn qasir mal-Pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran għandhom jiġu previsti fuq il-bażi ta' approċċ differenzjat u bbażat fuq il-provi. Għal dan ser jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju kull fejn ikun meħtieġ. Il-Kummissjoni tappella lill-koleġiżlaturi biex mill-aktar fis jadottaw id-Direttivi dwar il-ħaddiema staġunali minn pajjiżi terzi u ħaddiema li jittrasferixxu ruħhom minn pajjiż għal ieħor fi ħdan l-istess kumpanija, li wkoll ser jikkontribwixxu għat-titjib tal-mobbiltà lejn l-UE.

Fuq perjodu twil ta' żmien, jistgħu jitqiesu passi gradwali għal-liberalizzazzjoni tal-viża għal pajjiżi sħab individwali fuq il-bażi ta' każ b'każ, b'kunsiderazzjoni tar-relazzjoni globali mal-pajjiż sieħeb ikkonċernat u sakemm jiddaħħlu fis-seħħ il-kundizzjonijiet għal mobbiltà sikura u ġestita tajjeb u jekk il-ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-viża u tar-riammissjoni jiġu implimentati bis-sħiħ.

IL-PROMOZZJONI TAL-IŻVILUPP EKONOMIKU INKLUSIV

Promozzjoni tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (IŻM) u l-Ħolqien tal-Impjieg Jintlaħaq ftehim bejn l-Istati Membri biex is-self mill-BEI jiżdied b' EUR 1 biljun. Ħidma ma' partijiet interessati oħrajn biex il-mandat tal-BERŻ jiġi estiż għall-pajjiżi tar-reġjun Promozzjoni tal-ħolqien tal-impjiegi u taħriġ |

- Huwa ċar li l-inkwiet f’diversi pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Mediterran huwa marbut ma' dgħjufijiet ekonomiċi. Bosta mill-ekonomiji huma kkaratterizzati minn tqassim inugwali tal-ġid, riforma soċjali u ekonomika insuffiċjenti, ħolqien tal-impjieg limitat, sistemi edukattivi u ta' taħriġ dgħajfa li ma jipproduċux il-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol, kif ukoll livell baxx ta’ integrazzjoni kummerċjali reġjonali.

Hemm il-ħtieġa li l-pajjiżi ta’ dan ir-reġjun jerġgħu jistimulaw l-ekonomiji tagħhom biex jilħqu tkabbir sostenibbli u inklusiv, żvilupp tar-reġjuni l-iktar fqar u l-ħolqien tal-impjieg. Intrapriżi Żgħar u Medju (IŻM) għandhom rwol importanti fil-ħolqien tal-impjieg. Biex jirnexxu, jeħtieġu qafas regolatorju sod, li jwassal għan-negozju u l-ispirtu intrapreditorjali. L-UE tinsab lesta li tagħti l-appoġġ tagħha permezz ta' djalogu politiku u kopperazzjoni taħt il-programm ta' ħidma industrijali EuroMed. Dan għandu jkun akkumpanjat minn politiki dwar l-impjieg u soċjali integrati, inkluż it-tqabbil ta’ iniżjattivi ta’ taħriġ u ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, djalogu soċjali, għoti ta' xbieki ta' ħarsien soċjali u trasformazzjoni tas-settur informali.

L-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFIs) jistgħu jikkontribwixxu f’dan l-isforz. Il-finanzjament jista’ jiġi mill -Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u, jekk jintlaħaq qbil mal-azzjonisti l-oħra li mhumiex parti mill-UE, mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u Żvilupp ( BERŻ ). Il- BEI ilu attiv fir-reġjun għal aktar minn 30 sena, u l-operazzjonijiet tiegħu huma implimentati taħt il-kappa tal-Faċilità Ewro-Mediterranja ta' Investiment u Sħubija (FEMIP). Il-FEMIP huwa attiv f’disa’ pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Mediterran, u jiffoka fuq investimenti fl-infrastruttura u l-appoġġ għas-settur privat. Minbarra t-tħaffif fl-implimentazzjoni u l-approvazzjoni tal-proġetti li huma ppjanati attwalment, il-BEI jkun jista' jipprovdi madwar EUR 6 biljun għar-reġjun Mediterran fit-tliet snin li ġejjin jekk il-Kunsill japprova l-pakkett ta' self ’ ddizzjonali ta’ EUR 1 biljun li ġie propost reċentement mill-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni tappoġġja din iż-żieda fil-mandat tas-self u tappella lill-Kunsill biex jintlaħaq ftehim mill-aktar fis dwar iż-żieda.

Il-Kunsill huwa mistieden ukoll li jadotta l-proposta tal-Kummissjoni ta’ Mejju 2008 dwar flussi ġodda tal-BEI. Dan għandu jippermetti lill-BEI u intermedjarji finanzjarji oħra biex jinvestu mill-ġdid il-fondi li jerġgħu jiċċirkolaw minn operazzjonijiet ta’ finanzjament preċedenti taħt il-FEMIP favur is-settur privat. Fil-futur immedjat dan il-ftehim jiġġenera madwar EUR 120 miljun fl-immedjat u sa EUR 200 miljun sal-2013.

Il-BERŻ, li bħalissa mhuwiex attiv fin-Nofsinhar tal-Mediterran, jista’ jestendi l-operazzjonijiet tiegħu jekk l-istatuti tal-Bank jiġu emendati. Jekk l-azzjonisti jilħqu qbil dwar dan ikun ifisser li attività kummerċjali annwali tal-BERŻ b'ammont inizjali ta' EUR 1 biljun tkun tista' tiżdied mar-riżorsi eżistenti tal-Bank. Il-Kummissjoni tappoġġja l-estensjoni tal-operazzjonijiet tal-BERŻ u ssejjaħ lill-Istati Membri tal-UE u lill-gvernijiet azzjonisti l-oħrajn biex jappoġġjawha b’urġenza.

Dawn l-inizjattivi mhux ser isiru għas-skapitu ta' self lil pajjiżi oħra fejn qiegħed isir self, pereżempju, fil-viċinat tal-Lvant.

L-IŻGURAR TAL-IMPATT MASSIMU TAL-KUMMERĊ U L-INVESTIMENT

- Adozzjoni ta’ regoli preferenzjali ta’ oriġini Pan-Ewro-Mediterranja

- Approvazzjoni malajr ta' ftehimiet dwar prodotti agrikoli u tas-sajd

- Tħaffif fin-negozjati dwar il-kummerċ fis-servizzi

- Negozjar ta’ Żoni Profondi ta' Kummerċ Ħieles

Il-kummerċ u l-investiment huma magni għat-tkabbir u jgħinu biex jitnaqqas il-faqar. Huma jlaqqgħu n-nies, jiżguraw ir-rabtiet bejn in-nazzjonijiet u jikkontribwixxu għall-istabbiltà politika. Madankollu, sabiex il-kummerċ u l-Investiment Barrani Dirett (IBD) jilħqu l-potenzjal tagħhom, għandhom ikunu msejsa f'ambjent kummerċjali sod, li, min-naħa tiegħu, jeħtieġ it-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-ġudikatura, l-indirizzar tal-korruzzjoni u bidla kbira fil-proċeduri amministrattivi.

Il-pajjiżi fir-reġjun jinsabu fi stadji differenti fir-relazzjonijiet kummerċjali u ta’ investiment tagħhom mal-UE. Xi uħud (it-Tuneżija, il-Marokk, l-Eġittu, il-Ġordan) huma relattivament avvanzati sew; oħrajn (is-Sirja, l-Alġerija u l-Libja) għadhom lura ferm. L-UE għandha ftehimiet ta’ kummerċ ħieles mar-reġjun kollu ħlief mas-Sirja u mal-Libja. Dawn il-ftehimiet jipprovdu aċċess ħieles għas-suq għall-prodotti industrijali. Reċentement l-UE aġġornat l-aċċess preferenzjali għas-suq għall-prodotti agrikolturali u tas-sajd, b’mod partikolari mal-Eġittu u l-Ġordan, u bosta ftehimiet oħra f’dan il-qasam qed jiġu nnegozjati jew jinsabu fl-istadju ta’ approvazzjoni, pereżempju mal-Marokk. Fir-rigward tal-Marokk, kien hemm ukoll skambju ta’ offerti għal-liberalizzazzjoni tas-servizzi, iżda l-kwistjoni tal-mobilità tal-ħaddiema hija diffikultà kbira.

Il-miżuri tal-UE fl-appoġġ tal-kummerċ u l-investiment għandhom jiġu kkalibrati bl-aħjar mod għas-sitwazzjoni f’kull pajjiż, inkluż il-pass u l-firxa tar-riformi b’mod aktar ġenerali, ukoll minħabba l-livell attwali ta’ volatilità fir-reġjun.

Fuq terminu ta’ żmien qasir sa medju, l-UE tista’ tistabilixxi u taħdem fuq l-għanijiet li ġejjin biex:

- tħaffef il-konklużjoni u l-approvazzjoni tal-UE tal-ftehimiet ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ, b'mod partikolari dwar prodotti agrikoli u tas-sajd mat-Tuneżija u l-Marokk;

- tniedi negozjati dwar ftehimiet ta’ evalwazzjoni tal-konformità u aċċettazzjoni ta’ prodotti industrijali;

- tħaffef in-negozjati bilaterali li huma għaddejjin dwar il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fis-servizzi (inkluż l-iffaċilitar tal-viża għal persuni minn kategoriji professjonali speċifiċi);

- tikkonkludi Konvenzjoni reġjonali unika dwar ir-regoli preferenzjali ta’ oriġini Pan-Ewro-Mediterranji fl-2011. Din għandha tiġi akkumpanjata minn reviżjoni rapida tar-regoli ta’ oriġini nfushom. Punt ta’ referenza għal dawn ir-riformi hija s-sistema li ġiet adottata reċentement għall-benefiċjarji GSP. Il-Kummissjoni ssejjaħ lill-Kunsill biex jadotta mill-aktar fis possibbli l-proposti pendenti tagħha dwar il-Konvenzjoni reġjonali unika, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

Fit-terminu ta' żmien medju sa twil, l-għan komuni li ġie miftiehem kemm fit-taħdidiet reġjonali kif ukoll dawk bilaterali mal-pajjiżi sħab tan-Nofsinhar tal-Mediterran huwa t-twaqqif ta' Żoni Profondi u Komprensivi ta’ Kummerċ Ħieles, li jibnu fuq il-Ftehimiet attwali ta' Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranji u fuq il-Pjanijiet ta' Azzjoni dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat. Dawn għandhom jiffurmaw parti minn pakkett komprensiv usa’ fl-appoġġ tar-riformi demokratiċi u ekonomiċi. Għandhom jibdew negozjati ma’ pajjiżi li huma ċarament impenjati f’dan it-tip ta’ proċess ta’ trasformazzjoni politika u ekonomika. Minbarra s-sempliċi eliminazzjoni tad-dazji ta' importazzjoni, dawn il-ftehimiet għandhom irawmu, b'mod progressiv, integrazzjoni aktar fil-qrib bejn l-ekonomiji tas-sħab tagħna finn-Nofsinhar tal-Mediterran u s-suq uniku tal-UE u għandhom jinkludu azzjonijiet bħall-konverġenza regolatorja. Għandha tingħata prijorità partikolari għal miżuri f’oqsma bħall-politika tal-kompetizzjoni, appalti pubbliċi, ħarsien tal-investiment, miżuri sanitarji u fitosanitarji.

IT-TISĦIĦ TAL-KOOPERAZZJONI SETTORJALI

Twaqqif ta’ Komunità tal-Eneġija bejn l-UE u n-Nofsinhar tal-Meditteran Tnedija ta’ programm ta’ appoġġ għall-iżvilupp agrikolturali/rurali Żieda fil-parteċipazzjoni fil-programmi edukativi Żvilupp tal-Internet u teknoloġiji tal-komunikazzjoni oħrajn |

- In-Nofsinhar tal-Mediterran huwa strateġikament importanti għall-UE fir-rigward ta' sigurtà tal-provvisti tal-gass u żejt minn uħud mill-pajjiżi iżda wkoll f’termini aktar wiesa’ fir-rigward ta’ tranżitu mir-reġjun u lil hinn. Hemm potenzjali evidenti għall-bini ta’ sħubija UE-Mediterranja fil-produzzjoni u l-ġestjoni ta’ enerġija li tiġġedded, b’mod partikoli enerġija solari u tar-riħ, u sistema konġunta għall-iżgurar tas-sigurtà tal-enerġija. Investimenti konġunti ta’ enerġija li tiġġedded fin-Nofsinhar tal-Mediterran, skont il-previżjonijiet ta’ dekarbonizzazzjoni 2050 tal-UE jistgħu joffru l-possibbiltà ta’ sħubija ġdida sakemm tinħoloq il-perspettiva ideali tas-suq għall-importazzjoni tal-elettriku.

Tajjeb li tinfetaħ perspettiva kredibbli għall-integrazzjoni tan-Nofsinhar tal-Mediterran fis-suq intern tal-enerġija tal-UE bbażata fuq strateġija differenzjata u gradwali. Fuq it-terminu ta’ żmien medju sa twil, dan ifisser it-twaqqif ta' tip ta' 'Komunità tal-Enerġija bejn l-UE u n-Nofsinhar tal-Mediterra' li tibda mal-pajjiżi tal-Magreb u possibbilment tespandi progressivament għall-Maxreq. L-estensjoni tat-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija tal-UE mal-ġirien fil-Lvant u x-Xlokk, jew il-bini fuq l-esperjenza tagħha, din il-komunità għandha tkopri l-partijiet relevanti tal-leġislazzjoni tal-enerġija tal-UE bil-għan li tippromwovi konverġenza reali u affidabbli tal-politiki tal-enerġija tal-imsieħba tan-Nofsinhar tal-Mediterran mal-politika tal-UE.

L-edukazzjoni għandha tingħata enfasi ewlenija fl-attivitajiet tal-UE fir-reġjun. L-indirizzar ta’ livelli għolja ta’ illitteriżmu huwa importanti għall-promozzjoni tad-demokrazija u l-iżgurar ta’ forza tax-xogħol ikkwalifikata li tista' tgħin fil-modernizzazzjoni tal-ekonomiji tan-Nofsinhar tal-Mediterran. Skambji fil-livell universitarju huma siewja, u għandu jsir użu aktar sħiħ mill-Erasmus Mundus, mill-Euromed Żgħażagħ u Tempus biex jiżdied b’mod sostanzjali n-numru ta’ persuni mill-pajjiżi msieħba tan-Nofsinhar tal-Mediterran li jipparteċipaw f’dawn il-programmi. L-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (VET) ukoll għandu rwol importanti fl-indirizzar ta’ dawn id-differenzi. Dan għandu jinkludi l-identifikazzjoni tal-elementi strateġiċi ewlenin f'politika VET integrata permezz tal-organizzazzjoni ta’ dibattiti nazzjonali mal-partijiet interessati ewlenin. Għandu jitħeġġu wkoll skambji tal-aħjar prattiki dwar programmi li jsaħħu s-snajja' tal-persuni bla impjieg.

It-Turiżmu huwa element elwieni PDG f’bosta mill-pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Mediterran. L-UE għandha tipprova testendi l-inizjattivi eżistenti tagħha "Destinazzjonijiet Ewropej ta’ Eċċellenza (EDEN)", li jippromwovu mudelli ta’ turiżmu sostenibbli, u Calypso, li tippromwovi turiżmu lil’hinn mill-istaġuni ewlenin lil dawn il-pajjiżi. Il-ħarsien u l-promozzjoni tad- diversità kulturali hija importanti u l-UE hija impenjata biex tiżviluppa iktar l-inizjattivi kulturali mar-reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran.

L-avvenimenti reċenti fin-Nofsinhar tal-Mediterran flimkien mal-prezzijiet tal-ikel dejjem jogħlew wrew kemm huwa urġenti li l-UE tgħin lill-pajjiżi sħab tagħha biex itejbu l-effiċjenza u l-produttività tas- settur agrikolu filwaqt li jiżguraw s-sigurtà tal-provvista tal-ikel. Il-Kummissjoni tista' tappoġġja l-iżvilupp rurali permezz ta' inizjattiva ġdida – Faċilità Ewropea tal-Viċinat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali. Il-programm ikun jista’ jibni fuq l-aħjar prattiki tal-UE fl-iżvilupp ta' żoni rurali. Dan ikun jista’ jintegra l-appoġġ ta’ investiment u l-bini ta’ ħiliet amministrativi sabiex tiġi ffaċilitata l-modernizzazzjoni tal-produzzjoni agrikola konformi mal-istandards ta’ kwalità u ta’ sigurtà tal-ikel tal-UE. Dan jista’ jiġi żviluppat f’kooperazzjoni mill-qrib mal-FAO, il-Bank Dinji u possibbilment il-BEI.

Fil-qasam tat- trasport , il-kooperazzjoni għandha tiffoka fuq l-immodernizzar tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u fuq it-titjib fis-sikurezza u s-sigurtà tal-avjazzjoni, bil-għan li tinħoloq Żona Ewro-Mediterranja tal-Avjazzjoni. Dan għandu jinkludi l-estensjoni tas-Sistema Ewropea li tkopri n-Navigazzjoni Ġeostazzjonarja (EGNOS) għall-imsieħba fil-Mediterran. Il-kooperazzjoni mal-imsieħba fil-Mediterran fl-implimentazzjoni ta’ Strateġija Marittima tal-Mediterran għandha ssaħħaħ is-sikurezza, is-sigurtà u s-sorveljanza.

L-użu tat- teknoloġiji ta' komunikazzjoni elettronika - b'żieda max-xandir satellitari - iffaċilita ħafna l-mewġa ta' tibdil fil-pajjiżi Mediterranji. L-użu mifrux tal-mowbajls flimkien man-netwerking soċjali permezz tal-internet - urew l-importanza tal-għodod u t-teknoloġiji tas-soċjetà tal-informazzjoni u ċ-ċirkolazzjoni tal-informazzjoni. F’pajjiżi fejn iċ-ċirkolazzjoni tal-informazzjoni hija parzjalment ristretta dawn it-tipi ta’ għodod jistgħu jikkontribwixxu ħafna għad-demokratizzazzjoni tas-soċjetajiet u l-ħolqien tal-opinjoni pubblika permezz tal-promozzjoni tal-libertà tal-espressjoni.

Filwaqt li saru xi riformi regolatorji, f’bosta mill-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran l-ambjent regolatorju għadu mhuwiex żviluppat b’mod suffiċjenti biex jiġu sfruttati l-potenzjalitajiet sħaħ ta’ tkabbir u produttività tas-settur tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni. L-aktar fatturi importanti li għad iridu jiġu indirizzati huma l-ħolqien ta’ swieq verament miftuħa (li spiss għadhom kważi monopolji), it-twaqqif ta’ regolaturi indipendenti, il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet indaqs u ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni għall-atturi fis-suq, ġestjoni effiċjenti tal-medda u s-salvagwardja tal-privatezza u s-sigurtà tal-utenti.

Barra minn hekk, l-iżgurar tas-sikurezza, l-istabbiltà u r-reżiljenza tal-Internet u ta’ teknoloġiji ta’ komunnikazzjoni elettronika oħra huwa element fundamentali tad-demokrazija. Huwa neċessarju li tiġi evitata d-deprivazzjoni arbitrarja jew it-tfixkil tal-aċċess tagħhon għaċ-ċittadin. Meta titqies in-natura transkonfinali u interkonnessa tat-teknoloġiji ta’ komunikazzjoni elettronika, inkluż l-Internet, kwalunkwe intervent domestiku unilaterali jista’ jħalli effetti konsiderevoli fuq partijiet oħra tad-dinja. Il-Kummissjoni se tiżviluppa għodod li jippermettu l-UE, f’każijiet xierqa, tgħin lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew ċittadini individwali jevitaw dan it-tip ta’ tfixkil arbitrarju.

L-IMPLIKAZZJONIJIET REĠJONALI U SUBREĠJONALI

L-avvenimenti drammatiċi li qed iseħħu fir-reġjun mhumiex neċessarjament mifruxa b’mod uniformi fir-reġjun u l-effetti tal-bidla jistgħu jvarjaw b’mod sostanzjali. Id-dimensjoni reġjonali saret aktar importanti u l-kooperazzjoni reġjonali se tkun importanti fil-mitigazzjoni tal-konsegwenzi negattivi.

Issa aktar minn qatt qabel, id-dinamiki li qegħdin jinbidlu fir-reġjun jfissru li huwa meħtieġ li jsir progress urġenti dwar il- proċess ta ’ paċi fil-Lvant Nofsani . L-UE għandha taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi sħabha bex tgħin fil-bidla politika u soċjali fir-reġjun. B'mod partikolari, it-Turkija għandha rwol kruċjali kemm bħala attur reġjonali importanti u kif ukoll bħala eżempju tajjeb ta' demokrazija b'għadd ta' partiti f'pajjiż li huwa fil-parti l-kbira Musulman fil-Mediterran.

Ħarsa ġdida lejn is-sitwazzjoni reġjonali titlob li l-elementi pożittivi tal-proċess ta’ Barċellona jiġu integrati f'approċċ ġdid flimkien ma’ dawk tal-Unjoni għall-Mediterran. Il-kooperazzjoni reġjonali li rriżultat bħala l-aktar effettiva kienet dik ta’ proġetti li wasslu benefiċċji konkreti – fl-ambjent, l-eneġija, it-trasport, il-kummerċ u d-djalogu soċjali.

Għandha titħeġġeġ l-integrazzjoni ekonomika reġjonali. L-UE se tappoġġja proġetti li jippromwovu l-kummerċ iktar ħieles bejn il-pajjiżi tar-reġjun, approssimazzjoni regolatorja, tisħiħ tal-governanza ekonomika kif ukoll l-infrastrutturi meħtieġa għal żieda fil-kummerċ reġjonali.

L-idea wara l-ħolqien tal-Unjoni tal-Mediterran kienet pożittiva ferm – dik ta' sħubija f'livell għoli bejn iż-żewġt ixtut tal-Mediterran. Madanakollu għandna nagħrfu l-fatt li l-implimentazzjoni tagħha ma wasslitx għar-riżultati mistennija. Jeħtieġ li l-UM tiġi rriformata biex tilħaq il-potenzjal kollu tagħha. Jeħtieġ li taħdem aktar bħala katalist li tlaqqa' lill-Istati, l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali u s-settur privat flimkien madwar proġetti konkreti li jiġġeneraw l-impjiegi, l-innovazzjoni u t-tkabbir li huma tant meħtieġa fir-reġjun. Din għandha tgħin biex toħloq l-aħjar kundizzjonijiet għall-progress fil-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani. Iżda, waħda m’għandhiex tkun kundizzjonali għall-oħra. Il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi msieħba f’dawn il-proġetti tista' ssegwi l-prinċipju ta' ġeometrija varjabbli skont il-ħtiġijiet u l-interessi tagħhom. Ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni huma lesti li jkollhom rwol akbar fl-Unjoni għall-Mediterran b'konformità mat-Trattat ta' Lisbona.

L-GĦAJNUNA FINANZJARJA TAL-UE

- Enfasi ġdida tal-programmi bilaterali tal-Istrument tas-Sħubija Ewropea għall-Viċinat

- L-għoti ta’ finanzjament addizzjonali

Bħalissa madwar EUR 4 biljuni huma disponibbli għall-perjodu li jintemm fl-aħħar tal-2013 biex jingħata appoġġ lill-ġirien tan-Nofsinhar taħt l-Istrument ta' Sħubija Ewropea għall-Viċinat. L-akbar parti minn din l-għajnuna tingħata permezz ta' programmi ta' għajnuna bilaterali. Filwaqt li bosta mill-programmi li qed jiġu implimentati jew li huma ppjanati jindirizzaw it-tliet prijoritajiet tas-‘Sħubija’, l-impatt tal-effett tat-tibdil reċenti fir-reġjun jeħtieġ reviżjoni estensiva u l-possibbiltà ta' enfasi ġdida tal-għajnuna tal-UE, bi ftehim ma' pajjiżi sħab.

Diġà għamilnieha ċara kemm lit-Tuneżija kif ukoll lill-Eġittu li ninsabu lesti li nikkunsidraw li l-programmi bilaterali tagħna għall-2011-13 (rispettivament EUR 240 u EUR 445 miljun) niffokawhom mill-ġdid biex inwieġbu aħjar għall-isfidi attwali u niżguraw li r-rispons tagħna jissodisfa l-aspirazzjonijiet leġittimi tan-nies. B’mod iktar ġenerali, fir-reġjun kollu, programmi li ma jirriflettux dawn it-tliet elementi msemmija hawn fuq ser jiġu riveduti f’kooperazzjoni mill-qrib u sħubija mal-pajjiżi benefiċjarji. Nappellaw lill-Istati Membri sabiex iwettqu eżerċizzju simili ta’ reviżjoni għall-programmi bilaterali tagħhom biex jinkiseb l-aħjar impatt tal-għajnuna tal-UE. Fis-sitwazzjoni baġitarja attwali, qed nikkunsidraw ukoll li l-eventi attwali se jeħtieġu sforzi liema bħalhom sabiex jinkisbu koordinazzjoni u konsistenza massimi bejn l-isforzi tal-Istati Membri, kif ukoll mal-UE. Ser nkomplu wkoll infittxu l-interazzjoni u l-koordinazzjoni massimi mal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali.

Ir-reviżjoni u l-iffukar mill-ġdid tal-għajnuna huma l-ewwel pass fl-għoti ta’ appoġġ biex tingħata għajnuna lill-gvernijiet imsieħba biex jikkonsolidaw ir-riforma u l-iżvilupp soċjoekonomiku. Filwaqt li sa issa mhija possibbli l-ebda evalwazzjoni tal-ħtiġijiet, il-proċess ta’ riforma se jteħtieġ appoġġ konsiderevoli. Dan se jiġi pprovdut mill-baġit attwali tal-UE[1].

Għandha tingħata wkoll attenzjoni speċifika biex jitħeġġeġ l-investiment fis-settur privat mill-UE fin-Nofsinhar tal-Mediterran. B’dan il-għan, il-Kummissjoni se tkompli tiġġenera self mill-FEMIP tal-BEI kif ukoll minn IFIs oħra, permezz tal-Faċilità ta’ Investiment għall-Viċiniat (NIF) li tipprovdi għajnuna fl-appoġġ għall-investiment fl-infrastruttura u l-iżvilupp tas-settur privat[2]. Fid-dawl tal-kontribut konsiderevoli mill-Kummissjoni lill-Faċilità ta' Investiment tal-Viċinat, l-Istati Membri huma mħeġġa jikkontribwixxu għal dan l-istrument.

L-investiment barrani dirett privat appoġġjat minn dan it-tip ta’ strumenti finanzjarji għandu jibbenefika wkoll minn dispożizzjonijiet sodi ta’ ħarsien tal-investiment, u l-Kummissjoni se tipprovdi għodda ta’ informazzjoni u tiżviluppa qafas ta’ ħarsien tal-investiment għall-kumpaniji Ewropej li huma interessati fin-Nofsinhar tal-Mediterran.

Barra minn hekk, l-għajnuna makroekonomika tista’ tkun neċessarja għal xi pajjiżi li jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet fuq żmien qasir , li jirriżultaw mill-impatt tal-kriżi fuq il-kummerċ, l-investiment u l-flussi fit-turiżmu kif ukoll id-diffikultajiet fil-produzzjoni domestika. Jekk il-FMI għandu programmi ta’ self stabbiliti u sakemm il-ħtiġijiet ta' finanzjament esterni huma kkonfermati, il-pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat ikunu eliġibbli għall- Għajnuna Makrofinanzjarja tal-UE (MFA).

KONKLUŻJONIJIET

Dawn huma l-ewwel proposti għall-bini ta’ sħubija ġdida f’appoġġ tal-bidla fin-Nofsinhar tal-Mediterran. L-għajnuna immedjata u fuq żmien qasir għandha tiġi akkumpanjata minn għajnuna fuq żmien twil meta kull pajjiż ikun lest li jindika dak li jeħtieġ mill-pajjiżi sħab tal-UE.

L-Unjoni Ewropea għandha dimensjoni doppja ta' komunità ta' stati membri demokratiċi u unjoni ta' popli li rnxxielhom jegħlbu diffikultajiet storiċi. Din l-istorja ta’ suċċess kienet possibbli meta t-tama għelbet il-biża’ u l-ħelsien għeleb il-moħqrija. Huwa għalhekk li l-UE tifhem tajjeb l-aspirazzjonijiet tal-popli fil-Viċinat tan-Nofsinhar. L-UE trid tappoġġjahom fil-bini ta’ demokraziji reali u soċjetajiet paċifiċi u proseri. Naturalment, kull pajjiż u l-poplu tiegħu jagħżel it-triq tiegħu u jagħmel l-għażliet tiegħu. Bir-raġun li d-deċiżjoni tinsab f'idejhom u aħna ma nistgħux nimponu soluzzjonijiet. Din il-Komunikazzjoni tenfasizza d-determinazzjoni tal-UE fl-appoġġ tagħhom fi triqthom lejn ġejjieni aħjar.

ANNESS 1 GLOSSARJU TA' TERMINI

Ftehim ta' Assoċjazzjoni

Dawn jirreferu għal relazzjonijiet kuntrattwali bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u pajjiż li mhuwiex parti mill-UE. Il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni jistgħu jippromwovu l-ħolqien/it-tisħiħ ta' djalogu regolari u relazzjonijiet mill-qrib dwar kwistjonijiet politiċi u ta' sigurtà; il-liberalizzazzjoni gradwali tal-kummerċ ta' prodotti, servizzi u kapital; il-kooperazzjoni ekonomika bil-għan tal-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali u integrazzjoni ekonomika reġjonali; id-djalogu soċjali, kulturali u uman. Il-bażi legali għall-konklużjoni tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni hija prevista fl-Artikolu 217 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jagħmel referenza speċifika għal ftehimiet ma' pajjiżi ġirien fl-Artikolu 8(2).

Il-kunċett ta' "status avvanzat" skont il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni jfisser it-tisħiħ ta' kooperazzjoni politika u opportunitajiet ġodda fir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali, konverġenza regolatorja progressiva u kif ukoll kooperazzjoni msaħħa ma' ċerti aġenziji u programmi Ewropej.

Żona ta' Kummerċ Ħieles Profonda u Komprensiva (ŻKĦPK)

Ftehim ta' kummerċ ħieles li jkopri medda wiesgħa ta' kwistjonijiet relatati mal-kummerċ ("komprensiv") u bil-għan li jelimina tfixkil 'ta' wara l-fruntiera' fuq il-kummerċ permezz ta' proċessi ta' approssimazzjoni regolatorja, u b'hekk jiftaħ/jestendi b'mod parzjali s-suq intern tal-UE u tal-parti l-oħra. Bħalissa din qiegħda tiġi offruta lil pajjiżi tal-PEV.

Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV)

Proposta mill-Kummissjoni fl-2003-2004 bħala qafas ta' politika li permezz tagħha UE b'aktar stat membri setgħet issaħħaħ u tfannad ir-relazzjonijiet ma' 16-il ġar (l-Alġerija, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarus, l-Eġittu, il-Ġeorġja, l-Israel, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja, il-Moldova, il-Marokk, it-Territorju Palestinjan Okkupat, is-Sirja, it-Tuneżija u l-Ukraina) bil-għan li jingħelbu r-riskji tal-marġinalizzazzjoni tal-pajjiżi sħab li ma kinux ipparteċipaw fit-tkabbir storiku tal-2004 u għaldaqstant tiżgura t-tisħiħ ta' żona komuni ta' prosperità, stabbiltà u sigurtà. F'April tal-2010 huwa mistenni li tiġi adotta reviżjoni tal-PEV.

Pjanijiet ta' Azzjoni tal-PEV

Dawn id-dokumenti huma nnegozjati b'mod speċifiku ma' kull pajjiż, fuq il-bażi tal-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tagħhom, u kif ukoll fuq l-interessi tagħhom u dawk tal-UE. Flimkien huma jiddefinixxu aġenda ta' riformi politiċi u ekonomiċi permezz ta' prijoritajiet fuq terminu ta' żmien bejn qasir sa medju (bejn 3 u 5 snin). Huma jkopru d-djalogu politiku u r-riforma, il-kooperazzjoni ekonomika u soċjali u l-iżvilupp, il-kwistjonijiet relatati mal-kummerċ u riforma regolatorja u tas-suq, il-kooperazzjoni dwar il-ġustizzja u l-affarijiet interni, ċerti setturi (bħat-trasport, l-enerġija, is-soċjetà tal-informazzjoni, l-ambjent, ir-riċerka u l-iżvilupp) u d-dimensjoni umana (il-kuntatti bejn il-persuni, is-soċjetà ċivili, l-edukazzjoni u s-saħħa pubblika). L-inċentivi li jiġu offruti, jekk isir progress fuq ir-riformi rilevanti, huma aktar integrazzjoni fi programmi u netwerks Ewropej, aktar assistenza u aċċess aħjar għas-suq.

Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI)

Mill-2007 l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI) huwa l-bażi legali għall-assistenza lil pajjiżi tal-PEV u lir-Russja – u jappoġġja l-prijoritajiet miftiehma fil-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-PEV, u kif ukoll Sħubija Strateġika mar-Russja. Dan l-istrument jissostitwixxi strumenti preċedenti għall-Viċinat fil-Lvant u għar-Russja u għas-Sħab fil-Mediterran rispettivament.

Proċess ta' Barċellona

Politika qafas imnedija fl-1996 mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin ta' dawk li kienu il-15-il membru tal-UE u l-14-il imsieħeb fil-Mediterran bħala l-bażi tas-Sħubija Ewro-Mediterranja li evolviet fl-Unjoni għall-Mediterran. Is-sħubija kienet organizzata fi tliet dimesjonijiet ewlenin: djalogu politiku u soċjali, sħubija ekonomika u finanzjarja; sħubija soċjali, kulturali u umana. Bl-introduzzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) fl-2004, il-Proċess ta' Barċellona essenzjalment sar il-forum multilaterali ta' djalogu u kooperazzjoni bejn l-UE u l-imsieħba fil-Mediterran filwaqt li r-relazzjonijiet bilaterali huma ġestiti l-aktar taħt il-PEV u permezz ta' Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni li ġew iffirmati ma' kull pajjiż imsieħeb.

Faċilità Ewro-Mediterranja ta' Investiment u Sħubija (FEMIP)

Din il-faċilità tlaqqa' self mill-BEI li huwa garantit mill-baġit tal-UE u servizzi oħrajn mogħtija mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) biex jassisti l-iżvilupp ekonomiku u l-integrazzjoni tal-pajjiżi sħab fil-Mediterran. L-attivitajiet huma ffukati fuq żewġ prijoritajiet: l-appoġġ għas-settur privat u l-ħolqien ta' ambjent li jħajjar l-investiment.

Bank tal-Investiment Ewropew (BEI)

Il-Bank tal-Investiment Ewropew (BEI) huwa l-istituzzjoni ta' finanzjament tal-Unjoni Ewropea. L-azzjonisti huma s-27 Stat Membru tal-Unjoni, li jissottoskrivu l-kapital tiegħu b'mod konġunt. Ir-rwol tal-BEI huwa li jipprovdi finanzi fit-tul bħala appoġġ għal proġetti ta' investiment. Fl-Unjoni Ewropea l-BEI jirfed l-għanijiet ta' politika tal-UE fl-oqsma li ġejjin: l-impriżi żgħar u medji; il-koeżjoni u l-konverġenza; il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; il-protezzjoni ambjentali u l-komunitajiet sostenibbli; l-enerġija sostenibbli, kompetittiva u sikura; l-ekonomija tal-għarfien; in-netwerks trans-Ewropej. Lil hinn mill-UE, il-BEI huwa attiv f'aktar minn 150 pajjiżi biex jimplimenta l-pilastru finanzjarju tal-UE tal-kooperazzjoni esterna u l-politiki tal-iżvilupp (l-iżvilupp tas-settur privat, l-iżvilupp tal-infrastruttura, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, u s-sostenibbiltà ambjentali).

Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ)

maħluq fl-1991 bħala tweġiba għall-bidliet maġġuri fl-ambjent politiku u ekonomiku fl-Ewropa ċentrali u tal-lvant, il-BERŻ huwa istituzzjoni finanzjarja internazzjonali li jirfed proġetti mill-Ewropa ċentrali u mill-Asja ċentrali primarjament permezz ta' investiment lil klijenti tas-settur privat li l-ħtiġijiet tagħhom ma jkunux jistgħu jiġu ssodisfati totalment mis-suq, bil-għan li titrawwem tranżizzjoni lejn ekonomiji tas-suq miftuħa u demokratiċi. Reċentement iż-żona fejn jopera l-bank ġiet estiża għat-Turkija.

FRONTEX

Hija l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Ibbażata f'Varsavja, l-aġenzija hija entità speċjalizzata u indipendenti bil-kompitu li tikkoordina l-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà tal-fruntieri.

Magreb

Ġeneralment it-terminu jirreferi għall-ħames pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq - il-Marokk, l-Alġerija, it-Tuneżija, il-Libja u l-Mawritanja, u kif ukoll it-territorju disputat tal-Punent tas-Saħara - għalkemm normalment jintuża għall-Alġerija, il-Marokk u t-Tuneżija.

Maxreq

Dan jirreferi għar-reġjun ta' pajjiżi fil-lvant tal-Eġittu u t-tramuntana tal-Peniżola Għarbija (il-Ġordan, il-Libanu, is-Sirja, u t-territorju Palestinjan okkupat), għalkemm ġeneralment jintuża biex jinkludi wkoll lill-Eġittu.

[1] Taħt l-Intestatura 4 tal-qafas finanzjarju multiannwali 2007-2013 inkluż, jekk ikun meħtieġ, permezz tal-Istrument ta' Flessibbiltà u r-Riżerva għal Għajnuna ta' Emerġenza.

[2] Il-potenzjal tal-Faċilità ta' Investiment tal-Viċinat (NIF) fil-possibbiltà ta' ġenerazzjoni ta' fondi huwa tassew kbir. Għall-perjodu 2007-2010, l-għotjiet min-NIF allokati għal proġetti approvati kienu ġġenerati b'fattur ta' 17. Dan il-potenzjal għandu jintuża aktar fis-snin li ġejjin.