/* KUMM/2011/0175 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar l-implimentazzjoni sa mill-2007 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri {SEG(2011) 430 finali}
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 11.4.2011 KUMM(2011) 175 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar l-implimentazzjoni sa mill-2007 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri {SEG(2011) 430 finali} WERREJ 1. INTRODUZZJONI 3 2. SFOND 4 3. TIBDILIET LEĠIŻLATTIVI FL-ISTATI MEMBRI SA MILL-1 TA’ APRIL 2007 5 4. IL-MANDAT TA’ ARREST EWROPEW U T-TISĦIĦ TAD-DRITTIJIET PROĊEDURALI TA’ PERSUNI SUSPETTATI JEW AKKUŻATI FI PROĊEDIMENTI KRIMINALI 6 5. IL-KWISTJONI TAL-PROPORZJONALITÀ 7 6. IL-ĦIDMA GĦALL-ĠEJJIENI 9 ANNESS 1 — Dejta tal-istatistika relatata mal-Mandat ta’ arrest Ewropew 11 INTRODUZZJONI Għaddew aktar minn seba’ snin minn meta daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2004 id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ ‘MAE’) u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri[1] (minn hawn ‘il quddiem imsejħin ‘id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill’). L-istatistika li hemm ikkompilata għas-snin bejn l-2005 u l-2009[2] (ara l-Anness 1) tirreġistra 54 689 MAE maħruġin u 11 630 MAE esegwiti. Matul dak il-perjodu bejn 51 % u 62 % tal-persuni mitlubin taw il-kunsens tagħhom li jkunu kkonsenjati, medja ta’ f’minn 14 sa 17-il jum. Iż-żmien medju għal dawk li ma tawx il-kunsens tagħhom kien ta’ 48 jum. Dan jikkuntrastja b’mod favorevoli ħafna mal-qagħda qabel l-MAE ta’ medja ta’ sena għall-estradizzjoni ta’ persuni mitlubin u, mingħajr dubju, saħħaħ aktar il-moviment liberu ta’ persuni fl-UE billi pprovda mekkaniżmu aktar effiċjenti biex ikun żgurat li fruntieri miftuħin ma jkunux sfruttati minn dawk li jfttxu li jevadu l-ġustizzja. Madankollu, dawn l-aħħar seba’ snin urew ukoll li, minkejja s-suċċess tal-operazzjoni tagħha, is-sistema tal-MAE hija ferm ’il bogħod milli perfetta. Stati Membri, parlamentari Ewropej u nazzjonali, gruppi mis-soċjetà ċivili u ċittadini individwali lkoll esprimew xi tħassib b’rabta mal-operazzjoni tal-MAE u partikolarment mal-effetti tagħha fuq id-drittijiet fundamentali. Hemm ukoll nuqqasijiet fil-mod kif xi Stati Membri jimplimentaw id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill. Sa minn Diċembru 2009, b’riżultat tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona u natura legalment vinkolanti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Liżbona li jirregolaw strumenti leġiżlattivi fil-qasam tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja, bidlu l-kuntest li fih l-MAE jopera. Skont it-Trattat, kull darba li jkun emendad strument ta’ qabel Liżbona, bħad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill, jibdew japplikaw għall-miżura emendata s-setgħa tal-Kummissjoni li tieħu proċedimenti ta’ ksur u l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. F’kull każ dawk is-setgħat għandhom japplikaw wara l-1 ta’ Diċembru 2014 fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni stabbilit fit-Trattat. Barra minn dan, kull emenda tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tfisser li għandhom japplikaw ir-regoli l-ġodda introdotti mit-Trattat ta’ Liżbona għall-adozzjoni ta’ miżuri leġiżlattivi f’dan il-qasam. Dawn ir-regoli jinkludu kodeċiżjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill u l-possibbiltà li xi Stati Membri ma jipparteċipawx[3]. Effett ieħor importanti tat-Trattat ta’ Liżbona huwa li dan jagħmel il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE[4] obbligatorja legalment[5]. Barra minn dan, l-UE għandha tiffirma bħala entità l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.[6] Il-Kummissjoni dan l-aħħar adottat strateġija biex tiżgura r-rispett għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE[7] u dan għandu jkun il-bażi tal-approċċ tagħha għall-inizjattivi kollha leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġodda u eżistenti (inkluż l-MAE) kif ukoll l-approċċ tal-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw jew japplikaw id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill. SFOND Dan it-tielet rapport u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li hemm miegħu jieħdu minn għadd ta’ sorsi: ir-rapporti ta’ qabel tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 34 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill fl-2006[8] u fl-2007[9]; ir-rapport u r-rakkomandazzjonijiet finali tar-raba’ rawnd ta’ evalwazzjonijiet reċiproċi magħmulin mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem imsejħin ‘Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill’)[10] u adottati mill-Kunsill f’Ġunju 2010[11]; l-eżitu ta’ laqgħa ta’ esperti fil-5 ta’ Novembru 2009; tweġibiet mogħtija mill-Istati Membri għal talbiet għal informazzjoni aġġornata mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Ġunju 2009 u l-25 ta’ Ġunju 2010; u l-każistika fejn japplika. L-informazzjoni miksuba mill-Istati Membri kienet tvarja fil-kontenut u fil-kwalità, li għamlitha aktar bi tqila li jsiru analiżi u paragun komprensivi għalkollox li jkopru l-Istati Membri kollha.[12] Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li hemm mar-rapport fih ammont kbir ta’ informazzjoni dwar il-qagħda attwali b’rabta mal-MAE. Dan għandu jkun ta’ għajnuna għal min jipprattika inġenerali, kif ukoll għall-Istati Membri wara r-rawnd ta’ reviżjonijiet ta’ esperti ugwali fil-qasam sal-aħħar ta’ Ġunju 2011 skont kif qabel il-Kunsill.[13] Il-Parti I tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal għandha analiżi deskrittiva qasira dwar l-Istati Membri li introduċew leġiżlazzjoni emendatorja sa minn April 2007. Il-Parti II tagħti ħarsa ġenerali tal-qagħdiet attwali ta’ Stati Membri b’rabta mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill. Il-Parti III tagħti dettalji dwar għadd ta’ strumenti leġiżlattivi tal-UE li jemendaw jew jikkomplementaw id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar l-MAE. Il-Partijiet IV u V għandhom xi informazzjoni attwali dwar l-MAE u s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u Eurojust rispettivament. Il-Parti VI tiddeskrivi d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rilevanti għad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar l-MAE. Il-Parti VII tagħti n-numri ta’ referenza tar-rapporti ta’ evalwazzjoni wieħed wieħed tal-Kunsill tal-Istati Membri u l-Parti VIII tipprovdi tabelli dwar kull Stat Membru u tagħti l-informazzjoni li ġejja: - ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu f’kull wieħed mir-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill u t-tweġibiet tal-Istati Membri fejn dawn ingħataw; informazzjoni ġenerali dwar l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill f’kull Stat Membru, b’referenza għal kwistjonijiet imqajmin fir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill; - l-osservazzjonijiet li hemm fir-rapport ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni mill-2007 u t-tweġibiet ta’ Stati Membri. Il-Parti IX fiha ftit aktar dejta tal-istatistika f’forma ta’ tabelli. TIBDILIET LEĠIŻLATTIVI FL-ISTATI MEMBRI SA MILL-1 TA’ APRIL 2007 It-tweġibiet li rċeviet il-Kummissjoni għat-talbiet tagħha għal informazzjoni mill-Istati Membri juru li erbatax-il Stat Membru (AT, BG, CZ[14], EE, FR, HU, IE, LV, LT, PL PT, RO, SK u SI) għamlu emendi għal-leġiżlazzjonijiet tagħhom ta’ implimentazzjoni. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi u tilqa’ bi pjaċir il-fatt li ħafna mill-emendi jqisu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Stat Membru wieħed (LU) emenda artikolu wieħed tal-leġiżlazzjoni tiegħu ta’ traspożizzjoni fl-2010, u proposta leġiżlattiva li tindirizza għadd ta’ rakkomandazzjonijiet bħalissa tinsab għaddejja mill-proċedura parlamentari tagħha. Kif jidher mit-tabelli fil-Parti VIII tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, kemm huwa mifrux it-titjib ivarja ħafna minn Stat għal ieħor u mhux ir-rakkomandazzjonijiet kollha huma riflessi fl-ittra tal-liġi. Tnax-il Stat Membru (BE, CY[15], DK, DE, EL, ES, FI, IT, MT, NL, SE, UK) ma għamlux emendi għal-leġiżlazzjonijiet rispettivi tagħhom, għalkemm kienu rrakkomandati jagħmlu hekk f’rapporti ta’ qabel tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Dan huwa wkoll ta’ aktar dispjaċir fil-każ ta’ Stati Membri li ssemmew espressament fir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2007 bħala li kien jeħtiġilhom jagħmlu sforz biex ikunu konformi għalkollox mad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill (CY, DK, IT, MT, NL, UK). Għal dawk l-Istati Membri fejn kienet adottata leġiżlazzjoni ġdida, tingħata analiżi deskrittiva qasira tal-emendi fil-Parti I tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li hemm ma’ dan ir-rapport. Il-qagħda globali tal-Istati Membri kollha tinsab deskritta fid-dettall fit-Tabelli fil-Parti VIII tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal. Xi wħud mir-rakkomandazzjonijiet kien jeħtiġilhom miżuri prattiċi minflok leġiżlazzjoni u l-Kummissjoni tirrikonoxxi x-xogħol li sar minn Stati Membri biex jissimplifikaw is-sistemi tal-MAE tagħhom u jagħtu taħriġ, informazzjoni u punti ta’ kuntatt. Iżda l-applikazzjoni konsistenti tal-MAE u l-fiduċja reċiproka li hija essenzjali għall-operazzjoni tiegħu jiddependu ħafna mill-implimentazzjoni tal-MAE b’konformità mad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill. In-nuqqasijiet attwali fit-traspożizzjoni fir-rigward ta’ kull Stat Membru huma ppreżentati f’format aċċessibbli fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li hemm ma’ dan ir-rapport. Il-Kummissjoni tistenna li dan għandu jipprovdi mezz għal dawk l-Istati Membri biex iġibu l-leġiżlazzjoni tagħhom li timplimenta l-MAE f’konformità mad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill. IL-MANDAT TA’ ARREST EWROPEW U T-TISĦIĦ TAD-DRITTIJIET PROĊEDURALI TA’ PERSUNI SUSPETTATI JEW AKKUŻATI FI PROĊEDIMENTI KRIMINALI W aqt li laqgħet il-fatt li l-MAE fil-prattika huwa strument li rnexxa ta’ rikonoxximent reċiproku, il-Kummissjoni taf ukoll bl-imperfezzjonijiet li fadal tal-MAE, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tiegħu fil-livell nazzjonali. Il-Kummissjoni rċeviet rappreżentazzjonijiet minn parlamentari Ewropej u nazzjonali, avukati difensuri, ċittadini u gruppi tas-soċjetà ċivili li taw prominenza lil għadd ta’ problemi fl-operazzjoni tal-MAE: ebda dritt għal rappreżentanza legali fl-Istat emittenti matul il-proċedimenti ta’ konsenja fl-Istat eżekutant; kundizzjonijiet ta’ detenzjoni f’xi Stati Membri flimkien ma’ xi drabi detenzjoni fit-tul qabel is-smigħ tal-kawża għal persuni konsenjati u applikazzjoni mhux uniformi ta’ verifika tal-proporzjonalità minn Stati emittenti, li jirriżultaw f’talbiet għal konsenja għal reati relattivament żgħar li, fin-nuqqas ta’ verifika tal-proporzjonalità fl-Istat eżekutant, ikollhom ikunu eżegwiti. Mill-kwistjonijiet li tqajmu b’rabta mal-operazzjoni tal-MAE qisu jidher li, minkejja l-fatt li l-liġi u l-proċeduri kriminali tal-Istati Membri kollha huma soġġetti għall-istandards tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sikwit ikun hemm xi dubji jekk standards ikunux simili mal-UE kollha. Waqt li individwu jista’ jmur il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem biex jasserixxi drittijiet li joħorġu mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, dan jista’ jsir biss wara li jkun ġie allegat li sar ksur u li jkunu ġew eżawriti r-rimedji legali domestiċi kollha. Dan ma tax prova li kien mezz effikaċi biex ikun żgurat li firmatarji jkunu konformi mal-istandards tal-Konvenzjoni. Din is-sitwazzjoni kienet il-bażi tax-xogħol kontinwu tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali[16] għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali. Dan il-pjan direzzjonali, adottat mill-Kunsill fit-30 ta’ Novembru 2009, jagħraf fil-Premessa 10 li ‘sar ħafna progress fil-qasam tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja dwar miżuri li jħaffu l-prosekuzzjoni. Issa huwa ż-żmien li tittieħed azzjoni biex jitjieb il-bilanċ bejn dawn il-miżuri u l-protezzjoni tad-dritttijieet proċedurali tal-individwu’. Waqt li tinżamm il-possibbiltà li jiżdiedu aktar drittijiet, il-pjan direzzjonali jidentifika s-sitt miżuri ta’ prijorità li ġejjin: - id-dritt għal interpretazzjoni u traduzzjoni; - id-dritt għal informazzjoni dwar drittijiet (Ittra ta’ Drittijiet); - parir legali qabel is-smigħ tal-kawża u għajnuna legali waqt is-smigħ tal-kawża; - id-dritt ta’ persuna miżmuma li tikkomunika ma’ membri tal-familja, impjegaturi u awtoritajiet konsulari; - protezzjoni għal suspettati vulnerabbli; - green paper dwar detenzjoni qabel is-smigħ tal-kawża. L-ewwel miżura, Direttiva dwar id-dritt għal interpretazzjoni u traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, kienet adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill f’Ottubru 2010[17]. It-tieni miżura[18] bħalissa tinsab qed tkun diskussa fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill u qed isir xogħol ta' tħejjija mill-Kummissjoni dwar il-miżuri li għad fadal. Ir-riċerka dwar id-dritt għal parir legali għandha teżamina l-kwistjoni tar-rappreżentanza għal persuni mitlubin kemm fl-Istat eżekutant kif ukoll f’dak emittenti matul il-proċedimenti ta’ konsenja. Id-Direttivi diġà proposti għandhom artikoli li espressament japplikaw id-drittijiet li hemm fihom għal każijiet ta’ MAE. Id-Direttiva dwar id-dritt għal informazzjoni fi proċedimenti kriminali tipproponi wkoll ittra mudell ta’ drittijiet speċifikatament għal każijiet ta’ MAE. Għadd ta’ sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem saħqu fuq nuqqasijiet f’xi ħabsijiet fl-UE.[19] Il-qorti ddeċidiet li kundizzjonijiet mhux aċċettabbli ta’ detenzjoni (li għandhom jilħqu livell minimu ta’ severità) jistgħu jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, ukoll fejn ma jkunx hemm provi li kien hemm intenzjoni pożittiva li l-persuna miżmuma tkun umiljata jew imbaxxa. Huwa ċar li d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar l-MAE (li tgħid fl-Artikolu 1(3) li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali, inkluż l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem) ma tagħtix is-setgħa bis-saħħa ta’ mandat li ssir konsenja fejn awtorità ġudizzjarja eżekutanti tkun sodisfatta, wara li tqis iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, li konsenja bħal dik għandha tirriżulta fi ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ persuna mitluba li jiġu minn kundizzjonijiet mhux aċċettabbli ta’ detenzjoni. Kwistjoni oħra relatata ma’ każijiet tal-MAE hija li ċittadini tal-UE li ma jkunux residenti fl-Istat Membru fejn ikunu suspettati li jkunu wettqu reat sikwit jinżammu f’detenzjoni qabel is-smigħ tal-kawża, l-aktar minħabba nuqqas ta’ rabtiet komunitarji u r-riskju li jaħarbu. Fit-23 ta’ Ottubru 2009 il-Kunsill adotta ‘Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI[20] dwar l-applikazzjoni, bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ kontroll bħala alternattiva għal detenzjoni provviżorja.’[21] Din id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tintroduċi l-possibbiltà ta’ trasferiment ta’ miżura ta’ kontroll mingħajr arrest mill-Istat Membru fejn il-persuna mhux residenti tkun suspettata li tkun wettqet reat lill-Istat Membru fejn il-persuna tkun normalment residenti. Dan iħalli persuna suspettata tkun soġġetta għal miżura ta’ kontroll fl-ambjent normali tagħha matul il-kawża fl-Istat Membru barrani. IL-KWISTJONI TAL-PROPORZJONALITÀ Il-fiduċja fl-applikazzjoni tal-MAE ddgħajfet bil-ħruġ sistematiku ta’ MAEs għall-konsenja ta’ persuni mfittxin fir-rigward ta’ reati li sikwit ikunu żgħar. F’dan il-kuntest, diskussjonijiet fil-Kunsill li joħorġu mill-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet ta’ Stat Membru[22] juru li hemm qbil ġenerali fost l-Istati Membri li verifika tal-proporzjonalità hija meħtieġa biex MAEs ma jitħallewx jinħarġu għal reati li, għalkemm jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 2(1)[23] tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar l-MAE, ma jkunux gravi biżżejjed biex jiġġustifikaw il-miżuri u l-kooperazzjoni li eżekuzzjoni ta’ MAE teħtieġ. Għandhom jitqiesu diversi aspetti qabel ma jinħareġ l-MAE, inkluża l-gravità tar-reat, it-tul tas-sentenza, l-eżistenza ta’ approċċ alternattiv li jkun ta’ anqas piż kemm għal persuna mfittxija kif ukoll għall-awtorità eżekutriċi u analiżi ta’ kost/benefiċċju għall-eżekuzzjoni tal-MAE. Hemm effett disproporzjonat fuq il-libertà u l-ħelsien ta’ persuni mitlubin meta jinħarġu MAEs li jikkonċernaw każijiet li għalihom (qabel is-smigħ tal-kawża) id-detenzjoni tkun mod ieħor tinħass bħala mhux xierqa. Barra minn dan, għadd żejjed ta’ talbiet bħal dawn jista’ jiswa l-flus għal Stati Membri eżekutanti. Jista’ jwassal ukoll għal sitwazzjoni li fiha l-awtoritajiet ġudizzjarji eżekutanti (kuntrarju għall-awtoritajiet emittenti) iħossuhom inklinati li japplikaw prova ta’ proporzjonalità, u b’hekk jintroduċu raġuni għal rifjut li ma jkunx f’konformità mad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill jew mal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li fuqhom hija bbażata l-miżura. Fis-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet fir-rapport finali dwar ir-raba’ rawnd ta’ evalwazzjonijiet reċiproċi, il-Kunsill inkluda emenda għall-manwal dwar l-MAE fir-rigward tal-proporzjonalità[24]. Dan ir-rapport kien adottat mill-Kunsill f’Ġunju 2010[25]. Il-manwal emendat issa jiddeskrivi l-fatturi li għandhom ikunu vvalutati meta jinħareġ MAE u alternattivi possibbli li għandhom jitqiesu qabel il-ħruġ ta’ MAE.[26] Jekk il-manwal emendat ikun segwit mill-Istati Membri, huwa għandu jipprovdi bażi għal ftit konsistenza fil-mod li bih tkun applikata verifika tal-proporzjonalità. Il-Kummissjoni tapprova dan l-approċċ u tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu passi pożittivi biex jiżguraw li prattikanti jużaw il-manwal emendat (flimkien mad-dispożizzjonijiet statutorji tagħhom, jekk ikollhom) bħala l-linja gwida għall-mod li bih għandha tkun applikata prova ta’ proporzjonalità. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li fl-isfond ta’ qbil ġenerali fil-Kunsill dwar il-merti ta’ prova ta’ proporzjonalità u t-tidgħjif tal-fiduċja fis-sistema tal-MAE fejn ma tkunx applikata prova ta’ proporzjonalità, ikun essenzjali li l-Istati Membri kollha japplikaw prova ta’ proporzjonalità, inklużi dawk il-ġurisdizzjonijiet fejn prosekuzzjoni hija obbligatorja. Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill hija għodda għall-Istati Membri biex jużawha meta jqisuha meħtieġa biex persuna tkun preżenti fit-territorju tagħhom biex iġibu azzjoni kriminali kontra dik il-persuna jew biex jinforzaw sanzjoni ta’ kustodja għal dik il-persuna. Il-manwal maqbul jipprovdi gwida dwar l-implimentazzjoni uniformi ta’ din l-għodda. L-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill jipprovdi li ‘Mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jinħareġ għal atti…’ Huwa f’dan il-qasam diskrezzjonali li kwistjonijiet indirizzati fil-manwal (inkluża l-operazzjoni ta’ prova ta’ proporzjonalità) huma diskussi u jkun hemm qbil dwarhom. Biex tkun żgurata l-fiduċja reċiproka li hija essenzjali biex tissokta l-operazzjoni tal-MAE, awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istati Membri kollha għandhom jirrispettaw il-ftehimiet li ntlaħqu f’dan il-qasam diskrezzjonali. IL-ĦIDMA GĦALL-ĠEJJIENI Dan ir-rapport huwa opportunità biex wieħed jikkunsidra l-istat tal-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-MAE, li verament jipprovdi s-sistema ta’ konsenja effiċjenti u effettiva li hija meħtieġa fl-Ewropa ta’ fruntieri miftuħin. L-informazzjoni miġbura għar-rapport turi li, waqt li l-MAE huwa għodda utli ħafna għall-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-kriminalità, hemm spazju għal titjib fit-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill. Partikolarment il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali għandha tkun ċentrali għall-operazzjoni tas-sistema tal-MAE. Teħtieġ azzjoni fl-oqsma li ġejjin: - Traspożizzjoni : L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni leġiżlattiva, fejn ikun meħtieġ, biex ikunu indirizzati l-oqsma (deskritti fid-dettal fit-tabelli fil-Parti VIII tad-dokument li hemm mad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal) fejn il-leġiżlazzjoni implimentattiva tagħhom tonqos milli tkun konformi mad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar l-MAE. - Drittijiet fundamentali : Għandu jkun hemm l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri li joħorġu mill-pjan direzzjonali dwar drittijiet proċedurali għal persuni suspettati u akkużati biex ikun żgurat li drittijiet u libertajiet fundamentali jkunu protetti u biex titjieb il-fiduċja reċiproka li hija essenzjali biex tissokta l-operazzjoni ta’ strumenti ta’ rikonoxximent reċiproku bħad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar l-MAE. - Proporzjonalità : Awtoritajiet ġudizzjarji għandhom jużaw is-sistema tal-MAE biss meta talba għal konsenja tkun proporzjonata fiċ-ċirkostanzi kollha tal-każ u għandhom japplikaw prova ta’ proporzjonalità b’mod uniformi mal-Istati Membri kollha. L-Istati Membri għandhom jieħdu passi pożittivi biex jiżguraw li prattikanti jużaw il-manwal emendat (flimkien mad-dispożizzjonijiet statutorji rispettivi tagħhom, jekk ikollhom) bħala l-linja gwida għall-mod li bih għandha tkun applikata prova ta’ proporzjonalità. - Taħriġ : Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ppjanata għal Settembru 2011 dwar taħriġ ġudizzjarju Ewropew hija maħsuba li tindirizza l-ħtieġa għal taħriġ speċifiku kemm għal awtoritajiet ġudizzjarji kif ukoll għal prattikanti legali dwar l-implimentazzjoni tal-MAE u dwar il-miżuri ġodda għat-tisħiħ ta’ drittijiet proċedurali għal persuni suspettati u akkużati. It-taħriġ għall-awtoritajiet huwa essenzjali biex tkun żgurata l-konsistenza fi kwistjonijiet bħall-applikazzjoni ta’ prova ta’ proporzjonalità mal-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni tinnota li n-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew għandu jniedi websajt ġdid fl-2011, li għandu jipprovdi għodda utli biex ikun żgurat li awtoritajiet ġudizzjarji jkollhom aċċess għal informazzjoni adatta dwar l-MAE. - Implimentazzjoni ta’ strumenti komplementari : Sar ammont konsiderevoli ta’ xogħol sa mill-2004 biex ikunu identifikati problemi u biex titjieb is-sistema tal-MAE. Kien hemm erba’ Deċiżjonijiet Qafas (deskritti fid-dettal fil-Parti III tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal) li jolqtu l-operazzjoni tal-MAE. Dawn il-miżuri jindirizzaw il-kwistjonijiet ta’ trasferiment ta’ sentenzi, sentenzi in absentia , konflitti ta’ ġurisdizzjoni u rikonoxximent ta’ ordnijiet ta’ superviżjoni. L-implimentazzjoni malajr tagħhom mill-Istati Membri fil-ġejjieni qarib tista’ ssaħħaħ aktar l-operazzjoni prattika tal-MAE. - Statistika: Aħna llum għandna diversi snin ta’ dejta tal-istatistika msejsa fuq tweġibiet għall-kwestjonarju mfassal mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Kooperazzjoni f’Materji Kriminali f’April 2005[27]. S’issa t-tweġibiet għall-kwestjonarju kienu kkollazzjonati u ppubblikati għas-snin mill-2005 sal-2009 inklusivi[28] (ara l-Anness 1 ta’ dan ir-rapport u l-Parti IX tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal). Iżda jeżistu nuqqasijiet konsiderevoli fid-dejta tal-istatistika li hemm għal analiżi. Hemm għadd ta’ raġunijiet għal dan. Mhux l-Istati Membri kollha taw dejta b’mod sistematiku u l-Istati Membri ma jaqsmux għodda komuni ta’ statistika. Barra minn dan, hemm interpretazzjonijiet differenti fit-tweġibiet għall-kwestjonarju annwali tal-Kunsill. Hemm evidenza wkoll li ma sarx rappurtar lil Eurojust dwar ksur ta’ dekadenzi fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill, minkejja l-obbligu ta’ rappurtar fl-Artikolu 17 (ara l-Parti V tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal). Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri li jħarsu l-obbligi tagħhom li jirrappurtaw. Statistika komprensiva hija essenzjali għal evalwazzjoni xierqa kemm tas-suċċessi kif ukoll tan-nuqqasijiet tal-MAE. Huwa importanti ħafna li l-Istati Membri jagħtu dejta sħiħa tal-istatistika, speċjalment dawk li s’issa għadhom ma għamlux hekk. Il-Kummissjoni tagħmel kull sforz biex tindirizza n-nuqqasijiet fil-kwestjonarju dwar l-istatistika tal-MAE u tara kif ittejjeb il-ġabra ta’ statistika. Waqt li tirrikonoxxi kemm is-suċċess tal-MAE kif ukoll l-imperfezzjonijiet tiegħu li għad fadal, il-Kummissjoni tilqa’ bi pjaċir l-ammont ta’ xogħol li qed isir bħalissa biex is-sistema titjieb. Huwa strument innovattiv u dinamiku. Sa minn mindu ġie fis-seħħ fl-2004 ta lil awtoritajiet ġudizzjarji mekkaniżmu aċċessibbli u effiċjenti li jiżgura li dawk li jagħmlu reat ma jevadux il-ġustizzja kull fejn jistgħu jinħbew fl-Unjoni Ewropea. Iżda l-operazzjoni tiegħu teħtieġ skrutinju kontinwu mill-qrib. Il-Kummissjoni għandha tkompli timmonitorja l-operazzjoni tal-istrument fir-rigward tal-kwistjonijiet diskussi f’dan ir-rapport u għandha tikkonsidra l-għażliet kollha possibbli, inkluża leġiżlazzjoni, fid-dawl ta’ aktar esperjenzai, waqt li tqis il-kuntest ġdid miġjub bit-Trattat of Liżbona. ANNESS 1 — DEJTA TAL-ISTATISTIKA RELATATA MAL-MANDAT TA’ ARREST EWROPEW (ibbażat fuq dejta minn COPEN 52 REV 5 9005/5/06, COPEN 106 REV 5 11371/5/07, COPEN 116 REV 2 10330/2/08, COPEN 87 REV 4 9734/4/09 u COPEN 64 REV 4 7551/7/10) Żmien medju ta’ proċeduri ta’ konsenja F’każijiet fejn il-persuna tkun tat il-kunsens tagħha għall-konsenja (żmien bejn l-arrest u d-deċiżjoni dwar il-konsenja tal-persuna mfittxija) iż-żmien medju tal-konsenja kien: 2005 : 14.7 jiem. 2006 : 14.2 jiem. 2007 : 17.1 jiem. 2008: 16.5 jiem. 2009: 16-il jum. F’każijiet fejn il-persuna ma tkunx tat il-kunsens tagħha għall-konsenja (żmien bejn l-arrest u d-deċiżjoni dwar il-konsenja tal-persuna mfittxija) iż-żmien medju tal-konsenja kien: 2005 : 47.2 jiem. 2006 : 51 jum. 2007 : 42.8 jiem. 2008 : 51.7 jiem. 2009 : 48.6 jiem. Perċentwali ta’ konsenji "konsenswali" Il-perċentwali ta’ persuni kkonsenjati li taw il-kunsens għall-konsenja tagħhom kien: 2005 : 51 %. 2006 : 53 %. 2007 : 55 %. 2008 : 62 %. 2009 : 54 %. Mandati ta’ arrest Ewropej fl-Istati Membri — L-għadd ta’ Mandati ta’ arrest Ewropej maħruġin (‘maħruġin’) u l-għadd ta’ Mandati ta’ arrest Ewropej li effetivament irriżultaw f’ konsenja tal-persuni mfittxija (‘eżegwiti’) mis-sena 2005 sas-sena 2009 | BE |BG |CZ |DK |DE |EE |EL |ES |FR |IE |IT |CY |LV |LT |LU |HU |MT |NL |AT |PL |PT |RO |SI |SK |FI |SE |UK |TOTAL | | 2005 maħruġin | | |4 |64 | |38 |38 |519 |1914 |29 |121 |44 |44 |500 |42 |42 |1 |373 |975 |1448 |200 | |81 |56 |86 |144 |131 |6894 | | 2005 eżegwiti | | |0 |19 | |10 |12 |54 |162 |6 |57 |3 |10 |69 |24 |23 |0 |30 |73 |112 |38 | |10 |14 |37 |10 |63 |836 | | 2006 maħruġin | | |168 |52 | |42 |53 |450 |1552 |43 | |20 |65 |538 |35 |115 |4 |325 |391 |2421 |102 | |67 |111 |69 |137 |129 |6889 | | 2006 eżegwiti | | |125 |19 | |15 |4 |62 |237 |20 | |2 |14 |57 |22 |55 |3 |47 |67 |235 |52 | |14 |23 |37 |27 |86 |1223 | | 2007 maħruġin | | |435 | |1785 |31 |83 |588 |1028 |35 | |20 |97 |316 |44 |373 |3 |403 |495 |3473 |117 |856 |54 |208 |84 |170 |185 |10883 | | 2007 eżegwiti | | |66 | |506 |14 |16 |59 |345 |14 | |4 |16 |60 |15 |84 |1 |17 |47 |434 |45 |235 |8 |71 |43 |22 |99 |2221 | | 2008 maħruġin | | |494 |52 |2149 |46 |119 |623 |1184 |40 | |16 |140 |348 |40 |975 |2 | |461 |4829 | |2000 |39 |342 |107 |190 | |14196 | | 2008 eżegwiti | | |141 |26 |624 |22 |10 |93 |400 |13 | |3 |22 |68 |22 |205 |1 | |28 |617 | |448 |11 |81 |44 |40 | |2919 | | 2009 maħruġin | 508 | |439 |96 |2433 |46 |116 |489 |1240 |33 | |17 |171 |354 |46 |1038 |7 |530 |292 |4844 |104 |1900 |27 |485 |129 |263 |220 |15827 | | 2009 Eżegwiti | 73 | |67 |51 |777 |21 |19 |99 |420 |16 | |3 |40 |84 |26 |149 |2 |0 |37 |1367 |63 |877 |6 |79 |47 |28 |80 |4431 | | [1] ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1. [2] Kunsill 9005/5/06 COPEN 52; 11371/5/07 COPEN 106; 10330/2/08 COPEN 116; 9743/4/09 COPEN 87; 7551/7/10 COPEN 64. [3] Skont il-Protokolli 21 u 22 tat-Trattat ta’ Liżbona, ir-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka ma jipparteċipawx f’miżuri fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Intern. Ir-Renju Unit u l-Irlanda għandhom il-possibbiltà li jagħżlu li jidħlu għal miżura. [4] ĠU C364 18.12.200, p. 1. [5] Artikolu 6(1) tat-TUE. [6] Artikolu 6(3) tat-TUE. [7] COM(2010) 573 finali. 19.10.2010. [8] COM(2005) 63 u SEC(2005) 267 tat-23.2.2005, riveduta minn COM(2006) 8 u SEC(2006) 79 tal-24.1.2006. [9] COM(2007) 407 u SEC(2007) 979 tat-12.7.2007. [10] Kunsill 8302/4/09 COPEN 68; 7361/10 COPEN 59; 8465/2/10 COPEN 95. [11] Kunsill 10630/1/10 Presses 161 p.33. [12] Bi tweġiba għat-talbiet tagħha għal informazzjoni fl-2009 u fl-2010, il-Kummissjoni rċeviet ftit ħafna jew xejn minn Ċipru, Malta u r-Renju Unit. [13] Kunsill 10630/1/10 Pressess 161 p.33 u 8302/4/09 COPEN 68 p.23 — Rakkomandazzjoni 20. [14] Aktar emendi leġiżlattivi bħalissa qed jitħejjew minn CZ. [15] L-aħħar informazzjoni li waslet minn CY f’Awwissu 2009 kienet li kienet proposta leġiżlazzjoni ġdida. [16] Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009. ĠU C 295, 4.12.2009, p.1. [17] Direttiva 2010/64/UE — ĠU L 280 26/10/2010. [18] COM(2010) 392 finali 20.7.2010. [19] Ara, i.a. , is-sentenzi fil-każijiet Peers v. Il-Greċja (19 ta’ April 2001), Salejmanovic v L-Italja (16 ta’ Lulju 2009), Orchowski v Il-Polonja (22 ta’ Jannar 2010). [20] ĠU L 294, 11.11.2009, p. 20. [21] Data ta’ implimentazzjoni 1 ta’ Diċembru 2012. [22] Kunsill 8302/4/09 COPEN 68; 7361/10 COPEN 59; 8465/2/10 COPEN 95; 10630/1/10 Presses 161 p.33. [23] Artikolu 2(1) Mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jinħareġ għal atti punibbli skont il-liġi tal-Istat Membru emittenti b’sentenza ta’ kustodja jew b’ordni ta’ detenzjoni għal perjodu massimu ta’ mill-anqas 12-il xahar jew, fejn tkun ingħatat sentenza jew tkun saret ordni, għal sentenzi ta’ mill-anqas erba’ xhur. [24] Kunsill 8436/2/10 COPEN p.3. [25] Kunsill 10630/1/10 PRESSE 161. [26] Kunsill 8302/4/09 COPEN 68 p.15; 7361/10 COPEN 59 p.4; 8436/2/10 COPEN p.3. [27] Kunsill 8111/05 COPEN 75. [28] Kunsill 9005/5/06 COPEN 52; 11371/5/07 COPEN 106; 10330/2/08 COPEN 116; 9743/4/09 COPEN 87; 7551/7/10 COPEN 64.