52011DC0166

/* KUMM/2011/0166 finali */ RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-funzjonament u l-effetti tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta' persuni b’diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 11.4.2011

KUMM(2011) 166 finali

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar il-funzjonament u l-effetti tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta' persuni b’diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar il-funzjonament u l-effetti tar-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta' persuni b’diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru

INTRODUZZJONI

Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006[1] dwar id-drittijiet ta' persuni b’diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru (minn issa ’l quddiem: ir-Regolament) ġie adottat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-5 ta’ Lulju 2006. Dan it-test jagħmel parti mill-qafas tal-politika għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà u b’mod aktar ġenerali bi problema ta’ mobbiltà, permanenti jew temporanja, immexxija mill-Kummissjoni Ewropea fl-oqsma kollha tal-ħajja taċ-ċittadini.

Ġeneralment jitqies li wieħed minn kull sitt ċittadini Ewropej ibati minn diżabbiltà. Barra dan in-numru, it-tendenza ġenerali li jkun hemm tixjiħ tal-popolazzjoni Ewropea se twassal għal żieda kostanti fil-passiġġieri bi bżonnijiet ta’ assistenza speċifiċi marbuta ma’ diżabbiltà jew ma' mobbiltà mnaqqsa.

L-għan tar-Regolament huwa ċar: li jippermetti lill-persuni b'diżabbiltà jew b'mobbiltà mnaqqsa (minn issa ’l quddiem : PMM) li jkollhom opportunitajiet għall-ivvjaġġar bl-ajru komparabbli ma' dawk ta' ċittadini oħra.

Ir-Regolament ifittex bilanċ bejn ir-rekwiżiti tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet u r-rekwiżiti operattivi, billi jitwaqqaf prinċipju ġenerali ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni u bil-ħolqien, minn naħa, ta’ serje ta’ obbligi ta’ informazzjoni u ta’ assistenza li taqa' taħt ir-responsabbiltà tal-operaturi u billi jiġi stabbilit, min-naħa l-oħra, mekkaniżmu ta’ notifika minn qabel tal-bżonnijiet ta’ assistenza li taqa' taħt ir-responsabbiltà tal-PMM u wkoll l-eżistenza ta’ derogi, ikkontrollati b’mod strett, għall-obbligi ta’ assistenza. L-eżistenza u r-rispett ta’ dan il-bilanċ huma l-qafas tat-tħaddim tar-regolament.

Fl-2009, fil-qafas tal-applikazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament, il-Kummissjoni varat żewġ studji dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) 1107/2006: l-għan tal-ewwel wieħed kien evalwazzjoni ġenerali tal-funzjonament tar-Regolament, it-tieni kien iffokat b'mod aktar speċifiku fuq is-sistemi tas-sanzjonijiet applikabbli fl-Istati Membri f’każ ta’ ksur tal-obbligi stabbiliti fit-test. Ir-rapporti finali ta’ dawn l-istudji tressqu f’Ġunju u f’Settembru tal-2010 u jinsabu fis-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali tal-Mobbiltà u t-Trasport[2].

F’dan ir-rapport, mhux se jiġi ripetut fid-dettall il-kontenut ta’ dawn l-istudji, li l-qarrej jista’ faċilment jikseb għarfien dwarhom, iżda li wara li tiġi preżentata taqsira, minn din jinħarġu l-konsegwenzi sabiex jitjieb il-funzjonament tar-regolament attwali.

IL-KONKLUżJONIJIET EWLENIN TAL-ISTUDJI

L-istudji mwettqa dwar l-applikazzjoni tar-Regolament jagħtu stampa sħiħa tas-sitwazzjoni ta' bħalissa fl-Unjoni Ewropea.

Il-qafas legali stabbilit fit-test u l-obbligi prinċipali ta’ assistenza ġew implimentati bmod tajjeb fl-Istati Membri. B’hekk, ir-realtà inbidlet favur il-PMM u din tikkostitwixxi suċċess bla dubju ta' xejn.

Madankollu, l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli l-ġodda tvarja minn Stat Membru għal ieħor, minn ajruport għal ieħor u minn trasportatur bl-ajru għal ieħor. Id-diffikultà prinċipali tibqa' n-nuqqas ta' armonizzazzjoni u kultant ta’ koerenza fl-interpretazzjoni tagħhom.

Is-suċċessi

Id-dħul fis-seħħ tar-Regolament fil-fehma ta' kulħadd huwa, bla dubju ta' xejn, ta' vantaġġ kbir għall-persuni b’diżabbiltà u dawk b'mobbiltà mnaqqsa.

Dawn il-vantaġġi jistgħu jitqassru kif ġej:

a) Qafas uniku. Ir-Regolament impona qafas minimu uniku applikabbli fl-Unjoni kollha[3]. Illum din is-sistema unika ta’ protezzjoni titħaddem fl-Ewropa: permezz tagħha, teżisti lista preċiża ta’ servizzi ta’ assistenza li għandhom jiġu provduti b’mod obbligatorju, mingħajr ħlas, lill-passiġġieri kkonċernati.

b) Tqassim xieraq tal-kompiti bejn l-ajruporti u t-trasportaturi. Illum kulħadd jaf x’għandu jagħmel u kif għandu jwettaqhom, anke mil-lat finanzjarju.

c) It-twaqqif ta’ netwerk ta’ korpi nazzjonali speċjalizzati (jew Korpi Nazzjonali għall-Infurzar (National Enforcement Bodies) : minn issa ’l quddiem l-NEB) fl-Istati Membri kollha u kooperazzjoni attwali, marbuta mal-Kummissjoni iżda wkoll ma’ korpi oħra[4], permezz ta’ skambji ta’ informazzjoni u prattiċi tajbin.

Ġiet imposta kultura Ewropea ta’ assistenza lill-PMM fit-trasport bl-ajru: illum, l-atturi kollha huma konxji minn din il-problema u jħaddmu miżuri konkreti.

Madankollu, minkejja dawn l-aspetti pożittivi, is-servizzi tal-Kummissjoni sabu xi oqsma problematiċi.

Id-diffikultajiet

Il-lezzjonijiet miksuba mill-esperjenza kif ukoll l-istudji differenti li saru kemm mill-Kummissjoni kif ukoll minn organizzazzjonijiet oħra[5] juru li jeżistu xi diffikultajiet fl-applikazzjoni tar-Regolament u dawn jistgħu jdgħajfu l-potenzjal tiegħu.

Bla dubju, ir-realtà statistika turi li fil-maġġoranza tal-każi l-PMM jirċievu assistenza li għandhom dritt għaliha u li fi ftit każi biss jinqalgħu xi problemi, madankollu għandu jitwettaq sforz kontinwu għat-titjib tal-applikazzjoni tar-Regolament.

Id-diffikultajiet marbuta mal-obbligi tal-ajruporti

Parti kbira mill-assistenza lill-PMM taqa' taħt ir-responsabbiltà tal-entitajiet li jmexxu l-ajruporti[6]. Il-movimenti kollha tal-passiġġier fl-ajruporti sa' posthom fil-kabina, kif ukoll l-ipproċessar tal-bagalji jaqa' taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

a) Il-kwalità tas-servizz u l-adattament tiegħu għall-bżonnijiet individwali tal-PMM xi drabi ma jkunux xierqa.

Jidher illi l-kwalità tas-servizzi ta’ assistenza offruti tvarja u, xi drabi, ma jkunux adattati għall-bżonnijiet speċifiċi tal-passiġġieri, b’mod partikolari b’rabta mal-PMM li għandhom l-mobbiltà totalment jew kważi totalment imnaqqsa u t-taħriġ tal-ħaddiema mhux dejjem xieraq.

b) Il-ħtieġa ta’ titjib tal-informazzjoni għall-passiġġieri. L-informazzjoni tal-passiġġieri spiss titqies insuffiċjenti jew mhux aċċessibbli ħafna. Dan l-element, essenzjali għall-funzjonament tajjeb tar-Regolament, jibqa’ wieħed mid-debbolezzi kbar fl-implimentazzjoni tiegħu.

c) L-immaniġġjar tat-tagħmir tal-mobbiltà

L-immaniġġjar tat-tagħmir tal-mobbiltà huwa wkoll sors ta’ tħassib. Ħafna drabi jikkonċerna tagħmir fraġli, li jiswa ħafna flus u li l-importanza tiegħu hija vitali għall-passiġġier.

Id-diffikultajiet marbuta mal-obbliġi tat-trasportaturi bl-ajru

a) Restrizzjonijiet dwar il-prenotazzjoni jew l-imbark tal-PMM minħabba raġunijiet ta’ sigurtà.

L-istudji, kif ukoll l-ilmenti, jindikaw li d-diffikultajiet prinċipali fl-applikazzjoni tar-Regolament mit-trasportaturi tal-ajru jikkonċernaw il-fatt li l-prenotazzjonijiet jew l-imbark tal-PMM ikunu rrifjutati minħabba raġunijiet marbuta mas-sigurtà.

Din il-problema testendi għas-sitwazzjonijiet li fihom it-trasportaturi jitolbu li l-PMM ikunu akkumpanjati minn persuna li tista’ tgħinhom waqt it-titjira, u din it-tieni persuna jkollha tħallas il-prezz sħiħ tal-biljett tagħha.

Ir-Regolament, fl-Artikolu 4.1, jawtorizza lit-trasportaturi biex jidderogaw il-prinċipju tan-nuqqas ta' diskriminazzjoni u allura, kemm li jirrifjutaw li jaċċettaw prenotazzjoni jew l-imbark ta’ PMM, kif ukoll li jimponu li din il-persuna jkollha akkumpanjatur, biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' sigurtà stabbiliti mill-istandards internazzjonali, komunitarji, nazzjonali, jew stabbiliti mill-awtorità li ħarġet iċ-ċertifikat ta' trasportatur tal-ajru. B’hekk dan jikkonsisti f'deroga strettament sorveljata[7].

Jidher li teżisti ċerta konfużjoni dwar id-definizzjoni tal-kriterji tas-sigurtà li jawtorizzaw id-derogi tal-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni. Bla dubju, il-ħtieġa li wieħed ikun jista’ jsegwi l-istruzzjonijiet tas-sigurtà[8] f’każ ta’ dekompressjoni, ċaqliq fl-ajru, tidwir għal għarrieda jew inċident, jistgħu jiġġustifikaw, f’ċerti każijiet, il-fatt li jkun irrifjutat l-imbark jew il-ħtieġa li jiġi limitat l-għadd ta’ PMM abbord jew li jintalab akkumpanjatur għall-PMM.

Bħalissa, jeżistu ftit regoli tas-sigurtà armonizzati fil-livell tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport tal-PMM. Barra dan, l-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli ħafna drabi taqa' taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali. Kull trasportatur jipproponi r-regoli tiegħu fil-qasam, skont l-evalwazzjonijiet tiegħu stess tar-riskji, li huma approvati mill-awtorità kompetenti.

Ma’ dan għandu jiżdied, li ċerti trasportaturi għandhom tendenza li jħalltu r-rekwiżiti marbuta mas-sigurtà tat-titjira u l-kwistjonijiet marbuta biss mal-kumdità tal-PMM (it-tmigħ, l-użu tal-latrini, eċċ.). Issa r-rifjut tal-imbark minħabba raġunijiet ta’ sigurtà għandu jkun strettament marbut mas-sigurtà tat-titjira.

L-armonizzazzjoni tar-regoli tas-sigurtà hija ħidma kumplessa u teħtieġ il-kooperazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, madankollu il-Kummissjoni tqis li huwa diġà possibbli li jiġu stabbiliti prinċipji sempliċi għall-implimentazzjoni tad-derogi stabbiliti fl-Artikoli 4.1(a) u 4.2 jiġifieri:

- Kull deroga invokata abbażi ta’ mottiv ta’ sigurtà biex jiġi ġustifikat rifjut ta’ prenotazzjonijiet jew ta’ trasport jew biex jintalab akkumpanjatur għandha tiġi bbażata fuq standard wieħed jew bosta standards li jorbtu b'mod legali[9] dwar is-sigurtà fl-ajru u mhux fuq sempliċi rakkomandazzjonijiet, jew fuq il-politika kummerċjali tat-trasportaturi.

- F’każ ta’ rifjut ta’ trasport, ir-raġunijiet preċiżi u r-referenza għall-istandard legali obbligatorju li fuqu jiġi bbażat ir-rifjut għandhom jiġi kkomunikati lill-passiġġier.

- L-awtoritajiet nazzjonali jridu jispeċifikaw b’mod preċiż u jippubblikaw ir-rekwiżiti ta’ sigurtà li jistgħu jservu bħala bażi għal rifjut ta’ trasport, sabiex jippermettu fehim aħjar u armonizzazzjoni progressiva tal-prattiċi.

Ir-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw rifjut ta’ trasport għandhom ikunu strettament u direttament marbuta mas-sigurtà tat-titjiriet, b’rabta mal-prinċipji li ġejjin:

- In-nuqqas ta’ ħila tal-fehim tal-istruzzjonijiet dwar is-sigurtà li jingħataw mill-ekwipaġġ; in-nuqqas ta’ ħila li wieħed iwettaq waħdu l-azzjonijiet ta’ sigurtà (il-qfil u t-tneħħija taċ-ċinturin ta’ sigurtà, it-teħid u l-aġġustament tal-maskra tal-ossiġnu jew il-ġakketta tas-salvataġġ); in-nuqqas ta' ħila li wieħed jipparteċipa, anke b'mod limitat, fl-evakwazzjoni tiegħu stess, in-nuqqas ta' ħila li wieħed jieħu ħsieb tiegħu nnifsu jew li jamministra t-trattament mediku meħtieġ waqt it-titjira.

- Barra dan, il-limitu tal-għadd ta’ PMM fuq titjira, adattat għall-karatteristiċi tal-apparat, m’għandux ikun inqas mill-għadd ta’ passiġġieri mhux b’diżabbiltà[10] li kapaċi jagħtu assistenza lill-PMM f’każ ta’ evakwazzjoni b’urġenza[11]. Fuq din il-bażi, dan il-limitu huwa stmat minn ċerti awtoritajiet għal nofs l-għadd ta’ passiġġieri mhux b’diżabbiltà li jinsabu fuq titjira speċifika.

b) Kwistjonijiet marbuta mal-assistenza matul it-titjira. Xi diffikultajiet dwar l-implimentazzjoni jidhru wkoll fil-kwistjoni tal-assistenza waqt it-titjira, b’mod partikolari l-obbligi tat-trasportaturi li jakkumpanjawhom sal-faċilitajiet sanitarji. Dan l-obbligu huwa msemmi b’mod ċar fl-Anness II għar-Regolament u t-trasportaturi bl-ajru għandhom jagħmlu minn kollox, sabiex jilħqu l-istandards tas-sigurtà, u biex jirrispettaw dan l-obbligu, anke billi jadattaw l-apparat u t-taħriġ tal-ekwipaġġ matul it-titjira.

c) Problemi marbuta mat-tagħmir tal-mobbiltà. Id-definizzjoni tat-tagħmir tal-mobbiltà li għandu jinġarr mingħajr ħlas tat lok għal diversi interpretazzjonijiet differenti. Uħud mill-passiġġieri kienu mċaħħda mid-dritt tat-trasport mingħajr ħlas ta’ ċertu tagħmir minħabba li dawn ma kinux direttament meħtieġa għall-vjaġġ li għalih kienet saret it-talba għall-assistenza.

Id-dritt għall-ivvjaġġar, kif imfisser fl-ewwel premessa tar-Regolament (il-prinċipji tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-ugwaljanza fit-trattament), m'għandux ikun limitat għall-att fiżiku li wieħed jiġi trasportat iżda għandu jinkludi wkoll il-għan tal-vjaġġ, dak li għal din il-kategorija ta' passiġġieri jimplika li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom it-tagħmir tal-mobbiltà u t-tagħmir mediku meħtieġ għall-attività tagħhom, anke wara t-titjira.

d) Problemi marbuta mal-informazzjoni mogħtija lill-PMM. Fl-aħħar nett, ħafna drabi jidher li l-PMM għad m'għandhomx informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom, kemm waqt li jkunu qed jagħmlu l-prenotazzjoni kif ukoll f’każ ta’ rifjut tal-imbark.

Madankollu, il-kelma u l-ispirtu tar-Regolament jimplikaw li l-PMM għandhom ikunu infurmati, qabel ma’ jagħmlu t-talba tagħhom għall-prenotazzjoni, bid-drittijiet tagħhom u bid-derogi, sabiex ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjoni tagħhom dwar il-prenotazzjoni u jagħmlu t-talba għall-assistenza b'għarfien sħiħ ta' dak kollu li tinvolvi.

Id-diffikultajiet marbuta mal-obbligi tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-applikazzjoni tar-Regolament

Ġew osservati xi diffikultajiet b’rabta mal-interpretazzjoni uniformi tar-Regolament, kif ukoll fl-ipproċessar tal-ilmenti tal-passiġġieri u l-adozzjoni u l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet.

B’rabta mal-interpretazzjoni uniformi tar-Regolament, sa mill-2006, il-Kummissjoni assigurat l-organizzazzjoni ta’ laqgħat tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li matulhom jiġu diskussi d-diversi interpretazzjonijiet differenti possibbli. Ir-rapporti ta’ dawn il-laqgħat ġew ippubblikati fis-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali tal-Mobbiltà u tat-Trasport.

Jeżistu differenzi kbar bejn l-Istati Membri: ċerti awtoritajiet jidhru ferm attivi, kemm biex jinfurmaw il-pubbliku bid-drittijiet tiegħu u biex jissorveljaw l-applikazzjoni tar-Regolament fil-pajjiż, kif ukoll fl-investigazzjoni tal-ilmenti. Oħrajn jaħdmu biss b'mod reattiv.

Diffikultà oħra hija n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fl-azzjonijiet tagħhom: b’hekk, xi trasportaturi setgħu jidhru li jopponu interpretazzjonijiet differenti tat-test minn Stat Membru għal ieħor.

Fir-rigward tas-sistemi tas-sanzjonijiet, dawn huma kkaratterizzati mid-diversità estrema tagħhom. Ċerti sistemi huma ta’ natura amministrattiva, oħrajn legali, u oħrajn ukoll ta’ natura penali.

Id-dewmien fl-ipproċessar tal-ilmenti jvarja ħafna: minn ftit ġimgħat għal 6 xhur. Din is-sitwazzjoni tħalli effett ħażin fuq l-effiċjenza tas-sistema kollha. Il-livell tad-dettalji u l-effiċjenza tad-deċiżjonijiet tal-NEB kif ukoll il-konsegwenzi prattiċi tagħhom għall-passiġġieri wkoll ivarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor.

Id-diffikultajiet l-oħra osservati

Nuqqas ta’ ftehim dwar l-ammont u l-metodi tal-kalkolu u tat-tassazzjoni

F’ċerti Stati Membri, kien hemm xi nuqqas ta’ ftehim bejn it-trasportaturi u l-ajruporti dwar l-ammont u l-metodi tal-kalkolu tal-ħlas speċifiku stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament.

Xi differenzi sinifikanti dwar l-ammont ta’ dan il-ħlas ġew osservati minn ajruport għal ieħor mingħajr ma jidhru dejjem motivati b’mod ċar.

Diffikultajiet fl-interpretazzjoni ta’ ċerti definizzjonijiet importanti

Ġew osservati xi diffikultajiet fl-interpretazzjoni ta’ ċerti definizzjonijiet tar-Regolament. Pereżempju, fir-rigward tad-definizzjoni ta' Persuni b'Mobbiltà Mnaqqsa, kien hemm il-mistoqsija dwar jekk nisa tqal, persuni b'piż żejjed jew tfal żgħar jaqgħux taħt din il-kategorija. F’dawn is-sitwazzjonijiet ta’ dubju, jekk tweġibiet universali, preċiżi u sempliċi mhumiex dejjem possibbli, għandhom jiġu applikati l-prinċipji ġenerali ta' interpretazzjoni: f’dan il-każ, ir-Regolament m'għandux ikopri biss lill-persuni b’diżabbiltà iżda jestendi l-protezzjoni tiegħu għal dawk il-persuni b'mobbiltà mnaqqsa minħabba l’età tagħhom jew minħabba raġunijiet oħra ta' diżabbiltà[12].

B'hekk, fin-nuqqas ta’ eċċezzjonijiet speċifikati, ma jkunux jistgħu jiġu esklużi mill-ambitu tal-applikazzjoni tar-Regolament sitwazzjonijiet li jikkonċernaw tfal li l-età tagħhom iġġib magħha limitazzjoni tal-awtonomija waqt vjaġġ bl-ajru. Minħabba f’hekk, adult li jivvjaġġa waħdu flimkien ma’ għadd ta’ tfal ta’ età żgħira jkollu d-dritt jitlob assistenza adattata għaċ-ċirkostanzi reali tal-vjaġġ tiegħu.

Bl-istess mod, każ ta’ piż żejjed li bħala konsegwenza jkollu t-tnaqqis sostanzjali tal-mobbiltà ta’ passiġġier ma jistax jiġi eskluż a priori mill-ambitu tal-applikazzjoni tar-Regolament.

Dawn l-eżempji juru l-ħtieġa ta’ raġunament skont il-każ filwaqt li jitħares l-għan ġenerali tat-test fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni. L-operaturi m’għandhomx jinkwetaw dwar il-fatt li ambitu tad-definizzjonijiet huwa wisq wiesgħa, sakemm huma protetti mill-abbużi permezz tal-prinċipju tal-proporzjonalità tal-assistenza mal-għan li jrid jinkiseb, mal-konoxxenza li l-passiġġier jkun jista’ jaqbad it-titjira li jkun għamel prenotazzjoni għaliha[13].

It-trasport u l-provvista ta' ossiġnu mediku

It-trasport u l-provvista ta' ossiġnu mediku huma soġġetti għal sistemi ferm differenti minn trasportatur għal ieħor u joħolqu dubji u nuqqas ta' sodisfazzjon fost il-passiġġieri kkonċernati.

Ir-Regolament fit-tfassil attwali tiegħu ma jipprovdix soluzzjoni għall-problema, b'hekk, għandha tinstab soluzzjoni kemm jista' jkun malajr għall-kwistjoni dwar l-użu tal-ossiġnu mediku matul it-titjira għax is-sitwazzjoni attwali mhix sodisfaċenti: fil-fatt, jew teskludi l-passiġġieri li jkollhom bżonn vitali ta’ ossiġnu mill-aċċess għat-trasport bl-ajru, jew tpoġġihom f' dubju dwar il-kundizzjonijiet tat-trasport u tal-ispiża tiegħu.

It-trasport u l-użu tal-ossiġnu mediku għandhom jiġu armonizzati fl-Unjoni Ewropea billi jitqiesu d-drittijiet tal-passiġġieri, ir-regoli tas-sigurtà fl-ajru u r-rekwiżiti tat-trasportaturi bl-ajru.

L-ossiġnu mediku huwa meqjus bħala tagħmir mediku u b'hekk, skont ir-Regolament[14], dan jinġarr bla ħlas, iżda xorta waħda huwa soġġett għal-leġiżlazzjoni dwar il-materjali perikolużi u minħabba f’hekk mhux permess abbord minn ċerti kumpaniji, li jippreferu jipprovdu l-ossiġnu tagħhom stess. Għaldaqstant dawn tal-aħħar japplikaw politika ta’ tariffi għal dak li jqisu provvista ta’ servizz, li jvarjaw minn provvista bla ħlas sa provvista bi prezz, li jkun xi drabi għoli.

Bosta drabi l-Kummissjoni kellha l-okkażjoni li tesprimi ruħha permezz ta tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari u petizzjonijiet dwar dan is-suġġett biex tammetti u tilmenta dwar is-sitwazzjonijiet kontradittorji li nħolqu[15].

Informazzjoni ġenerali mogħtija lill-PMM

Il-Kummissjoni bħalissa qed tagħmel sforz kbir biex tinforma lill-pubbliku dwar id-drittijiet tiegħu, permezz tal-websajt tagħha u permezz ta' interventi regolari fil-midja. B’mod aktar partikolari, fid-29 ta’ Ġunju li għadda l-Kummissjoni varat kampanja ta’ informazzjoni mifruxa (" Id-drittijiet tiegħek bħala passiġġier disponibbli għalik ") fuq livell Ewropew li se ddum sentejn[16].

L-għan ta' din il-kampanja, permezz, b'mod partikolari, tat-tqassim ta' fuljetti ta' informazzjoni, ta’ avviżi fil-postijiet frekwentati mill-vjaġġaturi, websajt iddedikat għad-drittijiet tal-passiġġieri[17], ta’ interventi fl-istampa u l-midja awdjoviżiva huwa dak li tgħarraf liċ-ċittadini bid-drittijiet tagħhom u tħeġġiġhom biex jagħmlu użu minnhom.

Dawn l-isforzi għandhom isiru mill-partijiet kollha interessati, b’mod partikolari l-awtoritajiet nazzjonali f'kull Stat Membru. Il-Kummissjoni se tħeġġeġ l-attivitajiet lokali ta’ informazzjoni li jintlaħqu l-aktar mill-pubbliku.

Ir-rinfurzar tal-effiċjenza tal-prenotifika

Bħalissa s-sistema tal-prenotifika mhix xierqa u ftit li xejn hija effiċjenti: se ssir riflessjoni dwar il-mezzi tekniċi u legali biex titjieb is-sitwazzjoni.

Aspett fundamentali għat-titjib tar-rata tan-notifika minn qabel, li bħalissa hi dik ta' 40 %, huwa li tiġi stabbilita sistema ta’ informazzjoni sistematika tal-passiġġieri dwar l-assistenza li jistgħu jirċievu u l-ħtieġa li javżaw minn qabel il-ħtiġijiet ta' assistenza tagħhom.

Din l-informazzjoni għandha tingħata mill-aktar fis possibbli u b’mod mill-aktar ċar, mat-tħejjija u l-prenotazzjoni tal-vjaġġ. Dan għandu jsir minn grupp ta’ atturi fis-settur li għandhom javżaw lill-passiġġieri dwar id-drittijiet u l-obbligi taghħom marbuta mar-Regolament. Nota li tfakkar dawn l-elementi tista titwaħħal b’mod sistematiku fuq il-biljetti vawċers tal-prenotazzjoni u/jew fuq il-fatturi.

Fid-dawl ta’ din it-tabella li tipprovdi taqsira tal-funzjonament tar-Regolament (KE) 1107/2006, tal-vantaġġi u l-punti dgħajfa tiegħu, dan ir-rapport qed jipproponi xi suġġerimenti aktar 'l isfel sabiex titjieb l-applikazzjoni tiegħu.

KONKLUżJONIJIET U SUġġERIMENTI GħALL-ġEJJIENI

L-implimentazzjoni tar-Regolament tidher, b'mod ġenerali, sodisfaċenti u hija karatterizzata minn implimentazzjoni li se titjieb, minkejja ċerti differenzi kbar skont l-operaturi u l-Istati Membri u minkejja l-fatt li t-test għadu mhux magħruf biżżejjed mill-pubbliku.

Jekk il-ħtieġa li tingħata assistenza lill-PMM illum hija rikonoxxuta madwar l-Unjoni Ewropea, għadna ma wasalniex għal applikazzjoni effiċjenti u armonizzata li tkun is-sinjal konkret tal-eżistenza awtentika ta' spazju verament komuni f’dan il-qasam.

Għalhekk baqa’ xi sforzi li għad iridu jsiru: l-assi tat-titjib proposti, li għandhom jiġu żviluppati bil-kollaborazzjoni attiva tal-partijiet interessati kollha (Organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari l-Konferenza Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili, awtoritajiet nazzjonali, korpi rappreżentattivi tal-PMM, ajruporti, trasportaturi bl-ajru, kumpaniji fornituri, eċċ.) għandhom l-ambizzjoni li jippermettu t-twettiq ta’ dan l-għan.

Analiżi preliminari, li hi fil-parti l-kbira tagħha pożittiva, tal-implimentazzjoni tar-Regolament f’dan l-istadju tippermetti t-twarrib tal-ħtieġa ta’ reviżjoni leġiżlattiva. Fil-fatt, il-qafas legali implimentat huwa reċenti u jidher flessibbli biżżejjed biex jilqa' t-titjib meħtieġ, mingħajr il-bżonn f'dan l-istadju li jsir proċess leġiżlattiv.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni fir-rwolijiet tagħha ta’ koordinazzjoni u sorveljanza li twettaq, tixtieq tipproponi bosta assi ta’ titjib fi ħdan il-qafas eżistenti.

L-ewwel assi : Interpretazzjoni uniformi tar-Regolament

- Il-Kummissjoni għandha tipproponi li tiġi formalizzata l-eżistenza ta’ netwerk ta’ NEB forma ta’ grupp ta’ esperti ta’ dawn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar.

- Il-Kummissjoni għandha tiddiskuti fi ħdan dan il-grupp linji gwida dwar l-interpretazzjoni tar-regolament, linji gwida li għandha tadotta f'forma ta’ dokument tas-servizzi sabiex tinkiseb interpretazzjoni kemm jista' jkun uniformi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament.

- Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jsir sforz partikolari għall-implimentazzjoni ta' interpretazzjoni komuni tar-rekwiżiti ta' sigurtà li jiġġustifikaw rifjut ta' prenotazzjonijiet jew ta' imbark. Il-Kummissjoni għandha taġixxi b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA).

- Il-Kummissjoni għandha tiżgura li tinħoloq u tinfirex mal-pubbliku lista unita u komuni għall-Istati Membri kollha li sservi bħala bażi għar-rifjut tat-trasport tal-PMM jew għall-obbligu li jkunu akkumpanjati waqt titjira.

It-tieni assi : Titjib tat-tħaddim prattiku tar-Regolament

- Il-Kummissjoni , flimkien mal-partijiet interessati, b'mod partikolari, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi (pereżempju ċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi) għandha tiżgura li titħaddem politika vera ta' informazzjoni għall-pubbliku kkonċernat mir-Regolament, b’mod partikolari għal dawk li ma jqisux lilhom infushom f’sitwazzjoni ta’ diżabbiltà iżda li madankollu jaqgħu taħt id-definizzjoni tal-PMM.

- Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ l-introduzzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ, b’kollaborazzjoni mal-korpi rappreżentattivi tal-PMM, għall-promozzjoni ta’ servizz aħjar u li jwassal għal applikazzjoni aktar effiċjenti tar-regoli Ewropej f’dan ir-rigward.

- Il-Kummissjoni għandha tipproponi, lill-grupp ta’ esperti mill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar, l-adozzjoni ta’ miżuri sabiex iħeġġu t-talbiet għan-notifika ta’ assistenza fl-istadju ta’ prenotazzjoni permezz ta' għoti ta' evidenza ddokumentata.

It-tielet assi : It-tisħiħ tas-sorveljanza u l-effiċjenza mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sistemi ta’ miżuri restrittivi.

- Il-Kummissjoni għandha tiddiskuti mal-grupp ta’ regolaturi l-possibbiltà li tistabbilixxi dejtabejż komuni għall-monitoraġġ tal-ipproċessar tal-ilmenti u d-deċiżjonijiet amministrattivi u leġiżlattivi marbuta mal-applikazzjoni tar-Regolament.

- Il-Kummissjoni tixtieq tara wkoll l-introduzzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni armonizzat fuq livell Ewropew li jispeċifika l-azzjonijiet li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jimpenjaw ruħhom li jwettqu (verifiki regolari tal-operaturi, spezzjonijiet fuq il-post, eċċ.).

- Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ lill-kumpaniji tal-ajru biex jaħtru persuna responsabbli preżenti fil-post għar-riżoluzzjoni ta’ kunflitti u li tkun awtorizzata li tieħu deċiżjonijiet immedjati biex issolvi l-kunflitti mal-passiġġier.

- Il-Kummissjoni għandha tiddiskuti mal-NEB il-possibbiltà li tippubblika l-lista tas-sanzjonijiet imposti u tal-operaturi kkonċernati, sabiex issaħħaħ in-natura ta’ dissważjoni tas-sistema tas-sanzjonijiet.

Ir-raba’ assi : It-trattament tal-kwistjoni tal-ossiġnu mediku

Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ in-negozjati għall-impenn volontarju tal-partijiet kollha fir-rigward tal-kwistjoni tal-użu tal-ossiġnu mediku matul it-titjira. Fin-nuqqas ta’ dan, il-Kummissjoni għandha tirrifletti dwar l-adozzjoni ta’ linja gwida ġenerali, kemm permezz ta’ att mhux obbligatorju, kif ukoll, jekk dan jidher xieraq, permezz tad-definizzjoni tar-regoli vinkolanti.

Is-soluzzjonijiet li għandhom jinkisbu għandhom jimmiraw b’mod partikolari lejn 3 elementi prinċipali:

- Iċ-ċertifikazzjoni għat-trasport bl-ajru ta’ ċertu tagħmir li jiġi permess abbord, bil-kundizzjoni li jiġu rispettati kriterji ta’ ġestjoni speċifikati.

- L-iffissar ta' tariffa massima waħda għall-provvista ta’ ossiġnu matul it-titjira applikabbli fl-Unjoni Ewropea kollha.

- Il-provvediment ta’ informazzjoni ċara u preċiża li tkun għad-dispożizzjoni tal-passiġġieri u li titratta l-kundizzjonijiet tal-provvista tal-ossiġnu mediku matul it-titjira.

[1] ĠU L204, 26.7.2006, p.1

[2] http://ec.europa.eu/dgs/transport/index_en.htm

[3] Flimkien mal-pajjiżi ‘l barra mill-UE li japplikaw ir-regolamenti Ewropej

[4] Bħas-Sottokumitat għall-Iffaċilitar tal-PMM tal-Konferenza Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili

[5] 'CAA review on the implementation of European legislation on the rights of disabled and reduced mobility passengers in the UK, March 2010'; Studju tas-Sottokumitat għall-Iffaċilitar tal-ECAC dwar il-PMM; Tweġibiet għall-Konsultazzjoni Pubblika dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru mmexxija mill-Kummissjoni Ewropea fl-ewwel sitt xhur tal-2010

[6] L-Anness I tar-Regolament (KE) 1107/2006

[7] L-Artikolu 4.1 tar-Regolament

[8] Essenzjalment, l-installazzjoni u l-użu taċ-ċinturin tas-sigurtà, tal-maskra tal-ossiġnu u l-ġakketta tas-salvataġġ, l-evakwazzjoni ta’ malajr mill-ajruplan permezz tal-mogħdijiet indikati mill-ekwipaġġ tal-kabina

[9] Fl-UE l-istandards limitati jinsabu fl-UE OPS (Standards Operattivi) (ir-Regolament (KEE) 3922/1991 tal-31.12.1991). Dan ir-Regolament jiddeskrivi r-regoli tekniċi u l-proċeduri amministrattivi komuni applikabbli għat-trasport kummeċjali bl-ajruplani, fosthom ir-regoli ta’ sigurtà għat-trasport tal-PMM (ara, pereżempju, OPS 1.260, paġna 34 jew l-Appendiċi 1 tal-OPS 1.1045, il-punt 8.2.2.). Dan jista’ jittratta wkoll regoli nazzjonali: pereżempju għar-Renju Unit, il-Code of Practice p 38; għall-Ġermanja, LBA, Circulars p 36; għall-Belġju, Circulaire Nru CIR/OPS-04 ta’ Diċembru tal-2006 ippubblikata mid-DGTA, Centre communication Nord

[10] B’passiġġier mhux b’diżabbiltà wieħed għandu jifhem, b’konformità mal-OACI ( Dokument 7192 Manwal tat-Taħriġ Parti E-1) persuni magħżula mill-membri tal-ekwipaġġ sabiex jassistu fil-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet urġenti, pereżempju,għall-ftuħ tal-bibien jew għall-assistenza ta’ passiġġieri l-oħra fl-evakwazzjoni tal-ajruplan

[11] CF. JAA Temporary Guidance Leaflet TGL Nru 44

[12] L-Artikolu 2(a) tar-Regolament

[13] L-Artikolu 7 tar-Regolament

[14] L-Anness II, it-2 paragrafu

[15] Ara pereżempju : it-tweġiba tal-25.03.2010 għall-petizzjoni Nru 1438/2009 ippreżentata minn David Buckle u t-tweġiba tal-Kummissjoni tal-25/03/2010. Tweġibiet għall-mistoqsijiet E-3760/09, E-5076/09, E-5586/09 & E-2962/10

[16] Ara. http://ec.europa.eu/transport/index_en.htm

[17] Ara. http://ec.europa.eu/transport/passenger-rights