/* KUMM(2011) 152 finali */ KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI LEJN strateġija TAl-ispazju tal-unjoni ewropea għas-servizz taċ-ċittadini
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 4.4.2011 KUMM(2011) 152 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI LEJN STRATEġIJA TAL-ISPAZJU TAL-UNJONI EWROPEA GħAS-SERVIZZ TAċ-ċITTADINI SEG(2011) 381 finaliSEG(2011) 380 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI LEJN STRATEġIJA TAL-ISPAZJU TAL-UNJONI EWROPEA GħAS-SERVIZZ TAċ-ċITTADINI 1. IL-POLITIKA TAL-ISPAZJU: REAZZJONI GħALL-ISFIDI SOċJALI, EKONOMIċI U STRATEġIċI LI QED NIFFAċċJAW L-attivitajiet u l-applikazzjonijiet tal-ispazju huma essenzjali għat-tkabbir u l-iżvilupp tas-soċjetà tagħna. Ta' spiss ikollhom impatt dirett fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini. F'dan il-kuntest, il-politika tal-ispazju hija strument għas-servizz tal-politiki interni u esterni tal-Unjoni. Tindirizza tliet tipi ta' bżonn: - soċjali: il-benessri taċ-ċittadini tagħna jiddependi mill-ispazju f'oqsma bħall-ambjent, il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, is-sigurtà pubblika u ċivili, l-għajnuna umanitarja u tal-iżvilupp, it-trasport u s-soċjetà tal-informazzjoni; - ekonomiku: l-ispazju jiġġenera l-għarfien, prodotti ġodda u forom ġodda ta' kooperazzjoni industrijali. Huwa għalhekk mutur tal-innovazzjoni, jikkontribwixxi għall-kompetittività, għat-tkabbir u għall-ħolqien tal-impjiegi; - strateġiku: l-ispazju jirrinforza r-rwol tal-Unjoni bħala protagonista fix-xena internazzjonali u jgħin biex isaħħaħ l-indipendenza ekonomika u politika tagħha. Għaldaqstant, is-settur spazjali jagħmel kontribut dirett lill-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020[1], jiġifieri tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. Il-politika tal-ispazju hija għalhekk parti integrali mill-inizjattiva ewlenija "Politika Industrijali" u l-istrateġija titlob li l-Kummissjoni " tiżviluppa politika effettiva tal-ispazju li tipprovdi l-istrumenti li jindirizzaw għadd mill-isfidi globali ewlenin u partikolarment it-tlestija ta' Galileo u GMES". Għalhekk f'Ottubru 2010, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni dwar il-politika industrijali[2] li titlob li l-Kummissjoni tipproponi " miżuri fl-2011 biex timplimenta l-prijoritajiet tal-politika dwar l-Ispazju abbażi tal-Artikolu 189 tat-TFUE u tfittex li tikseb politika dwar l-Industrija tal-Ispazju b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija Ewropea tal-Ispazju u l-Istati Membri ". Fil-konklużjonijiet ta' Diċembru 2010, il-Kunsill dwar il-kompetittività kkonferma dan l-approċċ u enfasizza " partikolarment ir-rwol tas-settur tal-ispazju fil-kompetittività u l-innovazzjoni tal-UE ". Innota li " il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tipproponi l-miżuri meħtieġa fil-qasam tal-politika spazjali u li ssegwi politika industrija fil-qasam spazjali ". L-Ewropa għandha wirt prezzjuż fil-qasam spazjali: is-suċċessi u l-għarfien espert akkumulati mill-Istati Membri u l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA)[3]. Il-progress gradwali tal-kompetenza spazjali tal-Unjoni Ewropea jserraħ fuq dan il-wirt. Il-kooperazzjoni mal-ESA wasslet biex fl-2004 ġie adottat ftehim ta' qafas li jipprevedi fost oħrajn il-ħolqien ta' "Kunsill tal-Ispazju", li jlaqqa' l-Kunsill tal-Unjoni Ewropew (Kompetittività) u l-Kunsill Ministerjali tal-ESA. Il-programmi tar-radjunavigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo) u GMES (mill-Ingliż, Global Monitoring for Environment and Security) ikkonkretizzaw l-interess tal-Unjoni fl-ispazju. Minn dak iż-żmien, seba' Kunsilli tal-Ispazju pprovdew il-linji gwida għall-isforzi spazjali Ewropej. F'Mejju 2007, waqt ir-raba' laqgħa tiegħu, dan il-Kunsill feraħ partikolarment bl-isforzi konġunti tal-Kummissjoni Ewropea u l-ESA fl-implimentazzjoni ta' inizjattivi mmirati lejn l-utenti jew lejn it-tisħiħ tal-iżvilupp u t-tħaddim tal-applikazzjonijiet integrati spazjali[4]. Min-naħa tiegħu, il-Parlament Ewropew dejjem ħadem għal politika spazjali Ewropea ambizzjuża[5]. Għalhekk deher li, għall-atturi kollha involuti, l-ispazju huwa meqjus fil-livell politiku l-aktar għoli bħala fattur importanti li jippermetti li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet taċ-ċittadini, l-istess bħalma hu għall-potenzi spazjali kbar l-oħra. Huwa f'dan il-kuntest li l-Artikolu 189 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi lill-Unjoni b'kompetenza konġunta fil-qasam tal-ispazju li teżerċita b'mod parallel ma' dik tal-Istati Membri. Minn issa 'l quddiem, l-Unjoni għandha mandat espliċitu biex tfassal politika spazjali Ewropea u, għal dan il-għan, tista' tippromwovi inizjattivi komuni, tappoġġa r-riċerka u l-iżvilupp tekniku u tikkoordina l-isforzi meħtieġa għall-esplorazzjoni u l-użu tal-ispazju. Biex tagħmel dan, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill waqqfu l-miżuri meħtieġa li għandhom l-għamla ta' programm spazjali Ewropew. F'dan il-qafas ġdid, il-politika spazjali Ewropea għandha l-għanijiet li ġejjin: il-promozzjoni tal-progress teknoloġiku u xjentifiku, il-favorizzazzjoni tal-innovazzjoni u l-kompetittività industrijali, l-għoti ta' benefiċċji liċ-ċittadini Ewropej mill-applikazzjonijiet tal-ispazju u l-għoti ta' iktar importanza lill-Ewropa fix-xena internazzjonali fil-qasam spazjali. Għal dan, l-Ewropa għandha żżomm aċċess indipendenti għall-ispazju. It-taqsima li ġejja tiddeskrivi l-azzjonijiet ta' prijorità li għandhom iwasslu għal dawn l-għanijiet. 2. L-AZZJONIJIET TA' PRIJORITÀ GħAL POLITIKA TAL-ISPAZJU TAL-UNJONI L-ewwel prijoritajiet definiti mir-Raba' Kunsill tal-Ispazju għal din il-politika huma l-proġetti ewlenin Galileo u GMES. Il-Ħames Kunsill tal-Ispazju kkonferma dawn il-proġetti u identifika xi prijoritajiet oħra: il-bidla fil-klima, is-sigurtà, il-kompetittività u l-esplorazzjoni tal-ispazju, li baqgħu jibqgħu jiġu kkonfermati bħala prijoritajiet. Jeħtieġ li jkomplu jibqgħu jinbidlu f'azzjonijiet. 2.1. Ir-radjunavigazzjoni bis-satellita : il-programmi Galileo u EGNOS Galileo huwa programm ewlieni tal-Unjoni u l-ewwel sistema globali tan-navigazzjoni bis-satellita mfassla bi skopijiet ċivili. Biha l-indipendenza tal-Unjoni f'dan il-qasam strateġiku se tkun tista' tiġi garantita, fi żmien meta d-dipendenza fuq sistemi globali tan-navigazzjoni bis-satellita qiegħda kull ma jmur tikber iżjed. EGNOS huwa l-ewwel pass mill-Unjoni Ewropea fil-qasam tan-navigazzjoni bis-satellita u għandu l-għan li jtejjeb il-kwalità tas-sinjali trażmessi fit-territorju Ewropew mis-sistemi globali tar-radjunavigazzjoni bis-satellita. Is-sistemi li ħarġu mill-programmi Galileo u EGNOS huma l-ewwel infrastruttura spazjali importanti unikament tal-Unjoni Ewropea u mmexxija minnha. Iż-żewġ programmi huma parti integrali mill-istrateġija Ewropa 2020, billi huma maħsuba biex l-Unjoni tasal fuq quddiem fil-livell globali billi jiżviluppaw servizzi innovattivi tal-użu tar-radjunavigazzjoni bis-satellita, jistimulaw l-attività ekonomika fis-suq ta' proċessi iktar avvanzati, joħolqu opportunitajiet kummerċjali ġodda, jiffaċilitaw l-għajnuna umanitarja u jtejbu l-benessri taċ-ċittadini Ewropej (billi jżidu s-sigurtà tat-trasport, il-protezzjoni ċivili u jiżviluppaw is-servizzi soċjali għall-anzjani u l-persuni b'diżabilità, biex insemmu ftit eżempji). Tabilħaqq il-benefiċċji għall-Unjoni ta' dawn il-programmi jikkonċernaw is-setturi kollha tal-ekonomija bħat-trasport, it-telekomunikazzjoni, l-ambjent, is-sigurtà, eċċ. F'Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat ir-Reviżjoni Interim tal-programmi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita li fiha huwa speċifikat li s-swieq tal-applikazzjonijiet ibbażati fuq il-ġeolokalizzazzjoni qed jikbru ħafna u li l-fatturat dinji annwali tagħhom għandu jilħaq madwar EUR 240 biljun fl-2020. Barra minn hekk, grazzi għall-vantaġġi tagħhom meta mqabbla mas-sistemi kompetituri l-oħra, Galileo u EGNOS għandhom jiġġeneraw benefiċċji ekonomiċi u soċjali minn EUR 60 biljun sa EUR 90 biljun matul l-20 sena li ġejjin. Fl-2011, il-Kummissjoni se tħejji proposta leġiżlattiva bil-għan li tadatta l-qafas istituzzjonali li jkopri l-programmi Galileo u EGNOS, filwaqt li jitqiesu l-linji gwida mogħtija mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Huwa importanti li l-kostellazzjoni tas-satelliti meħtieġa biex dawn il-programmi jsiru tkun fil-post fi żmien raġonevoli u li d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni progressiva tas-servizzi Galileo jkunu fis-seħħ. 2.2. L-ispazju għas-servizz tal-ambjent u l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima: il-programm GMES 2.2.1. L-implimentazzjoni ta' GMES L-għan tal-programm GMES huwa li jiggarantixxi kontinwità ta' aċċess għas-servizzi tal-informazzjoni dwar l-ambjent u s-sigurtà abbażi tal-infrastrutturi ta' osservazzjoni spazjali permanenti in situ . Il-programm GMES għandu rwol essenzjali għall-monitoraġġ tal-ambjent marittimu, terrestri u atmosferiku, u għandu l-għan li jkun hemm aktar għarfien fuq l-ambjent, kemm fuq livell Ewropew kif ukoll fuq dak dinji, biex jiġu determinati l-politiki pubbliċi li għandhom jiġu implimentati. Dan jippermetti użu sostenibbli tar-riżorsi u jipprovdi informazzjoni aħjar dwar il-bidla fil-klima. B’hekk ikun jista' jintuża għall-appoġġ tal-politika ta' adattament għall-bidla fil-klima u tal-politika tas-sigurtà u jista' jgħin fil-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kriżijiet, partikolarment fejn tidħol l-għajnuna umanitarja, l-għajnuna fl-iżvilupp u l-protezzjoni ċivili. Minbarra titjib tal-offerta tas-servizzi għal dawk li jfasslu l-politika pubblika u għaċ-ċittadini, il-GMES jista’ potenzjalment joffri opportunitajiet ġodda ta’ użu ta’ dawn is-sorsi ta’ informazzjoni mis-settur privat. Fl-2010 ġie adottat regolament għall-operazzjonijiet inizjali tal-programm GMES 2011-2013 mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill[6]. Issa l-programm GMES għandu bażi legali li tmur lil hinn mill-qasam tar-riċerka. Fil-preżent, il-prijorità hi li jiġi implimentat malajr u b'mod effikaċi, fi sħubija mal-Istati Membri, u li jitħejja programm għall-GMES li jkun kompletament operazzjonali mill-bidu tal-2014. 2.2.2. Il-bidla fil-klima bħala sfida li qed taffaċċja s-soċjetà Il-programm GMES huwa strument b'saħħtu tal-Unjoni fil-ġlieda kontra l-isfidi li tippreżenta l-bidla fil-klima. L-osservazzjoni spazjali - flimkien mal-osservazzjonijiet minn sorsi oħra – tipprovdi informazzjoni li permezz tagħha tkun tista' tiġi mifhuma aħjar l-evoluzzjoni tal-klima u jkunu jistgħu jitħejjew politiki ta' adattament. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jistgħu jibbenefikaw mid-disponibbiltà permanenti u sistematika tal-informazzjoni komplementari utli għall-adattament ta' għadd kbir ta' politiki pubbliċi, partikolarment għat-titjib tal-effikaċità tal-miżuri meħuda b'reazzjoni għall-bidla fil-klima kif ukoll dawk meħuda għall-prevenzjoni tagħha. Il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea tissaħħaħ ukoll li kieku din kellha għad-dispożizzjoni tagħha sorsi ta' informazzjoni affidabbli u indipendenti biex taċċerta li l-impenji internazzjonali tagħha fil-qasam tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima qegħdin jitħarsu. Din il-kapaċità ta' sorveljanza fil-livell tal-Unjoni hija wkoll valur miżjud billi tista' tikkomplimenta jew tissostitwixxi l-kapaċitajiet li s'issa kienu biss fil-livell nazzjonali jew reġonali. Għal dan il-għan, jeħtieġ li jitlestew l-infrastrutturi tal-osservazzjoni spazjali eżistenti u li tiġi ggarantita l-kontinwità ta' dawk fosthom li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni u s-segwitu tal-politiki tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u tal-adattament għaliha, b'tali mod li s-servizz "kontra l-bidla fil-klima" tal-programm GMES jissaħħaħ. Huwa f'idejn l-Unjoni Ewropea, fir-rwol tagħha bħala meniġer u utent tal-programm GMES, li tiddefinixxi u tiffavorixxi l-iżvilupp ta' dan is-servizz Ewropew u għalhekk tal-infrastrutturi meħtieġa. 2.3. Sigurtà fl-ispazju għall-għanijiet tas-sigurtà u d-difiża Fil-qasam tas-sigurtà, l-infrastrutturi tal-ispazju jaġixxu kemm bħala strumenti kif ukoll bħala assi. Bħala strumenti, dawn jistgħu jintużaw għas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni Ewropea. Bħala assi, dawn għandhom jiġu protetti. 2.3.1. Il-komponent "S" (sigurtà) tal-programm GMES Is-seba' Kunsill tal-Ispazju f'Novembru 2010 irrakkomanda li " fil-qafas tal-programm GMES, wieħed għandu jagħti iktar kas tal-bżonnijiet speċifiċi tal-politiki tas-sigurtà u tas-servizzi marbuta partikolarment mas-sorveljanza marittima, mal-kontroll tal-fruntieri u mal-appoġġ għall-azzjonijiet esterni tal-UE ". Il-komponent "S", "sigurtà", tal-programm GMES għandu għalhekk jissaħħaħ. Bħalissa għaddej proċess ta' ħsieb biex jiġi analizzat kif l-iżviluppi l-ġodda marbuta mat-teknoloġiji spazjali jistgħu jikkontribwixxu għal soluzzjonijiet effikaċi għas-sorveljanza tal-fruntieri, l-appoġġ tal-azzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea, is-sorveljanza marittima, l-emerġenzi kumplessi, l-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili, eċċ.). Għalkemm il-GMES huwa programm għall-użu ċivili biss, huwa importanti li jiġi identifikat kif il-kapaċitajiet eżistenti tar-riżorsi ta' osservazzjoni b'użu doppju (ċivili u militari) jistgħu jikkontribwixxu għall-programm GMES, partikolarment għas-sorveljanza sistematika ta' żoni ġeografiċi kbar jew is-sorveljanza tattika ta' żoni limitati. Biex jiġu moqdija aħjar l-eżiġenzi tal-missjonijiet ta' sigurtà, jeħtieġ l-integrazzjoni tat-teknoloġiji spazjali differenti b'riżoluzzjonijiet xierqa u t-titjib tal-ħin tar-rispons. 2.3.2. L-aspett tas-sigurtà tal-politika spazjali Is-seba' Kunsill tal-Ispazju saħaq " li r-rwol tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża ssaħħaħ wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u l-ħolqien tas-servizz Ewropew għall-azzjonijiet esterni ". Huwa stieden lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill tal-UE megħjun mill-Aġenzija Ewropea tad-Difiża, flimkien mal-Istati Membri u l-ESA " biex jeżaminaw il-mod kif jistgħu jiġu moqdija l-bżonnijiet attwali u futuri fil-qasam tal-ġestjoni tal-kriżijiet, filwaqt li jiġi żgurat l-aċċess, bi spiża raġonevoli, għal sistemi u servizzi spazjali affidabbli, sikuri u reattivi […] li jieħdu vantaġġ sħiħ, jekk ikun meħtieġ, mis-sinerġiji bejn l-użu ċivili u dak militari". Huwa stieden " lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill tal-UE biex jipproponu s-soluzzjonijiet meta jkun hemm bżonnhom ". L-Istati Membri għandhom kapaċitajiet prezzjużi. Huma rrikonoxxew ukoll l-aspett Ewropew tal-ispazju għas-sigurtà u d-difiża billi waqqfu s-sistema multinazzjonali tal-immaġni spazjali għall-osservazzjoni militari (MUSIS, Multinational Space-Based Imagining System for Surveillance, Reconnaissance and Observation). Fl-ispirtu tal-politika tas-sigurtà u d-difiża komuni, il-bżonnijiet tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tas-sigurtà jistgħu jiġu koperti kemm mill-kapaċitajiet nazzjonali użati b'mod ikkoordinat, kif ukoll mill-implimentazzjoni ta' kapaċitajiet komuni. Biex jiġu żgurati l-missjonijiet tas-sigurtà mingħajr dipendenza fuq infrastrutturi u servizzi ta' pajjiżi terzi, u tiġi żgurata wkoll il-kontinwità tal-missjonijiet żviluppati mill-Istati Membri, l-Unjoni għandha tiftaħ id-diskussjonijiet magħhom sabiex teżamina l-alternattivi possibbli. Fil-qafas tal-politika tas-sigurtà u d-difiża komuni, l-Unjoni tista', pereżempju, tikkoordina l-infrastrutturi nazzjonali fil-kundizzjonijiet li tiddeċiedi mal-Istati Membri proprjetarji u tidentifika l-bżonnijiet addizzjonali sabiex il-bżonnijiet operazzjonali jinqdew aħjar fil-ġestjoni tal-kriżijiet u l-interventi esterni. Biex dawn jiġu sodisfatti, jista' jkollha wkoll rwol fl-iżvilupp tal-infrastrutturi ġodda. L-opportunità li l-infrastrutturi kummerċjali jintużaw għal missjonijiet ta' sigurtà għandha wkoll tiġi inkluża f'dawn id-diskussjonijiet. Dan l-approċċ għandu jqis il-politiki relatati tal-Unjoni u l-Istati Membri, bħall-politika tas-sigurtà u l-politika tas-sorveljanza marittima. 2.3.3. Is-sigurtà tal-infrastrutturi spazjali L-infrastrutturi spazjali huma infrastrutturi kritiċi. Fuqhom jiddependu servizzi essenzjali għat-tħaddim tajjeb tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna u għas-sigurtà taċ-ċittadini tagħna. Għandhom jiġu protetti u l-protezzjoni tagħhom hija importanti għall-Unjoni Ewropea kollha u mhux biss għall-proprjetarji tas-satelliti. Dawn l-infrastrutturi huma esposti għal riskji ta' ħsara jew distuzzjoni mill-fenomeni naturali, bħar-radjazzjoni mix-xemx u l-asterojdi, jew minn inġenji spazjali oħra jew biċċiet tagħhom. Huma mhedda wkoll minn interferenzi elettromanjetiċi intenzjonati jew le. Xi Stati Membri għandhom kapaċitajiet biex jegħlbu parzjalment dawn ir-riskji. Madankollu dawn il-kapaċitajiet mhumiex biżżejjed minħabba l-limiti tekniċi tagħhom u n-nuqqas ta' mekkaniżmi ta' koordinazzjoni adegwati. Konsegwentement, biex tipproteġi l-infrastrutturi spazjali tagħha, l-Unjoni Ewropea tiddependi fil-biċċa l-kbira mill-kapaċitajiet u l-volontà tajba ta' pajjiżi terzi. Mill-2008, il-ħames Kunsill tal-Ispazju kkonferma li l-Ewropa "għandha tiżviluppa kapaċità fil-livell Ewropew biex tiżgura l-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-infrastrutturi spazjali u d-debris spazjali". Ikkonferma wkoll il-bżonn li l-Unjoni jkollha rwol attiv fl-implimentazzjoni ta' din is-sistema ta' sorveljanza SSA (Space Situational Awareness) u l-mekkaniżmi ta' tmexxija tagħha. L-implimentazzjoni ta' din is-sistema teħtieġ li jingħaqdu flimkien il-kapaċitajiet eżistenti, li jiġu akkwistati dawk li għadhom neqsin, kif ukoll il-manutenzjoni u t-tmexxija tagħha. Kif imfakkar mill-Komunikazzjoni tal-Politika Industrija, "l-Unjoni jeħtieġ tiddefinixxi l-organizzazzjoni u l-governanza ta' sistema bħal din filwaqt li tqis in-natura doppja tagħha u l-ħtieġa li jkun żgurat l-isfruttament sostenibbli tagħha". L-organizzazzjoni tas-sistema SSA tista' tkun ibbażata fuq struttura, li għadha ma ġietx definita, li tqis il-livell u l-grad ta' parteċipazzjoni ta' kull wieħed mill-Istati Membri u ta' entitajiet oħra involuti fil-kapaċità tas-sorveljanza SSA, skont il-missjonijiet li jridu jitwettqu u l-limiti li għandhom jiġu rispettati. 2.4. L-esplorazzjoni tal-ispazju Fl-2008, ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ispazju enfassizat "li, fil-qasam tal-esplorazzjoni spazjali, l-Ewropa għandha tiżviluppa viżjoni komuni u ppjanar strateġiku fit-tul għall-esplorazzjoni, waqt li jiġu żgurati pożizzjonijiet ewlenin għall-Ewropa, għalhekk ibbażati fuq l-oqsma ta' eċċellenza tagħha". Bl-intervent tal-Unjoni Ewropea tkun tista' titwaqqaf rabta iktar mill-qrib bejn l-esplorazzjoni spazjali u l-isfidi tas-soċjetà u l-isfidi ekonomiċi billi jingħaqdu flimkien l-interessi tal-Istati Membri differenti, sabiex ir-riżorsi interni jkunu jistgħu jintużaw b'mod iktar effikaċi. L-esplorazzjoni spazjali għandha aspett politiku, li jmur lil hinn mill-inġenji nfushom u r-riċerka u l-iżvilupp. Tabilħaqq, l-Ewropa hija msieħba magħrufa għall-kompetenza u l-affidabbiltà tiegħu f'dan is-settur, iżda ma tapprofittax biżżejjed mill-potenzjal tagħha minħabba li l-interventi tagħha huma mifruxa ħafna u minħabba li ma hemmx biżżejjed irbit bejn l-attivitajiet ta' esplorazzjoni u l-isfidi politiċi, ekonomiċi u soċjali. Permezz ta' konsultazzjoni bejn l-Unjoni, l-ESA, l-Istati Membri rispettivi tagħhom u tal-imsieħba internazzjonali tagħhom, setgħu jiġu identifikati erba' temi prijoritarji: it-teknoloġiji kritiċi, l-istazzjon spazjali internazzjonali (ISS, International Space Station), l-aċċess għall-ispazju u l-ħolqien ta' forum internazzjonali f'livell għoli. Konkretament, dan ifisser li l-Unjoni għandha tidentifika u tappoġġa l-iżvilupp tat-teknoloġiji essenzjali għall-esplorazzjoni, partikolarment fl-oqsma tal-enerġija, tas-saħħa u tar-riċiklaġġ (appoġġ tal-ħajja f'ambjenti iżolati). Dawn l-aspetti mhux neċessarjament jiġu żviluppati fis-settur spazjali nnifsu u jaqbel li ssir promozzjoni tal-fertilizzazzjoni reċiproka mas-setturi mhux spazjali, biex jiġu offruti benefiċċji diretti liċ-ċittadini. L-Unjoni tista’ wkoll teżamina possibbiltajiet ta’ kollaborazzjoni mal-ISS, sabiex tiggarantixxi parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha. L-aċċess indipendenti tal-UE għall-ispazju jimplika li din ikollha kapaċità ikbar biex twettaq missjonijiet indipendenti mill-port spazjali Ewropew ta' Kourou. Fl-aħħar nett, huwa importanti li tinħoloq pjattaforma internazzjonali ta' livell għoli sabiex jiġu identifikati l-oqsma tal-esplorazzjoni spazjali miftuħa għall-kooperazzjoni internazzjonali, li tissaħħaħ id-dimensjoni politika tad-diskussjonijiet internazzjonali dwar l-esplorazzjoni spazjali u li jiġu favoriti s-sinerġiji ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi. F'din il-pjattaforma, l-UE jista' jkollha rwol ta' koordinazzjoni tal-isforzi Ewropej. 3. IL-KOMPETITTIVITÀ: L-ISPAZJU, PARTI INTEGRALI MILL-ISTRATEġIJA EWROPA 2020 3.1. Il-politika industrijali spazjali għall-benefiċċju tal-kompetittività L-Artikolu 189 tat-TFUE jistipula li l-UE għandha telabora politika spazjali sabiex tippromwovi, fost oħrajn, il-kompetittività industrijali. L-industrija spazjali – il-manifattura, il-lanċjar u t-tħaddim, l-applikazzjonijiet u s-servizzi – hija mutur tat-tkabbir u l-innovazzjoni: din tiġġenera impjiegi kkwalifikati ħafna u opportunitajiet tas-suq għal prodotti u servizzi innovattivi lil hinn sew mis-settur spazjali. L-industrija spazjali hija settur strateġiku minħabba dipendenza dejjem ikbar tas-soċjetà fuq l-infrastrutturi u l-applikazzjonijiet spazjali, kif ukoll għall-użijiet ċivili u militari. Hija kkaratterizzata minn konċentrazzjoni qawwija kif ukoll minn numru limitat ta' SMEs. Bħal f'potenzi spazjali oħra, fl-Ewropa s-settur tal-ispazju jiddependi ħafna fuq l-akkwisti pubbliċi. Qed jaffaċċja kompetizzjoni ikbar fis-suq globali. Il-komunikazzjoni bis-satellita (Satcom) hija parti sinifikattiva f’dan is-suq: l-ordnijiet għal dan is-settur jiżguraw attività kontinwa għas-settur tal-lanċaturi, u dan jikkontribwixxi għall-għan ta’ aċċess indipendenti għall-ispazju għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, li jiddependu fuq kapaċitajiet ta’ lanċjar li jistgħu jinlaħqu minn kulħadd għall-programmi tagħhom. Il-Kummissjoni tqis li huwa indispensabbli, li malajr u f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-ESA u l-Istati Membri, tiġi definita politika industrijali tal-ispazju ddifferenzjata skont il-bżonnijiet speċifiċi ta' kull subsettur. L-għanijiet ewlenin tagħha jkunu: l-iżvilupp stabbli u ekwilibrat ta' bażi industrijali li tinkludi l-SMEs, kompetittività globali ikbar, nuqqas ta' dipendenza għas-subsetturi strateġiċi, bħal-lanċaturi, li jeħtieġu attenzjoni partikolari, u l-iżvilupp ta' suq għall-prodotti u s-servizzi tal-ispazju. Għal dan il-għan, l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-ESA għandhom jużaw l-istrumenti għad-dispożizzjoni tagħhom b'mod ikkoordinat. Fil-qafas tal-programmi tal-ispazju tal-Unjoni, jkun tajjeb li jintuża aħjar il-qafas regolamentarju Ewropew fir-rigward speċjalment tal-iskambji kummerċjali kif ukoll l-istrumenti finanzjarji għall-appoġġ tar-riċerka u l-innovazzjoni u jiġi definit l-aħjar tip ta' proċedura tal-akkwisti u l-kriterji applikabbli għall-għoti meta l-Unjoni Ewropea tikkontribwixxi għall-finanzjament. Tista' tiġi eżaminata wkoll il-possibbiltà li jiġu adottati dispożizzjonijiet speċifiċi fil-qafas tal-atti leġiżlattivi partikolari. 3.2. Stimolu tar-riċerka u l-innovazzjoni; L-Ewropa għandha bżonn ta' bażi teknoloġika soda jekk trid taġixxi b'mod indipendenti u trid li jkollha industrija tal-ispazju kompetittiva. L-Ewropa għandha wkoll tiżviluppa l-kapaċitajiet meħtieġa biex tissodisfa l-bżonnijiet fit-tul, u żżomm riċerka spazjali bażika. F'dan is-sens, huwa essenzjali l-iżvilupp tat-teknoloġiji ġeneriċi ewlenin, bħall-materjali avvanzati u n-nanoteknoloġija. L-investiment għandu jimmira li jżid il-livell ta' eċċellenza tar-riċerka Ewropea. Sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet attwali, jeħtieġ li tiġi appoġġata r-riċerka fl-oqsma tat-teknoloġiji kritiċi (importanti biex is-settur ma jibqax b'dipendenza strateġika) u li tiġi appoġġata r-riċerka fit-teknoloġiji innovattivi (dawk li jirrappreżentaw tabilħaqq avvanzi teknoloġiċi), u dan jinkludi r-riċerka għall-benefiċċju tal-esplorazzjoni tal-ispazju. L-isforzi ta’ riċerka tal-Unjoni għal dawn l-isfidi se jkunu parti mill-proposta għall-Qafas Strateġiku Komuni għall-finanzjament tar-riċerka u tal-innovazzjoni. Parti kbira mill-benefiċċji mistennija mill-investiment fl-ispazju, għas-settur u lil hin minnu, hija marbuta mal-effett tiegħu fuq l-innovazzjoni. Il-politika spazjali tista' tikkontribwixxi b'mod deċiżiv għat-twettiq ta' Unjoni tal-innovazzjoni. Is-Sitt Kunsill tal-Ispazju f'Mejju 2009 kien diġà enfasizza " l-bżonn li jiġu mmobilizzati l-mekkaniżmi eżistenti li jappoġġaw l-innovazzjoni fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali, u li jinħolqu strumenti ġodda ta' appoġġ ". Bil-mobilizzazzjoni ta' dawn il-mekkaniżmi, l-infrastrutturi li qed jiġu żviluppati jkunu jistgħu jittejbu bl-istimolu ta' suq għall-applikazzjonijiet u s-servizzi li jirriżultaw mill-programmi Galileo/EGNOS u GMES, kif ukoll għas-settur tat-telekomunikazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, għanijiet spazjali ambizzjużi jistimulaw l-innovazzjoni. 3.3. Is-satelliti tat-telekomunikazzjoni jgħinu l-innovazzjoni Is-satelliti tal-komunikazzjoni huma settur spazjali ewlieni. Dawn jiġġeneraw l-aktar qligħ fl-industrija tal-ispazju, fl-Ewropa u fid-dinja[7]. Dawn is-satelliti joffru aċċess wiesa' lil firxa wiesa' ta' servizzi ekonomiċi u soċjali, bħall-internet b'veloċità kbira, it-televiżjoni u r-radju, u anki t-titjib tat-trasport, bħall-iżvilupp tas-servizzi liċ-ċittadini fil-qasam tas-sigurtà pubblika, is-servizzi tal-emerġenza, is-saħħa u s-servizzi mid-dar. Għalhekk, is-satelliti ta' komunikazzjoni għandhom rwol importanti biex jintlaħaq l-għan tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa ta’ disponibbiltà tal-broadband bażiku lill-Ewropej kollha sal-2013 u jistgħu wkoll jikkontribwixxu għall-għan tal-aċċess għal veloċità ta' 30 Mb/s għall-Ewropej kollha sal-2020. Il-komunikazzjonijiet bis-satellita jistgħu jkunu partikolarment utli biex joffru konnessjonijiet b'veloċità kbira fir-reġjuni rurali jew dawk li huma l-inqas aċċessibbli fl-Ewropa. Dawn l-iżviluppi jsiru flimkien mal-implimentazzjoni tal-programmi GMES u Galileo. It-teknoloġiji avvanzati żviluppati għas-satelliti tal-komunikazzjoni jistgħu wkoll jiġu integrati fl-applikazzjonijiet tan-navigazzjoni u l-osservazzjoni tad-dinja. B’mod partikolari, l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (PSI, li bl-Ingliż ifisser public sector information) wera li huwa fattur ewlieni għat-tkattir tal-offerta ta’ servizzi ġodda liċ-ċittadini. Fil-qasam tas-sigurtà, pereżempju, is-sistema pan-Ewropea tas-sejħa ta' emerġenza awtomatika fil-vetturi (eCall) tiddependi mil-lokalizzazzjoni preċiża u għalhekk għandha tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-għadd ta' mwiet u għat-taffija tal-ħsarat imġarrba miċ-ċittadini fl-inċidenti tat-triq. Sabiex jibqa' jsir progress teknoloġiku fl-Ewropa fit-teknoloġiji tal-komunikazzjoni bis-satellita, jeħtieġ li r-riċerka tkompli f'dan il-qasam fil-livell Ewropew filwaqt li jitqiesu l-prodotti anċillari offerti fis-setturi l-oħra tal-applikazzjonijiet. Fl-aħħar nett, id-disponibbiltà tal-ispettru radjuelettriku adattat se jkun meħtieġ biex jiġu żgurati l-kapaċitajiet operazzjonali tal-infrastrutturi spazjali u biex jiġu appoġġati l-għanijiet tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa u tal-politika spazjali Ewropea. Huwa essenzjali li dan jitqies fil-qafas tal-programmi eżistenti u huma u jiġu definiti l-inizjattivi spazjali Ewropej ġodda. 4. ID-DIMENSJONI INTERNAZZJONALI TAL-POLITIKA SPAZJALI TAL-UNJONI Fejn jidħol l-ispazju, il-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali. Maż-żmien qed isir inqas possibbli li l-isforzi tal-ispazju jitwettqu minn nazzjonijiet individwali waħedhom u, f’bosta każijiet, jistgħu biss jitwettqu b’mod effikaċi billi jingħaqdu l-kapaċitajiet teknoloġiċi u finanzjarji. Il-kooperazzjoni internazzjonali għandha wkoll isservi bħala pjattaforma biex tippromwovi t-teknoloġija Ewropea u s-servizzi tal-ispazju u għalhekk issaħħaħ dan is-settur industrijali strateġiku. Il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-ispazju għandha wkoll tippermetti l-promozzjoni tal-valuri Ewropej permezz ta’ proġetti li huma bbażati fuq l-ispazju dwar il-protezzjoni tal-ambjent, il-bidla fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli u l-azzjonijiet umanitarji. Għalhekk, l-Unjoni Ewropea se tkompli u se ssaħħaħ, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-ESA, “id-djalogi tal-ispazju” tagħha mal-imsieħba strateġiċi li huma l-Istati Uniti u r-Russja bil-għan ta' kooperazzjoni miżjuda. Dawn id-djalogi għandhom l-għan li jidentifikaw l-oqsma li fihom hemm interess reċiproku għall-kooperazzjoni; dawn ikopru medda kbira ta’ attivitajiet, inkluża l-osservazzjoni tad-Dinja u x-xjenza tad-Dinja, is-sistemi dinjija ta’ radjunavigazzjoni bis-satellita (GNSS), ix-xjenza tal-univers u l-esplorazzjoni tal-ispazju. L-Unjoni Ewropea se tipproponi li tistabbilixxi djalogi tal-ispazju - li l-ambitu u l-għanijiet tagħhom se jiġu definiti fid-dispożizzjonijiet bilaterali adattati - ma' potenzi spazjali oħra eżistenti u emerġenti, partikolarment ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li magħha se tipprova wkoll issolvi b’mod kostruttiv il-kwistjonijiet ta' kooperazzjoni u l-qsim tal-frekwenzi pendenti fil-qasam tan-navigazzjoni bis-satelliti. L-Unjoni Ewropea għandha tiżgura li l-qasam tal-ispazju jiġi integrat aħjar fil-politika esterna tal-Unjoni. L-Unjoni Ewropea tixtieq partikolarment li tpoġġi l-għarfien espert u l-infrastrutturi tagħha għad-dispożizzjoni tal-Afrika u li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejniethom. Id-dejta tal-osservazzjoni tad-dinja jew dejta minn sistemi satellitari oħra huma essenzjali għal dan il-kontinent, partikolarment għas-sigurtà tat-trasport, il-kartografija, il-ġestjoni tal-ilma u x-xmajjar, tar-riżorsi alimentari u tal-materji primi, il-bijodiversità, l-użu tal-ħamrija, id-deforestazzjoni u l-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni. Fil-qafas tal-partenarjat komuni bejn l-UE u l-Afrika għax-xjenza, is-soċjetà tal-informazzjoni u l-ispazju diġà hemm kooperazzjoni attiva fis-seħħ għall-applikazzjonijiet spazjali. Waqt is-Seba' Kunsill tal-Ispazju, il-Kunsill insista " li d-deċiżjonijiet marbuta mal-implimentazzjoni tal-prijoritajiet definiti fil-qafas tal-pjan ta' azzjoni "GMES u l-Afrika" jittieħdu mingħajr dewmien" . Huwa stieden " lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkollabora mal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana bil-għan li jissaħħu l-mezzi disponibbli […] u jiġi determinat kif tista' tiġi stabbilita infrastruttura simili għal dak tal-programm EGNOS fl-Afrika". Fir-rigward tal-aħħar programm, is-Samit bejn l-Ewropa u l-Afrika ta' Novembru 2010 approva pjan ta' azzjonijiet immirat partikolarment lejn is-sekondment ta' persunal mill-unità ta' ġestjoni tal-programm GNSS Afrikan, it-taħriġ ta' esperti Afrikani u l-iżvilupp tal-ewwel infrastrutturi u tal-operazzjonijiet inizjali. L-Unjoni Ewropea se tkompli tappoġġa l-isforzi tal-komunità internazzjonali biex issaħħaħ is-sigurtà, is-sigurezza u s-sostenibbiltà tal-attivitajiet fl-ispazju ‘l barra mill-atmosfera terrestri, b’mod partikolari permezz tal-proposta tal-Unjoni Ewropea għal Kodiċi tal-Imġiba tal-attivitajiet ‘il barra mill-atmosfera terrestri. Minħabba l-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-ispazju, il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-fora multilaterali se tissaħħaħ ukoll. F'dak li jirrigwarda l-osservazzjoni tad-dinja, l-Ewropa hija impjenata b'mod attiv fl-iżvilupp tal-inizjattiva internazzjonali GEOSS (Global Earth Observation System of Systems – Sistema ta' sistemi ta' osservazzjoni globali tad-dinja). Għalhekk, il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi meħtieġa għall-implimentazzjoni fl-Ewropa tal-mekkaniżmi għall-qsim tad-dejta tal-osservazzjoni tad-dinja, jekk jiġu aċċettati mill-membri tal-inizjattiva GEOSS. 5. LEJN TMEXXIJA MTEJBA L-involviment ikbar min-naħa tal-Unjoni fil-politika spazjali Ewropea timxi id f'id mat-tisħiħ tal-interazzjonijiet bejn l-atturi differenti f'dan il-qasam. L-Unjoni għalhekk se jkollha ssaħħaħ partikolarment il-kooperazzjoni tagħha mal-Istati Membri, tirrevedi r-relazzjonijiet tagħha mal-ESA u tiżgura l-aħjar ġestjoni tal-programmi. 5.1. It-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-Istati Membri Il-kompetenza spazjali konġunta konferita lill-UE mit-TFUE timxi id f’id ma’ sħubija msaħħa mal-Istati Membri fil-forma ta’ djalogu dwar il-politiki li għandhom jiġu implimentati u ta’ koordinazzjoni. Dan huwa aktar meħtieġ għaliex il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea ma teskludix l-użu mill-Istati Membri tal-kompetenza tagħhom. Il-livell ta' involviment tal-Istati Membri, il-baġits u l-kapaċitajiet tekniċi tagħhom huma differenti. Fil-maġġoranza tagħhom, l-attivitajiet spazjali jiġu kkunsidrati qabel kollox bħala attivitajiet ta' riċerka. Anki jekk ikunu saru sforzi biex jiġu żgurati l-komplementarjetà u s-sinerġija, l-effett tagħhom kien limitat. L-Unjoni Ewropea tixtieq issaħħaħ id-dimensjoni politika tal-ispazju. Abbażi tal-Artikolu 189 tat-Trattat, l-Unjoni għandha l-mandat u l-kapaċità li tikkoordina l-azzjonijiet tal-Istati Membri u li tiżgura b'mod iktar effikaċi din il-komplementarjetà. Biex tagħmel dan, jeħtieġ bilfors li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri. Huwa importanti għalhekk li jiġi żgurat li kull azzjoni ġdida tkun ibbażata fuq il-kapaċitajiet eżistenti tagħhom u l-identifikazzjoni konġunta fejn hemm bżonn ta' kapaċitajiet ġodda. L-evoluzzjonijiet istituzzjonali reċenti huma l-ewwel konkretizzazzjoni tal-kooperazzjoni msaħħa li għandu jiffavorixxi l-koerenza tal-għanijiet politiċi, filwaqt li jiżgura l-konformità mal-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u l-Istati Membri. Din il-kooperazzjoni se ssaħħaħ is-sinerġija tal-politika spazjali tal-Unjoni mal-politiki l-oħra li jużaw il-kapaċitajiet spazjali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri (pereżempju, it-trasport, l-ambjent, ir-riċerka u l-innovazzjoni) 5.2. L-evoluzzjoni tar-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-ESA Skont l-artikolu 189 tat-TFUE, "L-Unjoni għandha tistabbilixxi relazzjonijiet xierqa mal-Aġenzija Ewropea tal-Ispazju". L-involviment ikbar tal-Unjoni Ewropea fl-ispazju jeħtieġ rivalutazzjoni tar-relazzjonijiet tagħha mal-ESA u adattament progressiv tal-funzjonament tal-ESA, biex jittieħed l-akbar benefiċċju miż-żewġ organizzazzjonijiet. Id-dimensjoni politika fil-qasam spazjali tfisser li l-azzjoni Ewropea ma għandhiex tkun iggwidata biss jew primarjament minn kundsiderazzjonijiet tekniċi jew xjentifiċi. Min-naħa tagħha, l-Unjoni għandha tidentifika u tiġbor il-bżonnijiet tal-utenti sabiex tiggarantixxi li l-kapaċitajiet spazjali jkunu adatti bis-sħiħ għall-bżonnijiet taċ-ċittadini. Il-Kummissjoni tgħin f''dan partikolarment bil-kuntatti regolari tas-servizzi tagħha mal-partijiet interessati differenti. Inħalqu entitajiet operazzjonali fl-oqsma differenti bħall-meteoroloġija operazzjonali (EUMETSAT, organizzazzjoni li ħarġet mill-ESA), biex jaqdu l-bżonnijiet tal-utenti. Il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ il-kuntatt ma' dawn l-entitajiet u tista', parzjalment, tużahom biex timplimenta l-programmi Galileo u GMES. Min-naħa tagħha l-ESA, li timplimenta programmi għall-Istati Membri tagħha u għall-Unjoni, għandha kompetenzi tekniċi u tal-ġestjoni tajbin u tista' tappoġġa l-iżvilupp ta’ infrastrutturi spazjali ġodda kemm fil-qafas tal-programmi intergovernattivi kif ukoll fil-programmi ffinanzjati mill-Unjoni. Għaddej proċess ta' riflessjoni interna fl-ESA dwar il-futur tagħha bħala organizzazzjoni. Mingħajr preġudizzju għall-konklużjonijiet ta' dan il-proċess, il-Kummissjoni Ewropa hija tal-fehma li l-evoluzzjoni tar-rwol tal-atturi Ewropej fil-qasam tal-ispazju għandu jwassal ukoll għal evoluzzjoni pragmatika tal-ESA, filwaqt li jitqiesu r-rwoli rispettivi tal-Aġenzija u tal-Unjoni fil-qasam tar-riċerka, il-finanzjament u l-kapaċitajiet operazzjonali. Għall-Kummissjoni, l-ESA għandha tkompli tevolvi lejn mudell ta' organizzazzjoni li jippermetti l-koeżistenza fi struttura waħda, minn naħa, tal-programmi militari u ċivili u, min-naħa l-oħra, dimensjoni intergovernattiva u dimensjoni tal-Unjoni. Għall-implimentazzjoni tal-programmi Galileo u GMES, l-ESA diġà hija marbuta mar-regoli tal-Unjoni Ewropea. Hija se tkompli bl-avviċinament lejn l-Unjoni u se tkompli jkollha, skont il-bżonn, strutturi ta' ġestjoni maħsuba esklussivament għall-programmi tal-Unjoni. Il-mudell għandu jkun flessibbli, sabiex jadatta ruħu għal-livell ta' riżorsi finanzjarji li l-atturi differenti se jagħmlu disponibbli għall-programmi differenti fil-futur. Il-mudell għandu fl-aħħar nett ikollu ġeometrija varjabbli, biex tippermetti l-parteċipazzjoni tal-Isvizzera u n-Norveġja f'ċerti programmi li joffru l-possibbiltà ta' parteċipazzjoni limitata għal ċerti Stati Membri. Dawn l-evoluzzjonijiet jimplikaw li eventwalment, il-ftehim ta' qafas bejn l-Unjoni u l-ESA jkollu bżonn jiġi rivedut. Fi kwalunkwe każ, għandu jitqies l-impatt ta' dawn l-evoluzzjonijiet fuq il-qafas ġuridiku applikabbli u partikolarment tal-impenji internazzjonali tal-Unjoni. 5.3. Koordinazzjoni mtejba u ġestjoni aħjar tal-programmi tal-ispazju Il-ġestjoni tal-programmi spazjali għadha frammentata u l-investimenti istituzzjonali iżolati. Il-multipliċità tal-atturi – l-Istati Membri permezz tal-aġenziji spazjali, l-ESA, EUMETSAT, l-Unjoni Ewropea – ma tgħin la l-ottimizzazzjoni tal-proċeduri tad-deċiżjonijiet u lanqas l-effikaċja tal-implimentazzjoni. Il-Kummissjoni tixtieq tipproponi programmazzjoni spazjali aħjar b'koordinazzjoni ikbar tax-xogħol tal-kumitati tal-programm (il-programmi Galileo u GMES) u, b'mod iktar ġenerali, koordinazzjoni mtejba tal-interventi tal-atturi differenti sabiex ikun jista' jingħata rispons koerenti għall-bżonnijiet tal-utenti u taċ-ċittadini u tiġi żgurata ġestjoni soda u effikaċi tar-riżorsi pubbliċi. 6. GħAL PROGRAMM SPAZJALI EWROPEW L-Artikolu 189 tat-Trattat ta' Lisbona jagħti lill-Unjoni qafas ġuridiku usa', li jippermettilha tiddefinixxi programm spazjali Ewropew distint u li jikkomplimenta azzjonijiet iktar settorjali bbażati fuq artikoli oħra tat-Trattat jew ta' atti ġuridiċi oħra. Il-Kummissjoni studjat il-possibbiltà li tippreżenta proposta għal programm bħal dan fl-2011. Billi tqis ir-rispons għal din il-komunikazzjoni, hija fl-aħħar se tiddetermina l-istrateġija tagħha, li se tiġi inkluża fil-proposta tagħha ta’ Ġunju dwar il-qafas finanzjaraju multiannwali li jmiss. 7. KONKLUżJONI L-Artikolu 189 tat-TFUE fetaħ perspettivi ġodda għall-elaborazzjoni ta' strateġija tal-ispazju għall-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni identifikat azzjonijiet konkreti f'din il-komunikazzjoni. Il-Kummissjoni qed tipproponieha għalhekk għall-opinjoni tal-Kunsill, tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-korpi konsultattivi tal-Unjoni li hu stadju neċessarju fit-tfassil ta' strateġija bħal din u tal-miżuri li għandhom jittieħdu għall-implimentazzjoni tagħha. [1] "EWROPA 2020 Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" COM (2010) 2020. [2] "Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni - Il-Kompetittività u s-Sostenibbiltà fix-Xena Prinċipali" COM(2010) 614 [3] Fit-test jintuża l-akronimu Ingliż 'ESA'. L-ESA għandha 18-il Stat Membru li minnhom, tnejn, in-Norveġja u l-Isvizzera, mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea. Il-Kanada, l-Ungerija, il-Polonja u r-Rumanija jieħdu sehem f'xi proġetti ta' kooperazzjoni mal-ESA. [4] Riżultati tal-ħidma tal-Kunsill tal-Kompetittività tal-21 u t-22 ta' Mejju 2007, Reżoluzzjoni dwar il-politika spazjali Ewropea, DS 417/07. [5] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' Novembru 2008, fejn il-Parlament approva l-politika spazjali Ewropea u talab li l-erba' prijoritajiet identifikati – il-bidla fil-klima, is-sigurtà, l-innovazzjoni u l-esplorazzjoni – jinbidlu f'azzjonijiet konkreti. [6] Ir-Regolament (UE) Nru 911/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 ĠU L 276, 20.10.2010, p. 1). [7] Is-satelliti tat-telekomunikazzjoni jirrappreżentaw iktar minn 60 % tal-fatturat tal-industrija spazjali. 90 % tas-satelliti llanċjati minn Ariane 4 u 5 huma satelliti tal-komunikazzjoni.