/* KUMM/2011/0131 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar statistika miġbura skont ir-Regolament (KE) 2150/2002 dwar l-istatistika tal-iskart u l-kwalità tagħha
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 17.3.2011 KUMM(2011) 131 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar statistika miġbura skont ir-Regolament (KE) 2150/2002 dwar l-istatistika tal-iskart u l-kwalità tagħha RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar statistika miġbura skont ir-Regolament (KE) 2150/2002 dwar l-istatistika tal-iskart u l-kwalità tagħha WERREJ 1. Introduzzjoni 3 1.1. Regolament dwar l-istatistika tal-iskart 3 1.2. Kwalità tad-dejta f’ambjent b’ħafna metodi 3 1.3. Kontroll tal-kwalità 4 2. Puntwalità u żamma tal-ħin 5 3. Kompletezza 5 4. Preċiżjoni tad-dejta 6 4.1. Kopertura tad-dejta 6 4.2. Tqassim skont is-setturi ekonomiċi 6 4.3. Klassifikazzjoni tal-iskart 6 5. Komparabilità 6 5.1. Komparabilità tul iż-żmien 6 5.2. Komparabilità fost il-pajjiżi 6 6. Piż fuq in-negozji 6 7. Reviżjoni tar-Regolament dwar l-Istatistika tal-Iskart 6 8. Kisbiet u previżjoni 6 INTRODUZZJONI Regolament dwar l-istatistika tal-iskart L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 2150/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2002 dwar l-istatistika tal-iskart[1] jitlob lill-Kummissjoni biex kull tliet snin tissottometti rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. L-ewwel rapport ġie ppubblikat fl-2008[2]. It-Taqsima 7(3) tal-Annessi I u II tistipula li r-rapporti ta’ kwalità mill-Istati Membri għandhom jiġu inklużi fir-rapport stipulat fl-Artikolu 8. Dawn ir-rapporti huma disponibbli fuq is-sit tal-Internet li ġej: http://circa.europa.eu/Public/irc/dsis/pip/library?l=/wastesstatisticssregulat/data_transmission/quality_statistics/2008 Dan ir-rapport jagħti fil-qosor il-progress li sar mill-ewwel twassil tad-dejta fl-2006. Dan ir-rapport ikopri s-27 Stat Membru tal-UE u jikkunsidra r-riżultati tal-aktar twassil riċenti ta’ dejta f’Ġunju 2010. Dan ir-rapport jiddeskrivi wkoll it-tranżizzjoni min-NACE Rev. 1.1 għal NACE Rev. 2, u jiddeskrivi l-bidliet u t-titjib mistenni li se jirriżulta mir-reviżjoni tar-Regolament dwar l-Istatistika tal-Iskart. Ir-Regolament jibda bis-sena ta’ referenza 2004 u jitlob lill-Istati Membri tal-UE li jipprovdu d-dejta kull sentejn. L-Annessi I u II jistabbilixxu r-rekwiżiti għall-istatisika dwar il-ġenerazzjoni tal-iskart, it-trattament tal-iskart u l-kapaċitajiet tat-trattament tal-iskart. Ir-riżultati jitqassmu skont il-kategoriji tal-iskart skont in-nomenklatura tal-istatistika dwar l-iskart (EWC-Stat), li hija stabbilita fl-Anness III tar-Regolament. Kwalità tad-dejta f’ambjent b’ħafna metodi Ir-Regolament (KE) 2150/2002 jiddefinixxi d-dejta li għandha tiġi sottomessa u l-kwalità meħtieġa, iżda ma jitlobx metodu speċifiku għall-ġbir tal-istatistika tal-iskart, li għaldaqstant tinġabar f’ambjent b’ħafna metodi. Dan jippermetti lill-Istati Membri biex iżommu s-sistemi ta’ ġbir tad-dejta tagħhom u biex jimminimizzaw il-bidliet meħtieġa biex ikunu konformi mar-Regolament. Madankollu, l-approċċ b’ħafna metodi jista’ jirriżulta f'differenzi metodoloġiċi minn pajjiż għal ieħor, bejn settijiet differenti ta’ dejta mill-istess pajjiż, kif ukoll f’settijiet ta’ dejta individwali. Dan jagħmilha diffiċli li jitħares it-tqabbil tad-dejta u li tiġi żgurata kwalità għolja tad-dejta. Il-mod kif tista’ titkejjel il-kwalità tad-dejta jiddependi mill-metodi użati. Għal metodi differenti, hemm parametri ta’ kwalità differenti (eż. koeffiċjent ta’ varjazzjoni għal stħarriġ ta' kampjuni, analiżi tas-sensittività għall-immudellar, eċċ.). B’mod partikolari, il-kombinazzjoni tal-metodi fi ħdan is-settijiet tad-dejta tagħmilha diffiċli biex jiġu definiti indikaturi għall-kwalità ġenerali tad-dejta. B’konsegwenza ta’ dan, l-approċċ ta' ħafna metodi tar-Regolament ifixkel b'mod konsiderevoli l-evalwazzjoni u l-komunikazzjoni tal-kwalità tad-data. Fir-rapporti ta’ kwalità tagħhom, l-Istati Membri jiddeskrivu d-dejta b’referenza għall-elementi ta’ kwalità li normalment jintużaw fis-Sistema Statisika Ewropea[3] u stabbiliti fir-Regolament (KE) 1445/2005 dwar il-kwalità tal-istatistika tal-iskart[4]. Kontroll tal-kwalità Mill-ewwel jum ta' twassil tad-dejta fl-2006, il-Eurostat waqqfet sistema effiċjenti ta' kontroll ta’ kwalità li tikkonsisti minn żewġ passi. L-ewwel pass huwa evalwazzjoni ħafifa tar-rapporti tad-dejta u tal-kwalità, u jintbagħat rapport ta' evalwazzjoni lill-pajjiżi fi żmien xahrejn wara l-iskadenza tar-rappurtar. It-tieni pass huwa validazzjoni aktar profonda mingħajr skadenza stretta. L- evalwazzjoni ħafifa ssir fuq il-bażi ta’ ħames kriterji: - kompletezza ta’ settijiet tad-dejta; - kompletezza ta’ rapport ta’ kwalità; - iż-żamma tal-ħin; - l-applikazzjoni xierqa tad-definizzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet; - l-applikazzjoni ta’ metodi statistiċi sodi. F’din il-fażi, il-validazzjoni tad-dejta tikkonċerna l-aktar il-koerenza interna tad-dejta l-ġdida u l-iżviluppi tul iż-żmien. L-analiżi ssir f’livell globali ħafna u għandha l-għan li tiskopri pawżi importanti fis-serje. L-evalwazzjoni ħafifa hija apprezzata mill-pajjiżi, u dan hu rifless fir-rispons immedjat għall-mistoqsijiet imqajma fir-rapporti ta' evalwazzjoni, u tiżgura pubblikazzjoni fil-ħin tad-dejta. Id-dejta tal-pajjiżi hija ppubblikata fid-disseminazzjoni tal-bażi ta’ dejta tal-Eurostat tliet xhur wara l-iskadenza tat-twassil. Il-validazzjoni profonda tanalizza d-dejta f'livell aktar dettaljat (eż. skont is-setturi ekonomiċi u skont il-kategoriji tal-iskart) u tqabbel mudelli u żviluppi bejn pajjiż u ieħor. Il-verifiki tal-validazzjoni jinkludu: - tqabbil ta’ ġenerazzjoni tal-iskart fil-pajjiż stess b’valuri mis-snin ta’ qabel għal kull attività ekonomika bl-użu ta’ indikaturi xierqa; - tqabbil tad-dejta bejn il-pajjiżi għal kull attività ekonomika; - verifiki reċiproċi ma’ dejta dwar l-iskart minn obbligi oħrajn ta’ rrappurtar bħall-monitoraġġ dwar il-konformità skont leġiżlazzjoni oħra marbuta mal-iskart. Mistoqsijiet potenzjali huma vverifikati mar-rapporti ta’ kwalità tal-pajjiżi u r-rispons għall-evalwazzjoni ħafifa u jistgħu jirriżultaw f’tieni sett ta’ mistoqsijiet li jintbagħtu lill-pajjiżi kkonċernati. PUNTWALITÀ U żAMMA TAL-ħIN Ir-rapporti dwar id-dejta u l-kwalità għandhom jiġu sottomessi fi żmien 18-il xahar wara s-sena ta’ referenza, jiġifieri l-iskadenza għat-twassil għas-sena ta’ referenza 2008 kienet it-30 ta’ Ġunju 2010. L-Istati Membri ntalbu, fil-każ ta’ dejta mhux kompluta jew rapporti ta’ kwalità nieqsa, jipprovdu l-informazzjoni nieqsa kemm jista’ jkun malajr. Fil-ħin ta’ dan ir-rapport, konformità mal-iskadenza ta' rrappurtar għas-sena ta’ referenza 2008 tista’ titqassar kif ġej: - 19-il pajjiż wasslu s-settijiet tad-dejta tagħhom fil-ħin; - 4 Stati Membri ssottomettew id-dejta fi żmien tliet ġimgħat wara l-iskadenza sabiex ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati fl-ewwel evalwazzjoni (il-Portugall, l-Awstrija, Franza, Ċipru); - Stat Membru wieħed (ir-Rumanija) wassal id-dejta fl-20 ta’ Settembru 2010; - 3 Stati Membri ssottomettew id-dejta aktar minn 3 xhur wara d-data ta’ skadenza: L-Italja wasslitha fil-11 ta' Novembru, il-Greċja fl-1 ta' Diċmebru u l-Irlanda fil-21 ta' Diċembru 2010. Il-Greċja u l-Irlanda diġà ġarrbu dewmien serju fl-irrappurtar fis-snin preċedenti ta' rrappurtar. Fil-qosor, il-konformità mad-data ta’ skadenza ta’ rrappurtar għall-2008 kienet sodisfaċenti. B'kollox, 23 Stat Membru mis-27 issottomettew ir-rapporti tagħhom fil-ħin jew b’dewmien ta' mhux aktar minn tliet ġimgħat. Rutina ta’ monitoraġġ ta’ konformità hija stabbilita fil-Eurostat u t-tfakkiriet huma mibgħuta lill-Istati Membru f’intervalli qosra skont skeda definita. Għaldaqstant, il-puntwalità tjiebet meta mqabbla mas-sena ta’ referenza 2006 meta 18-il pajjiż wassal id-dejta fl-istess perjodu. - Pubblikazzjoni Id-dejta dwar il-ġenerazzjoni tal-iskart u t-trattament tal-iskart kienet ippubblikata fil-bażi ta' dejta ta' disseminazzjoni tal-Eurostat fl-4 ta’ Ottubru. Aġġornament tal-bażi ta’ dejta huwa mistenni wara l-finalizzazzjoni tal-validazzjoni profonda. KOMPLETEZZA It-twassil ta’ settijiet ta’ dejta kompluti huwa kruċjali għall-produzzjoni ta’ aggregati tal-UE. Id-dejta nieqsa tillimita l-interpretazzjoni u l-valur informattiv ta’ statistika tal-iskart. Il-pajjiżi għalhekk huma mitluba jimminimizzaw l-kwantità ta’ dejta nieqsa, jekk ikun meħtieġ billi jibagħtu l-istimi. Fl-ewwel rappurtar għas-sena ta’ referenza 2004, 6 mis-27 Stat Membru tal-UE setgħu jipprovdu settijiet ta’ dejta kompluti dwar il-ġenerazzjoni tal-iskart li jkopru l-kategoriji kollha tal-iskart u s-setturi kollha. 21 Stat Membru wasslu settijiet ta’ dejta b’xi nuqqasijiet. Ħafna min-nuqqasijiet ta’ dejta kellhom x’jaqsmu jew ma’ skart iġġenerat fl-agrikoltura, il-forestrija, il-kaċċa (NACE A 01, A 02) u s-sajd (NACE A 03) jew mar-rappurtar dwar tajn (fil-piż u fil-piż xott). B’mod ġenerali, is-sehem ta’ valuri nieqsa dwar il-ġenerazzjoni tal-iskart ammonta għal madwar 9 % tad-dejta meħtieġa. Għas-sena ta’ referenza 2006, il-kompletezza tad-dejta tjiebet konsiderevolment. Is-sehem ta’ valuri nieqsa dwar il-ġenerazzjoni tal-iskart naqas għal 2,1 %. Ġiet irrappurtata dejta nieqsa minn 7 pajjiżi biss filwaqt li 20 Stat Membru pprovda settijiet kompluti ta’ dejta. Is-sehem ta’ dejta nieqsa huwa l-ogħla għas-setturi li diġà ssemmew hawn fuq (NACE A 01–03). L-ogħla sehem ta’ valuri nieqsa fl-2006 ġie rrappurtat mill-Irlanda, l-Italja u l-Latvja. Fir-rigward tad-dejta dwar it-trattament tal-iskart , in-numru ta’ pajjiżi b’settijiet ta’ dejta mhux kompluti fil-livell nazzjonali żdied b’mod sinifikanti wkoll bejn l-2004 u l-2006. Fl-2004, 15-il pajjiż irrappurtaw settijiet ta' dejta mhux kompluti. Is-sehem ta’ dejta nieqsa għall-UE-27 kien ta’ 2,5 % tad-dejta meħtieġa. Fl-2006, 5 pajjiżi biss wasslu dejta mhux kompluta dwar l-ammonti ta’ skart trattat. Is-sehem tal-valuri nieqsa niżel għal 1,5 %. Aktar minn 70 % tad-dejta nieqsa hija marbuta mar-rimi ta' skart permezz ta’ ‘trattament tal-art u rimi f’korpi tal-ilma’, li fil-biċċa l-kbira hija applikata għal tajn mhux perikoluż. Ġie nnutat aktar titjib ta’ kompletezza tad-dejta għall-ġenerazzjoni u t-trattament tal-iskart għas-sena ta’ referenza 2008. Madankollu, minħabba d-dewmien fit-twassil tad-dejta ta’ tliet pajjiżi, l-evalwazzjoni kienet għadha għaddejja sakemm ġie mfassal dan ir-rapport. PREċIżJONI TAD-DEJTA Il-preċiżjoni għandha x’taqsam ma kemm ikun qrib il-valur stmat jew ikkalkulat u l-valur eżatt jew veru, inklużi aspetti bħal żbalji fit-teħid tal-kampjuni, kopertura tad-dejta, limiti applikati, l-ebda tweġiba, aġġustamenti, kontrolli u korrezzjonijiet, jew kunfidenzjalità. Kopertura tad-dejta L-objettiv tar-Regolament huwa li jipproduċi statistika dwar l-iskart li tkun konformi mal-ambitu tad-Direttiva 2008/98KE. L-istatistika dwar il-ġenerazzjoni tal-iskart jeħtieġ tinġabar għas-setturi ekonomiċi kollha u għad-djar u jeħtieġ tinkludi skart li ġej minn operazzjonijiet ta’ rkupru jew ta’ rimi — dak li hu magħruf bħala skart sekondarju. L-istatistika għandha tkopri wkoll skart minn negozji żgħar (< 10 impjegati) għalkemm dawn il-kumpaniji għandhom jiġu eżentati mill-istħarriġ fejn ikun possibbli. L-istatistika dwar it-trattament tal-iskart tkopri l-iskart kollu li huwa rkuprat jew mormi f’pajjiż, irrispettivament mill-oriġini tal-iskart. Il-kunċett bażiku tar-Regolament huwa li jiġbor id-dejta dwar id-destinazzjoni finali tal-iskart; l-operazzjonijiet ta’ trattament preparatorju mhumiex koperti. Huwa eskluż mill-ambitu tar-Regolament kull skart li huwa riċiklat direttament fuq is-sit fejn ikun ġenerat. - Żbalji fil-kopertura Ħafna mill-iżbalji osservati fil-kopertura huma konnessi ma’ wieħed mill-aspetti li ġejjin: - definizjonijiet (legali) mhux ċari, eż.id-distinzjoni bejn skart u mhux skart; - skart impurtat u esportat; - kopertura fir-rigward ta' skart sekondarju u intrapriżi żgħar; - problemi dwar setturi ekonomiċi speċifiċi (eż. attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ twaqqigħ). L-impatt ġenerali ta' żbalji ta' kopertura huwa diffiċli biex wieħed jivvalutah. Żbalji tal-kopertura jistgħu jwasslu għal nuqqas ta' valutazzjoni kif ukoll għal valutazzjoni żejda. L-impatti possibbli ta’ adattazzjonijiet metodoloġiċi huma murija b’eżempji mill-Polonja u l-Isvezja. Għas-sena ta’ referenza 2008, il-Polonja ġabet il-kopertura tad-dejta tagħha għal feċi u demel tal-annimali konformi mal-każistika Ewropea (Każ C-416/02) , u eskludiet mill-istatistika tal-iskart l-ammont ta’ demel li jintuża fl-għelieqi. Fl-Isvezja, il-kopertura tad-dejta għall-iskart tal-injam u skart tal-annimali u dak veġetali, reġgħet ġiet ivvalutata fir-rigward tal-kriterji għad-distinzjoni bejn skart u prodotti sekondarji[5]. Fiż-żewġ pajjiżi, l-aġġustamenti wasslu għal tnaqqis konsiderevoli fl-ammonti ġenerati, ta' madwar 96 miljun tunnellata fil-Polonja u 21 miljun tunnellata fl-Isvezja. Tqassim skont is-setturi ekonomiċi Ir-Regolament isejjaħ lill-Istati Membri biex iqassmu d-dejta tagħhom f'20 attività ta’ ġenerazzjoni ta’ skart (19-il settur ekonomiku kif ukoll l-unitajiet domestiċi). Allokazzjoni korretta għall-attivitajiet ġenerati hija prerekwiżit: - għat-tqabbil ta' kwantitajiet ta' skart speċifiċi għas-settur; - għall-koerenza tal-istatistika tal-iskart mal-istatistika tan-negozju. It-tqassim tal-attivitajiet ekonomiċi huwa definit b’referenza għall-Klassifika ta’ Attivitajiet Ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (NACE). Għas-snin ta’ referenza 2004 u 2006 applikat NACE Rev. 1.1; mis-sena 2008 'il quddiem, id-dejta bdiet tiġi miġbura skont in-NACE Rev. 2. - Transizzjoni għal NACE Rev. 2 It-tqassim il-ġdid f'kategoriji ekonomiċi skont NACE Rev. 2 huwa definit fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1893/2006[6]. Minħabba l-livell għoli ta' aggregazzjoni użat fir-Regolament dwar l-istatistika tal-iskart l-impatt tat-transizzjoni min-NACE Rev. 1.1għal NACE Rev. 2 huwa limitat; 17 mid-19-il aggregazzjoni ekonomika applikata għall-istatistika tal-iskart huma bażikament identiċi. L-ikbar bidla għandha x’taqsam mal-klassifikazzjoni tal-attivitajiet tal-immaniġġjar tal-iskart. L-attiviatjiet tal-immaniġġjar tal-iskart li sa issa kienu koperti mid-Drenaġġ u rimi ta' skart, is-sanità u attivitajiet simili (NACE Rev. 1.1, diviżjoni 90) huma assenjati lid-diviżjoni l-ġdida 38 Ġbir ta' skart, trattament u attivitajiet tar-rimi; irkupru ta’ materjal iżda l- Ġbir u t-trattament ta’ drenaġġ (NACE rev. 1.1 kodiċi 9001) huwa assenjat lid-diviżjoni l-ġdida 37 Drenaġġ. B’riżultat ta' dan, ħafna mill-attivitajiet tal-immaniġġjar tal-iskart se jkunu kkonċentrati fid-diviżjoni l-ġdida 38. Biex tinżamm is-serje ta’ żmien fil-livell ta' setturi ekonomiċi, id-dejta dwar l-attivitajiet tal-immaniġġjar tal-iskart għall-2004 u l-2006 huma kkonvertiti fit-tqassim skont in-NACE Rev. 2. Il-konverżjoni ssir mill-Eurostat b’konsultazzjoni mal-Istati Membri. Barra minn hekk, l-Ippubblikar (NACE rev. 1.1, kodiċi 221) tmexxa mill-industrija tal-manifattura (subtaqsima DE) għat-taqsima l-ġdida J Informazzjoni u komunikazzjoni u għaldaqstant huwa parti mill-attivitajiet ta’ servizz. F’dan il-każ, m’hemm maħsuba ebda konverżjoni tad-dejta tal-2004 u l-2006 sakemm l-analiżi tad-dejta ma jurux impatt sinifikanti fuq is-serje ta’ żmien. - Klassifikazzjoni żbaljata Il-mod kif l-iskart jiġi allokat lis-settur tal-ġenerazzjoni jiddependi fuq il-metodi applikati għall-ġbir tad-dejta. Hemm riskju sinifikanti ta’ allokazzjoni żbaljata f’pajjiżi fejn id-dejta dwar il-ġenerazzjoni tal-iskart tinħareġ direttament mid-dejta dwar it-trattament tal-iskart. Dan huwa l-approċċ użat mid-Danimarka, mill-Ġermanja, mil-Litwanja, mill-Awstrija u minn Malta. L-informazzjoni dwar il-kumpanija jew is-settur li jiġġenera l-iskart tiġi magħrufa biss minn sorsi sekondarji (eż. dak li jiġbor l-iskart, l-operatur tat-trattament tal-iskart) jew trid tinħareġ permezz ta' mezzi oħrajn (eż. permezz ta' mudelli jew bl-użu tal-Lista Ewropea tal-Iskart[7], li fiha informazzjoni dwar l-oriġini tal-iskart). Uħud mill-pajjiżi kkonċernati mmodifikaw l-approċċi tagħhom sabiex itejbu l-klassifikazzjoni skont is-setturi ekonomiċi. Il-Ġermanja stabbiliet stħarriġ ta’ kampjun dwar il-ġeneraturi tal-iskart sabiex tassenja l-iskart ġenerat b’mod aktar preċiż għas-sorsi. Il-Litwanja wkoll għandha l-intenzjoni li tintroduċi stħarriġ addizzjonali dwar il-ġenerazzjoni tal-iskart. L-Awstrija tistenna titjib tal-allokazzjoni tal-iskart għas-setturi permezz ta’ sistema elettronika ġdida ta’ informazzjoni. Id-Danimarka qed tintroduċi sistema ġdida ta’ dejta dwar l-iskart biex iżżid il-konformità mat-tqassim meħtieġ mis-sena ta’ referenza 2012 ’il quddiem. Klassifikazzjoni tal-iskart L-importanza ta’ klassifikazzjoni tal-iskart għal statistika tal-iskart preċiża u komparabbli hija ovvja: il-kategoriji tal-iskart għandhom ikopru l-istess tipi ta’ skart fl-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jintużaw għall-monitoraġġ ta’ politiki tal-iskart fil-livell tal-UE. Ir-Regolament jiddefinixxi t-tqassim skont il-kategoriji tal-iskart skont in-nomenklatura tal-istatistika EWC-Stat, iżda ma jippreskrivix klassifikazzjoni speċifika biex tintuża għall-ġbir tad-dejta. Il-pajjiżi huma liberi li jużaw kwalunkwe klassifikazzjoni tal-iskart sakemm ikunu jistgħu jipproduċu l-formati definiti fil-kwalità meħtieġa. Il-maġġoranza tal-pajjiżi jiġbru d-dejta tagħhom skont il-Lista Ewropea tal-Iskart (LoW), li hija magħmula minn 839 tip ta’ skart. Minkejja xi problemi fl-applikazzjoni tal-LoW, l-użu wiesa’ ta’ din il-klassifikazzjoni jiżgura livell għoli ta’ komparabilità. L-impatt ġenerali ta’ żbalji ta’ klassifikazzjoni fuq il-preċiżjoni tad-dejta huwa maħsub li huwa żgħir. KOMPARABILITÀ Komparabilità tul iż-żmien Bit-tielet rawnd tar-rappurtar li tlesta, huwa possibbli li ssir l-ewwel valutazzjoni tal-komparabilità tad-dejta tul iż-żmien. Il-evalwazzjoni tar-rapporti ta’ kwalità tal-pajjiżi turi li saru aġġustamenti konsiderevoli għall-approċċi tal-istatistika nazzjonali tal-iskart kważi mill-Istati Membri kollha. Il-maġġoranza tal-pajjiżi issa qed itejbu aktar il-ġbir tad-dejta tagħhom fir-rigward tal-kwalità tad-dejta (eż. l-eliminazzjoni ta’ differenzi bejn id-dejta; titjib tal-kopertura) u fir-rigward tal-effiċjenza tal-metodi tagħhom. Madankollu, it-tqabbil tad-dejta għall-2008 mas-snin ta’ qabel, li jindika tnaqqis fil-ġenerazzjoni tal-iskart ta’ madwar 309 miljun tunnellata jew 10,9 %, juri li modifiki metodoloġiċi f'pajjiżi individwali xorta jista' jkollhom impatti sinifikanti fuq l-aggregati tal-UE. Dan jidher l-aħjar mill-fatt li dan l-iżvilupp jista’ jiġi attribwit għal bidliet metodoloġiċi fi tliet Stati Membri. Filwaqt li t-tnaqqis fil-Polonja u l-Isvezja huwa minħabba aġġustamenti ta’ kopertura tad-dejta (ara taqsima 4.1), Franza rrappurtat ammonti konsiderevolment inqas ta’ skart mis-settur tal-kostruzzjoni (NACE Rev. 1.1, taqsima F) bħala riżultat ta’ stħarriġ aktar preċiż li ġie introdott issa għas-settur tal-kostruzzjoni. Is-sistema tal-validazzjoni tad-dejta mill-Eurostat tiżgura li pawżi fis-serje ta’ żmien huma identifikati u jiġu kkoreġuti jew spjegati. Barra minn hekk, ir-rapporti ta’ kwalità tal-pajjiżi wrew li huma għodda utli biex jimmonitorjaw bidliet metodoloġiċi u l-impatti tagħhom fl-Istati Membri. Sabiex tiżgura serje ta’ żmien konsistenti fil-livell tas-setturi ekonomiċi, id-dejta għall-2004 u l-2006 ġiet aġġustata għall-bidliet fit-tqassim skont is-setturi li jirriżultaw mit-transizzjoni għal NACE Rev. 2. Barra minn hekk, id-dejta għall-2004 li kienet nieqsa minħabba derogi. ġew attribwiti b’mod retrospettiv għal 11-il pajjiż fuq il-bażi tad-dejta għall-2006. Komparabilità fost il-pajjiżi Bis-saħħa tad-definizzjonijiet komuni u l-klassifikazzjonijiet, il-komparabilità tad-dejta fost il-pajjiżi hija ġustament għolja. Id-differenzi bejn il-pajjiżi fir-rigward tat-totali ġġenerati u ttrattati saru aktar u aktar spjegabbli. Għad baqa' xi problemi f'każi ta' pajjiżi li ma użawx unitajiet tal-istatistika biex jorbtu mal-attivitajiet ekonomiċi li jiġġeneraw l-iskart. Dan ma jaffettwax l-ammonti totali ta’ skart irrappurtat iżda jfixkel il-komparabilità skont is-setturi ekonomiċi. L-analiżi bir-reqqa tad-dejta, inter alia permezz ta' indikaturi speċifiċi għas-settur, tiżgura titjib kontinwu ta’ komparabilità fost il-pajjiżi. PIż FUQ IN-NEGOZJI Ir-Regolament dwar l-istatistika tal-iskart jitlob lill-Istati Membri biex inaqqsu l-piż billi jipprovdu aċċess għad-dejta amministrattiva u jeskludu l-kumpaniji żgħar b’anqas minn 10 impjegati mill-istħarriġ sakemm ma jikkontribwixxux b'mod sinifikanti għall-ġenerazzjoni tal-iskart. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma jqisux il-piż f’termini fiżiċi u għaldaqstant jistgħu jipprovdu biss valutazzjonijiet kwalitattivi. Fir-rapporti ta’ kwalità għas-sena ta' referenza 2008, seba’ Stati Membri pprovdew figuri dwar il-ħin meħtieġ minn dawk li jwieġbu. Ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, is-Slovenja u r-Renju Unit irrappurtaw piż ta’ bejn 30 minuta u erba’ sigħat kull persuna li wieġbet. B’mod ċar huma rrappurtati li huma meħtieġa ħinijiet itwal mill-Isvezja (sa 25 siegħa kull persuna li twieġeb) u (sa 40 siegħa) mill-Polonja. Minkejja r-rekwiżiti ta' ħin twil, l-Isvezja tikkunsidra l-piż totali ta' statistika tal-iskart bħala ħafif għaliex sa issa ħafna mill-informazzjoni qed tittieħed minn sorsi amministrattivi, u inkjesta diretta tiġi applikata biss għal numru żgħir ta' intrapriżi. Fil-Polonja, parti mit-toqol huwa minħabba l-fatt li s-sistema ta’ rappurtar qed tinbidel minn starriġ tal-istatistika għall-użu ta’ sistema ta’ informazzjoni amministrattiva u l-kumpaniji għandhom jirrappurtaw skont iż-żewġ sistemi sakemm tiġi stabbilita s-sistema l-ġdida. L-akbar għajnuna għall-kumpaniji hija li jiġi evitat ir-rappurtar doppju billi jużaw dejta amministrattiva u/jew billi jikkoordinaw stħarriġ dwar l-iskart fost l-istituzzjonijiet ikkonċernati (uffiċini tal-istatistika, ministeri tal-ambjent, aġenziji ambjentali). Għal 15-il Stat Membru, id-dejta amministrattiva hija s-sors ewlieni ta’ dejta għall-istatistika tal-iskart. Pajjiżi oħrajn jużaw id-dejta amministrattiva bħala waħda minn bosta sorsi ta’ dejta. L-eżenzjoni ta’ kumpaniji żgħar mill-istħarriġ hija trattata b’modi differenti. Xi pajjiżi jkopru l-kumpaniji żgħar permezz ta’ stħarriġ ta’ kampjuni u jestrapolaw ir-riżultati. Iżda bosta jeskluduhom kompletament, u ċ-ċifri jew jinjorawhom jew jestrapolawhom permezz ta' mudelli ta' stima bbażati fuq il-fattur. Il-pajjiżi stabbilixxew limiti ta' esklużjoni differenti, definiti l-aktar mill-għadd ta' ħaddiema jew mill-ammont ta' skart iġġenerat fis-sena. Xi pajjiżi jagħqdu ż-żewġ kriterji sabiex jiżguraw li anke l-pajjiżi ż-żgħar huma koperti mill-ġbir tad-dejta meta dawn jaqbżu l-limitu ffissat ta’ ġenerazzjoni tal-iskart. REVIżJONI TAR-REGOLAMENT DWAR L-ISTATISTIKA TAL-ISKART Wara l-ewwel żewġ perjodi ta’ rrappurtar, xi defiċits saru ovvji u diġà ġew identifikati għadd ta' oqsma li kellhom bżonn it-titjib fl-ewwel rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2008) 355). Barra minn hekk, id-Direttiva Qafas riveduta dwar l-Iskart (2008/98/KE) tistabbilixxi ħtiġijiet ġodda ta' informazzjoni u definizzjonijiet emendati. Għalhekk twaqqfet task force fil-ħarifa tal-2008 biex tindirizza s-suġġetti kollha possibbli u tħejji rakkomandazzjonijiet finali għar-reviżjoni tal-Annessi tar-Regolament. Fl-aħħar ta' Lulju 2009 sett ta' dokumenti bid-dettalji u spjegazzjoni tal-bidliet issuġġeriti ntbagħat lill-Istati Membri għall-konsultazzjoni. Il-proposta legali finali ġiet adottata mill-Kummissjoni fis-27 ta’ Settembru 2010[8]. L-għanijiet tar-reviżjoni kienu biex: - jiżdied l-użu tal-istatistika dwar l-iskart; - jiġu simplifikati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament; - ir-Regolament jiġi allinjat ma’ obbligi oħra ta’ rappurtar dwar l-iskart. L-aktar bidla importanti hija l-armonizzazzjoni tat-tqassim skont il-kategoriji tal-iskart fit-taqsima 2 tal-Annessi I u II tar-Regolament. It-tqassim differenti fixkel il-validazzjoni tad-dejta kif ukoll l-interpretazzjoni u l-komunikazzjoni tar-riżultati. Fil-futur, il-ġenerazzjoni tal-iskart u t-trattament tal-iskart se jiġu rrappurtati skont l-istess 51 kategorija tal-iskart. Għalkemm dan se jwassal għal żieda nominali tad-dejta li għandha tiġi rrappurtata, id-dispożizzjoni l-ġdida mhijiex mistennija li twassal għal piż żejjed. Barra minn hekk, xi kategoriji tal-iskart ġew organizzati mill-ġdid jew introdotti issa sabiex jiżdied il-potenzjal għall-użu tad-dejta, eż. għall-monitoraġġ ta' politiki dwar l-iskart. Dan jinkludi: - kategoriji separati tal-iskart għal skart minerali mill-kostruzzjoni u t-twaqqigħ, għall-ħamrija u għall-ħama mit-tħammil; - kategoriji separati ta’ skart għal skart likwidu u minerali minn trattament tal-iskart (skart sekondarju); - organnizzazzjoni mill-ġdid tal-kategoriji tal-iskart tal-annimali u dak veġetali u skart tal-metall; - aggregazzjoni ta’ skart kimiku differenti f’kategorija waħda. Barra minn hekk, il-kategoriji tat-trattament tal-iskart ġew organizzati mill-ġdid biex iġibu r-Regolament konformi mad-definizzjonijiet u r-rekwiżiti tad-Direttiva Qafas riveduta dwar l-Iskart, u biex jintegraw id-dejta fuq in-numru u l-kapaċità tal-miżbliet li nġabru sa issa skont id-Direttiva 1999/31/KE dwar it-terrafermi[9]. Id-dejta dwar kwantitajiet ta’ skart ittrattat skont l-Anness II għandha tiġi rrappurtata fil-livell nazzjonali biss. Ir-rappurtar dwar il livell tan-NUTS 1 ġie abbandunat minħabba li ma hemmx politika dokumentata għal din l-informazzjoni. Ir-rekwiżiti tar-rappurtar dwar in-numru u l-kapaċità ta’ faċilitajiet tat-trattament tal-iskart ġew imnaqqsa minħabba li ftit mid-dejta li ġiet prodotta wriet li hija ta’ użu limitat. B’kollox, ir-reviżjoni tar-Regolament hija mistennija li żżid l-użu u ċ-ċarezza tad-dejta mingħajr ma tagħmel piż żejjed fuq il-pajjiżi. Għalkemm ir-reviżjoni se twassal għal xi pawżiet, il-kontinwità tad-dejta tul iż-żmien se tinżamm fuq livell għoli. Ir-Regolament rivedut se jibda japplika sa mis-sena ta’ referenza 2010. Il-Manwal għall-Implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-Istatistika tal-Iskart ġie adattat għall-bidliet li ġejjin. - Statistika dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-iskart L-Artikolu 1(3) tar-Regolament dwar l-Istatistika tal-Iskart jistipula li, wara li saru studji ta’ prova skont l-Artikolu 5(1), l-istatistika tal-iskart għandha tkopri l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-iskart li għalihom ma nġabret l-ebda dejta skont ir-Regolament dwar vjeġġi ta' skart (1013/2006/KE)[10], jiġifieri l-hekk imsejjaħ skart ‘tal-lista l-ħadra’. Ibbażat fuq dawn id-dispożizzjonijiet , il-Eurostat fassal programm ta’ studju bi prova fil-perjodu ta’ bejn l-2003 u l-2007 li fih ipparteċipaw 11-il pajjiż. Ibbażat fuq l-istudji, li r-riżultati tagħhom huma mqassra fir-rapport tal-Kummissjoni COM(2008) 501, ġiet diskussa proposta mal-Istati Membri f'Novembru 2009. Id-diskussjoni wriet li bosta pajjiżi jkollhom diffikultajiet konsiderevoli għall-implimentazzjoni ta’ statistika regolari dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-iskart. B’riżultat ta' dan, il-Eurostat iddeċidiet li tirrevedi l-ħtiġijiet tal-utent u l-ġustifikazzjoni politika għal din l-istatistika. KISBIET U PREVIżJONI Inkiseb progress sinifikanti fir-rigward tal-ġbir tal-istatistika tal-iskart sa mill-ewwel rappurtar fl-2006. Il-puntwalità tat-twassil u l-kompletezza tad-dejta mill-Istati Membri kif ukoll il-pubblikazzjoni tad-dejta f’waqtha tjiebu b’mod regolari. L-istatistika dwar l-iskart laħqet livell pjuttost għoli ta' komparabilità fost il-pajjiżi u qed isir progress konsiderevoli lejn kopertura sħiħa tad-dejta. Inġenerali, id-dejta hija ta' kwalità xierqa għal ħafna mill-pajjiżi. L-armonizzazzjoni tad-dejta tinagħta spinta permezz ta’ sett ta’ dokumenti dwar gwida metodoloġika li huma disponibbli mill-websajt tal-Environmental Data Centre on Waste. L-iżbalji u d-defiċits metodoloġiċi huma identifikati permezz tas-sistema tal-kontroll tal-kwalità. Bit-twassil tad-dejta għall-2008, id-dejta dwar il-ġenerazzjoni u t-trattament tal-iskart issa huma disponibbli għall-perjdodu ta’ bejn l-2004 u l-2008. Bl-estensjoni tas-serje ta’ żmien id-dejta saret dejjem aktar utli, eż. biex jiġu stabbiliti indikaturi u għall-użu fil-qasam tal-Kontijiet Ambjentali. Fl-istess ħin, wieħed għandu jsemmi li bidliet metodoloġiċi f’pajjiżi individwali għad jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq is-serje ta’ żmien, fil-livell nazzjonali, iżda wkoll fil-livell tal-aggregat tal-UE-27. Għaldaqstant, l-iżviluppi tul iż-żmien għandhom xorta waħda jiġu interpretati b’attenzjoni u wara analiżi bir-reqqa tad-dejta msemmija Barra minn hekk, l-effett ta' kunċetti ġodda introdotti permezz tad-Direttiva Qafas riveduta dwar l-Iskart, jiġifieri l-kriterji dwar it-tmiem tal-iskart, dwar l-istatistika tal-iskart għandhom jiġu osservati. Ġew żviluppati indikaturi dwar il-ġenerazzjoni ta’ skart perikoluż u dwar il-ġenerazzjoni ta’ skart li mhuwiex minerali u dawn qed jiġu integrati fis-sett ta’ Indikaturi dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-Istrateġija Ewropa 2020. Madankollu, l-iżvilupp ta’ indikatur għar-riċiklar għadu għaddej. Huwa mistenni titjib konsiderevoli fir-rigward tal-użu u l-interpretazzjoni tal-istatistika tal-iskart mir-reviżjoni tar-Regolament li se jibda japplika sa mis-sena ta’ referenza 2010. [1] ĠU L 332, 9.12.2002, p. 1, kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 849/2010 (ĠU L 253, 28.9.2010, p. 2). [2] COM(2008) 355 finali, 13.6.2008. [3] Il-websajt tal-Eurostat dwar il-Kwalità: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page?_pageid=2273.1 2273_47140765&_dad=portal&_schema=PORTAL. [4] ĠU L 229, 6.9.2005, p. 6. [5] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-komunikazzjoni interpretattiva dwar l-iskart u l-prodotti sekondarji (COM(2007) 59 finali). [6] ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1. [7] Id-Deċiżjoni 2000/532/KE fir-rigward tal-lista tal-iskart, ĠU L 226, 6.9.2000, p.3. [8] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 849/2010 tas-27 ta’ Settembru 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2150/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika tal-iskart (ĠU L 253, 28.9.2010, p. 2). [9] Id-Deċiżjoni tal-Kumissjoni tas-17 ta' Novembru 2000 li tirrigwarda kwestjonarju għar-rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma (ĠU L 298, 25.11.2000, p. 24). [10] ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1, emendat l-aħħar mill-ĠU L 119, 13.5.2010, p. 1.