52011DC0111

/* KUMM/2011/0111 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-implimentazzjoni tal-Istrument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari L-ewwel Rapport - Programmi ta' Azzjoni Annwali għall-2007, l-2008 u l-2009


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 10.3.2011

KUMM(2011) 111 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-implimentazzjoni tal-Istrument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza NukleariL-ewwel Rapport - Programmi ta' Azzjoni Annwali għall-2007, l-2008 u l-2009

SEG(2011) 284 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-implimentazzjoni tal-Istrument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza NukleariL-ewwel Rapport - Programmi ta' Azzjoni Annwali għall-2007, l-2008 u l-2009

DAĦLA

Dan ir-rapport qed jiġi sottomess lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u huwa indirizzat lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea, f'konformità mal-kundizzjonijiet ta' rappurtar stabbiliti fl-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (EURATOM) Nru 300/2007 tad-19 ta' Frar 2009 li jistabbilixxi Strument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari[1] li hawn taħt jissejjaħ ir-Regolament dwar l-INSC.

SOMMARJU

Il-Programm INSC kompla bil-kooperazzjoni fis-sikurezza nukleari mibdija taħt it-TACIS mal-eks Unjoni Sovjetika, imma l-kopertura ġeografika tiegħu ġiet estiża biex issir globali. L-iżviluppi ewlenin dwar il-kooperazzjoni u l-assistenza fis-sikurezza nukleari pprovduti taħt l-INSC matul il-perjodu 2007-2009 kienu dawn segwenti.

Fl- Ukraina , appoġġ immirat kien ipprovdut lir-regolatur u lill-operatur. Kisba ewlenija kienet l-evalwazzjoni tas-sikurezza nukleari tal-impjanti tal-enerġija nukleari (NPPs) Ukreni taħt proġett konġunt mal-IAEA. L-evalwazzjoni pprovdiet informazzjoni ta' valur dwar l-istatus tal-impjanti, kif ukoll dwar is-sitwazzjoni tal-ġestjoni tal-iskart nukleari u r-regolatur nukleari fl-Ukraina u wriet it-titjib sinifikanti li sar fis-sikurezza nukleari fis-snin riċenti.

Fir- Russja , il-proġetti mibdija taħt it-TACIS komplew taħt l-INSC, imma ma kienx hemm il-possibbiltà ta' proġetti ġodda minħabba li ma setax jintlaħaq qbil dwar qafas xieraq ta' kooperazzjoni. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet biex ikomplu l-attivitajiet ta' kooperazzjoni b'kamp ta' applikazzjoni limitat.

Fl- Armenja , tnedew proġetti importanti li jikkonċernaw l-Impjant tal-Enerġija Nukleari biex jindirizzaw kwistjonijiet urġenti ta' sikurezza waqt li l-impjant ikun qed jopera, madanakollu l-Kummissjoni tkompli żżomm il-pożizzjoni li l-impjant ma jistax jiġi aġġornat biex jilħaq l-istandards ta' sikurezza nukleari moderni u għalhekk għandu jingħalaq malajr kemm jista' jkun filwaqt li wieħed iżomm quddiem għajnejh il-prattiċità. Il-proġetti pprovdew taħriġ tal-persunal, għajnuna lir-regolatur nukleari u żvilupp tal-istrateġija tal-ġestjoni tal-iskart bi tħejjija għal diżattivazzjoni fil-futur.

Fil- Bjelorussja u l- Ġeorġja , il-kooperazzjoni kompliet bi proġetti relattivament żgħar. Madanakollu, fil-każ tal-Bjelorussja, seħħew xi diskussjonijiet biex tiżdied il-kooperazzjoni mar-regolatur sabiex jitjiebu l-kapaċitajiet tagħha b'antiċipazzjoni tal-bini ta' impjant tal-enerġija nukleari fil-pajjiż.

Il-Programm ġie estiż għal pajjiżi ġodda fi tliet reġjuni kif ġej:

Pajjiżi koperti bil- Politika Ewropea tal-Viċinat: ġew imnedija proġetti fl- Eġittu, fil-Ġordan u fil-Marokk , l-aktar biex jappoġġjaw lill-awtoritajiet regolatorji.

Fix-Xlokk tal-Asja: inbdew proġetti fil- Filippini u l- Vjetnam .

L- Amerika Latina : ġew imnedija proġetti mar-regolatur nukleari u l-operatur fil- Brażil . Ġew stabbiliti wkoll kuntatti mal- Messiku u l- Arġentina .

Element importanti ieħor tal-Programm kien il-kooperazzjoni estiża mal- IAEA biex jiġu appoġġjati attivitajiet tekniċi tematiċi fil-livell tal-pajjiż jew fir-reġjun. Dawn inkludew, inter alia, l-iżvilupp tal-kultura tas-sikurezza, bini tal-kapaċità tar-regolaturi, ġestjoni tal-iskart, riċerka fis-sikurezza tar-reatturi u s-sikurezza sismika. Dan l-element tal-programm se jibqa' jkun importanti ħafna fis-snin li ġejjin.

Appoġġ finanzjarju sinifikanti ġie pprovdut lill- Fond ta' Protezzjoni ta' Chernobyl u lill- Kont tas-Sikurezza Nukleari , ġestiti mill-EBRD f'isem il-pajjiżi donaturi. Inħoloq Grupp ta' Kuntatt EBRD – G8 NSSG (Grupp dwar is-Sikurezza u s-Sigurtà Nukleari) biex isegwi mill-qrib il-proġetti ta' Chernobyl. Dan il-grupp huwa ppresedut mill-Kummissjoni.

DAĦLA

Fl-1991, il-Kummissjoni nediet il-komponent tas-Sikurezza Nukleari tal-programm TACIS[2] biex tindirizza l-preokkupazzjonijiet ta' sikurezza li tqajmu mill-inċident ta' Chernobyl. Bejn l-1991 u l-2006, aktar minn €1.3 biljuni ġew allokati għal proġetti ta' sikurezza nukleari. Dettalji tar-riżultati taħt il-Programmi ta' Sikurezza Nukleari TACIS kienu disponibbli f'rapport speċifiku fl-2009[3].

Mill-2007, l-attivitajiet tal-UE ta' assistenza u kooperazzjoni fis-sikurezza nukleari komplew taħt l-Istrument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari (INSC)[4]. L-INSC introduċa numru ta' bidliet notevoli meta mqabbel mal-programm ta' sikurezza nukleari TACIS.

Il-kopertura ġeografika m'għadhiex limitata għal stati tal-eks Unjoni Sovjetika. Hija tapplika għal pajjiżi terzi[5] madwar id-dinja. Dan jippermetti li l-esperjenza li l-Kummissjoni kisbet mill-pajjiżi tal-eks Unjoni Sovjetika tintuża f'postijiet oħra biex tindirizza l-bżonnijiet ta' pajjiżi emerġenti, kif ukoll f'pajjiżi bi programmi stabbiliti ta' enerġija nukleari li jeħtieġu titjib fis-sikurezza nukleari, b'mod partikolari dawk li għandhom programmi nukleari li qed jespandu b'mod rapidu. Fl-2008, il-Kummissjoni ħabbret l-istrateġija wiesgħa tagħha f'Komunikazzjoni lill-Kunsill tal-UE u lill-Parlament[6].

Fid-dawl tal-bżonnijiet potenzjali għall-kooperazzjoni dinjija fis-sikurezza nukleari, il-Kunsill tal-UE ppropona sett ta' kriterji li jridu jiġu osservati meta jitqiesu proġetti ma' pajjiżi ġodda[7]. Il-Kummissjoni kkunsidrat dawn il-kriterji fl-istrateġija riveduta tagħha tal-INSC għall-2010-2013[8], li tinkludi wkoll prijoritajiet ġeografiċi.

It-tieni, filwaqt li l-programm TACIS iffoka fuq l- assistenza għas-sikurezza nukleari inkluż, f'ħafna każijiet, forniment ta' apparat ('assistenza teknika'), l-għan tal-INSC huwa li jsaħħaħ il- kooperazzjoni , bil-ħsieb li tittejjeb is-sikurezza nukleari mingħajr il-forniment ta' apparat ('assistenza mhux teknika'), għalkemm dan jista' jiġi kkunsidrat f'każijiet speċjali. Is-sieħba huma wkoll imħeġġa biex jieħdu rwol aktar prominenti fid-definizzjoni, il-ġestjoni u l-implimentazzjoni ta' dawn il-proġetti.

Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi l-arranġamenti ta' kofinanzjament, fejn l-organizzazzjonijiet sieħba ġeneralment jipprovdu kontribuzzjonijiet permezz ta' persunal jew permezz ta' provvisti jew xogħol (studji addizzjonali, xogħlijiet ċivili), fuq il-bażi ta' pjanijiet ta' finanzjament li jkun intlaħaq qbil dwarhom minn qabel.

It-tielet, il-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku mkabbar tal-INSC, meta mqabbel mat-TACIS, żied il-bżonn għal kooperazzjoni u koordinazzjoni internazzjonali ta' azzjonijiet ma' donaturi u partijiet interessati oħra, bħall-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA).

Ir-rapport preżenti jipprovdi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Programmi ta' Azzjoni Annwali għall-ewwel tliet snin tal-INSC, l-2007, l-2008 u l-2009, inklużi l-proġetti approvati sal-aħħar tal-2009 u l-istat tal-implimentazzjoni tagħhom sa nofs l-2010.

Ħafna mid-diffikultajiet inizjali fil-fażi tranżitorja minn TACIS għal INSC, primarjament minħabba dewmien sabiex il-pajjiżi sieħba jiffirmaw il-Ftehimiet ta' Finanzjament taħt il-format il-ġdid, sadanittant ġew solvuti, bl-eċċezzjoni tar-Russja.

L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMMI TA' AZZJONI ANNWALI

Ir-Regolament dwar l-INSC ġie adottat fid-19 ta' Frar 2007. L-Istrateġija 2007-2013 u l-ewwel Programm Indikattiv li jkopri l-2007-2009[9] ġew adottati mill-Kummissjoni fit-8 ta' Awissu 2007. Il-Programm Indikattiv li jkopri l-2010-2011[10] u l-Istrateġija Riveduta għall-2010-2013[11] ġew adottati f'Diċembru 2009. Minħabba ż-żmien tal-adozzjoni tal-Programmi ta' Azzjoni, fuq bażi annwali, u l-perjodu twil ta' approvazzjoni mill-awtoritajiet tal-pajjiżi sieħba, l-implimentazzjoni proprja tal-parti l-kbira tal-proġetti taħt l-INSC nbdiet biss fl-2009.

Programm ta' Azzjoni Annwali għall-2007 (AAP2007)

Allokazzjonijiet

L-AAP2007 ġie ppreżentat f'żewġ partijiet:

- Parti I - €18-il miljun - Deċiżjoni tal-Kummissjoni C/2007/441 tat-28 ta' Settembru 2007.

- Parti II - €58.772 miljun - Deċiżjoni tal-Kummissjoni C/2007/6422 tad-19 ta' Diċembru 2007.

Implimentazzjoni - punti ewlenin f'nofs l-2010

It-tieni pagament tat-tielet impenn tal-Kummissjoni lill- Fond ta' Protezzjoni ta' Chernobyl tħallas (€10 miljuni) lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (l-EBRD), li jimmaniġġja l-Fond.

Il-kuntratti ġew konklużi għat-titjib tas- sikurezza nukleari fl-Armenja , li jikkorrispondu għal 90% tal-ammonti ppjanati (€6.9 miljun minn €7.2 miljuni).

Ġew iffirmati kuntratti għall-estensjoni ta' għajnuna fuq il-post f' erba' impjanti tal-enerġija nukleari fir-Russja u l-Ukraina (€6 miljuni AAP2007-parti I). Dawn ikopru l-finalizzazzjoni ta' proġetti kbar tas-sikurezza nukleari li bdew taħt it-TACIS.

Il-proġett konġunt KE-IAEA-Ukraina li jirrigwarda l-evalwazzjoni tas-sikurezza nukleari tal-Impjanti tal-Enerġija Nukleari Ukreni tnieda fl-aħħar tal-2007. Dan il-proġett ta' €3.5 miljuni ġie kofinanzjat mill-IAEA (€0.6 miljuni) u l-UE (€2.9 miljuni). Ir-rapport finali kien disponibbli matul l-ewwel nofs tal-2010.

L-ewwel kuntratt tal-proġett biex jitlesta ċ- Ċentru Nazzjonali ta' Taħriġ fil-Manutenzjoni u l-Ġestjoni għall-persunal tal-ENNEG Energoatom fl-Ukraina ġie konkluż f'Awissu tal-2009 (€5.7 miljun). Proġett wieħed għall- ġestjoni tas-sikurezza tal-impjanti tal-enerġija nukleari Ukreni fuq tul ta' żmien, beda fl-2010 (€2.5 miljuni).

€1.5 miljuni ġew allokati għall- mitigazzjoni tal-konsegwenzi tal-inċident ta' Chernobyl fl-Ukraina u fil-Bjelorussja.

Minħabba li l- Federazzjoni Russa ma ffirmatx il-Ftehim ta' Finanzjament għall-proġetti taħt l-AAP2007-parti II qabel l-iskadenza (fl-aħħar tal-2008), il-fondi rispettivi (€28.272 miljun) ġew diżimpenjati. Dawn il-fondi ma setgħux jintużaw għal proġetti oħra ta' sikurezza nukleari fil-qafas tal-INSC.

Programm ta' Azzjoni Annwali għall-2008 (AAP2008)

Allokazzjonijiet

L-AAP2008 ġie ppreżentat f'żewġ partijiet:

- Parti I - €23 miljun - Deċiżjoni tal-Kummissjoni C/2008/3348 tas-7 ta' Lulju 2008.

- Parti II - €48.255 miljun - Deċiżjoni tal-Kummissjoni C/2008/7366 tat-28 ta' Novembru 2008.

Implimentazzjoni - punti ewlenin f'nofs l-2010

Il-Ftehimiet ta' Finanzjament relatati mal-AAP 2008 Parti II, iffirmati mill-pajjiżi sieħba bejn Lulju 2009 u Diċembru 2009, ippermettew l-implimentazzjoni tal-proġetti biex jibdew fl-2010. Bħal fl-2007, il-Federazzjoni Russa ma kinitx lesta tiffirma l-Ftehim ta' Finanzjament u l-Kummissjoni ddeċidiet li terġa' talloka l-fondi previsti għar-Russja (€17.2 miljuni) għal attivitajiet oħra. Ir-riallokazzjoni tal-fondi ġiet konkluża qabel it-tmiem tal-2009, meta jkun skada l-qafas ta' żmien proċedurali. Il-fondi ġew użati għal proġetti Ukreni u Armeni u biex issir kontribuzzjoni addizzjonali għall-Fond ta' Protezzjoni ta' Chernobyl (€10.7 miljuni) b'antiċipazzjoni tal-impenn li jmiss.

Il-pagament ta' €15-il miljun tat-tielet impenn tal-Kummissjoni lill- Fond ta' Protezzjoni ta' Chernobyl ġie trasferit lill-EBRD.

Ingħataw kuntratti għat-tkomplija tal- assistenza lill-korpi governattivi u l-partijiet interessati lokali involuti fl-implimentazzjoni tas-sikurezza nukleari fl-Ukraina (Uffiċċju għall-Appoġġ Konġunt, Kiev, €3.0 miljun) u fir-Russja (Unità għall-Ġestjoni Konġunta, Moska, €1.5 miljuni)

Programm ta' Azzjoni Annwali għall-2009 (AAP2009)

Allokazzjonijiet

AAP 2009 ġie ppreżentat għal darba oħra f'żewġ partijiet:

- Parti I - €30.2 miljuni - Deċiżjoni tal-Kummissjoni PE/2009/6607 tas-16 ta' Settembru 2009.

- Parti II - €43.5 miljuni - Deċiżjoni tal-Kummissjoni PE/2009/9119 tas-16 ta' Diċembru 2009.

Implimentazzjoni - punti ewlenin f'nofs l-2010

€9.7 miljuni tħallsu lill- Fond ta' Protezzjoni ta' Chernobyl li jirrappreżentaw l-aħħar pagament tat-tielet impenn tal-Kummissjoni lill-Fond. Pagament ieħor sar lill-Kont ta' Sikurezza Nukleari (€15-il miljun) li jikkorrespondi mal-impenn meħud mill-Kummissjoni fl-2008. Dawn il-pagamenti lill-EBRD għal Chernobyl kienu ġew previsti taħt l-AAP 2009 Parti I.

Ingħataw kuntratti għal żewġ proġetti ta' €1 miljun kull wieħed għat-tkomplija tal- appoġġ lill-Operatur Nukleari Russu fl-impjanti tal-enerġija nukleari ta' Smolensk u Beloyarsk[12].

L-użu tal-mezzi finanzjarji previsti fl- Allokazzjoni Globali beda b'verifiki u missjonijiet esploratorji fil-Vjetnam.

Il-Ftehimiet ta' Finanzjament relatati mal-AP 2009 Parti II ġew trażmessi lill-pajjiżi sieħba kmieni fl-2010. Dawn iridu jiġu ffirmati qabel it-tmiem tal-2010 sabiex l-implimentazzjoni tal-proġetti tista' tinbeda fl-2011.

Programm ta' Azzjoni Annwali għall-2010 (AAP2010)

AAP2010 ġie ppreżentat ukoll f'żewġ partijiet:

- Parti I - €7.7 miljuni - Deċiżjoni tal-Kummissjoni PE/2010/3664 tad-29 ta' Ġunju 2010.

- Parti II - €61.627 miljun - Deċiżjoni tal-Kummissjoni PE/2010/8016 tad-29 ta' Novembru 2010.

Il-progress fir-rigward tal-Programm ta' Azzjoni Annwali 2010 ma jifformax parti minn dan ir-rapport.

L-użu tal-fondi tal-programm INSC 2007-2009

Is-sitwazzjoni fir-rigward tal-użu tal-fondi INSC allokati taħt l-AAP's għall-2007, l-2008 u l-2009 hija mqassra fit-tabella segwenti.

L-użu tal-fondi tal-Programm INSC (miljuni ta' € - is-sitwazzjoni f'nofs l-2010)

SENA TAL-AAP | Fondi Allokati | Ikkuntrattati | Imħallsa |

2007 | 76.772* | 34.224 | 21.786 |

2008 | 71.255 | 36.461 | 31.265 |

2009 | 73.700 | 30.200 | 26.900 |

Nota *: Inkluż €28.272 miljun għar-Russja li wara ġew diżimpenjati

KONKLUŻJONIJIET

Il-Programm ta' Monitoraġġ tal-UE Orjentat lejn ir-Riżultati għall-Pajjiżi Ewropej għall-Viċinat u s-Sħubija[13] ppreżenta l-konklużjonijiet ewlenin segwenti dwar il-proġetti ta' sikurezza nukleari tal-INSC:

1. Il-proġetti jkomplu jiġu mfassla f'konformità mad-dokumenti strateġiċi tal-Istrument ta' Kooperazzjoni fis-Sikurezza Nukleari (INSC). Ir-relevanza hija evalwata bħala ferm adatta u kompatibbli mal-Prinċipji ta' Sikurezza Fundamentali tal-IAEA 2007.

2. It-titjib fil-kultura tas-sikurezza nukleari permezz tal-INSC tinkorpora kif xieraq, tagħlimiet miksuba mill-programm ta' Sikurezza Nukleari Tacis, filwaqt li tindirizza sewwa l-bżonnijiet emerġenti fi ħdan mandat li m'għadux ristrett għar-reġjun tal-eks Unjoni Sovjetika.

3. It-tranżizzjoni għall-INSC ma kkawżatx interruzzjoni fil-kooperazzjoni mal-Armenja u l-Ukraina, filwaqt li għall-implimentazzjoni tal-proġetti INSC fil-Federazzjoni Russa, għadha qed tiġi stabbilita bażi speċjali.

4. L-inizjattiva l-ġdida biex tittejjeb is-sorveljanza regolatorja permezz tal-proġetti INSC hija adatta.

5. Il-proġetti INSC li jiffokaw fuq l-iskambju tal-għarfien u l-prattiċi huma apprezzati mis-sieħba fil-pajjiżi mmirati.

Proġetti f'reġjuni oħra koperti s'issa mill-INSC (l-Amerika Latina u x-Xlokk tal-Asja) m'humiex avvanzati biżżejjed biex iwasslu għal konklużjonijiet sinifikanti dwar l-implimentazzjoni tagħhom.

[1] L-Artikolu 18 tar-Regolament dwar l-INSC jobbliga li 'Il-Kummissjoni għandha teżamina l-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-miżuri mwettqa skont dan ir-Regolament u għandha tippreżenta rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jiġi indirizzat ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni. Ir-rapport għandu jkun fih informazzjoni dwar is-sena ta’ qabel fuq il-miżuri finanzjati, informazzjoni dwar ir-riżultati tal-eżerċizzji tal-monitoraġġ u tal-evalwazzjoni, u l-implimentazzjoni ta’ rabtiet u ħlasijiet tal-baġit, imqassma skont il-pajjiż, ir-reġjun u skont is-settur tal-kooperazzjoni'.

[2] It-TACIS (Assistenza Teknika lill-Istati Indipendenti tal-Commonwealth) huwa l-programm tal-Kummissjoni Ewropea maħsub biex jassisti 12-il pajjiż tal-Ewropa tal-Lvant u l-Asja Ċentrali (l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Bjelorussja, il-Ġeorġja, il-Kazakistan, il-Kirgiżistan, il-Moldova, ir-Russja, it-Taġikistan, it-Turkmenistan, l-Ukraina u l-Uzbekistan), fit-tranżizzjoni tagħhom lejn ekonomiji orjentati lejn is-suq.

[3] " ir-Rapport ta' Analiżi dwar is-Sikurezza Nukleari TACIS), Mejju 2010, minn Italtrend. Il-Kummissjoni Ewropea, l-Uffiċċju tal-Kooperazzjoni EuropeAid (AIDCO A4) kuntratt Nru 172067. (Rapport ippreżentat mill-Kummissjoni lill-Kumitat tal-INSC).

[4] Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 300/2007 tad-19 ta' Frar 2007 li jistabbilixxi Strument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari (ĠU L 81, 22.3.2007, p. 1).

[5] 'Pajjiżi terzi' huma pajjiżi barra l-UE, esklużi dawk koperti mill-Istrument ta' Qabel l-Adeżjoni u, fil-prinċipju, il-pajjiżi industrijalizzati/bi dħul għoli (ara n-nota ta' qiegħ il-paġna nru 6).

[6] Komunikazzjoni "Li tindirizza l-isfida internazzjonali tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari" (COM (2008) 312 finali, 22 ta' Mejju 2008

[7] Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-assistenza lil pajjiżi terzi fil-qasam tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari, id-9 ta' Diċembru 2008. http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/en/trans/104601.pdf

[8] Strateġija Riveduta għall-Programmi ta' Kooperazzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-Sikurezza Nukleari għall-perjodu 2010-2013 ( C(2009)9822 )

[9] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C/2007/3758 tal-01.08.2007

[10] Programm Indikattiv għall-Programmi ta' Kooperazzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-Sikurezza Nukleari għall-perjodu 2010-2011 (C(2009)9820)

[11] Strateġija Riveduta għall-Programmi ta' Kooperazzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-Sikurezza Nukleari għall-perjodu 2010-2013 (C(2009)9822)

[12] Il-kuntratti rispettivi ġew konklużi taħt ir-regola n+1 (kuntratt li jrid jiġi konkluż fi żmien sena wara l-approvazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni), mingħajr il-Ftehim ta' Finanzjament.

[13] Sistema ta' Monitoraġġ tal-Implimentazzjoni tal-Proġetti u l-Programmi tal-Kooperazzjoni Esterna ffinanzjati mill-UE – Monitoraġġ Orjentat lejn ir-Riżultati (ROM) għall-pajjiżi koperti mill-Istrument Ewropew għall-Viċinat u s-Sħubija. Ħarsa Ġenerali lejn il-proġetti INSC sorveljati sa nofs l-2010, Rapport mill-Konsorzju mmexxi minn INTEGRATION (INTEGRATION - ICCS-NTUA (EPU) –ECORYS), Novembru 2010.