[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 18.2.2011 KUMM(2011) 80 finali RAPPORT INTERIM MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar il-progress fir-Rumanija taħt il-Mekkaniżmu ta' Koperazzjoni u Verifika RAPPORT INTERIM MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar il-progress fir-Rumanija taħt il-Mekkaniżmu ta' Koperazzjoni u Verifika 1. INTRODUZZJONI Meta r-Rumanija daħlet fl-UE fl-1 ta' Jannar 2007, twaqqaf Mekkaniżmu ta' Koperazzjoni u Verifika (minn hawn 'il quddiem MKV)[1] sabiex jgħin lir-Rumanija ssolvi nuqqasijiet fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u tissorvelja l-progress f'dawn l-oqsma permezz ta' rapporti perjodiċi. Dan ir-rapport huwa rapport interim li jipprovdi aġġornament tekniku dwar żviluppi sinifikanti li seħħew matul l-aħħar sitt xhur fir-Rumanija taħt il-MKV. Huwa jiffoka fuq ir-rispons tar-Rumanija għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u ma fihx valutazzjoni sħiħa tal-progress miksub. L-aġġornament huwa limitat għal miżuri li jew tlestew jew li l-finalizzazzjoni tagħhom hija mistennija f'qasir żmien. L-aħħar rapport ta' progress adottat mill-Kummissjoni fl-20 ta' Lulju 2010 u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu għadhom il-punt ta' referenza għall-valutazzjoni tal-progress miksub meta mqabbel mal-parametri ta' riferiment u għall-identifikazzjoni tal-isfidi li baqa'. Il-Kummissjoni se tipprovdi l-valutazzjoni li jmiss tagħha fis-sajf tal-2011. 2. IR-RIFORMA ĠUDIZZJARJA U L-ĠLIEDA KONTRA L-KORRUZZJONI: SOMMARJU TAL-IżVILUPPI Mill-aħħar rapport tal-Kummissjoni, ir-Rumanija ħadet diversi passi importanti biex ittejjeb ir-rapidità tal-proċess ġudizzjarju billi adottat u implimentat l-"Liġi dwar Riformi Żgħar" (liġi proċedurali biex tħaffef it-trattament tal-kawżi) u billi emendat il-Liġi dwar il-Qorti Kostituzzjonali, kif irrakkomandat il-Kummissjoni. Ir-Rumanija kompliet ukoll it-tħejjijiet għall-implimentazzjoni tal-qafas ġdid leġiżlattiv fil-liġi ċivili u kriminali billi varat valutazzjoni tal-impatt tal-kodiċijiet il-ġodda u billi għamlet progress fil-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni. Matul l-istess perjodu, ir-Rumanija ħejjiet ukoll proposti biex jingħalqu qrati u uffiċċji ta' prosekuturi li mhumiex vjabbli u biex talloka mill-ġdid il-persunal ta' dawn il-postijiet. Barra minn hekk, ir-Rumanija ħejjiet proposti biex issaħħaħ l-ingaġġ u t-taħriġ inizjali tal-maġistrati. Matul dawn l-aħħar sitt xhur, id-Direttorat Nazzjonali ta' Kontra l-Korruzzjoni (DNA) kompla jżomm ir-rekord tajjeb tiegħu fl-investigazzjoni ta' korruzzjoni f'livell għoli. Matul dan il-perjodu wieħed seta' josserva żjieda fin-numru ta' kundanni mhux finali u sentenzi dissważivi filwaqt li tnediet valutazzjoni tal-impatt indipendenti fuq l-aħħar żewġ strateġiji ta' kontra l-korruzzjoni. Madankollu, mill-aħħar valutazzjoni tal-Kummissjoni ma tantx sar progress rigward kawżi importanti ta' korruzzjoni f'livell għoli. B'segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, ir-Rumanija adottat liġi mtejba biex tiżgura l-funzjonament tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità (ANI). Madankollu, waqt l-istess perjodu li l-awtoritajiet komplew isaħħu l-qafas legali u l-operat tas-sistema ġudizzjarja, il-Parlament iddeċieda dwar tnaqqis sinifikanti fil-baġit rigward l-ANI fil-kuntest ta' limiti baġitarji ġenerali. Il-Parlament ukoll ma ppermettiex li jsiru investigazzjonijiet dwar allegazzjonijiet ta' korruzzjoni minn eks-ministru. L-elezzjonijiet għall-Kunsill Suprem tal-Maġistratura intefgħalhom dell minn sfidi legali li wasslu lill-Qorti Kostituzzjonali biex tannulla l-elezzjoni ta' erba' membri tal-KSM. 3. PROSPETTIVA MILL-AħħAR VALUTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI 'L HAWN, IR-RUMANIJA WIEġBET B'MOD KOSTRUTTIV GħAR-RAKKOMANDAZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI. Sabiex tikkonsolida l-momentum tar-riforma li ingħatat spinta ġdida, ir-Rumanija għandha tiffoka fuq it-tħejjija mirquma għall-implimentazzjoni tal-Kodiċijiet il-ġodda, u għandha tikkummissjona wkoll analiżi komprensiva tal-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja sabiex tagħti appoġġ lill-implimentazzjoni tal-aġġustamenti strutturali u l-investimenti ulterjuri meħtieġa biex ikunu żgurati l-pass ħafif, il-kwalità u l-konsistenza tal-proċess ġudizzjarju. F'dan ir-rigward id-dħul fil-kariga ta' Kunsill Superjuri tal-Maġistratura ġdid jipprovdi opportunità importanti għal koperazzjoni mill-qrib u kostruttiva bejn l-atturi politiċi u ġudizzjarji differenti. Sa ma l-Kummissjoni tagħmel il-valutazzjoni li jmiss fis-sajf tal-2011, ir-Rumanija għandha tiffoka b'mod partikolari fuq it-tnedija ta' reviżjoni indipendenti tas-sistema ġudizzjarja, ir-riforma tas-sistema dixxiplinarja għall-maġistrati u fuq miżuri biex ittejjeb il-ħeffa ta' ġurijiet rigward korruzzjoni f'livell għoli u ssaħħaħ il-politika ġenerali kontra l-korruzzjoni. Il-Kummissjoni se tkompli tagħti l-appoġġ tagħha lir-Rumanija f'dan l-isforz u tipprovdi l-valutazzjoni fil-fond li jmiss dwar il-progress sas-sajf ta' din is-sena. 4. AġġORNAMENT DWAR IS-SITWAZZJONI ATTWALI Ir-Riforma tal-Ġudikatura Mill-aħħar valutazzjoni tal-Kummissjoni 'l hawn, ir-Rumanija adottat " Liġi dwar Riformi Żgħar " sabiex ittejjeb il-ħeffa ta' proċedimenti ġudizzjarji u tagħmel progress fl-implimentazzjoni ta' ċerti riformi inklużi fil-kodiċijiet il-ġodda. Il-Liġi dwar Riformi Żgħar tintroduċi l-prinċipju ta' opportunità li jipprovdi iktar possibiltajiet għall-prosekuzzjoni biex na ssegwix każijiet, pereżempju fejn l-evidenza li teżisti ma titlobx iktar investigazzjoni; tintroduċi wkoll il-possibbiltà għall-prosekuzzjoni li tieħu f'idejha rapporti ppreżentati lill-pulizija f'ċerti każijiet minuri. Hija tissimplifika l-proċeduri ġudizzjarji u tippermetti għall-possibbiltà tal-ammissjoni ta' ħtija u għalhekk jiqsar iż-żmien li jieħu l-proċess. Il-Liġi dwar Riformi Żgħar tissimplifika wkoll il-proċedura tal-appell fl-interess tal-liġi li huwa previst li tibqa' l-mezz ewlieni għal unifikazzjoni legali. Fl-aħħar sitt xhur, ir-Rumanija ħadet għadd ta' miżuri strutturali biex tindirizza n- nuqqasijiet ta' kapaċità tas-sistema ġudizzjarja li qed joħolqu pressjoni. Se jkunu wkoll meħtieġa miżuri ulterjuri biex jiżguraw distribuzzjoni mill-ġdid tar-riżorsi ladarba tkun disponibbli l-valutazzjoni tal-impatt tal-kodiċijiet il-ġodda. Mill-aħħar rapport tal-Kummissjoni, ir-Rumanija ffinalizzat proposta biex jingħaqlu erbgħa u għoxrin qorti u uffiċċji tal-prosekuzzjoni relatati, li jew ma kinux qed joperaw jew ma kellhomx volum biżżejjed ta' xogħol.[2] Barra minn hekk, ir-Rumanija żviluppat proposti biex issaħħaħ ir-reklutaġġ u t-taħriġ ta' maġistrati. Madankollu, il-kapaċità tal-Istitut Nazzjonali tal-Maġistratura għadha ma żdiditx biex tiġi skont il-ħtiġiet ta' riżorsi tal-maġistratura u tnaqqsilhom l-baġit tagħhom għall-2011 (bħala parti mill-konsolidazzjoni fiskali nazzjonali li hi meħtieġa). Proposti għat-trasferiment ta' ċerti kompiti amministrattivi mingħand l-imħallfin għal għand il-persunal awżiljarju u l-introduzzjoni ta' maniġers tal-qrati għadhom pendenti. Fir-Rumanija saru kunsiderazzjonijiet inizjali rigward analiżi tal-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja li rrakkomandat il-Kummissjoni; madankollu din għadha ma ġietx varata. Evalwazzjoni indipendenti tal-prestazzjoni tas-sistema ġudizzjarja għandha tgħin tidentifika l-miżuri li huwa meħtieġa biex titjieb l-effiċjenza tas-sistema. Rapport recenti dwar il-vulnerabbilitajiet tas-sistema ġudizzjarja Rumena imħejjija minn tim ta' maġistrati, avukati, akkademiċi u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jagħti kontribut utili li din il-ħidma. Mill-aħħar rapport tal-Kummissjoni, ir-Rumanija ħadet passi biex twieġeb għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward is- sistema dixxiplinarja tal-maġistratura. Tħejjew proposti mill-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura biex tiġi kklassifikata il-gravità ta' offiżi dixxiplinarji, biex tiżdied il-firxa ta' sanzjonijiet u biex tiġi introdotta skala u penali xierqa. Hija meħtieġa leġiżlazzjoni biex timplimenta dawn il-proposti. Barra minn hekk, saru għadd ta' evalwazzjonijiet tal-Ispezzjoni Ġudizzjarja u l-ispetturi tagħha, u huwa pervist fil-futur uħud minn dawn l-evalwazzjonijiet ikunu ripeturi perjodikament.[3] Rigward l-elezzjonijiet tal- Kunsill Superjuri tal-Maġistratura, l-legalità tal-mandati ta' diversi membri tal-Kunsill, ġiet ikkontestata u sfidata fil-qorti, fejn deċiżjonijiet fianali għadhom pendenti. Id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali f'Jannar li tinvalida l-elezzjonijiet għal ċerti membri toħloq il-possibbiltà li tkun żgurata l-kredibbiltà tal-Kunsill il-ġdid. Fl-interim se jkun importanti li l-funzjonament tal-Kunsill ikun żgurat, sakemm isiru l-elezzjonijiet għall-postijiet invalidati. Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni biex tiżgura li l- ġurisprudenza kollha tal-qrati tiġi ppubblikata f'bażi ta ' dejta li hi faċli għall-utent u li wieħed faċilment ifittex fiha teħtieġ sforzi kontinwi. Ġew ippubblikati iktar deċiżjonijiet dwar il-portal online tal-ġurisprudenza, Jurindex, iżda bħalissa l-ġabra hija limitata għal sentenzi tal-Qorti tal-Appell (u sentenzi ta' Tribunal wieħed) għall-2008, l-2009 u l-ewwel xahrejn tal-2010. L-isfida ewleninja għar-Rumanija fix-xhur li ġejjin rigward ir-riforma ġudizzjarja se tkun it-tħejjija b'suċċess għad- dħul fis-seħħ tal-erba' kodiċijiet il-ġodda . Il-kodiċijiet jintroduċu qafas leġiżlattiv għal kollox ġdid u proċeduri fil-liġi ċivili u kriminali li joffri sfida importanti meta wieħed iqis in-nuqqasijiet li jeżistu rigward il-kapaċità u l-konsistenza tal-proċess ġudizzjarju. Ir-Rumanija għamlet pass importanti billi nediet valutazzjoni tal-impatt[4] tal-kodiċijiet il-ġodda bil-għan li tevalwa l-implikazzjonijiet rigward persunal u l-aġġustamenti neċessarji leġiżlattivi u strutturali. Ix-xogħol fuq il-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni mexa 'l quddiem: abbozzi ta' liġijiet ta' implimentazzjoni għall-Kodiċijiet Ċivili u Kriminali tressqu quddiem il-Parlament[5], filwaqt li qed isiru l-abbozzi tal-liġijiet ta' implimentazzjoni għall-Kodiċijiet ta' Proċedura. Ladarba l-awtoritajiet Rumeni jirċievu l-aħħar valutazzjoni tal-impatt, ikun hemm bżonn jitħejja pjan komprensiv ta' implimentazzjoni u jibda t-taħriġ biex tkun żgurata implimentazzjoni mingħajr intoppi u effettiva. Il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni Mill-aħħar rapport tal-Kummissjoni 'l hawn, id- Direttorat Nazzjonali ta' Kontra l-Korruzzjoni (DNA) kompla għaddej bir-rekord tajjeb tiegħu ta' investigazzjonijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli, li bagħtu għall-proċess għadd ta' konvenuti, inkluż Membru tal-Parlament Ewropew, tliet eks-ministri, żewġ eks-segretarji tal-istat u għadd ta' maġistrati.[6] Matul l-istess perjodu, il-Parlament ivvota kontra t-tfittxija f'kompjuter personali f'investigazzjoni li kienet għaddejja ta' allegata korruzzjoni minn eks-ministru. Il-prosekuzzjoni għalhekk se jkollha tagħmel użu mill-evidenza l-oħra kollha disponibbli f'din il-kawża. F'każ ieħor ta' allegata korruzzjoni kontra l-istess persuna, il-Parlament ivvota kontra l-permess ta' investigazzjoni. F'investigazzjoni oħra li tinsab għaddejja dwar allegata korruzzjoni kontra Membru Parlamentari, il-Parlament ma approvax it-talba tal-prosekuzzjoni għal arrest preventiv. Id-dejta fuq deċiżjonijiet tal-qorti dwar korruzzjoni f'livell għoli fl-ewwel tliet kwarti tal-2010 jindikaw żjieda fil-kundanni kif ukoll f'sentenzi ta' ħabs. Dan jista' jindika tendenza lejn sentenzi iktar dissważivi jekk ikunu kkonfermati fuq perjodu itwal ta' żmien. Proposta mill-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja għall-monitoraġġ tal-ġurisprudenza fil-kawżi ta' korruzzjoni f'livell għoli turi impenn tal-Qorti iktar attiv favur l-unifikazzjoni tal-ġurisprudenza f'dan il-qasam. Madankollu, inizjattiva minn għadd ta' mħallfin mill-Qorti tal-Appell ta' Bukarest li ppubblikaw linji gwida ddettaljati dwar is-sentenzjar inkluż għal kawżi ta' korruzzjoni għadha ma ġietx segwita mill-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja. Ir-Rumanija warrbet kaġun importanti għad-dewmien tal-proċessi ta' korruzzjoni f'livell għoli permezz tal-adozzjoni ta' emendi għal-liġi dwar il-Qorti Kostituzzjonali. Dawn l-emendi, li segwew ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, jeliminaw is-sospensjoni ta' proċessi meta jitqajmu eċċezzjonijiet ta' antikostituzzjonalità. Wieħed diġà jista' josserva l-ewwel effetti pożittivi fuq kawżi speċifiċi. Id-dispożizzjonijiet fil-Liġi dwar Riformi Żgħar huma intiżi wkoll li jgħinu, b'mod partikolari permezz tas-simplifikazzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, li tiġi eliminata s-sospensjoni ta' proċessi kriminali meta jitqajmu eċċezzjonijiet ta' illegalità, u li jonqos il-volum tax-xogħol tal-Qorti Suprema. Analiżi komprensiva tad-dewmien speċifiku ta' każi ta' korruzzjoni f'livell għoli, kif irrakkomandat il-Kummissjoni, għad trid issir. Diversi istituzzjonijiet inkluża l-Qorti Suprema, l-Ispezzjoni Ġudizzjarja, id-DNA u l-Ministeru tal-Ġustizzja irriflettew sa limiti differenti fuq il-kwistjoni. Dawn l-inizjattivi jipprovdu bażi utili għal riflessjoni dwar soluzzjonijiet futuri. Ir-Rumanija wieġbet malajr għar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni billi adottat liġi riveduta dwar l- Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità (ANI) .[7]. Il-liġi l-ġdida ġiet adottata waqt seduta speċjali tal-Parlament Rumen imsejjaħ b'talba tal-President. Il-liġi l-ġdida tindirizza l-punti ta' tħassib ewlenin tal-Kummissjoni l-aktar billi tistabbilixxi mill-ġdid il-pobbibbiltà tal-konfiska ta' assi mhux ġustifikati. Il-liġi riveduta tintroduċi wkoll xi dispożizzjonijiet ġodda immirati biex itssaħħaħ l-effettività tal-qafas legali.[8] L-effiċjenza tal-qafas legali ġdid trid tintwera permezz ta' rekord ġdid. F'Diċembru, fil-kuntest tal-limiti baġitarji ġenerali, il-Parlament naqqas b'mod sinifikanti il-baġit tal-ANI għall-2011. Dan it-tnaqqis baġitarju jista' jimpedixxi l-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-assi u tal-interessi. Dan jista' jkun xkiel għat-trasparenza tal-assi u l-effettività tal-ispezzjonijiet tal-ANI li sa ċertu punt jiddependu fuq l-indikazzjonijiet mill-pubbliku. Il-prosekuturi tad-DNA wettqu investigazzjonijiet kriminali tal-pulizija tal-fruntieri u d-dwana, li fi Frar wasslu għal operazzjoni fuq skala kbira kontra l-korruzzjoni fil-fruntieri li rriżultaw f'ħafna arresti. Huwa importanti ħafna li l-postijiet vakanti jimtlew bir-riżorsi umani, meta jkun qed isir is-segiwtu ġudizzjarju adegwat. Iż-żieda fin-numru ta' investigazzjonijiet u akkużi rigward korruzzjoni fiċ-ċokon u ta' livell medju fil-livell lokali kompliet mill-aħħar rapport tal-Kummissjoni.[9] Il-maġġoranza tal-każi jkomplu jirriżultaw mill-koperazzjoni mad-Direttorat Ġenerali għal Kontra l-Korruzzjoni tal-Ministeru għall-Amministrazzjoni u l-Intern (DGA). Huwa rrappurtat li huma wkoll previsti miżuri biex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn il-prosekuzzjoni u s-Servizzi tal-Investigazzjoni tal-Frodi (SIF) tal-Pulizija Rumena. F'dawn l-aħħar sitt xhur, ir-Rumanija varat evalwazzjoni indipendenti tal-istrateġija nazzjonali Rumena kontra l-korruzzjoni b'rispons għal rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni. Analiżi interna tar-riżultati interim tal-istrateġija li tlestiet iktar kmieni ikkonfermat rakkomandazzjoni oħra tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li l-politika ġenerali kontra l-korruzzjoni tissaħħaħ permezz ta' kordinazzjoni f'livell għoli.[10] Ebda passi konkreti għadhom ma ttieħdu f'dan ir-rigward. Diversi miżuri għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni komplew matul dawn l-aħħar sitt xhur.[11] Ir-Rumanija ħejjiet għadd ta' emendi legali għal-leġiżlazzjoni tal- akkwist pubbliku b'rispons għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni f'dan il-qasam. Kif indikat diġà fl-aħħar rapport tal-Kummissjoni, ir-Rumanija introduċiet dispożizzjonijiet ġodda li jiddefinixxu l-kunflitt ta' interess b'mod iktar wiesa' fil-liġi tal-akkwist pubbiku.[12] Dawn id-dispożizzjonijiet ikopru każijiet fejn persuni li għandhom kariga ezekuttiva f'kumpanija li tkun qed tagħmel l-offerta jkollhom rabtiet familjari jew relazzjonijiet kummerċjali ma' persuni li jinsabu f'pożizzjoni li jieħdu deċiżjoni fi ħdan l-awtorità kontraenti. Modifiki ulterjuri, li jissimplifikaw is-sistema ta' rimedju amministrattiv u legali, huma mfassla biex iħaffu l-proċess tal-appalt.[13] Kuntratti bl-appalt issa jistgħu jiġu ffirmati wara li l-korp ta' lmenti amminsitrattivi jkun ċaħad l-ilmenti, anke jekk jinbeda appell legali. L-Awtorità Nazzjonali għar-Regolamentazzjoni u l-Monitoraġġ tal-Appalti Pubbliċi (ANRMAP) tipprevedi l-konklużjoni ta' protokolli għal koperazzjoni amministrattiva sabiex ikun hemm aċċess għal bażijiet tad-dejta li jippermettu li jiġu identifikati sitwazzjonijiet possibbilment ta' kunflitt. L-impatt konkret ta' dawn id-dispożizzjonijiet għad irid jintwera fil-prattika. [1] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati parametri ta' riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 56). [2] In-numru ta' qrati proposti għall-għeluq jirrappreżenta żieda ta' disa' fuq in-numru ta' qrati li kienu magħżula fis-sajf, iżda huwa ħafna inqas minn kemm kien oriġinarjament propost minn esperti esterni fl-2005. Il-proposta se tirrilaxxa 50 pożizzjoni ta' mħallfin (li minnhom 38 bħalissa jinsabu okkupati) u 47 pożizzjoni ta' prosekutur (li minhhom 38 bħalissa jinsabu okkupati) għal allokazzjoni mill-ġdid. [3] Ir-reviżjonijiet jinkludu: rapport dwar l-attività imħejji mill-maniġment tal-Ispezzjoni Ġudizzjarja u li jkopri l-ewwel sitt xhur tal-2010; rapport evalwattiv dwar kull spettur individwali, u rapport ta' awditu dwar il-maniġment tal-Ispezzjoni Ġudizzjarja, li sar mill-unità tal-awditu tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura. [4] Il-konsulenti bdew xogħol b'rapport tal-bidu approvat f'Diċembru 2010. Ir-rapport finali ta' Valutazzjoni tal-Impatt huwa mistenni f'April 2011. [5] Il-liġi ta' implimentazzjoni għall-Kodiċi Ċivili kienet approvata mis-Senat fit-8 ta' Diċembru u bħalissa tinsab quddiem il-Kamra tad-Deputati. Il-liġi li timplimenta l-Kodiċi Kriminali qed tiġi diskussa fis-Senat. [6] Fit-2 ta' Novembru id-DNA akkuża eks-ministru tad-Difiża, eks-Segretarju tal-Istat fil-Ministeru tad-Difiża, u Membru kurrenti tal-Parlament Ewropew. Fil-15 ta' Diċembru d-DNA akkuża eks-Ministru tal-Ġustizzja (bħalissa Membru Parlamentari) u eks-ministru tal-Komunikazzjonijiet, flimkien ma' erba' konvenuti oħra. Tlettax-il maġistrat intbagħtu għal proċess fl-ewwel disa' xhur tal-2010 meta mqabbla ma' tlieta fl-2009. Ħdax mit-tlettax intbagħtu għal proċess minn mejju 'l hawn inklu imħallef tal-Qorti Għolja u l-Prosekutur Ewlieni ta' Uffiċċju tal-Prosekuturi fil-Qorti tal-Appell. [7] Il-liġi ġdida adottata mill-Parlament tal-24 ta' Awwissu u ppromulgata mill-president fil-31 ta' Awwissu, daħlet is-seħħ fis-6 ta' Settembru. [8] Eżempju wieħed hija l-introduzzjoni tal-ħtieġa li dawk li jokkupaw uffiċċju pubbliku jiddikjaraw kuntratti ffinanzjati mill-Istat, fondi lokali u esterni li jibbenefikaw minnhom direttament jew indirettament. L-ANI temmen li dan se jgħin biex jinġiebu fid-deher il-kunflitti ta' interess. [9] Matul l-ewwel disa' xhur tal-2010 l-uffiċċji tal-prosekuturi lokali akkużaw 406 konvenut b'reati ta' korruzzjoni, meta mqabbel ma' 193 matul l-istess perjodu fl-2009, u 115 matul l-stess perjodu fl-2008. [10] Iktar minn hekk ir-reviżjoni identifikat nuqqas ta' approċċ nazzjonali u unitarju fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, nuqqas ta' monitoraġġ u mekkaniżmi ta' rrappurtar u nuqqas ta' indikaturi tal-impatt li jostakola l-evalwazzjoni tal-istrateġija. [11] Il-miżuri jinkludu: ħidma kontinwata biex tiġi implimentata metodoloġija ġdida għall-identifikazzjoni tar-riskji tal-korruzzjoni u l-vulnerabbiltajiet fil-Ministeru tal-Amministrazzjoni u l-Intern; iżjed proposti li jirriżultaw mid-dibattiti kontra l-korruzzjoni organizzati miċ-Ċentru Nazzjonali għall-Integrità; konferenzi biex imexxu 'l quddiem l-aħjar prattiki fl-amministrazzjoni pubblika organizzati mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Ħaddiema taċ-Ċivil; u proposti li qed jitfasslu biex jissaħħu l-mekkaniżmi għall-prevenzjoni u d-detezzjoni ta' korruzzjoni fl-appalti tas-settur tas-saħħa. [12] Dawn id-dispożizzjonijiet ġew miżjuda premezz tal-Ordinanza dwar l-Emerġenza tal-Gvern 76/2010, li kienet approvata bl-Att 278/2010. [13] Dawn id-dispożizzjonijiet huma inklużi wkoll fl-Att 278/2010.